Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/0078(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0160/2021

Testi mressqa :

A9-0160/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2021 - 13

Testi adottati :

P9_TA(2021)0231

Testi adottati
PDF 133kWORD 46k
It-Tlieta, 18 ta' Mejju 2021 - Brussell
Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 2/2021: il-finanzjament tar-rispons għall-COVID-19 u inkluż il-perfezzjonamenti u aġġornamenti relatati mal-adozzjoni finali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali
P9_TA(2021)0231A9-0160/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2021 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021 li jirrigwarda l-finanzjament tar-rispons għall-COVID-19 u li jinkludi perfezzjonamenti u aġġornamenti relatati mal-adozzjoni finali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (08145/2021 – C9-0155/2021 – 2021/0078(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, adottat b'mod definittiv fit-18 ta' Diċembru 2020(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom)  2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(3) (ir-Regolament dwar il-QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053, Euratom tas-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2021, adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2021 (COM(2021)0200),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2021, adottata mill-Kunsill fit-23 ta’ April 2021 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fis-26 ta’ April 2021 (08145/2021 – C9-0155/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0160/2021),

A.  billi l-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa primarjament doppju: minn naħa waħda, li tforni finanzjament addizzjonali għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons fil-konfront tal-pandemija tal-COVID-19, il-ftuħ mill-ġdid sikur u sostnut u l-impatt potenzjali ta' aktar inizjattivi Ewropej relatati mar-rispons għall-COVID-19; min-naħa l-oħra, li tintroduċi bidliet tekniċi li jirriżultaw mill-ftehimiet politiċi dwar il-bażijiet ġuridiċi settorjali wara l-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) f'Diċembru 2020, kif ukoll aġġustamenti fir-rigward tal-proviżjonament tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna; barra minn hekk, tipproponi li l-ammont ta' EUR 47 981 598 mill-allokazzjoni mhux użata tal-2020 tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (FSUE) jiġi riportat direttament lejn il-linja baġitarja operattiva tal-FSUE u li jiġu operati aġġustamenti u aġġornamenti tekniċi oħra;

B.  billi l-effett nett tal-proposta fuq in-nefqa fil-baġit 2021 huwa ammont ta' EUR 260 681 598 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 252 581 598 f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

C.  billi l-Parlament ikkunsidra ripetutament li abbozz ta' baġit emendatorju għandu jkollu għan wieħed biss;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2021, kif imressaq mill-Kummissjoni;

2.  Jisħaq fuq l-appoġġ sħiħ tiegħu għal rispons sod tal-Unjoni għall-pandemija tal-COVID-19; itenni l-fehma tiegħu li għandu jsir minn kollox, inkluż permezz tal-possibbiltajiet kollha disponibbli fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni u r-Regolament Finanzjarju, biex tiġi miġġielda l-pandemija u titwitta t-triq għal irkupru sikur u sostnut fl-Ewropa;

3.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ddeċidiet, minkejja l-insistenza tal-Parlament, li tippreżenta flimkien l-elementi relatati mal-pandemija tal-COVID-19 u l-parti relatata mal-allinjament mal-bażijiet ġuridiċi tal-programmi tal-QFP li setgħu u kellhom jiġu ttrattati separatament; itenni li, biex tiġi rispettata aħjar il-prerogattiva tal-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju li jkollu għan wieħed biss u toqgħod lura milli tikkombina diversi għanijiet f'abbozz ta' baġit emendatorju wieħed;

4.  Jinsisti li l-adozzjoni tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2021, li jippermetti, b'mod partikolari, il-bidu tal-ħidma preparatorja biex jiġi stabbilit qafas komuni għal Ċertifikat Aħdar Diġitali, bl-ebda mod ma tippreġudika l-eżitu tan-negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali;

5.  Iqis li l-Kummissjoni ma tatx segwitu xieraq għar-riżultat tan-negozjati tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali fir-rigward tan-nomenklatura baġitarja għall-programmi ġeografiċi fl-Asja; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju ġdid li jirrifletti t-testi maqbula tal-bażijiet ġuridiċi settorjali; jinsisti, bi qbil mal-linji gwida tiegħu għall-baġit 2022, li tali armonizzazzjoni tista' u għandha ssir qabel il-proċedura baġitarja 2022;

6.   Jitlob lill-Kummissjoni tforni liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja informazzjoni komprensiva dwar it-trasferimenti awtonomi ppjanati, imwettqa skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Finanzjarju, bil-għan li l-baġit 2021 jiġi aġġustat b'rabta mal-ftehimiet politiċi dwar il-bażijiet ġuridiċi settorjali tal-QFP apparti l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2021, inklużi l-ammonti tagħhom meta disponibbli;

7.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2021;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 1/2021 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.
(3) ĠU L 433 I , 22.12.2020, p. 11.
(4) ĠU L 433 I , 22.12.2020, p. 28.
(5) ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Settembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza