Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2141(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0044/2021

Testi mressqa :

A9-0044/2021

Dibattiti :

PV 27/04/2021 - 8
CRE 27/04/2021 - 8

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2021 - 2
PV 28/04/2021 - 13
CRE 28/04/2021 - 13
PV 29/04/2021 - 19

Testi adottati :

P9_TA(2021)0165

Testi adottati
PDF 401kWORD 114k
Il-Ħamis, 29 ta' April 2021 - Brussell
Kwittanza 2019: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Parlament Ewropew
P9_TA(2021)0165A9-0044/2021
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (2020/2141(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (COM(2020)0288 – C9-0221/2020)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għas-sena finanzjarja 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(5) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2019 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar ir-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 34 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Artikolu 104(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0044/2021),

A.  billi l-President adotta l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2019 fl-24 ta' Ġunju 2020;

B.  billi s-Segretarju Ġenerali, bħala l-uffiċjal awtorizzanti prinċipali b'delega, fis-17 ta' Ġunju 2020, iċċertifika b'aċċertament raġonevoli li r-riżorsi assenjati għall-baġit tal-Parlament intużaw għall-iskopijiet previsti, f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, u li l-proċeduri ta' kontroll stabbiliti joffru l-garanziji neċessarji ta' legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi;

C.  billi skont l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri ġie affermat li, fil-valutazzjoni speċifika tal-infiq amministrattiv u ta' nfiq ieħor fl-2019, ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija serja fir-rapporti eżaminati tal-attività annwali tal-istituzzjonijiet u tal-korpi li jitlob ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046;

D.  billi l-Artikolu 262(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jirrikjedi li kull istituzzjoni tal-Unjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tieħu azzjoni fuq il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tal-kwittanza tal-Parlament;

1.  Jagħti l-kwittanza lill-President tiegħu għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2019;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 67,7.3.2019, p. 1.
(2) ĠU C 384, 13.11.2020, p. 1.
(3) ĠU C 239, 20.7.2020, p. 1.
(4) ĠU C 377, 9.11.2020, p. 13.
(5) ĠU C 384, 13.11.2020, p. 180.
(6) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew (2020/2141(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Artikolu 104(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0044/2021),

A.  billi, fiċ-ċertifikazzjoni tiegħu tal-kontijiet finali, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Parlament Ewropew (il-"Parlament") iddikjara l-aċċertament raġonevoli tiegħu li l-kontijiet, fl-aspetti materjali kollha, jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja, ir-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi tal-flus tal-Parlament;

B.  billi, skont il-proċedura tas-soltu, intbagħtu 192 mistoqsija lill-amministrazzjoni tal-Parlament u t-tweġibiet bil-miktub waslu u ġew diskussi pubblikament mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, fil-preżenza tal-Viċi President responsabbli għall-Baġit, is-Segretarju Ġenerali, id-Direttur tal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (l-"Awtorità") u l-awditur intern;

C.  billi, dejjem hemm lok għal titjib f'termini ta' kwalità, effiċjenza u effettività fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u hemm bżonn ta' skrutinju biex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni u t-tmexxija politika tal-Parlament jagħtu rendikont ta' għemilhom liċ-ċittadini tal-Unjoni,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-Parlament

1.  Jinnota li l-approprjazzjonijiet finali tal-Parlament għall-2019 ammontaw għal EUR 1 996 978 262, jew 18,5 % tal-Intestatura V tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali(1) allokati għall-infiq amministrattiv għall-2019 tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-totalità tagħhom, u li jirrappreżentaw żieda ta' 2,4 % fuq il-baġit tal-2018 (EUR 1 950 687 373);

2.  Jinnota li d-dħul totali li tniżżel fil-kontijiet sal-31 ta' Diċembru 2019 kien jammonta għal EUR 207 521 070 (meta mqabbel ma' EUR 193 998 910 fl-2018), li jinkludi EUR 36 566 236 minn dħul assenjat (meta mqabbel ma' EUR 30 783 590 fl-2018);

3.  Jenfasizza li erba' kapitoli kienu jirrappreżentaw 67,8 % tal-impenji totali: Kapitolu 10 (Membri tal-istituzzjoni), Kapitolu 12 (Uffiċjali u persunal temporanju), Kapitolu 20

(Bini u spejjeż assoċjati) u Kapitolu 42 (Nefqa relatata mal-assistenza parlamentari), li jindika livell għoli ta' riġidità fil-biċċa l-kbira tan-nefqa tal-Parlament;

4.  Jinnota ċ-ċifri li abbażi tagħhom ingħalqu l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2019, speċifikament:

(a)  Approprjazzjonijiet disponibbli (EUR)

approprjazzjonijiet għall-2019:

1 996 978 262

riporti mhux awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2018:

---

riporti awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2018:

299 095 028

approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għal dħul assenjat għall-2019:

36 566 236

riporti li jikkorrispondu għal dħul assenjat mill-2018:

49 010 988

Total:

2 381 650 514

(b)  Użu ta' approprjazzjonijiet fis-sena finanzjarja 2019 (EUR)

impenji:

2 332 411 812

pagamenti li saru:

2 035 068 314

approprjazzjonijiet riportati awtomatikament inklużi dawk li ġejjin minn dħul assenjat:

306 712 540

approprjazzjonijiet riportati mhux awtomatikament:

---

approprjazzjonijiet ikkanċellati:

38 744 124

(c)  Dħul tal-baġit (EUR)

riċevuti fl-2019:

207 521 070

(d)  Il-karta tal-bilanċ totali fil-31 ta' Diċembru 2019 (EUR)

1 685 376 397

5.  Jindika li 98,8 % tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-Parlament, li ammontaw għal EUR 1 973 232 524, ġew impenjati, b'rata ta' kanċellazzjoni ta' 1,2 %; jinnota b'sodisfazzjon li, bħal ma ġara fis-snin preċedenti, inkiseb livell għoli ħafna ta' implimentazzjoni tal-baġit; jinnota li l-pagamenti ammontaw għal EUR 1 698 971 864, u dan irriżulta f'rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' 86,1 %;

6.  Jissottolinja l-fatt li l-approprjazzjonijiet kanċellati għas-sena 2019, li ammontaw għal EUR 23 745 738, kienu prinċipalment relatati man-nefqa relatata ma' bini, kif ukoll ma' remunerazzjoni u intitolamenti;

7.  Jinnota li fis-sena finanzjarja 2019 ġew approvati tmintax-il trasferiment skont l-Artikoli 31 u 49 tar-Regolament Finanzjarju, li ammontaw għal EUR 76 028 316 jew 3,8 % tal-approprjazzjonijiet finali; josserva li 45,3 % tal-fondi ttrasferiti kienu relatati mal-politika immobiljari tal-Parlament u, fil-maġġoranza, b'mod partikolari, biex jgħinu l-finanzjament tal-pagamenti annwali għall-proġett tal-bini Adenauer; jinnota li t-trasferimenti marbuta mal-posponimenti fir-rigward tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea ammontaw għal 25 %;

L-opinjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet għall-2019 u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet

8.  Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") tagħmel valutazzjoni speċifika tal-infiq amministrattiv u nfiq ieħor bħala grupp ta' politika uniku għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha; jindika li l-infiq amministrattiv u relatat jinkludi n-nefqa għar-riżorsi umani (salarji, allowances u pensjonijiet), li jirrappreżenta 60 % tat-total, u n-nefqa għall-bini, it-tagħmir, l-enerġija u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

9.  Jikkonstata li l-evidenza kumplessiva tal-awditjar tindika li l-infiq fuq "amministrazzjoni" mhuwiex milqut minn livell materjali ta' żball; jinnota wkoll li, abbażi tat-tliet żbalji kwantifikati, il-livell ta' żball stmat preżenti fl-Intestatura 5 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali dwar l-amministrazzjoni huwa taħt il-livell limitu ta' materjalità;

10.  Jinnota s-sejbiet speċifiċi, rigward il-Parlament, li jinsabu fir-rapport annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit li jikkonċerna s-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"); jinnota bi tħassib li l-Qorti sabet żbalji f'pagament lil wieħed mill-partiti politiċi Ewropej, li kienu jikkonċernaw nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-eliġibbiltà tan-nefqa, b'mod speċjali, u ma ġie pprovdut l-ebda dokument kuntrattwali bil-miktub u l-ebda evidenza ta' sostenn għall-ispejjeż li fil-fatt ġew imġarrba; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Qorti rrappurtat nuqqasijiet simili fi tranżazzjonijiet relatati ma' gruppi politiċi u ma' partit Ewropew fir-rapporti annwali tagħha fl-2014, l-2015 u l-2016; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza fl-iskambju ta' informazzjoni sabiex tiġi prevenuta kwalunkwe repetizzjoni ta' dawn in-nuqqasijiet fil-ġejjieni; jinnota, madankollu, li għalkemm għad hemm lok għal titjib, matul dawn l-aħħar snin kien hemm żvilupp pożittiv kbir;

11.  Jinnota t-tweġiba mogħtija mill-Parlament fil-proċedura kontenzjuża mal-Qorti, li eżaminat mill-ġdid u indirizzat il-każijiet individwali enfasizzati bħala riżultat tas-sejbiet tal-Qorti; ifakkar li, filwaqt li l-amministrazzjoni tal-Parlament hija s-servizz awtorizzanti għall-ħlas tal-għotja lill-partiti politiċi Ewropej, mhijiex responsabbli għan-nefqa reali tagħhom, u li l-partiti politiċi Ewropej innifishom huma responsabbli għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tagħhom; jinnota li l-Parlament ipprovda lill-partiti politiċi Ewropej informazzjoni komprensiva u gwida dwar suġġetti li fir-rigward tagħhom ġew identifikati problemi; jistieden lill-Qorti tivverifika l-infiq tal-partiti politiċi Ewropej fuq bażi regolari;

Ir-rapport annwali tal-awditur intern

12.  Jinnota li, fil-laqgħa tal-kumitat responsabbli mal-Awditur Intern li saret fis-16 ta' Novembru 2020, l-awditur intern ippreżenta r-rapport annwali tiegħu u ddeskriva l-awditjar ta' aċċertament li wettaq u rrapporta dwarhom, li fl-2019 koprew is-suġġetti li ġejjin:

   awditjar tal-akkwist u tal-implimentazzjoni tal-kuntratti fis-settur tal-forniment tal-ikel (id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO);
   awditjar tal-gruppi ta' viżitaturi (Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM));
   awditjar tal-benefiċċju tal-assistenza parlamentari fir-rigward tal-assistenti lokali (Direttorat Ġenerali għall-Finanzi (DĠ FINS));
   l-ewwel rapport dwar l-awditjar tas-sistemi tal-informazzjoni: il-ġestjoni tal-identitajiet u l-aċċessi;
   awditjar tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (DĠ FINS);
   rieżami preliminari tal-qafas ta' protezzjoni tad-data tal-Parlament;
   is-segwitu tal-azzjonijiet miftuħa mir-rapporti ta' awditjar intern - fażijiet 1 u 2 tal-2019.

13.  Jilqa' u jappoġġja l-azzjonijiet li ġejjin li l-awditur intern qabel dwarhom jew li jinsab fil-proċess li jaqbel mad-direttorati ġenerali responsabbli, bħala riżultat tal-assenjazzjonijiet ta' aċċertament:

   fir-rigward tal-awditjar tal-akkwist u l-implimentazzjoni tal-kuntratti fis-settur tal-forniment tal-ikel (DĠ INLO), il-kisba tal-objettivi ta' kontroll intern, b'mod partikolari, billi jkunu permessi limiti ta' żmien itwal għall-akkwist li huma proporzjonati għall-kumplessità tal-ispeċifikazzjonijiet; l-iżgurar ta' speċifikazzjonijiet tal-offerta aktar ċari, aktar rilevanti u preċiżi; l-iżgurar ta' evalwazzjoni trasparenti għall-offerti li tkun ibbażata fuq il-kriterji ppubblikati u li tkun dokumentata kif xieraq; il-validazzjoni ta' kuntratti ad hoc dwar konċessjonijiet mas-servizz legali; l-importanza kritika tal-ġestjoni tal-emendi għall-kuntratti ta' konċessjoni f'konformità mar-regoli; monitoraġġ u rappurtar aħjar tal-ġestjoni (il-Parlament ifakkar li l-azzjonijiet imsemmijin hawn fuq huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-proċeduri ta' akkwist pubbliku jattiraw aktar offerti u b'hekk jirriżultaw f'kompetizzjoni aħjar u servizzi mtejba matul perjodu speċifiku ta' żmien; jissottolinja l-importanza li jitqiesu l-kriterji għas-sostenibbiltà ambjentali u l-fatturi soċjali);
   fir-rigward tal-awditjar tal-gruppi ta' viżitaturi, iż-żieda fl-aċċertament tar-regolarità tal-pagamenti u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, inklużi definizzjonijiet aħjar tal-ispejjeż eliġibbli u tal-perjodu ta' eliġibbiltà; it-titjib tal-adegwatezza u l-effettività tal-kontrolli ex ante u ex post fuq ir-rimborżi; l-iżgurar ta' konformità sħiħa mar-regoli applikabbli fir-rigward tal-ħlas tal-gruppi ta' viżitaturi; miżuri li jiżguraw it-twettiq sħiħ tal-programm tal-gruppi ta' viżitaturi;
   rigward l-ewwel rapport dwar l-awditjar tas-sistemi tal-informazzjoni: il-ġestjoni tal-identità u l-aċċess, li tnaqqas għal minimu assolut il-provvista ta' drittijiet ta' aċċess privileġġat għall-infrastrutturi ta' UNIX/LINUX tal-hekk imsejħa "superutenti"; it-tisħiħ tal-kontrolli ta' aċċess fil-livell ċentrali fuq l-applikazzjonijiet kritiċi inklużi fil-kampjun; l-istabbiliment ta' proċeduri ta' sigurtà f'kontijiet privileġġati sabiex jiġu definiti regoli tal-kontroll tal-aċċess;
   fir-rigward tal-awditjar tal-allowance għall-assistenza parlamentari (DĠ FINS), l-enfasi fuq il-konformità regolatorja u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-proċessi għall-ħlas tal-ispejjeż tal-assistenza parlamentari lokali, b'mod partikolari l-lok għal azzjoni fil-qasam tal-obbligi professjonali u kuntrattwali tal-aġenti tal-ħlas, u r-regolarizzazzjoni annwali tal-kontijiet tagħhom;
   fir-rigward tal-ewwel fażi tal-awditjar ta' finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (DĠ FINS), l-enfasi fuq il-proċess ta' reġistrazzjoni tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u l-monitoraġġ tal-eliġibbiltà tagħhom, il-kooperazzjoni funzjonali bejn l-Awtorità u l-uffiċjal awtorizzanti tal-Parlament, u l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ewlenija;
   fir-rigward tar-rieżami preliminari tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-Parlament, li se jiġi adottat skont il-programm ta' ħidma tal-awditjar intern tal-2020, l-enfasi fuq il-konformità tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-Parlament mar-Regolament 2018/1725(2), filwaqt li tiġi żgurata struttura ta' governanza sostenibbli li tipprovdi aċċertament dwar il-konformità mal-obbligi dwar il-ġestjoni tad-data personali, flimkien ma' miżuri biex din id-data tiġi protetta; rapportar affidabbli u konsistenti dwar il-ġestjoni tad-data personali tal-istituzzjoni;

14.  Jinnota li l-proċess ta' segwitu tal-2019 irriżulta fl-għeluq ta' 36 mit-93 azzjoni miftuħa; jinnota bi tħassib li minbarra dawn l-azzjonijiet validati, kien hemm total ta' 124 azzjoni miftuħa mir-rapporti tal-awditjar, inklużi dawk li għadhom mhux dovuti għall-implimentazzjoni, u li 62 minn dan in-numru totali ta' azzjonijiet jindirizzaw riskju sinifikanti; jistenna sforz mid-direttorati ġenerali differenti sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet li suppost kellhom isiru jingħalqu u li l-azzjonijiet miftiehma jiġu implimentati skont id-dati dovuti stabbiliti; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-għeluq tal-azzjonijiet pendenti matul is-seduti ta' smigħ tiegħu fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament f'Ottubru u f'Novembru 2021;

Segwitu għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza għall-2018

15.  Jieħu nota tar-risposti bil-miktub għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza għall-2018 mogħtija lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fil-21 ta' Settembru 2020, u tal-preżentazzjoni mis-Segretarju Ġenerali li fiha indirizza d-diversi mistoqsijiet u talbiet imqajma fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-Parlament għall-2018 u l-iskambju ta' fehmiet mal-Membri li segwew;

16.  Jinnota b'dispjaċir li ma tteħdux l-azzjonijiet meħtieġa kollha b'risposta għal uħud mir-rakkomandazzjonijiet tagħhom fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-Parlament għall-2018, u li d-dokument ta' segwitu dwar il-kwittanza ma jipprovdi l-ebda ġustifikazzjoni għal dan; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jibgħat lill-Bureau t-talbiet kollha għal azzjoni inkluż fir-riżoluzzjonijiet annwali ta' kwittanza, jistabbilixxi pjan ta' azzjoni biex jindirizza u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet, u jinkludi r-riżultati ta' dan l-eżerċizzju fir-rapporti annwali tal-attività; jenfasizza li s-Segretarju Ġenerali u l-Viċi President responsabbli għall-Baġit; jenfasizza li s-Segretarju Ġenerali għandu jkollu diskussjonijiet regolari mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-baġit tal-Parlament u l-implimentazzjoni tiegħu; iqis li dawn għandhom isiru matul is-sena u mhux biss waqt il-proċedura ta' kwittanza; itenni t-talba tiegħu lill-Bureau biex itejjeb it-trasparenza tal-proċedura tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-pubblikazzjoni f'waqtha tad-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti fis-sit web tiegħu;

17.   Jirrikonoxxi l-passi meħuda biex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni għall-fornitur il-ġdid tas-servizzi għall-Crèche tal-Parlament; jistieden lis-servizzi rilevanti jimmonitorjaw kontinwament il-prestazzjoni tat-tim il-ġdid, filwaqt li jiggarantixxu li l-livell tas-servizzi jibqa' sodisfaċenti, u fost l-oħrajn, jiżguraw li jkun hemm proporzjon suffiċjenti bejn l-għadd ta' tfal u l-għadd ta' persunal li jindokrawhom;

18.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma ttieħed l-ebda pass ulterjuri rigward il-fond ta' pensjoni volontarja minħabba l-kontestazzjoni minn għadd ta' membri tal-fond ta' pensjoni tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-10 ta' Diċembru 2018 quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (il-"Qorti tal-Ġustizzja"); jistieden lis-Segretarju Ġenerali jinforma immedjatament lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

19.  Jilqa' l-fatt li l-użu ta' pagamenti fi flus naqas b'mod sinifikanti, u li l-Membri użaw il-possibbiltà offruta mir-regoli riveduti biex jassenjaw ir-responsabbiltà finanzjarja ta' żjarat sponsorjati lil professjonisti, jiġifieri aġenti tal-ħlas jew aġenziji tal-ivvjaġġar minflok assistenti parlamentari akkreditati ("APAs"); jinnota bi tħassib, madankollu, li s-Segretarju Ġenerali għadu ma ħariġx valutazzjoni tar-regoli l-ġodda, u jitlob it-tħejjija ta'din il-valutazzjoni; jenfasizza li l-awditur intern għandu jiġi kkonsultat dwar il-proċeduri eżistenti meta titħejja din il-valutazzjoni;

20.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri fost il-maniġment tal-amministrazzjoni tal-Parlament; jirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi f'dan ir-rigward u jirrikonoxxi l-miri l-ġodda; jagħraf il-ħtieġa ta' monitoraġġ kontinwu tas-suġġett;

21.   Ifakkar fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018 li titlob lill-Bureau jżid l-għadd ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fl-amministrazzjoni tal-Parlament;

22.  Itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jinsisti fuq il-ħtieġa ta' bilanċ ġeografiku reali f'termini ta' rappreżentanza proporzjonali tal-Istati Membri kollha fil-livelli kollha tal-persunal, inkluż il-maniġment superjuri; jinnota d-diffikultajiet li ltaqa' magħhom il-Parlament fir-reklutaġġ ta' xi nazzjonalitajiet; jisħaq fuq l-importanza li l-Parlament isir aktar attraenti bħala impjegatur fost l-Istati Membri kollha;

23.   Jilqa' n-nota tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Ġestjoni tad-Diżabilità fl-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew, jenfasizza li l-għaxar impenji li saru fin-nota għad iridu jiġu segwiti matul il-perjodu leġiżlattiv attwali fl-oqsma tal-aċċessibilità diġitali u fiżika, jitlob li l-awtorità tal-kwittanza tinżamm infurmata dwar il-progress li jkun sar;

24.  Ifakkar li l-Artikolu 11 tar-Regoli ta' Proċedura introduċa obbligu għar-rapporteurs, ix-shadow rapporteurs u l-presidenti tal-kumitati li jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-laqgħat li jsiru ma' rappreżentanti ta' interess, fil-kuntest tar-rapporti tagħhom; jinnota b'sodisfazzjon li, mill-bidu tal-leġislatura l-ġdida, l-infrastruttura meħtieġa hija disponibbli fuq is-sit web tal-Parlament biex il-Membri jkunu jistgħu jippubblikaw il-laqgħat skedati mar-rappreżentanti interessati sabiex tittejjeb it-trasparenza; jinnota li 324 mis-705 Membru attwali kienu ppubblikaw mill-inqas laqgħa waħda ma' rappreżentant ta' interess sal-1 ta' Diċembru 2020 fuq is-sit web tal-Parlament; iħeġġeġ, madankollu, aktar titjib fl-aċċessibilità u l-utilizzabbiltà tal-għodda inkluż billi r-rapporteurs, ix-shadow rapporteurs u l-presidenti tal-kumitati jiġu mwissija dwar l-obbligu tal-pubblikazzjoni ta' tali informazzjoni sabiex tissodisfa l-funzjoni tagħha li tagħmel lill-Parlament aktar miftuħ, trasparenti u responsabbli lejn iċ-ċittadini;

25.  Itenni li l-President tal-Parlament ta istruzzjonijiet lis-servizzi tal-Parlament biex jimplimentaw għadd ta' bidliet fl-għodda biex tittejjeb il-faċilità tal-użu tagħha, l-ewwel u qabel kollox billi jikkonnettjawha mar-Reġistru ta' Trasparenza u l-Osservatorju Leġiżlattiv; jistieden lill-Parlament jimplimenta dawn il-bidliet mingħajr aktar dewmien;

Kuntest ġenerali

26.  Jinnota l-iskambju ta' opinjonijiet bejn il-Viċi President responsabbli mill-baġit, is-Segretarju Ġenerali u l-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fil-preżenza tal-awditur intern u d-Direttur tal-Awtorità, fis-16 ta' Novembru 2020, fil-kuntest tal-kwittanza tal-Parlament għall-2019;

27.  Jindika li l-elezzjonijiet Ewropej ta' Mejju 2019 wasslu għal 2019 maqsum fi tnejn għall-Parlament Ewropew, bl-ewwel nofs iffukat fuq l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni u t-tieni nofs ffukat fuq il-bidu ta' leġislatura parlamentari ġdida;

28.  Josserva li 61 % tal-Membri tad-disa' leġislatura tal-Parlament kienu ġodda, żieda sostanzjali fuq il-mandati ta' qabel u fuq l-ammont proġettat ta' 50 % li kien ġie stabbilit bħala bażi tal-baġit tal-Parlament għall-2019;

29.  Ifakkar li l-posponiment tad-data għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fi tliet okkażjonijiet matul l-2019 kellu impatt importanti fuq il-baġit tal-Parlament għall-2019; jindika li s-salarji u l-allowances tal-Membri Brittaniċi u l-assistenti tagħhom tħallsu għal perjodu itwal minn dak previst fil-bidu, li wassal għal numru u għal spiża globali tat-trasferimenti baġitarji meħtieġa fil-baġit tal-Parlament sostanzjalment ogħla; jilqa' l-flessibbiltà tal-ġestjoni tal-kuntratti ta' impjieg tal-APAs tal-Membri Brittaniċi mid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal (DĠ PERS);

30.  Jinnota b'sodisfazzjon il-konsolidazzjoni tal-front office għall-APA bħala punt uniku ta' kuntatt biex jiġi ġestit ir-reklutaġġ minn tarf sa tarf tal-APA, kif ukoll ir-rwol tad-DĠ PERS fl-iffaċilitar tal-induzzjoni u l-integrazzjoni ta' Membri u APAs ġodda wara l-elezzjoni u l-ġestjoni b'suċċess tal-bidla fil-leġislatura permezz tat-task force dedikata tad-DĠ PERS għall-elezzjonijiet fl-2019, li żgurat li għall-ewwel sessjoni parzjali tad-disa' Leġislatura, ġew konklużi 1 292 kuntratt ta' reklutaġġ tal-APAs (jiġifieri għal 93 % tal-Membri), b'2 017-il kuntratt konklużi sa tmiem is-sena;

31.  Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet esperjenzati mill-Membri biex jirreklutaw malajr l-assistenti tagħhom fil-bidu tal-leġiżlatura minħabba ż-żieda fl-attività fid-DĠ PERS; jitlob li t-timijiet amministrattivi tal-Parlament responsabbli għar-reklutaġġ tal-APAs jissaħħu fil-bidu ta' kull mandat ġdid, għat-tul ta' żmien meħtieġ biex il-Membri jkunu jistgħu jirreklutaw l-assistenti tagħhom u biex jiġi pprovdut taħriġ komprensiv minn qabel u sakemm ikun għadda l-perjodu b'volum qawwi ta' xogħol;

32.  Jirriafferma l-ħtieġa li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Persunal dwar l-iskadenza tal-applikazzjoni għall-allowance ta' risistemazzjoni fuq l-istess livell għall-kategoriji kollha tal-persunal; jappella lil DĠ PERS jeżamina b'mod partikolari l-każijiet ta' ex APA fejn l-iskadenza statutorja ma ġietx applikata b'mod korrett fi tmiem il-leġiżlatura f'Lulju 2019;

33.  Ifaħħar it-teħid tal-kontroll tal-kompiti l-ġodda għall-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-apprendisti tal-Membri wara d-deċiżjoni tal-Bureau li jsaħħaħ il-qafas għar-reklutaġġ tagħhom fit-2 ta' Lulju 2019;

34.  Jilqa' t-tlestija b'suċċess, fl-2019, ta' ambjenti tax-xogħol ġodda għall-Membri fi Brussell u Strasburgu; ifaħħar il-fatt li l-irranġar tal-uffiċċji kollha tal-Membri fi Brussell (uffiċċju personali wieħed għal kull membru + żewġ uffiċċji tal-persunal) u fi Strasburgu (uffiċċju personali wieħed + uffiċċju tal-persunal wieħed) sar fi żmien rekord u tlesta qabel iż-żmien, kif ukoll ġie jiswa inqas mill-ammont tal-baġit għax-xogħlijiet allokat għalih, u li tagħmir ta' għamara ġdida, inklużi soluzzjonijiet integrati tal-IT ġew installati bi spiża aktar baxxa minn kif previst oriġinarjament; jinnota li l-pjan rivedut ta' allokazzjoni tal-uffiċċji għall-Membri u l-gruppi politiċi kien ibbażat fuq l-aktar użu effiċjenti tal-ispazju disponibbli għall-uffiċċji; jiddispjaċih li dan il-prinċipju wassal biex xi gruppi politiċi għandhom il-Membri tagħhom imxerrda f'binjiet u f'sulari differenti mingħajr ebda konnessjoni loġika, b'mod li jkisser l-għaqda tal-gruppi politiċi; jiddispjaċih ukoll li d-distribuzzjoni tal-uffiċċji lill-gruppi politiċi ġiegħlet lil xi wħud jirrilokaw f'binjiet esterni li m'għadhomx konnessi mal-attivitajiet ewlenin tal-Parlament u b’hekk inħolqot separazzjoni strutturali tal-persunal mill-Membri; jieħu nota li l-bini Trèves 1 huwa fqir f'termini ta' servizzi, u għandha tingħata prijorità lis-sejba ta' soluzzjonijiet biex dan il-bini jiġi konness mal-binjiet ewlenin;

35.  Jinnota li l-arranġamenti ta' telexogħol u ta' vidjowkonferenzi kif ukoll il-votazzjoni remota issa huma parti mill-arranġamenti ta' ħidma tal-Parlament għall-Membri; jistieden lill-Bureau jesplora modi u kostijiet biex ikompli jiffaċilita dawn l-arranġamenti għall-Membri li jixtiequ jagħmlu dan u jesplora l-użu tal-arranġamenti anke fil-futur, sabiex il-Membri jkunu jistgħu jorganizzaw laqgħat fil-kostitwenzi tagħhom kif ukoll mal-kollegi tagħhom fi Brussell f'dawk li jistgħu jsiru ġimgħat l-hekk imsejħa "ibridi"; madankollu, jinnota li l-preżenza fiżika fil-bini tal-Parlament ma tistax tiġi sostitwita kompletament mix-xogħol remot;

36.  Jiddispjaċih għall-fatt li ma teżisti l-ebda sistema fis-seħħ biex tiżgura li l-Membri li jkunu temporanjament assenti għal raġuni ġustifikata, bħal-liv tal-maternità, liv tal-ġenituri jew liv minħabba mard fit-tul jew liv tal-indukraturi, ikunu jistgħu jkomplu jwettqu d-dmirijiet ewlenin tagħhom, l-ewwel u qabel kollox li jitkellmu f'dibattiti u jivvutaw; huwa tal-fehma li dan huwa kuntrarju għall-valuri fundamentali tal-Unjoni peress li jimplika li vot mogħti lil kandidat mara jista' jwassal għal perjodu temporanju ta' nonrappreżentanza; jistieden lill-Bureau jeżamina l-possibilitajiet għall-iffaċilitar tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni remota u biex jipprevedi s-sostituzzjoni ta' Membru – kemm jekk mara kif ukoll jekk raġel – waqt il-liv tal-ġenituri u fil-każijiet imsemmija hawn fuq; jappella għall-emenda tal-Artikolu 6 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett (l-Att Elettorali Ewropew) sabiex din is-sitwazzjoni dwar il-liv tal-ġenituri tiġi rimedjata; jistieden lill-Bureau jemenda r-regoli;

37.  Jinnota li l-laissez-passer tal-Unjoni Ewropea għandu jingħata lill-membri, lill-uffiċjali u lill-aġenti oħra tal-Unjoni, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1417/20131(3); ifakkar li l-Artikolu 5(3) tar-Regoli ta' Proċedura jistabbilixxi d-dritt għall-Membri kollha li jitolbu laissez-passer tal-Unjoni " li jippermetti lill-Membru jiċċirkola bla xkiel fl-Istati Membri u f'pajjiżi oħra li jirrikonoxxu dan il-laissez-passer bħala dokument tal-ivjaġġar validu", peress li l-"laissez-passer għandu jkun rikonoxxut bħala dokument validu tal-ivvjaġġar mill-awtoritajiet tal-Istati Membri"; jiddispjaċih dwar rapporti minn xi Membri li l-laissez-passer mhuwiex rikonoxxut bis-sħiħ bħala dokument tal-ivvjaġġar f'xi Stati Membri; jitlob lill-Parlament biex jistaqsi dwar dawn is-sitwazzjonijiet u jikkoordina mal-awtoritajiet rilevanti biex jiżgura li l-Membri ma jkunux ristretti u limitati fil-moviment liberu tagħhom waqt li jmorru għall-laqgħat tal-Parlament jew jirritornaw lura minnhom;

38.  Jirrikonoxxi li l-ftehim bejn il-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni ġab miegħu benefiċċji finanzjarji u amministrattivi li jikkontribwixxu għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-istituzzjonijiet ikkonċernati; itenni, madankollu, li fl-opinjoni tal-Kumitati dan il-ftehim huwa żbilanċjat u ma ġiex irrispettat fl-intier tiegħu mill-Parlament; jemmen li estensjoni jew reviżjoni tal-ftehim attwali jeħtiġilha ssolvi l-kwistjonijiet pendenti kollha; jitlob lill-istituzzjonijiet ikkonċernati jirrapportaw flimkien għand il-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit dwar dan il-ftehim u r-reviżjoni tiegħu li għaddejja;

Komunikazzjoni u elezzjonijiet

39.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-mod kif il-Parlament żied il-viżibbiltà tal-elezzjonijiet Ewropej billi bena, anima u involva network wiesa' ta' midja, sħab u voluntiera li aġixxew bħala multiplikaturi ta' opinjoni fin-networks tagħhom stess; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-għadd ta' votanti fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 baqa' baxx wisq f'ċerti pajjiżi; iqis li kampanja biex tiżgura l-viżibbiltà dwar l-elezzjonijiet Ewropej u dwar ir-rwol tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv għandha tkun permanenti, b'enfasi partikolari fuq dawk il-pajjiżi;

40.  Jilqa' l-fatt li aktar minn 50 % taċ-ċittadini tal-Unjoni eliġibbli għall-vot ħadu sehem fl-elezzjonijiet, u jinnota b'sodisfazzjon li għall-ewwel darba mill-ewwel elezzjonijiet diretti fl-1979 kien hemm żieda fil-parteċipazzjoni; jiddispjaċih, madankollu, li għall-kuntrarju ta' dak li ġara fl-elezzjonijiet tal-2014, is-sistema tax-Spitzenkandidaten għall-ħatra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea ma ġietx segwita; josserva li s-sistema żżid it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-Kummissjoni lejn il-Parlament; jinnota li l-President tal-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ħtieġa għal titjib f'dan il-qasam fil-Linji Gwida Politiċi; jenfasizza li, kif iddikjarat fil-Linji Gwida Politiċi, huwa meħtieġ rieżami tal-mod kif il-mexxejja tal-istituzzjonijiet jinħatru u jiġu eletti;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċess elettorali Ewropew isir aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

42.  Jinnota li l-elezzjonijiet Ewropej kellhom isiru wkoll fir-Renju Unit, u li l-Parlament estenda l-kampanja ta' komunikazzjoni tiegħu għar-Renju Unit;

43.  Ifakkar li fl-2019, id-DĠ COMM kellu 813-il membru tal-persunal u amministra 5,3% tal-baġit globali tal-Parlament;

44.  Iqis li l-komunikazzjoni tan-natura politika tal-Parlament u l-ħidma mwettqa mill-Membri tiegħu għaċ-ċittadini tal-Unjoni issa hija aktar importanti minn qatt qabel; jinkoraġġixxi l-isforzi kollha tal-Parlament u d-DĠ COMM tiegħu biex iqajmu kuxjenza dwar il-Parlament, is-setgħat tiegħu, id-deċiżjonijiet tiegħu, u l-attivitajiet fost il-midja, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali; jitlob lid-DĠ COMM ikompli bl-isforzi tiegħu biex jagħmel is-sit web tal-Parlament aktar aċċessibbli, intuwittiv, koerenti u faċli għall-utent, peress li huwa strumentali biex iressaq lill-istituzzjoni eqreb lejn iċ-ċittadini;

45.  Jinnota li l-Bureau assenja lid-DĠ COMM il-kompitu li jżid l-għarfien fost iċ-ċittadini madwar l-Unjoni dwar l-elezzjonijiet li ġejjin, bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni demokratika; jilqa' l-kontribut tal-kampanja elettorali u ta' informazzjoni tal-Parlament għall-2019 f'dik li hija l-akbar parteċipazzjoni ta' votanti li ġiet irreġistrata fl-aħħar 20 sena; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija ta' komunikazzjoni istituzzjonali innovattiva tal-Parlament għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, li kellha l-għan li żżid l-għarfien dwar l-elezzjonijiet u tħeġġeġ lin-nies biex jivvutaw; josserva li l-istrateġija kienet ibbażata fuq ir-rinforz u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-midja u l-iżvilupp ta' network robust ta' sħab; iqis li huwa ta' importanza kbira għall-Parlament li jikkomunika fuq bażi kontinwa maċ-ċittadini tal-Unjoni permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni differenti mhux biss matul is-sena elettorali iżda matul il-leġislatura kollha; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti sinerġiji mal-mezzi eżistenti u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-uffiċċji ta' kollegament tal-Parlament Ewropew biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u biex flus il-kontribwenti jintużaw b'mod effettiv;

46.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sit web PE Today u l-użu qarrieqi tiegħu tal-isem tal-Parlament u s-simboloġija tal-Unjoni; jinnota b'allarm li EUvsDisinfo sabet li 99% tal-artikli li dehru fis-sit EP Today fil-fatt kienu sindikati minn siti web oħra bħal Voice of America jew Russia Today; jinsab allarmat li l-investigazzjoni ta' segwitu mid-DisinfoLab tal-UE skopriet operazzjoni ta' influwenza massiva ta' 15-il sena ħidma b'suċċess kontra l-Unjoni, b'aktar minn 750 midja lokali falza u aktar minn 10 NGOs kompletament foloz; huwa mħasseb li din l-operazzjoni kien irnexxielha tilħaq u tinvolvi lill-Membri qabel ma ġiet identifikata u investigata; jistieden lid-DĠ COMM tal-Parlament jikkoordina mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mal-Kummissjoni biex jieħu azzjoni dwar din il-kwistjoni;

47.  Jinnota li qabel u matul l-elezzjonijiet, il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha tal-Parlament inżammu aġġornati dwar id-diżinformazzjoni u t-theddid kontra l-Parlament minn entitajiet u atturi li qed jippruvaw ifixklu l-unità u d-demokrazija Ewropea; iħeġġeġ lill-Parlament jieħu azzjoni soda biex jiġġieled id-diżinformazzjoni permezz ta' informazzjoni u twissijiet regolari u li jiġu organizzati attivitajiet xierqa ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni għall-Membri, il-persunal u l-viżitaturi; jistieden lill-Parlament ikompli jsaħħaħ il-komunikazzjoni esterna tal-attivitajiet tiegħu;

48.  Ifakkar, fil-kuntest tal-kampanja elettorali deċentralizzata, fir-rwol tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew li taw spinta lill-involviment taċ-ċittadini u l-midja permezz ta' timijiet tal-istampa msaħħa u fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati u l-multiplikaturi sabiex jintlaħqu udjenzi ġodda, speċjalment il-ġenerazzjoni żagħżugħa; jitlob li jitkompla r-rwol attiv tal-uffiċċji ta' kollegament fl-Istati Membri fil-leġiżlatura kollha;

49.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-investigazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar l-użu mill-Parlament ta' kumpanija ta' kampanji politiċi bbażata fl-Istati Uniti tal-Amerika biex tipproċessa data personali bħala parti mill-attivitajiet tagħha relatati mal-elezzjoni Ewropea tal-2019; jinnota li l-investigazzjoni dwar l-użu mill-Parlament tal-kumpanija NationBuilder irriżultat fl-ewwel twiddiba tal-KEPD mogħtija lil istituzzjoni tal-Unjoni minħabba ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u li tinvolvi l-għażla u l-approvazzjoni tas-sottoproċessuri użati minn NationBuilder; jinnota, barra minn hekk, li l-KEPD sussegwentement ta t-tieni twiddiba, wara li l-Parlament naqas milli jippubblika Politika ta' Privatezza konformi għas-sit web "diddarbasenivvota" fi żmien l-iskadenza stabbilita mill-KEPD; jinnota b'sodisfazzjon li fiż-żewġ każijiet, il-Parlament aġixxa f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-KEPD; itenni d-dikjarazzjonijiet tal-KEPD dwar it-theddida li tippreżenta l-manipulazzjoni online, u kif regoli sodi dwar il-protezzjoni tad-data huma essenzjali għad-demokrazija, speċjalment fl-era diġitali;

50.  Jikkonstata l-partiti tan-nefqa differenti għall-2019, li huma mqassma kif ġej:

Partita tan-nefqa

Nefqa tal-2019

Spejjeż tal-persunal

EUR 24 293 036

Spejjeż ta' bini

EUR 11 051 311

Spejjeż ta' sigurtà

EUR 1 586 598

Spejjeż ta' komunikazzjoni

EUR 11 906 438

Total

EUR 49 137 382

51.  Jinnota li, fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Frar 2019, il-Bureau kkonferma t-tkomplija tal-uffiċċju tal-Parlament f'Londra; jinnota li fil-5 ta' Ottubru 2020, il-Bureau rrikonoxxa l-għeluq tal-uffiċċju antenna ta' Edinburgu fi tmiem l-2020; jirrikonoxxi li l-Uffiċċju ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew fir-Renju Unit kif ukoll id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit se jkomplu jkollhom rwol kruċjali għall-Parlament fl-għoti ta' servizzi lill-Membri ta' delegazzjonijiet fir-Renju Unit u sabiex ikomplu jikkomunikaw maċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili, il-gvern, l-ambjent parlamentari u l-midja f'dak il-pajjiż; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-uffiċċju ta’ kollegament fir-Renju Unit jikkoopera mad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tal-Parlament u tas-Servizz għall-Azzjoni Esterna tal-Unjoni Ewropea; ifakkar li l-istatus u l-awtonomija tal-persunal tal-Parlament fir-Renju Unit għandhom jiġu ggarantiti skont il-mudell stabbilit tal-uffiċċju f'Washington, li qiegħed jopera b'suċċess;; jiddispjaċih għalhekk dwar ir-rifjut tal-gvern tar-Renju Unit li jirrikonoxxi l-istatus diplomatiku sħiħ tal-ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit; jistieden lill-Bureau u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jsibu soluzzjoni prattika mal-awtoritajiet Brittaniċi biex jagħtu status diplomatiku lill-persunal tal-Parlament li jaħdem fl-uffiċċju ta' kollegament f'Londra;

52.  Ifakkar fit-tħassib diġà espress is-sena l-oħra dwar id-deċiżjoni tal-bureau fil-11 ta' Frar 2019 dwar l-appoġġ parlamentari lill-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ASEAN f'Jakarta, id-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe deċiżjoni ġdida trid tkun ibbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u jtenni li minħabba n-natura speċifika ta' dan l-appoġġ parlamentari, il-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit għandu jingħata informazzjoni dettaljata rilevanti; jiddispjaċih li għadhom ma nħolqux indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni annwali, fl-ambitu tal-qafas taċ-ċiklu tal-ippjanar strateġiku, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-Parlament; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jwettaq din il-valutazzjoni b'mod urġenti u jippreżentaha kemm lill-Kumitat tal-Parlament għall-Baġits kif ukoll lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit hekk kif din tkun disponibbli;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li terġa' tinħoloq il-kultura tad-dibattitu fil-Parlament; jilqa' d-deċiżjoni li l-membri jintalbu jagħtu d-diskorsi mil-lettur li jiffaċċa l-plenarja; jemmen li l-kultura tad-dibattitu tista' tittejjeb ukoll billi jitħalla biżżejjed ħin għall-iskambju ta' argumenti u kontroargumenti, pereżempju billi tiġi estiża l-proċedura tal-karta blu;

Gruppi ta' viżitaturi sponsorjati

54.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament jinvesti sforzi konsiderevoli fl-espansjoni u t-titjib tas-servizzi li joffri lill-viżitaturi; ifaħħar iċ-ċifra impressjonanti ta' aktar minn 1,5 miljun viżitatur li waslu fl-2019 fil-bini kollu tal-Parlament, b'żieda ta' 26 % taż-żgħażagħ meta mqabbel mal-2018;

55.  Jinnota b'sodisfazzjon li, wara d-dħul fis-seħħ, f'Jannar 2017, tar-regoli l-ġodda mill-Bureau li jirregolaw l-akkoljenza ta' gruppi ta' viżitaturi, matul l-2019 sar awditjar dwar gruppi ta' viżitaturi, u li f'Diċembru 2019, ġew proposti pjanijiet ta' azzjoni lid-DĠ COMM biex jissaħħaħ il-qafas ta' ġestjoni u kontroll u l-qafas regolatorju applikabbli għar-rimborżi lill-gruppi ta' viżitaturi; jenfasizza, madankollu, li l-objettiv tal-gruppi ta' viżitaturi ma għandux jiġi injorat, jiġifieri li ċ-ċittadini jitressqu eqreb tal-Parlament, tad-dmirijiet u l-interazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, u tal-funzjonament tal-Unjoni u tal-ambjent tiegħu, li jinkludi l-bliet ospitanti;

56.  Jinnota li r-regoli riveduti li jirregolaw il-ħlas ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għal gruppi ta' viżitaturi sponsorjati daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017; ifakkar li, f'konformità mal-prinċipju ta' nuqqas ta' profitt stabbilit f'dawn ir-regoli, il-kapijiet tal-gruppi għandhom l-obbligu li jirritornaw kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mhux użata wara verifika ta' dikjarazzjoni finanzjarja mis-servizzi tal-Parlament; ifittex aċċertament akbar li l-ġestjoni tal-gruppi ta' viżitaturi sponsorjati tkun strettament f'konformità mar-regoli applikabbli, inkluż il-proċess ta' rimborż tal-ispejjeż relatati mal-viżitaturi b'diżabilità; itenni t-talba tiegħu biex titneħħa l-possibilità li jinħatru APA bħala kap ta' grupp biex jieħdu r-responsabbiltà finanzjarja ta' gruppi ta' viżitaturi sponsorjati esklużivament lil membru tal-grupp jew lil professjonisti, jiġifieri aġenti tal-ħlas jew aġenziji tal-ivvjaġġar;

57.  Ifakkar li fl-2019 l-awditur intern tal-Parlament beda awditjar tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda, u li fis-sejbiet tiegħu, finalizzati fl-2020, l-awditur intern enfasizza li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-gruppi ta' viżitaturi għandhom jiġu allinjati aktar mal-ispejjeż reali mġarrba mill-gruppi, li l-kontrolli ex ante għandhom jissaħħu meta titħallas l-ewwel kontribuzzjoni, u li s-sistema eżistenti ta' kontrolli ex post għandha tissaħħaħ; itenni li s-sejbiet tal-awditur intern għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tal-proċeduri eżistenti u fl-iżvilupp ta' kontrolli ex ante aktar stretti sabiex jiġu evitati possibbiltajiet ta' akkumulazzjoni ta' flus lil hinn mill-kontrolli; jitlob li jiġi vvalutat aktar il-livell attwali tal-kontrolli ex post;

58.  Jirrimarka li r-riċeviment ta' gruppi ta' viżitaturi sponsorjati ta' persuni b'diżabilità jista' jsir bi spejjeż addizzjonali u jirrikjedi kontribuzzjonijiet finanzjarji akbar, għalhekk jirrakkomanda lill-Bureau li jistudja l-possibbiltà ta' allokazzjonijiet akbar biex ikopru n-nefqa eliġibbli kollha ta' tali gruppi;

59.  Jappoġġja l-attivitajiet tal-Parlamentarium fi Brussell li fl-2019 laqa' 307 105 viżitatur, żieda sostanzjali fin-numru mill-2018, u tad-Dar l-Istorja Ewropea, li laqgħet 199 256 viżitatur fl-2019 b'żieda ta' 21 % mill-2018; ifaħħar is-suċċess taċ-ċentri Europa Experience f'Berlin, f'Ljubljana, fi Strasburgu, f'Helsinki, f'Copenhagen u f'Tallinn; jinnota li s-servizzi tal-Parlament iddefinew programm ta' ħidma konġunt, li għandu l-għan li jlesti l-implimentazzjoni tal-Europa Experience fl-Istati Membri kollha sal-2024;

Bini

60.  Ifakkar li fl-2019, id-DĠ INLO kellu 609 membri tal-persunal u amministra 12,6 % tal-baġit globali tal-Parlament;

61.  Huwa konxju li fil-11 ta' Marzu 2019, il-Bureau approva approċċ ġdid għall-proposti futuri tas-suq immobiljari għall-uffiċċji ta' kollegament tal-Parlament Ewropew u għall-ispazji ta' Europa Experience f'diversi Stati Membri;

62.  Huwa konxju mill-importanza tal-politika immobiljari, b'mod partikolari t-tlestija tax-xogħlijiet finali ta' installazzjoni fil-bini Montoyer 63 fi Brussell, li beda jintuża fl-2019, u l-proġett Adenauer fil-Lussemburgu, li huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta' Ġunju 2023; jifhem li, fl-2019, il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament awtorizza t-trasferiment ta' tlaqqit, b'ammont ta' EUR 29 miljun, għall-prefinanzjament tal-proġett, li jeskludi l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-proġett, l-ispejjeż finanzjarji, il-korpi ċertifikati, eċċ; jiddispjaċih dwar iż-żieda fl-ispejjeż minħabba d-dewmien fil-kostruzzjoni u jinnota li kienu meħtieġa tranżazzjonijiet mal-kumpaniji tal-kostruzzjoni (b'rabta mad-dewmien fil-proġett) biex jiġu evitati dewmien u spejjeż ulterjuri (bejn 5 % u 15 % tal-ammont tal-kuntratt);

63.  Jinnota li strateġija ġdida għall-bini ‘Wara l-2019’, adottata mill-Bureau f'April 2018, iffukat fuq il-ħtiġijiet li għad ma ġewx indirizzati biżżejjed, inkluż l-adattament tal-faċilitajiet għall-evoluzzjoni tat-tendenzi fil-laqgħat (il-ħolqien ta' kmamar tal-laqgħat adattati speċifikament għat-trilogi leġiżlattivi), involviment lokali u eqreb taċ-ċittadini permezz tal-integrazzjoni tal-‘Europa Experience’ fl-uffiċċji ta' kollegament tal-Parlament Ewropew, it-tkomplija tat-titjib tas-sigurtà għall-bini tal-Parlament u r-rinnovazzjoni tiegħu, it-tnaqqis tad-distakk fl-interkonnessjoni tal-bini ċentrali tal-Parlament billi jiġi promoss ix-xiri ta' bini aktar mill-kiri;

64.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-azzjonijiet li suppost saru u miftiehma mal-awditur intern fl-2018 li jindirizzaw riskji residwi sinifikanti fir-rigward tal-manutenzjoni, l-irranġar u l-operat tal-bini; jistieden lill-Bureau jadotta politika komprensiva dwar il-manutenzjoni u jirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza; jilqa' t-tneħħija gradwali tal-kuntratti dwar il-funzjonijiet ta' ġestjoni esternalizzati u l-flus li dan jiffranka;

65.  Jinnota li l-akbar proġett ta' bini tal-Parlament - it-tkabbir tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu - jinsab fil-punt tat-tlestija tal-ewwel fażi tiegħu, il-Binja tal-Lvant; jissottolinja li t-Torri ilu okkupat mill-persunal tal-Parlament mill-ħarifa 2019, u li l-bqija tal-Binja tal-Lvant mistennija tiġi okkupata gradwalment minn Novembru 2020; jinnota li l-kostruzzjoni tal-Binja tal-Punent tal-istabbiliment għandha tibda fl-aħħar tal-2020 u hija ppjanata li titlesta sal-2023;

66.  Jieħu nota tal-infrastruttura sinifikanti tal-Parlament, li tista' tinqasam kif ġej:

Il-bini fi Brussell

Il-bini fil-Lussemburgu

Il-bini fi Strasburgu

11-il binja bi sjieda

2 binjiet bi sjieda

5 binjiet bi sjieda

4 binjiet mikrija

3 binjiet mikrija

 

659 092 m2

343 879 m2

344 283 m2

Antenna u Uffiċċji ta' Kollegament tal-PE

 

Total

37

Binja ta' sjieda

12

Binja mikrija

25

Superfiċje

28 383 m2

67.  Ifakkar li fl-2020, il-Parlament nieda kompetizzjoni internazzjonali fl-arkitettura b'żewġ għażliet, rinnovazzjoni ambjentali komprensiva jew rikostruzzjoni tal-bini Spaak; jenfasizza li r-rinnovazzjoni/ir-rikostruzzjoni għandhom iqisu l-kosteffettività u l-effiċjenza enerġetika bħala kriterji ewlenin; jistenna malajr kemm jista' jkun evalwazzjoni dettaljata u pubblika tal-ispiża u l-effiċjenza enerġetika tal-proposta li għandha titwettaq fid-dawl tal-fatt li s-sommarju ta' qabel il-proġett, li għandu jiġi żviluppat mill-perit rebbieħ matul l-2021, għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; jitlob li r-rinnovazzjoni/ir-rikostruzzjoni tqis il-ħtiġijiet attwali tal-Parlament kif deskritti fl-istrateġija aġġornata għall-bini ‘Wara l-2019’; jenfasizza li r-rinnovazzjoni/ir-rikostruzzjoni għandha tqis ukoll il-ħtiġijiet attwali tal-Membri u tal-persunal relatati mar-restrizzjonijiet reċenti kif ukoll l-aġġustament ġdid meħtieġ għas-saħħa u s-sigurtà;

68.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Bureau tal-25 ta' Novembru 2019 li jinbnew faċilitajiet tal-Europa Experience għall-viżitaturi fl-Istati Membri kollha sa tmiem il-leġiżlatura attwali (2024) u l-implimentazzjoni attwali ta' din id-deċiżjoni; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jinforma regolarment lill-Kumitat għall-Baġits u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar l-istat ta' implimentazzjoni;

69.  Jilqa' l-idea li l-Parlament ikun impenjat li jwettaq l-adattament u r-rinnovazzjoni meħtieġa tal-bini tiegħu sabiex jinħoloq ambjent aċċessibbli għall-utenti kollha f'konformità mal-istandards tal-Unjoni u l-oqfsa legali nazzjonali; jisħaq li x-xogħlijiet biex titjieb l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità u dawk b'mobilità mnaqqsa diġà bdew fi Strasburgu u li l-proġetti se jkomplu kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu, iżda wkoll f'sitt uffiċċji ta' kollegament tal-Parlament Ewropew; jinsisti li dawn ir-rinnovazzjonijiet jitkomplew fil-bini l-ieħor kollu tal-Parlament billi jimpenja ruħu għar-rekwiżiti funzjonali dwar l-aċċessibbiltà għall-ambjent mibni stipulati fl-Anness III tad-Direttiva (UE) 2019/882(4), u billi jirreferi għal standards internazzjonali u Ewropej rilevanti biex jissodisfa dawk ir-rekwiżiti fil-proċeduri tal-akkwist, biex b'hekk il-Membri, il-persunal u l-viżitaturi b'diżabilità u dawk b'mobilità mnaqqsa jkun jista' jkollhom aċċess għall-bini u jagħmlu użu mill-faċilitajiet tagħhom fuq bażi ugwali bħal oħrajn f'konformità mal-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jissottolinja li l-fondi għandhom ikunu disponibbli biex ikopru dawn il-miżuri/spejjeż b'mod effiċjenti;

70.  Jesprimi tħassib li mill-2017, ġie introdott u għadu fis-seħħ għeluq taċ-ċirkwit ta' ilma sħun fl-uffiċċji tal-Membri kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu; jinnota li d-deċiżjoni li titwaqqaf id-distribuzzjoni ta' ilma sħun fl-uffiċċji tal-Membri fi Brussell u Strasburgu ttieħdet mill-Kwesturi fl-24 ta' Ottubru 2017 b'rabta mar-riskju għas-saħħa li toħloq il-preżenza ta' batterji tal-legionella li jagħmlu l-ħsara lis-sistemi idrawliċi tal-bini li qed jeqdiemu u jiddeterjoraw; josserva li l-isfida ewlenija biex terġa' tiġi introdotta l-produzzjoni ta' ilma sħun fil-bini tal-Parlament hija l-fatt li tindif bir-reqqa tal-pajpijiet il-qodma kollha li jinkludu diversi pajpijiet li ma jwasslu mkien, tkun tirrikjedi d-dekummissjonar sħiħ tagħhom u li proġett ta' skala konsiderevoli bħal dan jirrikjedi studju tal-fattibbiltà fil-fond li jqis l-impatt taċ-ċaqliq, ir-rilokazzjonijiet, it-trab u l-istorbju fuq il-ħidma leġiżlattiva tal-Membri; iħeġġeġ lid-DĠ INLO jkompli jimplimenta miżuri ta' kumpens;

71.  Jinnota li l-ewwel sejħa għall-offerti tnediet fl-2019 sabiex jiġu konklużi kuntratti għal faċilitajiet bankarji ġodda u ntemmet b'bank wieħed biss li għażel li jissottometti offerta għall-istess spazju li l-bank kien jokkupa qabel; jinnota li t-tieni sejħa għall-offerti ġiet organizzata fl-2020 bl-għan li jiġu okkupati ż-żewġ żoni l-oħra tal-ħami, u ma waslet l-ebda offerta; jiddispjaċih li l-aġenzija ING baqgħet miftuħa biss għall-ewwel xahrejn tal-leġiżlatura attwali, iż-żmien biex jinfetħu l-kontijiet għal ħafna mill-Membri eletti l-ġodda u l-APAs ikkuntrattati, u mbagħad għalqet; jinnota li s-supermarket iddeċieda wkoll li ma jestendix il-konċessjoni tiegħu, iżda jilqa' l-fatt li fil-futur se jkun hemm konċessjoni ta' suq tal-ikel fis-sular ta' isfel tal-bini Spinelli; jitlob lill-amministrazzjoni tagħmel rieżami u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-isfruttar tal-konċessjonijiet kummerċjali b'mod li tagħmilhom aktar attraenti, sabiex tattira fornituri ta' servizzi ta' kwalità;

72.  Jesprimi tħassib dwar il-bini Trèves 1 minħabba n-nuqqas ta' servizzi tiegħu; jistieden lill-Parlament jesplora bħala soluzzjoni prijoritarja l-iżgurar li dan il-bini jkollu konnessjoni effettiva mal-binjiet ewlenin tal-Parlament, fejn issir il-biċċa l-kbira tal-attività parlamentari;

73.  Jenfasizza rapporti reċenti fil-midja li l-kameras termali użati fil-bini tal-Parlament għall-kejl tat-temperatura tal-persuni kollha li jidħlu fil-Parlament huma magħmula mill-kumpanija Hikvision, li timporta miċ-Ċina u tipproduċi kameras għall-provinċja Ċiniża ta' Xinjiang(5); ifakkar li Hikvision ġiet akkużata li pprovdiet tagħmir ta' sorveljanza għall-kampijiet ta' internament f'din il-provinċja(6); jinnota li hemm riskju inaċċettabbli li Hikvision, permezz tal-operazzjonijiet tagħha f'Xinjiang, qed tikkontribwixxi għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2019 tal-Parlament Ewropew intrebaħ minn Ilham Tohti għall-isforzi tiegħu biex jipproteġi d-drittijiet tal-popolazzjoni Ujgura fiċ-Ċina; iqis għalhekk li l-użu ta' kameras termali ta' dan il-fornitur fil-bini tal-Parlament mhuwiex aċċettabbli; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jtemm il-kuntratt ma' Hikvision u jneħħi l-kameras termali kollha ta' Hikvision mill-bini tal-Parlament; jenfasizza l-ħtieġa li fil-futur l-amministrazzjoni tkun aktar prudenti fl-għażla tal-fornituri tat-tagħmir;

Sigurtà u Difiża

74.  Ifakkar li fl-2019, id-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni (DĠ SAFE) kellu 770 membru tal-persunal u amministra 1,5 % tal-baġit globali tal-Parlament;

75.  Jilqa' l-fatt li mill-2015 ma seħħ l-ebda inċident kbir marbut mas-sigurtà fil-bini tal-Parlament; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-numru totali ta' Membri, segretarjati ta' gruppi politiċi u APAs rappurtati bħala vittmi ta' serq fil-bini tal-Parlament; jinnota li l-valur globali stmat tal-elementi, li jammonta għal madwar EUR 60 000 fis-sena, kien stabbli għall-aħħar tliet snin; jistenna tisħiħ kontinwu fil-livell ta' sigurtà;

76.  Jieħu nota tal-azzjonijiet immedjati, approvati mill-Bureau fil-laqgħa tiegħu tat-22 ta' Lulju 2020, li inkludew kampanja ta' sensibilizzazzjoni, protezzjoni ta' tagħmir tal-IT ta' valur, notifika minn qabel ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni, u għoti ta' master keys separati għal kull sular u limitazzjoni stretta tad-distribuzzjoni tagħhom; jesprimi, madankollu, li ma jaqbilx mal-messaġġi speċifiċi u t-ton ġenerali tal-kampanja ta' sensibilizzazzjoni kontra s-serq fil-binjiet tal-Parlament billi jinħassu li qegħdin jagħtu tort lill-Membri u lill-persunal minflok ma jagħtu rakkomandazzjonijiet prattiċi ta' sigurtà; jistenna li l-Parlament jikkunsidra miżuri fit-tul biex jipprevjeni serq, inklużi, fost dawk proposti, l-introduzzjoni ta' livelli differenti ta' drittijiet ta' aċċess fil-bini tal-Parlament, żieda fil-kopertura tas-CCTV, u azzjonijiet ulterjuri relatati mal-politika tal-ġestjoni taċ-ċwievet, inkluża l-possibbiltà li jiġu installati serraturi elettroniċi tal-bibien filwaqt li titqies il-proporzjonalità meħtieġa bejn l-investimenti meħtieġa u l-valur attwali tal-oġġetti misruqa, kif ukoll il-ħarsien tal-privatezza;

77.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' strateġija interna ta' ħruġ għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jew b'diżabilità f'każ ta' emerġenza;

78.  Jilqa' l-miżuri meħuda biex titjieb is-sigurtà tal-bini tal-Parlament, b'mod partikolari l-iskrinjar tas-sigurtà ta' persunal ta' fornituri esterni tas-servizzi, u l-internalizzazzjoni tas-servizzi ġenerali tas-sigurtà fil-Lussemburgu, approvati mill-Bureau fl-2012, iżda li kienu affettwati mix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-bini l-ġdid Adenauer II; jissottolinja li l-inċidenti ta' dimostranti vjolenti li jidħlu f'istituzzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri u jheddu l-persunal u l-Membri huma kwistjoni ta' tħassib, u għalhekk iħeġġeġ lid-DĠ SAFE jivvaluta l-miżuri ta' sikurezza attwali u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib;

79.  Jappoġġja l-kooperazzjoni interistituzzjonali fis-sigurtà inkluż l-iffirmar ta' Memorandum ta' Qbil relatat mal-iskrinjar ta' persunal ta' fornituri esterni tas-servizzi li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-Belġju, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma interistituzzjonali inkarigat mill-armonizzazzjoni tal-miżuri ta' sigurtà applikati fl-uffiċċji ta' kollegament tal-Parlament u r-rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, l-analiżi konġunta li għaddejja mis-servizzi tas-sigurtà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu identifikati u ddefiniti l-aktar oqsma xierqa għal kooperazzjoni msaħħa kif ukoll il-firxa ta' din il-kooperazzjoni possibbli, inkluża l-possibbiltà li jiġu kondiviżi xi servizzi, u l-progress lejn l-istabbiliment ta' badge ta' aċċess interistituzzjonali;

80.  Jinnota b'sodisfazzjon il-varar ta' proċeduri tas-suq għall-introduzzjoni ta' sistema awtomatika ta' rikonoxximent tal-vetturi fil-punti ta' dħul u ħruġ kollha tal-parkeġġi u t-trasferiment lejn il-bini Adenauer II;

81.  Ifakkar, madankollu li t-trasparenza fil-konfront tal-pubbliku hija karatteristika importanti tal-Parlament u għandu jinżamm bilanċ adegwat mal-livell ta' sigurtà meħtieġ;

Iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-ICT

82.  Ifakkar li, fl-2019, id-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi (DĠ ITEC) kellu 480 membru tal-persunal u amministra 6 % tal-baġit globali tal-Parlament;

83.  Ifakkar fl-assenjament ta' konsultazzjoni mwettaq mis-servizz tal-awditjar intern dwar l-inċident serju tal-IT li seħħ fl-2017 u l-impatt li rriżulta fuq il-kontinwità tal-operat li kien fih tliet rakkomandazzjonijiet dwar il-protezzjoni ulterjuri tal-infrastruttura tal-ICT tal-Parlament li jikkomplementaw il-lista ta' sistemi ta' informazzjoni kritiċi u ewlenin b'immappjar aktar ċar tal-missjoni-assi u bid-dokumentazzjoni tal-assi tad-dipendenzi, u l-indirizzar tal-bżonn ta' ċertifikazzjoni ta' livell ogħla tal-bini mikri li jospita l-kamra tal-kompjuters tal-Parlament fi Brussell;

84.  Jifhem l-importanza ta' drittijiet ta' aċċess privileġġati f'xogħol ta' manutenzjoni u żvilupp; jistieden lid-DĠ ITEC jistabbilixxi regoli ċari dwar il-kontroll ta' aċċess fir-rigward ta' dawn il-kontijiet privileġġati u jagħmel rieżami tal-forniment ta' drittijiet ‘superutent’;

85.  Japprova t-tnedija ta' proġett ta' ċentru tad-data ġdid biex iċ-ċentru tad-data ta' Huizingen ta' livell II, li għamel żmienu, jiġi sostitwit b'livell IV biex tittejjeb is-sigurtà, ir-reżiljenza u l-kontinwità tal-ICT;

86.  Jappoġġja l-isforzi tal-Parlament biex jimmitiga r-riskji taċ-ċibersigurtà fl-2019, inklużi d-definizzjoni u l-pubblikazzjoni ta' qafas taċ-ċibersigurtà tal-Parlament, valutazzjoni sistematika tar-riskju ċibernetiku għal applikazzjonijiet sensittivi ġodda u eżerċizzju annwali ta' test ta' penetrazzjoni mill-Internet; jitlob li r-riskji jiġu identifikati u minimizzati aktar u li tiġi implimentata ġestjoni bbażata fuq ir-riskju; jistieden lid-DĠ ITEC itejjeb il-kapaċitajiet ta' rkupru u jimplimenta pjan ta' rispons għal inċidenti marbuta maċ-ċibersigurtà;

87.  Jissottolinja l-obbligu al-Parlament li jiġġestixxi direttament jew tal-anqas ikollu kontroll dirett fuq il-ġestjoni tal-infrastrutturi kritiċi tiegħu u d-data sensittiva u kunfidenzjali; jagħti istruzzjonijiet lill-amministrazzjoni tiegħu biex timplimenta dan l-obbligu;

88.  Ifakkar fil-valur miżjud ta' software b'xejn u b'sors miftuħ fit-titjib tas-sigurtà peress li dan jippermetti lill-Parlament jidentifika u jikkoreġi d-dgħufijiet, iżomm kontroll fuq id-data billi jospita fis-servers tiegħu u jfassal soluzzjonijiet skont l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu stess, filwaqt li jkun jista' jevita effetti ta' intrappolament tal-klijentela;

89.  Ifakkar fil-preferenza tiegħu għal soluzzjonijiet ta' software b'xejn u b'sors miftuħ minflok dawk proprjetarji meta jiġu kkunsidrati applikazzjonijiet interni ġodda; jitlob li l-korpi governattivi tal-ICT jiġu informati dwar is-sitwazzjonijiet fejn ma jintgħażlux soluzzjonijiet b'sors miftuħ;

90.  Jirrikonoxxi r-riskji inerenti għas-sigurtà tal-informazzjoni u għall-privatezza meta l-Membri u l-persunal jużaw soluzzjonijiet dipendenti fuq partijiet terzi għall-kondiviżjoni ta' data sensittiva, mingħajr ma l-Parlament ikun jista' jikkontrolla kif tiġi ttrattata d-data; f'konformità mal-orjentazzjonijiet strateġiċi taċ-ċibersigurtà approvati mill-Bureau u biex tiġi rimedjata dik is-sitwazzjoni, jitlob lil-Parlament iqis li fis-servers tiegħu jiġu ospitati soluzzjonijiet siguri u bbażati fuq sors miftuħ għal-laqgħat virtwali u l-messaġġi istantanji, kif inhu l-każ f'istituzzjonijiet ewlenin f'uħud mill-Istati Membri, bħall-amministrazzjoni ċentrali Franċiża u l-Bundeswehr Ġermaniż;

91.  Ifaħħar l-isforzi tad-DĠ ITEC biex jiġbor parti mill-għarfien espert u r-riżorsi tiegħu dwar iċ-ċibersigurtà permezz ta' Skwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni (CERT-EU);

It-teknoloġija, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni

92.  Jilqa' t-tlestija b'suċċess fl-2019 tas-sistema ta' ġestjoni finanzjarja tal-Parlament, li bdiet topera għas-sena finanzjarja 2020; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar hardware antikwat u jitlob li l-modernizzazzjoni tal-IT titkompla bit-tiġdid ta' hardware antikwat u żviluppi ulterjuri ta' proġetti strateġiċi fl-oqsma tal-Parlament elettroniku, l-ambjent mobbli għall-Membri u l-persunal;

93.  Jindika li l-aġġornamenti fil-pagi tal-persunal tal-Parlament mhumiex awtomatizzati u għandhom jiddaħħlu manwalment fis-sistemi tar-riżorsi umani tal-IT; jesprimi tħassib dwar ir-riskji ta' pagamenti mhux dovuti bbażati fuq informazzjoni inkorretta li tirriżulta min-nonawtomatizzazzjoni tal-ħlas; iħeġġeġ lis-servizzi tal-Parlament jiżviluppaw sistema tal-IT sostenibbli għall-gradi ta' ħlas tal-persunal f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;

94.  Japprova l-isforzi sinifikanti għall-investiment kontinwu fid-diġitalizzazzjoni tal-proċessi finanzjarji, inkluż it-tnedija u l-użu bla xkiel u b'suċċess tas-sistema l-ġdida ta' ġestjoni finanzjarja u ta' kontabilità (SAP) minn Novembru 2019 għat-tranżazzjonijiet kollha relatati mal-eżekuzzjoni tal-baġit, l-adozzjoni tal-istrateġija "Hubs Blue-Chip għal servizzi amministrattivi", bil-ħsieb li jittejjeb is-servizz tal-klijenti, l-effiċjenza amministrattiva, u d-deċiżjoni tal-Bureau tas-17 ta' Ġunju 2019 li titnieda l-awtomazzjoni tar-reġistru ċentrali tal-attendenza, kif ukoll l-estensjoni tal-funzjonijiet tal-Portal elettroniku, bħala l-punt uniku diġitali ta' dħul għall-Membri biex jimmaniġġjaw id-drittijiet finanzjarji u soċjali tagħhom;

95.  Jitlob li jsir titjib fis-sistema attwali ta' traċċar u rintraċċar ta' kwistjonijiet marbuta mal-IT bejn l-unitajiet operattivi tas-servizzi tal-Parlament sabiex tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza; jenfasizza li l-appoġġ fuq il-post għall-Membri u l-uffiċċji tagħhom spiss isolvi kwistjonijiet relatati mal-IT aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti mill-appoġġ telefoniku;

96.  Jitlob li jiġi żgurat li jittieħdu miżuri ta' sigurtà xierqa fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet cloud għall-Parlament, inklużi dawk li jippermettu s-sovranità istituzzjonali tiegħu; jinsisti li dan għandu jinkiseb billi jiġu żgurati s-sjieda tad-data, il-lokalizzazzjoni tad-data fit-territorju tal-Unjoni, l-assenza ta' effett ta' intrappolament tal-klijentela u approċċ b'diversi fornituri li jippermetti l-migrazzjoni bla xkiel tat-tagħbijiet tax-xogħol u d-data bejn is-saffi differenti tal-cloud ibridu (fil-bini, fil-cloud privat u pubbliku) kif ukoll bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud peress li l-ħtiġijiet jinbidlu u mhux biss matul il-fażi tal-ħruġ tas-servizzi tal-cloud, sabiex jinkisbu aktar flessibbiltà u aktar opzjonijiet għall-użu tad-data, kif maqbul mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Istrateġija ta' Innovazzjoni tal-ICT u kkonfermat mill-Bureau s-sena li għaddiet;

97.  Ifakkar li dawn ir-rekwiżiti politikament sinifikanti tal-politika cloud, jiġifieri dwar id-deċiżjoni fl-ogħla livell dwar liema kategoriji ta' data jistgħu jmorru fil-cloud jew le, dwar id-definizzjoni ta' cloud sovran jew dwar l-għażla ta' fornituri, ġew espressi mill-Viċi Presidenti tal-Parlament, u jeħtieġ li jitqiesu fil-proċess tal-adozzjoni tal-politika tal-cloud mill-Bureau, qabel ma jiġi ffirmat kwalunkwe kuntratt ma' fornitur ta' servizz ta' cloud;

98.  Jitlob li jiġi żgurat id-dritt għall-Membri u l-assistenti li jużaw software tal-uffiċċju b'xejn u b'sors miftuħ;

99.  Ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm approċċ aktar faċli għall-utent, sistematiku u koordinat għall-ħolqien u l-konverżjoni ta' data ta' interess pubbliku f'format miftuħ, li jinqara mill-magni, faċilment aċċessibbli u li jista' jerġa' jintuża mill-utenti; itenni l-importanza li l-Parlament ikollu l-politika tiegħu stess dwar id-data miftuħa; jitlob lis-servizzi rilevanti jressqu abbozz għal approvazzjoni lill-Bureau;

100.  Ifakkar li l-prinċipju ġenerali tal-istrateġija tal-cloud huwa s-sigurtà tal-informazzjoni u l-protezzjoni tad-data, u dan jeħtieġ kategorizzazzjoni speċifika tad-data bbażata fuq il-protezzjoni tad-data u valutazzjonijiet tas-sigurtà; jitlob lill-Bureau japprova, wara li jikkunsidra l-analiżi tar-riskju mħejjija mis-servizzi rilevanti, liema kategoriji ta' data u applikazzjonijiet jistgħu jmorru fil-cloud u liema għandhom jinżammu fil-Parlament biss;

101.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda effett ta' intrappolament tal-klijentela tal-cloud u li jinkiseb livell ogħla ta' sigurtà bl-użu ta' software b'sors miftuħ u standards miftuħa kull fejn ikun possibbli;

102.  Jitlob lill-amministrazzjoni toħloq spazju fuq is-sit web tal-Parlament fejn ir-rekord tal-votazzjoni fil-plenarja ta' kull Membru jkun disponibbli u t-tqassim tal-voti skont il-gruppi politiċi u n-nazzjonalità tal-Membri jkun viżibbli u kumparabbli; jistieden lis-servizzi rilevanti jistudjaw il-fattibbiltà u jittestjaw il-viżwalizzazzjoni tal-emendi ffirmati l-aktar reċenti fil-kumitati u fil-plenarja tal-Membri li jivvolontarjaw fuq il-paġna personali tagħhom fis-sit web tal-Parlament;

103.  Jilqa' l-istrateġija Digital Workplace4MEP li toffri soluzzjonijiet għall-mobilità u l-effiċjenza; iqis li l-użu ta' tagħmir ibridu ta' kwalità għolja għandu jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira ta' ġestjoni ambjentali li l-konsum tal-karta jitnaqqas b'50 % sal-2024; jistenna li t-tnedija twassal għal iffrankar sinifikanti fl-ispejjeż minħabba t-tneħħija gradwali ta' tip ieħor ta' tagħmir;

104.  Jiġbed l-attenzjoni fuq l-erba' investigazzjonijiet importanti mwettqa mill-KEPD li jinvolvu lill-Parlament, jiġifieri l-użu tal-kumpanija NationBuilder għall-ipproċessar ta' data personali bħala parti mill-attivitajiet tagħha relatati mal-elezzjoni Ewropea tal-2019, in-nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' politika ta' privatezza konformi għas-sit web "diddarbasenivvota" sal-iskadenza stabbilita mill-KEPD, u l-kontrolli tat-temperatura tal-ġisem kif ukoll is-sit web tal-ibbukkjar tat-testijiet fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19; jinnota li fl-ewwel żewġ każijiet, il-Parlament aġixxa f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-KEPD; ifakkar fir-rieżami preliminari msemmi hawn fuq tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-Parlament; jistieden lis-servizzi rilevanti tal-Amministrazzjoni tal-Parlament jisiltu tagħlimiet mill-investigazzjonijiet imsemmija għall-futur;

105.  Jinnota li l-Wi-fi pprovdut fil-bini tal-Parlament fi Brussell sikwit ikun instabbli u ma jipprevedix laqgħat mingħajr disturbazzjonijiet matul telefonati virtwali bil-video; jitlob lill-Parlament jaġġorna s-sistema attwali għal-livell ta' prestazzjoni meħtieġ għal metodu ta' ħidma kompletament remot tal-Parlament;

106.  Jilqa' ż-żewġ proġetti Ewropej, Red Flags u Digiwhist, li jużaw il-big data biex inaqqsu l-korruzzjoni u jinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġiji emerġenti bħala parti mid-diġitalizzazzjoni;

Aċċess għall-offerti

107.  Jilqa' l-aċċess imtejjeb tal-utenti għall-offerti fil-Parlament; jagħmel ħiltu biex ikompli jsaħħaħ il-proċess ta' diġitalizzazzjoni tiegħu billi jipprovdi Mistoqsijiet Frekwenti ġenerali rigward il-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti u jiggarantixxi aċċess faċli għall-utent;

108.  Jinnota l-istrument attwali ta' sejħiet għall-offerti elettroniċi, TED, bħala parti mill-proċess ta' trasformazzjoni diġitali tal-akkwist pubbliku, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal taqsima ta' mistoqsijiet u tweġibiet multilingwi filwaqt li jiżgura l-aġġornament f'waqtu tagħhom;

Teknoloġiji emerġenti fl-akkwist pubbliku

109.  Itenni l-impenn tal-Parlament li jżomm it-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist pubbliku, bil-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-akkwist pubbliku u jippromwovi l-innovazzjoni teknika diġitali; iqis li l-adozzjoni mid-DĠ ITEC ta' mudell tal-cloud turi l-importanza li jibda jiġi esplorat il-potenzjal tat-teknoloġiji emerġenti fl-akkwist pubbliku;

110.  Jinnota li l-akkwist pubbliku ta' oġġetti u servizzi kien stmat li jammonta għal EUR 2 triljuni jew 13,3 % tal-PDG(7); jinnota li studju aġġornat fl-2020 wera kif l-użu ta' teknoloġiji ġodda bħall-blockchain, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali, l-internet tal-oġġetti u l-istampar 3D jintuża biex jinkisbu affarijiet differenti: L-intelliġenza artifiċjali u t-tagħlim awtomatiku jistgħu jbassru d-domanda futura u jikkategorizzaw in-nefqa tal-akkwist, waqt li ċ-Chatbots jistgħu jgħinu lill-utenti bil-mistoqsijiet li jkollhom; jinnota wkoll li l-blockchain jintuża biex jipprovdi trasparenza fi stadji differenti tal-akkwist pubbliku u biex tiżgura rekord diġitali ta' kull ftehim, kull proċess, kull pagament u sors uniku kondiviż ta' data; jinnota li, fl-aħħar nett, l-istampar 3D jiżgura l-produzzjoni diretta ta' diversi partijiet(8); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-applikazzjoni ta' teknoloġiji emerġenti għas-sejħiet għall-offerti pubbliċi eventwalment issaħħaħ it-trasformazzjoni diġitali tant meħtieġa tal-proċess tal-akkwist pubbliku;

Trasparenza

111.  Jinnota bi tħassib serju li skont ir-Rapporti Annwali tar-Reġistru ta' Trasparenza f'dawn l-aħħar snin, madwar nofs l-entrati kollha fir-Reġistru mhumiex korretti; jibża' li r-Reġistru ma jistax jissodisfa l-għan tiegħu li jipprovdi aktar trasparenza dwar l-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' interess jekk nofs l-entrati tiegħu jipprovdu informazzjoni mhux kompluta jew mhux korretta; iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Kummissjoni jindirizzaw ir-rata għolja ta' entrati mhux korretti billi jżidu, tal-anqas b'mod temporanju, il-Persunal tas-Segretarjat Komuni tar-Reġistru ta' Trasparenza, jiskennjaw sistematikament l-entrati kollha għall-korrettezza u l-kompletezza, u jiżguraw li l-entrati korretti biss jiddaħħlu fir-reġistru;

112.  Ifakkar fl-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta' Kondotta fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta' interess, li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Membri għandhom jiġu pprovduti b'mod preċiż; jiddispjaċih dwar xi każijiet b'dettall insuffiċjenti fid-dikjarazzjonijiet dwar attivitajiet esterni mħallsa jew mhux imħallsa, li jqajmu dubji dwar jekk attività bħal din tistax tiġi vverifikata għal kunflitt ta' interess potenzjali mal-attività parlamentari tagħhom; jinnota li f'każijiet fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li l-informazzjoni pprovduta tkun skaduta, il-President jista', fejn ikun xieraq, jitlob lill-Membru jikkoreġi d-dikjarazzjoni fi żmien għaxart ijiem; jistieden lill-Bureau jirrieżamina l-format tad-dikjarazzjonijiet; jinkoraġġixxi konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri f'dan ir-rigward, bil-għan li jiġu skambjati l-aħjar prattiki;

Reklutaġġ

113.  Ifakkar li fl-2019, id-DĠ PERS kellu 459 membru tal-persunal u amministra 48 % tal-baġit globali tal-Parlament;

114.  Jinnota li bħala eżitu tal-elezzjonijiet tal-2019, il-proporzjon ta' Membri ġodda fid-Disa' Leġiżlatura laħaq il-livell għoli ta' 61 %; jenfasizza li fil-kuntest tal-għadd dejjem jikber ta' ex Membri, is-Segretarju Ġenerali u l-Bureau għandhom jistabbilixxu regoli sodi biex jirregolaw ir-revolving doors, li jirrikjedu li l-ex Membri jinfurmaw lill-Parlament dwar l-attivitajiet u l-impjieg tagħhom ta' wara l-mandat għal perjodu li jestendi tal-inqas tul iż-żmien li l-ex Membri jirċievu l-allowance tranżitorja fi tmiem il-mandat; jitlob li ssir valutazzjoni indipendenti dwar jekk attivitajiet bħal dawn joħolqux kunflitti ta' interess;

115.  Huwa konvint li l-attraenza tal-Parlament bħala impjegatur hija komponent ewlieni tas-suċċess tiegħu; huwa mħasseb serjament bid-diffikultajiet li nqalgħu fir-reklutaġġ ta' xi nazzjonalitajiet u biex jitressqu ċerti profili ta' xogħol internament; jesprimi dispjaċir għad-dipendenza żejda tal-Parlament fuq l-għarfien espert estern; jinnota li d-DĠ PERS bħalissa qed imexxi l-proġett "Nattiraw u nieħdu ħsieb l-aqwa talent" li għandu l-għan li jtejjeb il-politiki tal-Parlament biex jattira u jżomm it-talent u jikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-viżjoni strateġika fit-tul tal-Parlament dwar l-impjiegi tal-ġejjieni; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jagħmel ħiltu kollha biex itejjeb id-diversità u l-bilanċ ġeografiku tal-persunal tal-Parlament, f'termini tar-rappreżentanza proporzjonali għal kull Stat Membru, inkluż fir-rigward tan-numri ta' pożizzjonijiet ta' maniġment u biex jesplora l-għażliet kollha disponibbli sabiex tiżdied il-kompetittività tal-Parlament bħala impjegatur;

116.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' diversità fost il-persunal tal-Parlament; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jagħti prijorità liż-żieda fid-diversità; jieħu nota tad-diffikultà biex jiġu reklutati speċjalisti u persunal fil-qasam tal-IT u finanzjarju fi gradi aktar baxxi fil-Lussemburgu, speċjalment fil-kategorija AST-SC; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' koeffiċjent tal-korrezzjoni li jqis l-għoli tal-ħajja ogħla f'dan il-post tax-xogħol flimkien mar-reklutaġġ fi gradi ogħla huma meħtieġa biex tissolva din il-problema strutturali u jtenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza tal-2018; jisħaq li analiżi fattwali preliminari li l-Qorti indirizzat lis-Segretarju Ġenerali f'dan il-kuntest turi li l-proċess ta' selezzjoni organizzat mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal mhuwiex adattat għal kompetizzjonijiet fuq skala żgħira u mmirati, li huma dawk l-aktar adatti għall-ħtiġijiet attwali ta' reklutaġġ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jinnota b'sodisfazzjon l-involviment attiv tal-Parlament fi sforz interistituzzjonali fir-rieżami tal-mod kif il-kompetizzjonijiet huma attwalment immexxija mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal; jitlob li jiġi żviluppat qafas ġdid ta' selezzjoni għall-kompetizzjonijiet għall-ispeċjalisti u l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu għar-rieżami regolari tal-proċess ta' selezzjoni tiegħu; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jorganizza kompetizzjonijiet speċjalizzati internament meta jkun xieraq;

117.  Jesprimi tħassib kbir ukoll dwar il-fatt li huwa diffiċli ħafna għad-DĠ ITEC li jirrekluta biżżejjed esperti kwalifikati biżżejjed bi profili, għarfien u esperjenza speċifiċi ħafna; jistieden lill-Parlament jiżgura li din it-talba tintbagħat kif xieraq lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal biex jirrispondi aħjar għal dawn il-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk relatati mal-għarfien espert tal-ICT tal-Parlament fil-qasam taċ-ċibersigurtà, il-cloud computing u l-intelliġenza artifiċjali; jiddeplora d-dipendenza żejda tal-Parlament minn konsulenti esterni u jisħaq fuq l-importanza li d-DĠ ITEC ikompli jiżviluppa l-istrateġija tiegħu ‘Minn konsulenti esterni għal persunal bil-kuntratt’ sabiex jitnaqqsu r-riskji għas-sigurtà għall-Parlament;

118.  Ifakkar fl-importanza li jinkiseb bilanċ ġeografiku ġust fost il-persunal tal-Parlament; josserva li, abbażi tal-proporzjon bejn in-numru tal-persunal u n-numru ta' Membri minn dak l-istess Stat Membru, m'hemm l-ebda diviżjoni bejn Stati Membri li ilhom aktar u dawk aktar reċenti f'termini ta' rappreżentanza żejda jew sottorappreżentanza; jinnota li l-ogħla ħames proporzjonijiet jikkonċernaw membri tal-persunal mill-Belġju, il-Litwanja, l-Estonja, is-Slovenja u Malta, filwaqt li l-aktar ħamsa baxxi huma dawk mill-Polonja, il-Ġermanja, l-Awstrija, in-Netherlands u Ċipru; jenfasizza li attwalment is-Slovenja u l-Litwanja huma fost is-seba' Stati Membri bl-ogħla proporzjon bejn maniġers u Membri; jistieden lill-Parlament jiżgura li l-persunal fil-livelli kollha jiġi impjegat u promoss abbażi tal-kapaċità, l-effiċjenza u l-integrità, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta' nazzjonalità; jitlob aktar sforzi biex jiġi żgurat li l-impjieg fil-Parlament ikun daqstant attraenti għan-nazzjonalitajiet kollha tal-Unjoni;

119.  Jilqa' l-fatt li l-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali hija element fundamentali tal-politika tar-riżorsi umani tal-Parlament; l-iffaċilitar tal-impjieg u t-tisħiħ tal-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-fatt li l-pjan direzzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri qed ikompli jiġi implimentat permezz ta' azzjonijiet konkreti u li fit-13 ta' Jannar 2020, il-Bureau approva sett ta' miri għall-bilanċ bejn il-ġeneri f'postijiet superjuri u medji ta' maniġment fis-Segretarjat tal-Parlament li għandhom jintlaħqu sal-2024: 50 % tal-kapijiet ta' unitajiet u diretturi nisa, 40% tad-diretturi ġenerali nisa; jisħaq li jeħtieġ li l-Bureau jkompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi jimpenja ruħu għal miri aktar ambizzjużi li għandhom jintlaħqu sal-2022: 50 % tal-kapijiet ta' unitajiet u diretturi nisa, 50% tad-diretturi ġenerali nisa; jistieden lill-Bureau jifformula wkoll miri ambizzjużi għal postijiet tax-xogħol maniġerjali fi grad baxx;

120.  Itenni li hu essenzjali li r-rappreżentanti tal-persunal jinstemgħu meta l-Bureau jiddiskuti kwistjonijiet ġenerali li jaffettwaw il-politika tal-persunal tiegħu, u jerġa' jappella lis-Segretarju Ġenerali jieħu l-miżuri xierqa biex jimplimenta dan l-approċċ ewlieni; itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jieħu passi ulterjuri ħalli jiżgura t-trasparenza u l-ġustizzja matul il-proċeduri ta' ħatra tal-maniġment superjuri; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri rakkomandati mill-Parlament fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018, b'mod partikolari li l-uffiċjali mill-korpi rappreżentattivi tal-persunal ikunu fuq il-bordijiet tal-għażla tal-maniġment superjuri tal-Parlament; jitlob, barra minn hekk, biex tiġi żgurata l-konsistenza fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet esterni għal postijiet tax-xogħol ta' maniġment superjuri u d-diliġenza fil-pubblikazzjoni ta' dawn il-postijiet tax-xogħol kif u meta jitbattlu;

121.  Ifakkar fis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fil-każijiet konġunti 488/2018/KR u 514/2018/K, u jistieden lis-Segretarju Ġenerali jkompli jtejjeb il-proċeduri ta' ħatra tal-uffiċjali ta' grad għoli permezz ta' aktar trasparenza u ugwaljanza; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tirrapporta kull sena dwar il-ħatra tal-uffiċjali ta' grad għoli;

Persunal, Assistenti Parlamentari Akkreditati u Assistenti Lokali

122.  Jiġbed l-attenzjoni għall-mira ta' tnaqqis annwali ta' 6 % fil-persunal, li fl-2019 kienet tirrikjedi li l-Parlament jelimina 59 post mit-tabella tal-persunal amministrattiv tiegħu; jirrikonoxxi ż-żieda simultanja fin-numru ta' aġenti kuntrattwali; iwissi dwar il-konsegwenzi serji li kwalunkwe tnaqqis baġitarju fl-amministrazzjoni jew tnaqqis tal-persunal jista' jkollu fil-futur fuq is-servizz pubbliku Ewropew u għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; jinsab imħasseb, b'mod partikolari, dwar l-effetti negattivi ta' dan it-tnaqqis sinifikanti fuq il-prestazzjoni tal-Parlament minħabba r-riforma tal-persunal tal-2014, kemm fuq perjodu ta' żmien qasir kif ukoll fuq perjodu ta' żmien twil, filwaqt li huwa konxju wkoll tal-ħtieġa li jiġu żgurati l-ġestjoni baġitarja responsabbli u t-tfaddil fejn xieraq; jinnota li l-ħidma u r-responsabbiltà ta' ċerti kumitati parlamentari żdiedu peress li issa huma responsabbli għall-iskrutinju tal-Pjan ta' Rkupru tal-UE tan-Next Generation EU ta' EUR 750 biljun, li flimkien mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 (QFP) jammontaw għal EUR 1,8 triljun; jinsab imħasseb dwar in-nuqqasijiet tal-kapaċitajiet tal-persunal amministrattiv fis-segretarjati rilevanti; jitlob li ssir valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-persunal;

123.  Jinnota li l-Qorti sabet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni naqqsu l-għadd ta' postijiet tax-xogħol għal uffiċjali (jiġifieri persunal permanenti u persunal temporanju), filwaqt li gradwalment żiedu l-għadd ta' persunal kuntrattwali (li żdiedu b'121 % bejn l-2012 u l-2018, b'xejra simili fl-2019, li wassal għal żieda sostanzjali fil-proporzjon ta' persunal kuntrattwali fil-forza tax-xogħol totali; jiddispjaċih bil-kbir għan-nuqqas ta' prospetti ta' karriera għall-persunal kuntrattwali fil-każ tal-amministrazzjoni tal-Parlament; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jivvaluta r-riskji relatati mal-impjieg ta' għadd dejjem jikber ta' persunal kuntrattwali, inkluż il-periklu li tinħoloq struttura tal-persunal b'żewġ livelli fi ħdan il-Parlament; jinsisti li l-kompiti u l-karigi permanenti ewlenin għandhom jitwettqu minn persunal permanenti; jinnota li r-rapport annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-2019 ma eżaminawx jekk dawn is-sostituzzjonijiet irriżultawx minn trasferimenti ta' impjegati bbażati fi Strasburgu jew fil-Lussemburgu lejn Brussell; jistieden lill-unità tar-riżorsi umani tal-Parlament taqsam informazzjoni dwar ir-rilokazzjoni tal-persunal fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament sa mill-2012, jew bħala parti mill-proċedura ta' kwittanza annwali jew billi taqsam informazzjoni rilevanti mal-Qorti biex tiġi inkluża fir-rapporti annwali li jmiss dwar l-implimentazzjoni tal-baġit;

124.  Jenfasizza l-fatt li r-regoli attwali dwar it-terminazzjoni ta' kuntratt għall-APA ma jipprevedux il-possibbiltà ta' terminazzjoni permezz ta' "kunsens reċiproku", li jkun mod kif tiġi rikonoxxuta r-relazzjoni politika speċjali bejn il-Membri u l-assistenti, fejn iż-żewġ partijiet jistgħu jirrikonoxxu li l-fiduċja reċiproka m'għadhiex teżisti, u jibbenefikaw minn soluzzjoni komuni mingħajr ma jiddgħajfu d-drittijiet soċjali tal-APA; jinnota li din il-kwistjoni ġiet enfasizzata f'diversi rapporti ta' kwittanza tal-Parlament u jistenna li tittieħed azzjoni malajr kemm jista' jkun;

125.  Jinnota li l-membri tal-persunal li jkunu ħadmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għal anqas minn 10 snin mhumiex intitolati għal pensjoni tal-Unjoni u jridu jittrasferixxu l-kontribuzzjonijiet tagħhom f'fond ieħor li jkun jissodisfa r-regoli tal-Parlament rigward it-tip ta' fond u l-età li fiha l-fondi jkunu jistgħu jinġibdu; jinnota li ħafna APA Britanniċi ma rnexxilhomx jittrasferixxu l-kontribuzzjonijiet tagħhom f'ċerti fondi tal-pensjonijiet fir-Renju Unit li l-Parlament iqis li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tiegħu; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jeżamina din il-kwistjoni b'urġenza biex jiżgura li l-membri kollha tal-persunal ikunu jistgħu jaċċessaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom;

126.  Ifakkar li l-Parlament talab għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tagħti lill-ħaddiema d-dritt ta' skonnessjoni diġitali mix-xogħol mingħajr ma jsofru konsegwenzi negattivi; jitlob lill-Parlament jippromwovi u japplika dan il-prinċipju għalih ukoll;

127.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-għadd ta' membri tal-persunal fuq liv minħabba mard fit-tul peress li xi wħud minn dawn il-każijiet jistgħu jkunu minħabba eżawriment u disturb tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden lill-amministrazzjoni u lill-mexxejja tal-gruppi politiċi biex ikunu proattivi fir-rigward tal-persunal ikkonċernat, jevalwaw bir-reqqa l-ammont ta' xogħol tal-persunal u jiżguraw distribuzzjoni bilanċjata tal-kompiti; jisħaq, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' skeda tax-xogħol raġonevoli u li jiġu evitati laqgħat barra l-ħinijiet tal-uffiċċju li jipprevjenu lill-Membri u lill-persunal milli jżommu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata filwaqt li jitqies il-qafas tal-kalendarju parlamentari; jilqa' l-kampanja ‘Mind Matters’ (Nieħdu Ħsieb is-Saħħa Mentali) li tnediet fl-2018 mid-DĠ PERS biex jissensibilizza u jiġġieled l-istigma marbuta mas-saħħa mentali; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament u lill-mexxejja tal-gruppi politiċi biex jagħmlu valutazzjoni psikoloġika tar-riskju u jsibu r-riskji psikoloġiċi fl-ambjent tax-xogħol u jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni mmirati biex jew jeliminawhom, jew jimmitigaw l-impatt negattiv tagħhom; jitlob li ssir valutazzjoni mill-ġdid tar-regoli applikabbli biex ikunu jistgħu jiġu impjegati aktar malajr sostituti f'każijiet ta' liv minħabba mard fit-tul;

128.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti biex tiġi riveduta d-deċiżjoni tal-Bureau li tistabbilixxi l-kategoriji tal-kumitati abbażi tal-ammont ta' xogħol leġiżlattiv tagħhom bil-għan li titqies ukoll il-ħidma tagħhom relatata mal-baġit; jinnota li s-sitwazzjoni attwali qed ikollha impatt partikolarment negattiv fuq il-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, li diġà jsofri minn nuqqas kroniku ta' persunal, u li jiffaċċja ammont kbir ta' xogħol minħabba l-proċedura ta' kwittanza iżda għandu ammont ta' xogħol leġiżlattiv baxx; jitlob lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex għal darb'oħra ssib soluzzjonijiet urġenti biex ittejjeb is-sitwazzjoni;

129.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jsib soluzzjoni għall-fatt li s-salarji tal-APA jridu jmorru biss f'kontijiet bankarji Belġjani, fatt li jmur kontra l-idea ta' unjoni monetarja u ta' pagamenti unika;

130.  Jilqa' l-iżvilupp ta' miżuri li jikkontribwixxu għal bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali u dik privata inkluża l-implimentazzjoni ta' possibilitajiet estiżi ta' telexogħol għall-persunal tal-Parlament u ta' miżuri li jippromwovu l-benessri fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza, madankollu, il-valur tal-preżenza fiżika fil-Parlament; jenfasizza l-kontribut tal-arranġamenti tat-telexogħol u l-votazzjoni remota titnaqqas aktar il-marka tal-karbonju tal-Parlament; jisħaq li jeħtieġ li l-persunal tal-Parlament u l-Membri jingħataw l-opportunità li jkomplu jwettqu l-hekk imsejħa laqgħat ibridi kif ukoll il-votazzjoni remota; jistieden lill-Bureau jkompli jipprovdi mekkaniżmi biex jiffaċilita dawn l-arranġamenti fil-futur;

131.  Jappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza u d-Diversità għall-2014–2019; jinsisti fuq l-importanza ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-livelli kollha, inkluż fil-livell tad-Diretturi Ġenerali; jappoġġja l-miżuri fir-rapport dwar "Diversitajiet minbarra l-ġeneru fis-Segretarjat tal-Parlament – is-sitwazzjoni attwali u l-pjan direzzjonali" adottat mill-Bureau fit-3 ta' April 2019; jiċċelebra b'mod partikolari l-ħolqien fl-2020 ta' żewġ punti ta' kuntatt fil-Parlament, wieħed dwar kwistjonijiet LGBTI+ u wieħed dwar kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni razzjali, it-tnejn ġestiti mill-Unità tal-Ugwaljanza, l-Inklużjoni u d-Diversità tad-DĠ PERS;

132.  Ifakkar fis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew;(9); jiddeplora l-politika attwali tal-Parlament dwar il-liv, li rriżultat fl-għoti ta' 10 ijiem biss ta' liv speċjali lil missier ta' żewġ tewmin minħabba nuqqas ta' rabta materna bejnu u t-tfal tiegħu; iqis li huwa sorprendenti l-kuntrast għal-liv mogħti lil żewġu fil-Kummissjoni, li rċieva 20 ġimgħa ta' liv speċjali ad hoc; jieħu nota tat-tweġiba bil-miktub tal-amministrazzjoni tal-Parlament fejn ġie ddikjarat li s-servizzi tal-Parlament qegħdin jaħdmu fuq regoli ġodda; jappella lill-amministrazzjoni tal-Parlament tallinja l-politika tagħha dwar il-liv speċjali ma' dik tal-Kummissjoni, li hija konformi mal-aħjar interessi tat-tfal;

133.  Jilqa' ż-żewġ skemi ta' azzjoni pożittiva tal-Parlament biex jirrekluta 12-il aġent kuntrattwali u żewġ trainees b'diżabilità matul l-aħħar sentejn;

134.  Jappoġġja t-tnedija ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni fl-2019 biex tiġi promossa politika ta' tolleranza żero għal fastidju fuq il-post tax-xogħol; jirrikonoxxi l-politika ta' tolleranza żero tal-Parlament fir-rigward ta' fastidju fil-livelli kollha, inklużi l-Membri, il-persunal u l-APAs; jinnota li wara l-elezzjonijiet tal-2019, il-Membri kollha kellhom jiffirmaw dikjarazzjoni li tikkonferma l-impenn tagħhom li jikkonformaw mal-kodiċi ta' mġiba xierqa inkorporat fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament f'Jannar 2019; jesprimi dispjaċir, madankollu, li fl-2019 infetħu 10 każijiet ġodda ta' fastidju u minn dawn 4 każijiet kienu jikkonċernaw fastidju sesswali; jilqa' l-fatt li l-Parlament jipprovdi taħriġ volontarju dwar id-dinjità u r-rispett fuq il-post tax-xogħol għall-Membri sabiex imexxu bl-eżempju jiddispjaċih ħafna f'dan il-kuntest li l-Bureau rrifjuta li jimplimenta r-rieda tal-plenarja espressa f'diversi okkażjonijiet(10) biex jistitwixxi taħriġ obbligatorju kontra l-fastidju għall-persunal kollu u għall-Membri kollha; iħeġġeġ lill-Bureau jimplimenta din it-talba mingħajr aktar dewmien;

135.  Huwa tal-fehma li l-Parlament għandu jipprovdi akkomodazzjoni bażika għall-ommijiet li jreddgħu fuq il-post tax-xogħol, partikolarment billi jingħata l-ħin u spazju privat li mhuwiex kamra tal-banju;

136.  Jiddispjaċih għat-38 każ pendenti li jinvolvu lill-Parlament mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi fl-2019 li jvarjaw mill-użu xieraq ta' allowances parlamentari u ta' mġiba tal-persunal għall-finanzjament tal-istrutturi politiċi Ewropej; jindika l-fatt li fl-2019 ingħalqu 14-il każ; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar in-numru għoli ta' każijiet; jitlob lis-servizzi parlamentari jwettqu analiżi fil-fond tar-riskji finanzjarji, legali, etiċi u ta' integrità eżistenti li taw lok għal dawn il-każijiet u jipproponu miżuri preventivi sabiex jiġi żgurat li dawn ma jiġux ripetuti;

137.  Jieħu nota tal-fatt li ma kien hemm l-ebda każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta rreġistrat fil-Parlament fl-2019; Jistieden lill-Parlament biex jadatta bis-sħiħ ir-regoli interni tiegħu stess fir-Regolamenti tal-Persunal għad-Direttiva (UE) 2019/1937(11) adottata reċentement, inklużi regoli komprensivi u proċeduri siguri billi jistabbilixxi kanali siguri għar-rappurtar; huwa tal-fehma li l-protezzjoni tal-informaturi hija element integrali tad-demokrazija u hija kruċjali għall-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' attivitajiet illegali u għemil ħażin; ifakkar li, fost l-oħrajn, l-APA huma f'pożizzjoni vulnerabbli minħabba l-kuntratt ta' impjieg tagħhom; jinnota wkoll li l-informaturi jistħoqqilhom protezzjoni xierqa, simili għal dik tal-vittmi ta' fastidju u li dan għandu jinkludi wkoll l-istabbiliment ta' kumitat konsultattiv li jittratta l-protezzjoni tal-informaturi; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jiżgura li l-protezzjoni pprovduta mill-Parlament għall-APAs li jaġixxu bħala informaturi tkun ekwivalenti għal dik prevista għall-APAs li huma vittmi ta' fastidju; jitlob lill-Parlament iqajjem kuxjenza, fejn possibbli, fost il-persunal parlamentari dwar il-protezzjonijiet tal-informaturi tagħhom u d-dmir tagħhom skont ir-Regolamenti tal-Persunal li jirrappurtaw attivitajiet illegali jew amministrazzjoni ħażina u jistieden lill-Parlament jikkunsidra taħriġ obbligatorju f'dan ir-rigward; itenni t-talba tiegħu għal kampanji ta' informazzjoni f'dan ir-rigward;

138.  Itenni t-talba tiegħu lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex tipprovdi, kemm jista' jkun malajr fil-leġiżlatura li jmiss, pubblikazzjonijiet jew korsijiet ta' taħriġ obbligatorji għall-APA l-ġodda, inkluż, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi (ordnijiet ta' missjoni, visti mediċi, akkreditament, stikers tal-parkeġġ, gruppi ta' viżitaturi, wirjiet, eċċ.) sabiex jiġu evitati żbalji sistemiċi li jħarbtu t-tmexxija bla xkiel tal-proċeduri amministrattivi li jaffettwawhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' taħriġ tekniku dwar il-ħidma tal-kumitati parlamentari kif ukoll il-possibbiltà li jattendu korsijiet tal-lingwa barra mill-ħinijiet tal-uffiċċju;

139.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' tnejn mill-konċessjonijiet esterni kkuntrattati mill-Parlament, jiġifieri s-servizzi tat-tindif u tal-catering; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-użu ta' persunal temporanju u interim u l-impatt ta' dan kemm fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kif ukoll fuq il-kwalità tas-servizzi pprovduti; itenni t-talba tiegħu li għamel lil DĠ INLO fis-snin preċedenti biex iwettaq stħarriġ indipendenti dwar is-sodisfazzjon dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal ikkonċernat; jappella lill-amministrazzjoni tivvaluta l-politika tal-akkwist pubbliku tal-Parlament biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol siguri, trasparenti u prevedibbli għall-persunal sottokuntrattat; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jniedi malajr studju dwar il-vantaġġi li l-internalizzazzjoni ta' dawn is-servizzi jista' jkollha kemm għall-istituzzjoni kif ukoll għad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u jippreżentah kemm lill-Kumitat tal-Parlament għall-Baġits kif ukoll lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ladarba dan ikun disponibbli;

140.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' għażla usa' u aktar sostenibbli ta' ikel, inkluż l-introduzzjoni ta' varjetà akbar ta' prodotti veġetarjani u vegani, mill-kantin self-service tal-Parlament; jinnota t-tnedija ta' stħarriġ indipendenti dwar is-sodisfazzjon tal-klijenti permezz tat-twaqqif tat-terminals Happy or Not fil-ħwienet ewlenin fi Brussell, Strasburgu u l-Lussemburgu bl-għan li jiġu identifikati l-ħwienet fejn huma meħtieġa bidliet u titjib; josserva li t-terminal Happy or Not wera rata kostanti u solida ta' titjib tas-servizzi tal-forniment tal-ikel fil-binjiet Kohl u Martens, filwaqt li r-rata ta' sodisfazzjon hija aktar baxxa fil-binjiet Spinelli u Paul-Henri Spaak; jitlob li jsiru l-bidliet meħtieġa biex isir adattament għall-ħtiġijiet tal-klijenti; jinsab imħasseb li l-ikliet mhux veġetarjani spiss jiswew aktar mill-ikliet veġetarjani; jitlob li l-kantins kollha juru biżżejjed menus li jindikaw l-allerġiji ħdejn il-bank u biex ta' kuljum joffru ikla waħda mingħajr glutina;

141.   Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID-19 irrikjediet l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet b'impatt dirett fuq il-persunal tal-Parlament, inkluż il-persunal b'subkuntrattar u l-persunal freelance; jirrimarka, f'dan ir-rigward, fost l-oħrajn, id-deċiżjoni li jingħalqu Dar l-Istorja Ewropea, is-siti Europa Experience u l-uffiċċji ta' kollegament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-modifika tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-interpreti freelance u tal-persunal tat-tindif u tar-ristoranti; jirrikonoxxi li fiċ-ċirkostanzi attwali relatati mat-tixrid tal-COVID-19, l-istituzzjonijiet, fosthom il-Parlament, iridu jieħdu deċiżjonijiet b'mod rapidu u mhux burokratiku biex jipprevjenu t-tixrid ulterjuri tal-virus u biex iżommu lill-persunal tagħhom 'l bogħod mill-periklu; jistieden, madankollu, lill-Parlament jerfa' r-responsabbiltajiet soċjali tiegħu f'kull deċiżjoni, biex jevita jew jikkumpensa għal kull bidla fl-introjtu u jevita b'kull mezz li jagħti s-sensja lill-persuni li jaħdmu fil-bini tal-Parlament minħabba l-coronavirus;

142.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Grupp COMPASS li jkeċċi 80 membru tal-persunal tas-servizz tal-forniment tal-ikel sa Jannar 2021; jilqa' n-negozjati li saru mal-grupp COMPASS li naqqsu l-għadd totali ta' sensji għal 49, iżda jesprimi nuqqas ta' sodisfazzjon kbir li għad fadal persunal li jrid jitkeċċa; jinnota li l-persunal imkeċċi ġie infurmat ftit qabel il-Milied tal-2020 u f'nofs pandemija; jisħaq fuq il-fatt li xi wħud mill-persunal li tkeċċew kienu ilhom jaħdmu fil-bini tal-Parlament għal għexieren ta' snin; ifakkar fl-appelli ripetuti tal-Parlament lill-kumpaniji madwar l-Unjoni biex iżommu l-persunal tagħhom matul il-pandemija; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tal-Parlament jinvestigaw is-soluzzjonijiet alternattivi possibbli kollha li jissalvagwardjaw l-impjieg tal-ħaddiema kollha tal-kantin u jitlob lill-amministrazzjoni tal-Parlament issib soluzzjonijiet fil-qafas tad-djalogu soċjali; jistieden lill-Bureau jikkunsidra mill-ġdid il-politika ta' esternalizzazzjoni tal-Parlament; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jwieġeb mingħajr dewmien għal ittra mibgħuta dwar it-tkeċċija ffirmata minn 355 Membru; jitlob li l-politika tal-akkwist pubbliku tal-Parlament tiġi evalwata fid-dawl tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli għas-servizzi sottokkuntrattati kollha; jistieden lill-Parlament jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati ta' din l-evalwazzjoni;

143.  Jenfasizza li ikliet ta' kuljum ta' solidarjetà u miżuri oħra ta' solidarjetà mill-Parlament, kif deċiż mill-Bureau, naqqsu l-impatt finanzjarju, ekonomiku u soċjali fuq il-fornituri tal-ikel u l-impjegati tagħhom; jieħu nota li l-Parlament qiegħed ifittex li jsalva kemm jista' jkun impjiegi li huma raġonevoli mill-perspettiva tal-impjieg, iżda wkoll ġustifikabbli għall-użu tal-baġit tal-Parlament;

144.  Jieħu nota tas-soluzzjonijiet li nstabu għall-APA li jkunu ħadmu għal żewġ leġiżlaturi konsekuttivi mingħajr interruzzjoni iżda li kien jonqoshom massimu ta' xahrejn biex jikkompletaw l-għaxar snin ta' servizz meħtieġa biex ikollhom dritt għal pensjoni skont l-iskema tad-drittijiet tal-pensjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jikkritika l-fatt li s-soluzzjoni tressqet tard wisq, minkejja t-twissijiet numerużi u bla waqfien matul il-leġiżlatura preċedenti; jikkritika, barra minn hekk, il-fatt li l-unika soluzzjoni li nstabet kienet tiddependi biss mir-rieda tajba ta' ċerti Membri li kienu jafu bis-sitwazzjoni u wrew solidarjetà ma' dawn l-APA; jikkritika wkoll il-fatt li l-amministrazzjoni ma infurmatx lill-Membri eletti għal-leġiżlatura l-ġdida dwar din il-kwistjoni u dwar il-fatt li setgħu joħorġu kuntratti ta' anqas minn sitt xhur f'dawn il-każijiet, u li minħabba f'hekk ħafna minn dawn l-APA kellhom diffikultajiet kbar biex isibu Membru li kien lest li jimpjegahom fuq kuntratt mingħajr interruzzjoni għal perjodu qasir ta' żmien, u xi wħud lanqas biss irnexxielhom jagħmlu dan;

145.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-allegata prassi skont liema l-Membri jobbligaw lill-APA jmorru fuq missjoni, partikolarment fi Strasburgu, mingħajr ordnijiet ta' missjoni u mingħajr rimborż tal-ispejjeż tal-missjoni tagħhom u mingħajr infiq għall-ivvjaġġar; huwa tal-fehma li din il-prattika tagħti lok għal abbuż bħal meta APA jivvjaġġaw mingħajr ordni ta' missjoni u mhux biss ikollhom iħallsu minn buthom l-ispejjeż, iżda lanqas ma jkunu koperti mill-assigurazzjoni fuq il-post tax-xogħol; itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jinvestiga dan;

146.  Itenni t-talba tiegħu biex l-APA jirċievu l-istess allowance ta' sussistenza bħall-persunal statutorju għall-missjonijiet tagħhom biex jattendu s-sessjonijiet parzjali fi Strasburgu; jieħu nota tat-tweġiba ta' segwitu pprovduta mis-Segretarju Ġenerali dwar ir-regoli differenti li jikkonċernaw ir-rimborż tal-ivvjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament li japplikaw għas-segretarjat tal-Parlament u l-APA; jinsisti fuq it-talba tiegħu għal bidla sussegwenti tar-regoli rilevanti msemmija mis-Segretarju Ġenerali;

147.  Itenni t-talba tiegħu lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau biex jikkunsidraw mill-ġdid il-possibbiltà li l-APA, skont ċerti kundizzjonijiet li għad iridu jiġu stabbiliti, jakkumpanjaw lill-Membri fuq delegazzjonijiet u f'missjonijiet uffiċjali tal-Parlament, kif diġà mitlub minn diversi Membri; jieħu nota tal-impatt finanzjarju stmat spjegat mis-Segretarju Ġenerali dwar is-segwitu tiegħu għall-kwittanza tal-2018 iżda jinsisti fuq l-estensjoni limitata ta' din il-possibbiltà; jissuġġerixxi diskussjoni ġdida fil-livell tal-Bureau u tal-Konferenza tal-Presidenti;

148.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta l-politika tar-riżorsi umani tal-Parlament sabiex l-istituzzjoni tkun tista' tagħmel użu mill-għarfien espert miksub mill-persunal kollu tal-Parlament; jemmen li huwa għalhekk meħtieġ li jinbidlu r-regoli biex il-kategoriji kollha tal-persunal, inklużi l-APA, ikunu jistgħu jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet interni u jistabbilixxu skemi ta' żvilupp tar-riżorsi umani li jippermettu lill-Parlament iżomm l-għarfien espert ta' dawn il-kategoriji ta' persunal għas-servizz tal-istituzzjoni;

Dispersjoni ġeografika tal-Parlament – Sede Unika

149.  Jinnota li l-Qorti stmat li l-idea tat-trasferiment minn Strasburgu lejn Brussell jista' jiġġenera ffrankar annwali ta' EUR 114-il miljun flimkien ma' ffrankar ta' darba ta' EUR 616-il miljun f'każ ta' ċessjoni effikaċi tal-bini fi Strasburgu, jew spiża ta' darba ta' EUR 40 miljun jekk dan ma jseħħx; jinnota li sede unika tista' tinkiseb biss permezz ta' bidla unanima fit-Trattat; ifakkar li maġġoranza kbira tal-Membri tal-Parlament esprimew l-appoġġ, f'diversi riżoluzzjonijiet, favur sede unika biex jiġi żgurat l-infiq effiċjenti ta' flus il-kontribwenti tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Parlament;

150.  Ifakkar li n-nefqa addizzjonali kkawżata mill-ivvjaġġar lejn Strasburgu tmur kontra l-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

151.  Jiġbed l-attenzjoni għal studju reċenti ppreżentat lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament(12); jenfasizza l-konklużjoni tal-istudju li "lejn direzzjoni ta' newtralità karbonika, huwa evidenti li l-Parlament jeħtieġ li jikkunsidra l-operat f'sit wieħed"; ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(13), il-Parlament huwa impenjat li jnaqqas il-marka tal-karbonju tiegħu; Ifakkar li fl-istess riżoluzzjoni l-Parlament iddikjara stat ta' emerġenza klimatika u ambjentali; jinnota li Brussell huwa l-akbar ċentru ta' attività tal-Parlament, li jospita l-Kunsill u l-Kummissjoni iżda wkoll partijiet interessati oħra, NGOs, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u rappreżentanzi tal-Istati Membri; iqis, għalhekk, li ż-żamma ta' Strasburgu bħala sede hija insostenibbli u indifensibbli;

152.  Itenni l-fatt li l-kriżi tal-COVID-19 tikkostitwixxi sitwazzjoni ta' forza maġġuri li ġiegħlet lill-Parlament iħassar parti sostanzjali tat-12-il sessjoni tiegħu ta' Strasburgu mill-kalendarju parlamentari għall-2020; jafferma li l-kost u l-konsegwenzi tas-saħħa tal-kriżi tal-COVID-19 ma għandhomx jiżdiedu mal-kost tal-vjaġġi lejn Strasburgu; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jastjenu, b'deroga mit-Trattat, milli jinsistu fuq l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet kumpensatorji fi Strasburgu;

Fond ta' Pensjoni Volontarja

153.  Ifakkar fl-Artikolu 27(1) u (2) tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament li jiddikjara li "[I]l-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-Istatut għall-Membri jew ex Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f'dak il-fond" u li "[D]rittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom";

154.  Jinnota barra minn hekk li, fi tmiem l-2019, l-ammont nett ta' assi li għandhom jitqiesu u l-impenn attwarjali ammontaw għal EUR 111-il miljun u EUR 439,6 miljun rispettivament, u dan irrappreżenta defiċit attwarjali stmat ta' EUR 328,6 miljun; jinsab imħasseb ħafna dwar il-possibbiltà li l-fond ta' pensjoni volontarja jiġi eżawrit; jenfasizza l-fatt li s-sitwazzjoni attwali tal-fond hija tali li ma tistax tissodisfa l-impenji futuri tagħha; huwa konvint dwar il-ħtieġa li jiġu spjegati aktar il-konsegwenzi legali tar-regoli u/jew li jiġu mmodifikati r-regoli; jistieden lill-Qorti tippreżenta opinjoni ġdida dwar il-fondi ta' pensjoni volontarja, filwaqt li tinvestiga fl-għażliet kollha possibbli biex tillimita d-defiċit tagħha; jinnota li l-Parlament ser jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti u jimplimentaha malajr;

155.  Ifakkar fil-paragrafu 118 tar-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza tal-Parlament tal-2017 li talbet li jiġu investigati l-bażijiet legali tal-fond ta' pensjoni volontarja u b'mod partikolari, jekk il-Parlament għandux obbligu legali li jiggarantixxi li d-drittijiet futuri jinżammu bis-sħiħ u li jimla d-defiċits potenzjali tal-fond jew li jdaħħal flus ġodda fil-fond, peress li l-fond ta' pensjoni volontarja huwa fond ta' investiment SICAV skont il-liġi tal-Lussemburgu aktar milli fond ta' pensjoni regolari, li jimplika li fil-prinċipju ma hemm l-ebda obbligu bħal dan; jiddispjaċih li s-Segretarju Ġenerali għadu ma ppreżenta l-ebda informazzjoni b'reazzjoni għall-investigazzjoni mitluba;

156.  Ifakkar li dawn l-obbligazzjonijiet futuri proġettati huma mifruxa fuq għexieren ta' snin iżda jinsab imħasseb ħafna li filwaqt li l-ammont totali mħallas mill-fond ta' pensjoni volontarja fl-2019 jammonta għal madwar EUR 18-il miljun u din iċ-ċifra mistennija li tiżdied għal madwar EUR 20 miljun fl-2025;

157.  Ifakkar li, fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2018, il-Bureau ddeċieda li jimmodifika r-regoli applikabbli għall-iskema tal-pensjoni billi jżid l-età tal-irtirar minn 63 għal 65 sena u jintroduċi imposta ta' 5 % għall-pagamenti tal-pensjoni għall-pensjonanti futuri bl-għan li jtejjeb is-sostenibbiltà tiegħu; jilqa' l-fatt li l-effetti immedjati tal-bidla fir-regoli kienu ffrankar fil-pagamenti tal-pensjonijiet tal-2019 li jammonta għal madwar EUR 325 000, li minn dawn, EUR 306 000 ġejjin miż-żieda fl-età tal-pensjoni u EUR 19 000 ġejjin mill-introduzzjoni ta' imposta ta' 5 % għall-pensjonijiet kollha stabbiliti wara l-1 ta' Jannar 2019; jitlob li l-Bureau jevalwa l-għażliet kollha possibbli malli l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ħadet id-deċiżjonijiet tagħha dwar il-miżuri attwali sabiex tinstab soluzzjoni ġusta għall-iskema u l-fond tal-pensjoni volontarja filwaqt li r-responsabbiltà tal-Parlament tinżamm minima, peress li hemm involuti l-flus tal-kontribwenti tal-Unjoni;

158.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jirrispettaw bis-sħiħ l-Istatut għall-Membri u jistabbilixxu pjan ċar għall-Parlament li jassumi u jieħu f'idejh l-obbligi u r-responsabbiltajiet għall-iskema tal-pensjoni volontarja tal-Membri tiegħu flimkien mal-fond tal-pensjoni; jappoġġja t-talba tal-Bureau lis-Segretarju Ġenerali biex jinvestiga modi biex jiġi żgurat finanzjament sostenibbli tal-fond ta' pensjoni volontarja skont id-dispożizzjonijiet tal-Istatut għall-Membri filwaqt li tiġi żgurata trasparenza sħiħa; jappella lill-Bureau u lill-membri tal-fond ta' pensjoni volontarja biex jappoġġjaw miżuri li għandhom l-għan li jillimitaw id-defiċit tal-fond tal-pensjoni volontarja;

L-aspett ekoloġiku u ta' sostenibbiltà tal-operazzjonijiet tal-Parlament

159.  Jappoġġa l-użu ta' skema Komunitarja ta' mmaniġġjar u awditjar ekoloġiċi (EMAS), li hija strument ta' ġestjoni tal-Unjoni għall-organizzazzjonijiet privati u pubbliċi biex jevalwaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009(14); jirrikonoxxi li l-Parlament huwa l-ewwel istituzzjoni tal-Unjoni li saret newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2016 minħabba t-tpaċija ta' 100 % tal-emissjonijiet irriduċibbli tiegħu; jappoġġa l-miżuri meħuda biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-Parlament inkluż biex jiżdiedu l-miri tat-telexogħol fid-direttorati ġenerali differenti, jiġi limitat u ottimizzat il-ħin tal-ivvjaġġar għall-missjonijiet u jitħeġġeġ l-użu ta' mezzi tat-trasport sostenibbli eż. billi jiżdied l-għadd ta' postijiet ta' parkeġġ għar-roti;

160.  jilqa' l-fatt li 100 % tal-karta A4 kollha użata fl-uffiċċji tal-Parlament hija riċiklata u jilqa' t-tnaqqis sinifikanti fix-xiri tal-karti fl-2019 meta mqabbel mal-2018; jilqa' l-isforzi tal-Parlament biex iżid l-għadd ta' laqgħat mingħajr karti u jitlob li jkun hemm aktar taħriġ lill-Membri, il-persunal u l-APAs kollha fir-rigward tal-għodod mingħajr karti li nħolqu biex jippermettu li jiġu stampati anqas dokumenti u għal aktar kampanji ta' komunikazzjoni;

161.  Jitlob li jittieħdu aktar azzjonijiet ambizzjużi malajr u jemmen li l-għan aħħari għandu jkun Parlament ħieles mill-plastik li jintuża darba biss;

162.  Jinnota li l-perċentwal ta' enerġija rinnovabbli pprovdut lill-Parlament fl-2019 kien għadu ta' 67 %, il-maġġoranza ta' din iċ-ċifra ġejja mix-xiri ta' elettriku ekoloġiku; jistieden lill-Parlament ikompli jżid il-perċentwal tal-enerġija rinnovabbli pprovdut lill-Parlament bil-ħsieb li tinkiseb provvista ta' enerġija rinnovabbli ta' 100 % mill-aktar fis possibbli, inkluż billi jintuża s-saqaf tal-Parlament ħalli jipproduċi l-enerġija solari tiegħu stess;

163.  Ifakkar li d-Direttiva 2012/27/UE(15) dwar l-effiċjenza fl-enerġija tiddikjara li kull sena, 3 % tat-total tal-ispazju tal-art tal-binjiet tagħna jrid jiġi rinnovat sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija; jirrakkomanda li l-ippjanar baġitarju annwali jqis ir-rinnovazzjoni regolari tal-bini kollu u li jiġi allokat għal dan il-għan ammont li jikkorrispondi għal 3 % tal-erja tas-superfiċje kollha tal-binjiet kollha, kif diġà ġie rifless fl-‘Istrateġija tal-Bini lil hinn mill-2019’ adottata mill-Bureau fis-16 ta' April 2018; iqis li tali allokazzjoni hija parti minn politika immobiljari regolari u antiċipatorja li għandha tiffoka wkoll fuq modifika retroattiva kbira u għandha tiżgura li l-Parlament jistinka biex ikun hemm titjib sostanzjali fl-effiċjenza enerġetika u b'hekk ikun hemm iffrankar fil-konsum tal-enerġija u fl-ispiża tal-faċilitajiet tal-Parlament;

164.  Jilqa' l-internalizzazzjoni b'suċċess tas-servizz tal-karozzi u l-bidla gradwali għal vetturi b'emissjonijiet żero bil-ħsieb li jkun hemm flotta ta' servizz newtrali fil-karbonju sa mhux aktar tard mill-2024; jirrikonoxxi l-għadd kbir ta' operazzjonijiet ta' kuljum u jfaħħar il-ħidma tas-servizz, li kisbet rata għolja ta' sodisfazzjon fost il-Membri; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jintroduċi sistema ta' prenotazzjoni online faċli għall-utent u jeżamina l-possibbiltajiet biex jiżdied l-użu, li kien biss ta' 3 % fl-2019, u jwessa' l-grupp tal-utenti għall-prenotazzjoni tal-karozzi għar-rotta bejn Brussell u Strasburgu biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-Parlament; jitlob li tiġi ċċirkolata komunikazzjoni aħjar dwar din il-possibbiltà sabiex jiġi żgurat li l-ebda karozza ma tivvjaġġa vojta lejn Strasburgu u lura;

165.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Bureau, fis-16 ta' Diċembru 2019, ta' miri ġodda u ambizzjużi għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-Parlament, li jinkludu mira ta' tnaqqis ta' 40 % tal-emissjonijiet tal-karbonju, bid-data tal-2024 għall-perjodu leġiżlattiv il-ġdid; jitlob l-implimentazzjoni effiċjenti tal-azzjonijiet meħtieġa sabiex tintlaħaq il-mira fil-ħin u jsir rappurtar regolari lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress imwettaq; jistieden ukoll lill-Parlament jevalwa mill-ġdid il-mira tal-EMAS tiegħu fid-dawl tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19;

166.  Ifaħħar l-impenn tal-Parlament favur l-akkwist pubbliku ekoloġiku; jinnota li l-objettiv tal-Parlament huwa li jżid il-perċentwal ponderat għall-valur tal-kuntratti fost ċerti prodotti prijoritarji kklassifikati bħala "Ekoloġiċi", "Ekoloġiċi Ħafna" jew "Ekoloġiċi min-Natura Tagħhom"; jinnota li fl-2019, 89,1 % tal-kuntratti skont il-valur fil-kategoriji ta' prodotti prijoritarji ġew ikklassifikati bħala "Ekoloġiċi", "Ekoloġiċi Ħafna" jew "Ekoloġiċi min-Natura Tagħhom"; jilqa' l-adozzjoni tal-Bureau, fis-16 ta' Diċembru 2019, ta' miri ġodda u ambizzjużi għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-akkwist pubbliku ekoloġiku, li jfisser li medja ta' 90 % tal-kuntratti f'kategoriji ta' prodotti prijoritarji għandhom jiġu kklassifikati bħala "Ekoloġiċi", jew "Ta' Natura Ekoloġika" matul il-perjodu 2020-2024; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat akkwist pubbliku ekoloġiku ulterjuri billi jiġu stabbiliti objettivi ambizzjużi għal kuntratti ta' ekoloġizzazzjoni fuq perjodu ta' żmien medju;

167.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Parlament li jintroduċi rappurtar dwar is-sostenibbiltà, li se jinkludi aspetti soċjali tal-akkwist, jistieden lill-Parlament jimmonitorja l-iżviluppi fil-qasam tal-akkwist pubbliku soċjali u sostenibbli, bħall-ħidma tal-OECD dwar l-Akkwist Pubbliku u l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jmiss dwar id-diliġenza dovuta korporattiva; jemmen li bl-inkorporazzjoni ta' standards kummerċjali responsabbli fil-politiki tal-akkwist u tax-xiri tiegħu, il-Parlament jista' jmexxi bl-eżempju, jissalvagwardja l-interess pubbliku u jiżgura r-responsabbiltà tal-infiq pubbliku;

168.  Jilqa' l-politika l-ġdida tal-parkeġġ żviluppata fil-parkeġġi tal-Parlament bl-għan li jiġi promoss l-użu ta' vetturi elettriċi, jiġifieri roti, roti-kargo, skuters u karozzi, permezz tal-installazzjoni ta' stazzjonijiet ta' ċċarġjar tal-elettriku; jappella li dik il-politika tiġi estiża għall-parkeġġi kollha tal-Parlament;

169.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament għandu jonora l-impenji tiegħu fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, konsegwentement, irid jieħu passi xierqa fil-bini kollu tiegħu biex joħloq biżżejjed parkeġġi għar-roti, interni u esterni, fejn ir-roti jkunu protetti mis-serq, minn atti vandaliċi u mill-elementi, li jkunu disponibbli għall-membri kollha tal-persunal u, tal-anqas, joffri l-istess arranġamenti attwalment disponibbli fil-parkeġġi għall-karozzi tal-membri tal-persunal; f'dan ir-rigward, jista' jkun ukoll utli ħafna li jkun hemm sistema li fiha l-vinjetti jintużaw bħala mezz ta' identifikazzjoni;

170.  Jilqa' ż-żieda sinifikanti fl-użu tar-roti fi Brussell fl-2019 meta mqabbel mal-2018;

171.  Jinnota l-impatt ambjentali tar-rilokazzjoni rikorrenti tal-Parlament lejn Strasburgu;

Interpretazzjoni u traduzzjoni

172.  Ifakkar li, fl-2019, id-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi kellu 530 membru tal-persunal u amministra 2,6 % tal-baġit globali tal-Parlament;

173.  Ifaħħar il-proġett tal-‘Organizzazzjoni tal-Konferenza One-Stop (OSCO)’, konkluża fl-2019, li rrazzjonalizza b'mod konsiderevoli l-proċessi ta' ħidma relatati mal-organizzazzjoni tal-konferenzi u ppermetta lid-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi biex isir l-unika interfaċċa għal firxa ta' servizzi ta' konferenzi ta' kwalità għolja għal organizzaturi ta' laqgħat, konferenzi u avvenimenti fil-Parlament;

174.  Josserva li l-Kodiċi ta' Kondotta rivedut għall-Multilingwiżmu, adottat mill-Bureau f'Lulju 2019, ta qafas aġġornat li fih kellu jopera u żgura li interpretazzjoni ta' kwalità għolja tista' tiġi pprovduta bir-riżorsi użati b'mod effiċjenti, adattata għall-ħtiġijiet tal-utenti tiegħu; jiddeplora l-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta rivedut għall-Multilingwiżmu għadu jassimila l-eżerċizzju baġitarju u ta' kwittanza bbażat fuq id-dritt primarju tal-Unjoni għal ħidma mhux leġiżlattiva, li jobbliga lill-Kumitat għall-Baġits u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, kull sena, jitolbu awtorizzazzjoni mill-Bureau biex jaqbżu r-riżerva annwali tiegħu ta' 45 paġna għat-testi ppreżentati għat-traduzzjoni; jistieden lill-Parlament jiżgura li l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Multilingwiżmu jiġi applikat b'mod li jippermetti lill-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jeżerċitaw il-funzjonijiet baġitarji u ta' kwittanza ewlenin tal-Parlament mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu deroga annwali bħal din;

175.  Jinnota b'apprezzament id-djalogu soċjali li sar bejn il-maniġment u r-rappreżentanti tal-interpreti impjegati li rriżulta fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ġodda tat-8 ta' Settembru 2018; jappoġġja l-isforzi kontinwi kemm mir-rappreżentanti tal-amministrazzjoni kif ukoll mill-interpreti biex jiġi garantit multilingwiżmu sħiħ b'użu effiċjenti tar-riżorsi;

176.  Jinnota li bosta komunikazzjonijiet u dokumenti huma disponibbli biss bl-Ingliż; jinnota wkoll li l-laqgħat ta' ħidma jsiru mingħajr il-possibbiltà ta' interpretazzjoni; jitlob li l-Parlament jirrispetta l-prinċipji, id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-Regolament Nru 1/1958, kif ukoll fil-linji gwida u d-deċiżjonijiet interni, bħall-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba; konsegwentement, jappella lill-Parlament jipprovdi r-riżorsi umani meħtieġa biex jiżgura li l-multilingwiżmu jiġi rispettat, billi jżid l-għadd ta' persunal responsabbli għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni;

177.  Ifakkar li fl-2019, id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni kellu 1 117-il membru tal-persunal u amministra 0,5 % tal-baġit globali tal-Parlament;

178.  Ifaħħar l-implimentazzjoni ta' sistema għall-akkreditazzjoni tat-tradutturi esterni sabiex ikun hemm żieda fil-kwalità tat-traduzzjonijiet esternalizzati, b'enfasi fuq l-użu ta' tradutturi ‘akkreditati’ li kellhom il-kapaċità ta' traduzzjoni tagħhom ittestjata, it-tisħiħ tal-kontroll ta' kwalità tat-traduzzjonijiet esternalizzati permezz tal-unitajiet tal-lingwa u t-tisħiħ tal-konsegwenzi kuntrattwali fil-każ ta' kwalità inferjuri;

179.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali janalizza l-fattibbiltà tal-introduzzjoni tal-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali għad-dibattiti plenarji kollha, f'konformità mat-talbiet adottati mill-Plenarja, u jimplimenta din id-deċiżjoni fir-rigward tal-prinċipju ta' aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha;

Finanzi u Amministrazzjoni

180.  Ifakkar li, fl-2019, id-DĠ FINS kellu 222 membru tal-persunal u amministra 22,7 % tal-baġit globali tal-Parlament;

181.  Jikkundanna l-arretrati twal fir-rigward tar-rimborżi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar fl-2019; jitlob li jiġu żgurati u jinżammu riżorsi suffiċjenti għad-DĠ FINS u li dawk ir-riżorsi jiġu allokati b'mod li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' arretrati;

182.  Jinnota li l-aġenzija ġdida tal-ivvjaġġar tal-Parlament bdiet topera fl-1 ta' Jannar 2019; jinnota li l-Membri esperjenzaw diffikultajiet biex jikkomunikaw maċ-ċentru telefoniku tal-aġenzija tal-ivvjaġġar matul u barra s-sigħat tax-xogħol; jitlob titjib fid-disponibbiltà; josserva li, għall-Membri, l-aġenzija tal-ivvjaġġar issegwi d-direttivi tal-Unità tal-Ivvjaġġar u s-Sussistenza tal-Membri, skont liema t-titjiriet offruti għandhom dejjem ikunu bbażati fuq l-aktar rotta diretta bejn il-punt ta' tluq u ta' destinazzjoni u fuq l-irħas nollijiet kull meta jkun hemm diversi linji tal-ajru li jipproponu l-istess konnessjoni; jinnota li kwalunkwe dħul li tirċievi l-aġenzija tal-ivvjaġġar bħala riżultat tal-fatturat li sar fuq is-servizzi mogħtija lill-Parlament irid jiġi rimborżat lill-Parlament; jinnota li meta mqabbel mas-sena ta' qabel, l-għadd annwali ta' lmenti baqa' stabbli bi 63 ilment irreġistrati fl-2019, li jirrappreżentaw 0,043 % tat-total ta' 144 913-il tranżazzjoni dik is-sena, u li l-maġġoranza tal-ilmenti rreġistrati kienu jikkonċernaw il-kwalità tas-servizzi mogħtija mill-aġenzija l-ġdida tal-ivvjaġġar, li rriżultaw mit-tranżazzjoni u l-bidu tal-operazzjonijiet tagħha, inklużi kanċellazzjonijiet tard u dewmien fl-ivvjaġġar;

183.  Iqajjem dubji kbar dwar il-paragrafu 40 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Mejju 2020(16) dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2021 (2019/2214 (BUD)) li jitlob lill-Bureau jirrevedi l-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament sabiex il-Membri jiġu rimborżati għal biljetti tal-linji tal-ajru "flexible economy" meta jivvjaġġaw fl-Unjoni, b'eċċezzjonijiet aċċettati għal titjiriet itwal minn erba' sigħat ta' dewmien jew titjiriet b'waqfa skedata; jitlob li jitkompla t-trattament ugwali tal-Membri f'termini ta' biljetti offruti; ifakkar ukoll fl-għanijiet tal-Parlament li jkompli jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu u jissottolinja li t-titjiriet diretti u biljetti flessibbli tal-ajru huma l-metodi tal-ivvjaġġar bl-ajru meħtieġ li jniġġsu l-inqas;

Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali

184.  Ifakkar fid-deċiżjoni li l-Membri kollha għandu jkollhom kont bankarju separat bl-għan li jirċievu l-allowance għall-ispejjeż ġenerali; jilqa' l-implimentazzjoni stretta mill-Parlament ta' dan l-obbligu li rriżultat f'rata ta' konformità ta' 100 %;

185.  Ifakkar fl-Artikolu 11(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, kif adottat mill-Bureau fil-11 ta' Marzu 2019, li jistipula li "[I]l-Bureau għandu jipprovdi l-infrastruttura meħtieġa fuq il-paġna web tal-Membri fuq il-websajt tal-Parlament għal dawk il-Membri li jixtiequ jippubblikaw awditjar volontarju jew konferma, kif previst fir-regoli applikabbli tal-Istatut tal-Membri u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, li l-użu minnhom tal-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali jikkonforma mar-regoli applikabbli tal-Istatut tal-Membri u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu"; jinnota li dawn il-pubblikazzjonijiet isiru fuq bażi individwali u b'mod fakultattiv taħt ir-responsabbiltà tal-Membri stess u li l-amministrazzjoni tal-Parlament mhijiex responsabbli għall-ġbir tal-informazzjoni pprovduta; jistieden lis-servizzi tal-Parlament jibagħtu tfakkira annwali lill-Membri dwar din il-possibbiltà; jistieden lill-Parlament jinforma regolarment lill-awtorità ta' kwittanza dwar kemm Membri jsegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet sabiex l-infiq tal-flus tal-kontribwenti tal-Unjoni jsir aktar trasparenti u responsabbli;

186.  Ifakkar li l-Membri jeżerċitaw il-mandat tagħhom b'mod liberu u indipendenti kif iddikjarat fl-Artikolu (2) tar-Regoli ta' Proċedura; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe korp li jkollu l-kompitu li jelabora regoli u standards etiċi għandu jkun limitat għall-kompiti assenjati lilu u jrid jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma jillimitawx jew ma jfixklux il-mandat liberu tal-Membri;

187.  Jisħaq fuq il-fatt li l-allowance għall-ispejjeż allowance ta' somma f'daqqa u jissottolinja l-ħtieġa ta' indipendenza tal-mandat liberu kif iddikjarat fir-regoli ta' proċedura; jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau li jinkariga grupp ta' ħidma bl-evalwazzjoni tal-operazzjoni tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali matul l-aħħar snin u biex isib prattiki fattibbli għall-ġestjoni tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali; jistieden lill-Bureau jieħu deċiżjoni sa tmiem l-2021; jisħaq fuq il-fatt li l-ġestjoni tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali m'għandhiex twassal għal livell ogħla ta' burokrazija għall-uffiċċji tal-membri u għall-amministrazzjoni tal-Parlament;

188.  Jenfasizza li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-2018 dwar l-allowance għall-ispejjeż ġenerali tistipula li l-Bureau se jżomm din id-deċiżjoni sal-aħħar tal-2022 u se jevalwaha abbażi tal-esperjenza miksuba matul id-disa' leġislatura; jiddispjaċih li l-Bureau għadu jinjora r-rieda tal-plenarja espressa f'diversi okkażjonijie(17)a biex ikompli jirriforma l-allowance għall-ispejjeż ġenerali, biex b'hekk jiġi evitat b'mod attiv li l-ispejjeż tal-Membri ta' flus il-kontribwenti tal-Unjoni jsiru aktar trasparenti u responsabbli; iħeġġeġ lill-Bureau jimplimenta minnufih id-deċiżjonijiet tal-Plenarja mir-rapporti dwar il-kwittanza tal-Parlament tal-2017 u l-2018 li jintroduċu bidliet fir-regoli li jirregolaw l-allowance għall-ispejjeż ġenerali; jisħaq li kwalunkwe miżura ġdida volontarja u/jew mhux obbligatorja għal aktar trasparenza u obbligu ta' rendikont finanzjarju ma għandhiex toħloq burokrazija żejda għall-Membri u l-uffiċċji tagħhom;

189.  Jissottolinja li l-governanza tajba hija bbażata fuq ġestjoni finanzjarja soda u l-proporzjonalità; jistieden lill-Bureau jqis il-kosteffettività u l-proporzjonalità ta' kwalunkwe investiment ulterjuri u l-benefiċċji miksuba permezz ta' nfiq ulterjuri tal-flus tal-kontribwenti u ż-żieda fil-burokrazija;

Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija

190.  Ifakkar li r-Regolament Finanzjarju jistipula l-informazzjoni li trid tiġi fornuta lill-awtorità baġitarja, kif ukoll lill-pubbliku, dwar l-għoti ta' kuntratti mill-istituzzjoni; jinnota li r-Regolament Finanzjarji jirrikjedi l-pubblikazzjoni tal-kuntratti mogħtija ta' valur ogħla minn EUR 15 000, valur li jikkorrispondi għal-limitu minimu li jekk jinqabeż jiskatta l-obbligu tal-proċedura kompetittiva ta' offerti;

191.  Jinnota li minn total ta' 225 kuntratt mogħtija fl-2019, 83 kienu bbażati fuq proċeduri miftuħa jew ristretti, b'valur ta' EUR 597,3 miljun, u 141 kienu bbażati fuq proċeduri negozjati, b'valur totali ta' EUR 208,5 miljun; jinnota li l-għadd totali ta' kuntratti mogħtija bi proċeduri negozjati żdied f'termini ta' valur bħala perċentwal tal-valur totali ta' kuntratti mogħtija, minn 6 % fl-2018 għal 26 % fl-2019, kif ukoll f'termini ta' volum, minn EUR 35,86 miljun fl-2018 għal EUR 208,53 miljun fl-2019;

192.  Jinnota li l-kuntratti mogħtija fl-2019 u fl-2018 jistgħu jinqasmu kif ġej skont it-tip, inklużi l-kuntratti ta' bini:

Tip ta' kuntratt

2019

2018

Għadd

Perċentwal

Għadd

Perċentwal

Servizzi

Provvista

Xogħlijiet

Bini

177

33

13

2

78 %

15 %

6 %

1 %

199

37

12

3

79 %

15 %

5 %

1 %

Total

225

100 %

251

100 %

Tip ta' kuntratt

2019

2018

Valur (EUR)

Perċentwal

Valur (EUR)

Perċentwal

Servizzi

581 610 182

72 %

256 374 627

42 %

Provvista

85 741 237

10 %

210 526 209

35 %

Xogħlijiet

135 211 526

17 %

133 431 628

22 %

Bini

4 260 000

1 %

5 039 824

1 %

Total

806 822 945

100 %

605 372 288

100 %

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2019, p. 5)

193.  Jinnota t-tqassim tal-kuntratti mogħtija fl-2019 u fl-2018 skont it-tip ta' proċedura użata kif ġej, f'termini ta' għadd u ta' valur:

Tip ta' proċedura

2019

2018

Għadd

Perċentwal

Għadd

Perċentwal

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

Lista CEI

Eċċezzjonali

82

1

141

-

1

36.44 %

0.44 %

62.68 %

-

0.44 %

89

5

155

1

1

35.46 %

1.99 %

61.75 %

0.40 %

0.40 %

Total

225

100 %

251

100 %

Tip ta' proċedura

2019

2018

Valur (EUR)

Perċentwal

Valur (EUR)

Perċentwal

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

Lista CEI

Eċċezzjoni

595 584 380

1 735 269

208 533 296

-

970 000

74

0

26

-

0

486 039 380

83 433 046

35 859 040

24 221

16 600

80

14

6

0

0

Total

806 822 945

100 %

605 372 288

100 %

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2019, p. 7)

194.  Jiddispjaċih li kien hemm 1 369 offerta b'offerent uniku fost l-offerti pubbliċi kollha għal kuntratti għax-xiri ta' oġġetti u servizzi mill-Parlament; jinnota li l-offerti b'offerent uniku jġorru magħhom theddida sinifikanti għall-infiq xieraq tal-flus pubbliċi; jistieden lill-Parlament jinvestiga r-raġunijiet għan-nuqqas apparenti ta' kompetizzjoni u jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjeni offerti b'offerent uniku fi proċeduri futuri;

Gruppi politiċi (partita baġitarja 4 0 0)

195.  Jinnota li, fl-2019, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 0, attribwita lill-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati, intużaw kif ġej(18):

Grupp

2019 (1)

2018

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Nefqa

Rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti riportati għall-perjodu li jmiss

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Nefqa

Rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti riportati għall-perjodu li jmiss

Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE)

17.139

4.253

16.993

99,15

4.399

18.282

6.690

20.820

113,88

4.152

Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D)

14.611

4.807

13.705

93,80

5.710

15.792

5.863

16.888

106,94

4.767

Renew Europe (dik li kienet l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE))

7.721

1.627

5.510

71,37

3.838

5.823

1.824

6.033

103,61

1.614

Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea (Verts/ALE)

5.573

1.388

4.585

82,27

2.376

4.478

1.579

4.669

104,27

1.388

Grupp Identità u Demokrazija (ID) (3)

3.244

0

1.629

50,22

1.615

Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej (ECR)

6.053

1.946

5.730

94,66

2.270

6.182

2.962

7.200

116,47

1.944

Grupp tax-Xellug Magħqud Ewropew/Xellug Aħdar Nordiku (GUE/NGL)

4.156

1.110

3.731

89,77

1.535

4.443

1.257

4.590

103,31

1.110

Grupp għal Ewropa tal-Libertà u d-Demokrazija Diretta (EFDD) (2)

1.851

1.915

1.508

81,45

0

3.829

1.828

2.725

71,17

1.915

Grupp għal Ewropa tan-Nazzjonijiet u tal-Libertà (ENF) (2)

1.620

653

1.609

99,34

0

3.238

1.094

3.612

111,55

720

Membri mhux affiljati

2.019

367

481

23,84

738

1.153

314

537

46,57

442

Total

63.987

18.067

55.481

86,71

22.482

63.220

23.412

67.073

106,09

18.052

Noti għat-tabella ta' hawn fuq:

(1) L-2019 kienet sena elettorali u l-gruppi politiċi ppreżentaw il-kontijiet tagħhom f'żewġ partijiet għal kull wieħed miż-żewġ semestri. Għall-gruppi politiċi li komplew l-attività tagħhom wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, iċ-ċifri għall-approprjazzjonijiet u l-infiq annwali jirreferu għas-somma taż-żewġ semestri.

(2)Għall-gruppi politiċi li ġew xolti wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, iċ-ċifri huma għall-ewwel semestru biss.

(3) Għall-gruppi politiċi li ma kinux jeżistu qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, iċ-ċifri huma biss għat-tieni semestru.

196.  Jilqa' l-fatt li awdituri esterni indipendenti għall-gruppi politiċi ħarġu biss opinjonijiet mhux kwalifikati għas-sena finanzjarja 2019;

Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

197.  Jinnota li l-Awtorità nħolqot fl-2016 bil-kompitu li tivvaluta t-talbiet ta' reġistrazzjoni, tirreġistra partijiet u fondazzjonijiet ġodda tal-Unjoni, tissorvelja l-finanzjament tagħhom u timponi sanzjonijiet f'każijiet ta' nuqqas ta' rispett tal-obbligi tagħhom; jirrikonoxxi li din saret kompletament operattiva fl-2017;

198.  Jinnota li l-2018 kienet l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 114l/2014(19) fil-partijiet kollha tiegħu, speċjalment fir-rigward tar-rwol tal-Awtorità; josserva li, skont dak ir-Regolament, fl-2019, l-Awtorità rrevediet għall-ewwel darba, il-kontijiet tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet relatati mas-sena finanzjarja 2018;

199.  Jinnota li fil-qafas tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, l-Awtorità, flimkien mad-DĠ FINS, żviluppat sett ta' prinċipji li jagħmlu operattiv id-dritt tal-partiti politiċi Ewropej għal kampanja elettorali Ewropea, filwaqt li fl-istess ħin jistipulaw il-limiti tagħha; jirrikonoxxi d-diffikultajiet prattiċi maħluqa min-natura tar-regolament u jenfasizza l-ħtieġa tar-reviżjoni tiegħu; josserva n-natura awtomatika tas-sanzjonijiet u jindika l-ħtieġa ta' titjib fil-proporzjonalità u l-flessibbiltà;

200.  Jilqa' l-mossa mill-Awtorità għal aktar trasparenza, li inkludiet l-pubblikazzjoni, għall-ewwel darba fl-2020, tar-Rapport Annwali tal-Attività tagħha għall-2019 mingħajr restrizzjoni fuq il-ħelsien tagħha u l-parteċipazzjoni tad-direttur tagħha fis-seduta annwali ta' smigħ għall-kwittanza tal-Parlament li saret fis-16 ta' Novembru 2020;

201.  Jistieden lill-Awtorità tiżgura li l-informazzjoni li tkopri r-reġistrazzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej issir, kemm jista' jkun, disponibbli pubblikament b'mod faċli għall-utent, komplet u aġġornat;

202.  Jinnota li, fl-2019, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 2 intużaw kif ġej(20):

Partit (2019)

Abbrevjazzjoni

Riżorsi proprji

Kontribuzzjoni finali tal-PE (1)

Dħul totali

Kontribuzzjoni tal-PE bħala % tan-nefqa rimborżabbli (massimu 90 %)

Bilanċ pożittiv mid-dħul (trasferiment għar-riżervi jew telf)

Partit Popolari Ewropew

EPP

1.751.449

13.433.000

15.184.449

90 %

116.515

Partit tas-Soċjalisti Ewropej

PES

1.091.101

8.405.284

9.496.385

90 %

115.131

Partit tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa

ALDE

851.728

4.848.119

5.699.847

90 %

801.704

Partit tal-Ħodor Ewropej

EGP

539.667

3.471.165

4.010.832

90 %

603.669

Partit tax-Xellug Ewropew

EL

312.832

1.772.817

2.085.649

90 %

-

Partit Demokratiku Ewropew

PDE

100.944

671.170

772.114

90 %

49.246

Alleanza Ewropea Ħielsa

EFA

200.053

1.219.623

1.419.676

90 %

55.400

Partit tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej

Partit ECR

607.157

3.493.333

4.100.490

90 %

158.166

Moviment Politiku Kristjan Ewropew

MPKE

140.512

1.000.214

1.140.726

83 %

-

Partit Identità u Demokrazija

Partit ID

114.250

615.067

729.317

90 %

-

TOTAL

 

5.709.693

38.929.792

44.639.485

 

1.899.831

Noti:

 

 

 

 

 

 

Noti(1): Magħmul mit-tieni parti tal-finanzjament finali tal-2018 u l-ewwel parti tal-finanzjament finali tal-2019 skont id-Deċiżjoni tal-Bureau tat-18 ta' Jannar 2021.

 

203.  Jinnota li, fl-2019, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 3 intużaw kif ġej(21):

Fondazzjoni (2019)

Abbrevjazzjoni

Affiljat mal-partit

Riżorsi proprji

Għotja finali tal-PE

Dħul totali

Għotja tal-PE bħala % tal-ispejjeż eleġibbli (massimu 95 %)

Bilanċ pożittiv mid-dħul (trasferiment għar-riżervi jew telf)

Ċentru għall-Istudji Ewropej Wilfried Martens

ĊSEWM

EPP

622.669

5.971.543

7.433.520

95 %

255.171

Fondazzjoni għall-Istudji Progressivi Ewropej

FEPS

PES

662.446

5.142.293

5.906.538

92 %

-

Forum Liberali Ewropew

ELF

ALDE

202.565

1.798.601

2.114.273

95 %

90.914

Fondazzjoni Ħadra Ewropea

GEF

EGP

79.513

1.368.333

1.484.738

95 %

-

Inbiddlu l-Ewropa

TE

EL

110.698

1.096.144

1.217.889

92 %

7.401

Istitut tad-Demokratiċi Ewropej

IED

PDE

23.261

421.786

472.185

95 %

-

Fondazzjoni Coppieters

Coppieters

EFA

84.666

534.179

618.845

95 %

38.624

Direzzjoni Ġdida - Fondazzjoni għar-Riforma Ewropea

ND

Partit ECR

253.558

1.636.452

1.995.962

95 %

-

Sallux

SALLUX

MPKE

23.537

365.590

448.654

95 %

3.282

Fondazzjoni tal-Assoċjazzjoni għall-Identità u d-Demokrazija

Fondazzjoni ID

Partit ID

23.000

436.999

978.653

95 %

-

TOTAL

2.085.913

18.771.920

22.671.257

395.392

204.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fi tmiem l-2021 tirrieżamina r-Regolament (UE, Euratom) 2018/673(22), bil-għan li dan imur lil hinn mill-objettiv attwali li jiġu indirizzati r-regoli dwar il-finanzjament u t-trasparenza u b'hekk jiġu ffaċilitati l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni fi ħdan l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 u li s-sħubija tinfetaħ għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni biex tiġi pprovduta rappreżentanza aktar inklużiva tal-partiti politiċi attivi fil-livell Ewropew;

205.  Jinnota bi tħassib li diversi partiti politiċi transnazzjonali eżistenti li huma attivi fil-politika Ewropea u rrappreżentati fil-Parlament mhumiex permessi jirreġistraw uffiċjalment bħala partiti politiċi Ewropej minħabba r-rekwiżiti elenkati fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/673, u dan ifixkel ir-rappreżentanza demokratika ta' partiti politiċi iżgħar fil-livell Ewropew; jissuġġerixxi li b'dan il-għan il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta ta' riforma ambizzjuża sa tmiem l-2021.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-forma tal-laissez-passer maħruġin mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 26).
(4) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2018, p. 70).
(5) https://www.dw.com/en/exclusive-eu-taps-chinese-technology-linked-to-muslim-internment-camps-in-xinjiang/a-55362125
(6) https://www.npr.org/2019/10/08/768150426/u-s-blacklists-chinese-tech-firms-over-treatment-of-uighurs?t=1611915285989
(7) https://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/public-procurement/
(8) https://joinup.ec.europa.eu/sites/default/files/news/2020-06/D.01.06_Final_report_v3.00.pdf
(9) L-Inizjattiva Strateġika dwar "Id-drittijiet tal-liv ta' ċerti membri tal-persunal u l-aħjar interessi tat-tfal" (SI/1/2019/AMF).
(10) Riżoluzzjoni (UE) 2020/1483 tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (paragrafu 115) (ĠU L 417, 11.12.2015, p. 122). Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-Unjoni Ewropea (paragrafu 17) (ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192).
(11) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2016, p. 17).
(12) https://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2014_2019/plmrep/COMMITTEES/ENVI/DV/2020/11-16/IPOL_STU2020652735_EN.pdf
(13) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).
(15) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).
(16) Testi adottati, P9_TA(2020)0123.
(17) Kwittanza 2017: Baġit Ġenerali tal-UE - Il-Parlament Ewropew, 26 ta' Marzu 2019; Kwittanza 2018: Baġit Ġenerali tal-UE - Il-Parlament Ewropew, 14 ta' Mejju 2020;
(18) L-ammonti kollha qed jiġu espressi f'eluf ta' EUR.
(19) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).
(20) L-ammonti kollha qed jiġu espressi f'eluf ta' EUR.
(21) L-ammonti kollha qed jiġu espressi f'eluf ta' EUR.
(22) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 114I , 4.5.2018, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Mejju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza