Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2027(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0112/2021

Testi mressqa :

A9-0112/2021

Dibattiti :

PV 19/05/2021 - 11
PV 19/05/2021 - 13
CRE 19/05/2021 - 11
CRE 19/05/2021 - 13

Votazzjonijiet :

PV 20/05/2021 - 20

Testi adottati :

P9_TA(2021)0259

Testi adottati
PDF 197kWORD 64k
Il-Ħamis, 20 ta' Mejju 2021 - Brussell
Responsabbiltà tal-kumpaniji għal ħsara ambjentali
P9_TA(2021)0259A9-0112/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2021 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal ħsara ambjentali (2020/2027(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(1) (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali – ELD),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(2) (id-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali – ECD),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedjar ta' dannu ambjentali (COM(2016)0204),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

–  wara li kkunsidra l-emenda għad-Direttiva 2004/35/KE bid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni(3), id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju(4) u d-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore(5),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2016 intitolat "L-Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali" (SWD(2016)0121), li jakkumpanja r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal ħsara ambjentali,

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) tas-6 ta' Ġunju 2016 intitolat "The implementation of the Environmental Liability Directive: a survey of the assessment process carried out by the Commission" (L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali: stħarriġ tal-proċess ta' valutazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment tal-Politika tiegħu għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-15 ta' Mejju 2020 intitolat "Environmental liability of companies" (Ir-responsabbiltà ambjentali tal-kumpaniji),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Mejju 2020 intitolat "Improving financial security in the context of the Environmental Liability Directive" (It-titjib tas-sigurtà finanzjarja fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar id-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali,

–  wara li kkunsidra n-nota ta' tgħarrif tal-EPRS ta' Ottubru 2020 intitolata "Environmental liability of companies: selected possible amendments of the ELD" (Ir-responsabbiltà ambjentali tal-kumpaniji: emendi possibbli magħżula tal-ELD),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2020 dwar id-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali (SWD(2020)0259),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-EFFACE (European Union Action to Fight Environmental Crime) ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0112/2021),

A.  billi, skont l-Artikolu 191(1) TFUE, il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu objettivi, bħall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-promozzjoni tal-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali li jindirizzaw il-problemi ambjentali reġjonali jew globali;

B.  billi l-Artikolu 37 tal-Karta jirrikjedi li livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent ikunu integrati fil-politiki tal-Unjoni u jiġu żgurati f'konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli;

C.  billi l-istrateġija ambjentali koordinata tal-UE tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u tiżgura li l-politiki tal-UE jkunu konsistenti ma' xulxin; billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-ambizzjoni ta' tniġġis żero, li għandha tinkiseb permezz ta' strateġija trasversali biex tiġi protetta saħħet iċ-ċittadini tal-UE mid-degradazzjoni ambjentali u t-tniġġis filwaqt li jitlob ukoll li ssir tranżizzjoni ġusta fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

D.  billi l-imġiba responsabbli fin-negozju timplika li l-kumpaniji jqisu kif xieraq it-tħassib ambjentali; billi l-iżgurar tar-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali huwa importanti biex in-negozji Ewropej isiru aktar sostenibbli fit-tul; billi tali kisba hija interkonnessa mill-qrib permezz tal-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni relatata fil-qasam tad-diliġenza dovuta korporattiva, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-governanza korporattiva sostenibbli; billi r-responsabbiltà trid tkun konformi mal-liġi nazzjonali;

E.  billi l-ħsara ambjentali, is-sustanzi kimiċi perikolużi u dannużi u t-tibdil fil-klima jistgħu jikkawżaw riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem mit-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma;

F.  billi l-ELD tikkoeżisti ma' strumenti u dispożizzjonijiet oħra ta' responsabbiltà, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri; billi inċidenti li jwasslu għal responsabbiltajiet tal-ELD jistgħu jiskattaw b'mod parallel proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi, u b'hekk joħolqu inċertezza tad-dritt u nuqqas ta' sigurtà tad-dritt kemm għall-kumpaniji kkonċernati kif ukoll għall-vittmi potenzjali;

G.  billi r-rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar ir-responsabbiltà ambjentali jindika li, minkejja l-benefiċċji tal-ELD fi sforzi biex tittejjeb il-koerenza legali fil-livell tal-UE, l-UE għadha qed tiffaċċja frammentazzjoni regolatorja f'dan il-qasam u nuqqas ta' uniformità f'termini legali u prattiċi;

H.  billi d-definizzjonijiet eżistenti fl-ELD ta' "danni ambjentali" u "operatur" kienu s-suġġett ta' diversi analiżijiet li enfasizzaw id-diffikultajiet fl-interpretazzjoni tagħhom; billi s-sinifikat tal-livell limitu tal-ħsara ambjentali huwa interpretat u applikat b'mod differenti u għalhekk jirrikjedi aktar kjarifika;

I.  billi kien hemm numru dejjem akbar ta' każijiet fejn vittmi tat-tniġġis ikkawżat minn sussidjarji ta' kumpaniji Ewropej attivi barra l-UE ppruvaw iressqu kawżi għal responsabbiltà ambjentali kontra kumpaniji omm quddiem il-qrati fl-UE;

J.  billi r-reġimi ta' responsabbiltà fir-rigward tat-tniġġis diffuż fid-dritt tal-UE huma frammentati;

K.  billi l-ELD stabbiliet qafas ta' responsabilità ambjentali bbażata fuq il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, biex jiġu evitati u rrimedjati l-ħsara ambjentali; billi l-ELD tikkomplementa atti leġiżlattivi prinċipali tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, li magħhom hija marbuta direttament jew indirettament, b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-Ħabitats(6), id-Direttiva dwar l-Għasafar(7), id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(8), id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina(9) u d-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore(10);

L.  billi r-rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar ir-responsabbiltà ambjentali ta parir lill-Istati Membri kollha biex jimpenjaw ruħhom li "jirreġistraw data dwar inċidenti tal-ELD u jippubblikaw reġistri tal-ELD jekk ma jkunux diġà għamlu dan"(11); billi, minkejja dan, seba' Stati Membri biss għandhom reġistru għall-każijiet tal-ELD li huwa disponibbli pubblikament, filwaqt li erba' Stati Membri oħra għandhom reġistru li mhuwiex pubbliku; billi diversi Stati Membri jiġbru informazzjoni koperta minn atti leġiżlattivi oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda mhux speċifikament mill-ELD, jew għandhom reġistri b'ambitu usa' jew differenti, u billi diversi Stati Membri jiġbru data fil-livell reġjonali; billi 14-il Stat Membru m'għandhom l-ebda bażi ta' data ta' inċidenti ambjentali jew każijiet tal-ELD; billi l-implimentazzjoni tal-ELD hija kkaratterizzata minn livell sostanzjali ta' flessibbiltà għall-Istati Membri abbażi ta' frammentazzjoni regolatorja u nuqqas ta' omoġeneità kemm minn perspettiva legali kif ukoll minn dik prattika;

M.  billi jidher li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jipprevedux strumenti obbligatorji tas-sigurtà finanzjarja fil-leġiżlazzjoni tagħhom, iżda bosta pajjiżi jeżiġuhom(12); billi fejn implimentati, dawn l-istrumenti jidhru li taw prova tal-valur tagħhom u wrew il-ħtieġa li tiġi vvalutata l-introduzzjoni ta' sistema ta' sigurtà finanzjarja obbligatorja;

N.  billi għalkemm hemm biżżejjed kopertura tal-assigurazzjoni disponibbli fil-biċċa l-kbira tas-swieq, inkluż għar-rimedju komplementari u kumpensatorju, id-domanda hija ġeneralment baxxa minħabba nuqqas ta' inċidenti rrappurtati, infurzar subottimali u żviluppi aktar bil-mod fis-swieq emerġenti(13); billi dan fih innifsu mhuwiex ostaklu għall-introduzzjoni ta' garanziji finanzjarji obbligatorji;

O.  billi l-insolvenza tal-operaturi bħala konsegwenza ta' inċidenti kbar għadha problema fl-UE; billi l-Kummissjoni għandha tanalizza l-oqfsa nazzjonali u regolatorji eżistenti u tadotta approċċ armonizzat tal-UE bil-għan li tipproteġi lill-kontribwenti mill-konsegwenzi tal-insolvenza ta' kumpanija;

P.  billi minn mindu ġiet adottata l-ELD, id-disponibbiltà tal-istrumenti ta' sigurtà finanzjarja żdiedet b'mod sinifikanti;

Q.  billi d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi(14), li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE, ġiet adottata u se tiġi applikata mill-Istati Membri mill-25 ta' Ġunju 2023;

R.  billi f'xi każijiet, minkejja li l-membri tal-bord korporattiv huma konxji minn attivitajiet b'riskju għoli li jikkawżaw ħsara ambjentali, it-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom għadu orjentat lejn il-profitt għad-detriment tal-imġiba responsabbli u l-ambjent;

S.  billi rieżami tal-ELD għandu neċessarjament ifittex li jsib bilanċ bejn it-tħassib korporattiv u l-protezzjoni ambjentali;

T.  billi f'dawn l-aħħar snin il-Parlament Ewropew ħa rwol proattiv fl-isforz għal reġim ta' responsabbiltà ambjentali għall-ħsarat ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem li jseħħu f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari bl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(15);

U.  billi mandat għall-Kummissjoni għandu jiżgura l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment jew iż-żamma ta' kundizzjonijiet ekwi dwar kwistjonijiet ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, fejn dawk id-dispożizzjonijiet huma parti minn tali ftehim;

V.  billi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent qed tesplora kif ir-riskji u l-benefiċċji ambjentali huma mqassma fis-soċjetà; billi l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima jenfasizza l-importanza li jitqiesu d-drittijiet tal-persuni vulnerabbli; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem reċentement ippubblika Prinċipji Qafas dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent li jikkjarifikaw l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati relatati ma' ambjent nadif, b'saħħtu u sostenibbli; billi, barra minn hekk, bħalissa fin-NU qed tiġi nnegozjata sistema tar-responsabbiltà korporattiva għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

W.  billi l-impatt tal-ħsara u r-reati ambjentali ma jaffettwax b'mod negattiv biss il-bijodiversità u l-klima iżda wkoll id-drittijiet tal-bniedem u s-saħħa tal-bniedem; billi rieżami għandu jqis ir-riskji tan-natura transfruntiera tal-ħsara ambjentali, il-kriminalità organizzata serja u l-korruzzjoni, flimkien mar-riskji għad-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent;

X.  billi l-Prinċipju 21 tad-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma u l-Prinċipju 2 tad-Dikjarazzjoni ta' Rio jirrikonoxxu d-dritt sovran tal-Istati li jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom stess skont il-politiki ambjentali tagħhom stess, iżda bl-istess mod ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali jew taħt il-kontroll tagħhom ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent ta' Stati oħra jew ta' żoni lil hinn mil-limiti tal-ġuriżdizzjonijiet tagħhom;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tivvaluta u tnaqqas id-distakki fl-implimentazzjoni tal-ELD u l-ECD fost l-Istati Membri;

2.  Jiddeplora l-fatt li s-setgħat diskrezzjonali stabbiliti fl-ELD, in-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni dwar l-ELD, riżorsi u għarfien insuffiċjenti u l-mekkaniżmi dgħajfa biex jiġu żgurati l-konformità u l-governanza effettivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali wasslu għal nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, varjabbiltà konsiderevoli bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-infurzar tal-ELD u l-livelli ta' konformità u l-għadd ta' każijiet b'mod partikolari, u kundizzjonijiet mhux ekwi għall-operaturi; jiddeplora l-fatt li tali difetti għandhom ukoll impatt fuq l-implimentazzjoni tal-ECD; huwa għalhekk tal-fehma li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex tiġi żgurata standardizzazzjoni regolatorja fl-UE u żieda fil-fiduċja pubblika fl-effettività tal-liġijiet tal-UE sabiex tiġi evitata u rimedjata l-ħsara ambjentali b'mod aktar effettiv u jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn it-tħassib korporattiv u l-protezzjoni ambjentali;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali, li jiġbor flimkien professjonisti b'responsabbiltajiet fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali, bħala segwitu għall-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għall-2018(16) u l-programm ta' ħidma għall-2020-2022 biex jittejbu l-konformità u l-governanza ambjentali li l-forum approva fi Frar 2020(17);

4.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li f'ħafna Stati Membri, il-baġits tal-ispettorati ambjentali staġnaw jew naqsu minħabba l-kriżi finanzjarja u li saħansitra awtoritajiet kbar b'riżorsi tajbin jistgħu jsibuha diffiċli biex jiżviluppaw b'mod indipendenti l-għarfien tal-aħjar modi biex jiżguraw il-konformità; huwa għaldaqstant tal-fehma li hemm bżonn ta' appoġġ aktar b'saħħtu fil-livell tal-UE, pereżempju permezz ta' portali ta' informazzjoni aċċessibbli, networks użati komunement (networks tal-UE għall-prattikanti), informazzjoni u gwida tal-aħjar prattika, programmi ta' taħriġ addizzjonali dwar l-ispeċifiċitajiet tal-liġi ambjentali u r-reati ambjentali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għall-imħallfin u l-prattikanti, materjali ta' taħriġ, u gwida dwar il-ħiliet, f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, peress li dan jista' jżid il-pressjoni fuq il-kumpaniji "eċċezzjoni" u jkun ta' benefiċċju għall-kumpaniji li jirrispettaw il-liġi filwaqt li jippermetti lill-partijiet interessati, lill-operaturi u lill-pubbliku jsiru aktar konxji mir-reġim tal-ELD u l-infurzar tiegħu u b'hekk, jikkontribwixxu għall-prevenzjoni aħjar u għar-rimedjar tal-ħsara ambjentali;

5.  Jiddispjaċih li r-reati ambjentali huma fost l-aktar forom ta' attività kriminali transnazzjonali li jħallu qligħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati ambjentali, u jżidu l-livell ta' għarfien espert tal-awtoritajiet involuti, inklużi l-prosekuturi u l-imħallfin, bil-ħsieb li l-prosekuzzjoni u s-sanzjonar tar-reati ambjentali jsiru b'mod aktar effettiv; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu jew isaħħu unitajiet speċjalizzati fi ħdan is-servizzi tal-pulizija nazzjonali tagħhom fil-livelli xierqa għall-investigazzjoni tar-reati ambjentali; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Istati Membri kollha jkollhom fis-seħħ proċeduri xierqa għall-ġestjoni tal-kriżijiet ambjentali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak transnazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw Skwadri ta' Investigazzjoni Konġunti u l-iskambju ta' informazzjoni f'każijiet ta' reati ambjentali transnazzjonali, li tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet imwettqa b'mod parallel f'diversi Stati Membri;

6.  Iqis li waħda mid-diversi kawżi ta' armonizzazzjoni insuffiċjenti tal-ELD hija n-nuqqas ta' proċedura amministrattiva standard li għandha tiġi applikata biex jiġu nnotifikati l-awtoritajiet kompetenti dwar dannu ambjentali fattwali jew periklu imminenti ta' ħsara ambjentali; jesprimi dispjaċir, għalhekk, li m'hemm l-ebda obbligu li jiġu ppubblikati tali notifiki jew informazzjoni dwar kif jiġu ttrattati każijiet; jinnota li xi Stati Membri identifikaw din il-limitazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u konsegwentement waqqfu bażijiet ta' data dwar in-notifiki, l-inċidenti u l-każijiet; jirrimarka, madankollu, li l-prattika tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor u hija pjuttost limitata;

7.  Jirrimarka li data affidabbli dwar inċidenti ambjentali li jwasslu għall-applikazzjoni tal-ELD jew strumenti amministrattivi, ċivili jew kriminali oħra għandha tinġabar taħt is-superviżjoni ta' task force tal-UE dwar l-ELD filwaqt li d-data rilevanti ssir pubblika; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif xieraq s-sitwazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk taħlita ta' strumenti legali differenti tistax tirrispondi b'mod adegwat għall-ħsara ambjentali, jew jekk għadhomx jeżistu nuqqasijiet serji li jeħtieġ li jiġu rrimedjati; jinsisti fuq l-implimentazzjoni korretta tal-ELD, billi jħeġġeġ lill-Istati Membri jirreġistraw id-data dwar l-inċidenti tal-ELD, jippubblikaw ir-reġistri tal-ELD u jiġbru d-data meħtieġa biex jiddokumentaw l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tad-Direttiva f'pajjiżhom sabiex tiżdied il-fiduċja fis-sistema tal-ELD u titjieb l-implimentazzjoni;

8.  Jissottolinja li fi kważi l-każijiet kollha tal-ELD, l-operaturi jikkooperaw mal-awtoritajiet amministrattivi biex jaħdmu favur ir-rimedju; jinnota, madankollu, li l-ispiża medja tal-azzjoni ta' rimedju hija ta' EUR 42 000(18), iżda li l-ispejjeż kienu sostanzjalment ogħla fi ftit każijiet sinifikanti; jesprimi dispjaċir għalhekk li f'dawk il-każijiet, l-irkupru tal-ispejjeż kien impossibbli minħabba l-insolvenza tal-operatur, u li b'riżultat ta' dan, l-ispejjeż kellhom jiġu koperti mill-istat, u indirettament mill-kontribwenti, fenomenu li għandu jiġi evitat fil-futur;

9.  Jinnota li l-għadd ta' kumpaniji mħarrka f'każijiet ambjentali huwa baxx fl-Istati Membri, minkejja li huwa ċar li qed iseħħu reati kriminali skont it-tifsira tal-ECD; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li l-kawżi ta' din is-sitwazzjoni għadhom ma ġewx analizzati jew spjegati b'mod komprensiv mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri;

Rakkomandazzjonijiet

10.  Jitlob li l-ELD tiġi riveduta mill-aktar fis possibbli u li tinbidel f'regolament kompletament armonizzat; jisħaq, sadanittant, fuq il-ħtieġa li l-ELD tiġi aġġornata u allinjata ma' partijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE mfassla biex jipproteġu l-ambjent, inkluż l-ECD; jenfasizza li d-differenzi fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE għar-responsabbiltà tal-kumpaniji għall-ħsara ambjentali bħalissa mhumiex qed jipprovdu kundizzjonijiet ekwi għall-industrija tal-UE, u dan qed ifixkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-UE; jappella għal sforzi akbar biex tiġi armonizzata l-implimentazzjoni tal-ELD fl-Istati Membri;

11.  Jitlob li l-ECD tiġi aġġornata wara valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, li għandha tivvaluta, fost l-oħrajn, il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva, filwaqt li jitqiesu t-tipi u x-xejriet ġodda tar-reati ambjentali; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

12.  Jieħu nota tal-impenn dejjem jikber tal-Istati Membri biex jaħdmu lejn ir-rikonoxximent tal-ekoċidju fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tistudja r-rilevanza tal-ekoċidju għad-dritt tal-UE u d-diplomazija tal-UE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifika u gwida ulterjuri lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-prosekuturi dwar it-termini legali ewlenin tal-ECD u tiżviluppa klassifikazzjoni armonizzata tar-reati ambjentali;

14.  Jissottolinja r-rwol importanti ta' strumenti tal-liġi mhux vinkolanti, bħad-dokumenti ta' gwida dwar l-interpretazzjonijiet tat-termini legali użati kemm fl-ELD kif ukoll fl-ECD, l-evalwazzjoni tal-ħsara jew l-informazzjoni dwar il-prattiki ta' sanzjonijiet applikati fl-Istati Membri u t-tqabbil tagħhom, sabiex titjieb l-effettività tal-implimentazzjoni tad-direttivi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi introdotta azzjoni regolatorja aktar f'waqtha u stretta fl-Istati Membri;

15.  Huwa tal-fehma li l-infurzar għandu jkun armonizzat u li għandha tinħoloq task force tal-UE dwar l-ELD magħmula minn esperti bi kwalifiki għoljin u uffiċjali tal-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri, fuq talba, bl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva min-naħa l-waħda, u biex tappoġġja u tagħti pariri lill-vittmi ta' ħsara ambjentali dwar l-għażliet disponibbli għal azzjoni legali fil-livell tal-UE dwar l-oħrajn (komparabbli mas-SOLVIT);

16.  Jemmen li l-qafas rivedut għandu jipprevedi titjib fil-ġbir tad-data fl-UE kollha, l-iskambju ta' informazzjoni, it-trasparenza u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, bl-appoġġ tat-task force tal-UE dwar l-ELD;

17.  Jirrakkomanda li t-task force futura tal-UE dwar l-ELD tappoġġja l-implimentazzjoni ta' sistema ta' monitoraġġ komprensiva biex tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti sett ta' għodod effettiv għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'appoġġ mit-task force tal-UE dwar l-ELD, jistabbilixxu skemi ta' protezzjoni u appoġġ għall-vittmi tal-ħsara ambjentali u jiżguraw li dawn ikollhom aċċess sħiħ għall-ġustizzja, l-informazzjoni u l-kumpens; jenfasizza r-rwol tal-NGOs ambjentali fis-sensibilizzazzjoni u fl-identifikazzjoni ta' ksur potenzjali tal-liġijiet ambjentali tal-UE u dawk nazzjonali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effiċjenza tal-mekkaniżmi rapidi tal-pretensjonijiet bil-għan li jiġi żgurat kumpens rapidu għall-vittmi f'każijiet ta' insolvenza, li jista' jwassal għal aktar ħsara;

20.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1828;

21.  Jirrikonoxxi li r-Regolament ta' Aarhus bħalissa qed jiġi rieżaminat(19); itenni li r-Regolament ta' Aarhus jippermetti l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u b'hekk l-iskrutinju pubbliku tal-atti tal-UE li jaffettwaw l-ambjent; jisħaq r-Regolament ta' Aarhus jinkludi l-ELD;

22.  Jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rwol tad-difensuri tad-drittijiet ambjentali tal-bniedem li jaħdmu favur id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali peress li dawn huma relatati mat-tgawdija ta' ambjent sikur, san u sostenibbli, u jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe forma ta' vjolenza, fastidju jew intimidazzjoni mwettqa kontrihom, inkluż meta l-iskop ikun li jfixkel b'mod proċedurali l-isforzi tagħhom biex persuni li jikkawżaw ħsara ambjentali jinżammu legalment responsabbli; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw investigazzjoni u prosekuzzjoni xierqa u effettivi ta' tali atti;

23.  Jappoġġja r-rekwiżiti eżistenti biex jiġu rrappurtati wkoll kwistjonijiet mhux finanzjarji; jinnota, madankollu, li dan ir-rappurtar s'issa kien biss dmir legali għall-impriżi l-kbar; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq l-infurzar ta' dawk ir-rekwiżiti ta' rappurtar f'każ li dawn ma jiġux issodisfati fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFRD)(20);

24.  Jemmen li l-biċċa l-kbira tad-definizzjonijiet fl-ELD, b'mod partikolari "danni ambjentali" u "operatur", għandhom jiġu ċċarati aktar u, fejn xieraq, estiżi biex id-Direttiva tkun ġusta u ċara għall-partijiet ikkonċernati kollha u biex jinżamm il-pass mal-evoluzzjoni rapida tas-sustanzi li jniġġsu; jilqa' b'sodisfazzjon għalhekk l-isforzi attwali biex jiġi żviluppat dokument ta' fehim komuni (CUD) dwar definizzjonijiet u kunċetti ewlenin tal-ELD; jesprimi dispjaċir, madankollu, li l-Kummissjoni u l-gruppi ta' esperti tal-gvern dwar l-ELD ma laħqux ftehim dwar il-format tagħha, li jfisser li s-CUD jibqa' dokument prodott mill-konsulenza li ġiet imqabbda mill-Kummissjoni biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma multiannwali tal-ELD għall-2017-2020;

25.  Huwa tal-fehma li r-reviżjoni tal-ELD għandha tkun allinjata mal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima sabiex jiġu ssalvagwardjati kemm l-interessi taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tal-ambjent; jirrikonoxxi l-valur intrinsiku tal-ambjent u l-ekosistemi u d-dritt tagħhom għal protezzjoni effettiva;

26.  Jinnota li r-reġimi ta' responsabbiltà fir-rigward tat-tniġġis diffuż fid-dritt tal-UE huma frammentati; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar kif it-tniġġis diffuż huwa indirizzat mir-reġimi differenti ta' responsabbiltà tal-UE;

27.  Jirrimarka li interpretazzjonijiet u applikazzjoni differenti tal-kriterji fl-Anness I tal-ELD, li jelaboraw fuq id-definizzjoni ta' "danni ambjentali" kif stipulat fl-Artikolu 2(1)a tal-ELD, huma waħda mir-raġunijiet għall-applikazzjoni inkonsistenti tad-direttiva; jitlob, għalhekk, applikazzjoni aktar konsistenti u kjarifika u gwida aħjar tal-kriterji u b'hekk, x'jikkostitwixxi "ħsara sinifikanti" fl-ambitu tal-ELD;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-estensjoni tal-ambitu tal-ELD u l-attivitajiet elenkati fl-Anness III tagħha tistax tillimita l-ħsara fuq perjodu qasir u twil għall-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-arja; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tivvaluta jekk l-approċċ tal-prinċipju ta' prekawzjoni jippresupponix b'mod xieraq u effettiv riskji jew effetti potenzjalment perikolużi;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu r-reati ambjentali bħala prijorità; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-Artikolu 83(2) TFUE u tikkunsidra l-adozzjoni ta' direttiva qafas ġenerali dwar ir-reati ambjentali u sanzjonijiet effettivi u proporzjonati li tiddefinixxi liema mġiba għandha tiġi kkastigata, in-natura tal-ksur, it-tipi ta' reati, ir-reġimi ta' kumpens, il-miżuri ta' ripristinament u s-sanzjonijiet minimi, inkluża r-responsabbiltà ġenerali tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà tal-inklużjoni tar-reati ambjentali fost il-kategoriji ta' reati fl-Artikolu 83(1) TFUE;

30.  Iqis li miżuri komprensivi u effettivi ta' prevenzjoni u s-sanzjonijiet kriminali dissważivi u proporzjonati huma deterrenti importanti kontra l-ħsara ambjentali; jiddeplora r-rati baxxi ta' detezzjoni, investigazzjoni, prosekuzzjoni u kundanni għal reati ambjentali; iqis, barra minn hekk, li skont il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, il-kumpaniji għandhom jassumu l-ispejjeż kollha tal-ħsara ambjentali li kkawżaw direttament sabiex ikollhom inċentivi biex jinternalizzaw l-esternalitajiet ambjentali u jevitaw li jesternalizzaw l-ispejjeż;

31.  Jisħaq li l-ħsara ambjentali għandha tinvolvi responsabbiltà amministrattiva, ċivili u kriminali għall-kumpaniji responsabbli skont il-prinċipju ne bis in idem; jinnota li dawk il-forom ta' responsabbiltà jikkoeżistu ma' reġimi oħra ta' responsabbiltà fil-liġi tan-negozju, bħal-liġi tal-konsumatur jew il-liġi tal-kompetizzjoni;

32.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inċidenza għolja ta' reati ambjentali, peress li l-istimi kkombinati mill-OECD, l-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), il-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP) u l-Interpol dwar il-valur monetarju tar-reati ambjentali kollha juru li dan huwa r-raba' l-akbar reat internazzjonali; jirrikonoxxi r-rabta diretta jew indiretta li hemm bejn ir-reati ambjentali u l-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-korruzzjoni(21); jistieden lill-Europol taġġorna l-istudju li sar fl-2015(22) u tipprovdi b'mod regolari data aġġornata; jirrimarka li l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat mill-kriminalità, inklużi r-reati ambjentali, huma mezzi kruċjali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u jisħaq fuq l-importanza li dak ir-rikavat jintuża wkoll għal skopijiet soċjali li għandhom l-għan li jsewwu l-ħsara li tkunu saret u jtejbu l-ambjent;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li testendi l-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) biex ikopri r-reati ambjentali, ladarba jkun kompletament stabbilit u jkun qed jiffunzjona bis-sħiħ;

34.  Jistieden lill-Europol u lill-Eurojust isaħħu d-dokumentazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Europol u lill-Eurojust jipprovdu aktar appoġġ u struttura aktar effettiva u istituzzjonalizzata għan-networks eżistenti tal-prattikanti, l-infurzar tal-liġi transfruntier, l-aġenziji ambjentali u l-prosekuturi speċjalizzati bħan-Network Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE) u l-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent (EUFJE);

35.  Jisħaq fuq l-importanza ta' taħriġ (elettroniku) għall-atturi tal-infurzar tal-liġi fir-reati ambjentali u jistieden lis-CEPOL tintensifika t-taħriġ tagħha f'dan il-qasam;

36.  Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ in-Network tal-Europol kontra l-Kriminalità Ambjentali (EnviCrimeNet) fil-livell nazzjonali u Ewropew biex ikunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet indipendenti u effettivi sabiex jiġu miġġielda r-reati ambjentali;

37.  Jisħaq li r-reġim ta' responsabbiltà ambjentali tal-UE jrid jirrispetta l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-prinċipju ta' la tagħmilx ħsara;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-introduzzjoni ta' reġim ta' responsabbiltà sekondarja, jiġifieri r-responsabbiltà tal-kumpaniji prinċipali u tal-katina għall-ħsara kkawżata lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent(23), u twettaq valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tar-responsabbiltà tas-sussidjarji attivi barra mill-UE, inkluż titjib possibbli għal każijiet ta' ħsara ambjentali;

39.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li l-proposta tagħha dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u r-responabbiltà korporattiva se tinkludi reġim ta' responsabbiltà u jqis li sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jiksbu rimedju effettiv, l-impriżi għandhom jinżammu responsabbli skont id-dritt nazzjonali għall-ħsara li l-impriżi taħt il-kontroll tagħhom ikunu kkawżaw jew ikkontribwew għaliha b'atti jew b'nuqqas ta' atti, fejn dawn tal-aħħar ikunu wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ikunu kkawżaw ħsara ambjentali, sakemm l-impriża ma tkunx tista' tagħti prova li aġixxiet bl-attenzjoni dovuta f'konformità mal-obbligi tad-diliġenza dovuta tagħha u ħadet il-miżuri raġonevoli kollha biex tipprevjeni tali ħsara;

40.  Huwa tal-fehma li l-permess fakultattiv u d-difiżi tal-ogħla livell fl-ambitu tal-ELD għandhom jinżammu biss meta kumpanija tkun tista' tagħti prova li ma setgħetx tkun taf bil-periklu tal-attività tagħha (inverżjoni tal-oneru tal-provi); jitlob, għalhekk, li r-reġim rivedut tar-responsabbiltà ambjentali jirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tal-permess u d-difiżi tal-ogħla livell sabiex isir aktar effettiv, f'konformità mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tallinja l-ELD mal-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-bordijiet korporattivi f'każijiet fejn tista' tiġi stabbilita rabta kawżali bejn azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni ta' bord korporattiv u ħsara ambjentali kif definita fl-ELD, inkluż fejn tali ħsara tirriżulta minn attivitajiet li jniġġsu li twettqu biex jimmassimizzaw il-profitt tal-kumpanija u jżidu l-bonusijiet tal-membri tagħha(24);

42.  Jenfasizza li l-ispiża tal-ħsara ambjentali għall-kontribwenti u l-operaturi responsabbli tista' titnaqqas ħafna billi jintużaw strumenti ta' sigurtà finanzjarja; jinnota, madankollu, li l-ELD ma tipprevedix sistema ta' sigurtà finanzjarja obbligatorja;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-introduzzjoni ta' sistema ta' sigurtà finanzjarja obbligatorja (li tkopri l-assigurazzjoni, il-garanziji bankarji, il-pools ta' kumpaniji, it-titoli u bonds jew fondi) b'limitu massimu għal kull każ, bil-għan li jiġi evitat li l-kontribwenti jkollhom iħallsu l-ispejjeż li jirriżultaw mir-rimedju għall-ħsara ambjentali; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżviluppa metodoloġija armonizzata tal-UE għall-kalkolu tal-limitu massimu ta' responsabbiltà, filwaqt li titqies l-attività u l-impatt fuq l-ambjent; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun jista' jinkiseb kumpens finanzjarju, anke f'każ ta' insolvenza tal-operatur responsabbli;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-introduzzjoni ta' skema ta' kumpens finanzjarju tal-ELD fil-livell tal-UE jew nazzjonali għal każijiet fejn ir-rimedji disponibbli ma jkunux adegwati minħabba l-firxa tal-ħsara; jisħaq li d-diskussjonijiet relatati għandhom jindirizzaw, inter alia, modi possibbli ta' kwantifikazzjoni tal-ħsara ambjentali;

45.  Iqis li, minħabba li l-għan tal-ELD huwa li tipprevjeni u tirrimedja l-ħsara ambjentali, regolament futur (Regolament dwar ir-responsabbiltà ambjentali) għandu jkun applikabbli għall-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE, irrispettivament minn fejn ikunu ġew inkorporati jew fejn ikunu bbażati, u li hemm bżonn ta' approċċ olistiku u reċiproċità biex jiġu ssodifati l-ħtiġijiet tal-kumpaniji f'ekonomija globali; iqis, barra minn hekk, li l-applikazzjoni tar-regolament futur għandha tiġi estiża għal kwalunkwe entità li tirċievi fondi tal-UE, nazzjonali jew reġjonali li tikkawża jew tista' tikkawża ħsara ambjentali matul l-attivitajiet tagħha;

46.  Jilqa' l-fatt li għadd dejjem jikber ta' kumpaniji Ewropej qed isegwu l-objettiv tal-ħolqien ta' valur sostenibbli u jistieden lill-kumpaniji kollha jsegwu approċċ triplu;

47.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-bidla għal metodi ta' produzzjoni aktar sostenibbli u favur l-ambjent tista' tieħu ħafna ħin u tiswa l-flus, u jindika l-importanza taċ-ċertezza legali u amministrattiva għall-kumpaniji kkonċernati;

48.  Ifakkar li l-UE għandha tippromwovi livell għoli ta' protezzjoni ambjentali fit-territorju tagħha stess, u tagħmel dak kollu possibbli biex tipprevjeni ħsara ambjentali f'pajjiżi terzi kkawżata minn kumpaniji bbażati fl-Istati Membri tal-UE; ifakkar bl-istess mod li m'hemm l-ebda strument legali tal-UE li jindirizza l-possibbiltà tal-prosekuzzjoni ta' kumpaniji Ewropej barra l-pajjiż għal reati jew attivitajiet ambjentali li jikkawżaw ħsara ambjentali; jitlob lill-UE tħeġġeġ lill-kumpaniji omm jieħdu approċċi sostenibbli u responsabbli għall-kooperazzjoni tagħhom ma' pajjiżi terzi, f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali internazzjonali, u ma jiħdux strateġiji ta' investiment li jwasslu direttament għal eżiti perikolużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi inċentivi għal kumpaniji li l-politiki ta' sostenibbiltà tagħhom volontarjament imorru lil hinn mill-istandards ambjentali u tal-bijodiversità stabbiliti fil-liġi bil-għan li jiġu evalwati dawn il-politiki, jintagħżlu l-aħjar prattiki u li dawn jintużaw bħala eżempju għal kumpaniji oħra biex isegwuhom;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar bis-sħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-bijodiversità fil-ftehimiet kummerċjali kollha, anki permezz tal-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ; iqis li l-Kummissjoni għandha tivvaluta aħjar l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq il-bijodiversità, inkluża azzjoni ta' segwitu biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-bijodiversità ta' ftehimiet eżistenti u futuri, fejn rilevanti;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment jew iż-żamma ta' kundizzjonijiet ekwi dwar kwistjonijiet ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, fejn dawk id-dispożizzjonijiet huma parti minn tali ftehim;

51.  Huwa tal-fehma li f'każijiet predefiniti ta' tniġġis estremament mifrux, għandhom jiġu applikati biex tiġi rimedjata l-problema, mhux biss strumenti ta' responsabbiltà ambjentali, iżda għadd kbir ta' strumenti, inklużi miżuri amministrattivi, penali finanzjarji u, f'xi każijiet, prosekuzzjoni kriminali;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforza l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet stabbiliti fl-ambitu tal-ECD;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura li r-responsabbiltà soċjali korporattiva fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju ta' ħsara ambjentali titqies fil-kuntratti tal-akkwist u fl-allokazzjoni ta' fondi pubbliċi;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal spezzjonijiet ambjentali fil-livell tal-UE mingħajr aktar dewmien, kif propost mill-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali fl-azzjoni disgħa tal-programm ta' ħidma tagħha, iżda huwa tal-fehma li rakkomandazzjoni biex jiġu stabbiliti kriterji minimi għall-ispezzjonijiet ambjentali mhijiex biżżejjed;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi azzjoni mill-UE, mill-Istati Membri tagħha u mill-komunità internazzjonali biex jiżdiedu l-isforzi fil-ġlieda kontra reati ambjentali; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza u jippromwovu soluzzjonijiet f'fora internazzjonali;

56.  Jissuġġerixxi li r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001(25), li tipprovdi spjegazzjoni dettaljata dwar kif għandhom jitwettqu l-ispezzjonijiet ambjentali, għandha tiġi aġġornata jekk ikun meħtieġ u trasposta f'dokument jew regolament vinkolanti;

57.  Jitlob lill-Ombudsman tal-UE ssaħħaħ l-enfasi tagħha fuq kwistjonijiet relatati mal-acquis ambjentali;

58.  Iqis li l-kumpaniji kkundannati għal reati ambjentali ma għandhomx jitħallew jibbenefikaw mill-miżuri previsti għal dawk elenkati fir-reġistru ta' trasparenza għal perjodu ta' żmien xieraq iżda limitat; jissuġġerixxi, għal dan il-għan, li l-kamp ta' applikazzjoni u l-kodiċi ta' kondotta tar-reġistru ta' trasparenza jiġu riveduti sabiex jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija temporanja tal-kumpaniji kkundannati għal reati ambjentali;

59.  Jirrimarka li t-trattament kunfidenzjali ta' informazzjoni relatata mal-effetti tal-attivitajiet industrijali, flimkien mad-diffikultajiet involuti fil-monitoraġġ u l-identifikazzjoni ta' prattiki bħar-rimi illegali ta' sustanzi jew ta' skart fil-baħar, it-tneħħija tal-gass u ż-żejt mill-bastimenti, jistgħu jwasslu għal żieda fin-numru ta' ksur tal-liġi dwar it-tniġġis tal-ilma; jisħaq, għalhekk, li l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu l-informazzjoni rilevanti pubblika sabiex jiffaċilitaw l-evalwazzjoni ta' rabta kawżali possibbli bejn l-operazzjonijiet industrijali u l-ħsara lill-ambjent;

60.  Jappoġġja s-sejħa tan-NU għal rikonoxximent globali tad-dritt għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli fil-livell tan-NU;

61.  Ifakkar li ż-żieda globali fil-kriminalità ambjentali hija theddida dejjem akbar għall-kisba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u li n-nies fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddependu direttament mill-ambjent għall-ikel, is-saħħa u s-sigurtà ekonomika tagħhom; jiddeplora l-fatt li d-degradazzjoni tal-bijodiversità minħabba r-reati ambjentali u t-telf ta' riżorsi li jirriżulta minnha jżidu l-vulnerabbiltà tagħha;

62.  Jappella għal appoġġ akbar għall-awtoritajiet lokali u l-gvernijiet ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki domestiċi ma' standards ambjentali internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-soċjetà ċivili u l-atturi lokali fil-pajjiżi terzi u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex l-awtoritajiet tal-gvern jinżammu responsabbli għall-ħsara ambjentali ttollerata jew approvata mill-Istat ikkawżata minn kumpaniji privati u statali;

o
o   o

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(2) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.
(3) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
(4) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114.
(5) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66.
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(7) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
(8) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(9) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(10) Id-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66).
(11) COM(2016)0204, p. 10.
(12) Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, L-Eżitu tal-Kuntratt Speċifiku "Appoġġ għall-azzjonijiet REFIT għall-ELD – fażi 2", il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2019, p. 17.
(13) L-Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, p. 47.
(14) ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1.
(15) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.
(16) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2018 dwar azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali (COM(2018)0010).
(17) Il-Forum dwar il-Governanza u l-Konformità Ambjentali, Il-programm ta' ħidma approvat għall-2020-2022 biex itejjeb il-governanza u l-konformità ambjentali, il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2020.
(18) Id-Dipartiment tal-Politika għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, ir-Responsabbiltà ambjentali tal-kumpaniji, il-Parlament Ewropew, Brussell, 2020, p. 110.
(19) Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (COM(2020)0642).
(20) Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar, ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.
(21) Ara r-rapport għall-EFFACE "Organised Crime and Environmental Crime: Analysis of International Legal Instruments" (Kriminalità Organizzata u Reati Ambjentali: Analiżi tal-Istrumenti Legali Internazzjonali) (2015), jew l-istudju "Transnational environmental crime threates sustainable development" (Ir-reati ambjentali transnazzjonali jheddu l-iżvilupp sostenibbli) (2019).
(22) Europol, "Report on Environmental Crime in Europe" (Rapport dwar ir-Reati Ambjentali fl-Ewropa), 5 ta' Ġunju 2015.
(23) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Settembru 2009, Akzo Nobel NV u Oħrajn vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, C-97/08 B, ECLI:EU:C:2009:536.
(24) Eż. l-iskandlu dieselgate u l-każ tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Volkswagen.
(25) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 li tipprevedi l-kriterji minimi għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri (ĠU L 118, 27.4.2001, p. 41).

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Settembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza