Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2647(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0254/2021

Dibattiti :

PV 29/04/2021 - 9.3
CRE 29/04/2021 - 9.3

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2021 - 10
PV 29/04/2021 - 19

Testi adottati :

P9_TA(2021)0157

Testi adottati
PDF 146kWORD 52k
Il-Ħamis, 29 ta' April 2021 - Brussell
Il-liġijiet dwar il-blasfemija fil-Pakistan, b'mod partikolari l-każ ta' Shagufta Kausar u Shafqat Emmanuel
P9_TA(2021)0157RC-B9-0254/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar il-liġijiet dwar il-blasfemija fil-Pakistan, b'mod partikolari l-każ ta' Shagufta Kausar u Shafqat Emmanuel (2021/2647(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan(1), tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)(2), tas-17 ta' April 2014 dwar il-Pakistan: il-każi reċenti ta' persekuzzjoni(3), tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-Pakistan: liġijiet dwar atti blasfemi(4), u tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-piena tal-mewt(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 18 u 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet tal-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Rupert Colville, b'mod partikolari n-noti ta' informazzjoni għall-istampa tiegħu dwar il-Pakistan tat-8 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn Strateġiku UE-Pakistan tal-2019, li jistabbilixxi bażi maqbula għal kooperazzjoni reċiproka dwar prijoritajiet bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni Abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin,

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Frar 2020 dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li jkopri l-perjodu 2018-2019 (JOIN(2020)0003) u, b'mod partikolari, il-valutazzjoni korrispondenti tal-Pakistan fir-rigward tal-Arranġament Speċjali ta' Inċentivi għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba (SĠP+) (SWD(2020)0022),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-liġijiet kontroversjali dwar il-blasfemija tal-Pakistan ilhom fis-seħħ fil-forma attwali tagħhom mill-1986, li jikkastigaw il-blasfemija kontra l-Profeta Muhammad bil-mewt jew b'għomor il-ħabs;

B.  billi l-liġijiet dwar il-blasfemija tal-Pakistan, minkejja li qatt ma wasslu għal eżekuzzjonijiet uffiċjali, inċitaw fastidju, vjolenza u qtil kontra dawk akkużati; billi l-persuni akkużati bil-blasfemija jkollhom jibżgħu għal ħajjithom irrispettivament mill-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji; billi huwa magħruf sew li l-liġijiet dwar il-blasfemija tal-Pakistan spiss jiġu abbużati billi jsiru akkużi foloz li jservu l-interessi personali tal-persuna li tagħmel l-akkużi;

C.  billi l-liġijiet dwar il-blasfemija tal-Pakistan jagħmluha perikoluża għall-minoranzi reliġjużi li jesprimu lilhom infushom liberament jew li jinvolvu ruħhom b'mod miftuħ f'attivitajiet reliġjużi; billi, minflok ma jipproteġu l-komunitajiet reliġjużi, huma xeħtu star ta' biża' fuq is-soċjetà tal-Pakistan; billi kull tentattiv ta' riforma ta' dawn il-liġijiet jew tal-applikazzjoni tagħhom safa fgat minn theddidiet u assassinji; billi tentattivi ta' diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fil-media, online jew offline, spiss jintlaqgħu b'theddid u fastidju, inkluż min-naħa tal-gvern;

D.  billi bħalissa bosta tużżani ta' nies, fosthom Musulmani, Ħindu, Insara u oħrajn, jinsabu l-ħabs fuq akkużi ta' blasfemija; billi diversi persuni li ġew akkużati nqatlu bil-vjolenza tal-massa; billi hemm pressjoni tremenda fuq is-sistema tal-qrati tal-Pakistan; billi l-proċedimenti ġudizzjarji spiss idumu għaddejjin għal ħafna snin, u għandhom effett devastanti fuq ċittadini innoċenti tal-Pakistan u fuq il-familji u l-komunitajiet tagħhom;

E.  billi kien hemm żieda allarmanti fl-akkużi ta' "blasfemija" online u offline fil-Pakistan matul is-sena li għaddiet; billi ħafna minn dawn l-akkużi jkollhom fil-mira difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, artisti u l-aktar persuni marġinalizzati fis-soċjetà; billi l-liġijiet dwar il-blasfemija tal-Pakistan qed jintużaw dejjem aktar bħala forma ta' tpattija personali jew politika bi ksur tad-drittijiet għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin u tal-opinjoni u l-espressjoni;

F.  billi l-proċeduri ġudizzjarji f'każijiet ta' blasfemija fil-Pakistan huma difettużi ħafna; billi, biex tingħata kundanna, huma meħtieġa standards baxxi ta' evidenza, u l-awtoritajiet ġudizzjarji spiss jaċċettaw l-allegazzjonijiet mingħajr ebda kritika; billi l-akkużati spiss jitqiesu ħatja u jridu jagħtu prova tal-innoċenza tagħhom aktar milli viċi versa;

G.  billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon tapplika għal dawk li jħaddnu reliġjon, iżda anke għall-atei, għall-anjostiċi u għall-persuni mingħajr twemmin;

H.  billi l-Pakistan huwa parti mill-ftehimiet internazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, li fihom dispożizzjonijiet dwar id-dritt għall-ħajja, id-dritt għal proċess ġust, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u n-nondiskriminazzjoni;

I.  billi l-posponiment tal-proċessi kien fattur komuni f'diversi każijiet ta' persuni akkużati bi "blasfemija", b'imħallfin li spiss ikunu ssuspettati li jużaw dawn it-tattiċi minħabba nuqqas ta' rieda li jagħtu sentenzi li jeżoneraw lill-akkużat; billi dawk li jaħdmu fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Pakistan, inklużi l-avukati, il-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin, ħafna drabi ma jitħallewx iwettqu xogħolhom b'mod effikaċi, imparzjali u mingħajr biża'; billi x-xhieda u l-familji tal-vittmi kellhom jistaħbew minħabba biża' li tittieħed azzjoni ta' ritaljazzjoni;

J.  billi s-sitwazzjoni fil-Pakistan kompliet tiddeterjora fl-2020 peress li l-gvern sistematikament inforza l-liġijiet dwar il-blasfemija u naqas milli jipproteġi l-minoranzi reliġjużi minn abbużi minn atturi mhux statali, b'żieda qawwija fil-qtil immirat, il-każijiet ta' blasfemija, il-konverżjonijiet furzati, u d-diskors ta' mibegħda kontra minoranzi reliġjużi inklużi persuni Ahmadi, Musulmani Xiiti, u persuni Ħindu, Insara u Sikh; billi l-ħtif, il-konverżjoni furzata għall-Iżlam, l-istupru u ż-żwieġ furzat baqgħu theddida imminenti għan-nisa u t-tfal li ġejjin minn minoranzi reliġjużi fl-2020, b'mod partikolari dawk ta' fidi Ħindu u dik Nisranija;

K.  billi t-2 ta' Marzu 2021 kienet l-10 sena minn meta l-ex Ministru għall-Affarijiet tal-Minoranzi Pakistani Shahbaz Bhatti ġie assassinat wara theddid li sar kontrih minħabba li tkellem pubblikament kontra l-liġijiet dwar il-blasfemija;

L.  billi l-koppja Pakistana Shagufta Kausar u Shafqat Emmanuel ġiet ikkundannata għall-mewt fuq akkużi ta' blasfemija fl-2014; billi dawn l-akkużi kienu bbażati fuq il-fatt li allegatament intbagħtu messaġġi testwali insolenti fir-rigward tal-Profeta Muhammad minn numru tal-mowbajl irreġistrat taħt l-isem ta' Shagufta Kausar lill-persuna li akkużat lill-koppja bi blasfemija;

M.  billi l-evidenza li fuqha ġiet ikkundannata l-koppja tista' titqies żbaljata ħafna; billi l-illitteriżmu tagħhom jikxef il-falsità tas-suppożizzjoni li setgħu bagħtu l-messaġġi testwali; billi l-mowbajl li allegatament intuża biex jintbagħtu l-messaġġi ma ġiex irkuprat għall-investigazzjoni; billi l-koppja allegatament kienet daħlet f'argument mal-persuna li akkużathom ftit qabel ma saru l-akkużi; billi hemm raġuni biex wieħed jemmen li l-koppja ġiet ittorturata;

N.  billi l-koppja qed tinżamm il-ħabs sakemm tingħata deċiżjoni tal-qorti dwar l-appell tagħhom kontra s-sentenza tal-mewt tagħhom; billi l-appell tagħhom kellu jinstema' f'April 2020, sitt snin wara li ġew ikkundannati, iżda ġie pospost diversi drabi, l-aktar reċenti fil-15 ta' Frar 2021;

O.  billi l-koppja ilha separata mill-erbat itfal tagħha mill-kundanna tagħhom;

P.  billi Shafqat Emmanuel qed isofri minħabba ħsara lis-sinsla ta' dahru wara inċident fl-2004 u mhuwiex offrut attenzjoni medika xierqa fil-ħabs; billi Shagufta Kausar hija iżolata f'ħabs tan-nisa u qed issofri minn dipressjoni minħabba s-sitwazzjoni tagħha;

Q.  billi l-Qorti Superjuri ta' Lahore pposponiet il-każ diversi drabi u billi l-avukat tal-koppja, Saiful Malook, ilu jaħdem ħafna biex jiżgura li Shagufta Kausar u Shafqat Emmanuel fl-aħħar ikunu jistgħu isemmgħu l-każ tagħhom fil-qorti, u d-dritt ġudizzjarju tagħhom għal proċess ġust u xieraq jiġi finalment irrispettat;

R.  billi skont iċ-Ċentru għall-Ġustizzja Soċjali fil-Pakistan, bejn l-1987 u Frar 2021, ġew akkużati mill-inqas 1 855 persuna skont il-liġijiet dwar il-blasfemija, bl-ogħla numru ta' akkużi li seħħu fl-2020;

S.  billi Mashal Khan, student Musulman, inqatel minn kotra rrabjata f'April 2017 wara allegazzjonijiet li tefa' kontenut blasfem online, u li ma nstabet l-ebda evidenza ta' dan; billi Junaid Hafeez, lekċerer universitarju fl-Università Bahauddin Zakariya f'Multan, ġie arrestat f'Marzu 2013 talli allegatament għamel rimarki blasfemi, inżamm f'iżolament għall-ħames snin tal-proċess tiegħu, instab ħati ta' blasfemija u ngħata piena tal-mewt mill-qrati Pakistani f'Diċembru 2019; billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU kkundannaw is-sentenza bħala "parodija tal-ġustizzja" li tikser id-dritt internazzjonali;

T.  billi hemm għadd dejjem jikber ta' attakki online u offline fuq ġurnalisti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari kontra n-nisa u l-aktar persuni emarġinati fis-soċjetà, inklużi membri ta' minoranzi reliġjużi, persuni ifqar u persuni b'diżabilità; billi attakki bħal dawn spiss jinkludu akkużi foloz ta' blasfemija, li jistgħu jwasslu għal attakki fiżiċi, qtil, arresti arbitrarji u detenzjonijiet;

U.  billi l-Pakistan ilu jibbenefika minn preferenzi kummerċjali taħt il-programm SĠP+ mill-2014; billi l-benefiċċji ekonomiċi minn dan il-ftehim kummerċjali unilaterali għall-pajjiż huma konsiderevoli; billi l-istatus SĠP+ iġib miegħu l-obbligu li jiġu ratifikati u implimentati 27 konvenzjoni internazzjonali inklużi impenji li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tar-reliġjon;

V.  billi fl-aħħar valutazzjoni tagħha tas-SĠP+ tal-Pakistan tal-10 ta' Frar 2020, il-Kummissjoni esprimiet varjetà ta' preokkupazzjonijiet serji dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari n-nuqqas ta' progress fil-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-piena tal-mewt;

W.  billi l-użu kontinwu tal-liġi dwar il-blasfemija fil-Pakistan qed iseħħ fil-kuntest ta' żieda globali fir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tar-reliġjon u l-libertà tal-espressjoni relatati mar-reliġjon u t-twemmin; billi f'Marzu 2019 ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin semma l-każ ta' Asia Bibi bħala wieħed mill-eżempji ta' rkupru tal-liġijiet kontra l-blasfemija u kontra l-apostażija u l-użu ta' liġijiet dwar l-ordni pubbliku biex tiġi limitata l-espressjoni meqjusa offensiva għall-komunitajiet reliġjużi;

X.  billi l-attakki ripetuti u qarrieqa kontra l-awtoritajiet Franċiżi minn gruppi Pakistani radikali u d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-Gvern tal-Pakistan fuq il-bażi tal-blasfemija żdiedu mir-reazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi għall-attakk terroristiku kontra għalliem ta' skola Franċiża talli ddefenda l-libertà tal-espressjoni, li wassal lill-awtoritajiet Franċiżi biex fil-15 ta' April 2021 jirrakkomandaw liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu temporanjament mill-Pakistan; billi fl-20 ta' April 2021, membru tal-partit fil-gvern ressaq riżoluzzjoni fl-Assemblea Nazzjonali tal-Pakistan fejn talab dibattitu dwar it-tkeċċija tal-ambaxxatur Franċiż;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għas-saħħa u l-benessri ta' Shagufta Kausar u Shafqat Emmanuel u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Pakistan jiżguraw li tingħatalhom kura medika adegwata minnufih; jistieden lill-awtoritajiet tal-Pakistan jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Shafqat Emmanuel u Shagufta Kausar u jannullaw il-piena tal-mewt tagħhom;

2.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-appell ta' Shagufta Kausar u Shafqat Emmanuel qed jibqa' jiġi pospost; jistieden lill-Qorti Superjuri ta' Lahore tagħti d-deċiżjoni tagħha malajr kemm jista' jkun u tagħti spjegazzjoni raġonevoli għal kwalunkwe posponiment ulterjuri;

3.  Jinnota li Shafqat Emmanuel qed jinżamm fi sptar fil-ħabs minħabba l-gravità tal-kundizzjoni tiegħu u ġie kkurat darbtejn barra mill-ħabs ta' Faisalabad; jiddispjaċih għall-fatt li l-koppja ilha seba' snin maqfula fil-ħabs, u t-tnejn jinsabu iżolati minn xulxin u mill-familji tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura li l-ħabsijiet tiegħu joffru kundizzjonijiet deċenti u umani;

4.  Jinsab imħasseb dwar l-abbuż kontinwu tal-liġijiet dwar il-blasfemija fil-Pakistan, li qed jaggrava l-firdiet reliġjużi eżistenti u b'hekk qed irawwem klima ta' intolleranza, vjolenza u diskriminazzjoni reliġjużi; jenfasizza li l-liġijiet dwar il-blasfemija tal-Pakistan huma inkompatibbli mal-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u qed jintużaw dejjem aktar biex jimmiraw gruppi ta' minoranza vulnerabbli fil-pajjiż, inklużi l-persuni Xiiti, Ahmadi, Ħindu u Nsara; jistieden, għalhekk, lill-Gvern tal-Pakistan jirrieżamina u fl-aħħar jabolixxi dawn il-liġijiet u l-applikazzjoni tagħhom; jitlob li l-imħallfin, l-avukati difensuri u x-xhieda tad-difiża jiġu protetti fl-hekk imsejħa kawżi ta' blasfemija kollha;

5.  Iħeġġeġ lill-Pakistan iħassar it-taqsimiet 295-B u C tal-Kodiċi Penali nazzjonali u jirrispetta u jiddefendi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tal-espressjoni fil-pajjiż kollu, filwaqt li effettivament itemm l-użu tal-liġijiet dwar il-blasfemija; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Pakistan jemenda l-Att Kontra t-Terroriżmu tal-1997 biex jiżgura li l-kawżi ta' blasfemija ma jiġux ipproċessati fi qrati kontra t-terroriżmu, u biex jipprovdi opportunitajiet ta' pleġġ f'allegati kawżi ta' blasfemija;

6.  Jenfasizza li l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, il-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, u d-drittijiet tal-minoranzi huma drittijiet tal-bniedem minquxa fil-kostituzzjoni tal-Pakistan;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jikkundanna b'mod inekwivoku l-inċitament għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jistabbilixxi salvagwardji effettivi, proċedurali u istituzzjonali fil-livelli investigattivi, tal-prosekuzzjoni u ġudizzjarji biex jipprevjeni l-abbuż tal-liġijiet dwar il-blasfemija sakemm jiġu aboliti; jiddeplora d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-minoranzi reliġjużi fil-Pakistan u l-vjolenza kontrihom, fosthom l-persuni Nsara, Musulmani Ahmadiyya, Xiiti u Ħindu; ifakkar fl-attakk tal-massa tal-2014 fuq il-komunità Ahmadi f'Gujranwala wara allegazzjonijiet ta' blasfemija kontra l-membru tagħha Aqib Saleem, li ġie lliberat fil-qorti, li rriżulta fil-mewt ta' tliet membri tal-komunità, fosthom żewġt itfal; jinnota li sar rekwiżit li l-ebda uffiċjal tal-pulizija taħt il-livell tas-supretendent tal-pulizija ma jista' jinvestiga akkużi qabel ma tiġi rreġistrata kawża;

8.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-liġijiet dwar il-blasfemija fil-Pakistan spiss jiġu abbużati biex isiru akkużi foloz li jservu diversi inċentivi, inklużi s-soluzzjoni ta' tilwim personali jew it-tfittxija ta' gwadann ekonomiku; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan, għalhekk, biex jieħu kont dovut ta' dan u jħassar il-liġijiet dwar il-blasfemija kif xieraq; jirrifjuta bil-qawwa d-dikjarazzjoni rrappurtata mill-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Parlamentari tal-Pakistan, Ali Khan, fejn talab li l-persuni li jikkommettu blasfemija jiġu dekapitati;

9.  Iħeġġeġ lill-persunal diplomatiku kollu tal-UE u dak Ewropew biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovdu protezzjoni u appoġġ lil Shagufta Kausar u Shafqat Emmanuel, inkluż billi jattendu proċessi, jitolbu żjarat fil-ħabs u kontinwament u b'mod riżolut jikkuntattjaw lill-awtoritajiet involuti f'din il-kawża;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u joffru protezzjoni internazzjonali lil Shagufta Kausar, Shafqat Emmanuel, l-avukat tagħhom Saiful Malook u oħrajn li huma akkużati li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod paċifiku, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, f'każ li jkollhom bżonn jitilqu mill-Pakistan;

11.  Jinsab estremament imħasseb dwar l-attakki online u offline li qed jiżdiedu fuq ġurnalisti, akkademiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari dawk kontra n-nisa u l-minoranzi; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan jieħu passi minnufih biex jiżgura s-sikurezza tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-organizzazzjonijiet ta' ispirazzjoni reliġjuża u jwettaq investigazzjonijiet fil-pront u effikaċi sabiex jirrispetta l-istat tad-dritt u jressaq lill-awturi ta' reat quddiem il-ġustizzja;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jirrevedu minnufih l-eliġibbiltà tal-Pakistan għall-istatus SĠP+ fid-dawl tal-avvenimenti attwali u jekk hemmx raġuni biżżejjed biex tinbeda proċedura għall-irtirar temporanju ta' dan l-istatus u l-benefiċċji li jiġu miegħu, u biex jirrapportaw lill-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni malajr kemm jista' jkun;

13.  Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni jużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi dawk previsti mil-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin, biex jgħinu lil komunitajiet reliġjużi u biex jitfgħu lill-Gvern tal-Pakistan taħt pressjoni sabiex jagħmel aktar għall-protezzjoni tal-minoranzi reliġjużi;

14.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw lill-Pakistan bir-riforma ġudizzjarja u l-bini tal-kapaċità biex jiġi żgurat li l-qrati inferjuri jkunu mgħammra biex imexxu proċessi fil-pront għal dawk detenuti u jneħħu kawżi ta' blasfemija li ma jkunux appoġġjati minn evidenza suffiċjenti u affidabbli;

15.  Jilqa' d-djalogi bejn reliġjonijiet differenti li qed isiru fil-Pakistan u jħeġġeġ lis-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE jkomplu jappoġġjaw lill-Kunsill Nazzjonali tal-Paċi għall-Armonija Bejn Twemmin Differenti tal-Pakistan fl-organizzazzjoni ta' inizjattivi regolari bħal dawn ma' mexxejja reliġjużi, inklużi minn minoranzi reliġjużi, appoġġjati minn organizzazzjonijiet ta' ispirazzjoni reliġjuża, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, professjonisti tad-drittijiet tal-bniedem u legali u akkademiċi; jistieden ukoll lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri biex ikomplu jappoġġjaw l-NGOs fil-Pakistan involuti fil-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u fl-għoti ta' appoġġ lill-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-fidi u vjolenza abbażi tal-ġeneru;

16.  Iħeġġeġ lill-Pakistan jintensifika l-kooperazzjoni tiegħu mal-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet rilevanti kollha u jtejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-progress li jkun sar għall-kisba tal-parametri referenzjarji internazzjonali;

17.  Iqis li d-dimostrazzjonijiet vjolenti u l-attakki kontra Franza mhumiex aċċettabbli; jinsab imħasseb ħafna dwar is-sentiment anti-Franċiż fil-Pakistan, li wassal biex iċ-ċittadini u l-kumpaniji Franċiżi kellhom jitilqu temporanjament mill-pajjiż;

18.  Jilqa' s-sentenza reċenti tal-Qorti Suprema tal-Pakistan li tipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta' priġunieri b'kundizzjonijiet ta' saħħa mentali; itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-Unjoni Ewropea għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jappella għall-abolizzjoni universali tal-piena kapitali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Pakistan jibdlu s-sentenzi tal-individwi kollha li qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt biex jiżguraw li d-dritt tagħhom għal proċess ġust, li huwa rikonoxxut internazzjonalment u salvagwardjat fil-kostituzzjoni, jiġi rispettat;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan.

(1) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 147.
(2) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 82.
(3) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 75.
(4) ĠU C 289, 9.8.2016, p. 40.
(5) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 109.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza