Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2272(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0123/2021

Testi mressqa :

A9-0123/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2021 - 2
PV 27/04/2021 - 14

Testi adottati :

P9_TA(2021)0130

Testi adottati
PDF 197kWORD 54k
It-Tlieta, 27 ta' April 2021 - Brussell
Ftehim interistituzzjonali dwar reġistru obbligatorju ta' trasparenza
P9_TA(2021)0130A9-0123/2021
Deċiżjoni
 Anness
 Anness

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2021 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru obbligatorju ta' trasparenza (2020/2272(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tad-9 ta' Diċembru 2020, li tapprova l-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi reġistru obbligatorju ta' trasparenza,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru obbligatorju ta' trasparenza (minn issa 'l quddiem "il-Ftehim"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' dikjarazzjoni politika tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar reġistru obbligatorju ta' trasparenza ("id-dikjarazzjoni politika"),

–  wara li kkunsidra l-ftehim interistituzzjonali tas-16 ta' April 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reġistru ta’ trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE ("il-Ftehim tal-2014")(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2016 għal Ftehim Interistituzzjonali dwar Reġistru obbligatorju ta’ Trasparenza (COM(2016)0627);

–  wara li kkunsidra l-mandat ta' negozjar tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2016 għal Ftehim Interistituzzjonali dwar Reġistru obbligatorju ta’ Trasparenza, adottat mill-Konferenza tal-Presidenti fil-15 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra l-pakkett il-ġdid ta' għodod tat-trasparenza għall-Membri, approvat mill-Konferenza tal-Presidenti fis-27 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019 dwar emendi għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament li jaffettwaw lill-Kapitoli 1 u 4 tat-Titolu I; il-Kapitolu 3 tat-Titolu V; il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu VII; il-Kapitolu 1 tat-Titolu VIII; it-Titolu XII; it-Titolu XIV u l-Anness II(3), b'mod partikolari l-Artikoli 11 u 35,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 148(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0123/2021),

A.  billi l-Artikolu 11(2) tat-TUE jiddikkjara li: "L-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili";

B.  billi l-emerġenza sanitarja minħabba l-pandemija tal-COVID-19 wasslet biex jitfaċċaw forom ġodda ta' interazzjoni bejn ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;

C.  billi l-Unjoni se tiżborża, f'diversi forom, volumi mingħajr preċedent ta' appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu l-konsegwenzi tal-pandemija, u kull deċiżjoni relatata ma' dan trid tittieħed bi trasparenza sħiħa, u b'hekk tiġi żgurata r-responsabbiltà sħiħa min-naħa ta' dawk tal-Unjoni li jieħdu d-deċiżjonijiet;

D.  billi ċ-ċittadini għandu jkollhom l-akbar fiduċja possibbli fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni: billi dik il-fiduċja, sabiex teżisti, jeħtieġ li tkun mirfuda bil-perċezzjoni li r-rappreżentanza ta' gruppi ta' interess hija marbuta bi standards etiċi għoljin u li r-rappreżentanti eletti tagħhom fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissarji u l-uffiċjali tal-Unjoni huma indipendenti, trasparenti u responsabbli; billi korp indipendenti komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jista' fil-futur jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' qafas etiku komuni għall-uffiċjali tal-Unjoni li jirregola l-interazzjoni tagħhom mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess; billi l-aderenza tal-applikanti u tar-reġistranti mal-valuri tal-Unjoni u mal-istandards etiċi ġenerali għandha, fejn xieraq, titqies fil-kuntest tal-funzjonament tar-reġistru ta' trasparenza;

E.  billi l-miżuri istituzzjonali individwali li jimplimentaw il-Ftehim jittieħdu mill-Parlament f'diversi livelli u jvarjaw mill-adozzjoni ta' regoli ta' implimentazzjoni adottati mill-Bureau sal-emenda tar-Regoli ta' Proċedura;

F.  billi fil-Ftehim kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet firmatarji taqbel li tadotta deċiżjonijiet individwali li jagħtu s-setgħa lill-bord tat-tmexxija tar-reġistru ("il-Bord tat-Tmexxija") u lis-segretarjat tar-reġistru ("is-Segretarjat") li jieħdu deċiżjonijiet f'isimha skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim;

Għan u kamp ta' applikazzjoni

1.  Jilqa' l-Ftehim bħala pass ieħor 'il quddiem li jsaħħaħ l-istandards tar-rappreżentanza etika ta' gruppi ta' interess; ifakkar madankollu li skont l-Artikolu 295 tat-TFUE, l-istituzzjonijiet jistgħu jagħmlu biss arranġamenti għall-kooperazzjoni ta' bejniethom, u għalhekk iridu jiddependu mis-setgħat tagħhom ta' awtoorganizzazzjoni sabiex joħolqu obbligi de facto li jirrikjedu li l-partijiet terzi jissottoskrivu għar-reġistru; itenni l-preferenza li ilu jħaddan li jiġi stabbilit reġistru ta' trasparenza permezz ta' att leġiżlattiv, peress li dan huwa l-uniku mod kif il-partijiet terzi jintrabtu legalment;

2.  Jinsisti li, f'konformità mad-dikjarazzjoni politika, l-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jadottaw approċċ ikkoordinat dwar it-tisħiħ tal-kultura komuni ta' trasparenza bil-ħsieb li tittejjeb u tkompli tissaħħaħ ir-rappreżentanza etika ta' gruppi ta' interess; jenfasizza l-obbligu tagħhom skont il-Ftehim, kif ukoll skont l-Artikolu 13(2) tat-TUE, li jipprattikaw kooperazzjoni sinċiera reċiproka meta jkunu qed jiżviluppaw il-qafas konġunt u li l-istituzzjonijiet għandhom għalhekk jimmiraw għall-ogħla livell ta' impenn; jirrimarka li l-miżuri msemmija fil-Ftehim jirrappreżentaw minimu u jistgħu jiġu estiżi aktar, soġġett għal appoġġ politiku u b'kunsiderazzjoni għal-limitazzjonijiet kostituzzjonali u legali eżistenti ta' ftehim interistituzzjonali;

3.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jitkompla d-djalogu interistituzzjonali bil-ħsieb li jiġi stabbilit ir-reġistru ta' trasparenza abbażi ta' att legalment vinkolanti tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni;

4.  Jipproponi li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tiddiskuti l-possibbiltà li tiġi stabbilita bażi legali awtonoma li tippermetti lill-koleġiżlaturi jadottaw atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja bil-għan li jiġu imposti regoli etiċi vinkolanti fuq ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess fl-interazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

5.  Jilqa' l-fatt li l-istatus tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea nbidel minn dak ta' osservatur għal dak ta' parti formali fil-Ftehim; iqis madankollu li l-parteċipazzjoni tiegħu hija limitata għal-laqgħat mal-aktar uffiċjali anzjani, u, taħt skemi volontarji biss, għal-laqgħat tar-Rappreżentanti Permanenti u tal-Viċi Rappreżentanti Permanenti matul il-presidenza tagħhom u sitt xhur qabel; jinsisti li għall-kredibbiltà tal-qafas konġunt ir-Rappreżentanzi Permanenti kollha għandhom jieħdu sehem attiv fih permezz tal-iskemi volontarji tagħhom, u jkomplu japplikaw tali skemi wara li l-presidenza tagħhom tkun intemmet u jestenduhom, sa fejn dan ikun possibbli, lil uffiċjali oħra;

6.  Jirrimarka li fil-proċess tan-negozjati l-Kummissjoni ma assumiet l-ebda impenn addizzjonali sostantiv għall-qafas konġunt; jiddispjaċih b'mod partikolari li, fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni personali, dan ikopri biss lill-persunal l-aktar anzjan tal-istituzzjonijiet; jinsisti li kwalunkwe reviżjoni tal-arranġamenti ta' kundizzjonalità fir-rigward tat-tliet istituzzjonijiet għandha tinkludi l-laqgħat ma' persunal ieħor tal-istituzzjonijiet, fil-livell ta' Kapijiet ta' Unità u ogħla;

7.  Jilqa' l-impenji li ta l-Parlament fil-proċess tan-negozjati dwar il-miżuri ta' kundizzjonalità u ta' trasparenza komplementari; iqis li l-modifika tal-Artikoli 11 u 35 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu ipprovdiet impenn qawwi f'dan ir-rigward; jilqa' l-fatt li l-Ftehim jippreserva d-dritt kostituzzjonali tal-Membri li jeżerċitaw il-mandat tagħhom liberament;

8.  Jilqa' l-possibbiltà ta' involviment mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fuq bażi volontarja; jemmen li tali involviment għandu jiġi inkoraġġit mill-istituzzjonijiet firmatarji, f'konformità mal-obbligu tagħhom li jippromwovu l-użu tar-reġistru u li jagħmlu użu mir-reġistru bl-aktar mod sħiħ possibbli; jinsisti li tali parteċipazzjoni se tirrikjedi lill-istituzzjonijiet firmatarji jipprovdu lir-reġistru aktar riżorsi;

Attivitajiet koperti

9.  Jenfasizza li l-Ftehim jistrieħ fuq approċċ ibbażat fuq l-attività li jinkludi attivitajiet indiretti ta' lobbying; jinsisti fuq l-importanza li dawn l-attivitajiet jiġu koperti, b'mod partikolari fil-kuntest tal-fatt li, fl-isfond tal-pandemija, qed jitfaċċaw forom ġodda ta' interazzjonijiet tar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE;

10.  Jilqa' l-kjarifiki dwar l-attivitajiet koperti u mhux koperti, inklużi l-esklużjoni tal-laqgħat spontanji u l-kopertura tal-intermedjarji ta' pajjiżi terzi li ma jgawdux mill-istatus diplomatiku;

11.  Iqis li huwa importanti li l-laqgħat mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess jiġu definiti u li għandhom jiġu ppubblikati bħala laqgħat skedati minn qabel; jilqa' l-prattika tal-Kummissjoni li tippubblika wkoll dawk il-laqgħat li jsiru f'format differenti minn dak tal-laqgħat wiċċ imbwiċċ, bħal permezz ta' vidjokonferenza; jinsisti li telefonata skedata għandha titqies bħala laqgħa wkoll;

Kundizzjonalità, rapport annwali u rieżami

12.  Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' kundizzjonalità u miżuri ta' trasparenza komplementari oħra permezz ta' deċiżjonijiet individwali hija mod kif jiġu rispettati s-setgħat organizzattivi interni rispettivi tat-tliet istituzzjonijiet firmatarji; jilqa' f'dak ir-rigward il-fatt li r-rapport annwali ġie estiż biex ikopri l-implimentazzjoni ta' tali miżuri adottati mill-istituzzjonijiet firmatarji;

13.  Jipproponi li r-rapport annwali jkun jinkludi informazzjoni dwar ir-reġistranti li jkunu ġew investigati u finalment imneħħija mir-reġistru minħabba nuqqas ta' konformità mal-kodiċi ta' kondotta;

14.  Jilqa' r-rieżami f'waqtu u regolari tal-miżuri ta' implimentazzjoni meħuda skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim, bil-ħsieb li jsiru rakkomandazzjonijiet għat-titjib u t-tisħiħ ta' dawk il-miżuri;

15.  Jistieden lill-istituzzjonijiet firmatarji jwettqu analiżi tal-effetti li r-regoli ġodda ta' trasparenza għandhom fuq il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi l-miżuri ta' kundizzjonalità u ta' trasparenza komplementari adottati mill-istituzzjonijiet fi ħdan il-qafas konġunt, u l-impatt li dawn ir-regoli għandhom fuq il-perċezzjoni taċ-ċittadini lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni qabel ir-reviżjoni li jmiss tar-reġistru;

16.  Jenfasizza li l-pubblikazzjoni ċara u f'waqtha tal-miżuri ta' kundizzjonalità u ta' trasparenza komplementari hija essenzjali sabiex tiġi żgurata dik it-trasparenza għar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u ċ-ċittadini, li tirfed il-fiduċja tagħhom fil-funzjonament tajjeb tal-qafas konġunt;

Rwol tal-Parlament Ewropew

17.  Jilqa' l-impenji magħmula mill-Parlament matul in-negozjati, b'mod partikolari dwar il-proposta "L-għeluq tal-lakuni – il-proposti tal-Parlament dwar il-kundizzjonalità" u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati u ppubblikati bis-sħiħ f'konformità mal-Artikolu 5(3) tal-Ftehim mingħajr dewmien żejjed;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li, fi ħdan il-Parlament, ikun hemm grad għoli ta' sjieda politika tal-proċess ta' implimentazzjoni u rieżami; jissuġġerixxi li l-proċess ta' rieżami previst fl-Artikolu 14 tal-Ftehim jiġi infurmat minn kooperazzjoni mill-qrib mal-Viċi President tal-Parlament responsabbli għar-reġistru ta' trasparenza, u msawwar minn tali kooperazzjoni;

19.  Jitlob speċifikament li l-miżuri li ġejjin jiġu implimentati malajr mill-Bureau u minn korpi rilevanti oħra:

   (a) l-istabbiliment ta' rabta diretta bejn il-pubblikazzjoni tal-laqgħat skont l-Artikolu 11(3) u r-reġistru ta' trasparenza u l-introduzzjoni ta' titjib sostantiv sabiex din l-għodda ta' pubblikazzjoni ssir kompletament faċli għall-utent u għat-tiftix;
   (b) l-istabbiliment ta' rabta diretta bejn l-impronta leġiżlattiva prevista fl-Artikolu 4(6) tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta' interess, li jinsab fl-Anness I tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u r-reġistru ta' trasparenza;
   (c) l-introduzzjoni ta' regola għall-uffiċjali tal-Parlament mil-livell ta' Kap ta' Unità sas-Segretarju Ġenerali, biex jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess irreġistrati;
   (d) il-ħruġ ta' rakkomandazzjoni għall-persunal tal-Parlament biex jiltaqa' ma' individwi jew organizzazzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistru ta' trasparenza fil-każ biss li dawk ikunu rreġistrati u biex b'mod sistematiku jivverifika dak il-fatt qabel il-laqgħat tagħhom;
   (e) l-iżvilupp ta' approċċ komprensiv sabiex il-parteċipazzjoni bħala kelliem fl-avvenimenti kollha organizzati mill-kumitati jew mill-intergruppi, bħal sessjonijiet ta' ħidma u seminars kif ukoll laqgħat tad-delegazzjonijiet, tkun kundizzjonali fuq ir-reġistrazzjoni għal kull min jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistru ta' trasparenza;
   (f) l-iżvilupp ta' approċċ komprensiv u koerenti fir-rigward tal-ospitar konġunt ta' avvenimenti fil-bini tal-Parlament u li jsir, fejn xieraq, kundizzjonali fuq ir-reġistrazzjoni għal kull min jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistru ta' trasparenza;

20.  Jistieden b'mod speċifiku lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati

   (a) tadotta linji gwida sabiex tappoġġja lir-rapporteurs, lix-shadow rapporteurs u lill-Presidenti tal-kumitati biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 11(3);
   (b) tadotta linji gwida għas-segretarjati tal-kumitati biex jappoġġjaw lill-Membri billi jfakkarhom sistematikament dwar il-possibbiltà li jippubblikaw, f'konformità mal-Artikolu 4(6) tal-Kodiċi ta' Mġiba għall-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta' interess, li tinsab fl-Anness I tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-lista tar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess li jkunu ġew ikkonsultati dwar kwistjonijiet relatatimas-suġġett tar-rapport;

21.  Jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali biex, fil-proċess tar-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, jikkunsidra aktar miżuri ta' trasparenza li għandhom jiġu introdotti sabiex l-impenn tal-Parlament għall-qafas konġunt jissaħħaħ; jissottolinja l-importanza li r-rekwiżiti formali japplikaw għal kwalunkwe reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura;

Eliġibbiltà, kodiċi ta' kondotta, informazzjoni li trid tingħata mir-reġistranti

22.  Jinnota li l-osservanza tal-kodiċi ta' kondotta, spjegata fl-Anness I tal-Ftehim, hija parti mill-kriterji ta' eliġibbiltà u li r-reġistranti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità u r-regoli applikabbli għall-ex Membri u għall-ex membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet li japplikaw għal dawk il-Membri u l-membri tal-persunal wara li jitilqu mill-kariga;

23.  Jilqa' l-kjarifika li r-reġistranti ma jinħelsux mill-obbligu li jiżguraw l-osservanza tal-istess standards etiċi meta jesternalizzaw parti mill-attivitajiet tagħhom lil oħrajn;

24.  Jilqa' l-fatt li r-reġistranti huma obbligati jippubblikaw informazzjoni finanzjarja kemm tal-klijenti kif ukoll tal-intermedjarji u li l-informazzjoni finanzjarja hija meħtieġa wkoll mingħand ir-reġistranti li ma jirrappreżentawx gruppi ta' interess kummerċjali; jilqa' l-fatt li r-reġistranti huma obbligati mhux biss li jippubblikaw informazzjoni finanzjarja darba fis-sena iżda wkoll li jżommu dik l-informazzjoni aġġornata, b'mod partikolari fejn isseħħ bidla sinifikanti fid-dettalji soġġetti għal deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni;

25.  Jenfasizza li r-reġistranti issa huma obbligati jipprovdu informazzjoni dwar proposti leġiżlattivi, il-politiki jew l-inizjattivi li għalihom qed jimmiraw; iqis li dan se jikkontribwixxi biex tiżdied it-trasparenza tal-gruppi ta' interess li huma jirrappreżentaw;

Segretarjat u Bord tat-Tmexxija

26.  Jilqa' l-impenn li jiżdiedu r-riżorsi għall-manutenzjoni, l-iżvilupp u l-promozzjoni tar-reġistru, kif ukoll il-kontribut formali tal-Kunsill lis-Segretarjat; jemmen li tali impenji għall-qafas konġunt għandhom isaħħu l-kapaċità tas-Segretarjat li jipprovdi gwida f'waqtha lir-reġistranti u jappoġġjahom fir-reġistrazzjoni u l-aġġornament tad-data mitluba; jirrimarka, b'mod partikolari, li r-riżorsi umani huma limitati ħafna fi proporzjon mal-għadd ta' reġistranti meta mqabbla ma' skemi nazzjonali simili u li dik il-limitazzjoni xxekkel l-effiċjenza tat-tħaddim tar-reġistru; jistieden lill-istituzzjonijiet jiżguraw id-disponibbiltà tar-riżorsi u l-persunal meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-funzjonament xieraq tas-Segretarjat u tal-Bord tat-Tmexxija;

27.  Iqis li l-ugwaljanza ta' trattament bejn it-tliet istituzzjonijiet fit-tħaddim tas-Segretarjat u tal-Bord tat-Tmexxija għandha tiżgura l-kunsens, tiżviluppa s-sjieda konġunta tal-qafas u trawwem kultura komuni ta' trasparenza;

28.  Jilqa' l-ħolqien tal-Bord tat-Tmexxija u l-kompitu tiegħu li jissorvelja l-implimentazzjoni amministrattiva ġenerali tal-Ftehim u li jaġixxi bħala korp ta' rieżami għall-miżuri meħuda mis-Segretarjat; jilqa' l-fatt li l-Ftehim jinkludi proċedura amministrattiva robusta li tiżgura d-drittijiet proċedurali tar-reġistranti;

Dispożizzjonijiet proċedurali

29.  Japprova l-konklużjoni tal-Ftehim li jinsab fl-Anness A ta' din id-Deċiżjoni;

30.  Japprova d-dikjarazzjoni politika tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea li tinsab fl-Anness B ta' din id-Deċiżjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Ftehim;

31.  Jiddeċiedi li, f'konformità mal-Artikolu 9 u l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim, minn meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim, il-Bord tat-Tmexxija u s-Segretarjat għandu jkollhom is-setgħa li jadottaw f'isem il-Parlament Ewropew deċiżjonijiet individwali dwar l-applikanti u r-reġistranti, skont il-Ftehim Interistituzzjonali tas-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju(4);

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-Ftehim flimkien mal-President tal-Kunsill u mal-President tal-Kummissjoni u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni, inklużi l-Annessi tagħha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri għall-informazzjoni.

(1) ĠU L 277, 19.9.2014, p. 11.
(2) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 120.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0046.
(4) ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1.


ANNESS A

FTEHIM INTERISTITUZZJONALI BEJN IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR REĠISTRU OBBLIGATORJU TA' TRASPARENZA

(It-test ta’ dan l-anness mhuwiex riprodott hawnhekk peress li jikkorrispondi għall-ftehim interistituzzjonali kif ippubblikat fil-ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1.)


ANNESS B

DIKJARAZZJONI POLITIKA TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U TAL-KUMMISSJONI EWROPEA FL-OKKAŻJONI TAL-ADOZZJONI TAL-FTEHIM INTERISTITUZZJONALI DWAR REĠISTRU OBBLIGATORJU TA' TRASPARENZA

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jirrikonoxxu l-importanza tal-prinċipju tal-kundizzjonalità bħala ġebla tax-xewka tal-approċċ ikkoordinat li ħadu t-tliet istituzzjonijiet bil-għan li jsaħħu kultura ta' trasparenza komuni filwaqt li jistabbilixxu standards għoljin ta' rappreżentanza tal-interessi transparenti u etika fil-livell tal-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jirrikonoxxu li l-kundizzjonalità u l-miżuri ta' trasparenza kumplimentari fis-seħħ fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin huma konsistenti mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Reġistru Obbligatorju ta' Trasparenza, isaħħu l-objettiv tal-approċċ ikkoordinat tagħhom u jikkostitwixxu bażi soda biex fuqha ikompli jinbena u biex jittejjeb dak l-approċċ u tkompli tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-interessi etika fil-livell tal-Unjoni:

—  laqgħat ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess reġistrati, fejn ikun applikabbli(1);

—  pubblikazzjoni tal-laqgħat mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess, fejn ikun applikabbli(2);

—  laqgħat tal-persunal, b'mod partikolari f'livell għoli, ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess reġistrati(3);

—  diskors waqt seduti ta' smigħ pubbliċi fil-Parlament Ewropew(4);

—  is-sħubija fi gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u l-parteċipazzjoni f'ċerti avvenimenti, fora jew sessjonijiet ta' informazzjoni(5);

—  aċċess għall-bini tal-istituzzjonijiet(6);

—  patroċinju għal avvenimenti għal rappreżentanti ta' gruppi ta' interess reġistrati, fejn ikun rilevanti;

—  id-dikjarazzjoni politika tal-Istati Membri li japplikaw volontarjament, f'konformità mal-liġi u l-kompetenzi nazzjonali, il-prinċipju ta' kundizzjonalità għal-laqgħat tar-Rappreżentant Permanenti tagħhom u tad-Deputat Rappreżentant Permanenti tagħhom ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess matul il-Presidenza tagħhom tal-Kunsill u fis-sitt xhur preċedenti, u kwalunkwe miżura volontarja ulterjuri ta' Stati Membri individwali f'konformità mal-liġi u l-kompetenzi nazzjonali lil hinn minn dan, li t-tnejn huma nnotati b'mod ugwali.

(1) L-Artikolu 11(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew; l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 0700 tal-31 ta' Jannar 2018 dwar Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea (C(2018)0700) (ĠU C 65, 21.2.2018, p. 7); il-punt V tal-Metodi ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea.
(2) L-Artikolu 11(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/838/UE, Euratom tal-25 ta’ Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li jsiru bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU L 343, 28.11.2014, p. 19); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/839/UE, Euratom tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li jsiru bejn Membri tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom (ĠU L 343, 28.11.2014, p. 22).
(3) L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regolamentazzjoni tal-kuntatti bejn is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u rappreżentanti ta' gruppi ta' interess; il-punt V tal-Metodi ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea.
(4) L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli dwar is-seduti ta' smigħ pubbliċi.
(5) L-Artikolu 35 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew; l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni; (C(2016)3301); l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regolamentazzjoni tal-kuntatti bejn is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u rappreżentanti ta' gruppi ta' interess,
(6) L-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew moqri flimkien mad-Deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tat-13 ta' Diċembru 2013 dwar ir-regoli li jirregolaw it-titoli u l-awtorizzazzonijiet li jagħtu aċċess għall-binjiet tal-Parlament; l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regolamentazzjoni tal-kuntatti bejn is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u rappreżentanti ta' gruppi ta' interess.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Awwissu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza