Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2073(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0139/2021

Testi mressqa :

A9-0139/2021

Dibattiti :

PV 17/05/2021 - 18
CRE 17/05/2021 - 18

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2021 - 13
PV 19/05/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0236

Testi adottati
PDF 191kWORD 60k
L-Erbgħa, 19 ta' Mejju 2021 - Brussell
L-isfidi għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali
P9_TA(2021)0236A9-0139/2021
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-isfidi għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali (2020/2073(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE’),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114 TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 16, 17(2), 47 u 52 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta' drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali(5) ("id-Direttiva tal-Infurzar"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (id-"Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku")(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva)(8),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 tal-1 ta' Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online(9) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bit-titolu "Nindirizzaw il-kontenut illegali online: Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online" (COM(2017)0555),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali" (COM(2017)0708),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar ir-reklamar online u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ffaċilitati mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-Memorandum ta' Qbil dwar ir-reklamar online u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (SWD(2020)0167/2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0139/2021),

A.  billi l-isport għandu rwol ewlieni fil-prosperità soċjali, kulturali u ekonomika tal-Unjoni u jippromwovi valuri komuni ta' solidarjetà, diversità u inklużjoni soċjali, u b'hekk jagħti kontributi sinifikanti lill-ekonomija u lill-iżvilupp soċjali;

B.  billi, skont l-Artikolu 165 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-aspetti Ewropej tal-isports, filwaqt li tqis in-natura speċifika tal-isport; billi għandu jitqies ukoll il-kontribut tal-isport għall-kisba tal-objettivi ġenerali tal-Unjoni, bħall-protezzjoni ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-inklużività, u l-Unjoni għandu jkollha l-għan li tkompli tiżviluppa u tippreserva d-dimensjoni Ewropea tal-isport fl-ambjent diġitali;

C.  billi, minbarra dan, l-isport jippromwovi u jrawwem valuri bħar-rispett u l-fehim reċiproku, is-solidarjetà, l-ugwaljanza, l-inklużività, id-diversità, l-ekwità, il-kooperazzjoni, u l-involviment ċiviku, filwaqt li jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-valuri edukattivi u kulturali, u jista' jitqies bħala neċessità kulturali u soċjali; billi huwa essenzjali li dawn il-valuri jitħeġġu mill-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi, mix-xandara, mill-intermedjarji online, mill-awtoritajiet nazzjonali u minn partijiet interessati oħra fis-settur tal-isport; billi l-politika tal-isport tal-Unjoni trid tappoġġja l-għanijiet u l-objettivi kemm tal-isport professjonali kif ukoll tad-dilettanti u tista' tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi transnazzjonali;

D.  billi l-isport iservi ta' vettur għall-integrazzjoni; billi l-partijiet interessati fl-isport, il-muniċipalitajiet u l-komunità tal-isport għandhom jikkooperaw sabiex irendu s-settur sportiv aktar sostenibbli u inklużiv billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni f'avvenimenti sportivi għall-membri kollha tal-pubbliku, speċjalment il-persuni b'inqas opportunitajiet, u irrispettivament mill-età, il-ġeneru, id-diżabbiltà jew l-oriġini etnika tagħhom;

E.  billi l-kultura tal-partitarji hija parti indispensabbli mill-esperjenza sportiva u mhux biss kuntest għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott;

F.  billi s-setturi relatati mal-isport jirrappreżentaw 2,12 % tal-PDG tal-Unjoni u 2,72 % tal-impjiegi fl-Unjoni; billi l-avvenimenti sportivi għandhom impatt territorjali sinifikanti f'termini ta' parteċipazzjoni u l-ekonomija;

G.  billi l-isport għad-dilettanti huwa l-bażi għal-livell professjonali, peress li l-klabbs tal-isport iż-żgħar jikkostitwixxu s-sinsla tal-isport għad-dilettanti Ewropew u jagħtu kontribut sinifikanti lill-iżvilupp ta' atleti żgħar u jaħdmu l-aktar fuq bażi volontarja; billi 35 miljun dilettant jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' sport b'parteċipazzjoni tal-massa u għat-tixrid tal-valuri tal-isport;

H.  billi l-iżvilupp tal-ambjent diġitali u ta' teknoloġiji ġodda għamilha aktar faċli għall-partitarji kollha biex ikollhom aċċess għal xandiriet ta' avvenimenti sportivi fuq kull tip ta' apparat, filwaqt li rriżultaw f'żieda tal-esponiment potenzjali għall-kontenut illegali u t-tkabbir tan-numru ta' persuni li jistgħu jaċċessaw dawn ix-xandiriet, u offrew opportunitajiet għall-isport li tradizzjonalment ma jixxandrux, biex jiksbu aktar viżibbiltà; billi, barra minn hekk, tat spinta lill-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju online, u ħolqot modi ġodda ta' kif jiġi ġġenerat id-dħul; billi, fl-istess waqt, iffaċilita t-trażmissjoni online illegali ta' avvenimenti sportivi u l-piraterija online fl-Unjoni u lilhinn minnha, li huwa ta' detriment kemm għall-isport professjonali kif ukoll għall-isport għad-dilettanti u thedded l-organizzazzjoni u s-sostenibbiltà tal-avvenimenti sportivi kif ukoll l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-isport kollu kemm hu; ;

I.  billi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija dritt fundamentali minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi t-tifsira u l-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta għandhom jiġu ddeterminati f'konformità mal-ġurisprudenza korrispondenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

J.  billi l-kultura tal-partitarji, li hija mibnija fuq il-libertà li wieħed jaqsam u jgħix l-esperjenza sportiva kemm diretta kif ukoll qabel jew wara avvenimenti sportivi diretti, hija element essenzjali tar-rwol tal-isport fis-soċjetà Ewropea;

K.  billi t-trażmissjoni illegali ta' avvenimenti sportivi u t-tixrid ta' kontenut illegali online mhux biss jikkawżaw ħsara ekonomika sinifikanti lis-settur tal-isport, li jirriżulta f'telf ta' dħul mill-abbonamenti u mir-reklamar, iżda huma wkoll ta' ħsara għall-utenti finali, bħall-partitarji u l-konsumaturi, pereżempju minħabba li tali utenti aħħarin ikunu esposti għal serq ta' data personali, malwer jew forom oħra ta' ħsara jew detriment relatati mal-internet; billi x-xandiriet illegali ta' avvenimenti sportivi spiss ikunu parti mill-attivitajiet dejjem jikbru tal-organizzazzjonijiet kriminali; billi l-piraterija online mhux biss taffettwa xandiriet sportivi diretti disponibbli permezz ta' servizzi ta' abbonament, iżda wkoll xandiriet bla ħlas ta' avvenimenti sportivi;

L.  billi l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet tal-aċċess għal avvenimenti sportivi wasslu għal tnaqqis fil-bejgħ ta' biljetti għal avvenimenti sportivi u fl-istess ħin ħolqu opportunitajiet għall-iżvilupp ta' abbonamenti għal stazzjonijiet sportivi, u għat-tkabbir ta' udjenzi online u tax-xandir televiżiv, kif ukoll għal streaming illegali ta' avvenimenti sportivi;

M.  billi, b'differenza minn setturi oħra, il-biċċa l-kbira tal-valur tax-xandir ta' avvenimenti sportivi jinsab fil-fatt li jkun dirett u ħafna minn dak il-valur jintilef meta jintemm l-avveniment; billi l-istreaming illegali ta' xandiriet ta' avvenimenti sportivi huwa l-aktar ta' ħsara fl-ewwel tletin minuta tad-dehra tiegħu online; billi, konsegwentement u f'dan il-kuntest biss, hija meħtieġa reazzjoni immedjata biex tintemm it-trażmissjoni illegali online ta' avvenimenti sportivi;

N.  billi l-azzjoni għandha tiffoka fuq fejn joriġinaw l-istreams ta' kontenut illegali, jiġifieri l-faċilitaturi ta' siti web illegali, u mhux fuq utenti individwi, bħall-partitarji u l-konsumaturi, li, mingħajr ma jafu, ikunu involuti fl-istreaming illegali;

O.  billi, f'dawn l-aħħar snin, kanali multimedjali ġodda pproliferaw għad-distribuzzjoni illegali ta' avvenimenti sportivi diretti, fosthom l-użu illeċitu ta' Internet Protocol Television (IPTV) jispikka minħabba l-volum dejjem jikber tiegħu;

P.  billi t-trażmissjoni illegali ta' avveniment sportiv sħiħ għandha tiġi distinta minn sekwenzi qosra kondiviżi bejn u minn partitarji li jappartjenu għal kultura tal-partitarji, sabiex jiġu enfasizzati inċidenti ta', pereżempju, diskors ta' mibegħda u razziżmu li jseħħu; billi dawn it-trażmissjonijiet illegali għandhom ukoll jiġu differenzjati minn kontenut kondiviż legalment taħt limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet previsti fil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, jew kontenut kondiviż minn ġurnalisti għall-fini ta' informazzjoni lill-pubbliku ġenerali, kif stabbilit fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva; billi l-miżuri mmirati lejn il-protezzjoni tad-drittijiet tax-xandir kontra l-użu illegali u l-piraterija m'għandhomx jaffettwaw il-libertà tal-istampa jew il-kapaċità tal-midja tal-aħbarijiet li tinforma liċ-ċittadini;

Q.  billi ċerti avvenimenti sportivi ewlenin huma ta' interess pubbliku ġenerali u l-aċċess għal informazzjoni f'ħin reali dwarhom għandu għalhekk jiġi ggarantit għaċ-ċittadini kollha u ma għandux ikun soġġett għal restrizzjonijiet mhux dovuti jew illegali; billi dan jikkonċerna wkoll il-ġurnalisti u l-ġurnalisti tal-aħbarijiet li jistgħu jipprovdu tali informazzjoni f'ħin reali; billi l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ix-xandir ta' avvenimenti sportivi ewlenin mingħajr ħlas bħala forma ta' kultura popolari li għandha rwol importanti fil-ħajja taċ-ċittadini;

R.  billi l-għadd ta' detenturi tad-drittijiet, intermedjarji u fornituri oħra ta' servizzi li jiżviluppaw għodod ta' software li kapaċi jidentifikaw ix-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi diretti b'marġni minimu ta' żball qed jiżdied b'mod kostanti; billi, fl-istess ħin, l-affidabbiltà tan-notifiki maħruġa minn dawk id-detenturi tad-drittijiet, l-intermedjarji u fornituri oħra tas-servizzi tiddependi fuq il-preċiżjoni u l-kwalità teknika tal-għodod tas-software li jużaw biex jidentifikaw ix-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi diretti;

S.  billi dawk id-detenturi tad-drittijiet, l-intermedjarji u fornituri oħra ta' servizzi li l-għodod tas-software tagħhom huma kapaċi jidentifikaw b'mod effettiv u affidabbli x-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi diretti għandhom jitqiesu bħala "senjalaturi fdati ċċertifikati"; billi l-issodisfar tal-istandards tal-kwalità u tal-preċiżjoni għandu jkun meħtieġ sabiex legalment jitqies bħala senjalatur fdat ċertifikat; billi ċertifikat ibbażat fuq rekwiżiti komuni tal-Unjoni jkun l-għażla ppreferuta biex jiġi żgurat rikonoxximent koerenti u effettiv ta' senjalaturi fdati;

T.  billi r-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati għodod tas-software imtejba biex jiġi identifikat u rrapportat ix-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi diretti għandhom jiġu promossi mill-Unjoni u l-Istati Membri;

U.  billi l-avvenimenti sportivi mhumiex is-suġġett tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur skont id-dritt tal-Unjoni, iżda bħala tali għandhom karattru uniku u, sa dak il-punt, oriġinali li jista' jittrasformahom f'materjal li jistħoqqlu protezzjoni komparabbli ma' dik tax-xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur; billi ma hemm l-ebda protezzjoni armonizzata fid-dritt tal-Unjoni għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi bħala tali; billi, madankollu, protezzjoni speċifika għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi hija prevista fil-leġiżlazzjoni ta' xi Stati Membri, li tiġġenera inċertezza legali u frammentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-Unjoni;

V.  billi d-dritt tal-Unjoni jipprevedi qafas ġenerali għall-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni li jippermettu t-tneħħija jew id-diżattivazzjoni ta' aċċess għal informazzjoni illegali maħżuna minn intermedjarji; billi d-dritt tal-Unjoni jipprevedi miżuri ta' infurzar ċivili li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi, taħt ċerti kondizzjonijiet, jistgħu jieħdu biex jipprevjenu jew jimblukkaw il-ksur ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

W.  billi, madankollu, il-qafas legali attwali ma jippermettix l-azzjoni immedjata meħtieġa biex jiġi rrimedjat ix-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi diretti; billi, barra minn hekk, xi Stati Membri adottaw regoli dwar mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni li mhumiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni;

Introduzzjoni u rimarki ġenerali

1.  Jitlob li, wara li twettaq il-valutazzjoni tal-impatt meħtieġa, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE, tressaq mingħajr dewmien żejjed proposta għal atti leġiżlattivi, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness;

2.  Iqis li l-isport jagħmel kontribut sinifikanti għall-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħolqien tal-impjiegi, l-impjegabbiltà u s-saħħa pubblika fl-Unjoni; iqis ukoll li d-dħul dovut għall-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi għandu jikkontribwixxi aktar għall-finanzjament ta' attivitajiet sportivi li huma ta' benefiċċju għas-soċjetà, u b'hekk jirrifletti l-importanza soċjali tal-isport; jinnota li f'ħafna pajjiżi Ewropej, il-flus allokati għall-isport tal-massa jiddependu direttament fuq id-dħul mid-drittijiet tax-xandir sportiv; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għal solidarjetà finanzjarja msaħħa fl-ekosistema tal-isport, u jinnota li parti minn dan id-dħul għandu jkun dirett lejn l-iżvilupp ta' sports tal-massa, para-sports u sports li jiksbu inqas kopertura mill-midja;

3.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni inkluża bħala Anness mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali adottata f'Marzu 2019 li skontha "l-Kummissjoni se tevalwa l-isfidi tal-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali, b'mod partikolari l-kwistjonijiet relatati mat-trażmissjonijiet online illegali tax-xandiriet sportivi";

Avvenimenti sportivi u drittijiet tal-proprjetà intellettwali

4.  Jinnota li l-avvenimenti sportivi bħala tali ma jistgħux ikunu soġġetti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur; ifakkar li d-dritt tal-Unjoni, għall-kuntrarju tal-liġi f'xi Stati Membri, ma jipprevedix dritt speċifiku għall-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi; ifakkar li xi Stati Membri jagħtu l-possibbiltà tal-hekk imsejħa protezzjoni tad-"dritt tad-dar", ibbażata fuq ir-relazzjoni kuntrattwali, u l-liġi tal-Unjoni tagħti dritt simili lill-produtturi tal-ewwel iffissar tal-films, fir-rigward tal-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom; jirrikonoxxi li l-protezzjoni legali, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, hija importanti għall-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi, b'mod partikolari fir-rigward tal-liċenzjar tad-drittijiet tax-xandir għall-avvenimenti sportivi li jorganizzaw, peress li l-isfruttament ta' dawk id-drittijiet jirrappreżenta sors rilevanti ta' dħul, segwit minn sponsorizzazzjoni, reklamar u merchandising;

5.  Jenfasizza li l-ksur tad-drittijiet tax-xandir fl-isport jhedded il-finanzjament fit-tul tiegħu;

Il-piraterija online ta' xandiriet diretti ta' avvenimenti sportivi

6.  Iqis li l-indirizzar tal-piraterija online ta' avvenimenti sportivi li jixxandru b'mod dirett u li l-valur ekonomiku tagħhom jinsab fin-natura diretta tax-xandira hija l-isfida ewlenija li l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi jiffaċċjaw li jeħtieġu rispons leġiżlattiv fil-livell tal-Unjoni;

7.  Josserva li l-istreaming illegali ta' avvenimenti sportivi huwa fenomenu dejjem jikber li huwa ta' ħsara għall-ekosistema tal-isport u għall-utenti finali, li jistgħu jkunu esposti għal forom differenti ta' ħsara bħal serq tal-identità, malwer (eż. minn apps b'xejn, jew serq ta' awtentikazzjoni tal-karti tal-kreditu u ta' data personali oħra), jew forom oħra ta' ħsara jew detriment relatati mal-internet;

8.  Jinnota li l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi jinvestu riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani sinifikanti biex jindirizzaw il-piraterija online u biex jinvolvu ruħhom mal-fornituri tas-servizzi;

9.  Iqis, fl-istess ħin, li l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi għandhom jikkontribwixxu għal mudell sportiv Ewropew li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-isport u huwa konformi mal-objettivi soċjali u edukattivi;

10.  Jissottolinja li l-provvista legali ta' kontenut sportiv għandha tiġi promossa aħjar fl-Unjoni u jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri li jagħmluha aktar faċli għall-konsumaturi biex isibu mezzi legali ta' aċċess online għal kontenut sportiv; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna regolarment il-lista ta' mezzi ta' aċċess bħal dawn fuq Agorateka.eu u tiżgura li l-pjattaforma tiġi żviluppata aktar; jenfasizza li r-responsabbiltà għax-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi hija tal-fornituri ta' streams u pjattaformi u ma tinsabx f'idejn il-partitarji jew il-konsumaturi, li spiss jiltaqgħu, b'mod mhux intenzjonat, ma' kontenut online illegali u għandhom jiġu infurmati aktar dwar l-għażliet legali disponibbli;

Il-ħtieġa ta' infurzar effettiv tad-drittijiet

11.  Jisħaq li, minħabba n-natura speċifika tax-xandir dirett ta' avvenimenti sportivi u l-fatt li l-valur tagħhom huwa prinċipalment limitat għat-tul tal-avveniment sportiv inkwistjoni, il-proċeduri ta' infurzar jeħtieġ li jkunu rapidi kemm jista' jkun u li jippermettu t-tneħħija immedjata ta' kontenut illegali; iqis, madankollu, li l-qafas legali attwali għall-inibizzjonijiet u għall-mekkaniżmi ta' notifika u tneħħija mhux dejjem tiggarantixxi b'mod suffiċjenti infurzar effettiv u f'waqtu tad-drittijiet biex jiġi rrimedjat ix-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi diretti; iqis, għalhekk, li miżuri konkreti li huma speċifiċi għax-xandiriet ta' avvenimenti sportivi diretti għandhom jiġu adottati malajr kemm jista' jkun biex il-qafas legali attwali jiġi adattat għal dawn l-isfidi speċifiċi;

12.  Jitlob li t-tneħħija ta', jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, xandiriet sportivi diretti li jiksru l-liġi minn intermedjarji online tkun immedjata jew malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta minn meta tasal in-notifika mingħand id-detenturi tad-drittijiet jew minn senjalatur affidabbli ċċertifikat rigward l-eżistenza ta' tali xandira illegali; jissottolinja li fil-kuntest tar-riżoluzzjoni attwali, "immedjat" huwa maħsub li jinftiehem kemm jista' jkun minnufih jew malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta minn meta tasal in-notifika mingħand id-detenturi tad-drittijiet jew minn senjalatur fdat ċertifikat;

13.  Huwa tal-fehma li t-tneħħija fil-ħin reali għandha tkun l-objettiv segwit f'każijiet ta' ksur ta' xandiriet ta' avvenimenti sportivi diretti, sakemm ma jkun hemm l-ebda dubju dwar is-sjieda tad-dritt ikkonċernat u l-fatt li t-trażmissjoni tal-avveniment sportiv inkwistjoni ma kinitx awtorizzata; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe miżura bħal din għandha tirrispetta l-prinċipju legali ġenerali li ma jiġix impost obbligu ġenerali ta' monitoraġġ;

Infurzar transfruntier tad-drittijiet

14.  Jissottolinja wkoll li l-qafas ġenerali previst mid-dritt tal-Unjoni mhuwiex applikat b'mod uniformi fil-livell nazzjonali u li l-proċedura ċivili u l-mekkaniżmi ta' notifika u tneħħija jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor; huwa tal-fehma li hemm nuqqas ta' effiċjenza fl-għodod ta' infurzar fil-kuntest transfruntier; jitlob li jkun hemm aktar armonizzazzjoni tal-proċeduri u r-rimedji fl-Unjoni biex tiġi indirizzata, fil-kuntest tal-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u proposti leġiżlattivi potenzjali oħra, in-natura speċifika tax-xandiriet ta' avvenimenti sportivi diretti;

15.  Jenfasizza li l-aġenziji u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar qed jitħabtu ma' sfidi bħan-nuqqas ta' riżorsi u persunal imħarreġ; jissottolinja l-importanza ta' kollaborazzjoni mill-qrib u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet rilevanti fil-livell tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u l-atturi rilevanti, biex tittejjeb l-infrastruttura legali ġenerali fl-Unjoni kollha;

Proċeduri ta' avviż u ta' azzjoni

16.  Ifakkar li d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku tipprevedi li ċerti fornituri ta' servizzi online għandhom jaġixxu malajr biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal informazzjoni illegali li jaħżnu, malli jiksbu l-għarfien jew il-konoxxenza effettivi tagħha, permezz ta' avviżi li jintbagħtulhom; isostni li l-proċedura ta' avviż u azzjoni għandha tifforma l-bażi għal miżuri li jindirizzaw il-kontenut illegali fl-Unjoni; iqis, madankollu, li l-proċedura attwali ta' notifika u tneħħija ma tippermettix infurzar rapidu b'mod li jipprovdi rimedji effettivi, meta titqies il-karatteristika speċifika tal-avvenimenti sportivi "diretti"; jissottolinja li kwalunkwe dispożizzjoni li għandha tiġi adottata, li tirregola suġġett speċifiku, trid tkun konformi mal-qafas ġenerali stabbilit mil-liġi rilevanti tal-Unjoni;

17.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali: adattament tar-regoli tad-dritt kummerċjali u ċivili għall-entitajiet kummerċjali li joperaw online(10), li titlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjattaformi li jospitaw kontenut jaġixxu bil-ħeffa biex jagħmlu indisponibbli jew ineħħu kontenut; huwa tal-fehma li mekkaniżmu li jinvolvi senjalaturi fdati ċċertifikati, li permezz tiegħu x-xandir illegali ta' avveniment sportiv dirett innotifikat minn senjalatur fdat iċċertifikat jitneħħa immedjatament jew l-aċċess għal tali xandira jkun diżattivat, mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' lment u rimedju;

18.  Jenfasizza li l-kontenut sportiv spiss jiġi pproċessat teknikament, li ma jħalli l-ebda lok għal dubju dwar min għandu d-dritt li jxandah online, u li l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi - bħala detenturi tad-drittijiet - jafu d-detenturi tal-liċenzja uffiċjali kollha tagħhom, li jippermetti l-identifikazzjoni inekwivoka ta' servizzi ta' streaming illegali;

19.  Jinsisti li l-fornituri tas-servers tal-istreaming u tal-pjattaformi tal-istreaming għandhom jimplimentaw għodod jew miżuri ta' tneħħija speċifiċi biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal xandiriet ta' avvenimenti sportivi diretti illegali li jkunu disponibbli fuq is-servizzi tagħhom;

Inibizzjonijiet ta' imblukkar

20.  Jinnota li l-proċeduri ta' inġunzjoni huma relattivament twal u normalment jidħlu fis-seħħ wara li x-xandira tkun intemmet; jirrimarka dwar l-eżistenza ta' prattiki żviluppati fil-livell nazzjonali, bħal inibizzjonijiet diretti u inibizzjonijiet dinamiċi, li taw prova tal-fatt li huma mezzi biex il-piraterija ta' xandiriet ta' avvenimenti sportivi tiġi indirizzata b'mod aktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt u l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta' proċeduri ta' inġunzjoni mmirati biex jippermettu d-diżattivazzjoni f'ħin reali tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta', kontenut illegali ta' avvenimenti sportivi diretti online, abbażi tal-mudell ta' ordnijiet ta' mblukkar "dirett" u "inġunzjonijiet dinamiċi";

21.  Jinsisti li l-proċeduri ta' inġunzjoni biex jitneħħa jew jiġi diżattivat l-aċċess għal avvenimenti sportivi illegali mxandra online, irrispettivament mill-mod tal-implimentazzjoni tagħhom, iridu jiżguraw li l-miżuri jindirizzaw strettament il-kontenut illegali biss u ma jwasslux għall-imblukkar arbitrarju u eċċessiv tal-kontenut legali; jiġbed l-attenzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li skondtha n-natura illegali ta' kontenut speċifiku ma tiġġustifikax l-imblukkar kollaterali tal-kontenut legali ospitat mill-istess sit web jew server;

Salvagwardji

22.  Jirrikonoxxi li l-imblukkar f'ħin reali jista' jaffettwa d-drittijiet fundamentali jekk b'mod eċċezzjonali jagħmel il-kontenut legali inaċċessibbli; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa ta' salvagwardji biex jiġu żgurat li l-qafas legali jsib bilanċ tajjeb bejn il-ħtieġa ta' effiċjenza tal-miżuri ta' infurzar u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet ta' partijiet terzi; iqis, f'dan ir-rigward, li l-miżuri ta' infurzar għall-protezzjoni tal-kontenut dirett għandhom ikunu effettivi u proporzjonati, b'mod partikolari għan-negozji ż-żgħar, l-SMEs u n-negozji ġodda, u għandhom jinkludu l-għoti ta' aċċess għal rimedji ġudizzjarji effettivi, informazzjoni xierqa dwar l-allegat ksur għall-fornituri tas-servizzi u l-utenti tal-internet affettwati, u salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-data personali;

Id-dritt relatat u d-dritt sui generis għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi

23.  Jinnota li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix dritt relatat għal drittijiet tal-awtur għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi iżda li xi Stati Membri introduċew drittijiet speċifiċi għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi fil-leġiżlazzjoni tagħhom, inkluż "dritt relatat" ġdid għal drittijiet tal-awtur;

24.  Iqis li l-ħolqien fid-dritt tal-Unjoni ta' dritt ġdid għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi mhux se jipprovdi soluzzjoni għall-isfidi li jiffaċċjaw dovuti għal nuqqas ta' infurzar effettiv u f'waqtu tad-drittijiet eżistenti tagħhom;

Miżuri oħra

25.  Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, id-detenturi tad-dritt u l-intermedjarji; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, fil-kompetenza tagħha, tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-infrastruttura u l-miżuri eżistenti;

Aspetti finali

26.  Iqis li l-proposta mitluba m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja;

o
o   o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet fl-Anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92.
(2) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 231.
(3) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 82.
(4) ĠU L 168, 30.6.2017, p. 1.
(5) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45
(6) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(7) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
(8) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(9) ĠU L 63, 6.3.2018, p. 50.
(10) Testi adottati: P9_TA(2020)0273.


ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

A.  PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA

Sabiex tiġi pprovduta protezzjoni legali xierqa u effettiva tad-drittijiet fir-rigward ta' avvenimenti sportivi diretti, il-qafas legali attwali tal-Unjoni għandu jiġi emendat. Dan għandu jinkiseb billi jitqiesu l-għanijiet u l-prinċipji li ġejjin:

—  li jittejjeb il-qafas legali attwali tal-Unjoni dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward ta' avvenimenti sportivi diretti, u li jsir aktar effettiv, meta wieħed iqis in-natura speċifika tiegħu u b'mod partikolari l-valur fuq perjodu qasir ta' avvenimenti bħal dawn, abbażi tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri;

—  li tiġi introdotta sistema tal-Unjoni li tistabbilixxi kriterji komuni għaċ-ċertifikazzjoni ta' "senjalaturi fdati";

—  li tiġi ċċarata l-leġiżlazzjoni eżistenti u jiġu adottati miżuri konkreti biex tiġi żgurata t-tneħħija immedjata ta’, jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, kontenut online ta’ avvenimenti sportivi diretti illegali, inkluż kontenut online ta’ avvenimenti sportivi diretti illegali nnotifikat minn senjalatur fdat iċċertifikat biex jiġu indirizzati b’mod effiċjenti x-xandiriet illegali ta’ avvenimenti sportivi diretti; li "immedjat" tinftiehem bħala li jfisser immedjatament jew malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta minn meta tasal in-notifika mingħand id-detenturi tad-drittijiet jew minn senjalaturi fdati ċċertifikati;

—  li jiġi enfasizzat li l-intermedjarji għandhom idaħħlu fis-seħħ obbligi effettivi bħal "Kun Af il-Klijent Kummerċjali Tiegħek" biex jipprevjenu li s-servizzi tagħhom jiġu abbużati għall-faċilitazzjoni tal-istreaming illegali ta' avvenimenti sportivi; jistieden, għal dak il-għan, lill-Kummissjoni tipproponi tali obbligi fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali li jmiss;

—  li, fejn xieraq, jiġu armonizzati ulterjorment il-proċeduri u r-rimedji fl-Unjoni biex ittejjeb u ssaħħaħ l-effiċjenza tal-miżuri ta' infurzar, inkluż fil-kuntest transfruntier, mingħajr preġudizzju għall-qafas ġenerali tal-Unjoni;

—  li jiġu evalwati l-miżuri ta' infurzar eżistenti bil-ħsieb li jtejbuhom u jippermettu t-tneħħija immedjata ta' kontenut illegali ta' sport ħaj, inkluż kontenut illegali tal-isport ħaj notifikat minn senjalatur fdat ċertifikat;

—  li jiġi armonizzat l-użu ta' proċeduri ta' imblukkar rapidi u adattabbli fil-każ ta' ksur ripetut diġà stabbilit li jippermettu t-tneħħija immedjata jew l-imblukkar f'ħin reali tal-aċċess għal kontenut online illegali ta' sport live, inkluż meta dak il-kontenut illegali jiġi notifikat minn senjalaturi fdati ċċertifikati, abbażi tal-mudell ta' ordnijiet ta' imblukkar "dirett" u "inibizzjonijiet dinamiċi";

—  li jiġi żgurat li l-miżuri li se jiġu proposti jkunu jqisu l-kamp ta' applikazzjoni, il-kobor u r-rikorrenza tal-ksur u li jiġu mmirati lejn it-trażmissjonijiet illegali, bl-esklużjoni tar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' filmati mhux professjonali illegali ta' avvenimenti sportivi;

—  li jiġi żgurat li l-miżuri li se jiġu proposti jkunu proporzjonati u jżommu l-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li l-miżuri ta' infurzar ikunu effiċjenti u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet ta' partijiet terzi;

—  li jiġi ċċarat li r-responsabbiltà għax-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi ma tinsabx f'idejn il-partitarji u l-konsumaturi;

—  li jiġi kkomplementat l-adattament tal-qafas leġiżlattiv b'miżuri mhux leġiżlattivi, inkluż it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u d-detenturi tad-drittijiet u l-intermedjarji;

B.  PROPOSTI TA' AZZJONIJIET

Mingħajr preġudizzju għar-regoli mistennija li jiġu stabbiliti f'liġi rilevanti tal-Unjoni li tistabbilixxi regoli ġenerali dwar l-indirizzar tal-kontenut illegali online, huwa meħtieġ li fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jiġu introdotti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-drittijiet tal-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi, immirati, b'mod partikolari, lejn:

—  l-iċċarar tal-kunċett wara l-frażi "jaġixxi mingħajr dewmien" imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku fir-rigward ta' intermedjarju online, b'tali mod li "mingħajr dewmien" titqies li tfisser "immedjatament jew mill-aktar fis u, fi kwalunkwe każ fi żmien 30 minuta mill-avviż tal-ksur mid-detenturi tad-drittijiet jew minnsenjalatur fdat ċertifikat.

—  l-istabbiliment ta' standard komuni tal-kwalità u l-affidabbiltà teknika tal-Unjoni għall-għodod tas-software użati mid-detenturi tad-drittijiet, l-intermedjarji u fornituri oħra tas-servizzi, sabiex jiġi identifikat ix-xandir illegali ta' avvenimenti sportivi diretti bil-ħsieb li tinħoloq skema ta' ċertifikazzjoni għal "senjalaturi fdati";

—  il-provvista li n-notifiki maħruġa minn senjalaturi fdati ċċertifikati jitqiesu preċiżi u affidabbli, u bħala konsegwenza, il-kontenut ta' avvenimenti sportivi online illegali nnotifikat minn senjalatur fdat iċċertifikat għandu jitneħħa minnufih jew l-aċċess għalih għandu jiġi diżattivat, mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' lment u rimedju;

—  l-għoti ta' permess għal tneħħija immedjata ta' proċeduri mmirati lejn kontenut illegali ta' avvenimenti sportivi live, dment li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar is-sjieda tad-dritt ikkonċernat u li t-trażmissjoni ma tkunx ġiet awtorizzata;

—  l-iżgurar li l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-intermedjarji jkunu effettivi, ġustifikati, proporzjonati, adegwati, b'kont meħud tas-serjetà u l-iskala tal-ksur, billi jiġi żgurat, pereżempju, li t-tneħħija ta', jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, kontenut illegali ma jirrikjedix l-imblukkar ta' pjattaforma sħiħa li jkun fiha servizzi li huma legali;

—  jieħdu miżuri li jagħmluha aktar faċli li jinstabu mezzi legali għall-aċċess għall-kontenut sportiv, inkluż billi jaġġornaw regolarment il-lista ta' fornituri ta' tali mezzi fuq Agorateka.eu u jiżguraw li t-telespettaturi jkunu infurmati b'tali mezzi legali u kif jużaw tali mezzi biex ikollhom aċċess għal kontenut meta jiġu infurzati l-miżuri ta' mblukkar;

—  il-provvista ta' soluzzjonijiet ta' infurzar u l-appoġġ attiv tagħhom, bħal ftehimiet privati fost il-partijiet ikkonċernati; f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tirrapporta u tivvaluta l-adegwatezza u l-impatt tal-ħolqien ta' obbligu għall-fornituri tal-kontenut online li jwettqu teħid immedjat biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal xandiriet ta' avvenimenti sportivi illegali disponibbli fuq is-servizzi tagħhom;

Id-Direttiva 2004/48/KE ("id-Direttiva tal-Infurzar") għandha tiġi emendata sabiex:

—  tiġi introdotta l-possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva rilevanti li toħroġ inibizzjonijiet li jitolbu l-imblukkar f'ħin reali tal-aċċess għal kontenut ta' avvenimenti sportivi diretti online illegali;

—  jiġi permess l-użu ta' inibizzjonijiet ta' imblukkar li jaħdmu matul ix-xandira diretta kollha ta' avveniment sportiv, iżda jiġu limitati għat-tul tax-xandira diretta, u b'hekk jimblukkaw is-sit web illeċitu biss għat-tul tal-avveniment; tali inibizzjonijiet għandhom ikunu temporanji;

—  tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni li tippermetti, fejn huma kkonċernati avvenimenti sportivi diretti, l-użu ta' inibizzjonijiet li għandu jkollhom l-effett li jimblukkaw l-aċċess mhux biss għas-sit web illeċitu iżda għal kwalunkwe sit web ieħor li jkun fih l-istess ksur, irrispettivament mill-isem tad-dominju jew l-indirizz IP użat, u mingħajr il-ħtieġa li tinħareġ inibizzjoni ġdida;

—  l-ispeċifikar li t-tneħħija tal-kontenut illegali għandha ssir minnufih, jew malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta minn meta tasal in-notifika mingħand id-detenturi tad-drittijiet jew minn senjalatur fdat iċċertifikat, dment li l-illegalità tax-xandira tkun ġiet innotifikata minn senjalatur affidabbli ċċertifikat jew, f'każ ta' nuqqas ta' ambigwità, mid-detentur tad-drittijiet innifsu; għandha tingħata indikazzjoni qawwija lid-detenturi tad-drittijiet jew senjalaturi fdati iċċertifikati biex tiġi evitata kwalunkwe tneħħija ta' kontenut legali; għal dak il-għan, l-imblukkar tal-aċċess għal kontenut illegali jew it-tneħħija tiegħu ma għandhomx fil-prinċipju jirrikjedu l-imblukkar tal-aċċess għal server li jospita servizzi u kontenut legali;

—  tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż permezz ta' skambju ta' data u l-aħjar prattiki u billi jinħoloq network ta' awtoritajiet nazzjonali attiv u aġġornat; il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-valur miżjud tan-nomina ta' awtorità amministrattiva indipendenti f'kull Stat Membru li jkollha rwol fis-sistema ta' infurzar, speċjalment fil-każ ta' infurzar rapidu, bħal fil-każ tal-piraterija online ta' kontenut sportiv dirett;

—  tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-intermedjarji u d-detenturi tad-drittijiet, inkluż billi tiġi promossa l-konklużjoni ta' Memoranda ta' Qbil li jistgħu jipprevedu proċedura ta' avviż u azzjoni speċifika.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Settembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza