Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2224(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0132/2021

Testi mressqa :

A9-0132/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0117

Testi adottati
PDF 135kWORD 46k
It-Tlieta, 27 ta' April 2021 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Zdzisław Krasnodębski
P9_TA(2021)0117A9-0132/2021

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Zdzisław Krasnodębski (2020/2224(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Zdzisław Krasnodębski, tad-9 ta' Settembru 2020, ippreżentata mill-President tal-Qorti Distrettwali għal Varsavja-Śródmieście f'Varsavja, id-Diviżjoni Kriminali X, b'rabta mal-proċediment kriminali mressaq kontrih permezz ta' kwerela, u mħabbra fil-plenarja fit-22 ta' Ottubru 2020,

–  wara li sema' lil Zdzisław Krasnodębski, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) u (5) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0132/2021),

A.  billi fit-23 ta' Jannar 2020 il-President tad-Diviżjoni Kriminali X tal-Qorti Distrettwali għal Varsavja-Śródmieście, il-Polonja, bagħat talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Zdzisław Krasnodębski ppreżentata lilu minn parti privata abbażi ta' ċerti dikjarazzjonijiet magħmula minn Zdzisław Krasnodębski waqt intervista fuq ir-radju fl-1 ta' Frar 2019; billi fid-19 ta' Frar 2020 it-Taqsima Kriminali X tal-Qorti Distrettwali għal Varsavja-Śródmieście ġiet infurmata li kien hemm dubju dwar kwistjoni tal-kompetenza tal-awtorità skont l-Artikolu 9(1) u (12) tar-Regoli ta' Proċedura, u din kienet qed tinċidi l-ammissibbiltà tat-talba; billi fit-18 ta' Mejju 2020 il-Qorti talbet kjarifiki lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u billi fit-8 ta' Settembru 2020 l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali esprima l-pożizzjoni li "meta titressaq kwerela li ma jkunx qed jipparteċipa fiha prosekutur pubbliku, l-awtorità kompetenti li trid tittrażmetti talba mill-prosekutur privat għat-tneħħija tal-immunità hija l-qorti, skont l-Artikolu 9(1) u (12) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew" u li l-kunċett ta' "awtorità kompetenti" jrid jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 9(12) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew; billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ġiet ikkomunikata mill-awtoritajiet ġudizzjarji skont l-Artikolu 9(12) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u billi skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kwalunkwe talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari trid titressaq minn "awtorità kompetenti ta' Stat Membru", u ż-żewġ kunċetti mhumiex identiċi;

B.  billi l-kwerela kontra Zdzisław Krasnodębski inizjalment tressqet quddiem il-Qorti Distrettwali għal Krakovja-Krowodrza fis-6 ta' Mejju 2019; billi fit-18 ta' Ottubru 2019, dik il-qorti, li aġixxiet ex officio, wara li stabbiliet li r-reġistrazzjoni tal-programm ta' intervista li fih ħa sehem Zdzisław Krasnodębski, kienet saret fi studio tar-radju f'Varsavja u mhux fi Krakovja, iddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma' l-kawża u rrinvjatha lill-Qorti Distrettwali għal Varsavja-Śródmieście f'Varsavja;

C.  billi fl-1 ta' Frar 2019, waqt programm ta' intervista filgħodu fuq stazzjon tar-radju, Zdzisław Krasnodębski sejjaħ lill-prosekutur privat "avukat li ħadd ma jaf bih" u "gangster", u afferma li kien qed "jagħmel akkużi kif ġie ġie";

D.  billi, meta għamel dawk il-kummenti, Zdzisław Krasnodębski allegatament u pubblikament immalafama lill-prosekutur privat, u allegatament minħabba f'hekk dan ġie pprivat mill-fiduċja tant meħtieġa għalih biex jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu u waqqgħu għaċ-ċajt quddiem il-pubbliku, reat li jista' jkun is-suġġett ta' proċedura permezz ta' kwerela fis-sens tal-Artikolu 212(2) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk;

E.  billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jistipula li l-Membri tal-Parlament Ewropew ma għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

F.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, igawdu l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

G.  billi skont l-Artikolu 105(2) u (5) tal-Kostituzzjoni Pollakka, mill-jum li fih jitħabbru r-riżultati tal-elezzjonijiet sal-iskadenza tal-mandat tiegħu, Deputat ma għandux ikun soġġett għal responsabbiltà kriminali mingħajr l-approvazzjoni tas-Sejm (il-kamra inferjuri tal-parlament) u lanqas ma għandu jiġi detenut jew arrestat mingħajr l-approvazzjoni tas-Sejm, għajr għal każijiet meta jkun inqabad in flagrante delicto u fejn id-detenzjoni tiegħu tkun meħtieġa biex jiġi żgurat l-andament xieraq tal-proċedimenti;

H.  billi l-azzjonijiet allegati ma humiex relatati ma' xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ minn Zdzisław Krasnodębski fil-qadi ta' dmirijietu, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

I.  billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-proċedimenti ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

J.  billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala akkużat(2);

K.  billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li jipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti legali fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Zdzisław Krasnodębski;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Polonja u lil Zdzisław Krasnodębski.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Parliament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza