Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMH Guss (COM(2021)0207 – C9-0156/2021 – 2021/0107(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0207 – C9-0156/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament tal-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), (FII tas-16 ta' Diċembru 2020), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0189/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna ssir permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;
B. billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/003 DE/GMH Guss għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 585 sensja(4) f'erba' sussidjarji tal-kumpanija Guss GmbH, ikklassifikata taħt id-Diviżjoni 24 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' metalli bażiċi) fil-livell NUTS 2 ta' Düsseldorf (DEA1)(5) u Arnsberg (DEA5)(6), f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-31 ta' Lulju 2020 sat-30 ta' Novembru 2020;
C. billi l-applikazzjoni tikkonċerna 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn erba' sussidjarji ta' GMH Guss GmbH fil-Ġermanja;
D. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkun ingħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;
E. billi l-industrija tal-fonderiji fil-Ġermanja qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar bħal bidliet fil-kummerċ internazzjonali ta' oġġetti u servizzi u produzzjoni eċċessiva fiċ-Ċina, b'mod partikolari fl-industrija awtomobilistika u tal-magni, kif ukoll ir-rilokazzjoni ta' attivitajiet lejn pajjiżi terzi, inkluż lejn pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, fejn japplikaw(7) standards ambjentali aktar baxxi u fejn l-industriji huma ssussidjati ħafna;
F. billi l-problemi ta' GMH Guss bdew meta l-klijent prinċipali tal-kumpanija sussidjarja Walter Hundhausen GmbH, li jirrappreżenta 60 % tal-produzzjoni tal-kumpanija sussidjarja, ħa d-deċiżjoni li jiddelokalizza parti mill-katina tal-provvista fit-Turkija;
G. billi l-kompetitur Tajwaniż MEITA fetaħ żewġ fonderiji f'Obrenovac, is-Serbja, li prinċipalment jipproduċu għall-industrija awtomobilistika Ewropea, u li, minħabba sussidji u spejjeż tax-xogħol aktar baxxi, MEITA setgħet toffri prezzijiet ħafna aktar baxxi mill-kompetitur Ġermaniż tagħha GMH Guss;
H. billi, bejn l-2018 u l-2019, il-produzzjoni globali tal-ikkastjar tal-metall fil-Ġermanja naqset bi 8,9 %(8) minħabba dawn l-isfidi relatati mal-globalizzazzjoni, u affettwat b'mod partikolari lin-Nordrhein-Westfalen fejn jinħadmu 25 % tal-metalli kkastjati fil-Ġermanja;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma sodisfatti, u li l-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 081 706 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 802 845, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 730 731 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 72 114;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni fil-15 ta' Diċembru 2020, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-27 ta' April 2021 u l-Parlament ġie nnotifikat fl-istess ġurnata;
3. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;
4. Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur industrijali Ġermaniż; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Ġermanja tistenna li 476 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha, li minnhom 455 huma rġiel u 21 huma nisa, il-biċċa l-kbira minnhom f'età bejn 30 u 54 sena, se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);
5. Jissottolinja li dawk is-sensji huma mistennija jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, peress li seħħew f'kuntest ta' livell għoli ta' qgħad (10,7 % f'Settembru 2020) fiż-żona tar-Ruhr minħabba sfidi strutturali sa mis-snin 60 u l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19;
6. Jirrimarka li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja qegħdin fit-tieni nofs tal-karriera professjonali tagħhom, għandhom livell baxx ta' kwalifiki formali, u f'ħafna każijiet għandhom għarfien dgħajjef tal-lingwa Ġermaniża; jissottolinja wkoll li, kif spjegat fl-applikazzjoni, għadd kbir ta' benefiċjarji huma rġiel li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni u li s-suċċess fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jista' jkun aġevolat minn membri oħra tal-familji tagħhom, li spiss ikollhom għarfien ħafna aħjar tal-Ġermaniż mill-ex impjegati;
7. Jissottolinja u jilqa' pożittivament l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' pari li jqisu s-sitwazzjonijiet personali tal-ex ħaddiema affettwati; jenfasizza l-ħtieġa li l-ex impjegati, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġati mill-miżuri inklużi f'dan il-proġett tal-FEG;
8. Iqis li hija responsabbiltà soċjali tal-Unjoni li tipprovdi lil dawn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja, il-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ekoloġika u ġusta tal-industrija tal-Unjoni f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li dawn kienu jaħdmu f'settur b'intensità għolja ta' karbonju; jilqa' pożittivament, għalhekk, is-servizzi personalizzati fornuti minn dan il-FEG lill-ħaddiema, li jinkludu miżuri ta' titjib tal-ħiliet u korsijiet tal-Ġermaniż, workshops, orjentazzjoni vokazzjonali, konsulenza dwar l-impjiegi, kif ukoll allowances tat-taħriġ u servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, biex iż-żona, u s-suq tax-xogħol ġenerali, isiru aktar sostenibbli u reżiljenti fil-futur;
9. Jinnota li l-Ġermanja bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Awwissu 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Awwissu 2020 sal-15 ta' Diċembru 2022;
10. Jinnota li l-Ġermanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Novembru 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Novembru 2020 sal-15 ta' Ġunju 2023;
11. Jilqa' favorevolment il-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Ġermanja f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, u li twaqqaf kumitat ta' monitoraġġ li jinkludi rappreżentanti tal-Ministeru tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, il-kumpanija ta' trasferiment, rappreżentanti tas-sħab soċjali, rappreżentanti tat-trade union IG Metall, il-likwidaturi tal-intrapriża li tat is-sensji u s-sussidjarji tagħha, kif ukoll rappreżentanti tal-kunsilli tax-xogħlijiet, biex imexxi l-intervent kofinanzjat mill-FEG; jissottolinja li s-sħab soċjali tal-intrapriżi kkonċernati diġà kkooperaw fix-xhur u s-snin qabel il-mobilizzazzjoni tal-FEG biex itejbu l-kundizzjonijiet u s-sitwazzjoni diffiċli mill-aspett ekonomiku, li kienu jinkludu wkoll konċessjonijiet salarjali sinifikanti min-naħa tal-ħaddiema;
12. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli qed jikkomplementaw mingħajr ma jissostitwixxu l-miżuri offruti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) permezz tal-Programm Operattiv tal-FSE għan-Nordrhein-Westfalen;
13. Itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tissostitwixxi azzjonijiet li huma responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew bis-saħħa ta' ftehimiet kollettivi;
14. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Is-sussidjarja Dieckerhoff Guss GmbH f'Gevelsberg, u s-sussidjarja Walter Hundhausen GmbH (kif ukoll is-sede prinċipali ta' GMH Guss GmbH) fi Schwerte.
Riċerka ta' Deutsche Bank (2020): Automobilindustrie – Produktion in China überflügelt heimische Fertigung; Eurofound (2016): ERM report 2016: Globalisation slowdown? Recent evidence of offshoring and reshoring in Europe; Eurofound (2020): ERM report 2020: Restructuring across borders. Imkejjel f'tunnellaġġ gross ikkumpensat (cgt – compensated gross tonnage).