Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2021 dwar l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (08550/2019 – C9-0167/2020 – 2018/0225(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (08550/2019),
– wara li kkunsidra t-talba ulterjuri għall-konsultazzjoni mressqa mill-Kunsill fl-ittra tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 wara l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2020)0459) li ssupplimentat it-talba inizjali għal konsultazzjoni,
– wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-abbozz tal-Kunsill (06199/2021) li tirrifletti l-eżitu finali tan-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 182(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0167/2020),
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fid-9 ta' April 2019 skont il-punt 25 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(1),
— wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0436),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi ġuridika proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 82 u 40 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0118/2021),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill kif jidher hawn taħt;
2. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-27 ta’ April 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/... li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE
P9_TC1-CNS(2018)0225
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament tikkorrispondi għall-att leġiżlattiv finali, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764.)