Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/0116(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0186/2021

Testi mressqa :

A9-0186/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0268

Testi adottati
PDF 157kWORD 52k
It-Tlieta, 8 ta' Ġunju 2021 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair - Finlandja
P9_TA(2021)0268A9-0186/2021
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair (COM(2021)0227 – C9-0162/2021 – 2021/0116(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0227 – C9-0162/2021),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament tal-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), (il-"FII tas-16 ta' Diċembru 2020"), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0186/2021),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta' appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom dawn ikunu ħadmu;

B.  billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 508 sensji(4) fil-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed(5) fir-reġjun ta' livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (FI1B) fil-Finlandja, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-25 ta' Awwissu 2020 sal-25 ta' Diċembru 2020;

C.  billi fis-6 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG sabiex tappoġġja r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 500 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat fl-ambitu ta' NACE Reviżjoni 2, jiġifieri d-Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru).

D.  billi l-applikazzjoni tirrigwarda 504 ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Finnair Oyj u erba' li ngħataw is-sensja minn sottokuntrattur wieħed fil-Finlandja;

E.  billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;

F.  billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 iġġenerat kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-assistenza tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

G.  billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi fl-industrija tal-avjazzjoni minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u dan wassal biex it-traffiku internazzjonali tal-ajru naqas bi 98,9 % f'April 2020 meta mqabbel ma' April 2019(6), u d-dħul għal kull kilometru tal-passiġġieri għall-industrija kollha naqas b'86,5 % f'Ġunju 2020 meta mqabbel ma' Ġunju 2019(7);

H.  billi d-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019; billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;

I.  billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara li l-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(8), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

J.  billi qabel ma bdiet il-pandemija, Finnair kellha riżultati finanzjarji sodi, fejn rat in-numru ta' passiġġieri jiżdied b'10,3 % fl-2019 u d-dħul tagħha jiżdied b'9,2 % fl-2019, biex jilħaq it-EUR 3 097 miljun, meta mqabbel ma' EUR 2 836 miljun fl-2018;

K.  billi r-restrizzjonijiet stabbiliti kemm fil-Finlandja kif ukoll f'pajjiżi oħra affettwaw ħafna l-operazzjonijiet ta' Finnair, b'mod partikolari fir-rigward tat-titjiriet internazzjonali u interkontinentali; billi t-traffiku tal-ajru huwa mezz importanti ta' trasport li jgħaqqad żoni remoti, bħall-Finlandja, mal-bqija tad-dinja;

L.  billi l-ajruport ta' Ħelsinki huwa ċentru ewlieni tal-ivvjaġġar bl-ajru u Finnair hija trasportatur ewlieni bejn l-Ewropa u l-Asja, u, f'Jannar 2020, il-volumi ta' passiġġieri lejn iċ-Ċina żdiedu bi 58 % meta mqabbla ma' Jannar 2019; billi fi Frar 2020, il-volumi ta' passiġġieri naqsu drastikament bi 73 % minħabba s-sitwazzjoni tal-epidemija;

M.  billi l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati minn Finnair naqas b'76,2 % u d-dħul tagħha naqas bi 73,2 % fl-2020 meta mqabbel mal-2019, li wassal lill-kumpanija biex takkumula telf operattiv ta' EUR 464,5 miljun fl-2020(9); billi, b'reazzjoni għal dan, Finnair kellha tnaqqas l-ispejjeż tagħha sabiex tindirizza din il-kriżi u sar iffrankar fil-proprjetà immobbli, fil-kiri tal-inġenji tal-ajru, fl-IT (id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tal-klijenti tagħha), fl-ispejjeż tal-bejgħ u d-distribuzzjoni, kif ukoll fl-ispejjeż amministrattivi u fl-istrutturi ta' kumpens; billi dan wassal għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol ta'700 impjieg(10) u kważi l-forza tax-xogħol kollha tqiegħdet assenti bil-permess għal parti mis-sena, u din l-assenza bil-permess kompliet għaddejja fl-2021 għal sehem kbir tal-forza tax-xogħol;

N.  billi l-mira fit-tul ta' Finnair hija li sal-2045 tkun kisbet in-newtralità karbonika, bi tnaqqis ta' 50 % fl-emissjonijiet netti sal-aħħar tal-2025 meta mqabbla mal-livell tal-2019(11), u skont il-kumpanija, Finnair kompliet tagħmel progress fl-isforzi ta' sostenibbiltà anki matul il-pandemija b'investimenti f'bijofjuwils sostenibbli;

O.  billi l-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija Finlandiża huwa wieħed sinifikanti, u jirrappreżenta 3,2 % tal-PDG totali(12), u s-sensji fl-akbar linja tal-ajru tal-pajjiż, Finnair, għandhom impatt serju fuq ir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa u fuq l-ekonomija nazzjonali;

P.  billi 42 000 persuna (23 000 impjieg dirett u 19 000 impjieg indirett) kienu impjegati fis-settur tal-avjazzjoni fil-Finlandja fl-2020 u dawn is-sensji se jkollhom impatt serju fuq l-ekonomija nazzjonali; billi l-għadd ta' persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg fir-reġjun ta' Ħelsinki-Uusimaa fejn huma kkonċernati s-sensji żdied b'0,8 punti perċentwali, minn 6,4 % fl-2019 għal 7,2 % fl-2020;

Q.  billi minħabba ż-żieda fil-qgħad li rriżultat mill-kriżi, l-impjieg mill-ġdid ta' dawk li kienu ħaddiema ta' Finnair jista' joħloq sfida;

R.  billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza(13);

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati, u li l-Finlandja għandha l-jedd għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 752 360 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 920 600, liema spiża tinkludi n-nefqa għas-servizzi personalizzati ta' EUR 2 730 600 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar ta' EUR 190 000;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fit-30 ta' Diċembru 2020, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Mejju 2021 u nnotifikat lill-Parlament biha fl-istess jum; jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni damet daqshekk żmien fiċ-ċirkostanzi kurrenti;

3.  Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;

4.  Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 508 ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed; jinnota barra minn hekk li l-Finlandja tistenna li 500 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);

5.  Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji mistennija jkunu konsiderevoli għall-ħaddiema fir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa, fejn Finnair għandha ċ-ċentru operazzjonali tagħha, u fejn l-għadd ta' persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg żdied bi 22,5 % bejn Frar u April 2020, u b'0,8 punti perċentwali bejn l-2019 u l-2020(14), biex wassal għal prospetti diffiċli f'dak li hu l-impjieg mill-ġdid tal-ħaddiema mogħtija s-sensja; jinnota pożittivament għalhekk li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jistgħu jibbenefikaw minn gwida u appoġġ personalizzati għat-tfittxija ta' impjieg, flimkien ma' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid imfassla apposta biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta' impjieg mill-ġdid;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjegati kollha, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f'dan il-proġett tal-FEG;

7.  Jindika li 44 % tal-persuni eliġibbli huma nisa u li minnhom l-aktar grupp ta' età affettwat huwa dak ta' bejn it-30 u l-54 sena; jinnota li t-tieni l-akbar grupp ta' età huwa dak ta' 55-64 sena (28,20 %), li jista' jħabbat wiċċu ma' sfidi addizzjonali fir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

8.  Jinnota li l-Finlandja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-21 ta' Ottubru 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-21 ta' Ottubru 2020 sat-30 ta' Diċembru 2022;

9.  Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: coaching u miżuri oħra ta' tħejjija, servizzi ta' impjieg u negozju, taħriġ, sussidji għall-pagi, għotja biex jinbeda negozju u benefiċċji għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u t-tneħħija; jilqa' l-għoti ta' taħriġ għal kwalifiki vokazzjonali lill-benefiċjarji, inklużi korsijiet bħal fl-intelliġenza artifiċjali (IA), is-sigurtà diġitali u r-robotika; jilqa' wkoll l-użu tas-sussidju għall-pagi mill-Finlandja biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi tal-benefiċjarji kif ukoll l-għotjiet biex jinbeda negozju biex jiġi promoss il-ħolqien ta' attività ta' negozju iżda jfakkar li dan l-appoġġ għandu jkun soġġett għall-parteċipazzjoni attiva ta' dawn il-benefiċjarji f'attivitajiet ta' tfittxija ta' xogħol jew ta' taħriġ;

10.  Jinnota li l-Finlandja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fil-21 ta' Ottubru 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-21 ta' Ottubru 2020 sat-30 ta' Ġunju 2023;

11.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Finlandja f'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma; jenfasizza li l-attivitajiet ta' tħejjija inkludew laqgħat mar-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent u l-Uffiċċji għall-Impjieg u l-Iżvilupp Ekonomiku ta' Uusimaa, Finnair u Trade Unions, jiġifieri Ilmailualan Unioni (IAU), Finnairin insinöörit ja ylemmät toimihenkilöt (FINTO), Auto ja Kuljetusalan Työntekijäliitto ry (AKT) u Trade Union Pro;

12.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jibbenefikawx minn għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

13.  Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

14.  Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG qed ikompli juri solidarjetà fil-perjodu 2021-2027 filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ;

15.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(4) Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.
(5) Hub Logistics Finland Oy li jinsab fir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa.
(6) ATAG. 2020 Aviation Benefits Beyond Borders Report (Rapport tal-2020 dwar il-Benefiċċji tal-Avjazzjoni Lil Hinn mill-Fruntieri): https://aviationbenefits.org/media/167186/abbb2020_full.pdf
(7) IATA: Air Passenger Market Analysis (IATA, Analiżi tas-Suq tal-Passiġġieri tal-Ajru), Ġunju 2020: https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/air-passenger-monthly-analysis---june-20202/
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0141.
(9) https://company.finnair.com/en/media/all-releases/news?id=3801600
(10) News | Finnair
(11) News | Finnair
(12) Air Transport Action Group (ATAG), Aviation Benefits Beyond Borders (Il-Benefiċċji tal-Avjazzjoni Lil Hinn mill-Fruntieri): https://aviationbenefits.org/downloads/aviation-benefits-beyond-borders-2020/
(13) COM(2020)0442.
(14) Il-bażi tad-data statistika tal-Finlandja https://pxnet2.stat.fi/PXWeb/pxweb/en/StatFin/


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1023.)

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza