Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2643(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0227/2021

Dibattiti :

PV 28/04/2021 - 14
CRE 28/04/2021 - 14

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2021 - 10
PV 29/04/2021 - 19

Testi adottati :

P9_TA(2021)0160

Testi adottati
PDF 156kWORD 51k
Il-Ħamis, 29 ta' April 2021 - Brussell
Il-ħames anniversarju tal-Ftehim ta' Paċi fil-Kolombja
P9_TA(2021)0160RC-B9-0227/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar il-ħames anniversarju tal-Ftehim ta' Paċi fil-Kolombja (2021/2643(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2016 b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra(2), li ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta' Lulju 2012, kif ukoll il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir(3), li ġie ffirmat fit-2 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tal-1 ta' Ottubru 2015 li taħtar lil Eamon Gilmore bħala l-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Finali biex Jintemm il-Kunflitt Armat u Tinbena Paċi Stabbli u Dejjiema bejn il-Gvern Nazzjonali tal-Kolombja u l-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja – l-Armata tal-Poplu (FARC-EP), iffirmat fl-24 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Missjoni ta' Verifika tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kolombja u, b'mod partikolari, ir-rapport tas-26 ta' Marzu 2021,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-9 ta' Frar 2021 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, u tal-Kummissarju Janez Lenarčič dwar id-deċiżjoni tal-Kolombja li tagħti Status ta' Protezzjoni Temporanja lill-migranti Venezwelani, u d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-VP/RGħ tas-26 ta' Frar 2021 dwar il-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'Novembru 2021 il-Kolombja ser tfakkar il-ħames anniversarju tal-iffirmar tal-Ftehim Finali biex Jintemm il-Kunflitt Armat u Tinbena Paċi Stabbli u Dejjiema bejn il-Gvern tal-Kolombja mmexxi mill-President Juan Manuel Santos u l-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja – l-Armata tal-Poplu (FARC-EP), li temm kunflitt ta' aktar minn 50 sena u jirrappreżenta pass sinifikanti fil-bini ta' paċi stabbli u dejjiema fil-pajjiż; billi l-Kolombja żammet l-integrità demokratika tagħha minkejja perjodi twal ta' vjolenza straordinarja;

B.  billi l-Qorti Kostituzzjonali tal-Kolombja stmat li ser ikun hemm bżonn ta' mill-inqas 15-il sena għall-konformità mal-Ftehim Finali, mal-ippjanar fuq 10 snin tal-Pjan Direzzjonali Uniku, u mal-Pjan ta' Investiment għall-Paċi ta' erba' snin attwali b'riżorsi ta' kważi USD 11,5 biljun;

C.  billi l-President tal-Kolombja, Iván Duque, u l-President tal-Partit Comunes (li qabel kien il-Partit FARC), Rodrigo Londoño, iltaqgħu fl-10 ta' Marzu 2021 biex jiddiskutu l-istatus ta' implimentazzjoni tal-Ftehim Finali; billi waqt id-djalogu ffaċilitat mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Kolombja u Kap tal-Missjoni ta' Verifika tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kolombja, iż-żewġ partijiet tennew l-impenn tagħhom favur il-Ftehim Finali, u qablu li jaħdmu b'mod konġunt biex ifasslu pjan direzzjonali għall-bqija tal-perjodu ta' żmien previst għall-implimentazzjoni komprensiva tiegħu, kif ukoll li jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ex kumbattenti u l-garanziji ta' sigurtà għalihom;

D.  billi ex ġellieda gwerillieri qegħdin javvanzaw fil-proċess tagħhom biex jirrintegraw fil-ħajja ċivili, u billi s-sistema legali u kostituzzjonali fil-Kolombja qiegħda tadotta riformi preċiżi biex tiżgura li l-impenji tal-ftehim jiġu implimentati u l-ġejjieni tal-pajjiż ikun jista' jinbena fuqhom;

E.  billi fil-Ftehim Finali, il-partijiet qablu li jistabbilixxu Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi (JEP), inkluża l-implimentazzjoni ta' Sistema Komprensiva għall-Verità, il-Ġustizzja, ir-Reparazzjoni u n-Nonripetizzjoni, kif ukoll ftehimiet dwar ir-reparazzjonijiet għall-vittmi, fost oħrajn, kif rikonoxxut mir-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tal-10 ta' Frar 2021; billi l-Kolombja qiegħda tiffaċċja sfidi kumplessi fl-implimentazzjoni komprensiva tal-Ftehim Finali, aggravati bis-sitwazzjoni tal-COVID-19 u l-wasla u l-akkoljenza tal-migranti Venezwelani;

F.  billi fis-26 ta' Jannar 2021, il-JEP tal-Kolombja ħabbar l-ewwel deċiżjoni ewlenija tiegħu, li akkużat lil tmien mexxejja ewlenin tal-ex FARC-EP b'delitti tal-gwerra u b'delitti kontra l-umanità, f'dak li kien l-aktar riżultat ċar s'issa għall-ġustizzja tranżizzjonali fil-pajjiż; billi kkonfermat ukoll progress fl-investigazzjoni tal-hekk imsejħa "pożittivi foloz"; billi l-JEP beda azzjonijiet biex isir progress għall-istabbiliment ta' djalogu permanenti u fluwidu mal-awtoritajiet indiġeni;

G.  billi għadhom qegħdin isiru avvanzi importanti li jipprovdu eżempju rigward il-potenzjal trasformattiv tal-Ftehim ta' Paċi, li jinkludi, għall-ewwel darba, approċċ speċifiku mill-perspettiva tal-ġeneri; billi għandhom isiru aktar avvanzi fil-Programm Komprensiv għal salvagwardji għall-mexxejja nisa, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-programmi ta' sostenn għan-nisa u l-bniet li huma vittmi ta' vjolenza inkluż stupru u ħtif; billi, minħabba n-natura interkonnessa tal-kapitoli differenti tal-ftehim, huwa tal-akbar importanza li l-approċċ mill-perspettiva tal-ġeneri jiġi integrat b'mod attiv fl-oqsma kollha;

H.  billi minkejja l-fatt li t-taħditiet ta' paċi wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' mwiet u fil-vjolenza fil-Kolombja, il-kollass tas-sigurtà f'reġjuni differenti tal-Kolombja huwa meqjus minn ħafna bħala ostaklu għall-proċess ta' paċi, filwaqt li hemm żieda inkwetanti fil-vjolenza, fl-għajbien sfurzat, fil-ħtif u fil-qtil ta' mexxejja soċjali u indiġeni, ta' ex kumbattenti tal-FARC u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif irrappurtat min-NU; billi l-forzi tas-sigurtà huma wkoll soġġetti għal attakki u vjolenza;

I.  billi l-Missjoni ta' Verifika tan-NU vverifikat il-qtil ta' 73 ex kumbattent fl-2020, u dan ifisser li l-għadd ta' ex kumbattenti li nqatlu mindu ġie ffirmat il-ftehim ta' paċi fl-2016 issa tela' għal 248; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) irċieva informazzjoni dwar il-qtil ta' 120 difensur tad-drittijiet tal-bniedem f'din l-aħħar sena, li minnhom ġew ivverifikati 53 każ; billi, barra minn hekk, huwa rreġistra 69 inċident b'għadd kbir ta' vittmi ċivili fl-2020, li kienu responsabbli għall-mewt ta' 269 persuna ċivili, inklużi 24 tifel u tifla u 19-il mara; billi n-NU rrappurtat li huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġi implimentat il-Ftehim ta' Paċi;

J.  billi l-indirizzar tal-vjolenza persistenti kontra l-ex kumbattenti, il-komunitajiet milquta mill-kunflitt, il-mexxejja soċjali, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-proċess ta' riintegrazzjoni, il-konsolidazzjoni tal-preżenza integrata tal-istat fiż-żoni milquta mill-kunflitt, it-tisħiħ tad-djalogu kostruttiv bejn il-partijiet bħala mezz ta' promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi u l-ħtieġa li jissaħħu l-kundizzjonijiet għar-rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet ġew stabbiliti bħala prijoritajiet mis-Segretarju Ġenerali tan-NU;

K.  billi fl-2017, il-Gvern Kolombjan beda taħditiet formali ta' paċi mal-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali (ELN); billi, madankollu, f'Jannar 2019 ftit wara li l-ELN splodiet karozza bomba f'akkademja tal-pulizija f'Bogotá li qatlet 22 persuna, il-Gvern tal-President Iván Duque temm it-taħditiet ta' paċi; billi d-dinamika tal-kunflitt li tinvolvi l-ELN, inklużi l-ġlied ma' atturi armati illegali oħra u mal-forzi tas-sigurtà pubblika, għadha għaddejja f'ċerti dipartimenti; billi l-gvern jinsisti li l-possibbiltà li t-taħditiet jissoktaw hija kontinġenti fuq li l-ELN twaqqaf l-azzjonijiet vjolenti tagħha, inkluż il-ħtif, ir-reklutaġġ tat-tfal u t-tqegħid ta' mini, filwaqt li l-ELN iżżomm il-pożizzjoni tagħha li kwalunkwe talba bħal din mill-gvern trid tiġi indirizzata madwar il-mejda tan-negozjati;

L.  billi d-deċiżjoni sinifikanti meħuda mill-President tal-Kolombja, Iván Duque Márquez, bħala wiri ta' solidarjetà permezz tal-offerta ta' Status ta' Protezzjoni Temporanja u tar-regolarizzazzjoni ta' madwar 1 800 000 migrant Venezwelan residenti fil-pajjiż, permezz ta' permess temporanju ta' migrazzjoni, jippermettilhom jirreġistraw u jsaħħu l-aċċess tagħhom għas-servizzi statali, bħas-saħħa u l-edukazzjoni, u l-integrazzjoni soċjoekonomika tagħhom, u b'hekk titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom; billi l-Kolombja u l-Venezwela jikkondividu aktar minn 2 000 kilometru ta' fruntiera permeabbli; billi l-fruntiera bejn il-Kolombja u l-Venezwela tikkonsisti prinċipalment f'foresti densi u art b'aċċess diffiċli u dan jagħmilha suxxettibbli għall-attivitajiet illeċiti u l-kriminalità organizzata;

M.  billi l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Kolombja mmobilizza EUR 128 miljun mill-baġit tal-UE, minn 21 Stat Membru, miċ-Ċilì u mir-Renju Unit; billi l-ħames kumitat strateġiku tiegħu ddefinixxa l-linji strateġiċi futuri tiegħu fit-22 ta' Jannar 2021;

N.  billi s-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali fil-proċess ta' paċi, li jħaddan organizzazzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tan-nisa, komunitajiet rurali, komunitajiet Afro-Kolombjani u popli indiġeni, li żviluppaw diversi inizjattivi u proposti fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

O.  billi l-UE u l-Kolombja għandhom qafas ta' kooperazzjoni politika, ekonomika u kummerċjali mill-qrib stabbilit fil-Memorandum ta' Ftehim ta' Novembru 2009 u l-Ftehim Kummerċjali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li l-għan aħħari tiegħu huwa mhux biss il-promozzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-partijiet, iżda wkoll il-konsolidament tal-paċi, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-benesseri taċ-ċittadini tagħhom; billi l-Kolombja hija sieħba strateġika u hija kruċjali għall-istabbiltà reġjonali; billi l-UE u r-Repubblika tal-Kolombja stabbilew qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kolombja fl-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta' maniġġar ta' kriżijiet, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2020;

P.  billi din ir-relazzjoni mill-qrib testendi għal oqsma ta' kollaborazzjoni internazzjonali multilaterali dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku, bħall-ġlieda favur il-paċi u kontra t-terroriżmu u t-traffikar tad-drogi;

1.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Ftehim ta' Paċi fil-Kolombja u jilqa' d-djalogu reċenti li sar bejn il-partijiet, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforz politiku, ir-realiżmu u l-perseveranza tagħhom; itenni r-rieda tiegħu li jkompli jipprovdi l-assistenza politika u finanzjarja kollha possibbli biex jappoġġja l-implimentazzjoni komprensiva tal-Ftehim ta' Paċi, li jakkumpanja l-fażi ta' wara l-kunflitt, li fiha l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tibqa' essenzjali, u li jqis kif xieraq il-prijoritajiet espressi mill-vittmi f'termini ta' verità, ġustizzja, reparazzjonijiet u garanziji ta' nonrepetizzjoni; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi;

2.  Jenfasizza li l-Ftehim ta' Paċi Kolombjan spiss jiġi kkwotat bħala mudell madwar id-dinja minħabba d-determinazzjoni tiegħu li jindirizza l-kwistjonijiet li kkawżaw il-kunflitt u l-enfasi ċentrali tiegħu fuq id-drittijiet u d-dinjità tal-vittmi; ifakkar li l-partijiet kollha ta' tali ftehim kumpless u innovattiv jeħtieġ li jiġu implimentati, peress li huma marbuta flimkien fit-trattament tal-kawżi fundamentali tal-kunflitt; jistieden lill-Gvern Kolombjan ikompli jagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-Ftehim ta' Paċi;

3.  Jilqa' l-progress li sar mill-Kolombja f'oqsma bħar-Riforma Rurali Integrali, il-programmi għall-iżvilupp rurali (PDET), ir-rispett tad-drittijiet tal-vittmi, is-soluzzjoni tal-problema tad-drogi illeċiti, is-sostituzzjoni ta' għelejjel illeċiti, ir-restituzzjoni tal-art u l-inkorporazzjoni mill-ġdid tal-ex kumbattenti, u jinkoraġġixxi l-użu ta' sforzi addizzjonali biex jiġu implimentati l-aspetti kollha tal-Ftehim ta' Paċi, b'mod partikolari dawk l-oqsma soċjoekonomiċi fejn inkiseb inqas progress; jisħaq fuq kemm huwa importanti li l-proċess ta' paċi jkun akkumpanjat minn sforz determinat biex jiġu miġġielda l-inugwaljanza u l-faqar, inkluż billi jinstabu soluzzjonijiet ġusti għan-nies u l-komunitajiet spustati mill-artijiet tagħhom; iqis li l-gruppi li sofrew b'mod sproporzjonat mill-kunflitt, bħall-komunitajiet Afro-Kolombjani u indiġeni, għandhom jingħataw appoġġ speċjali; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kunsilli Territorjali għall-Paċi, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Koeżistenza;

4.  Jissottolinja r-rwol fundamentali u storiku tal-Pjanijiet ta' Żvilupp b'Approċċ Territorjali (PDET), ifformulati mill-komunitajiet f'170 muniċipalità l-aktar milquta mill-abbandun, il-faqar u l-vjolenza;

5.  Jilqa' l-azzjonijiet kollha diġà meħuda mill-JEP sabiex jinħoloq futur li fil-qalba tiegħu jkollu l-konsolidazzjoni tal-paċi u n-nuqqas ta' impunità, u jistieden lill-JEP ikompli bl-isforzi sinifikanti tiegħu, minkejja l-isfidi numerużi, inkluż id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Kolombjani jippreservaw l-awtonomija u l-indipendenza tas-Sistema Komprensiva tal-Ġustizzja, il-Verità, ir-Reparazzjoni u n-Nonrepetizzjoni u jipproteġuha bħala kontribut essenzjali favur paċi sostenibbli u dejjiema;

6.  Jikkundanna l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ex kumbattenti tal-FARC u tal-mexxejja soċjali u indiġeni, u l-vjolenza kontrihom; jenfasizza li l-indirizzar tal-vjolenza persistenti kontrihom hija waħda mill-isfidi ewlenin fil-Kolombja; jinnota li l-kunflitt eskala fiż-żoni rurali tal-pajjiż u jiddeplora l-vjolenza kkawżata prinċipalment f'dawk iż-żoni minn gruppi armati illegali u l-kriminalità organizzata marbuta mat-traffikar tad-drogi u l-estrazzjoni illegali; jinnota li ġew irrappurtati diversi każijiet ta' spostament furzat, reklutaġġ furzat, vjolenza sesswali kontra t-tfal u n-nisa, massakri, tortura u atroċitajiet oħra, u attakki kontra komunitajiet u awtoritajiet etniċi, kif ukoll influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi; jitlob li jsiru investigazzjonijiet rapidi u bir-reqqa u li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom; iħeġġeġ lill-Istat Kolombjan iżid u jiggarantixxi l-protezzjoni u s-sikurezza tal-mexxejja soċjali u politiċi, tal-attivisti soċjali u tad-difensuri ambjentali u tal-komunità rurali; jara bi tħassib speċjali s-sitwazzjoni problematika fid-dipartiment ta' Cauca, kif imqajma fid-dikjarazzjoni tan-NU;

7.  Jirrikonoxxi l-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità ta' gruppi armati organizzati u organizzazzjonijiet oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu miżuri urġenti biex tiżdied il-protezzjoni tagħhom, u għalhekk jitlob li jkun hemm preżenza statali integrata aktar b'saħħitha fit-territorji, u li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Garanziji tas-Sigurtà tadotta politika pubblika biex iżżarma l-organizzazzjonijiet kriminali; jilqa', b'kunsiderazzjoni ta' dan, il-Pjan Strateġiku ta' Sigurtà u Protezzjoni għar-Riintegrazzjoni tal-Persuni;

8.  Jilqa' l-estensjoni tal-Liġi dwar il-Vittmi sal-2031 u ż-żieda fil-baġit tagħha, għall-benefiċċju ta' aktar minn disa' miljun persuna li huma rreġistrati fir-Reġistru Uniku tal-Vittmi u l-parteċipazzjoni politika effettiva tal-FARC, issa l-Partit Comunes, u l-progress li sar fir-rikostituzzjoni ta' kważi 14 000 ex kumbattent; jilqa' x-xiri tal-art mill-gvern ta' sebgħa mill-24 ex Żona Territorjali ta' Taħriġ u Riintegrazzjoni (TATRs) u jenfasizza l-iskjerament tas-sigurtà fihom, flimkien mal-miżuri ta' protezzjoni soċjali li jkopru aktar minn 13 000 ex kumbattent;

9.  Jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mill-istituzzjonijiet Kolombjani u jinkoraġġihom jagħmlu aktar progress fl-iżgurar li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati bis-sħiħ u b'mod permanenti, f'konformità mad-dmir tal-Kolombja li tiggarantixxi s-sikurezza taċ-ċittadini tagħha; jenfasizza t-tnaqqis fir-rata ta' omiċidji li naqset minn 25 għal 23,7 għal kull 100 000 abitant bejn l-2019 u l-2020, kif rikonoxxut mir-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jirrikonoxxi l-impenn tal-gvern favur il-protezzjoni tal-mexxejja soċjali, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ex kumbattenti, u l-komunitajiet remoti;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li, minkejja l-obbligu tagħhom li jipprovdu informazzjoni dwar ir-rotot tat-traffikar tad-droga u s-sorsi ta' finanzjament li jsostnu lill-gruppi kriminali li jattakkaw lid-difensuri, lill-mexxejja u lill-ex kumbattenti, sal-ġurnata tal-lum, l-ex gwerillieri ma pprovdewhiex; jinnota t-tħassib tiegħu, bl-istess mod, li d-data ta' skadenza stabbilita għall-konsenja tal-assi tal-ex FARC-EP għar-reparazzjoni lill-vittmi skadiet fil-31 ta' Diċembru 2020, u li 4 % biss tal-ammont miftiehem ingħata;

11.  Jinkoraġġixxi lill-gvern jadotta l-miżuri kollha meħtieġa fil-kuntest ekonomiku attwali biex jippromwovi bidliet strutturali, kif rakkomandat min-NU, li jgħinu biex titjieb is-sitwazzjoni ġenerali u jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-Ftehim ta' Paċi għal trasformazzjoni pożittiva tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja; jappella lill-organizzazzjonijiet ċiviċi jikkooperaw biex jistabbilixxu mill-ġdid il-koeżistenza rikonċiljata fil-Kolombja;

12.  Itenni għal darba oħra li l-vjolenza mhijiex metodu leġittimu ta' taqbida politika, u jitlob lil dawk li kellhom din il-konvinzjoni jħaddnu d-demokrazija bl-implikazzjonijiet u r-rekwiżiti kollha tagħha, inkluż, bħala l-ewwel pass, billi jċedu l-armi b'mod definittiv u billi jiddefendu l-ideat u l-ambizzjonijiet tagħhom fir-rispett tar-regoli demokratiċi u tal-istat tad-dritt; f'dan is-sens jistieden lill-ELN, elenkata bħala organizzazzjoni terroristika mill-UE u lill-gruppi dissidenti tal-FARC-EP biex itemmu l-vjolenza u l-attakki terroristiċi kontra l-popolazzjoni fil-Kolombja u jimpenjaw ruħhom b'mod sod u deċiżiv, mingħajr aktar dewmien, għall-paċi fil-Kolombja;

13.  Jenfasizza l-progress li sar f'129 muniċipalità li minnhom tneħħew il-mini kontra l-persunal u l-estensjoni sal-2025 tal-iskadenza għall-eliminazzjoni tagħhom;

14.  Ifaħħar il-pass notevoli u bla preċedent li ħadet il-Kolombja biex tagħti Status ta' Protezzjoni Temporanja lil madwar 1 800 000 migrant Venezwelan residenti fil-pajjiż, peress li dan se jikkontribwixxi biex jiġu garantiti t-tgawdija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u biex titnaqqas it-tbatija umana għall-migranti Venezwelani fil-Kolombja, filwaqt li jipprovdi opportunitajiet għal assistenza aħjar, inkluż dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, il-protezzjoni u l-integrazzjoni soċjali; jittama li l-inizjattiva tal-UE li tassisti l-isforzi reġjonali biex ilaħħqu mal-kriżi tal-migrazzjoni se twitti t-triq għal appoġġ aktar b'saħħtu f'konformità mas-solidarjetà eċċellenti tal-Kolombja u jistieden lil membri oħra tal-komunità internazzjonali jingħaqdu flimkien biex jappoġġjaw lill-Kolombja f'dan il-proċess; jappella għat-tisħiħ tar-rispons biex tinstab soluzzjoni politika u demokratika għall-kriżi fil-Venezwela;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew jirdoppjaw l-appoġġ politiku u finanzjarju għall-Kolombja fi ħdan il-qafas tal-istrumenti l-ġodda ta' kooperazzjoni matul il-perjodu baġitarju l-ġdid;

16.  Jenfasizza l-kontribut tal-UE, speċjalment permezz tal-Fond Ewropew għall-Paċi fil-Kolombja, li jiffoka r-riżorsi tiegħu fuq ir-riintegrazzjoni u r-Riforma Rurali Integrali, b'enfasi fuq il-programmi PDET u l-formalizzazzjoni tas-sjieda tal-art;

17.  Jenfasizza l-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-appoġġ tal-vittmi, l-inkorporazzjoni mill-ġdid, is-sostituzzjoni tal-għelejjel illeċiti u l-170 muniċipalità PDET; jitlob li l-Kummissjoni tapprofondixxi s-sinerġiji bejn il-ftehim kummerċjali u l-istrumenti l-ġodda ta' kooperazzjoni mmirati biex jiggarantixxu aċċess għas-suq Ewropew, skambji u investimenti sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà tal-proġetti produttivi, id-dħul tal-popolazzjoni benefiċjarja u titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għall-kriminalità u l-ekonomiji illeċiti;

18.  Jemmen li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Ftehim ta' Paċi 2016, bħala kontribut għall-paċi u l-istabbiltà globali, se tkompli tkun prijorità ewlenija tar-relazzjonijiet bilaterali msaħħa permezz tal-Memorandum ta' Qbil approvat mill-Kunsill f'Jannar li għadda; fuq l-istess linji, jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kolombja sabiex jitjieb l-għajxien kemm taċ-ċittadini Kolombjani kif ukoll taċ-ċittadini tal-UE permezz tat-tisħiħ tas-sinerġiji bejn is-Sħubija ta' Kummerċ bejn l-UE u l-Kolombja u l-Ftehim ta' Paċi; jappoġġja l-estensjoni tal-mandat tal-Mibgħut Speċjali għall-Paċi fil-Kolombja;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u lill-Kungress tal-Kolombja.

(1) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 79.
(2) ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3.
(3) ĠU L 333, 19.12.2015, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza