Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2642(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0236/2021

Dibattiti :

PV 28/04/2021 - 10
CRE 28/04/2021 - 10

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2021 - 10
PV 29/04/2021 - 19

Testi adottati :

P9_TA(2021)0159

Testi adottati
PDF 155kWORD 55k
Il-Ħamis, 29 ta' April 2021 - Brussell
Ir-Russja, il-każ ta' Alexei Navalny, l-iskjerament militari fil-fruntiera mal-Ukrajna u l-attakki Russi fir-Repubblika Ċeka
P9_TA(2021)0159RC-B9-0236/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar ir-Russja, il-każ ta' Alexei Navalny, l-iskjerament militari fil-fruntiera mal-Ukrajna u l-attakki Russi fir-Repubblika Ċeka (2021/2642(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR),

–  wara li kkunsidra l-pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, adottati u ffirmati f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015 u approvati uffiċjalment f'daqqa bir-riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-17 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-18 ta' Marzu 2021 dwar l-Ukrajna u d-dikjarazzjoni konġunta tagħhom mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' April 2021 dwar l-istess suġġett,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tas-16 ta' April 2021 bejn il-President Franċiż, il-President Ukren u l-Kanċilliera Ġermaniża dwar il-kwistjoni tal-iskjerament militari Russu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li għamel ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE fit-18 ta' April 2021 dwar saħħet Alexei Navalny li sejra għall-agħar,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 bit-titolu "L-integrità territorjali tal-Ukrajna", ir-riżoluzzjonijiet 71/205 tad-19 ta' Diċembru 2016, 72/190 tad-19 ta' Diċembru 2017, 73/263 tat-22 ta' Diċembru 2018, 74/168 tat-18 ta' Diċembru 2019 u 75/192 tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna)", u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 74/17 tad-9 ta' Diċembru 2019 u 75/29 tas-7 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Il-problema tal-militarizzazzjoni tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol, l-Ukrajna, kif ukoll ta' partijiet mill-Baħar l-Iswed u mill-Baħar ta' Azov",

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari t-Titolu II tiegħu dwar id-djalogu politiku u l-konverġenza fil-qasam tal-affarijiet barranin u s-sigurtà(2),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà tal-5 ta' Diċembru 1994 b'rabta mal-adeżjoni tal-Belarus, il-Każakistan u l-Ukrajna mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Ukrajna tad-29 ta' Marzu 2021 għal ritorn għal waqfien sħiħ mill-ġlied fil-Lvant tal-Ukrajna u l-abbozz tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tad-19 ta' April 2021 dwar it-tkeċċija ta' diplomatiċi Ċeki u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-21 ta' April 2021 b'solidarjetà mar-Repubblika Ċeka dwar attivitajiet kriminali fit-territorju tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat il-Federazzjoni Russa żiedet sostanzjalment il-preżenza militari tagħha fil-fruntieri tal-Lvant u tat-Tramuntana mal-Ukrajna u fil-Krimea, u ġabret total ta' aktar minn 100 000 truppa, kif ukoll tankijiet, artillerija, vetturi blindati u makkinarju tqil ieħor; billi dan l-iskjerament reċenti jikkostitwixxi l-akbar konċentrazzjoni ta' truppi Russi mill-2014 'l hawn u l-iskala u l-kapaċitajiet offensivi tiegħu jindikaw intenzjonijiet ostili;

B.  billi l-Federazzjoni Russa ħabbret is-sospensjoni tad-dritt ta' passaġġ innoċenti għall-bastimenti tal-gwerra u l-bastimenti kummerċjali ta' pajjiżi oħra min-naħa tal-Baħar l-Iswed fid-direzzjoni tal-Istrett ta' Kerch sal-31 ta' Ottubru 2021, u b'hekk qed tikser il-libertà ta' navigazzjoni, li hija garantita mill-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, li r-Russja hija firmatarja tagħha; billi ż-żoni kkonċernati jinsabu fil-baħar territorjali tal-Ukrajna li jdawwar it-territorju temporanjament okkupat tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol;

C.  billi għaddew sitt snin mill-adozzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk u seba' snin mill-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa u l-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna;

D.  billi skont sorsi Ukreni, il-Federazzjoni Russa għandha madwar 3 000 uffiċjal u għalliem militari fil-forzi armati taż-żewġ hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu;

E.  billi d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa permezz tal-forzi proxy tagħha fl-hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu ta' Donetsk u Luhansk ilha għaddejja mill-2014; billi l-kunflitt sewa l-ħajja ta' aktar minn 14 000 persuna u wassal biex kważi żewġ miljun persuna saru persuni spostati internament (IDPs);

F.  billi l-Ukrajna talbet li jiġi invokat il-paragrafu 16.3 tal-Kapitolu III tad-Dokument ta' Vjenna tal-2011 dwar il-Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja u tas-Sigurtà, filwaqt li talbet "spjegazzjoni tal-attivitajiet militari mhux tas-soltu" tal-Federazzjoni Russa qrib il-fruntiera tal-Ukrajna u fil-Krimea okkupata; billi d-Dokument ta' Vjenna ġie adottat minn kull wieħed mis-57 membru tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fl-2011 biex iservi bħala sors permanenti ta' kooperazzjoni u trasparenza militari; billi l-Federazzjoni Russa ddeċidiet li ma tiħux sehem f'din il-laqgħa;

G.  billi l-istati parteċipanti tal-OSKE għandhom jagħtu lil xulxin informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, il-pjanijiet ta' skjerament, jinnotifikaw lil xulxin qabel iż-żmien dwar attivitajiet militari sinifikanti, pereżempju eżerċizzji, u jikkonsultaw u jikkooperaw ma' xulxin f'każ ta' attività militari mhux tas-soltu jew żieda fit-tensjonijiet;

H.  billi l-Ġimgħa 23 ta' April 2021 il-Ministeru għad-Difiża Russu ddikjara li l-forzi miġbura kienu se jirritornaw lejn il-bażijiet permanenti tagħhom sal-1 ta' Mejju 2021;

I.  billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-Russja qed tkompli sejra għall-agħar, u l-awtoritajiet qed jikkalpestaw kontinwament dawn id-drittijiet u l-libertajiet; billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-KEDB, u hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

J.  billi fid-9 ta' April 2021, l-awtoritajiet Russi żammew f'detenzjoni għal perjodu qasir, interrogaw u ħatfu l-mowbajls u d-dokumenti ta' Roman Anin, wieħed mill-ġurnalisti investigattivi ewlenin tar-Russja affiljat mal-Proġett ta' Rappurtar dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP); billi dawn l-azzjonijiet ipperikolaw ukoll lil sħabu l-ġurnalisti tal-OCCRP li kienu qed jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' trasparenza u korruzzjoni, minħabba l-informazzjoni li s-Servizz tas-Sigurtà Federali (FSB) issa għandu aċċess sħiħ għaliha;

K.  billi Alexei Navalny, l-aktar attivist kontra l-korruzzjoni u politiku tal-oppożizzjoni Russu magħruf, fis-17 ta' Jannar 2021 ġie arrestat u fit-2 ta' Frar 2021 ġie kkundannat għal tliet snin u nofs ħabs talli allegatament kiser il-probation waqt li kien qed jirkupra fil-Ġermanja minn attentat ta' assassinju b'avvelenament permezz ta' aġent kimiku militari pprojbit imwettaq minn aġenti tas-servizzi tas-sigurtà Russi fil-Federazzjoni Russa; billi fit-12 ta' Marzu 2021 Alexei Navalny ġie ttrasferit lejn kolonja penali f'Pokrov, fejn ġie ripetutament soġġett għal tortura u trattament inuman u sussegwentement beda strajk tal-ġuħ aktar minn tliet ġimgħat ilu;

L.  billi dawn l-iżviluppi tal-aħħar ġimgħat ikkonfermaw l-agħar beżgħat ta' familtu, ħbiebu, is-sostenituri tiegħu u l-komunità internazzjonali rigward is-sikurezza personali tiegħu u ħajtu, u wasslu għat-trasferiment tiegħu lejn sptar tal-ħabs qrib Moska fejn ħajtu għadha fil-periklu;

M.  billi fis-16 ta' Frar 2021 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li tindika lill-Gvern tar-Russja, skont l-Artikolu 39 tar-Regoli tal-Qorti, biex jeħles lil Alexei Navalny; billi din il-miżura għandha tapplika b'effett immedjat; billi l-Qorti qieset in-natura u l-kobor tar-riskju għal ħajjet Alexei Navalny, murija prima facie għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-miżura interim u kkunsidrati fid-dawl taċ-ċirkustanzi ġenerali tad-detenzjoni attwali ta' Alexei Navalny;

N.  billi nhar il-Ġimgħa 23 ta' April 2021, Alexei Navalny ħabbar li, wara parir mogħti minn tobba mhux tal-ħabs, huwa kien se jissospendi gradwalment l-istrajk tal-ġuħ li kien beda fil-31 ta' Marzu 2021; billi l-parir mediku li ngħata Alexei Navalny kien li t-tkomplija tal-istrajk tal-ġuħ kienet se tkun ta' theddida għal ħajtu; billi anki jekk Navalny jingħata l-kura meħtieġa issa, m'hemm l-ebda garanzija li ma jkunx soġġett għal aktar trattament inuman jew ta' theddida għall-ħajtu, jew għal attentati ta' qtil;

O.  billi fl-2020 ir-Russja kklassifikat fil-129 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' Transparency International, filwaqt li kklassifikat fl-aħħar post fl-Ewropa; billi r-rabtiet kleptokratiċi bejn l-oligarki, l-uffiċjali tas-sigurtà u l-uffiċjali marbuta mal-Kremlin ġew parzjalment esposti minn attivisti kontra l-korruzzjoni bħall-mejjet Sergei Magnitsky u l-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni (FBK) immexxija minn Alexei Navalny, li implikaw l-ogħla gradi tal-poter, inkluż lil Vladimir Putin, f'investigazzjonijiet dwar il-ġid inspjegabbli li akkumulaw tul is-snin; billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Moska qed ifittex li jittimbra lill-FBK u lil żewġ organizzazzjonijiet oħra marbuta ma' Navalny – il-Fondazzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-kwartieri ġenerali reġjonali ta' Navalny – bħala "estremisti", li jfisser li l-impjegati tagħhom jistgħu jiffaċċjaw arresti u sentenzi ta' ħabs li jvarjaw minn sitta sa għaxar snin;

P.  billi l-avvelenament ta' Navalny jikkorrispondi għal xejra ta' azzjonijiet li ttieħdu kontra l-avversarji ta' Putin, fosthom Victor Yuschenko, Sergei Skripal u Vladimir Kara-Murza, u li wasslu għall-mewt ta' diversi personalitajiet ewlenin tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, attivisti u mexxejja barranin, fosthom, iżda mhux biss, Boris Nemtsov, Anna Politkovskaya, Sergei Protazanov, Natalya Estemirova u Alexander Litvinenko;

Q.  billi l-Federazzjoni Russa mhux biss tirrappreżenta theddida esterna għas-sigurtà Ewropea, iżda qiegħda wkoll tiġġieled gwerra interna kontra l-poplu tagħha stess fl-għamla ta' oppressjoni sistematika tal-oppożizzjoni u arresti fit-toroq; billi fil-21 ta' April 2021 biss, l-għadd ta' dimostraturi paċifiċi arrestati laħaq aktar minn 1 788, u b'kollox ġew arrestati aktar minn 15 000 ċittadin Russu innoċenti minn Jannar 2021 'l hawn;

R.  billi fiż-żewġ riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, il-Parlament talab rieżami tal-politika tal-UE fil-konfront tar-Russja u l-ħames prinċipji gwida tagħha u talab lill-Kunsill jibda minnufih it-tħejjijiet u jadotta strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet futuri ma' Russja demokratika, li tkun tinkludi firxa wiesgħa ta' inċentivi u kundizzjonijiet għat-tisħiħ tad-dinamika interna fl-interess tal-libertà u d-demokrazija fir-Russja;

S.  billi fis-17 ta' April 2021 ir-Repubblika Ċeka keċċiet 18-il membru tal-persunal tal-ambaxxata Russa, inklużi membri tal-aġenziji tal-intelligence Russi, wara li s-Servizz tal-Informazzjoni dwar is-Sigurtà tar-Repubblika Ċeka kkonkluda b'bażi soda li, fl-2014, waqt xogħolhom, uffiċjali tal-intelligence Russi kienu involuti fl-isplużjoni ta' maħżen tal-munizzjon li fiha nqatlu żewġ ċittadini Ċeki u saret ħsara materjali estensiva; billi ħajjet u l-proprjetà ta' eluf ta' persuni li jgħixu fil-muniċipalitajiet tal-madwar tqiegħdu f'periklu bla ħniena; billi dawn l-azzjonijiet illegali fit-territorju tar-Repubblika Ċeka jikkostitwixxu ksur kritiku tas-sovranità ta' Stat Membru tal-UE minn potenza barranija; billi, b'reazzjoni għat-tkeċċija ta' 18 mill-membri tal-persunal tal-ambaxxata tagħha min-naħa tar-Repubblika Ċeka, il-Federazzjoni Russa keċċiet 20 diplomatiku Ċek, li ġew ordnati jitilqu fid-19 ta' April 2021; billi fit-22 ta' April 2021 ir-Repubblika Ċeka ddeċidiet li l-għadd ta' persunal fl-ambaxxata Russa fir-Repubblika Ċeka kellu jkun l-istess bħall-għadd ta' persunal fl-ambaxxata Ċeka fir-Russja, wara li r-Russja rrifjutat li taċċetta lid-diplomatiċi Ċeki mkeċċija lura fil-pajjiż u skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, u tat lill-ambaxxata Russa sal-aħħar ta' Mejju biex tagħmel dan;

T.  billi l-istess aġenti tal-GRU involuti fl-isplużjoni tal-maħżen tal-munizzjon fir-Repubblika Ċeka kienu wkoll responsabbli għall-attentat ta' qtil ta' Sergei u Yulia Skripal fir-Renju Unit fl-2018 bl-użu ta' aġent nervin Novichok ta' grad militari, li wassal ukoll għall-mewt ta' ċittadin Brittaniku; billi l-aġenti tal-GRU ġew akkużati wkoll bl-attentat ta' qtil ta' Emilian Gebrev, is-sid ta' fabbrika tal-armi, u żewġ persuni oħra fil-Bulgarija fl-2015; billi r-Russja mhix qed tikkoopera fl-investigazzjoni ta' dawn ir-reati mwettqa fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, ċaħdet l-involviment tal-GRU fl-avvelenament ta' Sergei u Yulia Skripal u qed tagħti kenn lis-suspettati ewlenin;

1.  Jappoġġja l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-politika tal-UE ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-Belt ta' Sevastopol; jilqa' l-miżuri restrittivi kollha meħuda mill-UE bħala konsegwenza tal-annessjoni illegali; jitlob il-ħelsien immedjat taċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment u miżmuma l-ħabs fil-peniżola tal-Krimea u fir-Russja, u jiddeplora l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-Krimea u fit-territorji okkupati fil-Lvant tal-Ukrajna, kif ukoll il-konferiment fuq skala kbira ta' ċittadinanza Russa (l-għoti furzat ta' passaporti) fost iċ-ċittadini f'dawk iż-żoni; jissottolinja li l-uffiċjali Russi li l-azzjonijiet jew in-nuqqas ta' azzjoni tagħhom ippermettew jew irriżultaw f'delitti tal-gwerra fl-Ukrajna se jkollhom jiffaċċjaw il-ġustizzja kriminali internazzjonali;

2.  Jesprimi dispjaċir għall-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja kkawżati mill-aggressjoni tar-Russja u mid-destabbilizzazzjoni kontinwa tal-Ukrajna, l-imġiba ostili u l-attakki diretti fil-konfront tal-Istati Membri u s-soċjetajiet tal-UE, fost l-oħrajn permezz ta' ndħil fil-proċessi elettorali, l-użu ta' diżinformazzjoni, deep fakes, attakki ċibernetiċi malizzjużi, sabotaġġ u armi kimiċi, u d-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika fir-Russja; jikkundanna bil-qawwa l-imġiba ostili tar-Russja fl-Ewropa u jistieden lill-gvern tagħha jtemm dawn l-attivitajiet, li jiksru l-prinċipji u n-normi internazzjonali u jheddu l-istabbiltà fl-Ewropa, li jimpedixxi kwalunkwe kisba ta' aġenda bilaterali pożittiva ma' dan il-ġar importanti;

3.  jibqa' mħasseb ħafna dwar l-iskjerament militari kbir Russu fil-fruntiera mal-Ukrajna u fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea okkupata illegalment, li l-Ministeru tad-Difiża Russu ddikjara li ntemm; jikkundanna dawn l-azzjonijiet ta' theddid u destabilizzazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa u jirrikonoxxi b'apprezzament ir-rispons proporzjonat tal-Ukrajna;

4.  Iqis li l-UE trid tislet konklużjonijiet mill-iskjerament militari Russu inketwanti ħafna fil-fruntiera mal-Ukrajna, li ġie sospiż minn nhar il-Ġimgħa 23 ta' April 2021; jinsisti li r-ritorn tat-truppi Russi mill-fruntiera mal-Ukrajna lura lejn il-bażijiet permanenti tagħhom irid isir bis-sħiħ u mingħajr dewmien; jitlob li r-Russja ttemm minnufih il-prattika ta' skjeramenti militari mhux ġustifikati mmirati biex jheddu l-ġirien tagħha, twaqqaf il-provokazzjonijiet kollha li għaddejjin bħalissa u żżomm lura minn dawk futuri u tnaqqas is-sitwazzjoni billi tirtira l-forzi tagħha lura lejn il-bażijiet permanenti tagħhom, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha, bħall-prinċipji u l-impenji tal-OSKE dwar it-trasparenza tal-movimenti militari u d-Dokument ta' Vjenna; itenni li l-iskjerament militari Russu jippreżenta wkoll theddida għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-paċi Ewropea, li hi r-raġuni għalfejn id-djalogu tal-UE dwar is-sigurtà mal-Ukrajna għandu jkun ambizzjuż u jikkontribwixxi għal valutazzjoni konverġenti tal-isfidi tas-sigurtà fil-prattika; jisħaq li l-pajjiżi ħbieb għandhom iżidu l-appoġġ militari tagħhom u l-provvista ta' armi difensivi lill-Ukrajna, li huwa konformi mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU li jippermetti l-awtodifiża individwali u kollettiva; jistieden lir-Russja tirtira t-truppi tagħha mill-hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu ta' Luhansk u Donetsk u tirritorna l-kontroll tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-Belt ta' Sevastopol lill-Ukrajna;

5.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) jiżgura li l-Kunsill jibqa' jikkunsidra l-iżviluppi militari minkejja r-rilokazzjoni mħabbra tat-truppi Russi u jibqa' lest li jaqbel dwar aktar azzjoni konġunta;

6.  Iħeġġeġ lir-Russja tirrispetta l-obbligu tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u tiggarantixxi l-libertà ta' navigazzjoni u tal-passaġġ ta' tranżitu mill-istrett internazzjonali għall-portijiet tal-Baħar ta' Azov; jitlob lill-UE biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma' sħab internazzjonali oħra, tiżviluppa l-monitoraġġ permanenti tal-passaġġ tal-bastimenti kollha li jgħaddu mill-Istrett ta' Kerch;

7.  Iħeġġeġ lir-Russja u lis-separatisti appoġġjati mir-Russja jaderixxu mal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied; jitlob lir-Russja timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Minsk, u tipparteċipa b'mod kostruttiv fil-Proċess tan-Normandija u fil-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali; jenfasizza l-ħtieġa ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u rwol aktar b'saħħtu għall-UE fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

8.  Jissottolinja li jekk tali skjerament militari fil-futur jiġi ttrasformat f'invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tal-Federazzjoni Russa, l-UE trid tagħmilha ċara li l-prezz għal tali ksur tad-dritt u n-normi internazzjonali jkun sever; jinsisti, għalhekk, li, f'ċirkustanzi bħal dawn, l-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass mir-Russja lejn l-UE għandhom jitwaqqfu immedjatament, filwaqt li r-Russja għandha tiġi eskluża mis-sistema ta' pagamenti SWIFT, u l-assi kollha fl-UE tal-oligarki qrib l-awtoritajiet Russi u l-familji tagħhom jeħtieġ li jiġu ffriżati u l-viżi tagħhom ikkanċellati;

9.  jesiġi li l-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija Russa, u jħeġġeġ, għalhekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha jwaqqfu t-tlestija tal-pipeline Nord Stream 2 u jitolbu li titwaqqaf il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari kontroversjali mibnija minn Rosatom;

10.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjoni internazzjonali dwar iċ-ċirkustanzi tat-twaqqigħ traġiku tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines, li possibbilment jista' jikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jtenni l-appell tiegħu biex issir ġustizzja mal-persuni responsabbli;

11.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jibnu fuq il-proposta leġiżlattiva tar-Renju Unit għal Regolament Globali ta' Sanzjonijiet Kontra l-Korruzzjoni, u reġimi simili oħra, u jadottaw reġim ta' sanzjonijiet tal-UE kontra l-korruzzjoni li jikkomplementa r-Reġim ta' Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem attwali; jissottolinja li l-Istati Membri tal-UE m'għandhomx jibqgħu postijiet li jilqgħu l-ġid u l-investimenti Russi ta' oriġini mhux ċara; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-isforzi tagħhom biex irażżnu l-investimenti strateġiċi tal-Kremlin fi ħdan l-UE għal finijiet ta' sovverżjoni, imminar tal-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi u tixrid tal-korruzzjoni; ikompli jinsisti li Stati Membri bħall-Bulgarija u Malta jeħtieġ jabbandunaw ir-reġimi tal-"passaporti tad-deheb" tagħhom;

12.  Jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' Alexei Navalny, li s-sentenza tiegħu hija politikament motivata u tmur kontra l-obbligi internazzjonali tar-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tal-persuni kollha arrestati waqt il-protesti favur il-ħelsien tiegħu jew favur il-kampanja tiegħu kontra l-korruzzjoni; jistenna li r-Russja tikkonforma mal-miżura interim tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tan-natura u l-kobor tar-riskju għal ħajjet Alexei Navalny; iżomm lir-Russja responsabbli għas-sitwazzjoni ta' saħħet Alexei Navalny u jħeġġeġ lir-Russja tinvestiga t-tentattiv ta' qtil fuq Alexei Navalny, filwaqt li tikkoopera bis-sħiħ mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jistieden lill-awtoritajiet Russi jtejbu l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni sabiex jissodisfaw l-istandards internazzjonali; jitlob li jitwaqqfu l-arresti ta' dimostranti paċifiċi u l-attakki sistematiċi fuq l-oppożizzjoni fir-rigward tat-talbiet biex jinħeles Alexei Navalny; jissottolinja li l-individwi kollha involuti fil-prosekuzzjoni, il-kundanna u t-trattament ħażin ta' Alexei Navalny għandhom ikunu soġġetti għal sanzjonijiet fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem;

13.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi u lill-President Putin personalment, bħala l-kap tal-Istat Russu, li huma għandhom responsabbiltà sħiħa biex jieħdu ħsieb il-ħajja u l-integrità fiżika ta' Alexei Navalny u jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa fiżika u mentali u l-benesseri tiegħu; ikompli jħeġġeġ lill-President Putin u lill-awtoritajiet Russi jinvestigaw, iressqu quddiem il-ġustizzja jżommu responsabbli lil dawk ħatja tal-attentat ta' qtil tiegħu;

14.  Jikkundanna l-intenzjoni tal-awtoritajiet Russi li jiddikjaraw il-Fondazzjoni kontra l-Korruzzjoni mmexxija minn Alexei Navalny bħala organizzazzjoni estremista bla bażi u diskriminatorja; jenfasizza l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li x-xewqa li wieħed jipparteċipa f'diskors pubbliku u proċess elettorali ħielsa u pluralistiċi hija dritt inaljenabbli ta' kwalunkwe organizzazzjoni politika individwali u demokratika u m'għandha xejn x'taqsam ma' fehmiet estremisti;

15.  Jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa, kif ukoll l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li sfaw mira ta' attakki u repressjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jwaqqfu l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-attakki kollha kontra l-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili, il-midja, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tan-nisa, u attivisti oħra fil-pajjiż, b'mod partikolari qabel l-elezzjonijiet parlamentari fil-ħarifa tal-2021; iħeġġeġ lill-UE tistieden b'mod kontinwu lir-Russja tħassar jew temenda l-liġijiet kollha li mhumiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-ħidma tagħhom; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-pajjiż isaħħu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili u jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE;

16.  Jitlob lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw il-libertà tal-midja u jtemmu kull fastidju u pressjoni fuq il-midja indipendenti, bħal fil-konfront tal-ġurnalist investigattiv Roman Anin;

17.  Itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex ikomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u biex ikomplu jimmonitorjaw il-kawżi tal-qorti li jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, politiċi tal-oppożizzjoni u attivisti, inkluż il-każ ta' Alexei Navalny;

18.  Jiddeplora l-fatt li awturi mis-servizzi tal-intelligence Russi kkawżaw l-isplużjoni tal-maħżen tal-armi f'Vrbětice fir-Repubblika Ċeka, li kien jikkostitwixxi ksur tas-sovranità Ċeka u jirrappreżenta att ta' ostilità inaċċettabbli; jikkundanna bil-qawwa l-attivitajiet immirati biex jiddestabbilizzaw u jheddu lil Stati Membri tal-UE u jistieden lir-Russja twaqqaf kwalunkwe attività simili u żżomm dawk ħatja responsabbli għal għemilhom, u tikkumpensa lill-familji taċ-ċittadini li mietu fl-attakk tal-2014; jissottolinja li l-Unjoni Ewropea tappoġġja lir-Repubblika Ċeka u jitlob lill-VP/HR u lill-Kunsill jieħdu kontromiżuri xierqa, inkluż l-estensjoni ta' sanzjonijiet immirati; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu u l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka wara l-attakk Russu mwettaq fit-territorju tal-UE u t-tkeċċija bla bażi u sproporzjonata ta' 20 diplomatiku Ċek mir-Russja; jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ċeki li l-għadd ta' persunal fl-ambaxxata tar-Russja fir-Repubblika Ċeka jkun daqs l-għadd ta' persunal fl-ambaxxata tar-Repubblika Ċeka fir-Russja, jikkundanna t-theddid sussegwenti mill-Federazzjoni Russa fil-konfront tar-Repubblika Ċeka u jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-atti kollha ta' appoġġ u solidarjetà murija minn gvernijiet differenti tal-Istati Membri tal-UE u s-servizzi diplomatiċi kollha li diġà ġew offruti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipproċedu bi tkeċċija koordinata tad-diplomatiċi Russi, fuq l-eżempju tal-każ ta' Skripal;

19.  Jikkundanna l-appoġġ tal-Kremlin għal diversi reġimi oppressivi antidemokratiċi mad-dinja kollha, bħal dawk tal-Iran, il-Korea ta' Fuq, il-Venezwela, is-Sirja u l-Belarussja; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-għadd dejjem akbar ta' arresti, ħtif u deportazzjonijiet ta' Belarussi li jgħixu fir-Russja, inkluż il-każ tal-president tal-Front Popolari Belarussu, il-partit fl-oppożizzjoni, u ta' persuni ordinarji li semmgħu leħinhom b'appoġġ għall-protesti paċifiċi fil-Belarussja; jesprimi tħassib partikolari dwar il-kampanja appoġġjata mir-Russja u mmirata lejn l-organizzazzjonijiet ta' minoranzi nazzjonali tal-UE fil-Belarussja, fosthom l-akbar waħda, l-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja;

20.  Jikkundanna l-propaganda u d-diżinformazzjoni fl-istampa Russa u t-tixrid malizzjuż tagħha lejn l-UE, kif ukoll il-ħidma tal-fabbrika tat-trolls Russi, speċjalment dawk li bħalissa qed jimmalafamaw ir-Repubblika Ċeka billi jsostnu li hija satellita ta' interessi tal-Istati Uniti u mhux pajjiż sovran b'servizzi ta' informazzjoni indipendenti; jikkundanna l-attakki ċibernetiċi fuq l-istituzzjoni tal-amministrazzjoni tal-Istat strateġika Ċeka b'rabta mal-ispjunaġġ militari Russu;

21.  Itenni li l-unità fost l-Istati Membri tal-UE hija l-aħjar politika biex ir-Russja tiġi skoraġġuta milli twettaq azzjonijiet destabbilizzanti u sovversivi fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw il-pożizzjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-Russja u jitkellmu b'vuċi waħda; jesiġi li fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa l-Istati Membri jitkellmu b'vuċi waħda dwar in-nuqqas kontinwu ta' rispett tar-Russja għad-deċiżjonijiet mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li l-UE għandha tfittex kooperazzjoni akbar ma' sħab tal-istess fehma, b'mod partikolari n-NATO u l-Istati Uniti, tuża l-mezzi kollha disponibbli fil-livell internazzjonali biex tiġġieled b'mod effettiv l-indħil kontinwu, il-kampanji ta' diżinformazzjoni dejjem aktar aggressivi u l-ksur gravi tad-dritt internazzjonali mir-Russja li jhedded is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Ewropa;

22.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu fil-ħin u b'determinazzjoni kontra azzjonijiet ta' tfixkil mis-servizzi tal-intelligence Russi fit-territorju tal-UE u tikkoordina mill-qrib ir-rispons proporzjonat tagħha mas-sħab Trans-Atlantiċi; jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ta' counter-intelligence u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

23.  Jistieden lill-VP/HR u lill-Kunsill ifasslu approċċ strateġiku ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, li jrid jappoġġja aħjar lis-soċjetà ċivili, isaħħaħ il-kuntatti bejn in-nies maċ-ċittadini tar-Russja, ifassal linji ħomor ċari għall-kooperazzjoni mal-atturi tal-Istat Russu, juża standards teknoloġiċi u l-internet miftuħ biex jappoġġja spazji ħielsa u jirrestrinġi t-teknoloġiji oppressivi, u juri solidarjetà mas-Sħab tal-Lvant tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; jissottolinja li kwalunkwe djalogu mar-Russja jrid ikun ibbażat fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-awtoritajiet Russi qed ikomplu jxekklu x-xogħol tal-pjattaformi tal-midja indipendenti, kif ukoll ta' ġurnalisti individwali u operaturi medjatiċi oħra; jikkundanna bil-qawwa, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni li l-organizzazzjoni medjatika indipendenti Meduza tiġi ttimbrata bħala "aġent barrani";

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, il-Gvern u l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u lill-Parlament, il-Gvern u d-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.

(1) ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.
(2) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza