Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2021 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (2021/2703(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(1) (ir-Regolament dwar l-RRF),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Regolament dwar l-RRF ġie adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
B. billi l-RRF huwa strument mingħajr preċedent f'termini ta' volum u mezzi ta' finanzjament;
C. billi l-kontroll demokratiku u l-iskrutinju parlamentari fuq l-implimentazzjoni tal-RRF huma possibbli biss bl-involviment sħiħ tal-Parlament fl-istadji kollha;
D. billi l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiżgura trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar u sabiex il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni lill-Parlament dwar, fost affarijiet oħra, il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri u l-valutazzjoni tagħhom;
E. billi l-Parlament jista' jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet indirizzati fid-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, inkluż permezz ta' riżoluzzjonijiet u skambji mal-Kummissjoni, u billi l-Kummissjoni jeħtiġilha tqis dawn il-fehmiet;
F. billi l-Parlament jista' jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza fid-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza;
G. billi l-Istati Membri, bħala regola, kellhom jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni sat-30 ta' April 2021;
H. billi sal-lum, 18-il Stat Membru ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni;
I. billi l-Kummissjoni jeħtiġilha tivvaluta kull pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza fi żmien xahrejn minn meta jiġi ppreżentat;
J. billi l-Kummissjoni qasmet il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentati mal-Parlament u mal-Kunsill;
K. billi l-Parlament organizza dibattitu fil-plenarja fil-11 ta' Marzu 2021 dwar "Ir-rispett tal-prinċipju tas-sħubija, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u l-iżgurar tal-governanza tajba tal-infiq";
L. billi fl-20 ta' Jannar 2021, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej ippubblikaw ir-riżultati tal-konsultazzjoni mmirata tagħhom dwar "L-involviment tal-muniċipalitajiet, il-bliet u r-reġjuni fit-tħejjija tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza";
1. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-adozzjoni rapida tad-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill marbuta mal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza qabel is-sajf, u l-komunikazzjoni kontinwa tagħha mal-Istati Membri biex tgħinhom iwasslu pjanijiet ta' kwalità għolja;
2. Ifakkar lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament dwar l-RRF li tipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-RRF u li tqis kwalunkwe element li jista' jinqala' mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, inklużi l-fehmiet ikkomunikati mill-kumitati rilevanti u dawk fir-riżoluzzjonijiet plenarji;
3. Jemmen li, sabiex jiġu żgurati sorveljanza demokratika xierqa u skrutinju parlamentari tal-implimentazzjoni tal-RRF u aktar trasparenza u obbligu ta' rendikont demokratiku, il-Kummissjoni jeħtiġilha tinforma regolarment lill-Parlament, bil-fomm u bil-miktub, dwar l-istatus tal-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza; jenfasizza li f'konformità mar-Regolament dwar l-RRF, il-Parlament għandu d-dritt li jirċievi tali informazzjoni fil-kuntest tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-informazzjoni ġenerali rilevanti kollha u sommarju tar-riformi u l-investiment stabbiliti fil-pjanijiet ippreżentati relatati mal-kamp ta' applikazzjoni bbażat fuq is-sitt pilastri (inklużi l-objettivi ġenerali u speċifiċi u l-prinċipji orizzontali) u l-11-il kriterju tal-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF;
5. Itenni li l-Parlament jistenna li l-informazzjoni tiġi pprvoduta f'format li jinftiehem faċilment u komparabbli, inkluż kwalunkwe traduzzjoni eżistenti ta' dokumenti ppreżentati mill-Istati Membri;
6. Jemmen li l-kondiviżjoni ta' kwalunkwe valutazzjoni preliminari tal-pjanijiet ma jippreġudikax l-eżitu tal-proċedura; iqis li dan itejjeb id-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza peress li, fil-mument tal-preżentazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jkunu fi stat avvanzat ħafna ta' maturità u x'aktarx li jiġu approvati;
7. Huwa konvint li huma meħtieġa trasparenza u obbligu ta' rendikont sħaħ mill-Kummissjoni sabiex jiġu żgurati u msaħħa l-leġittimità demokratika u s-sjieda taċ-ċittadini tal-RRF;
8. Ifakkar li l-Artikolu 18(4)(q) tar-Regolament dwar l-RRF jiddikjara li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandu jkun fihom "sommarju tal-proċess ta' konsultazzjoni, imwettaq skont il-qafas legali nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u kif l-input tal-partijiet ikkonċernati huwa rifless fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza"; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali kollha u tiżgura l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u, b'mod partikolari, fil-monitoraġġ tagħhom, u tiżgura li jsiru konsultazzjonijiet għal emendi futuri jew pjanijiet ġodda, jekk ikun hemm;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-iskeda ta' żmien għall-approvazzjoni tal-atti delegati sussegwenti tar-Regolament dwar l-RRF, jiġifieri l-atti delegati dwar it-tabella ta' valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza u dwar il-metodoloġija għar-rappurtar tal-infiq soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, u tqis l-elementi rilevanti tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza; jitlob, barra minn hekk, l-approvazzjoni rapida ta' dawn l-atti delegati qabel il-vaganzi tas-sajf;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li qabel il-valutazzjoni tat-twettiq tal-istadji importanti u l-miri miftiehma fid-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Parlament jingħata s-sejbiet preliminari dwar it-twettiq tal-istadji importanti u l-miri, kif meħtieġ mill-Artikolu 25(4) tar-Regolament dwar l-RRF;
11. Ifakkar lill-Kunsill li "l-eżiti rilevanti tad-diskussjonijiet li jsiru fil-korpi preparatorji tal-Kunsill għandhom jiġu kondiviżi mal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew";
12. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi approċċ miftuħ, trasparenti u kostruttiv matul id-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.