Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2010(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0103/2021

Testi mressqa :

A9-0103/2021

Dibattiti :

PV 28/04/2021 - 5
PV 28/04/2021 - 7
CRE 28/04/2021 - 5
CRE 28/04/2021 - 7

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2021 - 13
CRE 28/04/2021 - 13
PV 29/04/2021 - 4
CRE 29/04/2021 - 4

Testi adottati :

P9_TA(2021)0147

Testi adottati
PDF 189kWORD 63k
Il-Ħamis, 29 ta' April 2021 - Brussell
It-tassazzjoni diġitali: in-negozjati tal-OECD, ir-residenza tat-taxxa tal-kumpaniji diġitali u l-eventwalità ta' Taxxa Diġitali Ewropea
P9_TA(2021)0147A9-0103/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar it-tassazzjoni diġitali: in-negozjati tal-OECD, ir-residenza tat-taxxa tal-kumpaniji diġitali u l-eventwalità ta' Taxxa Diġitali Ewropea (2021/2010(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u tat-2 ta' Ottubru 2020(1) u tal-21 ta' Lulju 2020(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tas-27 ta' Novembru 2020(3),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni li għadhom pendenti għall-adozzjoni, b'mod partikolari dwar il-Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva (BKTK), il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)(4), u l-pakkett tat-tassazzjoni diġitali(5), kif ukoll il-pożizzjonijiet tal-Parlament dwar dawn il-proposti,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2019 bit-titolu "Lejn teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE" (COM(2019)0008),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa" (COM(2020)0067),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta' rkupru (COM(2020)0312),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(6), proposta mill-Kumitat Speċjali tiegħu dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili (Kumitat TAXE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(7), proposta mit-tieni Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili (il-Kumitat TAXE2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa mwettqa mill-Kumitat ta' Inkjesta tiegħu biex jinvestiga l-allegati kontravenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (il-Kumitat PANA)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa(9), proposta mill-Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3),

–  wara li kkunsidra s-segwitu mogħti mill-Kummissjoni għal kull waħda mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament imsemmijin hawn fuq(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bit-titolu "Impact of Digitalisation on International Tax Matters: Challenges and Remedies" (L-Impatt tad-Diġitalizzazzjoni fuq Kwistjonijiet Fiskali Internazzjonali: Sfidi u Rimedji)(11),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti (BEPS) ta' Ottubru 2015, u b'mod partikolari l-Azzjoni 1 tiegħu dwar l-Isfidi tat-Taxxa li Jirriżultaw mid-Diġitalizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD bit-titolu "Tax Challenges Arising from Digitalisation" (Sfidi tat-Taxxa li Jirriżultaw mid-Diġitalizzazzjoni) adottat fl-2018, u l-Programm ta' Ħidma tiegħu biex Jiżviluppa Soluzzjoni għall-Isfidi tat-Taxxa li Jirriżultaw mid-Diġitalizzazzjoni tal-Ekonomija adottat f'Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Cover u r-Rapporti dwar il-Pjanijiet ta' Tħejjija tal-Ewwel Pilastru u t-Tieni Pilastru adottati mill-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD f'Ottubru 2020, kif ukoll ir-riżultati ta' analiżi ekonomika u valutazzjoni tal-impatt imwettqa mis-Segretarjat tal-OECD mehmuża magħha,

–  wara li kkunsidra l-eżiti ta' diversi summits tal-G7, tal-G8 u tal-G20 li saru dwar il-kwistjonijiet tat-taxxa internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-ħidma li għaddejja tal-Kumitat ta' Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa dwar l-isfidi tat-taxxa relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt tal-Bidu tal-Kummissjoni dwar Taxxa Diġitali fl-14 ta' Jannar 2021 (Ares(2021)312667),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Tassazzjoni ġusta f'ekonomija diġitalizzata u globalizzata: BEPS 2.0"(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0103/2021),

A.  billi r-regoli internazzjonali attwali dwar it-taxxa korporattiva huma bbażati fuq prinċipji li ġew żviluppati fil-bidu tas-seklu 20 u m'għadhomx adattati għal ekonomija dejjem aktar globalizzata u diġitalizzata, u b'hekk jippermettu bosta prattiki tat-taxxa dannużi li jimminaw il-finanzi pubbliċi u l-kompetizzjoni ġusta;

B.  billi l-proporzjonalità u l-prattikkabbiltà ta' dawn ir-regoli internazzjonali dwar it-taxxa issa huma soġġetti għal rieżami fil-kuntest tan-negozjati dwar l-OECD bil-għan li tiġi żgurata l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej f'ekonomija dejjem aktar globalizzata u diġitalizzata;

C.  billi d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija aggravat il-problemi li diġà jeżistu permezz ta' dipendenza żejda minn kumpaniji multinazzjonali fuq assi intanġibbli bħall-proprjetà intellettwali;

D.  billi wara l-kriżi finanzjarja tal-2008-2009 u serje ta' rivelazzjonijiet dwar prattiki differenti ta' evażjoni tat-taxxa, ippjanar aggressiv tat-taxxa, evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus, il-pajjiżi tal-G20 qablu li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-OECD permezz tal-proġett Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti (BEPS), li wassal għall-ħolqien tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS;

E.  billi l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS irnexxielu jistabbilixxi kunsens globali dwar ħafna kwistjonijiet sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; billi, madankollu, ma ntlaħaqx qbil dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, li wassal għall-adozzjoni ta' Rapport Finali separat dwar l-Azzjoni 1 – 2015 tal-BEPS;

F.  billi l-Parlament talab ripetutament għal riforma tas-sistema tat-taxxa korporattiva internazzjonali bil-għan li jiġu indirizzati l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-isfidi tal-intaxxar tal-ekonomija diġitali;

G.  billi l-Kummissjoni ressqet żewġ proposti dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali fl-2018, inkluża soluzzjoni temporanja fuq perjodu qasir li tintroduċi taxxa fuq is-servizzi diġitali (TSD), u soluzzjoni fit-tul li tiddefinixxi preżenza diġitali sinifikanti (SDP) bħala rabta għat-tassazzjoni korporattiva li għandha tissostitwixxi t-TSD; billi fil-25 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK) (COM(2016)0683); billi l-Parlament appoġġa dawn il-proposti kollha, iżda dawn ma ġewx adottati fil-Kunsill, li ġiegħel li xi Stati Membri jintroduċu TSD b'mod unilaterali;

H.  billi l-introduzzjoni mill-Istati Membri ta' TSD mhux koordinati u separati, li għandhom regoli u kriterji tat-tassazzjoni differenti, iżżid l-frammentazzjoni fi ħdan is-suq uniku, toħloq aktar inċertezza dwar it-taxxa u hija inqas effiċjenti meta mqabbla ma' soluzzjoni komuni fil-livell Ewropew;

I.  billi l-miżuri meħuda unilateralment mill-Istati Membri jirriskjaw li jżidu t-tilwim kummerċjali internazzjonali, u dan jista' jaffettwa kemm in-negozji diġitali kif ukoll dawk mhux diġitali fi ħdan is-suq uniku;

J.  billi, skont mandat mogħti mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f'Marzu 2017 u wara l-adozzjoni ta' Programm ta' Ħidma (PoW) f'Mejju 2019, il-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS, permezz tat-Task Force tiegħu dwar l-Ekonomija Diġitali, kien qed jaħdem fuq soluzzjoni globali bbażata fuq kunsens ibbażata fuq żewġ pilastri: l-Ewwel Pilastru dwar l-allokazzjoni ta' drittijiet ta' intaxxar permezz ta' regoli ġodda dwar ir-rabtiet u l-allokazzjoni tal-profitti u t-Tieni Pilastru dwar l-indirizzar tal-kwistjonijiet li jibqa' tal-BEPS u l-introduzzjoni ta' miżuri biex jiġi żgurat livell minimu ta' taxxa;

K.  billi fit-12 ta' Ottubru 2020, il-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD ippubblika pakkett li jikkonsisti f'dikjarazzjoni u rapporti dwar il-Pjanijiet ta' Tħejjija tal-Ewwel Pilastru u t-Tieni Pilastru, li jirrifletti fehmiet konverġenti dwar għadd ta' karatteristiċi, prinċipji u parametri ta' politika fiż-żewġ Pilastri, filwaqt li identifika l-kwistjonijiet politiċi u tekniċi li fadal li għandhom jiġu indirizzati;

L.  billi, f'dawn l-aħħar snin, il-profitti ta' kumpaniji multinazzjonali ewlenin fl-isfera diġitali żdiedu b'mod sinifikanti; billi l-lockdowns b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 komplew jaċċeleraw din it-tendenza tat-tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq is-servizzi diġitali, u dan poġġa lin-negozji fiżiċi, u speċjalement lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fi żvantaġġ ulterjuri; billi hemm ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni malajr, filwaqt li jitqies l-għan tal-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD li jikkonkludi n-negozjati tiegħu f'Lulju 2021 bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba lejn distribuzzjoni aktar ekwa tal-piżijiet tat-taxxa;

M.  billi liġijiet internazzjonali dwar it-taxxa adegwati huma essenzjali biex jipprevjenu l-evażjoni tat-taxxa u l-prattiki ta' evitar tat-taxxa, u jfasslu sistema ta' tassazzjoni ġusta u effiċjenti li tindirizza l-inugwaljanza u tiżgura ċ-ċertezza u l-istabbiltà, li huma prerekwiżiti għall-kompetittività, kif ukoll għal kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs;

N.  billi d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija ppermettiet lill-kumpaniji żgħar b'mod ġenerali u minn setturi differenti jsiru aktar kompetittivi u jilħqu klijenti ġodda; billi negozji ġodda iżgħar u negozji li qed jespandu m'għandhomx jiġu mxekkla minħabba l-miżuri tal-UE għat-tassazzjoni diġitali;

O.  billi n-negozji diġitali jiddependu ħafna minn assi intanġibbli biex joħolqu kontenut, b'mod partikolari permezz tal-użu u l-monetizzazzjoni tad-data tal-utenti, u dan il-ħolqien ta' valur mhuwiex kopert mis-sistemi tat-taxxa attwali; billi dan il-fenomenu jallinja ħażin il-post tal-ħolqien tal-valur mal-post tat-tassazzjoni;

P.  billi n-nuqqas ta' ftehim internazzjonali jew ta' regolamentazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni diġitali huwa ostaklu għal ambjent tan-negozju aktar kompetittiv u li jiffavorixxi t-tkabbir fi ħdan is-suq uniku diġitali;

Q.  billi l-kriżi ekonomika serja li qed tiffaċċja l-Unjoni tirrikjedi politiki tat-tassazzjoni moderni li jippermettu lill-Istati Membri jiġbru t-taxxi dovuti għall-attivitajiet imwettqa fis-suq uniku, b'mod aktar effiċjenti u effettiv;

R.  billi l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw mill-qrib u jieħdu pożizzjoni magħquda, b'saħħitha u ambizzjuża fin-negozjati internazzjonali dwar it-taxxa,

S.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2020 jiddikjaraw li l-Kunsill Ewropew se "jivvaluta [wkoll] is-sitwazzjoni rigward il-ħidma fuq il-kwistjoni importanti tat-tassazzjoni diġitali" f'Marzu 2021;

T.  billi l-ministri tal-finanzi tal-G20 iltaqgħu fis-7-8 ta' April 2021 u se jiltaqgħu fid-9-10 ta' Lulju 2021 u jqisu ż-żewġ pilastri tan-negozjati dwar il-Qafas Inklużiv;

L-indirizzar ta' sfidi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija

1.  Jinnota li r-regoli internazzjonali attwali dwar it-taxxa jmorru lura għall-bidu tas-seklu 20, u li d-drittijiet ta' intaxxar huma prinċipalment ibbażati fuq il-preżenza fiżika tal-kumpaniji; jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni u dipendenza kbira fuq assi intanġibbli żiedu bil-kbir il-kapaċità ta' kumpaniji li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet kummerċjali sinifikanti f'ġuriżdizzjoni mingħajr preżenza fiżika hemmhekk, u għalhekk it-taxxi mħallsa f'ġuriżdizzjoni waħda ma jibqgħux jirriflettu l-valur u l-profitti maħluqa hemmhekk, u dan jista' jwassal għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti;

2.  Jappella għal allokazzjoni ġdida u aktar ġusta tad-drittijiet ta' intaxxar għal kumpaniji multinazzjonali b'livell għoli ta' diġitalizzazzjoni u reviżjoni tal-kunċett tradizzjonali ta' stabbiliment permanenti peress li ma jkoprix l-ekonomija diġitalizzata; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-BK(K)TK biex jinħoloq stabbiliment permanenti virtwali, li jqis fejn jinħoloq il-valur u abbażi tal-valur u l-profitti ġġenerati mill-utenti; jisħaq li l-utenti tal-pjattaformi online u l-konsumaturi tas-servizzi diġitali issa huma elementi ċentrali fil-ħolqien ta' valur minn negozji b'livell għoli ta' diġitalizzazzjoni, u li ma jistgħux jiċċaqalqu barra minn ġuriżdizzjoni bl-istess mod bħall-kapital u x-xogħol, u għalhekk għandhom jitqiesu meta tiġi definita rabta fiskali ġdida sabiex jiġi pprovdut rimedju effettiv kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa;

3.  Jikkondividi t-tħassib li definizzjoni stretta tal-problemi involuti tirriżulta fit-tfassil ta' regoli mmirati għal ċerti negozji biss; jirrimarka li l-prezzijiet ta' trasferiment, id-definizzjoni ta' stabbiliment permanenti u d-diskrepanzi fit-tassazzjoni li jirriżultaw minn diversi sistemi fiskali kumplessi żżejjed iridu jiġu riveduti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ftehimiet dwar it-taxxa doppja;

4.  Jisħaq li soluzzjonijiet ġodda għall-intaxxar tal-ekonomija diġitali għandhom preferibbilment jintaxxaw il-profitti u mhux id-dħul;

5.  Jieħu nota tal-evoluzzjoni sinifikanti fl-ekonomiji tagħna li ġiet ikkawżata mid-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni; jieħu nota tal-effetti pożittivi tad-diġitalizzazzjoni fuq is-soċjetà tagħna u l-ekonomiji tagħna kif ukoll il-potenzjal kbir tad-diġitalizzazzjoni għall-amministrazzjoni tat-taxxa, li sservi bħala għodda biex tipprovdi servizz aħjar liċ-ċittadini, iżżid il-fiduċja pubblika fl-awtoritajiet tat-taxxa u ttejjeb il-kompetittività; jiddispjaċih għan-nuqqasijiet tas-sistema tat-taxxa internazzjonali, li mhux dejjem hija adatta biex tindirizza b'mod xieraq l-isfidi tal-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; jitlob li jkun hemm ftehim li jimmira għal sistema tat-taxxa ġusta u effettiva, filwaqt li tiġi rispettata s-sovranità nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni;

6.  Jappella għal riforma tas-sistema tat-taxxa biex jiġu miġġielda l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jisħaq li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu minn ta' quddiem biex jirreaġixxu għal dawn in-nuqqasijiet;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-korporazzjonijiet multinazzjonali jiġu intaxxati abbażi ta' formula ġusta u effettiva għall-allokazzjoni tad-drittijiet ta' intaxxar bejn il-pajjiżi; ifakkar fil-proposta tal-Kummissjoni dwar bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK);

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata t-tassazzjoni baxxa tal-ekonomija diġitalizzata; jisħaq fuq il-ħtieġa li titqies il-mobilità inerenti ta' kumpaniji multinazzjonali b'livell għoli ta' diġitalizzazzjoni, b'mod partikolari bil-għan li jinħoloq il-valur, u li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet ta' intaxxar fost il-pajjiżi kollha fejn iwettqu attività ekonomika u ħolqien tal-valur, inkluż ir-R&Ż; jinnota li xi ftehimiet eżistenti dwar it-tassazzjoni doppja jistgħu jipprevjenu l-allokazzjoni ġusta tad-dritt ta' intaxxar u jitlob li dawn il-ftehimiet jiġu aġġornati; jenfasizza s-sitwazzjoni speċjali tal-Istati Membri periferali żgħar;

9.  Huwa tal-fehma li huma meħtieġa aktar studji dwar il-piż tat-taxxa globali ta' mudelli ta' negozju differenti; jiddispjaċih li l-evitar tat-taxxa mhux biss huwa ta' detriment għall-ġbir tad-dħul pubbliku, li jxekkel is-servizzi pubbliċi u jċaqlaq il-piż tat-taxxa lejn iċ-ċittadin medju, u b'hekk joħloq aktar inugwaljanzi, iżda għandu wkoll effett distorsiv fuq is-swieq billi jpoġġi lin-negozji, speċjalment l-SMEs, fi żvantaġġ, u joħloq ostakli għal parteċipanti ġodda lokali; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-ostakli potenzjali għad-dħul tal-SMEs sabiex jiġi evitat li jinħoloq settur diġitali bi ftit atturi kbar biss;

10.  Ifakkar li, bħala medja, in-negozji diġitali jiffaċċjaw rata tat-taxxa effettiva ta' 9,5 % biss meta mqabbla ma' 23,2 % għall-mudelli ta' negozju tradizzjonali;

11.  Jenfasizza li, sadanittant, id-domanda għal servizzi diġitalizzati splodiet minħabba l-obbligu li jitwettqu ħafna kompiti b'mod remot fil-kuntest tal-COVID-19; josserva, għaldaqstant, li l-fornituri ta' tali servizzi diġitalizzati tqiegħdu f'pożizzjoni aktar favorevoli min-negozji tradizzjonali, speċjalment l-SMEs;

12.  Jenfasizza li r-Rapport Finali tal-OECD/G20 dwar l-Azzjoni 1 tal-BEPS, tal-2015, jikkonkludi li l-ekonomija diġitali qed issir dejjem aktar l-ekonomija nnifisha; jirrikonoxxi d-diġitalizzazzjoni rapida tal-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi u l-ħtieġa ta' sistema tat-taxxa valida għall-futur li ma tiddelimitax l-ekonomija diġitali, iżda tiżgura distribuzzjoni ġusta tad-dħul fil-pajjiżi differenti fejn jinħoloq il-valur;

13.  Jinnota l-importanza li ssir distinzjoni bejn ir-rwol kemm tat-tassazzjoni kif ukoll tar-regolamentazzjoni, u li l-politiki futuri dwar it-taxxa diġitali m'għandhomx jiġu fformulati biex jikkoreġu n-nuqqasijiet fl-ekonomija diġitali, bħal kirjiet mis-setgħa ta' monopolju fuq l-informazzjoni, fejn f'dan il-każ miżuri regolatorji jkunu aktar xierqa;

Ftehim multilaterali globali: it-triq 'il quddiem preferuta iżda mhux l-unika waħda

14.  Jitlob li jkun hemm ftehim internazzjonali li jimmira għal sistema tat-taxxa ġusta u effettiva; jilqa' l-isforzi fil-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD biex jintlaħaq kunsens globali dwar riforma multilaterali tas-sistema tat-taxxa internazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' kondiviżjoni ta' profitti kontinwa u tal-ekonomija diġitalizzata; jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li l-iskadenza għal ftehim, stabbilita għal tmiem l-2020, ma ntlaħqitx; jirrikonoxxi l-progress tad-diskussjonijiet dwar il-proposti fil-livell tekniku, minkejja d-dewmien ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, u jitlob li jintlaħaq qbil rapidu sa nofs l-2021 fi proċess inklużiv ta' negozjar; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod attiv ukoll fi kwistjonijiet tat-taxxa f'fora internazzjonali oħra bħan-NU;

15.  Jieħu nota tal-fatt li l-approċċ b'żewġ pilastri ssuġġerit fil-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD ma jiddelimitax l-ekonomija diġitalizzata iżda jfittex soluzzjoni komprensiva għall-isfidi l-ġodda li toħloq; jieħu nota tal-fehmiet diverġenti fost il-membri tal-Qafas Inklużiv; jemmen, madankollu, li ż-żewġ pilastri għandhom jitqiesu bħala komplementari u għandhom jiġu adottati sa nofs l-2021;

16.  Jenfasizza li t-Tieni Pilastru għandu l-għan li jindirizza l-isfidi tal-BEPS li fadal, b'mod partikolari billi jiżgura li kumpaniji multinazzjonali kbar, inklużi dawk diġitalizzati, iħallsu rata minima effettiva tat-taxxa korporattiva irrispettivament minn fejn jinsabu; jilqa' l-momentum il-ġdid fin-negozjati tal-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD maħluq mill-proposti ta' dan l-aħħar tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti dwar "inċentiv qawwi għan-nazzjonijiet biex jingħaqdu fi ftehim globali li jimplimenta regoli tat-taxxa minima madwar id-dinja"; jinnota li dawn il-proposti jinkludu żieda fit-taxxa minima fuq GILTI (global intangible low-taxed income) għal 21 % u rata SHIELD (Stopping Harmful Inversions and Ending Low-tax Developments) li tkun ekwivalenti għar-rata GILTI fil-każ li ma jintlaħaq ebda qbil dwar il-Pilastru II(13); iqis li kwalunkwe rata minima effettiva għandha tkun stabbilita f'livell ġust u suffiċjenti sabiex tiskoraġġixxi t-trasferimenti tal-profitt u tipprevjeni l-kompetizzjoni fiskali li tagħmel ħsara;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-kompromessi futuri tan-negozjati tal-Qafas Inklużiv G20/OECD iqisu l-interessi tal-UE u jevitaw li jżidu aktar kumplessità u kwalunkwe burokrazija supplimentari għall-SMEs u ċ-ċittadini;

18.  Jilqa' l-isforzi tas-segretarjat tal-OECD biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta' kif għandhom jiġu adattati r-regoli tat-taxxa internazzjonali attwali tagħna għal ekonomija globalizzata u diġitalizzata; jilqa' l-proposta fl-ambitu tal-Ewwel Pilastru ta' rabta fiskali ġdida u drittijiet ġodda ta' intaxxar li joħolqu l-possibbiltà li jiġu intaxxati intrapriżi multinazzjonali (MNEs) f'ġuriżdizzjonijiet tas-suq, anke meta ma jkollhom l-ebda preżenza fiżika, abbażi tal-attività ekonomika tagħhom; jissottolinja li l-interazzjoni mal-utenti u l-konsumaturi tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ħolqien tal-valur fil-mudelli ta' negozju b'livell għoli ta' diġitalizzazzjoni, u għalhekk għandha titqies meta jiġu allokati d-drittijiet ta' intaxxar; jinnota li xi għażliet ta' politika għad iridu jiġu stabbiliti fil-livell globali;

19.  Jirrikonoxxi li l-hekk imsejjaħ "Ammont A" joħloq dritt ġdid ta' intaxxar għall-ġuriżdizzjonijiet tas-suq; jisħaq li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn id-drittijiet ġodda ta' intaxxar għandu jkopri l-MNEs il-kbar kollha li jistgħu jinvolvu ruħhom fi prattiki tal-BEPS, u għall-inqas servizzi diġitali awtomatizzati u negozji li jiffaċċjaw il-konsumaturi, filwaqt li ma joħolqux piżijiet ulterjuri u bla bżonn fuq l-SMEs u jevitaw li jżidu l-kostijiet tas-servizzi għall-utenti;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw ftehim li jiżgura li ammonti suffiċjenti ta' profitti jiġu riallokati għall-ġuriżdizzjonijiet tas-suq, li għandu jmur lil hinn mid-distinzjoni bejn profitti ta' rutina u dawk mhux ta' rutina, u dan jista' jwassal għal distinzjonijiet purament artifiċjali;

21.  Jinsab imħasseb li sistema kumplessa żżejjed tista' fil-fatt iżżid l-opportunitajiet biex jiġu evitati r-regoli li jkunu għadhom kif ġew miftiehma u jistieden lill-OECD u lill-Istati Membri li qed jinnegozjaw biex jaħdmu lejn soluzzjoni sempliċi u fattibbli; jitlob li jiġu kkunsidrati s-sejbiet relatati mal-impatt amministrattiv tal-Pjan ta' Azzjoni tal-OECD/G20 dwar il-BEPS;

22.  Jirrakkomanda li l-għażliet ta' politika difiżi mill-Istati Membri fin-negozjati għandhom inaqqsu l-kumplessità; jappoġġa, għaldaqstant, proċessi amministrattivi simplifikati għall-MNEs soġġetti għad-drittijiet ġodda ta' intaxxar, anke fid-dawl tat-tħaffif tal-piż tal-implimentazzjoni għall-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-Istati Membri li mhumiex involuti f'arranġamenti tat-taxxa li jfixklu l-kompetizzjoni, bħall-hekk imsejħa "ftehimiet sweetheart"; jemmen li jkun xieraq li ssir riforma tal-Prinċipju ta' Distakkament (ALP);

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jintensifikaw id-djalogu mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti dwar il-politika tat-tassazzjoni diġitali bil-għan li jinstab approċċ komuni fil-qafas tan-negozjati tal-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD qabel Ġunju 2021; jilqa' d-dikjarazzjoni reċenti tal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti li se terġa' timpenja ruħha b'mod attiv fin-negozjati tal-OECD bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim u jiġi abbandunat il-kunċett ta' "livell xieraq ta' protezzjoni"; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-aġġustamenti proposti ġodda magħmula mill-Istati Uniti għall-Pilastru I; jistieden lill-Istati Membri jopponu l-klawżola ta' "livell xieraq ta' protezzjoni", li tirriskja li timmina serjament l-isforzi ta' riforma; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi proposta tagħha stess biex tindirizza l-isfidi ta' ekonomija diġitalizzata jekk tiġi inkluża klawżola ta' "livell xieraq ta' protezzjoni" fl-Ewwel Pilastru tar-riforma; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-proposta fit-tul tal-Kummissjoni ffukata fuq preżenza diġitali sinifikanti;

24.  Jieħu nota tal-proposta għal mekkaniżmu għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tat-tilwim sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u tiżdied l-aċċettazzjoni tar-regoli l-ġodda; jenfasizza r-rwol importanti ta' dan il-mekkaniżmu, speċjalment għall-perjodu tranżitorju sakemm ir-reġim fiskali internazzjonali l-ġdid ikun fis-seħħ; jissottolinja, madankollu, li ċ-ċertezza tat-taxxa tinkiseb l-aħjar billi jiġu stabbiliti regoli sempliċi, ċari u armonizzati li jipprevjenu t-tilwim mill-ewwel; jenfasizza li kwalunkwe mekkaniżmu għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tat-tilwim m'għandux iqiegħed lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi żvantaġġ;

25.  Jifhem li bi ftehim internazzjonali, it-tilwim kummerċjali dannuż u r-ritaljazzjonijiet li għandhom effetti potenzjalment negattivi fuq setturi ekonomiċi oħra għandhom jiġu evitati;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tlesti l-valutazzjoni tal-impatt tagħha stess dwar l-effetti tal-Ewwel u t-Tieni Pilastri fuq il-ġbir tad-dħul għall-Istati Membri u tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament dwar is-sejbiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, abbażi ta' din il-valutazzjoni tal-impatt, tagħti pariri u tiggwida lill-Istati Membri biex jieħdu pożizzjonijiet fin-negozjati li jiddefendu l-interessi globali tal-UE;

27.  Jistieden lil kull Stat Membru u lill-Kummissjoni jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom sabiex jitkellmu b'vuċi waħda;

Sejħa għal azzjoni immedjata mill-UE

28.  Jiddispjaċih li n-nuqqas ta' soluzzjoni tal-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD f'Ottubru 2020 tawwal it-tassazzjoni baxxa tal-ekonomija diġitalizzata; jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 kienet ta' benefiċċju kbir għan-negozji diġitalizzati, l-aktar dawk li setgħu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom, filwaqt li ħafna negozji oħra, b'mod partikolari l-SMEs, sofrew, u li aċċelerat it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitalizzata, u b'hekk kompliet tenfasizza l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet multilaterali għar-riforma tas-sistema tat-taxxa attwali sabiex jiġi żgurat li l-ekonomija diġitalizzata tagħti kontribut ġust;

29.  Jenfasizza li l-gvernijiet jeħtieġ li jiġbru riżorsi mingħajr preċedent biex jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19 u li l-mobilizzazzjoni tad-dħul minn setturi intaxxati b'mod insuffiċjenti tista' tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-irkupru;

30.  Iqis li l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mill-ekonomija diġitalizzata huma kwistjoni globali u li ftehim fil-livell tal-istati G20/OECD huwa meħtieġ b'mod urġenti biex tkun possibbli l-koordinazzjoni internazzjonali; jinsisti li soluzzjoni internazzjonali ambizzjuża u armonizzata hija ppreferuta minn taħlita ta' tassazzjoni diġitali nazzjonali jew reġjonali b'riskji potenzjali, u żżid ferm aktar il-possibbiltà li jinstab appoġġ unanimu fil-Kunsill;

31.  Jinsisti, għalhekk, li irrispettivament mill-progress tan-negozjati tal-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD, l-UE għandu jkollha pożizzjoni alternattiva u għandha tkun lesta li tintroduċi l-proposta tagħha għall-intaxxar tal-ekonomija diġitali sa tmiem l-2021, speċjalment peress li l-proposti tal-OECD jikkonċernaw biss grupp żgħir ta' kumpaniji u jistgħu ma jkunux biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-ftehim interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji billi tippreżenta l-proposti tagħha għal imposta diġitali sa Ġunju 2021, filwaqt li tantiċipa l-kompatibbiltà tagħhom mar-riforma mill-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD jekk ikun hemm ftehim dwarha; jirrakkomanda lill-Kummissjoni toħroġ bi pjan direzzjonali li jqis xenarji differenti, b'mod partikolari bi qbil u mingħajr qbil fil-livell tal-OECD sa nofs l-2021;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' taxxa tal-UE fuq is-servizzi diġitali temporanja bħala l-ewwel pass neċessarju; jisħaq li jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali fl-ambitu tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20, dawn is-soluzzjonijiet Ewropej għandhom jiġu adattati kif xieraq; ifakkar li TSD tal-UE tista' tiġi prevista biss bħala l-ewwel pass temporanju;

33.  Jistieden lill-UE timplimenta l-ftehim tal-eżitu futur tan-negozjati internazzjonali b'mod armonizzat u jistieden lill-Kummissjoni toħroġ proposta għal dan il-għan;

34.  Jirrimarka li falliment tan-negozjati tal-OECD iwassal għal aktar frammentazzjoni fir-rigward tat-tassazzjoni diġitali, li tista' tkun ta' ħsara wkoll għall-kumpaniji Ewropej li għandhom l-għan li jespandu l-mudelli tan-negozju tagħhom fi swieq oħra; ifakkar fl-importanza li jintlaħaq ftehim fil-livell tal-OECD sabiex jiġu evitati gwerer kummerċjali potenzjali; jenfasizza li minkejja li t-tassazzjoni hija kompetenza tal-Istati Membri, hija meħtieġa koordinazzjoni b'saħħitha;

35.  Jenfasizza li l-kumpaniji diġitali tal-UE li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fi Stat Membru tal-UE u li huma soġġetti għal taxxi korporattivi tal-UE huma fi żvantaġġ meta mqabbla ma' kumpaniji barranin li m'għandhom l-ebda "preżenza fiżika" fi kwalunkwe Stat Membru, u għalhekk jistgħu jevitaw li jħallsu taxxi korporattivi fl-UE anke jekk joperaw ma' utenti Ewropej; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta' servizzi tradizzjonali u servizzi diġitalizzati awtomatizzati, kif ukoll għan-negozji li jiffaċċjaw il-konsumaturi fl-UE billi jiġi żgurat li dawn tal-aħħar jiġu ntaxxati fejn jagħmlu profitti u b'rata ġusta;

36.  Jisħaq li kwalunkwe TSD tal-UE trid tevita li jiġu ġġenerati żidiet bla bżonn fil-kostijiet ta' konformità, u trid tipprovdi definizzjonijiet ċari u dispożizzjonijiet trasparenti li jkunu sempliċi biex jiġu rispettati u infurzati, u tippromwovi ċ-ċertezza legali u regolatorja;

37.  Jitlob li jiġu adottati regoli proporzjonati biex jiġi evitat li ma jiġux imxekkla l-SMEs, in-negozji ġodda u l-kumpaniji li huma involuti fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni tan-negozji tagħhom; jisħaq li l-politika tat-tassazzjoni tista' tkun waħda mill-għodod biex tiġi appoġġata l-kompetittività tas-suq uniku f'dan ir-rigward; jisħaq li hija meħtieġa politika tat-tassazzjoni li tiffavorixxi t-tkabbir bil-għan li ssaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tas-suq uniku;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir rieżami tar-regoli eżistenti dwar it-tassazzjoni doppja biex jiġi żgurat li l-profitt kollu li joħroġ mill-UE jiġi ntaxxat;

39.  Jinnota li xi Stati Membri jqisu t-tassazzjoni tan-negozji b'livell għoli ta' diġitalizzazzjoni bħala kwistjoni urġenti u għalhekk introduċew taxxi fuq is-servizzi diġitali fil-livell nazzjonali; jinnota li dawn it-taxxi diġitali nazzjonali għandhom impatt fuq il-kummerċ u n-negozjati internazzjonali; jirrimarka, madankollu, li l-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet nazzjonali b'mod unilaterali jistgħu joħolqu riskju ta' frammentazzjoni u inċertezza fiskali fi ħdan is-suq uniku; jissottolinja li l-immultiplikar ta' miżuri nazzjonali tagħmel l-introduzzjoni ta' soluzzjoni Ewropea kkoordinata ħafna aktar urġenti; ifakkar li dawn il-miżuri nazzjonali għandhom jitneħħew gradwalment jekk tinstab soluzzjoni multilaterali effettiva;

40.  Ifakkar li minkejja li t-tassazzjoni hija primarjament kompetenza tal-Istati Membri, il-gvernijiet jeħtiġilhom, sa fejn ikun possibbli, jeżerċitawha b'mod li jżomm mal-prinċipji komuni tad-dritt tal-UE sabiex jiżguraw koerenza bejn l-oqfsa nazzjonali, u b'hekk jippermettu kompetizzjoni ġusta u jevitaw impatti negattivi fuq il-koerenza ġenerali tal-prinċipji tat-tassazzjoni tal-UE;

41.  Jinnota li l-Kunsill ma qabel dwar l-ebda proposta relatata tal-Kummissjoni, jiġifieri t-taxxa fuq is-servizzi diġitali, il-preżenza diġitali sinifikanti jew il-BKTK u l-BKKTK; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjonijiet tagħhom dwar dawn il-proposti f'każ li ma jirnexxux in-negozjati tal-OECD, speċjalment fid-dawl taċ-ċirkostanzi mingħajr preċedent minħabba l-kriżi tal-COVID-19, jew jikkunsidraw li jintegrawhom f'implimentazzjoni futura potenzjali tal-ftehimiet tal-OECD, u jikkunsidraw l-għażliet kollha previsti mit-Trattati jekk ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda ftehim unanimu;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jvaraw mill-ġdid djalogu politiku ta' livell għoli fi ħdan il-Kunsill u jħejju l-bażi għal deċiżjoni rigward it-tassazzjoni diġitali fis-suq uniku, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati internazzjonali; jistieden lill-Kunsill jagħmel progress fuq fajls leġiżlattivi diġà adottati mill-Parlament sabiex jaderixxi mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera fost l-istituzzjonijiet tal-UE;

43.  Jilqa' l-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu tal-Kummissjoni dwar taxxa diġitali fl-14 ta' Jannar 2021; jinnota li d-diġitalizzazzjoni tista' żżid il-produttività u l-benesseri tal-konsumatur, iżda li hija wkoll ta' importanza kbira li jiġi żgurat li n-negozji kbar u b'livell għoli ta' diġitalizzazzjoni jikkontribwixxu s-sehem ġust tagħhom għas-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa kif il-kamp ta' applikazzjoni, id-definizzjoni u s-segmentazzjoni tal-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet, is-servizzi jew il-kumpaniji diġitali se jkunu konformi mal-isforzi internazzjonali biex tinstab soluzzjoni globali;

44.  Jirrikonoxxi t-tliet għażliet ta' politika tat-tassazzjoni msemmija fil-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, inklużi:

   a) żieda fit-taxxa korporattiva li tkun kompatibbli ma' negozjati internazzjonali u ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa,
   b) taxxa bbażata fuq id-dħul fin-nuqqas ta' soluzzjoni effettiva maqbula internazzjonalment, filwaqt li madankollu jindika li taxxa diġitali għandha preferibbilment tintaxxa l-profitti,
   c) taxxa fuq it-tranżazzjonijiet diġitali mwettqa minn negozju għal negozju fl-UE u jqis ir-riskju li jiġi ttrasferit il-piż tal-ħlas tat-taxxa minn negozji diġitalizzati kbar għal kumpaniji iżgħar li jiddependu minn dawk is-servizzi;

45.  Jitlob valutazzjoni dettaljata tal-impatti li kull għażla jkollha kemm fuq l-aġenda diġitali tal-UE kif ukoll fuq is-suq uniku, kif ukoll kwalunkwe tilwim u ritaljazzjoni kummerċjali possibbli minn atturi ekonomiċi oħra u effetti kollaterali possibbli f'setturi ekonomiċi oħra;

46.  Jappella għal rwol aktar b'saħħtu għall-Parlament fil-proċeduri leġiżlattivi fil-qasam tat-tassazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltajiet kollha li joffru t-Trattati; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tal-pjan direzzjonali propost mill-Kummissjoni għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' Jannar 2019 bit-titolu "Lejn teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE";

Taxxa diġitali bħala riżorsa proprja ġdida tal-UE

47.  Jilqa' l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 (FII) bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(14), f'konformità mal-prinċipju tal-universalità, u jfakkar fl-impenn legalment vinkolanti tal-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva rigward imposta diġitali tal-UE bħala riżorsa proprja sa Ġunju 2021; jisħaq fuq l-impenn legalment vinkolanti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jsegwu, mingħajr dewmien, il-passi stabbiliti fil-pjan direzzjonali, bil-ħsieb li jiġi introdott sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2023;

48.  Ifakkar li l-Parlament ikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-introduzzjoni ta' imposta diġitali tal-UE bħala riżorsa proprja b'maġġoranzi kbar f'sensiela ta' rapporti u riżoluzzjonijiet(15);

49.  Jenfasizza li l-FII, inkluż il-pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda, jorbot lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni biex jimxu 'l quddiem b'mod irriversibbli b'imposta diġitali tal-UE li se tidħol fil-baġit fit-tul tal-UE bis-sħiħ bħala riżorsa proprja u sors stabbli ta' dħul fit-tul; jissottolinja li, irrispettivament minn jekk ir-regoli bażiċi humiex determinati fil-livell tal-OECD jew tal-UE, id-dħul iġġenerat mit-tassazzjoni diġitali fl-Istati Membri jista' u jrid isir riżorsa proprja; iqis li l-istess approċċ għandu jiġi segwit ukoll għal kwalunkwe dħul ieħor iġġenerat minn kwalunkwe ftehim fil-livell tal-OECD;

50.  Iqis li d-dħul tal-imposta diġitali tal-UE jkun marbut intrinsikament mal-fruntieri miftuħa tas-suq uniku u l-"unjoni diġitali" u għalhekk jikkostitwixxi bażi xierqa ħafna u ġenwina għal riżorsa proprja tal-UE; jisħaq li d-dedikazzjoni ta' dan il-fluss ġdid ta' introjtu pubbliku għall-baġit tal-UE tgħin biex jiġu solvuti diversi kwistjonijiet problematiċi marbuta mal-ekwivalenza fiskali u l-koerenza fiskali;

51.  Jitlob li jkun hemm tfassil tat-taxxa u regoli ta' implimentazzjoni li jkollhom l-għan li jimminimizzaw ir-riskji li kwalunkwe inċidenza ekonomika tiġi riportata fuq iċ-ċittadini u l-konsumaturi tal-UE; jinsab konvint li t-trasformazzjoni tar-rikavat mit-taxxa diġitali f'riżorsa proprja għall-baġit tal-UE tgħin fit-tixrid u r-ridistribuzzjoni ta' tali spejjeż b'mod ekwu fl-Istati Membri;

52.  Ifakkar li r-riżorsi proprji bbażati fuq imposta diġitali tal-UE u/jew ir-regoli tal-OECD m'għandhomx jiġu assenjati formalment għal infiq taħt programm jew fond partikolari, f'konformità mal-prinċipju ta' universalità; ifakkar li dawn ir-riżorsi proprji se jikkostitwixxu dħul ġenerali flimkien ma' riżorsi proprji ġodda oħra li l-ammont globali tagħhom għandu jkun biżżejjed biex ikopri mill-inqas l-ispejjeż tal-ħlasijiet lura tal-Istrument tal-UE għall-Irkupru Next Generation; ifakkar li kwalunkwe dħul minn riżorsi proprji ġodda li jaqbeż il-ħtiġijiet reali għar-ripagamenti se jkompli jservi l-baġit tal-UE bħala dħul ġenerali;

53.  Ifakkar li kif iddikjarat fil-punt G tal-Anness II tal-FII, l-istituzzjonijiet jirrikonoxxu li l-introduzzjoni ta' ġabra ta' riżorsi proprji ġodda għandha tappoġġa l-finanzjament adegwat tan-nefqa tal-Unjoni fil-QFP;

54.  Isostni li d-dħul mill-imposta diġitali tal-UE se jkun parti minn ġabra ta' riżorsi proprji ġodda li r-rikavat tiegħu se jkun mill-inqas suffiċjenti biex ikopri, permezz tal-baġit tal-UE, l-ispejjeż futuri tar-rimborż (prinċipal u imgħax) li jirriżultaw mill-komponent tal-għotjiet tal-Istrument għall-Irkupru tal-UE, li mistennija jkunu madwar EUR 15-il biljun fis-sena bħala medja u massimu ta' EUR 29,25 biljun fis-sena mill-2028 sal-2058, filwaqt li jiġi evitat tnaqqis fin-nefqa għall-programmi tal-UE; jinnota li l-estimi tad-dħul ivarjaw minn diversi biljuni ta' euro sa diversi għexieren ta' biljuni ta' euro skont firxa ta' fatturi, inkluża d-definizzjoni preċiża tal-bażi taxxabbli, l-entità taxxabbli, il-post tat-tassazzjoni, il-kalkolu u r-rata tat-taxxa kif ukoll ir-rati ta' tkabbir ekonomiku fis-setturi kkonċernati;

55.  Jissottolinja li l-introduzzjoni ta' ġabra ta' riżorsi proprji ġodda, kif previst fil-pjan direzzjonali tal-FII, inkluża l-imposta diġitali tal-UE, se żżid l-awtonomija finanzjarja tal-UE u l-kapaċità tagħha li twettaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-objettivi ta' politika strateġiċi tal-UE bħal suq uniku Ewropew ġust u b'saħħtu, il-Patt Ekoloġiku Ewropew ibbażat fuq tranżizzjoni ġusta, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u t-trasformazzjoni diġitali, kif ukoll il-ħolqien ta' valur miżjud tal-UE bi gwadann kbir fl-effiċjenza meta mqabbel mal-infiq nazzjonali;

56.  Ifakkar li d-dħul mill-imposta diġitali tal-UE jrid jikkontribwixxi għall-ħlas lura tal-Istrument għall-Irkupru u għall-finanzjament tan-nefqa għall-programmi u l-fondi tal-Unjoni; jafferma mill-ġdid, f'dan ir-rigward, li kwalunkwe sehem tad-dħul mill-imposta diġitali miżmum mill-Istati Membri għandu jkun strettament proporzjonali għall-ispejjeż tal-ġbir li jġarrbu u m'għandux ipoġġi lill-baġit tal-UE fi żvantaġġ bla bżonn;

57.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora l-pożizzjoni tal-Parlament meta tkun qed tħejji l-proposti leġiżlattivi għal imposta diġitali tal-UE bħala riżorsa proprja u d-deċiżjoni riveduta dwar ir-riżorsi proprji u jistieden lill-Kunsill jadotta malajr il-proposta f'konformità mal-pjan direzzjonali; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom malajr u b'mod kostruttiv fid-"djalogu regolari" previst fil-pjan direzzjonali maqbul tar-riżorsi proprji; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew japprova rwol deċiżiv ta' tmexxija għall-UE fl-isforz dinji lejn tassazzjoni aktar ġusta billi jieħu passi rapidi u determinati lejn l-introduzzjoni ta' imposta diġitali bħala riżorsa proprja matul l-2021; jilqa', f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 li tissottolinja l-impenn tagħhom għal dan l-isforz;.

o
o   o

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) https://www.consilium.europa.eu/media/45926/021020-euco-final-conclusions-mt.pdf
(2) https://www.consilium.europa.eu/media/45116/210720-euco-final-conclusions-mt.pdf
(3) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13350-2020-INIT/mt/pdf
(4) Proposta tal-25 ta' Ottubru 2016 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva (BKTK), COM(2016)0685 u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (COM(2016)0683).
(5) Il-pakkett jikkonsisti mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2018 bit-titolu "Wasal iż-żmien li jiġi stabbilit standard modern, ġust u effiċjenti tat-tassazzjoni għall-ekonomija diġitali" (COM(2018)0146), mill-proposta tal-21 ta' Marzu 2018 għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta' preżenza diġitali sinifikanti (COM(2018)0147), mill-proposta tal-21 ta' Marzu 2018 għal direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta' ċerti servizzi diġitali (COM(2018)0148), u mir-rakkommandazzjoni tal-21 ta' Marzu 2018 dwar it-tassazzjoni korporattiva ta' preżenza diġitali sinifikanti (C(2018)1650).
(6) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.
(7) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 79.
(8) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 123.
(9) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 8.
(10) Is-segwitu konġunt tas-16 ta' Marzu 2016 dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki tat-tassazzjoni korporattiva fl-Unjoni u r-riżoluzzjonijiet TAXE, is-segwitu tas-16 ta' Novembru 2016 għar-riżoluzzjoni TAXE2, is-segwitu ta' April 2018 għar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat PANA, u s-segwitu tas-27 ta' Awwissu 2019 għar-riżoluzzjoni TAX3.
(11) Hadzhieva, E., "Impact of Digitalisation on International Tax Matters: Legal Aspects of Protecting European Consumers" (L-Impatt tad-Diġitalizzazzjoni fuq Kwistjonijiet Fiskali Internazzjonali: Sfidi u Rimedji), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A - Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja, Frar 2019.
(12) Testi adottati, P9_TA(2019)0102.
(13) The Made In America Tax Plan, 2021, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, p. 12.
(14) ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.
(15) B'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 162, 10.5.2019, p. 71), tal-14 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Rapport Interim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' ftehim" (ĠU C 363, 28.10.2020, p. 179), tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini (testi adottati, P9_TA(2019)0032), tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru (testi adottati, P9_TA(2020)0124), u tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew mis-17 sal-21 ta' Lulju 2020 (testi adottati P9_TA(2020)0206), u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (testi adottati, P9_TA(2020)0220);

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza