Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ioannis Lagos (2020/2219(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ioannis Lagos, imressqa fit-2 ta' Ottubru 2020 mill-Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja, b'rabta ma' akkużi kriminali possibbli mill-prosekutur tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Ateni (proċess tal-kawża: ABM PB2020/65), u mħabbra fil-plenarja fid-19 ta' Ottubru 2020,
– wara li sema' lil Ioannis Lagos, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0135/2021),
A. billi l-Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ioannis Lagos abbażi ta' ċerti atti mwettqa minn Ioannis Lagos waqt diskors lill-Parlament Ewropew fid-29 ta' Jannar 2020;
B. billi Ioannis Lagos ġie akkużat bl-allegata profanazzjoni tas-simbolu nazzjonali tat-Turkija mwettqa matul id-dibattitu plenarju tad-29 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-fruntiera Griega-Torka u r-rispons komuni tal-UE għaliha;
C. billi l-att ta' profanazzjoni ta' simbolu nazzjonali jikkostitwixxi reat skont (1) l-Artikolu 1(1) tal-Liġi 927/1979, kif implimentat mil-Liġi 4285/2014, u (2) l-Artikolu 155, flimkien mal-Artikoli 1, 12, 14, 26, 27, 51, 53, 57 u 79 tal-Kodiċi Kriminali tal-Greċja;
D. billi l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.
E. billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala "akkużat"(2);
F. billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jistipula li l-"Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom";
G. billi Ioannis Lagos wettaq l-azzjonijiet tiegħu matul sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, fi ħdan is-sit fejn kienet qed titmexxa s-seduta plenarja nnifisha, fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
H. billi l-azzjonijiet ta' Ioannis Lagos saru għalhekk fil-kuntest tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew u tax-xogħol tiegħu fil-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Ioannis Lagos;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Ellenika u lil Ioannis Lagos.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.