Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2645(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0239/2021

Dibattiti :

PV 29/04/2021 - 9.1
CRE 29/04/2021 - 9.1

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2021 - 10
PV 29/04/2021 - 19

Testi adottati :

P9_TA(2021)0155

Testi adottati
PDF 164kWORD 51k
Il-Ħamis, 29 ta' April 2021 - Brussell
Is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 fl-Amerka Latina
P9_TA(2021)0155RC-B9-0239/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 fl-Amerka Latina (2021/2645(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Marzu 2020 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li tiddikjara l-COVID-19 pandemija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), tat-30 ta' Jannar 2020, li tiddikjara li t-tifqigħa tal-COVID-19 tikkostitwixxi Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta' Rilevanza Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ewropew tal-Investiment intitolat "EIB Activity in 2020 – Latin America and the Caribbean" (L-Attività tal-BEI fl-2020 – l-Amerka Latina u l-Karibew),

–  wara li kkunsidra r-rapporti ppubblikati mill-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ta' Novembru 2020 intitolat "COVID-19 in Latin America and the Caribbean: An overview of government responses to the crisis" (Il-COVID-19 fl-Amerka Latina u l-Karibew: Ħarsa ġenerali lejn ir-risponsi governattivi għall-kriżi),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-16 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Mejju 2020 mir-Rappreżentant Għoli Josep Borell f'isem l-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem fiż-żminijiet tal-pandemija tal-coronavirus,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 dwar ir-rispons globali ta' "Tim Ewropa" għall-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' 17 -21 ta' Lulju 2020 dwar il-pjan ta' rkupru u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027.

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU, bit-tema tal-"Promozzjoni tal-multilateraliżmu u ta' NU b'saħħithom u effettivi li jipprovdu għal kulħadd",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-konsegwenzi tal-politika barranija tat-tifqigħa tal-COVID-19(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) tal-5 ta' Novembru 2020 dwar strateġija komprensiva u bireġjonali UE-LAC biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-EuroLat tat-30 ta' Marzu 2020 dwar il-pandemija tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-14 ta' Diċembru 2020 li rriżulta mil-laqgħa ministerjali informali UE 27-l-Amerka Latina u l-Karibew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Amerka Latina u l-Karibew (ECLAC) intitolat "Social Panorama of Latin America 2020" (Panorama Soċjali tal-Amerka Latina 2020), ippubblikat fl-2021,

–  wara li kkunsidra s-27 Summit Ibero-Amerikan tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li sar fil-21 ta' April 2021 f'Andorra, u d-dikjarazzjoni li rriżultat,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin (A9-0204/2020),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tal-2007, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, adottata fis-27 ta' Ġunju 1989,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres u tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet ta' Marzu 2020 dwar it-tneħħija tas-sanzjonijiet kontra l-pajjiżi biex tiġi miġġielda l-pandemija,

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, fi Fiocruz fil-15 ta' April 2021,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, kif ukoll l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew huma ta' interess strateġiku u kruċjali; billi l-Amerka Latina kienet wieħed mir-reġjuni li ntlaqtu l-aktar mill-COVID-19; billi l-Amerka Latina hija magħmula minn 8,4 % tal-popolazzjoni tad-dinja iżda fil-preżent irreġistra aktar minn għoxrin fil-mija tal-imwiet globali mill-coronavirus;

B.  billi r-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 kien varjat globalment, inkluż fl-Amerka Latina; billi l-pajjiżi kollha ddikjaraw stat ġenerali ta' emerġenza;

C.  billi l-prijorità issa trid tkun il-bini mill-ġdid tal-fiduċja f'istituzzjonijiet multilaterali li jkunu kapaċi jagħtu tweġibiet globali, billi jsir progress fid-diskussjonijiet dwar l-Inizjattiva tal-Kummerċ u tas-Saħħa tad-WTO għall-COVID-19 u l-prodotti mediċi tas-saħħa relatati;

D.  billi l-effetti devastanti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib bejn id-WTO, id-WHO, l-istituzzjonijiet tan-NU u l-Bank Dinji, tant essenzjali biex tiġi indirizzata l-kriżi u tiġi pprovduta s-solidarjetà; billi huwa meħtieġ rispons globali u koordinat biex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-kbar ta' rkupri sostenibbli, ekoloġiċi u diġitali li jkunu wkoll inklużivi, ġusti u reżiljenti;

E.  billi l-effetti tal-pandemija u l-politiki implimentati b'rispons għaliha żiedu l-bżonn ta' likwidità tal-pajjiżi tar-reġjun biex jikkonfrontaw il-fażi ta' emerġenza; billi dawn il-fatturi wasslu għal żieda fil-livelli tad-dejn u l-gvernijiet qed jiffaċċjaw żieda fin-nefqa pubblika, b'riskju ta' inadempjenza; billi l-aċċess akbar għal-likwidità u t-tnaqqis tad-dejn għandu jkun marbut ma' objettivi ta' żvilupp fuq perjodu medju u twil ta' żmien u b'hekk ma' inizjattivi li jibnu ġejjieni aħjar;

F.  billi l-inizjattiva COVAX, ikkoordinata mill-Alleanza Dinjija dwar il-Vaċċini u l-Immunizzazzjoni (GAVI), il-Koalizzjoni għall-Promozzjoni ta' Innovazzjonijiet għat-Tħejjija Epidemika (CEPI) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), s'issa amministrat madwar 38 miljun doża; billi hemm ħtieġa ċara li tingħata spinta lill-kapaċità tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni fil-qafas tal-inizjattiva COVAX;

G.  billi l-ewwel sensiela ta' allokazzjonijiet COVAX tal-provvisti tal-vaċċini tinkludi 31 pajjiż fl-Amerka Latina u l-Karibew li fix-xhur li ġejjin għandhom jirċievu aktar minn 27 miljun doża tal-vaċċini;

H.  billi l-għan tal-inizjattiva COVAX huwa li tippromwovi u tiżgura aċċess globali għal vaċċini sikuri, ta' kwalità għolja, effettivi u affordabbli; jirrimarka li għall-2021, COVAX kisbet vaċċini għal 20 % biss tal-popolazzjoni dinjija u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Amerka Latina għandhom għalhekk jiżdiedu;

I.  billi l-Amerka Latina bdiet is-sena 2020 bl-għola livell ta' inugwaljanza fid-dinja u dan spiċċa mar għall-agħar matul il-pandemija; billi r-rata tal-faqar żdiedet għal 209 miljun sal-aħħar tal-2020, u dan ifisser li 22 miljun persuna oħra jinsabu fil-faqar, filwaqt li l-għadd ta' persuni li jgħixu f'faqar estrem żdied bi 8 miljuni, minn total ta' 78 miljun ruħ; billi l-indiċijiet tal-inugwaljanza fir-reġjun marru għall-agħar flimkien mar-rati ta' impjieg u ta' parteċipazzjoni fix-xogħol, speċjalment fost in-nisa, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u minkejja l-miżuri ta' emerġenza ta' protezzjoni soċjali li adottaw il-pajjiżi biex iwaqqfu dan il-fenomenu;

J.  billi l-COVID-19 taffettwa b'mod sproporzjonat lill-pajjiżi bi dħul baxx u medju u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-gruppi f'sitwazzjonijiet vulnerabbili, inklużi n-nisa u l-bniet, l-anzjani, il-minoranzi u l-komunitajiet indiġeni, filwaqt li tnaqqas il-gwadanji fis-saħħa u fl-iżvilupp, u b'hekk ixxekkel il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

K.  billi l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 aggravat id-differenzi bejn il-ġeneri; billi l-Amerka Latina għandha waħda mill-ogħla rati ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fid-dinja u dawk ir-rati żdiedu matul il-pandemija, fejn il-miżuri ta' lockdown wasslu għal żieda notevoli fil-vjolenza domestika, l-istupru u l-femminiċidju; billi s-saħħa sesswali u riproduttiva ma ngħatatx prijorità matul il-pandemija, u dan huwa ta' ostaklu serju għad-dritt għas-saħħa u jipperikola l-ħajja tan-nisa u l-bniet fir-reġjun;

L.  billi l-popli indiġeni ntlaqtu b'mod sever mill-COVID-19 minħabba l-aċċess inadegwat għal ilma nadif, sanitazzjoni, servizzi tas-saħħa, benefiċċji soċjali, u n-nuqqas ta' mekkaniżmi kulturalment xierqa biex jiġu protetti d-drittijiet għas-saħħa u l-għajxien tagħhom;

M.  billi f'xi pajjiżi tal-Amerka Latina, bħal f'ħafna partijiet tad-dinja, il-pandemija tal-COVID-19 intużat ukoll bħala skuża għal repressjoni u restrizzjoni b'mod sproporzjonat tal-miġemgħat u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni politika; billi l-miżuri tal-gvern spiss dgħajfu d-drittijiet bażiċi kollha tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali ta' dawk li jinsabu fl-aktar sitwazzjonijiet prekarji; billi r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 kellhom impatt ukoll fuq il-libertà tal-espressjoni;

N.  billi l-ħidma tal-ġurnalisti fir-reġjun saret aktar diffiċli b'riżultat ta' miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19 f'termini ta' aċċess fiżiku limitat u anqas kuntatt mal-awtoritajiet, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol tagħhom fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dejjem aktar prevalenti; billi d-diżinformazzjoni online, l-aħbarijiet foloz u l-psewdoxjenza kienu xprun kbir tal-pandemija fl-Amerka Latina, bħala parti mill-"infodemija" kif definita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; billi eżempji konkreti ta' dan ivarjaw minn "kuri" frawdolenti u mirakolużi tal-COVID-19 għal attakki politiċi u kampanji ta' mibegħda kontra ċerti komunitajiet u minoranzi; billi l-media soċjali kellha rwol ewlieni fit-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-psewdoxjenza;

O.  billi xi gvernijiet ġew ikkritikati b'mod partikolari talli segwew perkorsi politiċi perikolużi rigward il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li wrew oppożizzjoni għal inizjattivi sanitarji reġjonali u lokali, inkluż theddid li tintbagħat l-armata biex trażżan il-lockdowns u r-restrizzjonijiet lokali, u ġew akkużati li injoraw id-direttivi ewlenin tad-WHO, l-aħjar prattiki dwar il-ġestjoni tal-pandemiji u l-linji gwida dwar is-saħħa pubblika bbażati fuq ix-xjenza;

1.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-impatt devastanti li qed ikollha l-pandemija tal-COVID-19 kemm fuq il-kontinent Ewropej kif ukoll fuq dak tal-Amerka Latina u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi kollha u l-familji tagħhom, kif ukoll ma' dawk kollha milquta minn kriżijiet tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali;

2.  Jesprimi l-gratitudni profonda tiegħu għas-servizz tal-ħaddiema mediċi fir-reġjun taħt il-pressjonijiet u r-riskji għoljin tat-theddida tal-coronavirus;

3.  Jitlob lill-gvernijiet taż-żewġ reġjuni, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-korpi ta' integrazzjoni tal-Amerka Latina jżidu l-kooperazzjoni bireġjonali u jtejbu l-istat ta' tħejjija u l-kapaċitajiet ta' reazzjoni, il-protezzjoni tad-dħul, u l-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika u l-ġestjoni effiċjenti ta' pjanijiet ta' vaċċinazzjoni mifruxa;

4.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Amerka Latina fil-bżonn u jużaw il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u finanzjament ieħor ta' solidarjetà skont il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 sabiex tiġi indirizzata l-pandemija; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tagħmel użu minn Orizzont Ewropa u programmi u fondi oħra tal-UE sabiex trawwem il-kooperazzjoni xjentifika bejn il-pajjiżi tal-Amerka Latina u l-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u l-innovazzjoni; jilqa' l-inizjattivi l-ġodda għall-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-saħħa bħat-twaqqif ta' istitut transnazzjonali għall-mard infettiv;

5.  Jitlob lill-pajjiżi u lill-gvernijiet kollha jiżguraw aċċess liberu għall-vaċċini għall-popolazzjoni kollha mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jiżguraw provvisti suffiċjenti ta' vaċċini, jippromwovu aċċess ekwu għalihom u jipproċedu malajr kemm jista' jkun bil-kampanji ta' vaċċinazzjoni, li għaddejjin bħalissa; jipproponi, għal dak il-għan, it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni reġjonali u/jew subreġjonali bil-għan li jiġu ssimplifikati l-akkwist pubbliku u d-distribuzzjoni effettiva tal-vaċċini u tiżdied ir-riċerka biex jiġu appoġġjati l-iżvilupp u l-produzzjoni tagħhom;

6.  Jistieden lill-komunità internazzjonali żżid l-isforzi biex issaħħaħ il-kapaċità ta' distribuzzjoni tal-inizjattiva COVAX u tappoġġja l-finanzjament sħiħ tal-Impenn Antiċipat tas-Suq ta' COVAX;

7.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li għandhom l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-isforzi biex jiġi żgurat aċċess ġust u ekwu għal vaċċini sikuri u effettivi f'pajjiżi bi dħul baxx u medju permezz tal-mekkaniżmu COVAX, inkluża t-tħabbira reċenti ta' kontribuzzjoni addizzjonali ta' EUR 500 miljun, li ġġib il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għal COVAX għal total ta' EUR 1 biljun f'garanziji u għotjiet diretti; jinnota li, peress li l-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Istati Membri tal-UE wiegħdu aktar minn EUR 2,2 biljun għall-Faċilità COVAX, l-UE hija wieħed mill-kontributuri ewlenin tagħha;

8.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Amerka Latina jagħmlu l-vaċċini disponibbli għal kulħadd irrispettivament mill-istatus migratorju, jieħdu azzjoni urġenti biex isaħħu d-distribuzzjoni tal-vaċċini għar-rifuġjati u l-migranti irregolari kif ukoll għall-persuni li jaħdmu fis-settur informali u li jgħixu f'insedjamenti informali, u jippermettu lil dawk li m'għandhomx dokument tal-identità nazzjonali jirreġistraw għall-inokulazzjoni mingħajr dewmien amministrattiv; ifaħħar, f'dan ir-rigward, azzjonijiet bħall-Istatus ta' Protezzjoni Temporanja għall-Migranti Venezwelani fil-Kolombja jew l-operazzjoni ta' rilokazzjoni li għaddejja bħalissa "Operação Acolhida" fil-Brażil;

9.  Jieħu nota li skont id-WHO diversi pajjiżi fir-reġjun għandhom kapaċitajiet potenzjali ta' produzzjoni tal-vaċċin kontra l-COVID-19 li jistgħu jiġu estiżi soġġett għat-trasferimenti tat-teknoloġija;

10.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet isostnu l-ogħla livelli ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-applikazzjoni tal-miżuri ta' konteniment b'rispons għall-espansjoni tal-COVID-19; jitlob li jiġi żgurat li l-miżuri meħuda b'rispons għall-emerġenza tas-saħħa jkunu proporzjonati, meħtieġa u mhux diskriminatorji; jikkundanna l-miżuri repressivi meħuda matul il-pandemija, il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kontra l-popolazzjonijiet, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza mill-forzi statali u tas-sigurtà;

11.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jintensifikaw il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online, l-aħbarijiet foloz u l-psewdoxjenza; jistieden lill-gvernijiet taż-żewġ reġjuni u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jinvolvu ruħhom ma' pjattaformi online biex isibu soluzzjonijiet effettivi li jindirizzaw l-"infodemija"; jilqa' l-ħolqien ta' PortalCheck.org, li huwa ċentru ta' riżorsi online ġdid għall-verifikaturi tal-fatti fl-Amerka Latina u l-Karibew biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni tal-COVID-19, appoġġjat mill-Unjoni Ewropea; jinnota, madankollu, li l-gvernijiet għandhom joqogħdu lura milli jużaw il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni biex irażżnu d-diskors politiku u jillimitaw il-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprevedu impenn speċifiku dwar it-trasferiment tal-għarfien u l-azzjoni u l-ippjanar ta' rispons għall-kriżijiet, filwaqt li jibnu fuq il-proposti leġiżlattivi attwali tal-UE bħar-Regolament dwar it-Theddid Transkonfinali għas-Saħħa, sabiex jgħinu lill-pajjiżi tal-Amerka Latina jkunu mħejjija aħjar f'każ ta' pandemiji futuri;

13.  Jiddispjaċih li l-pandemija tal-COVID-19 ġiet politiċizzata ħafna, inkluża r-retorika negazzjonista jew it-tnaqqis tas-severità tas-sitwazzjoni mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, u jistieden lill-mexxejja politiċi jaġixxu b'mod responsabbli sabiex jipprevjenu eskalazzjonijiet ulterjuri; iqis inkwetanti l-kampanji ta' diżinformazzjoni relatati mal-pandemija u jistieden lill-awtoritajiet jidentifikaw u jippersegwitaw legalment lill-entitajiet li jwettqu tali azzjonijiet;

14.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha u lill-istati kollha tal-Amerka Latina jappoġġjaw il-ħruġ massiv tad-Drittijiet Speċjali ta' Prelevament (SDRs) tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex tiżdied il-likwidità tal-pajjiżi tar-reġjun bl-irħas mod possibbli, u jappoġġjaw it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) tal-G20 għall-pajjiżi bi dħul medju;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-awtoritajiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Amerka Latina.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0307.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0322.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza