Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2179(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0076/2021

Testi mressqa :

A9-0076/2021

Dibattiti :

PV 27/04/2021 - 8
CRE 27/04/2021 - 8

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2021 - 2
PV 29/04/2021 - 4
PV 29/04/2021 - 19
CRE 29/04/2021 - 4

Testi adottati :

P9_TA(2021)0203

Testi adottati
PDF 166kWORD 56k
Il-Ħamis, 29 ta' April 2021 - Brussell
Kwittanza 2019: L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija
P9_TA(2021)0203A9-0076/2021
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2021 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2019 2020/2179(DEC)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2019, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2021 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2019 (05793/2021 – C9-0076/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 32 u 47 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0076/2021),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2019;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf.
(2) ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf.
(3) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(4) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(5) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2019 (2020/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2019, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2021 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2019 (05793/2021 – C9-0076/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 32 u 47 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0076/2021),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2019;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf.
(2) ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf.
(3) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(4) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(5) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2019 (2020/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0076/2021),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu(1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-"Istitut") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 557 896 982,73, li jirrappreżenta żieda ta' 21,80 % meta mqabbel mal-2018; billi l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-baġit tal-Istitut għall-2019 kienet tammonta għal EUR 378 562 704,82, li jirrappreżenta żieda ta' 20,99 % meta mqabbel mal-2018;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), iddikjarat li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,04 %, li tirrappreżenta żieda ta' 4,99 % meta mqabbla ma' dik tal-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 97,57 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 0,23 % meta mqabbla mal-2018;

2.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-proċeduri ta' kontroll tal-Istitut ġeneralment ħadmu kif maħsub, minbarra pagament ta' EUR 1 200 għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, li l-kuntratt ta' servizz ma kienx jipprevedi; jinnota, mir-risposta tal-Istitut lill-Qorti, li l-pagament inkwistjoni jirreferi għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba minn membru interim tal-persunal, li wettaq missjoni fl-interess tas-servizz, madankollu l-Istitut irrikonoxxa l-iżball tiegħu u se jagħmel l-aġġustamenti legali meħtieġa;

Prestazzjoni

3.  Jirrikonoxxi li l-Istitut juża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fil-livell tal-Istitut u tal-komunità ta' konoxxenza u innovazzjoni (KKI); jinnota li fir-rigward tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-KKI, l-Istitut kejjel il-prestazzjoni tiegħu permezz ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tradizzjonali ta' Orizzont 2020, bħaż-żmien għall-għotja u ż-żmien għall-ħlas; jinnota li, wara l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu mill-Kummissjoni u l-Istudju dwar l-Impatt tal-Istitut tal-2017, l-Istitut bħalissa qed jaħdem biex jistabbilixxi Qafas ta' Impatt ħalli jkejjel l-impatt soċjoekonomiku tal-attivitajiet KKI tiegħu;

4.  Jinnota li l-Istitut implimenta 95 % tal-programm ta' ħidma tiegħu għall-2019;

5.  Jinnota li l-Istitut esternalizza s-servizzi kontabilistiċi lill-Kummissjoni u introduċa l-għodod tal-IT tal-Kummissjoni, bħall-ARES għall-ġestjoni tad-dokumenti u s-SYSPER għall-ġestjoni tar-riżorsi umani;

6.  Jinnota li l-Istitut identifika u evalwa l-possibbiltà li jikkoopera u jikkondividi r-riżorsi mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, u li jesplora aktar possibbiltajiet; jistieden lill-Istitut isegwi l-opportunitajiet identifikati għall-kondiviżjoni tar-riżorsi; jistieden lill-Istitut ikompli jiżviluppa s-sinerġiji tiegħu u jżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni bil-għan li jtejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà);

7.  Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Istitut f'termini ta' proċeduri ta' operazzjonijiet u ġestjoni interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istitut ikompli jkun proattiv f'dak ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji tal-Unjoni akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

Politika dwar il-persunal

8.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, 97,73 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, bi 43 aġent temporanju maħtura minn total ta' 44 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 44 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, fl-2019 kienu jaħdmu għall-Istitut 22 aġent kuntrattwali u l-ebda espert nazzjonali sekondat;

9.  Jinnota, fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bord tat-tmexxija għall-2019, li hemm erbat irġiel u tmien nisa; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-importanza li tiżgura bilanċ bejn il-ġeneri meta tinnomina lill-membri għall-bord tat-tmexxija tal-istitut; jinnota li fl-2019 l-Istitut kien ibbilanċjat b'mod ġust fir-rigward tal-ġeneru fil-livell tal-persunal (46 % irġiel u 54 % nisa);

10.  Jilqa' l-fatt li l-Istitut stabbilixxa politiki soċjali, li jinkludu miżuri mtejba fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-iskola preprimarja u finanzjament ta' attivitajiet soċjali mmirati biex jattiraw u jżommu għadd akbar ta' persunal espatrijat;

11.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li ż-żieda kbira fil-baġit tal-Istitut u l-għadd dejjem akbar ta' KKI ma kinux akkumpanjati minn żieda fl-għadd ta' postijiet; jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-baġit tal-Istitut se jiżdied b'EUR 600 000 000 oħra, jew 25 %, fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, meta mqabbel mal-QFP attwali, u li l-għadd ta' persunal jibqa' limitat għal 70; jinnota wkoll, mir-rapport tal-Qorti, li hemm riskju li l-Istitut ma jkollux biżżejjed kapaċità biex jittratta ż-żieda fl-ammont ta' xogħol tiegħu fil-futur, u li dan ir-riskju kompla jiżdied, minflok ma ttaffa;

12.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-implimentazzjoni ta' osservazzjoni li tirriżulta mill-2017 dwar il-pubblikazzjoni ta' avviżi ta' postijiet vakanti għadha għaddejja, peress li l-Istitut ma jtellax b'mod konsistenti l-postijiet vakanti tiegħu fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal;

13.  Jinkoraġġixxi lill-Istitut jimmira li jiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà;

Sostenibbiltà

14.  Jiddispjaċih li l-Istitut għadu ma ffissax objettivi ta' tnaqqis ta' CO2; jilqa' pożittivament, madankollu, l-isforzi li għamel l-Istitut biex joħloq qafas ta' ħidma li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent kif ukoll il-miżuri kollha li ħa l-Istitut bil-għan li jnaqqas l-impronta tal-karbonju tiegħu, il-konsum tal-enerġija tiegħu u jiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti;

Akkwist

15.  Jinnota li l-Istitut ipparteċipa f'għadd ta' proċeduri ta' akkwist interistituzzjonali tal-Kummissjoni u ta' aġenziji oħra tal-Unjoni; jinnota li fl-2018 l-Istitut introduċa sejħa għall-offerti elettronika u sottomissjoni elettronika ta' offerti u pproċessa diversi sejħiet għall-offerti permezz ta' għodod tal-akkwist elettroniku fl-2019;

16.  Jinnota li fl-2019 l-Istitut nieda attività ta' monitoraġġ ġdida dwar il-politiki u l-proċeduri ta' akkwist tal-entitajiet legali tal-KKI u ċ-ċentri ta' kolokazzjoni tagħhom bħala segwitu għall-assenjazzjoni ta' esperti tal-2016-2017;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

17.  Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Istitut u l-isforzi kontinwi biex jiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u biex jiżgura l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li l-Istitut ippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess u s-CVs tal-bord tat-tmexxija tiegħu u tal-maniġment superjuri tiegħu fuq is-sit web tiegħu;

18.  Jinnota li l-Istitut irrapporta każ wieħed ta' informatur fl-2019 u li r-regoli interni ġew applikati; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi ta' dak il-każ;

19.  Jinnota li l-valutazzjoni tal-2019 dwar l-implimentazzjoni tal-KKI tal-prinċipji ta' governanza tajba tista' tittejjeb aktar, peress li xi KKI għandhom itejbu l-kodiċi ta' kondotta tajba u l-politiki tagħhom dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ; jinnota li dan l-aspett se jiġi segwit mill-Istitut fl-2020 permezz ta' attività ta' monitoraġġ orizzontali; jistieden lill-Istitut jirrapporta dwar ir-riżultati;

20.  Jenfasizza l-fatt li l-qafas etiku attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn żvantaġġi konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji kollha tal-Unjoni;

21.  Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali;

Kontrolli interni

22.  Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern iffinalizza l-awditu tiegħu dwar il-verifika ex ante tal-pagamenti lill-KKI fil-31 ta' Jannar 2019 u bagħat nota dwar l-azzjonijiet ta' segwitu tar-rakkomandazzjonijiet pendenti mill-awditu dwar il-monitoraġġ tal-ftehimiet ta' għotja; jinnota li rakkomandazzjoni waħda ġiet implimentata b'mod adegwat u żewġ rakkomandazzjonijiet għadhom miftuħa;

23.  Jinnota l-għadd ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri rimedjali li għaddejjin b'reazzjoni għall-kummenti tal-Qorti fl-2014, fl-2017 u fl-2018 relatati b'mod partikolari mal-kundizzjonijiet ta' finanzjament; jinnota r-risposta tal-Istitut li mid-19-il kumment, sebgħa biss għadhom miftuħa; jinnota, barra minn hekk, li tlieta huma lil hinn mill-kontroll tal-Istitut u li tlieta oħra jirrikjedu perjodu itwal ta' żmien biex jitlestew kompletament;

Kummenti oħra

24.  Ifaħħar l-involviment proattiv tal-Istitut mal-midja biex jiżviluppa viżibbiltà akbar fil-midja, l-internet u l-midja soċjali sabiex jagħmel xogħla magħruf;

25.  Jilqa' l-fatt li l-Istitut tejjeb il-preżenza tiegħu fuq il-midja soċjali, billi żied l-involviment ġenerali tiegħu fuq diversi pjattaformi tal-midja soċjali; jinnota, barra minn hekk, l-isforzi tal-Istitut biex il-post tax-xogħol ikun kosteffikaċi u ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; jitlob lill-Istitut ikompli jtejjeb il-preżenza tiegħu fuq il-midja soċjali u l-istrateġija tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli;

26.  Jilqa' l-isforzi tal-Istitut biex iżid iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data; jinnota l-proċess ta' implimentazzjoni tal-Istitut tal-politika ġenerali dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, inklużi l-aspetti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni taċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Istitut jirrapporta dwar ir-riżultat ta' dak il-proċess;

o
o   o

27.  Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 143, 30.4.2020, p. 22.
(2) Testi adottati, P9_TA(2021)0215.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza