Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet UE-Indja (2021/2023(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Laqgħa tal-Mexxejja UE-Indja li jmiss imħabbra għat-8 ta' Mejju 2021 f'Porto, il-Portugall,
– wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Indja stabbilita fl-2004,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Indja tal-1994,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta u s-Sħubija Strateġika UE-Indja: Pjan Direzzjonali għall-2025(1) adottati fis-summit virtwali UE-Indja fil-15 ta' Lulju 2020, kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet konġunti l-oħra ffirmati reċentement, inkluż fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-klima u l-enerġija, l-urbanizzazzjoni, il-migrazzjoni u l-mobilità u s-sħubija dwar l-ilma,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2018 intitolata "Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Indja" (JOIN(2018)0028), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Indja tal-10 ta' Diċembru 2018 (14634/18),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2018 intitolata "Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja - Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE" (JOIN(2018)0031) u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018 (13097/18),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni Msaħħa tal-UE fis-Sigurtà fl-Asja u mal-Asja tat-28 ta' Mejju 2018 (9265/1/18 REV 1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2001 intitolata "L-Ewropa u l-Asja: Qafas Strateġiku għal Sħubijiet Imsaħħa" (COM(2001)0469),
– wara li kkunsidra r-Regolament futur li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali 2021-2027 (2018/0243(COD)),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni - rapport annwali 2020(2), tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja(3) u tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Indja(4), kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet preċedenti l-oħra tiegħu dwar l-Indja, inklużi dawk dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2004 lill-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja: Sħubija Strateġika(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(9),
– wara li kkunsidra l-10 Laqgħa ta' Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP10) li saret fi Brussell fis-27 u t-28 ta' Settembru 2018, u d-dikjarazzjoni rispettiva adottata, u l-11-il Laqgħa ta' Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP11) li saret fi Phnom Penh, il-Kambodja fis-26 u s-27 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra d-Djalogu UE-Indja ta' Livell Għoli dwar il-kummerċ u l-investiment, li l-ewwel laqgħa tiegħu saret fil-5 ta' Frar 2021,
– wara li kkunsidra l-missjoni li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu għamel fl-Indja fil-21 u t-22 ta' Frar 2017,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Frar 2021 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2021,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, u wara li kkunsidra l-kompetenzi tiegħu skont l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0124/2021),
A. billi l-UE u l-Indja se jsejħu laqgħa tal-mexxejja fit-8 ta' Mejju 2021 f'Porto, il-Portugall, wara l-impenn tagħhom li jiltaqgħu regolarment fl-ogħla livell u li jsaħħu s-sħubija strateġika stabbilita fl-2004, bil-ħsieb li tittejjeb il-kooperazzjoni ekonomika u politika;
B. billi s-sħubija strateġika UE-Indja kisbet momentum f'dawn l-aħħar snin, u dan jirrifletti rieda politika mġedda biex tissaħħaħ id-dimensjoni strateġika tagħha u, wara li evolviet minn sħubija ekonomika għal relazzjoni li tespandi f'għadd ta' setturi, li tirrifletti l-poter ġeopolitiku tal-Indja li qed jiżdied u l-valuri demokratiċi kondiviżi;
C. billi l-UE u l-Indja, bħala l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja, jikkondividu rabtiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali b'saħħithom; billi, madankollu, ir-relazzjonijiet bilaterali għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom u jeħtieġu impenn politiku akbar; billi l-mexxejja tal-UE u tal-Indja affermaw id-determinazzjoni tagħhom li jippreservaw u jippromwovu multilateraliżmu effettiv u ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli bin-NU u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fil-qalba tagħhom;
D. billi l-importanza reġjonali u globali tal-Indja qed tikber, u saħħet dejjem aktar il-pożizzjoni tagħha bħala donatur kif ukoll potenza ekonomika u militari; billi l-Presidenza tal-Indja tal-G20 fl-2023 u s-sħubija tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2021-2022 u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2019-2021 saħħew mill-ġdid il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni dwar il-governanza globali u li tiġi promossa aktar viżjoni kondiviża ta' multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli;
E. billi l-qafas strateġiku tal-UE mogħti fl-Istrateġija Globali tagħha, l-Istrateġija tagħha dwar l-Indja, l-Istrateġija tagħha għall-Konnettività UE-Asja u l-Istrateġija Indo-Paċifika emerġenti enfasizzaw l-importanza vitali tal-kooperazzjoni mal-Indja fuq l-aġenda globali tal-UE; billi l-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali fil-kuntest attwali ta' riskji globali akbar u ż-żieda fil-kompetizzjoni tal-poter kbir għandu jinkludu t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, it-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija u r-reazzjonijiet għal emerġenzi tas-saħħa globali, bħall-pandemija attwali tal-COVID-19, it-tisħiħ tal-istabilità ekonomika globali u t-tkabbir inklużiv, u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;
F. billi l-Indja tgawdi minn ekonomija b'saħħitha u li qed tikber; billi l-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Indja, filwaqt li l-Indja hija d-9 l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE; billi l-Oċean Indjan huwa żona ta' importanza strateġika għall-kummerċ globali u ta' interess ekonomiku u strateġiku vitali kemm għall-UE kif ukoll għall-Indja; billi l-UE u l-Indja għandhom interessi reċiproċi qawwija fl-Indo-Paċifiku, li jiffukaw fuq is-sostenn tiegħu bħala żona ta' kompetizzjoni ġusta, linji marittimi ta' komunikazzjoni (SLOC) bla xkiel, stabilità u sigurtà;
G. billi l-konnettività għandha tikkostitwixxi element importanti ta' aġenda strateġika reċiproka bejn l-UE u l-Indja f'konformità mal-Istrateġija dwar il-Konnessjoni UE-Asja; billi fl-aħħar summit UE-Indja kien hemm qbil dwar prinċipji ta' konnettività sostenibbli, u li jiġu esplorati modi biex tittejjeb il-konnettività UE-Indja u l-konnettività konsegwenti ma' pajjiżi terzi, inkluż fir-reġjun Indo-Paċifiku; billi l-komprensività tal-konnettività hija limitata mhux biss għall-infrastruttura fiżika bħat-toroq u l-ferroviji, iżda wkoll għar-rotot marittimi, l-infrastruttura diġitali u l-aspetti ambjentali, b'enfasi partikolari fuq il-Patt Ekoloġiku tal-UE; billi l-konnettività għandha rwol ġeopolitiku u trasformattiv, kif ukoll taġixxi bħala mezz sostenibbli ta' tkabbir u impjiegi;
H. billi hija meħtieġa tmexxija UE-Indja biex tippromwovi diplomazija klimatika effettiva, impenn globali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-protezzjoni globali tal-klima u tal-ambjent;
I. billi osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem lokali u internazzjonali jirrapportaw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fl-Indja ma għandhomx ambjent tax-xogħol sikur; billi, f'Ottubru 2020, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, appellat lill-Gvern tal-Indja biex jissalvagwardja d-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-NGOs, filwaqt li qajjmet tħassib dwar l-ispazju li qed jiċkien għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-akkużi miġjuba kontra persuni talli sempliċement eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda paċifika, kif ukoll dwar l-użu ta' liġijiet biex joħonqu d-dissens, bħall-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kontributi Barranin (FCRA) u l-Att dwar il-Prevenzjoni ta' Attivitajiet Illegali;
J. billi Amnesty International kienet imġiegħla tagħlaq l-uffiċċji tagħha fl-Indja wara li l-kontijiet bankarji tagħha ġew iffriżati fuq allegat ksur tal-FCRA, u tliet rapporteurs speċjali tan-NU talbu li l-liġi tiġi emendata f'konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-Indja skont id-dritt internazzjonali;
K. billi l-gruppi tas-soċjetà ċivili jirrapportaw li n-nisa fl-Indja jiffaċċjaw għadd ta' sfidi u ksur serji tad-drittijiet tagħhom, inklużi dawk relatati ma' prattiki kulturali, tribali u tradizzjonali, il-vjolenza u l-fastidju sesswali, u t-traffikar tal-bnedmin; billi n-nisa li ġejjin minn minoranzi reliġjużi jiffaċċjaw vulnerabilità doppja, li hija aggravata aktar fil-każ ta' nisa minn kasta b'livell iktar baxx;
L. billi, minkejja li hija pprojbita, id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti għadha problema sistemika fl-Indja, inkluż fis-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali, li tipprevjeni lid-Daliti milli jkollhom aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-allokazzjonijiet baġitarji għall-iżvilupp tad-Dalit;
M. billi l-Indja hija wieħed mill-pajjiżi l-aktar milquta mill-pandemija l-ġdida tal-COVID-19, b'aktar minn 11-il miljun każ ikkonfermat u aktar minn 150 000 mewta, u billi l-Gvern Indjan ħa inizjattiva biex jagħti miljuni ta' vaċċini lil pajjiżi fil-viċinat immedjat tiegħu u nazzjonijiet sħab ewlenin fl-Oċean Indjan;
1. Jirrakkomanda li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
Ir-relazzjonijiet ġenerali UE-Indja
(a)
ikomplu t-titjib u l-approfondiment tar-relazzjonijiet UE-Indja bħala sħab strateġiċi, u jsostnu l-impenn għal djalogi regolari f'diversi livelli, inklużi summits;
(b)
jikkonsolidaw il-progress li sar fis-Sħubija Strateġika wara s-summit tas-sena li għaddiet u jagħmlu progress tanġibbli fuq kwistjonijiet ta' prijorità, b'mod partikolari s-saħħa globali reżiljenti, it-tibdil fil-klima u t-tkabbir ekoloġiku, id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, il-konnettività, il-kummerċ u l-investiment, il-politika barranija, ta' sigurtà u ta' difiża, u d-drittijiet tal-bniedem;
(c)
jibqgħu impenjati lejn l-Istrateġija tal-UE dwar l-Indja tal-2018 u l-Pjan Direzzjonali UE-Indja sal-2025 u jimplimentawhom bis-sħiħ f'koordinazzjoni mal-impenn tal-Istati Membri stess mal-Indja; jistabbilixxu kriterji ċari u pubbliċi għall-kejl tal-progress fil-pjan direzzjonali; jiżguraw is-sorveljanza parlamentari tal-politika tal-UE dwar l-Indja permezz ta' skambji regolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu;
(d)
jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tar-relazzjoni bilaterali bejn l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja; itennu l-ħtieġa għal sħubija aktar profonda bbażata fuq il-valuri kondiviżi tal-libertà, id-demokrazija, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-impenn għall-promozzjoni ta' ordni globali inklużiv, koerenti u bbażat fuq ir-regoli, il-multilateraliżmu effettiv u l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u l-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità dinjija;
(e)
jenfasizzaw l-importanza tal-Indja bħala sieħeb fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tal-bijodiversità u fit-tranżizzjoni ekoloġika lejn l-enerġija rinnovabbli u n-newtralità klimatika; jikkonsolidaw pjanijiet kondiviżi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi u l-kontributi determinati fil-livell nazzjonali tiegħu, u għad-diplomazija konġunta dwar il-klima;
(f)
jirrilanċjaw it-talba tal-Kunsill tal-2018 għall-modernizzazzjoni tal-arkitettura istituzzjonali tal-ftehim ta' kooperazzjoni UE-Indja tal-1994 f'konformità mal-aspirazzjonijiet u l-isfidi globali komuni l-ġodda. isaħħu mill-ġdid l-idea tan-negozjar ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika b'dimensjoni parlamentari b'saħħitha li tippromwovi l-kuntatti u l-kooperazzjoni fil-livell tal-istat fejn xieraq;
(g)
jippromwovu djalogu interparlamentari strutturat, inkluż billi tiġi mħeġġa n-naħa Indjana biex tistabbilixxi kontroparti permanenti fil-Lok Sabha u fir-Rajya Sabha għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Indja u billi jiġu promossi l-kuntatti bejn il-kumitati;
(h)
jiżguraw il-konsultazzjoni attiva u regolari u l-involviment tas-soċjetà ċivili tal-UE u dik Indjana, inklużi trade unions, organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin, organizzazzjonijiet femministi u LGBTQI, organizzazzjonijiet ambjentalisti, kmamar tal-kummerċ u partijiet ikkonċernati oħra fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-relazzjonijiet UE-Indja; ifittxu l-istabbiliment ta' Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Indja għal dak il-għan u ta' Summit taż-Żgħażagħ UE-Indja bħala avveniment parallel f'summits futuri bejn l-UE u l-Indja, sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar;
(i)
jikkonsolidaw l-isforzi diplomatiċi pubbliċi tal-UE biex jittejjeb il-fehim reċiproku fost l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Indja u biex tingħata għajnuna għat-tisħiħ tal-għarfien fuq iż-żewġ naħat, bl-involviment tal-akkademiċi, il-gruppi ta' riflessjoni u r-rappreżentanti minn madwar l-UE u l-Indja;
Il-kooperazzjoni fil-politika estera u ta' sigurtà
(j)
jippromwovu sinerġija akbar fil-politika estera u ta' sigurtà permezz tal-mekkaniżmi ta' djalogu rilevanti eżistenti u fil-fora stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali UE-Indja sal-2025, u fid-dawl tal-enfasi strateġika reċenti tal-UE fuq kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tas-sigurtà fl-Asja u magħha, fejn l-Indja għandha rwol dejjem iktar importanti u strateġiku;
(k)
jenfasizzaw li impenn akbar UE-Indja fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża m'għandux jitqies bħala li jikkontribwixxi għall-polarizzazzjoni fiż-żona Indo-Paċifika, iżda pjuttost bħala li jippromwovi s-sigurtà, l-istabilità u l-iżvilupp paċifiku kondiviżi;
(l)
jenfasizzaw il-ħtieġa għal koordinazzjoni tematika aktar mill-qrib tal-politiki ta' sigurtà internazzjonali u għal azzjoni f'oqsma bħas-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi ta' qerda massiva, il-mitigazzjoni ta' armi kimiċi, bijoloġiċi u radjoloġiċi, il-promozzjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti reġjonali u l-bini tal-paċi, il-ġlieda kontra l-piraterija, is-sigurtà marittima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu (inkluża l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu), l-estremiżmu vjolenti, il-kampanji ta' diżinformazzjoni, iċ-ċibersigurtà, it-theddid ibridu u l-ispazju extratmosferiku; jenfasizzaw l-importanza tad-Djalogu UE-Indja dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu; isaħħu r-relazzjonijiet u l-iskambji bejn il-militar sabiex tissaħħaħ is-sħubija strateġika UE-Indja;
(m)
jirrimarkaw li l-UE u l-Indja huma tnejn mill-akbar kontributuri għaż-żamma tal-paċi tan-NU u huma impenjati favur paċi sostenibbli; jinkoraġġixxu diskussjoni u inizjattivi lejn it-twessigħ tal-kooperazzjoni fiż-żamma tal-paċi;
(n)
jieħdu nota pożittiva tas-sitt konsultazzjonijiet UE-Indja regolari dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni li saru, u jinkoraġġixxu lill-Indja ssaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u tieħu passi konkreti f'dan ir-rigward; jirrikonoxxu li l-Indja ngħaqdet ma' tliet reġimi multilaterali ta' kontroll tal-esportazzjoni relatati mal-proliferazzjoni ewlenin u jinkoraġġixxu sħubija UE-Indja aktar mill-qrib f'dawn il-fora;
(o)
jikkoordinaw pożizzjonijiet u inizjattivi f'fora multilaterali, b'mod partikolari n-NU, id-WTO u l-G20, billi jinsistu għal objettivi konġunti f'konformità mal-valuri u l-istandards internazzjonali kondiviżi, iżidu d-djalogu u jallinjaw b'mod effettiv il-pożizzjonijiet fid-difiża tal-multilateraliżmu u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; jimpenjaw ruħhom f'diskussjonijiet dwar riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-metodi ta' ħidma u jappoġġaw it-talba tal-Indja għal sħubija permanenti f'Kunsill tas-Sigurtà tan-NU riformat;
(p)
jippromwovu l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-kooperazzjoni ekonomika billi jappoġġaw inizjattivi ta' integrazzjoni reġjonali fl-Asja tan-Nofsinhar, inkluż fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali (SAARC);
(q)
jużaw l-esperjenza reġjonali estensiva tal-Indja u l-approċċi eżistenti tal-Istati Membri tal-UE għar-reġjun Indo-Paċifiku sabiex jiżviluppaw strateġija Ewropea Indo-Paċifika proattiva, komprensiva u realistika bbażata fuq il-prinċipji, il-valuri u l-interessi kondiviżi, inkluż id-dritt ekonomiku u internazzjonali; ifittxu l-koordinazzjoni, fejn xieraq, tal-politiki tal-UE u dawk Indjani dwar ir-reġjun Indo-Paċifiku u jestendu l-kooperazzjoni biex tkopri l-oqsma kollha ta' interess komuni; iqisu kif xieraq l-għażliet ta' politika sovrana ta' pajjiżi oħra fir-reġjun u r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE magħhom;
(r)
jippromwovu azzjoni konġunta ambizzjuża, b'miżuri speċifiċi, fil-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, inkluż fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika, kif ukoll fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi u l-ġlieda kontra x-xejriet awtoritarji u kull tip ta' estremiżmu, inkluż l-estremiżmu nazzjonalist u l-estremiżmu reliġjuż;
(s)
jippromwovu azzjoni konġunta fil-koordinazzjoni tas-sigurtà alimentari u l-operazzjonijiet ta' għajnuna f'każ ta' diżastru, f'konformità mal-prinċipji umanitarji kif minquxa fid-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-imparzjalità, in-newtralità u n-nondiskriminazzjoni fl-għoti tal-għajnuna;
(t)
jinnotaw li l-UE qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Kashmir; itennu l-appoġġ tal-UE għall-istabilità u t-tnaqqis tat-tensjoni bejn l-Indja u l-Pakistan, li t-tnejn li huma huma stati ta' armi nukleari, u jibqgħu impenjati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jippromwovu l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-rapporti tal-UNHCR dwar il-Kashmir; jistiednu lill-Indja u lill-Pakistan jikkunsidraw il-benefiċċji umani, ekonomiċi u politiċi enormi li ġġib magħha s-soluzzjoni ta' dan il-kunflitt;
(u)
iġeddu l-isforzi tal-UE għat-tqarrib u r-restawr ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat bejn l-Indja u l-Pakistan, abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, permezz ta' djalogu komprensiv u approċċ pass pass, li jibda b'miżuri għall-bini tal-fiduċja; jilqgħu, fid-dawl ta' dan, id-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Indja u l-Pakistan dwar il-Waqfien mill-Ġlied tal-25 ta' Frar 2021 bħala pass importanti fl-istabbiliment tal-paċi u l-istabilità reġjonali; jissottolinjaw l-importanza tad-dimensjoni bilaterali fil-ħidma biex jiġu stabbiliti paċi u kooperazzjoni dejjiema bejn l-Indja u l-Pakistan, li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għas-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun; jissottolinjaw ir-responsabilità għall-bini tal-paċi li hija d-dmir taż-żewġ stati bħala potenzi nukleari;
(v)
jirrikonoxxu l-appoġġ fit-tul tal-Indja lill-Afganistan u l-impenn tagħha għall-isforzi ta' bini tal-paċi ċċentrati fuq in-nies u mmexxija lokalment; jaħdmu flimkien mal-Indja u ma' stati reġjonali oħra biex jippromwovu l-istabbilizzazzjoni, is-sigurtà, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-valuri demokratiċi, inklużi d-drittijiet tan-nisa, fil-pajjiż; itennu li Afganistan paċifiku u prosperu jkun ta' benefiċċju għar-reġjun usa';
(w)
jissottolinjaw li l-preservazzjoni tal-paċi, l-istabilità u l-libertà tan-navigazzjoni fir-reġjun Asja-Paċifiku tibqa' ta' importanza kritika għall-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; iżidu l-impenn reċiproku biex jiġi żgurat li l-kummerċ fir-reġjun Indo-Paċifiku ma jiġix ostakolat; jinkoraġġixxu aktar qari komuni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt Marittimu, inkluż fir-rigward tal-libertà tan-navigazzjoni, u jintensifikaw il-kooperazzjoni fis-sigurtà marittima u missjonijiet konġunti ta' taħriġ fir-reġjun Indo-Paċifiku, sabiex jiġu ppreservati s-sigurtà u l-libertà tan-navigazzjoni tul il-linji marittimi ta' komunikazzjoni (SLOC); ifakkru li, b'mod partikolari f'kuntest ta' rivalità tal-poter reġjonali dejjem tikber, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tar-reġjun Indo-Paċifiku għandha ssegwi l-prinċipji ta' ftuħ, prosperità, inklużività, sostenibilità, trasparenza, reċiproċità u vijabilità; iniedu djalogu UE-Indja ta' livell għoli dwar il-kooperazzjoni marittima bil-għan li jitwessa' l-ambitu tal-konsultazzjonijiet attwali dwar il-ġlieda kontra l-piraterija u tiżdied l-interoperabilità u l-koordinazzjoni bejn l-Operazzjoni Atalanta tal-EUNAVFOR, iċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar il-Fużjoni tal-Indja għar-Reġjun tal-Oċean Indjan (IFC-IOR) u l-flotta navali Indjana fil-qasam tas-sorveljanza marittima, l-għajnuna f'każ ta' diżastru u t-taħriġ u l-eżerċizzji konġunti;
(x)
jinkoraġġixxu b'mod konġunt aktar djalogu bil-ħsieb tal-konklużjoni bikrija ta' kodiċi ta' kondotta fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar li ma jippreġudikax id-drittijiet leġittimi ta' kwalunkwe nazzjon f'konformità mad-dritt internazzjonali;
(y)
jieħdu nota bi tħassib tad-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-Indja u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, inkluż minħabba l-politika espansiva tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-akkumulazzjoni militari sostanzjali; jappoġġaw ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim, djalogu kostruttiv u komprensiv u r-rispett għad-dritt internazzjonali fil-fruntiera bejn l-Indja u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;
(z)
jirrikonoxxu l-impenn tal-Indja għall-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) permezz tal-kontribut tagħha għall-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi; isaħħu l-impenn reċiproku tagħhom għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluż l-iżvilupp ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali b'allokazzjonijiet baġitarji adatti għal implimentazzjoni effettiva;
(aa)
jinkoraġġixxu impenn komuni għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 2250, 2419 u 2535 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà (YPS), inkluż permezz tal-iżvilupp ta' strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tal-YPS b'allokazzjonijiet baġitarji xierqa u enfasi fuq il-prevenzjoni tal-konflitti; jinkoraġġixxu lill-Indja biex, flimkien mal-Istati Membri tal-UE, tinvesti fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ u biex tissieħeb ma' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-promozzjoni tad-djalogu u r-responsabilità; jesploraw modi ġodda biex iż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-bini ta' paċi u sigurtà pożittivi;
Il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba
(ab)
iqiegħdu d-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi fil-qalba tal-impenn tal-UE mal-Indja, u b'hekk jippermettu djalogu kostruttiv u orjentat lejn ir-riżultati u fehim reċiproku iktar profond; jiżviluppaw, f'kollaborazzjoni mal-Indja, strateġija biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw in-nisa, it-tfal, il-minoranzi etniċi u reliġjużi u l-libertà ta' reliġjon u twemmin, u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-istat tad-dritt bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll ambjent ħieles u sikur għall-ġurnalisti indipendenti u s-soċjetà ċivili, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex il-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati fis-sħubija UE-Indja usa';
(ac)
jesprimu tħassib serju dwar l-Att ta' Emenda dwar iċ-Ċittadinanza (CAA) tal-Indja, li, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa fundamentalment diskriminatorju fin-natura tiegħu kontra l-Musulmani u joħloq firda b'mod perikoluż; jinkoraġġixxu lill-Indja tiggarantixxi d-dritt li wieħed jipprattika liberament u jxerred ir-reliġjon tal-għażla tiegħu, kif minqux fl-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni tagħha; jaħdmu biex jeliminaw u jiskoraġġixxu d-diskors ta' mibegħda li jinċita d-diskriminazzjoni jew il-vjolenza, li jwassal għal ambjent tossiku fejn l-intolleranza u l-vjolenza kontra minoranzi reliġjużi jistgħu jseħħu b'impunità; jikkondividu l-aħjar prattiki dwar it-taħriġ tal-forzi tal-pulizija fit-tolleranza u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxu r-rabta bejn il-liġijiet kontra l-konverżjoni u l-vjolenza kontra l-minoranzi reliġjużi, b'mod partikolari l-komunitajiet Insara u Musulmani;
(ad)
jinkoraġġixxu lill-Indja, bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali tagħha, biex taċċetta u tiffaċilita ż-żjarat ta' u tikkoopera mill-qrib mar-rapporteurs speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, fil-monitoraġġ tal-iżviluppi fi spazju ċiviku u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, bħala parti mill-wiegħda tagħha li tkattar parteċipazzjoni ġenwina u involviment effettiv tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
(ae)
jindirizzaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-isfidi li tiffaċċja s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari tħassib imqajjem mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapporteurs speċjali tan-NU, fid-djalogu tagħha mal-awtoritajiet Indjani, inkluż fil-livell ta' summit; jinkoraġġixxu lill-Indja, bħala l-akbar demokrazija fid-dinja, biex turi l-impenn tagħha li tirrispetta, tipproteġi u tinforza bis-sħiħ id-drittijiet garantiti kostituzzjonalment għal-libertà ta' espressjoni għal kulħadd, inkluż online, id-dritt għal għaqda paċifika u assoċjazzjoni, inkluż fir-rigward tal-aħħar protesti tal-bdiewa fuq skala kbira, u l-libertà ta' reliġjon u twemmin; jistiednu lill-Indja tiżgura ambjent sikur għall-ħidma u l-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjentalisti, il-ġurnalisti u atturi oħra tas-soċjetà ċivili, ħielsa minn pressjoni politika jew ekonomika, u biex tieqaf tinvoka liġijiet kontra s-sedizzjoni u t-terroriżmu bħala mezz biex jiġu ristretti l-attivitajiet leġittimi tagħhom, inkluż f'Jammu u l-Kashmir, twaqqaf ir-restrizzjonijiet ġenerali tal-aċċess għall-internet, tirrevedi l-liġijiet sabiex jiġi evitat l-użu ħażin possibbli tagħhom biex isikktu d-dissens u temenda l-liġijiet li jrawmu d-diskriminazzjoni, u tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja u tiżgura l-obbligu ta' rendikont għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jindirizzaw l-effetti dannużi tal-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Barranin (FCRA) fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
(af)
jinkoraġġixxu lill-Indja tieħu passi ulterjuri biex tinvestiga u tipprevjeni l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, u tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; jindirizzaw il-kwistjoni taż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-Indja billi jinkoraġġixxu investigazzjonijiet bir-reqqa ta' reati vjolenti kontra n-nisa u l-bniet, kif ukoll it-taħriġ ta' uffiċjali dwar it-trattament ta' trawmi fix-xogħol tal-pulizija u l-investigazzjonijiet, jinfurzaw mekkaniżmu ta' monitoraġġ effettiv biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta' liġijiet li jittrattaw il-vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet, u jħaffu l-ipproċessar legali u jtejbu l-protezzjoni għall-vittmi;
(ag)
jindirizzaw il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti prevalenti u l-kwistjoni importanti tal-għoti tad-drittijiet skont l-Att dwar id-Drittijiet tal-Foresti lill-komunitajiet Adivasi;
(ah)
ifakkru fir-rifjut ta' prinċipju u fit-tul tal-UE tal-piena tal-mewt u jtennu t-talba tagħhom lill-Indja għal moratorju fuq il-piena tal-mewt bil-ħsieb tal-abolizzjoni permanenti tal-piena kapitali;
(ai)
jirrikonoxxu l-proċess fl-Indja tal-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem sabiex jimplimentaw bis-sħiħ il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jfakkru fir-responsabilitajiet tal-kumpaniji kollha li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-valur tagħhom, u jinkoraġġixxu kemm lill-UE kif ukoll lill-Indja biex jipparteċipaw b'mod attiv fin-negozjati li għaddejjin dwar trattat vinkolanti tan-NU għar-responsabilità korporattiva dwar id-drittijiet tal-bniedem;
(aj)
iħeġġu lill-Indja tirratifika l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura flimkien mal-Protokoll Fakultattiv tagħha, u l-Konvenzjoni tan-NU għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;
(ak)
jinkoraġġixxu lill-Indja tkompli tappoġġa l-isforzi tal-ġustizzja internazzjonali billi tiffirma l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);
(al)
jinkoraġġixxu lill-Indja tkompli t-tradizzjoni tagħha li tagħti protezzjoni lill-persuni li qed jaħarbu mill-vjolenza u l-persekuzzjoni sakemm ikunu possibbli l-kundizzjonijiet għal ritorn sikur, dinjituż u volontarju, u biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex telimina r-riskji ta' apolidija għall-komunitajiet fl-Indja;
(am)
jerġgħu jiddikjaraw l-importanza tad-dħul mill-iktar fis possibbli fi Djalogu regolari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Indja, f'konformità mal-impenn skont il-Pjan Direzzjonali UE-Indja, u f'konformità mal-intenzjoni kondiviża li jerġgħu jibdew il-laqgħat wara tmien snin mingħajr ma jkunu saru tali laqgħat, bħala opportunità importanti għaż-żewġ partijiet biex jiddiskutu u jsolvu l-kwistjonijiet li fadal dwar id-drittijiet tal-bniedem; jaġġornaw id-djalogu għal djalogu ta' livell ta' kwartieri ġenerali u jistinkaw biex jagħmlu dan permezz ta' parteċipazzjoni ta' livell għoli, l-istabbiliment ta' impenji konkreti, kriterji u parametri referenzjarji għall-progress, jiġu indirizzati każijiet individwali u jiġi ffaċilitat djalogu UE-Indja tas-soċjetà ċivili qabel id-djalogu intergovernattiv; jitolbu lis-SEAE jirrapporta regolarment lill-Parlament dwar ir-riżultati miksuba;
Il-kummerċ għas-sostenibilità u l-prosperità
(an)
ifakkru li l-kummerċ UE-Indja żdied b'aktar minn 70 % bejn l-2009 u l-2019 u li huwa fl-interess komuni li jitrawmu rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib; jirrikonoxxu li l-Indja hija alternattiva solida għal UE li tixtieq tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tagħha, u li l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Indja fis-settur agroalimentari;
(ao)
jaħtfu l-opportunità offruta mil-Laqgħa tal-Mexxejja UE-Indja biex jindirizzaw b'mod miftuħ il-kooperazzjoni bbażata fuq il-valuri fl-ogħla livell fi kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment; itennu r-rieda tal-UE li tikkunsidra t-tnedija ta' negozjati dwar ftehim awtonomu dwar il-protezzjoni tal-investiment, li jżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-investituri fuq iż-żewġ naħat u jsaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali; jaħdmu lejn il-kisba ta' objettivi komuni u ta' benefiċċju reċiproku f'dawn l-oqsma li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni u li jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem universali u jikkontribwixxu għalihom, inkluż id-drittijiet tax-xogħol, biex jippromwovu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030;
(ap)
jagħmlu l-aħjar użu mill-impenn tal-Indja favur il-multilateraliżmu u ordni kummerċjali internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; jippromwovu r-rwol deċiżiv tal-Indja fl-isforzi li għaddejjin għar-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
(aq)
jevalwaw sa liema punt il-mandat ta' negozjar tal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġi aġġornat jekk l-għan huwa li jiġi konkluż ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni li jkun jinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar kapitolu infurzabbli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll dispożizzjonijiet xierqa rigward id-drittijiet u d-dmirijiet tal-investituri u d-drittijiet tal-bniedem; jiżguraw negozjati kostruttivi filwaqt li jibqgħu konxji dwar il-livelli differenti ta' ambizzjoni bejn iż-żewġ naħat; f'dan ir-rigward jużaw l-evoluzzjoni inkoraġġanti tal-pożizzjoni tal-awtoritajiet Indjani rigward ir-rieda tagħhom li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fi ftehim futur;
Ir-reżiljenza permezz ta' sħubijiet settorjali
(ar)
jiffinalizzaw in-negozjati dwar sħubija ta' konnettività mal-Indja; jappoġġaw din is-sħubija b'mod partikolari permezz tal-għoti ta' self u garanziji għal investiment sostenibbli fi proġetti ta' infrastruttura diġitali u ekoloġika bilaterali u multilaterali fl-Indja, mill-entitajiet pubbliċi u privati tal-UE bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-istrument ta' finanzjament estern il-ġdid, f'konformità mal-potenzjal deskritt fl-Istrateġija ta' Konnettività bejn l-UE u l-Asja; jesploraw sinerġiji bejn il-kooperazzjoni UE-Indja u dik mal-pajjiżi tal-Asja tan-Nofsinhar u l-koordinazzjoni ta' diversi strateġiji ta' konnettività;
(as)
jiżguraw li l-inizjattivi ta' konnettività jkunu bbażati fuq standards soċjali, ambjentali u fiskali u l-valuri tas-sostenibilità, it-trasparenza, l-inklużività, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u r-reċiproċità, u jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-istrumenti legali tagħha inkluż il-Ftehim ta' Pariġi;
(at)
jirrikonoxxu l-għarfien espert tal-Indja fil-ġestjoni tad-diżastri naturali; jintensifikaw il-kooperazzjoni mal-Indja fit-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija tar-reġjun għad-diżastri naturali, inkluż permezz tas-sħubija fil-qafas tal-Koalizzjoni għal Infrastruttura Reżiljenti għad-Diżastri, sforz multilaterali biex jespandu r-riċerka u l-kondiviżjoni tal-għarfien fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju tal-infrastruttura;
(au)
isaħħu l-kooperazzjoni dwar il-mobilità sostenibbli permezz ta' miżuri konkreti bħall-iżvilupp ulterjuri tal-infrastrutturi tat-trasport bl-elettriku u l-investiment fi proġetti ferrovjarji; jenfasizzaw l-importanza vitali tal-ferroviji biex jittaffew il-konġestjoni u t-tniġġis f'żoni urbani kbar, jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u tiġi żgurata r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista vitali inkluż matul il-kriżijiet;
(av)
jappoġġaw aktar kooperazzjoni dwar l-isfidi maħluqa mill-urbanizzazzjoni rapida inkluż permezz tal-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki permezz ta' pjattaformi kondiviżi u kooperazzjoni bejn il-bliet, kooperazzjoni dwar it-teknoloġija tal-bliet intelliġenti, u appoġġ finanzjarju kontinwu għal proġetti fit-trasport urban fl-Indja permezz tal-BEI;
(aw)
ifakkru fir-rwol tal-Indja bħala manifattur ewlieni ta' farmaċewtiċi, mediċini ġeneriċi u vaċċini, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi globali tas-saħħa li għaddejja bħalissa; iħeġġu lill-impriżi konġunti jiżguraw aċċess universali għall-vaċċini kontra l-COVID-19; jitolbu tmexxija UE-Indja fil-promozzjoni tas-saħħa bħala ġid pubbliku globali, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ għal inizjattivi multilaterali, inkluż il-COVAX, u jgħinu biex jiġi żgurat aċċess universali għall-vaċċini, b'mod partikolari fost il-pajjiżi bi dħul baxx, b'mod partikolari billi jaħdmu flimkien fil-fora internazzjonali rilevanti;
(ax)
jgħollu l-livell ta' ambizzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali UE-Indja dwar it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari billi jaċċelleraw it-tkabbir ekoloġiku u tranżizzjoni ġusta u sikura lejn enerġija nadifa, jilħqu n-newtralità klimatika, u jsaħħu l-ambizzjoni ta' kontributi determinati fil-livell nazzjonali; ikomplu t-tmexxija globali komuni b'appoġġ għall-Ftehim ta' Pariġi u jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-aġendi dwar l-enerġija nadifa u rinnovabbli u dwar l-ekonomija ċirkolari;
(ay)
jaffermaw mill-ġdid impenn konġunt, bħala żewġ emittenti globali kbar ta' gassijiet serra, għal sforzi aktar koordinati lejn il-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima; jinnotaw it-tmexxija tal-Indja fl-enerġija rinnovabbli u l-progress li sar permezz tas-Sħubija UE-Indja dwar l-Enerġija Nadifa u l-Klima; jinkoraġġixxu l-investiment u l-kooperazzjoni biex ikomplu javvanzaw il-mobilità elettrika, it-tkessiħ sostenibbli, it-teknoloġija tal-batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss, il-ġenerazzjoni distribwita tal-elettriku, u t-tranżizzjoni ġusta fl-Indja; jibdew diskussjoni dwar u jevalwaw il-kooperazzjoni strateġika fil-qasam tal-elementi tal-materjali tal-art rari; jintensifikaw l-implimentazzjoni tas-sħubija għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma;
(az)
jippromwovu aġenda komuni ambizzjuża u azzjoni globali dwar il-bijodiversità, inkluż fit-tħejjija għall-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP 15) f'Mejju 2021;
(ba)
jistinkaw għal tmexxija konġunta fl-istabbiliment u l-avvanz ta' standards internazzjonali fl-ekonomija diġitali bbażati fuq diġitalizzazzjoni sostenibbli u responsabbli u ambjent tal-ICT ibbażat fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiġi indirizzat it-theddid għaċ-ċibersigurtà u jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni tad-data personali;
(bb)
iżidu l-ambizzjonijiet tal-UE għall-konnettività diġitali mal-Indja fil-kuntest tal-istrateġija ta' trasformazzjoni diġitali tal-UE; jaħdmu flimkien mal-Indja fl-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji kritiċi, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-implikazzjonijiet strateġiċi u ta' sigurtà kbar li dawn it-teknoloġiji ġodda jġibu magħhom; jinvestu fi sħubija fis-servizzi diġitali u l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali responsabbli u bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem; jilqgħu l-isforzi tal-Indja lejn livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali simili għall-GDPR u jkomplu jappoġġaw ir-riforma tal-protezzjoni tad-data fl-Indja; jenfasizzaw il-benefiċċji reċiproċi ta' kooperazzjoni intensifikata f'dan il-qasam; jinkoraġġixxu aktar konverġenza bejn l-oqfsa regolatorji biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, inkluż permezz ta' deċiżjonijiet possibbli dwar l-adegwatezza tad-data, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati flussi transfruntiera sikuri u siguri tad-data, li jippermettu kooperazzjoni aktar mill-qrib, speċjalment fis-settur tal-ICT u tas-servizzi diġitali; jinnotaw li l-allinjament tar-regolamentazzjoni tad-data Indjana u Ewropea jiffaċilita b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni reċiproka, il-kummerċ u t-trażmissjoni sikura ta' informazzjoni u għarfien espert; jaħdmu biex jirreplikaw il-ftehimiet internazzjonali tal-UE dwar ir-roaming mobbli mal-Indja;
(bc)
jemmnu li l-iżvilupp tas-settur diġitali huwa ta' importanza kbira għas-sigurtà u għandu jinkludi d-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista tal-manifatturi tat-tagħmir, permezz tal-promozzjoni ta' arkitetturi tan-networks miftuħa u interoperabbli u sħubijiet għad-diġitalizzazzjoni, ma' sħab li jikkondividu l-valuri tal-UE u jużaw it-teknoloġija b'konformità mad-drittijiet fundamentali;
(bd)
jieħdu passi effettivi biex jiffaċilitaw il-mobilità UE-Indja, inkluż għall-migranti, l-istudenti, il-ħaddiema b'ħiliet għolja u l-artisti, filwaqt li titqies id-disponibilità tal-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-UE u fl-Indja; jirrikonoxxu l-ġabra konsiderevoli ta' talenti fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali kemm fl-Indja kif ukoll fl-UE u l-interess komuni fl-iżvilupp ta' għarfien espert u kooperazzjoni ta' livell għoli f'dan il-qasam;
(be)
jikkunsidraw l-iskambji bejn il-persuni bħala waħda mid-dimensjonijiet ewlenin tas-sħubija strateġika; jappellaw għal sħubija aktar profonda fl-edukazzjoni pubblika, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-iskambju kulturali; jistiednu lill-Istati Membri tal-UE u lill-Indja jinvestu speċjalment fil-kapaċitajiet u t-tmexxija taż-żgħażagħ u jiżguraw l-inklużjoni sinifikanti tagħhom fil-ħajja politika u ekonomika; jippromwovu l-parteċipazzjoni Indjana, b'mod partikolari dik ta' studenti u prattikanti żgħażagħ Indjani, fi programmi tal-UE bħal Orizzont Ewropa, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, il-fellowship Marie Skłodowska-Curie u l-iskambji bejn il-persuni fl-edukazzjoni u l-kultura; jippromwovu, f'dan ir-rigward, il-programm Erasmus+ u jiżguraw l-inklużjoni ugwali ta' studenti, xjenzati, riċerkaturi u professjonisti nisa f'dawn il-programmi; ikomplu l-kooperazzjoni mill-qrib fir-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi t-teknoloġiji diġitali ċċentrati fuq il-bniedem u bbażati fuq l-etika, filwaqt li jinkoraġġixxu t-tisħiħ tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali;
(bf)
jesploraw aktar il-possibilitajiet għal kollaborazzjoni komprensiva taħt il-qafas tal-G20 dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali, bħall-protezzjoni soċjali, il-paga minima, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; jikkooperaw dwar il-qerda tat-tħaddim tat-tfal billi jappoġġaw l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tar-rispett tal-Konvenzjonijiet 138 tal-ILO (il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima) u 182 (il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal), ratifikati mill-Indja f'Ġunju 2017;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.