Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 182kWORD 54k
Il-Ħamis, 29 ta' April 2021 - Brussell
Ċertifikat Aħdar Diġitali - ċittadini ta' pajjiżi terzi
P9_TA(2021)0146
Test
 Test konsolidat

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fid-29 ta’ April 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali) (COM(2021)0140 – C9-0100/2021 – 2021/0071(COD))(1)
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(2)
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: L-ewwel qari)

[Emenda 1, sakemm mhux indikat mod ieħor]

(1) Il-kwistjoni ġiet riferuta lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli, skont l-Artikolu 59(4), ir-raba' subparagrafu.
(2)* Emendi: il-partijiet il-ġodda tat-test huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa; il-partijiet imħassra tat-test huma indikati permezz tas-simbolu ▌.


REGOLAMENT (UE) 2021/... TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat COVID-19 tal-UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Skont l-acquis ta' Schengen, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li daħlu legalment fit-territorju ta' Stat Membru jistgħu jiċċaqalqu liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn kollha matul perjodu ta' 90 jum tul kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

(2)  Fit-30 ta' Jannar 2020, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ("WHO") iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika ta' rilevanza internazzjonali minħabba t-tifqigħa globali tal-coronavirus tas-sindromu respiratorju akut gravi 2 (SARS-CoV-2), li jikkawża l-marda tal-coronavirus 2019 (COVID‑19). Fil-11 ta' Marzu 2020, id-WHO għamlet il-valutazzjoni li l-COVID-19 tista' tiġi kkaratterizzata bħala pandemija.

(3)  Biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri, li wħud minnhom kellhom impatt fuq l-ivvjaġġar lejn it-territorju tal-Istati Membri u l-ivvjaġġar fih, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti li vjaġġaturi transfruntiera jagħmlu l-kwarantina. Tali restrizzjonijiet għandhom effetti negattivi fuq iċ-ċittadini u l-impriżi, speċjalment il-ħaddiema fruntaliera u transfruntiera jew staġjonali.

(4)  Fit-13 ta' Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19(1).

(5)  Fit-30 ta' Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1632(2) dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fiż-żona Schengen, li fiha rrakkomanda lill-Istati Membri li huma marbutin bl-acquis ta' Schengen biex japplikaw il-prinċipji, il-kriterji komuni, is-solli komuni u l-qafas komuni ta' miżuri, stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475.

(6)  Ħafna Stati Membri nedew jew qed jippjanaw li jniedu inizjattivi għall-ħruġ ta' ċertifikati tal-vaċċinazzjoni. Madankollu, biex dawn jintużaw b'mod effettiv b'konnessjoni mal-ivvjaġġar transfruntier fl-Unjoni, dawn iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni jeħtieġ li jkunu kompletament interoperabbli, kompatibbli, siguri u verifikabbli. Fost l-Istati Membri hemm bżonn approċċ bi qbil komuni fuqu dwar il-kontenut, il-format, il-prinċipji, l-istandards tekniċi u l-livell ta' protezzjoni ta' tali ċertifikati.

(7)  Bħalissa diġà, diversi Stati Membri qed jeżentaw persuni mlaqqma minn ċerti restrizzjonijiet għal moviment liberu fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaċċettaw prova tal-vaċċinazzjoni għad-deroga mir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu fis-seħħ, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, għal-limitazzjoni tat-tixrid tal-COVID-19, pereżempju rekwiżiti ta' kwarantina/awtoiżolament jew ta' ttestjar għal infezzjoni bis-SARS-CoV-2 u jenħtieġ li dawn ikollhom jaċċettaw, bl-istess kundizzjonijiet, ċertifikati validi tal-vaċċinazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li din l-aċċettazzjoni ssir bl-istess kundizzjonijiet, jiġifieri, pereżempju, jekk Stat Membru jqis li doża singola ta' vaċċin amministrat tkun biżżejjed, jenħtieġ li jittratta bl-istess mod lid-detenturi ta' ċertifikat tal-vaċċinazzjoni li jindika doża singola tal-istess vaċċin. Minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika, jenħtieġ li dan l-obbligu jkun limitat għal persuni li jkunu rċevew vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 jew vaċċini elenkati mid-WHO għall-użu f'emerġenza. ▌Ir-Regolament (UE) Nru 2021/xxxx ta' xx xx 2021 jistabbilixxi qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta' ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, dwar l-ittestjar għall-marda u dwar l-irkupru minnha biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan japplika għal ċittadini tal-Unjoni u ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni.

(8)  F'konformità mal-Artikoli 19, 20 u 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jivvjaġġaw liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn.

(9)  Mingħajr preġudizzju għall-miżuri komuni dwar il-qsim tal-fruntieri interni minn persuni kif stabbilit fl-acquis ta' Schengen, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/399, u għall-fini li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar fit-territorji tal-Istati Membri minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom id-dritt għal ivvjaġġar ta' dan it-tip, jenħtieġ li l-qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta' ċertifikati interoperabbli il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, dwar l-ittestjar għall-marda u dwar l-irkupru minnha stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 2021/xxxx japplika wkoll għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dak ir-Regolament, sakemm ikunu qed joqogħdu legalment jew jirrisjedu legalment fit-territorju ta' Stat Membru u jkunu intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(10)  Biex iċ-ċertifikati jintużaw b'mod effettiv b'konnessjoni mal-ivvjaġġar transfruntier, dawn iċ-ċertifikati jridu jkunu kompletament interoperabbli. Iċ-ċentri tat-trasport kollha tal-Unjoni, bħall-ajruporti, il-portijiet u l-istazzjonijiet tal-ferroviji u tal-kowċis, fejn iċ-ċertifikat jiġi vverifikat, jenħtieġ li japplikaw kriterji u proċeduri standardizzati u komuni għall-verifika taċ-Ċertifikat COVID-19 tal-UE abbażi ta' gwida żviluppata mill-Kummissjoni.

(11)  Dan ir-Regolament huwa maħsub biex jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' proporzjonalità u nondiskriminazzjoni fir-rigward tar-restrizzjonijiet possibbli għall-moviment liberu u għal drittijiet fundamentali oħra bħala riżultat tal-pandemija, filwaqt li jimmira lejn l-ogħla livell ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika u jenħtieġ li ma jinftehimx bħala li jiffaċilita jew jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' restrizzjonijiet għall-moviment liberu, jew għal drittijiet fundamentali oħra, b'reazzjoni għall-pandemija. Barra minn hekk, kwalunkwe ħtieġa ta' verifika taċ-ċertifikati stabbilita mir-Regolament (UE) 2021/xxx ma tistax għaldaqstant tiġġustifika r-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-kontrolli fil-fruntieri interni jibqgħu miżura tal-aħħar istanza, soġġetti għal regoli speċifiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)(3).

(12)  F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, id-Danimarka għandha tiddeċiedi hux se timplimenta r-Regolament fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwaru.

(13)  Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE(4); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Għalkemm l-Irlanda mhijiex soġġetta għal dan ir-Regolament, għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-ivvjaġġar fl-Unjoni, l-Irlanda tista' toħroġ ukoll ċertifikati, li jikkonformaw mal-istess rekwiżiti bħal dawk applikabbli għaċ-Ċertifikat COVID-19 tal-UE, liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħha u l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw dawn iċ-ċertifikati. L-Irlanda tista' taċċetta wkoll ċertifikati maħruġa mill-Istati Membri lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tagħhom.

(14)  Fir-rigward tal-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(15)  Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE(5).

(16)  Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE(6).

(17)  Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE(7).

(18)  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f'konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) u taw opinjoni fi […],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/XXXX [ir-Regolament dwar Ċertifikat COVID-19 tal-UE] għal dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament iżda li jirrisjedu jew joqogħdu legalment fit-territorju tagħhom u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn f'konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u jibda japplika mill-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew F'isem il-Kunsill

Il-President Il-President

(1)ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
(2)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1632 tat-30 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fiż-żona Schengen (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 25).
(3)Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(4)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(6)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(7)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(8)Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza