Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport (COM(2021)0212 – C9-0159/2021 – 2021/0109(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0212 – C9-0159/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament tal-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), (il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0188/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta' appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom ikunu ħadmu;
B. billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2020/005 BE/Swissport għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 468 sensja(4) fil-kumpanija Swissport Belgium, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mid-9 ta' Ġunju 2020 sad-9 ta' Ottubru 2020;
C. billi fis-27 ta' April 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 1 468 benefiċjarju fil-mira;
D. billi l-applikazzjoni hija relatata ma' 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Swissport Belgium;
E. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;
F. billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika globali li ġiet warajha kkawżaw xokk enormi għall-industrija tal-ivvjaġġar fil-Belġju, speċjalment għall-operaturi tal-ajru u l-intrapriżi li joperaw fl-Ajruport ta' Brussell, fejn fl-ewwel ġimgħa tal-lockdown (16-22 ta' Marzu 2020), l-għadd ta' titjiriet naqas bi 58 % meta mqabbel ma' Jannar 2020, u l-movimenti tal-ajruplani tal-passiġġieri fl-ajruport waqfu kważi kompletament matul il-ġimgħat ta' wara;
G. billi fl-2020, it-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri naqas b'mod kumplessiv b'60 % meta mqabbel mal-2019 (minn 4,5 biljun passiġġier għal 1,8 biljun) u 50 % ta' inġenji tal-ajru globali tqiegħdu għall-ħżin; billi Swissport Belgium, wieħed miż-żewġ ground handlers tal-Ajruport ta' Brussell, kien responsabbli għal 60 % tas-servizzi fuq l-art u ta' tindif fl-ajruport;
H. billi fid-9 ta' Ġunju 2020, wara ġimgħat sħaħ fejn is-servizzi fuq l-art kienu kważi ineżistenti fl-Ajruport ta' Brussell, Swissport Belgium ġiet iddikjarata falluta minħabba nuqqas ta' likwidità, li rriżulta fis-sensji kkonċernati ;
I. billi Swissport Belgium kienet qed timplimenta b'suċċess pjan ta' rkupru qabel ma faqqgħet il-pandemija, kienet qed tipprevedi tnaqqis ta' 37 % fit-telf għall-2020 meta mqabbel mal-2019, u ġiet iddikjarata falluta fid-9 ta' Ġunju 2020 mill-Qorti ta' Brussell;
J. billi minħabba l-inċertezza kbira dwar l-irkupru fuq terminu qasir tas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, l-ebda intrapriża ma wriet interess li tieħu f'idejha l-attivitajiet ta' handling ta' Swissport Belgium;
K. billi hemm riskju reali li jista' jkun hemm aktar fallimenti fost il-fornituri tal-ground handling matul l-2021;
L. billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(5), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
M. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza(6);
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 719 224 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 6 198 708, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 5 977 108 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 221 600;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2020 u wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-27 ta' April 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;
3. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;
4. Jinnota li l-applikazzjoni hija relatata b'kollox ma' 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Swissport Belgium li minnhom 1 086 huma rġiel u 382 huma nisa; jilqa' l-fatt li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;
5. Ifakkar li l-għeluq f'daqqa ta' ċerti setturi ewlenin fil-Belġju (il-forniment tal-ikel, it-turiżmu, il-kultura, eċċ.) wassal biex il-qgħad fi Brussell laħaq il-15 % fit-tielet trimestru tal-2020(7), u li proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol preċedenti ta' Swissport Belgium huwa magħmul minn gruppi żvantaġġjati, peress li dawn fil-biċċa l-kbira huma ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u b'ħiliet medji u madwar terz (32,5 %) għandhom aktar minn 50 sena;
6. Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjegati kollha, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f'din il-mobilizzazzjoni tal-FEG;
7. Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fid-9 ta' Ġunju 2020, u għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mid-9 ta' Ġunju 2020 sat-22 ta' Diċembru 2022;
8. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: informazzjoni, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u gwida vokazzjonali, taħriġ, appoġġ u kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju, kif ukoll inċentivi u allowances, u jilqa' l-fatt li l-ħaddiema tal-ġeneru li huwa sottorappreżentat jagħżlu taħriġ vokazzjonali għal impjiegi li l-ġeneri tagħhom huma żbilanċjati(8) b'mod sinifikanti se jirċievu bonus addizzjonali ta' EUR 700; itenni l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneru bħala karatteristika importanti tal-baġit tal-Unjoni, u jqis li din għandha tiġi promossa fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;
9. Jinnota li l-Belġju beda jġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex jimplimenta l-FEG fl-10 ta' Ġunju 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-10 ta' Ġunju 2020 sat-22 ta' Ġunju 2023;
10. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Belġju f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u s-sħab soċjali kif ukoll ma' ċentru tal-impjiegi speċjalizzat fis-settur tal-avjazzjoni;
11. Jisħaq li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li l-prinċipji tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;
12. Ifakkar li l-appoġġ finanzjarju permezz tal-FEG għandu jingħata malajr u b'mod effettiv kemm jista' jkun possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li l-perjodu ta' valutazzjoni tal-applikazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni jitqassar kemm jista' jkun;
13. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;
14. Jinnota ż-żieda reċenti fl-għadd ta' applikazzjonijiet għal assistenza finanzjarja permezz tal-FEG; jesprimi tħassib dwar l-impatt persistenti tal-kriżi ekonomika globali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impjiegi u s-suffiċjenza tal-FEG biex iwieġeb għall-ħtiġijiet futuri kollha;
15. Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG qed ikompli juri solidarjetà fil-perjodu 2021-2027 filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ;
16. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.