Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2240(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0136/2021

Testi mressqa :

A9-0136/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0118

Testi adottati
PDF 129kWORD 45k
It-Tlieta, 27 ta' April 2021 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' de Ioannis Lagos
P9_TA(2021)0118A9-0136/2021

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' de Ioannis Lagos (2020/2240(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ioannis Lagos, imressqa fit-23 ta' Ottubru 2020 mill-Prosekutur tal-Qorti tal-Kassazzjoni tar-Repubblika Ellenika, b'rabta mal-eżekuzzjoni kontra tiegħu tad-deċiżjoni tal-kundanni Nru 2425, 2473, 2506, 2644/2020 tal-Qorti tal-Appell ta' Ateni (l-Ewwel Awla bi tliet imħallfin li jiddeċiedu fuq materji kriminali), u mħabbra fis-seduta plenarja fil-11 ta' Novembru 2020,

–  wara li sema' lil Ioannis Lagos, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0136/2021),

A.  billi l-prosekutur responsabbli għal dan il-proċediment talab it-tneħħija tal-immunità ta' Ioannis Lagos, Membru tal-Parlament Ewropew, sabiex ikun jista' jinforza kontrih sentenza ta' priġunerija totali ta' tlettax-il (13) sena u tmien (8) xhur u multa totali ta' elf u tliet mitt euro (EUR 1 300) għal reat u żewġ offiżi;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

C.  billi Ioannis Lagos ġie elett fil-Parlament Ewropew fit-2 ta' Lulju 2019 u t-talba għat-tneħħija tal-immunità tikkonċerna fatti u akkużi qabel ma akkwista l-istatus ta' Membru tal-Parlament Ewropew u konsegwentement l-immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

D.  billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, l-ebda Membru Parlamentari ma jista', matul il-mandat tiegħu, jiġi mħarrek, arrestat, inkarċerat jew soġġett għal miżuri oħra li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kamra tad-Deputati;

E.  billi Ioannis Lagos instab ħati (a) tar-reat ta' sħubija u tmexxija ta' organizzazzjoni kriminali (l-Artikolu 187(1) u (3) tal-Kodiċi Kriminali), kommess f'Ateni bejn l-2008 u llum, (b) tal-offiża ta' pussess ta' armi (il-Liġi Nru 2168/1993), wara emenda awtorizzata tax-xilja li kienet dik ta' reat ikklassifikat bħala s-sjieda ta' armi, kommessa f'Perama (Attika) fit-30 ta' Settembru 2013 u (c) tal-offiża ta' ksur tal-Liġi Nru 456/1976 dwar l-ivvampjar u l-murtali, kommessa f'Perama (Attika) fid-29 ta' Settembru 2013;

F.  billi s-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta' Ateni hija infurzabbli immedjatament, peress li l-Qorti ddeċidiet li l-appell kontra dik id-deċiżjoni ma kellux effett sospensiv;

G.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali ħa att tad-dokumenti ppreżentati lill-Membri tiegħu minn Ioannis Lagos fis-sens tal-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura u kkunsidrati minnu bħala rilevanti għall-proċedura;

H.  billi l-infurzabbiltà tal-kundanna ma tikkonċernax opinjonijiet jew voti mitfugħa minn Ioannis Lagos fil-qadi ta' dmirijietu, f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

I.  billi skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkostanza ma għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru tal-Parlament, u lanqas ma għandu jippronunzja ruħu dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-kawża;

J.  billi mhuwiex il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jiddubita l-merti tas-sistemi legali u ġudizzjarji nazzjonali;

K.  billi l-Parlament Ewropew ma għandu l-ebda kompetenza biex jivvaluta jew jiddubita l-kompetenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali responsabbli għall-proċedimenti kriminali inkwistjoni;

L.  billi Ioannis Lagos huwa wieħed minn diversi individwi li jinsabu f'sitwazzjoni simili li fiha l-Qorti tal-Appell ta' Ateni kkundannathom għall-diversi snin ta' priġunerija għar-reati inkwistjoni, iżda l-unika differenza hija li hu attwalment igawdi l-immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

M.  billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, l-immunità parlamentari mhijiex privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

N.  billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet;

O.  billi l-allegati reati ma għandhom ebda effett ċar jew dirett fuq il-qadi, mis-Sur Ioannis Lagos ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

P.  billi r-reati seħħew qabel l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew; billi abbażi ta' dan, ma jistax jingħad li l-proċedimenti ġudizzjarji mibdija fl-2014, tnehdew bl-intenzjoni li jxekklu l-attività politika futura ta' Ioannis Lagos bħala Membru tal-Parlament Ewropew, meta dak iż-żmien l-istatus tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew kien għadu ipotetiku u futur;

Q.  billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma setax jikkonstata l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi tal-fatt li jindikaw li l-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru u għalhekk tal-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Ionannis Lagos;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Ellenika u lil Ioannis Lagos.

(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza