Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2273(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0179/2021

Testi mressqa :

A9-0179/2021

Dibattiti :

PV 07/06/2021 - 21
CRE 07/06/2021 - 21

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2021 - 19
PV 09/06/2021 - 3

Testi adottati :

P9_TA(2021)0277

Testi adottati
PDF 315kWORD 114k
L-Erbgħa, 9 ta' Ġunju 2021 - Strasburgu
Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna
P9_TA(2021)0277A9-0179/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna (2020/2273(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-istess suġġett(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 dwar l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2016 dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi (COM(2016)0087),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2015 dwar ir-Rieżami ta' Nofs il-Mandat tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 (COM(2015)0478),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja (COM(2019)0352) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja(2);

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(3) u l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar Programm Ġenerali ġdid ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (COM(2020)0652),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) tal-31 ta' Mejju 2019 dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u l-15-il laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet tagħha (COP15),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-5 Perspettiva Globali dwar il-Bijodiversità tas-Segretarjat tal-KDB tal-15 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), b'mod partikolari r-Rapport Speċjali tal-24 ta' Settembru 2019 dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel, ir-Rapport Speċjali tat-8 ta' Awwissu 2019 dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Art, u r-Rapport Speċjali tat-8 ta' Ottubru 2018 dwar it-Tisħin Globali ta' 1.5 °C,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed mit-Tniġġis, il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tal-24 ta' Jannar 2018 u tal-15 ta' Lulju 2020 dwar l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mat-tgawdija ta' ambjent sikur, nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Wegħda tal-Mexxejja tan-NU għan-Natura tat-28 ta' Settembru 2020 bit-titolu "United to Reverse Biodiversity Loss by 2030 for Sustainable Development" (Magħqudin biex inreġġgħu lura t-Telfien ta' Bijodiversità sal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "The European environment – state and outlook 2020: Knowledge for transition to a sustainable Europe" (L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020: Għarfien għat-tranżizzjoni għal Ewropa sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-EEA tad-19 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018" (L-istat tan-natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Perspettiva Globali tal-2019 dwar ir-Riżorsi mill-Panel Internazzjonali tar-Riżorsi tal-Programm tan-NU għall-Ambjent,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Workshop tal-IPBES tad-29 ta' Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) dwar il-Qagħda tas-Sajd u tal-Akkwakultura fid-Dinja,

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar ix-Xjenza għall-Politika tat-13 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Mapping and Assessment of Ecosystems and their Services: An EU ecosystem assessment" (L-Immappjar u l-Valutazzjoni tal-Ekosistemi u s-Servizzi tagħhom: Valutazzjoni tal-ekosistema tal-UE),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tal-5 ta' Frar 2020 bit-titolu "L-użu sostenibbli ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: progress limitat fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji", tal-5 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis", tad-9 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi fl-UE – l-inizjattivi tal-Kummissjoni ma tawx ir-riżultati mixtieqa", u tas-26 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita",

–  wara li kkunsidra l-briefing tal-EEA tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Management effectiveness in the EU's Natura 2000 network of protected areas" (L-effettività tal-ġestjoni fin-network taż-żoni protetti ta' Natura 2000 tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-briefing tal-EEA tal-11 ta' Jannar 2021 bit-titolu "Growth without economic growth" (Tkabbir mingħajr tkabbir ekonomiku),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi Ad Hoc tal-KDB dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-15 ta' April 2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar ir-rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016(10) u tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022(13),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, u l-Kumitat għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0179/2021),

A.  billi l-Parlament Ewropew iddikjara emerġenza klimatika u ambjentali u impenja ruħu li jieħu b'mod urġenti l-azzjoni konkreta meħtieġa biex tiġi miġġielda u mrażżna din it-theddida qabel ma jkun tard wisq(14); billi t-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima huma interkonnessi u jaggravaw lil xulxin(15), filwaqt li jirrappreżentaw theddid ugwali għall-ħajja fuq il-pjaneta tagħna, u bħala tali, għandhom jiġu indirizzati flimkien b'mod urġenti;

B.  billi n-natura sejra għall-agħar b'rata u bi skala mingħajr preċedent fl-istorja tal-bniedem; billi fuq livell globali miljun speċi huma stmati li huma f'riskju ta' estinzjoni(16); billi 23 % tal-ispeċijiet u 16 % tal-ħabitats biss fl-ambitu tad-direttivi tal-UE dwar in-natura għandhom status favorevoli(17);

C.  billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u l-ftehim internazzjonali li jmiss skont il-KDB għandhom l-għan li jistabbilixxu l-oqfsa tal-UE u dawk globali dwar il-bijodiversità sal-2030;

D.  billi l-2021 se tkun sena deċiżiva għall-bijodiversità u billi l-COP15 għandu jkun il-mument tal-Ftehim ta' Pariġi għall-bijodiversità; billi l-COP15 u l-COP26 tal-UNFCCC jipprovdu opportunità unika biex issir bidla minn mudell reattiv għal wieħed proattiv u ta' prekawzjoni u biex isiru l-bidliet trasformattivi meħtieġa;

E.  billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, flimkien ma' politiki oħra, se jsawru l-bidla biex tiġi protetta n-natura u jiġu kkonservati l-ħabitats u l-ispeċijiet;

F.  billi l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li mhux tard wisq biex jitwaqqfu u jitreġġgħu lura x-xejriet attwali fit-tnaqqis tal-bijodiversità(18); billi dan se jirrikjedi bidliet sostanzjali;

G.  billi l-bnedmin huma parti min-natura u billi n-natura għandha valur intrinsiku; billi l-bijodiversità hija parti integrali mill-wirt dinji;

H.  billi l-estinzjoni tal-ispeċijiet hija permanenti, thedded l-ekosistemi u l-provvista ta' servizzi tal-ekosistema, u toħloq theddida għall-benesseri u s-sopravivenza tal-bnedmin; billi l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) iddikjarat li ġew estinti 160 speċi matul l-aħħar għaxar snin biss;

I.  billi skont l-IPBES, 90 % tal-art mistennija tinbidel b'mod sinifikanti sal-2050 u 75 % tal-art diġà nbidlet b'mod sinifikanti; billi 85 % tal-artijiet mistagħdra diġà ntilfu;

J.  billi l-bijodiversità hija kruċjali għas-sigurtà tal-ikel, il-benessri tal-bniedem u l-iżvilupp madwar id-dinja;

K.  billi l-UE jeħtiġilha taħtaf l-opportunitajiet biex tinkorpora t-tagħlimiet li ħadet mill-pandemija tal-COVID-19 fil-politiki u l-objettivi tagħha;

L.  billi 70 % tal-mard u l-pandemiji emerġenti joriġinaw mill-annimali(19); billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-prattiki li jpoġġu l-bijodiversità taħt pressjoni jistgħu jwasslu għal riskji akbar għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

M.  billi l-qerda ta' ħabitats naturali u l-kummerċ ta' organiżmi selvaġġi jżidu l-kuntatt bejn il-bnedmin u l-organiżmi selvaġġi u se jkunu fattur importanti fit-tfaqqigħ u t-tixrid ta' mard virali fil-ġejjieni(20);

N.  billi l-bijodiversità tagħti kontribut pożittiv għas-saħħa tal-bniedem; billi sa 80 % tal-mediċini użati mill-bnedmin joriġinaw min-natura(21);

O.  billi l-UE għandha aktar żoni protetti minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja(22); billi n-network attwali taż-żoni protetti legalment, fosthom dawk bi protezzjoni stretta, mhux biżżejjed biex iħares il-bijodiversità(23);

P.  billi l-UE għadha qed tiffaċċja diskrepanzi kbar fl-implimentazzjoni fir-rigward tal-ġestjoni effettiva tan-network ta' Natura 2000;

Q.  billi n-network Natura 2000 jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet, iżda bosta speċijiet mhedda mhumiex protetti minn dan in-network(24);

R.  billi ġie stmat li n-network Natura 2000 jappoġġja 52 000 impjieg dirett u indirett fil-ġestjoni tal-konservazzjoni, u billi 3.1 miljun (kwart) tal-impjiegi fil-qasam tat-turiżmu huma marbuta ma' żoni protetti(25); billi l-espansjoni taż-żoni protetti hija maħsuba biex tissalvagwardja l-bijodiversità, iżda tikkontribwixxi wkoll għall-mitigazzjoni u tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u tiġġenera redditi sostanzjali permezz tal-investiment u l-ħolqien ta' impjiegi;

S.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri enfasizzat nuqqasijiet serji fil-politiki tal-UE dwar il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità, inklużi iżda mhux limitati għal miżuri inadegwati biex tiġi protetta jew irrestawrata l-bijodiversità, nuqqas ta' implimentazzjoni u finanzjament, u indikaturi inadegwati biex jitkejjel il-progress(26); billi l-politiki futuri tal-UE għandhom jirrimedjaw u jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet;

T.  billi madwar 75 % tal-għelejjel fid-dinja jiddependu mill-insetti dakkara(27) u billi n-numri ta' dakkara naqsu b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar deċennji; billi l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-konservazzjoni tal-insetti huma marbuta b'mod inseparabbli;

U.  billi d-dokument ta' gwida dwar in-naħal tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ma ġiex adottat formalment u r-rieżami tiegħu ma ġiex iffinalizzat b'suċċess;

V.  billi l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara fit-18 ta' Diċembru 2019(28), li tikkonferma l-pożizzjoni b'saħħitha tiegħu dwar l-importanza tal-protezzjoni tad-dakkara;

W.  billi l-qafas u l-azzjonijiet tal-Inizjattiva attwali tal-UE dwar id-Dakkara jirrikjedu infurzar u integrazzjoni fil-politiki settorjali kollha tal-UE;

X.  billi l-monitoraġġ, ir-riċerka u attivitajiet oħra relatati mal-protezzjoni tal-insetti huma fframmentati, ta' spiss inadegwati, u mhumiex iffinanzjati biżżejjed jew ma jeżistux fil-livell nazzjonali;

Y.  billi t-telfien tal-bijodiversità huwa marbut ma' attivitajiet ekonomiċi; billi l-attivitajiet ekonomiċi għandhom jirrispettaw il-limiti tad-dinja;

Z.  billi l-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi għandha benefiċċji ekonomiċi diretti u indiretti għall-biċċa l-kbira tas-setturi tal-ekonomija u tirfed il-funzjonament tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna; billi n-negozji kollha jiddependu mis-servizzi tal-ekosistema jew direttament jew indirettament; billi politika mtejba dwar il-bijodiversità b'miżuri effettivi għandha l-potenzjal li ssaħħaħ l-ekonomija u tipprovdi opportunitajiet ta' impjieg;

AA.  billi l-fatturi ewlenin diretti li jwasslu għat-telfien tal-bijodiversità huma l-bidliet fl-użu tal-art u tal-baħar, l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis u l-invażjoni ta' speċijiet aljeni(29); billi flimkien mal-konservazzjoni u r-restawr tan-natura, azzjoni fir-rigward tal-ixprunaturi tat-telfien tal-bijodiversità, speċjalment fis-setturi tal-użu tal-art u t-trasformazzjoni tas-sistema alimentari, huma essenzjali għal strateġija għall-bijodiversità effettiva għal wara l-2020(30);

AB.  billi l-ħamrija hija riżorsa komuni(31) u l-bijodiversità tal-ħamrija hija taħt pressjoni dejjem akbar; billi l-monitoraġġ madwar l-UE tal-bijodiversità tal-ħamrija, inklużi x-xejriet fil-firxa u l-volum tagħha, għandhom jikkomplementaw l-Istħarriġ Qafas Statistiku tal-Użu tal-Art taż-Żona Koperta regolari tal-parametri fiżikokimiċi fit-tul;

AC.  billi l-bijodiversità agrikola tkopri l-komponenti kollha tad-diversità bijoloġika li huma rilevanti għall-ikel u għall-agrikoltura u l-komponenti kollha tad-diversità bijoloġika li jikkostitwixxu ekosistemi agrikoli, imsejħa wkoll agroekosistemi, inklużi l-varjetà u l-varjabbiltà tal-annimali, il-pjanti u l-mikroorganiżmi fil-livell ġenetiku, tal-ispeċijiet u tal-ekosistemi, li huma meħtieġa biex jiġu sostnuti l-funzjonijiet ewlenin tal-agroekosistema, l-istruttura u l-proċessi tagħha;

AD.  billi x-xejriet fit-tul fl-art agrikola, fil-foresti u fil-popolazzjonijiet tal-għasafar komuni u tal-friefet tal-bwar juru li l-UE esperjenzat tnaqqis kbir fil-bijodiversità tal-art agrikola(32); billi dan huwa primarjament minħabba t-telfien, il-frammentazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali, prinċipalment minħabba l-intensifikazzjoni agrikola, il-ġestjoni intensiva tal-foresti, l-abbandun tal-art u l-espansjoni urbana(33);

AE.  billi l-ġestjoni sostenibbli tal-artijiet agrikoli tista' tikkontribwixxi għal funzjonijiet usa' tal-ekosistema, bħall-protezzjoni tal-bijodiversità, is-sekwestru tal-karbonju, iż-żamma tal-kwalità tal-ilma u tal-arja, iż-żamma tal-kontenut ta' tira permezz ta' tnaqqis fl-ilma li jiskula, it-tħallija tal-infiltrar tal-ilma fil-ħamrija u l-kontroll tal-erożjoni;

AF.  billi mill-mammiferi kollha fid-dinja, huwa stmat, abbażi tal-bijomassa, li l-maġġoranza huma bhejjem u perċentwal baxx huma selvaġġi; billi l-livell baxx tad-diversità ġenetika tal-għasafar(34) huwa inkwetanti;

AG.  billi s-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar jistgħu jikkontribwixxu għall-SDGs tan-NU;

AH.  billi studji xjentifiċi qajmu tħassib dwar l-impatti negattivi sinifikanti fit-tul li l-użu ta' ċerti tekniki tas-sajd jista' jkollhom fuq il-bijodiversità tal-oċeani u l-ambjent tal-baħar;

AI.  billi s-sajjieda jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tad-degradazzjoni ambjentali u għall-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar billi jużaw metodi u tekniki sostenibbli;

AJ.  billi d-degradazzjoni tal-ħabitats u t-tfixkil fil-kurituri tal-migrazzjoni, u l-isfruttament żejjed minħabba s-sajd, fost fatturi oħra, wasslu biex xi speċijiet ta' ħut bħall-isturjun spiċċaw fuq l-għatba tal-estinzjoni;

AK.  billi, minkejja xi titjib ivverifikat li sar fis-sostenibbiltà fl-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar f'xi baċiri tal-baħar, għad hemm żoni li jippreżentaw sitwazzjonijiet inkwetanti, b'mod partikolari l-Baħar Mediterran;

AL.  billi l-UE stabbiliiet miri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina; billi għadhom meħtieġa miżuri biex jintlaħaq l-objettiv ta' status ambjentali tajjeb għall-korpi tal-ilma;

AM.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ddikjarat(35) li għalkemm hemm stabbilit qafas għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-azzjonijiet tal-UE ma wasslux għal protezzjoni suffiċjenti tal-ekosistemi u tal-ħabitats, u li ż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) attwali jipprovdu biss protezzjoni limitata;

AN.  billi l-foresti u t-totalità tal-katina tal-valur ibbażata fuq il-foresti huma fundamentali għall-iżvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija ċirkolari peress li jipprovdu impjiegi, jiżguraw il-benessri ekonomiku fiż-żoni rurali u urbani, jipprovdu servizzi ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima, joffru benefiċċji relatati mas-saħħa, iħarsu l-bijodiversità u l-prospetti taż-żoni rurali, insulari u muntanjużi u jiġġieldu d-deżertifikazzjoni;

AO.  billi l-foresti jammontaw għal 43 % tal-erja tal-art tal-UE u fihom 80 % tal-bijodiversità terrestri tagħha(36); billi l-attivitajiet tal-forestrija huma t-tieni l-akbar kategorija ta' pressjoni rrapportata għall-ispeċijiet(37), filwaqt li jaffettwaw b'mod partikolari l-artropodi, il-mammiferi u l-pjanti mhux vaskulari; billi bosta speċijiet li jiddependu mill-foresti huma affettwati b'mod negattiv mit-tneħħija ta' siġar mejta, siġar li qed imutu u siġar antiki(38), it-tnaqqis tal-foresti antiki u ċerti metodi tal-ġestjoni tal-foresti bħat-tqaċċit totali tas-siġar;

AP.  billi fil-foresti hemm aktar minn 75 % tal-bijodiversità terrestri tad-dinja(39); billi l-Parlament għamel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti u l-ekosistemi li l-UE hija responsabbli għalihom(40);

AQ.  billi l-istatus tajjeb tal-ambjent u tal-ekosistemi b'saħħithom huwa essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bl-ekosistemi jkollhom rwol fundamentali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-adattament għalih; billi t-tibdil fil-klima jaffettwa lill-bijodiversità peress li l-parametri tal-klima jiddeterminaw l-aktar il-firxiet tad-distribuzzjoni ġeografika tal-ispeċijiet; billi f'żoni fejn il-klima ma għadhiex aktar xierqa, xi speċijiet ibiddlu l-firxiet ġeografiċi tagħhom u oħrajn isiru estinti fil-livell lokali;

AR.  billi s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema għandhom il-potenzjal li jipprovdu rabta politika b'saħħitha bejn it-tliet konvenzjonijiet ta' Rio, biex it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità jiġu indirizzati b'mod integrat;

AS.  billi skont l-IPBES, it-tniġġis huwa wieħed mill-ħames xprunaturi tat-telfien tal-bijodiversità; billi huwa stmat li teżisti informazzjoni solida dwar madwar 500 sustanza kimika u billi sa April 2019, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi qieset li 450 sustanza qed jiġu regolati b'mod suffiċjenti; billi 10 000 sustanza oħra jitqiesu li għandhom ir-riskji tagħhom ikkaratterizzati b'mod pjuttost tajjeb, filwaqt li informazzjoni limitata dwar ir-riskji hija disponibbli għal madwar 20 000 sustanza; billi għall-maġġoranza, madwar 70 000 sustanza, ftit li xejn hemm informazzjoni dwar il-perikli jew ir-riskji ta' esponiment tagħhom; billi d-diskrepanzi sinifikanti fl-għarfien fir-rigward tal-impatti kollha tas-sustanzi kimiċi fuq il-bijodiversità u l-ambjent jeħtieġ li jiġu eliminati b'mod urġenti;

AT.  billi t-tniġġis tad-dawl ibiddel il-livelli tad-dawl naturali ta' billejl għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti, u b'hekk jaffettwa b'mod negattiv il-bijodiversità billi, pereżempju jiżbilanċja l-attività migratorja, notturna u riproduttiva tal-annimali, u dan iwassal ukoll għat-telf ta' insetti u dakkara, li jiġu attirati b'mod fatali għad-dawl artifiċjali;

AU.  billi skont ir-rapport tal-2020 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka(41), l-ispeċijiet aljeni invażivi (IAS) issa jinsabu fl-ekosistemi kollha u qed jheddu b'mod partikolari l-ekosistemi urbani u l-bwar;

AV.  billi x-xejriet negattivi attwali fil-bijodiversità u l-ekosistemi se jimminaw il-progress mhux biss lejn l-ilħuq tal-miri ambjentali tal-SDG, iżda anke ta' dawk relatati mal-faqar, il-ġuħ, is-saħħa, l-ilma, il-bliet u l-klima; billi, għaldaqstant, it-telf u d-degradazzjoni tal-bijodiversità jridu jitqiesu mhux biss bħala kwistjoni ambjentali iżda anke bħala kwistjoni ekonomika, soċjali, morali u li taffettwa l-iżvilupp;

AW.  billi qrib it-80 % tal-bijodiversità tal-UE tinsab fir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha u fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej(42);

AX.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom relatati mal-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem, flimkien mal-obbligi tagħhom relatati mal-koerenza tal-politiki fl-azzjoni esterna, f'konformità mal-obbligu tagħhom skont il-Karta biex fil-politiki tal-UE jiġu integrati livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, u f'konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli;

AY.  billi l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent tista' twitti t-triq biex jissawwar qafas legali tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità; billi l-għadd ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-ambjent u l-art li sfaw attakkati żdied b'mod konsiderevoli madwar id-dinja f'dawn l-aħħar snin;

AZ.  billi huwa stmat li l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali jiġġestixxu, jużaw, jokkupaw jew huma s-sidien ta' mill-inqas kwart tal-erja globali tal-art; billi d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tirrikonoxxi d-drittijiet kollettivi u individwali tal-popli indiġeni; billi l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali jiżvolġu rwol essenzjali fil-preservazzjoni tal-bijodiversità tad-dinja u billi l-miri globali għall-bijodiversità ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jiġu rikonoxxuti d-drittijiet tagħhom;

BA.  billi kemm il-kummerċ illegali kif ukoll dak legali tal-organiżmi selvaġġi u l-użu tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-bijodiversità, u billi l-qerda ta' ħabitats naturali u l-isfruttament tal-organiżmi selvaġġi jikkontribwixxu sabiex jitfaċċja u jinxtered mard infettiv(43);

BB.  billi skont l-IPBES u l-IPCC, il-bijodiversità tal-baħar tinsab f'periklu serju(44); billi l-EEA wissiet dwar l-istat attwali tad-degradazzjoni tal-ambjent tal-baħar Ewropew u l-ħtieġa li l-ekosistemi tal-baħar tagħna jiġu restawrati malajr billi jiġi indirizzat l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ambjent tal-baħar(45); billi l-hotspots tal-baħar bħall-iskollijiet tal-qroll, il-mangrovji u l-alka tal-qiegħ huma ddegradati b'mod qawwi u huma mhedda mit-tibdil fil-klima u t-tniġġis;

BC.  billi l-oċean huwa wieħed, u l-istatus ambjentali tajjeb tiegħu huwa vitali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tiegħu u l-provvista kontinwa tiegħu ta' servizzi tal-ekosistema bħall-assorbiment tas-CO2 u l-produzzjoni tal-ossiġenu; billi l-mekkaniżmi klimatiċi jiddependu mis-saħħa tal-oċean u l-ekosistemi tal-baħar li bħalissa huma affettwati mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament iżżejjed tal-bijodiversità tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni u l-erożjoni tal-kosta; billi l-IPCC ifakkar li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalihom(46);

BD.  billi 80 % tal-iskart fil-baħar huwa bbażat fuq l-art u billi 150 tunnellata ta' plastik akkumulaw fl-oċeani tagħna(47); billi 80 % tad-drenaġġ urban jintrema fil-baħar; billi fil-wiċċ, il-massa kumulattiva ta' skart li jżomm f'wiċċ l-ilma tirrappreżenta biss 1 % tal-plastiks li jintremew fl-oċean(48);

BE.  billi l-ekonomija blu tirrappreżenta opportunità għall-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet tal-baħar u dawk kostali;

BF.  billi għandhom jiġu mħeġġa inizjattivi konġunti bejn il-persuni, il-muniċipalitajiet, l-assoċjazzjonijiet, in-negozji, l-istituzzjonijiet edukattivi u kwalunkwe parti kkonċernata oħra tas-soċjetà dwar il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità;

BG.  billi l-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġija tirrikjedi kooperazzjoni effettiva fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri, inklużi l-partijiet ikkonċernati kollha;

L-Istatus attwali tal-bijodiversità

1.  Jilqa' l-Istrateġija l-ġdida għall-Bijodiversità tal-UE għall-2030 u l-livell ta' ambizzjoni tagħha;

2.  Jilqa', barra minn hekk, l-ambizzjoni ewlenija li niżguraw li sal-2050 tiġi restawrata kull ekosistema fid-dinja u li din tkun reżiljenti u protetta kif xieraq; jisħaq li għandhom isiru l-isforzi kollha biex jintlaħaq dan l-għan mill-aktar fis possibbli;

3.  Iqis li fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, għandha tiġi żgurata l-konsistenza ma' strateġiji oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħall-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; jirrikonoxxi l-importanza tat-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli: ambjentali, ekonomiku u soċjali; ifakkar li d-dimensjoni ambjentali, inklużi l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi, tirfed iż-żewġ dimensjonijiet l-oħra u hija l-bażi fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u għall-kisba tal-SDGs;

4.  Ifakkar li hemm bżonn urġenti li tissaħħaħ il-viżjoni marittima fl-istrateġiji l-ġodda tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fis-segwitu tal-Patt Ekoloġiku għall-Ewropa, l-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tibbaża kull proposta leġiżlattiva fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiva li tqis l-effetti individwali u kumulattivi, l-impatt fuq is-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tas-setturi rilevanti, fuq is-sigurtà alimentari u l-prezzijiet tal-ikel, u fuq ir-riskju potenzjali li t-telf tal-bijodiversità jiġi spostjat f'pajjiżi li mhumiex fl-UE billi l-produzzjoni lokali tiġi sostitwita bl-importazzjonijiet, kif ukoll l-ispejjeż tal-azzjoni u n-nuqqas ta' azzjoni f'termini ta' impatti immedjati u fit-tul;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, għall-finijiet li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt, tikkomplementa l-unika għodda li tintuża attwalment biex jiġu vvalutati l-aspetti ambjentali b'għodod li jeżaminaw l-impatti relatati mal-bijodiversità, l-użu tar-riżorsi u t-tniġġis;

7.  Jinnota, f'dan ir-rigward, li l-iffukar parallel fuq il-benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-forestrija jista' jgħin biex jiġu żgurati r-reżiljenza u l-kapaċità ta' adattament, kif ukoll biex issir it-tranżizzjoni għal bijoekonomija ċirkolari u jitjieb il-ħarsien tal-bijodiversità; iqis li l-miri u l-implimentazzjoni jeħtieġ li jqisu l-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet speċifiċi ta' kull pajjiż u jirriżultaw f'impatti pożittivi fuq il-foresti u l-kundizzjonijiet tal-forestrija, l-għajxien fiż-żoni rurali u l-bijodiversità tal-foresti fl-UE;

8.  Ifakkar fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-IPBES tal-2019, li jiddikjaraw li fuq livell globali n-natura qed tonqos b'rata li qatt ma kien hemm bħalha fl-istorja tal-bniedem u madwar miljun speċi huma mhedda bl-estinzjoni minn total stmat ta' aktar minn tmien miljun speċi;

9.  Jinnota li din hija t-tielet strateġija għall-bijodiversità li qed tfittex li twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità tal-UE; jiddeplora l-fatt, madankollu, li l-bijodiversità fl-UE qed tkompli tonqos; jesprimi dispjaċir qawwi għall-fatt li l-UE la laħqet l-għanijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità sal-2020 u lanqas il-Miri globali tal-Bijodiversità ta' Aichi;

10.  Jisħaq li l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jeħtieġ li tilħaq bis-sħiħ il-miri tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jieħdu miżuri sostanzjali u addizzjonali dwar il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità sabiex jintlaħqu l-objettivi l-ġodda kollha, li għandhom ikunu definiti b'mod ċar u jkunu jistgħu jitkejlu;

11.  Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 għal darba oħra wriet l-importanza li jiġi applikat b'mod olistiku l-prinċipju ta' "Saħħa Waħda" fit-tfassil tal-politika, li jirrifletti l-fatt li s-saħħa tal-bniedem, l-annimali u l-ambjent huma interkonnessi u li hemm ħtieġa urġenti ta' bidliet trasformattivi fis-soċjetà kollha; jissottolinja r-rwol importanti tal-Kummissjoni fil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-approċċ Saħħa Waħda fl-UE u l-promozzjoni tiegħu fil-fora internazzjonali kollha; jitlob rikunsiderazzjoni u allinjament sħiħ b'mod urġenti tal-politiki attwali tal-UE mal-bidliet meħtieġa;

12.  Jinnota li l-kawżi sottostanti tal-pandemiji jinkludu l-istess bidliet ambjentali globali li jikkawżaw it-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima(49), bħat-tibdil fl-użu tal-art u l-kummerċ u l-konsum legali u illegali tal-organiżmi selvaġġi; jindika li r-riskju ta' pandemiji jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti billi jitnaqqsu l-attivitajiet umani li jikkawżaw it-telfien tal-bijodiversità u li l-ispiża stmata għat-tnaqqis tar-riskju ta' pandemiji hija 100 darba inqas mill-ispiża tar-rispons għalihom(50);

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu bis-sħiħ l-evidenza xjentifika, ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet dwar iż-żoonożi u l-pandemiji, inkluż ir-rapport tal-workshop tal-IPBES dwar it-telfien tal-bijodiversità u l-pandemiji(51), ir-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tas-6 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Preventing the next pandemic – Zoonotic diseases and how to break the chain of transmission" (Il-prevenzjoni tal-pandemija li jmiss – Il-mard żoonotiku u kif nistgħu nwaqqfu l-katina tat-trażmissjoni)(52), u n-nota tal-kunċett tripartitiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), tal-FAO u tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) ta' April 2010 dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet globali biex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa fis-sħubija tal-interfaċċji bejn l-annimali, il-bnedmin u l-ekosistemi, biex jiġu miġġielda r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent(53);

14.  Jilqa' t-tisħiħ previst tal-azzjoni tal-UE kontra l-pandemiji u theddid ieħor għas-saħħa bħala parti mill-Unjoni Ewropea tas-Saħħa(54), inkluż l-istabbiliment ta' pjan tal-UE għall-kriżijiet tas-saħħa u l-pandemiji kif previst fil-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa(55), li għandu jinkludi l-pandemiji b'oriġini żoonotika;

Il-protezzjoni u r-restawr

15.  Jesprimi appoġġ qawwi għall-miri tal-UE tal-protezzjoni effettiva ta' mill-inqas 30 % taż-żoni marittimi u terrestri tal-UE, li jkopru firxa diversa ta' ekosistemi bħall-foresti, l-artijiet mistagħdra, it-torbiera, il-bwar u l-ekosistemi kostali, u tal-protezzjoni stretta ta' mill-inqas 10 % taż-żoni marittimi u terrestri tal-UE, inklużi l-foresti primarji u antiki kollha li fadal, u ekosistemi oħra rikki fil-karbonju; jisħaq li dawn il-miri għandhom ikunu vinkolanti u li jiġu implimentati mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u f'konformità mal-kriterji bbażati fuq ix-xjenza u l-ħtiġijiet tal-bijodiversità, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fid-daqs u fis-sehem taż-żoni naturali f'kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi reġjonali u lokali;

16.  Jisħaq li dawn iż-żoni protetti għandhom joħolqu network ekoloġikament koerenti u rappreżentattiv, li jibni fuq iż-żoni protetti eżistenti; jissottolinja li minbarra ż-żieda taż-żoni protetti, trid tiġi żgurata l-kwalità taż-żoni protetti, inkluż permezz ta' finanzjament suffiċjenti u tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet ċari u effettivi ta' konservazzjoni, ġestjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni adegwati, u l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

17.  Ifakkar li skont ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali mill-IUCN, l-attivitajiet industrijali u l-iżvilupp tal-infrastruttura li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom jiġu pprojbiti fil-kategoriji kollha ta' żoni protetti(56);

18.  Jisħaq li jeħtieġ li tiġi prodotta definizzjoni ċara ta' protezzjoni stretta; jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2020 dwar il-bijodiversità, li fihom jingħad li livell aktar strett ta' protezzjoni jista' jippermetti li ċerti attivitajiet tal-bniedem isiru f'konformità mal-objettivi ta' konservazzjoni taż-żona protetta; iqis li l-attivitajiet tal-bniedem li huma kompatibbli mal-objettivi ta' protezzjoni, jew li saħansitra jikkontribwixxu pożittivament għall-bijodiversità, għandhom ikunu ammissibbli f'żoni bi protezzjoni stretta; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, liema tip ta' attivitajiet umani jistgħu potenzjalment jitqiesu bħala permessi taħt status ta' protezzjoni stretta meta essenzjalment ma jiddisturbawx il-proċessi naturali u jkunu kompatibbli mar-rekwiżiti ekoloġiċi taż-żoni, abbażi ta' valutazzjoni każ b'każ ibbażata fuq l-aħjar xjenza disponibbli;

19.  Jissottolinja li sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, id-degradazzjoni taż-żona tal-baħar u tal-art tal-UE li fadal jeħtieġ li tiġi evitata wkoll; jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġi indirizzat it-telfien tal-bijodiversità barra miż-żoni protetti; jinnota li r-restawr tan-natura u l-ekosistemi f'żoni protetti ma jagħmilx tajjeb għat-telfien kontinwu tal-bijodiversità u d-degradazzjoni kontinwi tal-ekosistemi fi bnadi oħra;

20.  Jissottolinja l-importanza tal-inklużjoni ta' pajjiżi u territorji barranin fl-isforzi ta' konservazzjoni u restawr;

21.  Iqis li huwa importanti li jitqiesu r-reġjuni bijoġeografiċi u li jiġi adottat approċċ ta' gvern sħiħ għaż-żoni protetti li jinvolvi l-evalwazzjoni mill-Istati Membri tal-ħtieġa ta' miżuri ta' appoġġ finanzjarju u ta' kumpens fil-kuntest tad-deżinjazzjoni ta' żoni protetti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sidien tal-art;

22.  Jenfasizza l-importanza tas-siti forestali ta' Natura 2000 fil-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-foresti; jinnota, madankollu, li hemm bżonn ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jiġu mmaniġġjati oqsma bħal dawn u jiġi żgurat l-infurzar;

23.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti b'mod bilanċjat għas-saħħa, ir-reżiljenza għall-klima u l-lonġevità tal-ekosistemi forestali u l-preservazzjoni tar-rwol multifunzjonali tal-foresti, inkluż biex tinżamm il-bijodiversità tal-foresti, kif ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) u jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza l-valur tal-inkorporazzjoni tad-diversità ġenetika f'kunsiderazzjonijiet relatati mat-tħawwil – peress li dan jillimita r-riskju ta' attakki ta' pesti u t-tixrid tal-mard – kif ukoll tal-ispeċijiet lokali/nattivi;

24.  Ifakkar li l-UE għandha l-akbar network ikkoordinat ta' żoni protetti fid-dinja;

25.  Jinnota l-impenn biex jiġi żgurat li ma jsir l-ebda deterjorament fix-xejriet ta' konservazzjoni u l-istatus favorevoli tal-ħabitats u l-ispeċijiet protetti kollha sal-2030 u biex jiġi żgurat li fil-livell tal-Istati Membri mill-inqas 30 % tal-ispeċijiet u l-ħabitats li attwalment ma għandhomx status favorevoli jkunu f'dik il-kategorija jew juru xejra pożittiva b'saħħitha; jemmen, madankollu, li għandu jinkiseb status ta' konservazzjoni favorevoli għall-ispeċijiet u l-ħabitats protetti kollha skont id-Direttivi dwar l-Għasafar(57) u l-Ħabitats(58) malajr kemm jista' jkun; jisħaq li hemm obbligi eżistenti biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm deterjorament tal-ispeċijiet; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, flimkien mal-EEA, linja bażi ċara, biex jiġi żgurat rapportar armonizzat u regolari, u tindirizza n-nuqqasijiet fil-metodoloġija attwali għall-istimi tax-xejriet;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità u l-kompletezza tas-sistemi ta' monitoraġġ tagħhom għan-network Natura 2000, inkluż monitoraġġ tal-effettività tal-ġestjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' korpi ta' ġestjoni speċjalizzati u ta' pjanijiet ta' ġestjoni tas-siti; ifakkar li skont il-briefing tal-EEA(59), l-istandards eżistenti dwar l-effettività tal-ġestjoni mhumiex magħrufa u mifhuma biżżejjed fost il-prattikanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu bini tal-kapaċitajiet aktar immirat u jipprovdu gwida aħjar dwar l-effettività tal-ġestjoni għall-valutazzjoni u t-titjib tal-ġestjoni ta' Natura 2000, inkluż permezz tal-użu ta' standards globali għal evalwazzjonijiet tal-effettività tal-ġestjoni taż-żoni protetti (PAME), bħal-lista Ekoloġika tal-IUCN ta' Żoni Protetti u Kkonservati; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taġġorna l-gwida rigward il-ġestjoni adattiva dwar Natura 2000, li tinvolvi l-kunsiderazzjoni tal-impatti potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq l-ispeċijiet u l-ekosistemi;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-diversità ġenetika tal-ispeċijiet selvaġġi permezz ta' miżuri ta' konservazzjoni adegwati;

28.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Istati Membri ma laħqux l-objettiv għall-2020 ta' status ambjentali tajjeb għall-ibħra marini speċifikat fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-network tal-MPAs permezz ta' konnettività aħjar, ġestjoni mtejba, ippjanar aħjar tal-ispazju, u evalwazzjonijiet u infurzar sistematiċi;

29.  Jesprimi tħassib dwar l-istat tal-ekosistemi u l-ispeċijiet tal-ilma ħelu; jinnota li bejn l-1970 u l-2016, it-tnaqqis fl-Ewropa kien l-aktar serju fid-dinja bi 93 %(60);

30.  Jissottolinja li l-maġġoranza tal-bijodiversità terrestri tinsab fiż-żoni fforestati; jinnota li kien hemm titjib żgħir fl-istatus ta' konservazzjoni għal ftit tipi ta' foresti(61), iżda li l-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet tal-foresti koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura ma turi l-ebda sinjal sinifikanti ta' titjib(62); jisħaq li bejn l-2011 u l-2020, kważi terz tal-foresti tal-UE ġew ivvalutati li għandhom status ta' konservazzjoni ħażin (31 %) u aktar minn nofs ġew ivvalutati li għandhom status ta' konservazzjoni dgħajjef (54 %)(63);

31.  Jenfasizza l-istatus dgħajjef tal-Foresti Ewropej; jisħaq li f'xi reġjuni bijoġeografiċi, 5 % biss tal-ħabitats tal-foresti tal-Anness I għandhom status ta' konservazzjoni favorevoli(64); jissottolinja li l-Istrateġija għall-Bijodiversità tirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda deterjorament fix-xejriet ta' konservazzjoni u fl-istatus tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti kollha; jinnota livelli sinifikanti ta' deterjorament ulterjuri tal-ekosistemi tal-foresti fi status ta' konservazzjoni mhux favorevoli fost il-maġġoranza tar-reġjuni bijoġeografiċi(65);

32.  Jinnota bi tħassib it-telfien sostanzjali ta' speċijiet u ħabitats tal-foresti rrapportat; ifakkar li ħames speċijiet tas-siġar tal-foresti huma estinti fis-selvaġġ, 42 speċi tas-siġar tal-foresti huma f'periklu kritiku u 107 speċijiet tas-siġar tal-foresti huma f'periklu fl-Ewropa;

33.  Iqis li huwa importanti u urġenti li tiġi żgurata protezzjoni stretta tal-foresti primarji u antiki kollha li fadal; jisħaq li l-proforestazzjoni li tippermetti lill-foresti naturali jikbru aktar hija kruċjali biex tiżdied l-erja tal-foresti antiki; jilqa' l-proċessi parteċipatorji li għaddejjin bħalissa għad-definizzjoni, l-immappjar u l-monitoraġġ ta' foresti primarji u antiki;

34.  Jissottolinja li l-foresti, speċjalment il-foresti primarji, huma ta' rilevanza partikolari għall-ħarsien tal-bijodiversità u jappella biex ikunu protetti; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu definizzjoni ta' foresti primordjali, li għandha titħejja mill-Kumitat Permanenti dwar il-Forestrija bħala parti mill-istrateġija futura tal-UE għall-foresti;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali li ssaħħaħ il-protezzjoni kontra l-qtugħ illegali tas-siġar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jarmonizzaw id-data eżistenti, jeliminaw id-diskrepanzi fir-rigward tal-post ta' foresti primarji u antiki, joħolqu bażi tad-data tas-siti potenzjali kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-foresti antiki u primarji b'mod retroattiv fis-sena 2020 u jintroduċu moratorju temporanju fuq il-qtugħ tas-siġar għall-injam tas-siti rispettivi kollha biex tiġi evitata l-qerda tagħhom bi skop u biex jiġi żgurat legalment l-istatus tan-nuqqas ta' intervent ta' siti kkonfermati mingħajr dewmien;

36.  Jilqa' bis-sħiħ l-impenn li titfassal proposta leġiżlattiva li jmiss dwar il-pjan tal-UE għar-restawr tan-natura, li jinkludi miri vinkolanti għar-restawr, u jtenni t-talba tiegħu għal mira ta' restawr ta' mill-inqas 30 % tal-art u l-ibħra tal-UE(66), li għandha tiġi implimentata b'mod sħiħ minn kull Stat Membru fit-territorju kollu tagħhom, fiż-żoni protetti u barra minnhom, abbażi tal-ħtiġijiet tal-bijodiversità u tal-ekosistemi li jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tal-pajjiż; jisħaq li l-miri tar-restawr għandhom jibnu fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u li l-isforzi ta' restawr għandhom jappoġġjaw ir-riġenerazzjoni naturali sa fejn ikun possibbli;

37.  Iqis li minbarra mira ġenerali ta' restawr, il-proposta leġiżlattiva dwar il-pjan tal-UE għar-restawr tan-natura għandha tinkludi miri speċifiċi għall-ekosistemi, għall-ħabitats u għall-ispeċijiet fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri abbażi tal-ekosistemi tagħhom, b'enfasi partikolari fuq l-ekosistemi għall-finijiet doppji tar-restawr tal-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jenfasizza li l-istrument għandu jinkludi foresti, bwar, artijiet mistagħdra, torbiera, dakkara, xmajjar bi fluss liberu, żoni kostali u ekosistemi tal-baħar; jisħaq li wara r-restawr, ma għandha titħalla ssir l-ebda degradazzjoni tal-ekosistema; jemmen li l-progress fir-rigward tal-għanijiet tar-restawr irid jiġi vvalutat regolarment kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE, inkluż permezz tal-użu ta' għanijiet intermedji lejn il-miri tal-2030;

38.  Jissottolinja li għandhom jiġu żviluppati inċentivi pożittivi u proċessi parteċipattivi biex jiżdied l-impenn għar-restawr tal-bijodiversità;

39.  Jenfasizza bis-sħiħ l-importanza li jiġu integrati bis-sħiħ l-objettivi tar-restawr tan-natura tal-UE f'politiki u strateġiji oħra relatati; itenni s-sejħa tiegħu għal miri vinkolanti dwar ir-restawr tal-foresti(67), inkluż biex tiżdied u terġa' tinkiseb il-konnettività bejn il-foresti; jitlob l-inklużjoni fil-pjan għar-restawr tan-natura tar-restawr ta' mill-inqas 25 000 km ta' xmajjar bi fluss liberu fl-UE bit-tneħħija tal-barrieri u r-restawr tal-pjanuri;

40.  Jesprimi dispjaċir kbir għat-tnaqqis tad-dakkara, li huma indikatur ewlieni tas-saħħa tal-ambjent; jisħaq li dan it-tnaqqis ifisser mhux biss telfien tal-bijodiversità iżda wkoll theddida għas-sigurtà tal-ikel; itenni l-pożizzjoni espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara u jitlob reviżjoni urġenti tal-inizjattiva; jissottolinja li l-inizjattiva riveduta għandha tinkludi qafas ġdid ta' monitoraġġ ta' dakkara madwar l-UE b'miżuri robusti, objettivi u indikaturi ċari marbuta maż-żmien, inklużi indikaturi tal-impatt, u l-bini meħtieġ tal-kapaċitajiet;

41.  Ifakkar fl-oġġezzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2019 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel(68)  u jesprimi dispjaċir għall-fatt li d-dokument ta' gwida tal-EFSA dwar in-naħal ma ġiex adottat b'mod formali mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-reviżjoni tad-dokument ta' gwida tal-EFSA dwar in-naħal u tal-atti ta' implimentazzjoni futuri tiżgura bħala minimu livell ugwali ta' protezzjoni għal dak stabbilit fl-2013, li jindirizza kemm it-tossiċità akuta u kronika kif ukoll it-tossiċità tal-larva, u tkopri wkoll id-dakkara selvaġġi; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar trasparenza fil-proċess ta' rieżami; jinnota li l-EFSA qed tfassal is-sistema ta' mmudellar tagħha stess, l-ApisRAM, li hija mistennija li tkun aktar konformi mal-bijoloġija tan-naħal tal-għasel mill-BeeHAVE u inqas miftuħa għal kunflitti ta' interess;

42.  Jenfasizza l-importanza ta' karatteristiċi tal-pajsaġġ b'diversità kbira f'żoni agrikoli għall-kontribut għall-bijodiversità u l-protezzjoni u r-restawr tad-dakkara, kif ukoll ir-rwol ta' dawk li jrabbu n-naħal; jisħaq li anke ż-żieda fl-ispazji ekoloġiċi fiż-żoni urbani tista' tikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet; jistieden lill-Istati Membri jinkludu miżuri mmirati lejn diversi gruppi ta' dakkara fl-abbozzi tal-pjanijiet strateġiċi tagħhom;

L-ixprunaturi tat-telfien tal-bijodiversità

43.  Jissottolinja li l-azzjonijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 iridu jindirizzaw b'mod adegwat il-ħames xprunaturi diretti ewlenin tal-bidla fin-natura: it-tibdil fl-użu tal-art u l-baħar, l-isfruttament dirett tal-organiżmi, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis, u l-IAS; jisħaq li l-kawżi sottostanti tal-bidla, jew il-kawżi indiretti, għandhom jiġu indirizzati wkoll, bħax-xejriet ta' produzzjoni u konsum mhux sostenibbli, id-dinamika tal-popolazzjoni, il-kummerċ, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u l-mudelli ta' governanza;

Bidliet fl-użu tal-art u tal-baħar

44.  Jenfasizza li l-bijodiversità tal-ħamrija tipprovdi servizzi tal-ekosistema vitali u timmitiga t-tibdil fil-klima, u dan jagħmilha wieħed mill-aktar elementi importanti ta' bjar tal-karbonju terrestri; jinnota bi tħassib iż-żieda fid-degradazzjoni tal-ħamrija u n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar dan is-suġġett; jirrikonoxxi l-fatt li hemm xi dispożizzjonijiet f'liġijiet differenti li jikkontribwixxu b'mod indirett għall-protezzjoni tal-ħamrija, iżda jqis li dan irriżulta fi protezzjoni parzjali u governanza fframmentata ħafna fl-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta' qafas komuni, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija u għall-integrazzjoni effettiva ta' dik il-protezzjoni fil-politiki rilevanti kollha tal-UE;

45.  Jisħaq li dan il-qafas komuni dwar il-ħamrija għandu jindirizza t-theddidiet ewlenin kollha għall-ħamrija, inklużi t-telfien tal-bijodiversità tal-ħamrija, it-telfien tal-materja organika tal-ħamrija, il-kontaminazzjoni, is-salinizzazzjoni, l-aċidifikazzjoni, id-deżertifikazzjoni, l-erożjoni u l-issiġillar tal-ħamrija; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi fih definizzjonijiet komuni, miri ċari u qafas ta' monitoraġġ; jappoġġja wkoll l-istabbiliment ta' mira speċifika għad-dekontaminazzjoni;

46.  Jissottolinja li ħamrija f'saħħitha, inklużi l-fertilità u l-istruttura, hija kruċjali għas-settur agrikolu; jindika l-impatt negattiv li l-prattiki mhux sostenibbli tal-biedja u tal-forestrija, it-tibdil fl-użu tal-art, l-attivitajiet tal-kostruzzjoni, l-issiġillar u l-emissjonijiet industrijali, fost l-oħrajn, għandhom fuq il-ħamrija; jisħaq li għandhom jiġu implimentati metodi ta' ħsad tal-foresti u agrikoli li jagħmlu inqas ħsara lill-ħamrija;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina d-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali(69) u d-Direttiva 2006/21/KE(70) dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni sabiex tindirizza aħjar id-degradazzjoni tal-ħamrija kkawżata mill-attivitajiet industrijali u ta' estrazzjoni; ifakkar fit-talba tiegħu ta' mira ta' rkupru tal-materjali għall-ħamrija skavata(71);

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri – abbażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, u filwaqt li jitqiesu r-riskji u l-klima negattiva, l-impatti ambjentali u fuq il-bijodiversità involuti fil-fratturazzjoni idrawlika għall-estrazzjoni ta' idrokarburi mhux konvenzjonali – biex ma jawtorizzaw l-ebda operazzjoni ġdida tal-fratturazzjoni idrawlika fl-UE u biex itemmu l-operazzjonijiet eżistenti kollha;

49.  Ifakkar li l-UE impenjat ruħha li tikseb in-newtralità tad-degradazzjoni tal-art(72) sal-2030 fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), iżda li din il-mira x'aktarx ma tintlaħaqx, skont kif ġie konkluż mir-rapport speċjali tal-QEA(73); jesprimi dispjaċir għall-fatt li minkejja t-theddida li d-deżertifikazzjoni timponi għall-bijodiversità, il-fertilità tal-ħamrija, ir-reżiljenza naturali tal-art, il-produzzjoni tal-ikel u l-kwalità tal-ilma, u minkejja l-fatt li 13-il Stat Membru ddikjaraw huma stess li ġew affettwati mid-deżertifikazzjoni fl-ambitu tal-UNCCD, il-Kummissjoni mhijiex qed tindirizzaha b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkun aktar ambizzjuża u tippreżenta mingħajr dewmien strateġija fil-livell tal-UE dwar id-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art;

50.  Jinnota li fl-UE, l-urbanizzazzjoni u l-attivitajiet ta' rikreazzjoni jammontaw għal 13 % tal-pressjonijiet kollha rrapportati fuq in-natura, u 48 % tal-pressjonijiet marittimi kollha(74); jenfasizza li ż-żoni urbani ekoloġiċi u l-infrastruttura ekoloġika jistgħu jipprovdu servizzi tal-ekosistema biex jappoġġjaw il-bijodiversità u jikkontribwixxu għall-benesseri fiżiku u mentali tal-popolazzjoni;

51.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi pjattaforma tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni urbana; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri vinkolanti ambizzjużi speċifiċi għall-bijodiversità urbana, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema, u l-infrastruttura ekoloġika, li huma ta' benefiċċju kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-organiżmi selvaġġi u jikkontribwixxu għall-miri globali tal-bijodiversità; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri bħal sehem minimu ta' soqfa ekoloġiċi fuq binjiet ġodda, l-appoġġ għall-biedja urbana, inkluż l-użu ta' siġar tal-frott, fejn xieraq, filwaqt li jiġi żgurat li ma tintuża l-ebda pestiċida kimika u jitnaqqas l-użu tal-fertilizzanti fiż-żoni ekoloġiċi urbani tal-UE, u ż-żieda fl-għadd ta' spazji ekoloġiċi skont l-għadd ta' abitanti, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-ispazji ekoloġiċi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu l-kurituri ekoloġiċi terrestri u marini fiż-żoni urbani, inkluż billi jiżviluppaw Network Trans-Ewropew għall-Infrastruttura Ekoloġika (TEN-G) marbut ma' Network Trans-Ewropew tan-Natura (TEN-N);

Sfruttament dirett tal-organiżmi

52.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-miri tal-2030 li jġibu tal-inqas 25 % tal-art agrikola taħt il-ġestjoni ta' azjendi agrikoli organiċi, li għandhom jiżdiedu fuq perjodu ta' żmien medju sa twil; jilqa' b'sodisfazzjon kbir, barra minn hekk, il-mira li jiġi żgurat li tal-inqas 10 % tal-art agrikola tkun tikkonsisti f'karatteristiċi tal-pajsaġġ b'diversità kbira, li għandha tiġi implimentata f'livell xieraq biex tipprovdi konnettività ekoloġika għall-ħabitats madwar u bejn il-pajsaġġi agrikoli; jisħaq li ż-żewġ miri għandhom jiġu inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-UE u implimentati minn kull Stat Membru, anke fil-pjanijiet strateġiċi tal-politika agrikola komuni (PAK);

53.  Jinnota bi tħassib kbir li skont ir-rapport tal-QEA dwar il-bijodiversità agrikola, l-għadd u l-varjetà ta' speċijiet fl-art agrikola fl-UE qed jonqsu fuq bażi kontinwa; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 ma stabbilietx miri u azzjonijiet li jistgħu jitkejlu għall-agrikoltura, u dan għamilha diffiċli li jiġi vvalutat il-progress; ifakkar li t-traċċar tal-infiq tal-PAK għall-bijodiversità s'issa ma kienx affidabbli u li kien hemm nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-politiki u l-istrateġiji tal-UE, b'wieħed mir-riżultati ta' dan ikun li dawn ma jindirizzawx it-tnaqqis fid-diversità ġenetika(75); jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA dwar il-bijodiversità agrikola u tibni fuq it-tagħlimiet meħuda fl-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030(76);

54.  Jisħaq li l-bijodiversità hija kruċjali biex tiġi mħarsa s-sigurtà alimentari fl-UE; jenfasizza r-rwol importanti tas-settur agrikolu tal-UE fil-produzzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa, sikur u affordabbli; jenfasizza li l-bdiewa għandhom rwol ewlieni x'jiżvolġu fis-suċċess ta' din l-istrateġija u li din għandha tkun allinjata mal-miżuri, l-objettivi u l-miri tal-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt";

55.  Iqis li huwa essenzjali li l-agrikoltura tal-UE tiġi ttrasformata biex issir sostenibbli u jiġu żgurati standards għoljin ta' trattament xieraq tal-annimali, f'konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika u klimatika, b'użu minimu ta' inputs fossili u kimiċi u trattamenti antibijotiċi; jisħaq li l-agrikoltura għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità;

56.  Iqis li huwa kruċjali, fid-dawl tal-impatti soċjoekonomiċi potenzjali, li l-bdiewa jingħataw appoġġ, inkluż appoġġ ekonomiku, u taħriġ fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn sistemi agrikoli sostenibbli biex jiġu promossi prattiki agroekoloġiċi u prattiki sostenibbli innovattivi oħra; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiġi żgurat appoġġ finanzjarju definit sew u suffiċjenti, inkluż fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex jgħin sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, u jistieden f'dan ir-rigward lill-Istati Membri jużaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK u l-komponenti ekoloġiċi tagħha għal dawn l-għanijiet filwaqt li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' benefiċċju għal kulħadd għall-protezzjoni tal-bijodiversità;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija biex tappoġġja ktajjen tal-valur lokali biex jintlaħqu l-miri proposti u jisħaq li n-negozji agrikoli fuq skala żgħira jirrikjedu appoġġ speċifiku biex jikkontribwixxu għall-istrateġija;

58.  Jilqa' r-rikonoxximent tal-biedja organika bħala wieħed mill-komponenti b'saħħithom fil-perkors tal-UE lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli, jiġifieri fir-rigward tat-tħassib dwar il-bijodiversità, u fil-kisba tal-objettivi tal-politika pubblika tal-iżvilupp ekonomiku, l-impjiegi rurali, il-protezzjoni ambjentali u l-azzjoni klimatika; jisħaq fuq l-importanza tal-pjan ta' azzjoni Ewropew għall-biedja organika biex jiżdied l-użu tal-biedja organika;

59.  Jissottolinja li l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-ikel organiku jrid ikun akkumpanjat minn żviluppi xprunati mis-suq u mill-ktajjen tal-provvista u miżuri li jistimulaw id-domanda għall-ikel organiku, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku u varjetà wiesgħa ta' miżuri ta' promozzjoni, riċerka, innovazzjoni, taħriġ u trasferiment tal-għarfien xjentifiku, bil-għan li tiġi appoġġjata l-istabbiltà tas-suq tal-prodotti organiċi u r-remunerazzjoni ġusta tal-bdiewa u l-promozzjoni tal-miżuri li jappoġġjaw lill-bdiewa organiċi żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp tal-katina tal-ikel organiku kollha sabiex ikun jista' jsir l-ipproċessar lokali u d-distribuzzjoni tal-prodotti organiċi tal-UE;

60.  Jinnota li l-Istati Membri se jikkontribwixxu b'mod differenti għal dawn il-miri madwar l-Unjoni skont il-livell tal-iżvilupp tas-settur organiku tagħhom u jitlob għalhekk li jiġu ddefiniti miri nazzjonali; jenfasizza li dawn il-miri mhux se jiġu ssodisfati mingħajr appoġġ finanzjarju b'saħħtu, programmi sodi ta' taħriġ u servizzi konsultattivi; jistieden lill-Istati Membri jfasslu l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom kif xieraq, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-Pjanijiet Strateġiċi jistgħu jissodisfaw dan il-kompitu;

61.  Ifakkar fl-importanza li jitħeġġeġ approċċ kollettiv u li jittieħed vantaġġ mill-effett multiplikatur tiegħu sabiex jiġu promossi l-azzjonijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-intrapriżi assoċjati, bħal kooperattivi agroalimentari, fl-implimentazzjoni ta' miżuri għall-protezzjoni tal-bijodiversità b'mod kollettiv;

62.  Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li l-PAK għandu jkollha fil-protezzjoni u fil-promozzjoni tal-bijodiversità agrikola, flimkien ma' politiki oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-PAK ma kinitx effettiva biex treġġa' lura t-tnaqqis fil-bijodiversità li ilu għaddej għexieren ta' snin; ifakkar li l-produttività u r-reżiljenza agrikola jiddependu mill-bijodiversità, li hija essenzjali biex tiġi garantita s-sostenibbiltà u r-reżiljenza fit-tul tas-sistemi tal-ikel u tas-sigurtà tal-ikel tagħna; iqis li l-bidliet żgħar introdotti mid-diversi riformi tal-PAK ma bagħtux sinjal b'saħħtu lill-bdiewa biex jibdlu l-prattiki tagħhom u huwa tal-fehma li hija meħtieġa bidla sinifikanti bbażata fuq l-esperjenza u t-tbassir dwar il-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità;

63.  Itenni li l-PAK għandha tkun konsistenti bis-sħiħ mal-għanijiet akbar tal-UE dwar il-klima u l-bijodiversità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK biex jimplimentaw l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, inkluż dwar l-integrazzjoni ulterjuri ta' approċċi favur il-bijodiversità u agroekoloġiċi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu linji bażi ambizzjużi għas-sostenibbiltà u l-bijodiversità meta jistabbilixxu l-istandards ta' kundizzjonalità u jiżguraw l-iżvilupp ambizzjuż u mgħaġġel tal-miżuri u l-adozzjoni tagħhom, b'mod partikolari tal-iskemi ekoloġiċi u l-miżuri agroambjentali klimatiċi; jisħaq li għandhom jiġu allokati riżorsi finanzjarji adegwati għar-restawr; jistieden lill-Istati Membri jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal dawn l-għanijiet;

64.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw il-miżuri meħtieġa fir-rigward tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ b'diversità kbira, b'mod partikolari fl-ambitu tal-pjanijiet strateġiċi tagħhom tal-PAK, bl-użu pereżempju ta' ringieli ta' sġajriet jew biċċiet art ta' lqugħ, li għandhom jimmiraw ukoll li jippromwovu l-interkonnettività ekoloġika bejn il-ħabitats u l-ħolqien ta' kurituri ekoloġiċi;

65.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas ta' monitoraġġ fil-PAK, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' indikaturi aktar affidabbli biex jitkejlu l-impatti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni indipendenti tal-impatt aggregat mistenni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali ladarba jiġu approvati; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa meta din l-analiżi tqis li mhux isiru biżżejjed sforzi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħal li titlob lill-Istati Membri jemendaw il-pjanijiet strateġiċi tagħhom jew jirrieżaminaw ir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu;

66.  Jissottolinja l-importanza ta' dieti bilanċjati; iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' dieti tajbin għas-saħħa u bilanċjati, filwaqt li jintroduċu miżuri xierqa biex jgħinu lill-bdiewa f'din it-tranżizzjoni, billi jqisu kif xieraq il-ħtieġa li tiġi mħarsa s-sostenibbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli tal-UE;

67.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-produzzjoni agrikola u l-konsum qed jiffukaw dejjem aktar fuq firxa limitata ta' għelejjel, u fi ħdan din il-firxa, għadd limitat ta' varjetajiet u ġenotipi; jissottolinja li t-titjib u l-preservazzjoni tal-varjabbiltà ġenetika permezz ta' mezzi naturali huma kruċjali għall-promozzjoni tad-diversità tal-ekosistemi agrikoli u għall-preservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi lokali, b'mod partikolari bħala repożitorju ta' soluzzjonijiet biex jiġu ffaċċjati l-isfidi ambjentali u klimatiċi; jenfasizza l-importanza tal-użu ta' razez u varjetajiet lokali li huma l-aktar adatti għall-ekosistemi lokali;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-iżvilupp tal-kontabbiltà tal-kapital naturali jistax jillimita u jirrazzjonalizza l-isfruttament tal-ekosistemi u l-impatt fuqhom, u għalhekk jikkontribwixxi għall-waqfien u t-treġġigħ lura tat-telfien tal-bijodiversità; jesprimi riżervi, madankollu, dwar il-fattibbiltà tal-kejl preċiż tal-valur tan-natura f'termini kwantitattivi u jisħaq li n-natura għandha valur intrinsiku; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva internazzjonali potenzjali tal-kontabbiltà tal-kapital naturali;

69.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw il-miżuri meħtieġa fl-ambitu tal-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom tal-PAK biex jippromwovu żoni rikki fil-bijodiversità, inklużi karatteristiċi tal-pajsaġġ, bil-għan li tinkiseb erja ta' mill-inqas 10 % taż-żoni b'diversità għolja li tkun ta' benefiċċju għall-bijodiversità, pereżempju ringieli ta' sġajriet, biċċiet ta' art ta' lqugħ, żoni fejn ma tintuża l-ebda kimika u art temporanjament mistrieħa, kif ukoll art agrikola estensiva ddedikata għall-bijodiversità fuq bażi fit-tul, u l-promozzjoni tal-interkonnettività bejn il-ħabitats u l-ħolqien ta' kurituri kemm jista' jkun ekoloġiċi sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal għall-bijodiversità;

70.  Jinnota li l-produzzjoni tal-fer, li tinvolvi l-konfinament ta' eluf ta' annimali mhux iddomestikati ta' ġenotip simili li jkunu qrib ħafna ta' xulxin f'kundizzjonijiet kronikament stressanti, tista' tikkomprometti b'mod sinifikanti t-trattament xieraq tal-annimali u żżid is-suxxettibbiltà tagħhom għall-mard infettiv inklużi ż-żoonożi, kif seħħ bil-COVID-19 fil-mink;

71.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-impenn tal-UE li tirrispetta bis-sħiħ ir-rendimenti massimi sostenibbli (MSY) sal-2020, objettiv ewlieni tal-politika komuni tas-sajd (PKS), ma ġiex issodisfat; jisħaq li l-popolazzjonijiet kollha tal-ħut għandhom jiġu rrestawrati għal livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu l-MSY filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' prekawzjoni u żgurat li juru età tal-popolazzjoni u distribuzzjoni tad-daqs li jindikaw stokk f'saħħtu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-irkupru sħiħ tal-ħabitats tal-baħar u tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward tal-MSY bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd mingħajr dewmien, biex itejbu s-selettività u s-sopravivenza ta' speċijiet mhux fil-mira, u jitnaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar meta jiġi implimentat dan l-approċċ, inkluż billi jiġu limitati prattiki jew użi li għandhom impatti detrimentali;

72.  Ifakkar ukoll li, skont ir-Regolament il-ġdid dwar il-Miżuri Tekniċi(77), il-Kummissjoni jeħtiġilha tressaq rapport lill-Parlament u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2020, u li f'każijiet fejn ikun hemm evidenza li l-objettivi u l-miri ma jkunux intlaħqu, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-degradazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni billi tippreżenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż biex jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar u jiġu kkonservati r-riżorsi tas-sajd; iqis li l-miżuri kollha, inkluża l-leġiżlazzjoni, għandhom jiġu adottati biex jitnaqqsu l-impatti negattivi potenzjali ta' attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet oħra fuq il-ħabitats tal-baħar;

74.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti żoni għall-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut jew żoni ta' projbizzjoni totali biex il-popolazzjonijiet tal-ħut ikunu jistgħu jirkupraw, inkluż f'żoni ta' tkabbir u ta' riproduzzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu pprojbiti l-attivitajiet kollha tas-sajd u attivitajiet estrattivi oħra fiż-żoni ta' projbizzjoni totali;

75.  Jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv ta' tolleranza żero għas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU); jindika li s-sajd IUU għandu impatt estremament negattiv fuq l-istat tal-istokkijiet, l-ekosistemi tal-baħar, il-bijodiversità u l-kompetittività tas-sajjieda tal-UE; jitlob li jkun hemm konsistenza ikbar bejn il-politiki kummerċjali u l-politiki tas-sajd tal-UE sabiex jiġi żgurat li s-sajd IUU jiġi indirizzat b'mod effettiv;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-kawżi kollha tat-telfien tal-bijodiversità tal-baħar, li jqis il-pressjoni tas-sajd fuq l-istokkijiet, il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, iżda wkoll fatturi oħra bħat-tniġġis, it-tibdil fil-klima, it-tbaħħir u l-użi kostali u ta' qrib ix-xatt, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ekosistema tal-attivitajiet kollha tas-sajd u ta' attivitajiet oħra tal-baħar, filwaqt li titqies il-kapaċità tal-ekosistemi li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u għall-interazzjonijiet bejn il-predatur u l-priża;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' metodi ta' livell ogħla ta' trattament xieraq għall-qbid, il-ħatt u l-qtil tal-ħut abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli;

78.  Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-prattiki tat-trobbija tal-ħut ikunu sostenibbli u bbażati fuq livell għoli ta' trattament xieraq tal-ħut; jemmen li l-produzzjoni tal-akkwakultura għandha tkun ibbażata fuq metodi ta' produzzjoni sostenibbli, bħal metodi estensivi u l-użu tal-alka, il-bivalvi, sistemi ta' trobbija fil-vaski u l-akkwakultura tal-laguni, li jistgħu jipprovdu funzjonijiet u servizzi importanti tal-ekosistema, inkluża ż-żamma tal-ħabitats tal-artijiet mistagħdra, u jnaqqsu l-pressjoni fuq ir-riżorsi u l-bijodiversità, minbarra li għandhom inqas emissjonijiet tal-karbonju u jipprovdu nutriment; jesprimi tħassib dwar il-qbid tal-ħut għall-iskop uniku tat-tmigħ ta' ħut imrobbi karnivoru u jqis li din il-prattika tal-qbid tal-ħut għandha titwaqqaf gradwalment u tiġi sostitwita b'alternattivi sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċeduri amministrattivi relatati mal-akkwakultura jkunu ċari u jkunu jistgħu jiġu implimentati bis-sħiħ; jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-gwida tagħha dwar l-akkwakultura u ż-żoni ta' Natura 2000 jekk ikun meħtieġ;

79.  Jinnota bi tħassib li d-disturb fiżiku mifrux tal-qigħan tal-baħar għadu għaddej fl-ilmijiet tal-UE, b'mod partikolari bħala riżultat tat-tkarkir tal-qiegħ(78), li ġie identifikat mill-FAO bħala t-tip ta' rkaptu li l-aktar jikkontribwixxi għal-livelli annwali ta' rimi u li għandu impatt ta' ħsara kbira fuq qiegħ il-baħar, skont it-tip ta' sajd u l-partikolaritajiet taż-żoni mistada(79); ifakkar li t-tkarkir tal-qiegħ huwa wieħed mill-aktar tipi komuni ta' rkaptu tas-sajd fl-UE(80); ifakkar fir-rekwiżit eżistenti li s-sajd bi rkaptu tal-kuntatt mal-qiegħ 'l isfel minn 400 m jieqaf fiż-żoni fejn huwa magħruf li jeżistu jew fejn x'aktarx jeżistu ekosistemi vulnerabbli tal-baħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-Regolament (UE) 2016/2336(81), inkluż fir-rigward tal-muntanji taħt il-baħar; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, wara l-limitazzjonijiet fil-Mediterran(82), tillimita, fejn meħtieġ sabiex jiġu protetti l-ekosistemi kostali, l-użu tat-tkarkir tal-qiegħ f'żoni kostali oħra, inkluż fil-pjan ta' azzjoni li ġej tagħha għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar, biex jiġu żgurati l-prattiki l-aktar sostenibbli u li jagħmlu l-inqas ħsara;

80.  jisħaq li l-pjanijiet ta' ġestjoni tas-sajd għandhom iqisu r-riżultati tal-istudji xjentifiċi dwar l-impatt tal-prattiki tas-sajd fuq l-ispeċijiet, il-ħabitats, il-bijodiversità tal-oċeani u l-ambjenti tal-baħar, u jikkontribwixxu b'soluzzjonijiet biex jissolvew l-impatti negattivi identifikati, inkluż billi jillimitaw l-użu tagħhom jew billi jintroduċu soluzzjonijiet tekniċi ġodda ta' mitigazzjoni; jisħaq ukoll li l-qabdiet aċċessorji ta' speċijiet sensittivi għandhom jiġu eliminati jew imnaqqsa għal livell li jippermetti l-irkupru sħiħ u li l-ħsara lill-ħabitats f'qiegħ il-baħar għandha tiġi mminimizzata;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi definizzjoni ta' bastimenti tat-tkarkir kbar (super trawlers) u tikkunsidra miżuri li jirrestrinġu l-attivitajiet tagħhom fl-ilmijiet tal-UE, b'mod partikolari l-projbizzjoni tal-attivitajiet tagħhom f'żoni protetti;

82.  Iqis li huwa essenzjali li tiġi stabbilita kooperazzjoni tajba ma' pajjiżi mhux tal-UE, b'mod partikolari l-pajjiżi tal-viċinat, inkluża l-promozzjoni tal-monitoraġġ tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet mhux tal-UE b'mod ekwivalenti sabiex tiġi żgurata ekosistema f'saħħitha fil-ħabitats tal-baħar bejn il-fruntieri;

83.  Ifakkar li l-PKS u r-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd(83) jipprovdu lill-UE qafas regolatorju b'għodod speċifiċi għas-sajd; jesprimi l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà soċjoekonomika għas-sajjieda affettwati mit-tranżizzjoni lejn prattiki ekoloġiċi fl-ekonomija blu, inkluż dwar il-ħtiġijiet ta' taħriġ assoċjati; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal dawn l-għanijiet mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u minn Orizzont Ewropa;

84.  Jitlob lill-Kunsill jagħmel b'mod proattiv id-dokumenti kollha relatati mar-regolamenti adottati dwar il-qabdiet totali permissibbli disponibbli għall-pubbliku, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 640/2019/FP;

85.  Jirrakkomanda li tinġabar b'mod kontinwu data sabiex jiġu evalwati aħjar il-kriterji tas-sostenibbiltà u jiġi evitat li jiġu stabbiliti żoni tas-sajd fejn ikun instab li jeżistu ekosistemi tal-baħar vulnerabbli;

86.  Jinsisti li l-prijorità għaż-żoni protetti trid tkun il-konservazzjoni u r-restawr ambjentali u li l-ebda attività f'dawn l-oqsma ma għandha ddgħajjef dan l-għan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprojbixxu l-attività umana ta' ħsara fl-MPAs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li s-sensittività tal-ispeċijiet u l-ħabitats għal pressjonijiet mill-bniedem fiż-żoni tal-baħar kollha tiġi indirizzata fil-pjanijiet spazjali marittimi nazzjonali;

87.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ u tal-implimentazzjoni effettiva tal-MPAs eżistenti, speċjalment fil-hotspots tal-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu, bħala kwistjoni ta' prijorità, pjanijiet ta' ġestjoni speċifiċi għal dawn iż-żoni, billi tistabbilixxi objettivi ta' konservazzjoni ċari u miżuri effettivi ta' monitoraġġ, sorveljanza u kontroll; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jħaffu l-iżvilupp u s-sottomissjoni ta' rakkomandazzjonijiet konġunti għall-ġestjoni tas-sajd fiż-żoni tal-baħar protetti tagħhom skont l-Artikolu 11 PKS; iqis li għandhom jitqiesu bis-sħiħ l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-ispeċijiet tal-baħar; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tressaq kriterji u gwida għall-ippjanar xieraq tal-ġestjoni tal-MPAs deżinjati, inkluż f'kurituri ekoloġiċi, abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli, u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħodd l-MPAs fil-miri internazzjonali biss ladarba jkunu ġestiti kif xieraq;

89.  Iqis li l-MPAs il-ġodda għandhom jiġu inklużi fil-qafas ta' Natura 2000 u jippromwovu l-konnettività ekoloġika;

90.  Jenfasizza li, meta jirnexxu, l-MPAs joffru benefiċċji soċjoekonomiċi konsiderevoli, speċjalment għall-komunitajiet kostali u għas-settur tas-sajd u tat-turiżmu, u li l-MPAs jistgħu jwettqu funzjonijiet ekoloġiċi ewlenin għar-restawr tal-istokkijiet tal-ħut u jtejbu r-reżiljenza tagħhom;

91.  Jissottolinja li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti trid tkun allinjata u konsistenti mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jenfasizza l-ħtieġa ta' Strateġija tal-UE olistika u konsistenti għall-Foresti li ssaħħaħ ir-rwol multifunzjonali tal-foresti u tas-settur ibbażat fuq il-foresti fl-UE, u li tippromwovi l-benefiċċji kbar tal-foresti għall-ambjent, għas-soċjetà u għall-ekonomija b'rispett sħiħ tal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni ċara tal-prijoritajiet, fejn il-protezzjoni u r-restawr tal-klima u l-bijodiversità jkunu l-objettivi ċentrali u interkonnessi fl-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti; jitlob li fil-pjan għar-restawr tan-natura jiddaħħlu miri vinkolanti speċifiċi għar-restawr u l-protezzjoni sussegwenti tal-ekosistemi tal-foresti, li għandhom jiġu inkorporati wkoll fl-Istrateġija tal-UE għall-Foresti; iqis li għandhom jitqiesu d-diversi ċirkostanzi fil-livelli lokali, reġjonali u tal-Istati Membri;

92.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, jiġifieri li l-istrateġija għandha taġixxi bħala pont bejn il-politiki nazzjonali dwar il-foresti u l-agroforestrija u l-objettivi forestali u agroforestali tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi kemm il-ħtieġa li tiġi rispettata l-kompetenza nazzjonali kif ukoll il-ħtieġa li jingħata kontribut għall-objettivi usa' tal-UE; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tosserva l-prinċipju tas-sussidjarjetà u tirrikonoxxi l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent ifakkar li, skont l-Artikolu 191 TFUE, il-politika tal-UE dwar l-ambjent trid tikkontribwixxi, fost objettivi oħra, għall-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali; ifakkar li diversi partijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE jaffettwaw il-foresti u l-ġestjoni tal-foresti;

93.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw l-ogħla standards ta' protezzjoni ambjentali tal-foresti fil-politiki interni u esterni tagħhom;

94.  Jisħaq li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għandha tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti b'mod bilanċjat għas-saħħa, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-lonġevità tal-ekosistemi forestali u l-preservazzjoni tar-rwol multifunzjonali tal-foresti; jinnota li s-salvagwardja u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħna huma kruċjali għall-benessri ġenerali tagħna, peress li huma l-kuntest li fih jitwettqu attivitajiet ta' interess pubbliku fil-qasam tad-divertiment u s-saħħa kif ukoll l-edukazzjoni, u jirrikonoxxi li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tippromwovi l-ħarsien tal-bijodiversità fl-UE; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li japplikaw id-definizzjoni u l-prinċipji tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

95.  Jissottolinja r-rwol tal-foresti fil-kontribut għall-miri klimatiċi tal-UE; iqis li għandha tingħata prijorità lill-użu ċirkolari u kaskata tal-foresti u riżorsi oħra tal-bijomassa li ma jikkompromettix l-azzjoni ta' protezzjoni u restawr sostnuta b'mod xjentifiku u lill-azzjoni klimatika; iqis l-użu tal-injam bħala materjal tal-bini bħala wieħed mill-eżempji tajbin;

96.  Jisħaq fuq l-importanza kruċjali tal-miżuri ta' agroforestrija u afforestazzjoni tal-PAK u jinkoraġġixxi l-kontinwità tal-miżuri forestali, f'konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti;

97.  Jissottolinja l-importanza ta' ekosistemi forestali reżiljenti u b'saħħithom, inklużi kemm il-fawna kif ukoll il-flora, sabiex jinżammu u jissaħħu l-bosta servizzi ekosistemiċi pprovduti mill-foresti, bħal bijodiversità, arja nadifa, ilma, ħamrija b'saħħitha, injam u materja prima oħra; jirrimarka li l-għanijiet tal-UE għall-ambjent, il-klima u l-bijodiversità qatt mhu se jkunu jistgħu jintlaħqu mingħajr foresti u forestrija multifunzjonali, b'saħħithom u ġestiti b'mod sostenibbli u b'perspettiva fit-tul;

98.  Jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ koerenti li jlaqqa' flimkien il-ħarsien tal-bijodiversità u l-protezzjoni tal-klima ma' settur b'saħħtu bbażat fuq il-foresti u bijoekonomija sostenibbli;

99.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-użu tal-injam mill-foresti ġestiti b'mod sostenibbli u l-prodotti tal-injam biex jingħata kontribut għall-progress lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet ta' CO2 u l-iżvilupp tal-bijoekonomija ċirkolari;

100.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu riveduti u allinjati r-regoli tal-UE dwar l-użu tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-enerġija mal-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima, b'mod partikolari bħala parti mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-atti delegati fl-ambitu tar-Regolament dwar it-Tassonomija;

101.  Jilqa' l-impenn li jitħawlu mill-inqas tliet biljun siġra addizzjonali fl-UE; jisħaq li l-inizjattivi ta' taħwil ta' siġar tal-UE għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji ekoloġiċi ċari, il-proforestazzjoni, ir-riforestazzjoni sostenibbli, l-ekoloġizzazzjoni ta' żoni urban u periurbani, ir-restawr, it-tisħiħ tal-konnettività u l-agroforestrija, f'konformità mal-aħħar għarfien xjentifiku; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn l-inizjattivi jitwettqu biss b'mod kompatibbli mal-objettivi tal-bijodiversità u li jwassal għalihom, filwaqt li tiżgura li dan it-tħawwil ma jissostitwixxix il-foresti antiki u bijodiversi eżistenti, u tikkontribwixxi biex tiżgura li l-foresti jkunu reżiljenti, imħallta u f'saħħithom;

102.  Ifakkar fil-pożizzjonijiet dettaljati fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta b'mod urġenti proposta għal qafas legali tal-UE bbażat fuq diliġenza dovuta obbligatorja li tiżgura li l-ktajjen ta' valur ikunu sostenibbli u li l-prodotti jew il-kommoditajiet imqiegħda fis-suq tal-UE ma jirriżultawx fid-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti, il-konverżjoni jew id-degradazzjoni tal-ekosistemi jew il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jew idderivati minnhom; jinnota li tali qafas legali tal-UE għandu jkun estiż ukoll biex ikopri ekosistemi b'ħażna għolja ta' karbonju u rikki fid-diversità apparti l-foresti, bħall-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta, l-artijiet mistagħdra, it-torbieri jew is-savani, sabiex jiġi evitat li l-pressjoni tingħadda fuq dawn l-ambjenti;

103.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li jinħoloq qafas legali, primarjament fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li jippermetti l-projbizzjoni tal-kummerċ f'ċerti tipi ta' materja prima, prodotti u servizzi li jipperikolaw il-bijodiversità;

104.  Jisħaq li l-impronta ambjentali tal-produzzjoni u tal-konsum tal-UE għandha titnaqqas b'mod urġenti sabiex tibqa' fil-limiti tal-pjaneta; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti tal-UE għall-2030 biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-impronti tal-materjali u tal-konsum tal-UE u biex dawn jiġu fil-limiti tal-pjaneta sal-2050(84); jappoġġja lill-Kummissjoni fit-teħid ta' approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja biex tkejjel l-impronta ambjentali tal-prodotti u l-organizzazzjonijiet; iqis li l-produzzjoni u l-użu tal-plastik għandhom jitnaqqsu; jikkunsidra li l-attivitajiet ekonomiċi li jaffettwaw u jisfruttaw l-ekosistemi u l-bijodiversità tagħhom għandhom jinkorporaw is-salvagwardji kollha possibbli biex jiġi mmitigat l-impatt negattiv tagħhom fuq dawn l-ekosistemi;

Tibdil fil-klima

105.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-maġġoranza tal-meded ta' speċijiet terrestri se jonqsu b'mod sinifikanti f'xenarju tat-tisħin globali ta' bejn 1.5 u 2 °C u li l-ispeċijiet tal-baħar huma taħt theddida bl-istess mod, speċjalment peress li dawn iż-żidiet fit-temperatura x'aktarx se jinqabżu bit-trajettorji attwali; itenni, għalhekk, il-ħtieġa li jiżdiedu b'mod sinifikanti l-ambizzjonijiet tal-UE, jiġu prijoritizzati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u approċċi bbażati fuq l-ekosistema biex jintlaħqu l-għanijiet ta' mitigazzjoni tal-klima u fl-istrateġiji ta' adattament u biex tiżdied il-protezzjoni tal-bjar tal-karbonju naturali terrestri u marini fl-UE bħala miżura komplementari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-abbundanza u d-distribuzzjoni ġeografika tal-ispeċijiet, biex tqis din il-valutazzjoni meta timplimenta l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, u tgħin lill-Istati Membri jinkorporaw ir-riżultati fil-politiki nazzjonali tagħhom u fir-rappurtar futur skont id-direttivi dwar in-natura;

107.  Jenfasizza r-rwol essenzjali li għandhom l-ekosistemi tal-oċeani f'saħħithom fil-waqfien u fit-treġġigħ lura tat-telfien tal-bijodiversità u fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jitlob il-konservazzjoni u r-restawr tal-ħabitats tal-oċeani rikki fil-karbonju biex jittejbu l-ħżin tal-karbonju, il-protezzjoni tal-kosti u r-reżiljenza tal-ispeċijiet tal-baħar u tas-sajd għat-tibdil fil-klima; jitlob ukoll l-inklużjoni tagħhom f'MPAs ġestiti b'mod effettiv;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni, wara l-adozzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima(85) u b'kunsiderazzjoni tar-rwol importanti tal-bjar tal-karbonju naturali fil-kisba tan-newtralità klimatika, tipproponi mira ambizzjuża tal-UE għall-2030 ibbażata fuq ix-xjenza għat-tneħħija tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn bjar tal-karbonju naturali, li għandha tkun konsistenti mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u tkun stabbilita fil-leġiżlazzjoni; ifakkar, barra minn hekk, li tnaqqis rapidu tal-emissjonijiet irid jibqa' l-prijorità;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr kemm jista' jkun pjan ta' azzjoni tal-UE fit-tul dwar il-klima u l-bijodiversità, inkluż dwar il-miri rispettivi, li jtejjeb il-koordinazzjoni u jiżgura l-koerenza, is-sostenibbiltà u l-interkonnessjonijiet għal azzjonijiet futuri, u jinkludi l-impenji fl-ambitu tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020 u l-Ftehim ta' Pariġi, il-kontributi tiegħu stabbiliti fil-livell nazzjonali u l-SDGs; jissottolinja l-importanza li jiġu kkoordinati b'mod formali, malajr kemm jista' jkun, il-monitoraġġ, ir-rapportar u r-rieżami tal-pjanijiet għall-klima u għall-bijodiversità; jenfasizza li ekosistemi reżiljenti u f'saħħithom huma kruċjali fl-indirizzar u fl-adattament għat-tibdil fil-klima u li għandhom jiġu żgurati sinerġiji bejn il-politiki dwar il-bijodiversità u l-klima fl-azzjonijiet fl-ambitu tal-Patt Klimatiku Ewropew;

110.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima; iqis li l-azzjonijiet meħuda fl-ambitu tal-istrateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima għandhom jiġu allinjati bis-sħiħ mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u mal-miżuri dwar il-prevenzjoni u t-tħejjija għal diżastri naturali fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni;

111.  Japprova, barra minn hekk, l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema kif iddefiniti fil-KDB, li joffru strateġija olistika għall-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-art, l-ilma u l-għajxien li tippromwovi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli b'mod ekwu;

112.  Jisħaq li t-terminu "soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura" għandu jiġi definit aħjar u li din id-definizzjoni għandha tiżgura li l-bijodiversità u l-integrità tal-ekosistema ma jiġux kompromessi; jitlob, għalhekk, li tiġi żviluppata definizzjoni aktar ċara fil-livell tal-UE kif ukoll linji gwida u għodod dwar l-użu ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura sabiex tiġi massimizzata l-konnettività tan-natura, kif ukoll il-benefiċċji u s-sinerġiji bejn il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

113.  Jinnota li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għadhom nieqsa f'ħafna strateġiji nazzjonali dwar il-klima; jemmen li pjattaforma b'diversi partijiet ikkonċernati dwar is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura tista' tgħin issaħħaħ is-sinerġiji fost konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima u tappoġġja l-kisba tal-SDGs;

Tniġġis

114.  Jilqa' l-miri tal-Kummissjoni li tnaqqas l-użu ta' pestiċidi aktar perikolużi u kimiċi b'50 % u t-telfien ta' nutrijenti mill-fertilizzanti b'50 %, li jirriżulta fi tnaqqis fl-użu tal-fertilizzanti b'mill-inqas 20 % sal-2030, li kollha għandhom jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u riveduti għall-perjodu ta' wara l-2030 bil-ħsieb li jkompli jkun hemm tnaqqis u li jsiru impenji fit-tul; jitlob valutazzjoni effettiva ta' dawn il-miri abbażi ta' stadji importanti speċifiċi;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji bażi ċari u ambizzjużi għal dawn il-miri u, flimkien mal-Istati Membri, tiddetermina għal kull Stat Membru kontributi ġusti għall-miri madwar l-UE kollha li jirriflettu l-punti ta' tluq u ċ-ċirkostanzi differenti tagħhom; jinsisti li kull Stat Membru għandu jimplimenta miżuri robusti biex jilħaq il-miri tiegħu;

116.  Huwa kontra l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tas-sustanza attiva tal-glifosat wara l-31 ta' Diċembru 2022; jistieden lill-Istati Membri kollha jwettqu l-ħidma preparatorja rilevanti biex jipprovdu lill-bdiewa kollha b'soluzzjonijiet alternattivi vijabbli wara l-projbizzjoni tal-glifosat;

117.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(86), u jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw it-talbiet kollha li hemm fiha mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-reviżjoni tagħha tal-miżuri ta' implimentazzjoni tal-qafas dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti dispożizzjonijiet li jappoġġjaw l-objettiv madwar l-UE tat-tnaqqis tal-pestiċidi, pereżempju billi jissaħħu u jiġu ċċarati l-kriterji ambjentali fil-kriterji għall-għoti ta' aċċess għas-suq lill-pestiċidi; jisħaq li meta l-EFSA tikkonkludi li hemm impatti inaċċettabbli fuq l-ambjent, ma għandhiex tingħata deċiżjoni ta' approvazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel id-data dwar ir-riskju regolatorju aktar trasparenti u aċċessibbli;

118.  Iqis li d-deroga prevista fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009(87) għandha tiġi ċċarata u applikata biss għal raġunijiet ta' saħħa u għal raġunijiet ambjentali; jiddeplora l-fatt li din id-deroga qed tintuża biex tiġi mminata l-projbizzjoni fuq l-użi kollha ta' barra ta' tliet neonikotinojdi;

119.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza malajr ir-reviżjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi(88), tinkludi fiha l-miri għat-tnaqqis tal-pestiċidi, u tieħu l-miżuri kollha biex tiżgura li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni tagħha, inkluż fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom;

120.  Jinnota li l-użu mifrux tal-pestiċidi jwassal għal reżistenza għall-pestiċidi, li hija problema sinifikanti li tagħmel il-pestiċidi inqas effettivi; jindika li ż-żieda fl-użu tal-pestiċidi u d-dipendenza minnhom għandhom prezz għoli għall-bdiewa; jinnota li biex jiġu evitati t-telfien tal-bijodiversità u r-reżistenza għall-pesti, għandha tiġi segwita ġerarkija tal-azzjoni, f'konformità mat-8 prinċipji tal-ġestjoni integrata tal-pesti inklużi fl-Anness III tad-Direttiva 2009/128/KE, li jipprevedu li l-pestiċidi kimiċi jridu jintużaw biss bħala l-aħħar rimedju;

121.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-valutazzjoni tal-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq l-ambjent u l-bijodiversità għandha t-tendenza li tiġi ssottovalutata fl-analiżi soċjoekonomika matul il-proċess ta' awtorizzazzjoni fl-ambitu ta' REACH; huwa mħasseb dwar l-użu kontinwu u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi perikolużi b'impatti negattivi fuq l-ambjent jew f'każijiet ta' nuqqas ta' data dwar is-sikurezza fuq il-punti aħħarin ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala maniġer tar-riskji, tqis aktar l-impatti tas-sustanzi kimiċi, inklużi l-effetti kroniċi u fit-tul tagħhom, fuq l-ambjent u l-bijodiversità;

122.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw standards ugwali u kontrolli effettivi fuq il-prodotti agrikoli importati minn pajjiżi mhux tal-UE;

123.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi(89) biex jiġu inkorporati r-riskji għas-saħħa tal-annimali u dawk ambjentali bħala kriterji tal-leġiżlazzjoni;

124.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati biex tiżgura li, mill-bidu nett, il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-agrikoltura jirriflettu bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, li tinkludi livell ogħla ta' ambizzjoni biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-użu u r-riskji ta' pestiċidi kimiċi, kif ukoll l-użu ta' fertilizzanti u antibijotiċi; jenfasizza l-importanza li dawn il-miri jiġu segwiti b'modi olistiċi u ċirkolari, bħal permezz ta' approċċi agroekoloġiċi adottati bħall-produzzjoni integrata u l-biedja organika, inkluża n-newba tal-għelejjel; jisħaq ukoll fuq il-kontribut tal-agrikoltura ta' preċiżjoni, id-diġitalizzazzjoni u għodod oħra għat-tnaqqis u l-użu effiċjenti tal-pestiċidi, il-fertilizzanti u n-nutrijenti;

125.  Jenfasizza li sabiex jitnaqqas il-bżonn tal-pestiċidi u jinkiseb aktar tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi kimiċi u r-riskji assoċjati magħhom, il-bdiewa jeħtieġu sett ta' għodod akbar f'dak li għandu x'jaqsam ma' soluzzjonijiet u metodi alternattivi, effettivi, affordabbli u ambjentalment sikuri għall-protezzjoni tal-għelejjel; jissuġġerixxi li dan jista' jinkludi titjib fl-adozzjoni ta' tekniki ta' kontroll kulturali, fiżiċi u bijoloġiċi, pestiċidi ġodda u bijopestiċidi b'riskju baxx, tekniki ta' applikazzjoni aktar effettivi ffaċilitati minn għodod bħal biedja diġitali u ta' preċiżjoni, mudelli epidemjoloġiċi, firxa usa' u aħjar ta' għażliet għal varjetajiet reżistenti li jirrikjedu inqas inputs, u taħriġ imsaħħaħ fir-riċerka u l-innovazzjoni u s-sistemi konsultattivi, inkluż fil-prattiki tal-biedja agroekoloġika;

126.  Jissottolinja li s-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-foresti tal-UE jiżvolġu rwol importanti fil-protezzjoni u r-restawr tan-natura u jridu jkunu involuti bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jisħaq li l-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn appoġġ definit sew, programmi ta' taħriġ u sett ta' għodod ta' soluzzjonijiet u alternattivi sostenibbli, sikuri, effettivi u bi prezzijiet raġonevoli, kif ukoll aċċess għall-aħħar għarfien, teknoloġija u servizzi ta' konsulenza; jissottolinja, barra minn hekk, il-kontribut li jistgħu jagħtu l-inċentivi pożittivi u l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni tal-istrateġija;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jiġu riflessi bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà u fil-pjan ta' azzjoni li ġej ta' tniġġis żero, li għandhom jindirizzaw ukoll it-tniġġis tad-dawl u tal-istorbju, inkluż l-istorbju taħt l-ilma; jisħaq fuq l-importanza li t-tniġġis jiġi indirizzat fis-sors bħala prijorità filwaqt li jiġi żgurat l-użu tal-aqwa teknoloġiji disponibbli;

128.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mira ambizzjuża għat-tnaqqis sal-2030 tal-użu tad-dawl artifiċjali ta' barra u tipproponi linji gwida dwar kif id-dawl artifiċjali bil-lejl jista' jitnaqqas mill-Istati Membri;

129.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 tinkludi miżuri ddedikati dwar it-tnaqqis tat-tniġġis b'impatt dirett fuq il-bijodiversità u s-saħħa, bħat-tniġġis tal-plastik, il-mikroplastik u s-sustanzi kimiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni mgħaġġla tal-azzjonijiet kollha tal-pjan ta' azzjoni l-ġdid għall-ekonomija ċirkolari u tal-leġiżlazzjoni relatata;

Speċijiet aljeni invażivi (IAS)

130.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-IAS joħolqu theddida serja għall-ambjent, l-għajxien u s-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jagħmlu ħsara irriversibbli liż-żoni protetti u l-bijodiversità tagħhom, u li dan qed jiġi aggravat mit-tibdil fil-klima;

131.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-lista ta' Speċijiet Aljeni Invażivi ta' tħassib għall-Unjoni tirrappreżenta inqas minn 6 % tal-IAS preżenti fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-azzjoni u tiżgura li l-IAS li jaffettwaw l-ispeċijiet mhedda jkunu inklużi fil-lista; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ttejjeb il-prevenzjoni billi tintroduċi valutazzjonijiet tar-riskju obbligatorji qabel l-ewwel importazzjoni ta' speċijiet aljeni u billi tipproponi listi bojod madwar l-UE kollha ta' speċijiet li jistgħu jiġu importati, jinżammu, imnissla u jsir kummerċ tagħhom bħala annimali domestiċi fl-UE abbażi ta' valutazzjoni xjentifika tar-riskju u tal-karatteristiċi ekoloġiċi mill-aktar fis possibbli;

132.  Jenfasizza li l-kummerċ tal-annimali domestiċi eżotiċi huwa wieħed mill-mogħdijiet ewlenin għad-dħul tal-IAS u li minbarra dan, id-dħul tal-IAS huwa marbut ukoll ma' fatturi oħra ta' stress bħat-trasport fuq l-art u l-baħar u l-iskart fil-baħar; jitlob l-iżvilupp ta' miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE dwar il-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda tal-IAS, inkluż it-tfassil ta' pjanijiet speċifiċi għal dawk li jaffettwaw speċijiet li huma f'periklu kritiku; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji biex jappoġġjaw il-prevenzjoni u jgħinu liż-żoni affettwati jindirizzaw l-IAS eżistenti u dawk li għadhom kif ġew introdotti;

133.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li speċi tal-baħar waħda biss ġiet inkluża fil-lista ta' Speċijiet Aljeni Invażivi ta' tħassib għall-Unjoni(90); jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dan in-numru baxx b'mod sproporzjonat ta' IAS tal-baħar biex jiġi żgurat l-allinjament xieraq mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014(91);

Il-finanzjament, l-integrazzjoni u l-qafas ta' governanza

134.  Jenfasizza li l-benefiċċji soċjali u ambjentali tal-prevenzjoni u tar-restawr jaqbżu l-ispejjeż tal-investiment; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni u r-reżistenza effettivi tal-bijodiversità fl-infiq kollu u fil-programmi kollha tal-UE abbażi tat-tassonomija tal-UE; jitlob li jiġi applikat b'mod effettiv il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" fl-infiq kollu u fil-programmi kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni komprensiva ta' kif jistgħu jiġu mobilizzati mill-inqas EUR 20 biljun fis-sena meħtieġa għan-natura, tagħmel proposti korrispondenti għall-baġit annwali tal-UE u teżamina l-ħtieġa ta' strument ta' finanzjament dedikat għat-TEN-N; jinnota l-ftehim biex jiġi integrat l-infiq għall-bijodiversità b'7.5 % mill-2024 u 10 % mill-2026 'il quddiem; iqis li għandhom isiru sforzi biex jintlaħaq l-infiq annwali ta' mill-inqas 10 % fuq il-bijodiversità fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali mill-aktar fis possibbli mill-2021 'il quddiem; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied il-konsistenza bejn il-finanzjament għall-klima u l-bijodiversità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu azzjonijiet ta' bijodiversità fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza; jinsisti li l-infiq tal-UE relatat mal-bijodiversità għandu jiġi traċċat f'konformità ma' metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill;

135.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex sal-2022 jivvalutaw liema sussidji jagħmlu ħsara lill-ambjent bil-għan li dawn jitneħħew b'mod gradwali mingħajr aktar dewmien; jitlob l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-inċentivi finanzjarji lejn investimenti pożittivi għall-bijodiversità u tas-sistemi ta' tassazzjoni lejn użu akbar tat-tassazzjoni ambjentali u tad-dħul ambjentali;

136.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tilħaq l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu s-sussidji indiretti u diretti kollha tal-fjuwils fossili mill-aktar fiss possibbli u sa mhux aktar tard mill-2025;

137.  Iqis li t-twaqqif gradwali tas-sussidji tal-fjuwils fossili u ta' sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandu jiġi appoġġjat ukoll fuq livell globali permezz tal-politika kummerċjali tal-UE u d-diplomazija ekoloġika, inkluż permezz ta' ftehim dwar pjan direzzjonali bi stadji importanti għal kull sieħeb kummerċjali;

138.  Ifakkar li l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi stmat li l-gvernijiet fuq livell globali jonfqu madwar USD 500 biljun fis-sena fuq appoġġ li potenzjalment jagħmel ħsara lill-bijodiversità, jiġifieri minn ħames sa sitt darbiet aktar mill-infiq totali fuq il-bijodiversità(92);

139.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida u inċentivi ċari biex timmobilizza l-finanzjament privat għall-bijodiversità u biex tallinja l-investimenti mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi qafas ambizzjuż u li jħares 'il quddiem li jintegra l-miżuri leġiżlattivi u l-inċentivi finanzjarji kemm għas-settur pubbliku kif ukoll dak privat biex jiġu appoġġjati l-kisba tal-għanijiet u l-miri fl-ambitu tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 bħala parti mill-istrateġija mġedda li jmiss għall-finanzi sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni fir-rigward tal-akkwist korporattiv sostenibbli;

140.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-koerenza tal-politika u jallinjaw il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jitlob ukoll li jiġu rrispettati l-prinċipji kollha tat-trattati fil-politiki kollha tal-UE, b'mod partikolari l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas;

141.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas ta' governanza tal-bijodiversità legalment vinkolanti – liġi dwar il-bijodiversità – wara valutazzjoni tal-impatt komprensiva li jwitti t-triq għall-2050 permezz ta' sett ta' objettivi, inklużi miri għall-2030 u l-impenji tal-COP15, u li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ b'indikaturi SMART ġewwa ż-żoni protetti u lil hinn minnhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta legali għal dan il-għan fl-2022; jisħaq li l-iżgurar ta' riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti se jkun kritiku għall-governanza effettiva;

142.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-istabbiliment ta' panel xjentifiku Ewropew indipendenti dwar il-bijodiversità jew korp simili biex jivvaluta l-konsistenza tal-miżuri tal-UE mal-ambizzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u jagħmel rakkomandazzjonijiet ta' politika kif xieraq, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni potenzjali mal-politiki tal-EEA jew ta' korpi oħra tal-UE u internazzjonali;

143.  Ifakkar li l-Artikolu 37 tal-Karta jirrifletti l-prinċipju tal-iżgurar tal-protezzjoni ambjentali fil-leġiżlazzjoni tal-UE; iqis li d-dritt għal ambjent b'saħħtu għandu jiġi rikonoxxut fil-Karta u li l-UE għandha tmexxi l-inizjattiva biex jiġi rikonoxxut dritt simili fuq livell internazzjonali;

Riċerka, innovazzjoni u edukazzjoni

144.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-bijodiversità fil-programmi taż-żgħażagħ tal-UE bħas-Servizz Volontarju Ewropew, u tniedi programm ta' Erasmus Ekoloġiku bħala parti mill-programm Erasmus globali ffukat fuq l-iskambju tal-għarfien, l-istudenti u l-professjonisti fil-qasam tar-restawr u l-konservazzjoni;

145.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim akbar dwar il-kompożizzjoni tal-bijodiversità, l-impatti tagħha fuq il-funzjonament tal-ekosistemi, u r-reżiljenza tal-ekosistemi; iqis li kemm ir-riċerka bażika kif ukoll dik applikata dwar il-bijodiversità għandhom jiżdiedu u jissottolinja li għandu jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għal dan; jitlob l-inklużjoni tar-riċerka dwar il-bijodiversità fi programmi ta' finanzjament nazzjonali u tal-UE differenti; itenni t-talbiet tiegħu għal missjoni speċifika ddedikata għall-bijodiversità fil-programm ta' riċerka tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa ta' żieda sostanzjali fil-finanzjament għar-riċerka pubblika;

146.  Jisħaq fuq l-importanza ta' aktar riċerka dwar ir-reġjuni bijoġeografiċi u t-tassonomija tal-organiżmi, kif ukoll dwar l-impatt tad-deforestazzjoni u t-telfien tal-bijodiversità fuq is-servizzi essenzjali, bħall-provvista tal-ikel; jissottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-għarfien dwar ir-rabtiet bejn it-tfaċċar tal-mard fuq naħa u l-kummerċ legali u illegali tal-organiżmi selvaġġi, il-konservazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi fuq in-naħa l-oħra;

147.  Jemmen bis-sħiħ li għandha ssir aktar riċerka dwar l-oċeani, minħabba li fil-biċċa l-kbira dawn għadhom mhux esplorati; jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rigward ikollha rwol ewlieni fid-Deċennju tan-NU tax-Xjenza tal-Oċean u ssegwi r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Missjoni Starfish 2030: Restore our Ocean and Waters" (L-Istilla tal-Baħar 2030: Nirrestawraw l-Oċeani u l-Ilmijiet tagħna); iqis li għandu jiġi pprovdut ukoll finanzjament għall-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar fond;

148.  Jinkoraġġixxi r-riċerka dwar l-innovazzjoni, it-teknoloġiji u l-metodi u l-prattiki tal-produzzjoni agrikoli sostenibbli għall-bdiewa li jtejbu l-bijodiversità u s-saħħa tal-ekosistemi, inkluż dwar id-diġitalizzazzjoni, l-agroforestrija sostenibbli, l-alternattivi bijoloġiċi b'riskju baxx għall-pestiċidi kimiċi u l-agrikoltura ħielsa mill-pestiċidi;

149.  Iqis li sforzi akbar ta' riċerka għandhom ikopru wkoll l-impatti soċjali u ekonomiċi u l-opportunitajiet tal-politiki ta' konservazzjoni, il-bijodiversità tal-ħamrija u t-tidwib tal-glaċieri u tal-permafrost;

150.  Jilqa' l-ħolqien taċ-Ċentru tal-Għarfien għall-Bijodiversità u tal-Osservatorju l-ġdid tal-UE tal-Ħamrija;

151.  Jissottolinja l-importanza li jiġu allokati riżorsi adegwati dwar il-ġbir tad-data u l-iżvilupp ta' indikaturi biex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċitajiet u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-bijodiversità fost il-partijiet ikkonċernati; jirrikonoxxi l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni, tal-big data u tal-IA li jtejbu l-fehim u l-għarfien tagħna dwar il-bijodiversità;

152.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-isforzi ta' riċerka u innovazzjoni biex jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030;

153.  Jemmen li l-għarfien dwar l-ambjent għandu jkun parti integrali mill-edukazzjoni; jappoġġja l-istabbiliment ta' żoni protetti għal skopijiet edukattivi wkoll; jisħaq li x-xjenzi parteċipattivi u s-sensibilizzazzjoni għandhom jiġu appoġġjati, fost l-oħrajn biex juru lis-soċjetà l-ħtieġa li tiġi protetta u rrestawrata l-bijodiversità;

Qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020, azzjoni internazzjonali, kummerċ u governanza tal-oċeani

154.  Ifakkar fil-pożizzjoni espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-COP15 dwar il-bijodiversità u l-ħtieġa ta' ftehim multilaterali vinkolanti għal wara l-2020 simili għall-Ftehim ta' Pariġi biex it-telfien tal-bijodiversità jitwaqqaf u jitreġġa' lura sal-2030, b'miri u indikaturi SMART, qafas ta' implimentazzjoni robust u mekkaniżmu ta' rieżami indipendenti u trasparenti bbażat fuq ix-xjenza; jemmen li l-2021 tirrappreżenta mument ta' żvolta għall-bijodiversità fuq livell globali u li l-UE għandha taġixxi bħala mexxejja globali u tagħmel pressjoni għal livell għoli ta' ambizzjoni, li jaqbel ma' dak tagħha stess jew li jaqbżu, matul in-negozjati, inklużi miri ta' restawr u protezzjoni globali legalment vinkolanti ta' mill-inqas 30 % sal-2030; jilqa', f'dan ir-rigward l-impenn tal-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Kbira għan-Natura u n-Nies li jiġu protetti 30 % tal-art u l-baħar madwar id-dinja; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu appoġġjati pajjiżi b'introjtu baxx fl-implimentazzjoni ta' dan il-qafas il-ġdid; jisħaq fuq l-importanza ta' impenji ulterjuri mis-settur privat għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità;

155.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni għal miri globali fit-tul ambizzjużi u ċari; itenni l-pożizzjoni tiegħu li fin-negozjati l-UE għandha potenzjalment titlob il-protezzjoni ta' nofs il-pjaneta sal-2050(93);

156.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għal pandemiji futuri; jinnota li waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-workshop tal-IPBES dwar il-bijodiversità u l-pandemiji hija l-formazzjoni ta' kunsill intergovernattiv ta' livell għoli dwar il-prevenzjoni tal-pandemiji, li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, inkluż billi jipprovdi informazzjoni xjentifika rilevanti għall-politika u jikkoordina t-tfassil ta' qafas ta' monitoraġġ, u li jistabbilixxi l-bażi għall-għanijiet potenzjali filwaqt li jaħdem fil-punt fejn jiltaqgħu t-tliet konvenzjonijiet ta' Rio; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu t-twaqqif ta' kunsill bħal dan fil-COP15, li għandu jaħdem f'sinerġija ma' korpi eżistenti bħad-WHO;

157.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati jitolbu rapport speċjali tal-IPCC dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima;

158.  Jinsab imħasseb dwar l-isfidi legali, ambjentali, tal-bijosikurezza u tal-governanza l-ġodda li jistgħu jirriżultaw mir-rilaxx ta' organiżmi b'gene drive modifikati ġenetikament fl-ambjent, inkluż għal skopijiet ta' konservazzjoni tan-natura; jirrikonoxxi l-eżitu tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi Ad Hoc tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika dwar il-gene drives u l-ħut modifikat ħaj(94), li jqajjem tħassib dwar id-diffikultajiet tat-tbassir tal-imġiba tagħhom, il-valutazzjoni tar-riskji tagħhom u l-kontroll tagħhom wara r-rilaxx; jinnota li l-organiżmi b'gene drive jistgħu jsiru speċijiet invażivi huma stess; iqis li għandhom jiġu żviluppati bis-sħiħ materjali ta' gwida għall-valutazzjoni tar-riskju, għodod u qafas ta' monitoraġġ ambjentali fil-livell globali u f'dak tal-UE, kif ukoll governanza globali ċara u mekkaniżmi effettivi għall-kontroll u r-restawr tal-effetti tal-organiżmi b'gene drive, u li hija meħtieġa riċerka addizzjonali dwar l-implikazzjonijiet għas-saħħa, l-ambjent, ekoloġiċi, etiċi u implikazzjonijiet oħra tal-organiżmi b'gene drive biex jinftiehem aħjar l-impatt potenzjali tagħhom; iqis għalhekk li ma għandu jkun permess l-ebda rilaxx ta' organiżmi b'gene drive modifikati ġenetikament, inkluż għal skopijiet ta' konservazzjoni tan-natura, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni(95);

159.  Jenfasizza l-potenzjal tal-użu tad-diplomazija ekoloġika, il-politika kummerċjali u l-azzjoni multilaterali biex tiġi promossa l-protezzjoni tal-bijodiversità barra mill-Ewropa; jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-"Deċennju tal-UE tar-Restawr tal-Ekosistemi" (2021-2031) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw b'mod effettiv il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità fl-azzjoni esterna kollha;

160.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi l-isforzi għal ftehim internazzjonali dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali biex nibqgħu fil-"limiti tal-pjaneta" għall-użu tar-riżorsi naturali;

161.  Jenfasizza li d-degradazzjoni tal-ekosistemi u l-istrapazz fuqhom qed jagħmlu ħsara lill-isforzi globali lejn l-iżvilupp sostenibbli u qed idgħajfu l-progress lejn il-kisba tal-parti l-kbira tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 2030, b'mod partikolari l-objettivi diretti lejn il-qerda tal-faqar u l-ġuħ, il-garanzija ta' aċċess għall-ilma u s-sanitazzjoni, il-kisba tas-sigurtà tal-ikel, l-iżgurar ta' ħajjiet f'saħħithom u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fil-pajjiżi u bejniethom;

162.  Jisħaq li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali qed jinteraġixxu dejjem aktar mal-ixprunaturi tal-ispostament tal-bnedmin, peress li l-popolazzjonijiet qed jiġu spustati bil-forza minn djarhom minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni u d-diżastri ambjentali; jindika li, minħabba t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità, tali kriżijiet se jimmultiplikaw fid-deċennji li jmiss sakemm ma titteħidx azzjoni mgħaġġla u effettiva minn issa; jisħaq li l-UE jeħtiġilha tkun lesta għal spostament ikkawżat mit-tibdil fil-klima u spostament mid-degradazzjoni u d-diżastri ambjentali u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħdu miżuri adegwati biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjonijiet affettwati;

163.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita, b'mod partikolari, il-bini tal-kapaċitajiet, inklużi t-trasferiment tal-għarfien, il-kondiviżjoni tat-teknoloġija u t-taħriġ tal-ħiliet għall-pajjiżi benefiċjarji biex jimplimentaw il-KDB, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u konvenzjonijiet u ftehimiet oħra essenzjali għall-protezzjoni tal-bijodiversità fl-ambitu tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u tal-Għajnuna għall-Kummerċ; jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-programmi ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità nattiva tagħhom, inkluż djalogu interparlamentari, u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu assistiti fl-implimentazzjoni tagħhom; jitlob ukoll li tittejjeb il-ġestjoni konġunta tal-ekosistemi transkonfinali u tar-rotot migratorji u tal-ispeċijiet u li jitnaqqas il-potenzjal tat-trasferiment tar-riskji tat-telfien tal-bijodiversità għal partijiet oħra tad-dinja;

164.  Jilqa' inizjattivi bħall-"Ħajt il-Kbir l-Aħdar" Afrikan u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi simili għal reġjuni oħra u tappoġġja inizjattivi internazzjonali biex tiġi rrestawrata l-bijodiversità madwar id-dinja, filwaqt li jiġu estiżi Żoni tal-Bijodiversità Ewlenin mmirati lejn it-trawwim tar-reżiljenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għat-tibdil fil-klima; iqis li l-NDICI l-ġdid jista' jaġixxi bħala xprunatur importanti tal-bidla għar-restawr u l-preservazzjoni tal-bijodiversità madwar id-dinja; iqis li fl-NDICI l-ġdid għandu jintuża kontribut sostanzjali tal-baġit għar-restawr u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, biex jikkontribwixxi għall-mira ġenerali tal-integrazzjoni tal-bijodiversità;

165.  Jemmen li l-għarfien indiġenu u lokali huwa kruċjali biex tiġi protetta b'mod effettiv il-bijodiversità u jfakkar li r-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Art jirrikonoxxi r-rwol kritiku li għandhom il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali fil-konservazzjoni ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu mal-komunità internazzjonali biex jirrikonoxxu l-kontribut tagħhom fil-protezzjoni tal-bijodiversità, jiggarantixxu d-drittijiet tagħhom, u jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden ukoll lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989 (Konvenzjoni tal-ILO Nru 169);

166.   Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent biex tiġi żviluppata gwida dwar l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-ambjent, l-ekosistemi u l-bijodiversità; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw u jippromwovu l-implimentazzjoni globali tal-prinċipji qafas dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent tal-2018, ippreżentati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent; jitlob ukoll li l-UE tappoġġja l-inizjattiva dwar id-drittijiet ambjentali tal-Programm Ambjentali tan-NU;

167.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu r-rikonoxximent tal-ekoċidju bħala reat internazzjonali skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

168.  Jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni li tiżgura implimentazzjoni u infurzar sħaħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-bijodiversità fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE u li tevalwa aħjar l-impatti tagħhom fuq il-bijodiversità; jilqa' wkoll il-fatt li l-istrateġija kummerċjali l-ġdida titlob "integrazzjoni tal-politika aktar mill-qrib bejn il-politiki kummerċjali u l-politiki interni tal-UE", u jirrikonoxxi li il-"preservazzjoni tal-bijodiversità hija sfida globali li teħtieġ sforzi globali"(96); jissottolinja li l-kontribut tal-kummerċ għat-telf drastiku tal-bijodiversità ġie indirizzat b'mod inadegwat kemm mill-istruttura tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) eżistenti kif ukoll mir-regoli attwali tad-WTO; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri speċifiċi u konkreti mingħajr dewmien biex tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma jikkawżawx jew jheddu li jikkawżaw telfien tal-bijodiversità, u biex il-politika kummerċjali tal-UE tkun allinjata b'mod effettiv mal-Istrateġija tagħha għall-Bijodiversità għal-2030;

169.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ġodda u futuri kollha jkunu kompatibbli bis-sħiħ mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-Ftehim ta' Pariġi, mal-impenji tal-UE dwar il-bijodiversità u mal-SDGs, ikun fihom kapitoli vinkolanti u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, u jinkludu salvagwardji u sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta' konformità, inkluża l-possibbiltà li jiġu introdotti mill-ġdid it-tariffi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri simili fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha eżistenti;

170.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi inkluża b'mod sistematiku, flimkien mad-dimensjoni ekonomika u soċjali, dimensjoni tal-bijodiversità fil-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) kollha li jridu jsegwu metodoloġija aktar robusta minn qabel, kif issuġġerit minn studji disponibbli tal-Kummissjoni, u li jiġu kkunsidrati b'mod konsistenti l-kwistjonijiet tal-bijodiversità; jitlob li l-VIS jitwettqu bħala parti mill-fażi tal-eżerċizzju dwar l-ambitu dwar ftehimiet futuri ta' kummerċ ħieles u ta' investiment; jitlob li l-VIS jiġu aġġornati regolarment waqt li jkunu qed jiżviluppaw in-negozjati sabiex jidentifikaw, jivvalutaw u jindirizzaw b'mod adegwat ir-riskji possibbli għall-bijodiversità fir-reġjun ikkonċernat kif ukoll fl-UE kmieni kemm jista' jkun, u biex dawn il-valutazzjonijiet isawru l-impenji bilaterali rilevanti deskritti fin-negozjati;

171.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jinkludu pjan direzzjonali b'impenji konkreti u verifikabbli li abbażi tagħhom isir progress f'kapitoli oħra; jisħaq fuq l-importanza li jitwettqu b'mod sistematiku evalwazzjonijiet tas-sostenibbiltà u valutazzjonijiet tal-impatt ex post regolari tal-ftehimiet kummerċjali biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-impenji internazzjonali tal-UE dwar il-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-kapitoli eżistenti tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment billi tagħmel użu minn klawżoli ta' rieżami attivi u f'waqthom biex tiżgura l-allinjament tal-FTAs eżistenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew mal-ewwel opportunità, u tippreżenta r-riżultati u l-aġġustamenti ppjanati tagħha lill-Parlament;

172.  Jitlob li fl-abbozz tal-mandat tiegħu għal ftehimiet futuri u meta jagħmel rieżami tal-ftehimiet attwali, il-Kunsill jagħmel il-KDB element essenzjali tal-FTAs dment li jintlaħaq qbil dwar mekkaniżmi obbligatorji għar-rieżami tal-miri nazzjonali; jitlob lill-Kunsill jagħmel ukoll is-CITES u l-Ftehim ta' Pariġi elementi essenzjali tal-FTAs, u jenfasizza l-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva tagħhom; jenfasizza l-importanza tar-riforma li jmiss tar-Regolament dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi biex tiġi prevista implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet multilaterali dwar aspetti tal-klima u l-ambjent koperti mir-regolament, inkluża l-KDB;

173.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prodotti importati jissodisfaw l-istess standards meħtieġa mill-produtturi Ewropej, sabiex jipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità, u jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi kundizzjonijiet indaqs madwar id-dinja u li jittieħdu miżuri biex jiġi evitat l-ispostament potenzjali tat-telfien tal-bijodiversità lejn pajjiżi oħra; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi studju dwar l-effetti tal-esportazzjonijiet tal-UE u l-metodi ta' produzzjoni tagħhom fuq il-bijodiversità;

174.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tipprojbixxi l-esportazzjoni mill-UE ta' sustanzi perikolużi pprojbiti fl-UE, f'konformità mal-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara", il-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew;

175.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fix-xewqa tagħha li, fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-kummerċ u l-ambjent, tqajjem u żżid is-sensibilizzazzjoni dwar interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-WTO li tirrikonoxxi d-dritt tal-membri li jipprovdu rispons effettiv għall-isfidi ambjentali globali, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità, speċjalment bl-użu ta' proċessi u metodi ta' produzzjoni mhux relatati mal-prodotti; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha taħdem biex tinkludi livelli vinkolanti ta' protezzjoni tal-bijodiversità fil-ħidma li jmiss dwar ir-riforma tad-WTO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-inklużjoni ta' għarfien espert dwar il-kummerċ u l-ambjent f'tilwim li jirriżulta minn kunflitti bejn l-impenji kummerċjali u l-eċċezzjonijiet għall-protezzjoni ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi din il-proposta fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha dwar il-klima u l-kummerċ tad-WTO; jitlob analiżi profonda indipendenti tal-effetti tad-dispożizzjonijiet li jifdal dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istat u s-sistema ta' qorti tal-investiment fil-ftehimiet kummerċjali;

176.  Jesprimi dispjaċir għad-diskrepanzi fl-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-UE dwar il-Kummerċ tal-Organiżmi Selvaġġi peress li dawn ma jkoprux l-ispeċijiet kritiċi kollha u ma jipprovdux l-istess protezzjoni għall-annimali mrobbija fil-magħluq; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod konġunt il-kummerċ legali u illegali fir-rieżami tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi, li għandu jkun kompletament konformi mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u jirċievi finanzjament adegwat, inkluża l-assistenza lil pajjiżi mhux tal-UE u lil ċentri ta' salvataġġ u santwarji tal-organiżmi selvaġġi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex tiżgura li l-importazzjoni, it-trasbord, ix-xiri u l-bejgħ ta' organiżmi selvaġġi meħuda, ipproċessati, ittrasportati jew mibjugħa bi ksur tal-liġijiet tal-pajjiż ta' oriġini jkunu pprojbiti;

177.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jmexxu l-isforzi biex jintemm il-kummerċ ta' speċijiet fil-periklu u l-partijiet tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati miri SMART għal dan il-għan; itenni t-talba tiegħu għall-projbizzjoni sħiħa u immedjata fil-livell Ewropew, tan-negozju kummerċjali, l-esportazzjoni jew l-esportazzjoni mill-ġdid ġewwa l-UE u lejn destinazzjonijiet barra mill-UE tal-avorju(97), inkluż l-avorju "ta' qabel il-konvenzjoni", filwaqt li jirrimarka li għandha tibqa' l-possibbiltà ta' eċċezzjonijiet limitati għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet xjentifiċi, għal strumenti mużikali akkwistati legalment qabel l-1975 u għall-kummerċ f'artifatti u antikitajiet prodotti qabel l-1947, dment li dawn ikunu akkumpanjati minn ċertifikat validu, u jitlob restrizzjonijiet simili għal speċijiet oħra fil-periklu, bħat-tigri u r-rinoċeronti; jitlob l-implimentazzjoni ta' projbizzjoni bħal din mingħajr dewmien ulterjuri fl-2021;

178.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-komunità globali fl-indirizzar tar-riskji marbuta mal-kummerċ u l-bejgħ ta' annimali selvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni tuża d-djalogi regolatorji previsti fl-FTAs biex tippromwovi l-istandards sanitarji u fitosanitarji stretti tal-UE u t-trattament xieraq tal-annimali sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta' epidemiji u pandemiji futuri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra, jekk ikun meħtieġ, l-adozzjoni ta' moratorju fuq l-importazzjonijiet ta' annimali selvaġġi jew speċijiet oħra minn hotspots ta' mard infettiv emerġenti sabiex tindirizza kwalunkwe tħassib dwar is-sikurezza;

179.  Jinnota bi tħassib kbir li t-tniġġis tal-plastik tal-baħar żdied b'għaxar darbiet mill-1980, u affettwa b'mod dirett mill-inqas 267 speċi u s-saħħa tal-bniedem; jesprimi tħassib dwar it-tniġġis ikkawżat mill-mikroplastiċi u min-nanoplastiks u dwar l-impatt tagħhom fuq il-bijodiversità tal-baħar; jissottolinja l-ħtieġa ta' sinerġiji bejn il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030;

180.  Jitlob lill-UE tmexxi negozjati għal ftehim globali dwar il-plastik, inkluż dwar oċeani ħielsa mill-plastik sal-2030, b'miri vinkolanti;

181.  Jieħu nota tan-nuqqas tal-membri tad-WTO li jikkonkludu n-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd sal-aħħar tal-2020; jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas ta' sodisfazzjon tal-impenn fl-ambitu tal-SDGs (SDG 14.6) li jiġu eliminati b'mod gradwali s-sussidji tas-sajd dannużi sal-2020; jappoġġja t-talba għal ftehim globali għall-projbizzjoni ta' sussidji tas-sajd dannużi; jitlob, għalhekk, lill-UE tiżvolġi rwol aktar prominenti fin-negozjati u lill-Kummissjoni tiggarantixxi li d-dispożizzjonijiet tas-sajd fil-ftehimiet kummerċjali jkunu konsistenti mal-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar;

182.  Jisħaq li l-oċeani għandhom ikunu rikonoxxuti fil-livell internazzjonali bħala riżorsa komuni globali bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom; jistieden ukoll lill-UE tistinka għall-adozzjoni ta' trattat globali ambizzjuż dwar l-oċeani biex tipproteġi l-bijodiversità tal-baħar f'oqsma li jmorru lil hinn mill-ġuriżdizzjoni madwar id-dinja fis-sessjoni li jmiss tal-Konferenza Intergovernattiva dwar il-Bijodiversità Lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali u għal panel intergovernattiv dwar l-oċeani;

183.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinkiseb qafas integrat tal-politika marittima tal-UE li jiżgura l-konsistenza bejn il-bijodiversità tal-baħar, il-politika dwar il-klima u l-PKS;

184.  Jenfasizza li jitqies li l-baħar fond għandu l-akbar bijodiversità fuq id-Dinja u jipprovdi servizzi ambjentali kritiċi, inkluż is-sekwestru fit-tul tal-karbonju; jindika li l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar x'aktarx li tikkawża telfien inevitabbli u permanenti tal-bijodiversità; jisħaq li l-prinċipju ta' prekawzjoni jrid japplika għas-settur emerġenti tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani(98) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu moratorju, inkluż fl-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar, fuq l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar sal-mument li l-effetti tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar ikunu ġew studjati u riċerkati biżżejjed u l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar tkun tista' tiġi ġestita biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda telfien ta' bijodiversità tal-baħar u lanqas degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tieqaf tiffinanzja l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar f'konformità ma' ekonomija ċirkolari bbażata fuq il-minimizzazzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-minerali u l-metalli;

185.  Itenni t-talba tiegħu(99) lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu permezz tal-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar sabiex jiżguraw it-trasparenza fil-metodi ta' ħidma tagħha kif ukoll il-protezzjoni effettiva tal-ambjent tal-baħar minn effetti dannużi u l-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, kif meħtieġ skont il-Partijiet XI u XII tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, u jistieden lill-Istati Membri jassumu rwol proattiv u progressiv fil-korpi internazzjonali sabiex iressqu riformi ta' trasparenza u jżidu l-ambizzjoni ambjentali ġenerali tal-azzjonijiet imwettqa;

186.  Jinnota l-importanza kritika tal-popolazzjonijiet tal-balieni għall-ekosistemi tal-baħar u s-sekwestru tal-karbonju; ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għat-tkomplija tal-moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni u l-projbizzjoni fuq in-negozju kummerċjali internazzjonali tal-prodotti tal-balieni(100); jesprimi dispjaċir għall-irtirar tal-Ġappun mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC); iħeġġeġ lin-Norveġja u lill-Ġappun iwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom għall-kaċċa tal-balieni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jħeġġu lill-IWC tindirizza formalment l-attivitajiet kummerċjali tal-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja;

187.  Jistieden lill-Gżejjer Faeroe jwaqqfu l-kaċċa annwali kontroversjali tagħhom fuq il-balieni suwed, magħrufa wkoll bħala l-Grindadràp; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod kontinwu mal-Gżejjer Faeroe dwar din il-kwistjoni bil-għan li tiġi abolita l-prattika;

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura

188.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod aktar malajr, effettiv u trasparenti, inkluż permezz tas-segwitu regolari tal-każijiet, issegwi proċeduri ta' ksur biex tirrimedja l-każijiet kollha ta' nuqqas ta' konformità, u biex sal-2022 ittejjeb il-bażi tad-data pubblika tagħha sabiex il-passi meħuda mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni b'reazzjoni għal ksur fir-rigward tal-ambjent jiġu traċċati b'mod li jinftiehem b'mod ċar u aċċessibbli; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni talloka riżorsi suffiċjenti sabiex jingħeleb id-dewmien attwali; jemmen li livell suffiċjenti ta' persunal kwalifikat u riżorsi huwa kruċjali għall-implimentazzjoni u l-infurzar b'suċċess tal-politiki tal-UE;

189.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod aktar speċifiku, issegwi malajr il-proċeduri ta' ksur dwar każijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, filwaqt li tikkollabora ma' organizzazzjonijiet Ewropej oħra bħall-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), u dwar in-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(101) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina(102) sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti biex jinkiseb Status Ambjentali Tajjeb għall-ibħra u l-ilmijiet Ewropej;

190.  Jistieden lill-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, iħaffu l-implimentazzjoni u l-infurzar, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri jaġġornaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-bijodiversità u jissottomettu rapporti ta' implimentazzjoni biennali lill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u tirrieżamina l-istrateġija jekk ikun meħtieġ;

191.  Jisħaq li l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri kollha huma importanti wkoll biex jiġi pprovdut qafas regolatorju stabbli u trasparenti għall-partijiet ikkonċernati, inklużi l-operaturi ekonomiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 bl-aktar mod effettiv, filwaqt li jevitaw il-piżijiet amministrattiv bla bżonn;

192.  Jemmen li l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali jeħtieġ li tissaħħaħ fl-Istati Membri u bejn il-fruntieri tagħhom; iqis li hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri tal-UE li jipprevjenu l-effettività tal-liġi dwar ir-reati ambjentali; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali(103) sabiex tindirizza dawn id-differenzi; jitlob li l-kriminalitajiet u r-reati ambjentali, bħas-sajd IUU, u l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi jiġu rikonoxxuti bħala reati serji li għandhom jiġu ppenalizzati b'mod adegwat b'deterrenti qawwija, speċjalment fil-kuntest tal-kriminalità organizzata; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li żżid protokoll dwar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali;

193.  Jenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà f'każ ta' ksur tal-leġiżlazzjoni jew ħsara lill-ambjent; jitlob li d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali(104) tiġi riveduta mill-aktar fis possibbli u tinbidel f'regolament armonizzat bis-sħiħ;

194.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri ambjentali u l-attivisti, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjawhom madwar id-dinja;

195.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi strateġija speċifika ta' protezzjoni u appoġġ għall-komunitajiet lokali u d-difensuri tad-drittijiet ambjentali tal-bniedem u tad-drittijiet tal-art, li għandha tiġi koordinata fil-programmi kollha ta' assistenza esterna; jappella wkoll għal appoġġ imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' sħubijiet u l-bini tal-kapaċitajiet biex jiġu difiżi d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali;

196.  Itenni li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw il-konservazzjoni taż-żoni ta' Natura 2000 u ż-żamma jew ir-restawr tal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti għal status ta' konservazzjoni favorevoli; jitlob li d-Direttiva dwar il-Ħabitats tiġi implimentata bis-sħiħ filwaqt li tallinja l-azzjonijiet ta' konservazzjoni mal-aktar progress tekniku u xjentifiku reċenti; huwa konxju dwar il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-koeżistenza tat-trobbija tal-bhejjem ma' karnivori kbar f'xi Stati Membri; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri adegwati biex jindirizzaw il-kunflitti soċjoekonomiċi marbuta mal-koeżistenza ma' predaturi kbar, bħal miżuri preventivi u ta' kumpens, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom; jinnota l-eżistenza ta' linji gwida ċari għall-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, f'konformità mad-Direttiva 92/43/KEE, inkluż dwar l-ibridizzazzjoni tal-ilpup;

197.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġija tiddependi mill-involviment tal-atturi u s-setturi rilevanti kollha; jissottolinja l-ħtieġa li dawn l-atturi u s-setturi jiġu involuti u inċentivati biex imexxu 'l quddiem l-għanijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma għall-partijiet ikkonċernati għad-diskussjoni ma' bosta partijiet ikkonċernati u komunitajiet rappreżentati u tiżgura tranżizzjoni inklużiva, ekwa u ġusta; jemmen li din il-pjattaforma għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva u rappreżentattiva tal-komunitajiet u tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

198.  Jisħaq li huwa essenzjali għar-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju li jintegra rekwiżiti li jkopru kemm rekwiżiti tal-klima kif ukoll dawk tal-bijodiversità;

o
o   o

199.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0212.
(3) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(4) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0015.
(6) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(7) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 130.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0285.
(9) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 38.
(10) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 123.
(11) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 30.
(12) Testi adottati, P9_TA(2020)0201.
(13) Testi adottati, P9_TA(2020)0241.
(14) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(15) Karlsruher Institut für Technologie, "Climate change exacerbates biodiversity loss: Post-2020 biodiversity targets will have to consider global warming" (It-tibdil fil-klima jaggrava t-telfien tal-bijodiversità: Il-miri tal-bijodiversità għal wara l-2020 se jkollhom iqisu t-tisħin globali), ScienceDaily, Rockville, 2020.
(16) Summary for policymakers of the IPBES Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika tar-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-IPBES).
(17) State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).
(18) Il-5 Perspettiva Globali dwar il-Bijodiversità.
(19) Daszak, P. et al., Workshop Report on Biodiversity and Pandemics (Rapport tal-Workshop dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji), il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi, Bonn, 2020.
(20) Ibid.
(21) Durant, O., Natural Medicine: Past to Present, University College of London, Londra, 2018.
(22) Ir-rapport tal-EEA tat-23 ta' Novembru 2020 bit-titolu "An introduction to Europe's Protected Areas" (Introduzzjoni għaż-Żoni Protetti tal-Ewropa).
(23) Management effectiveness in the EU's Natura 2000 network of protected areas (L-effettività tal-ġestjoni fin-network taż-żoni protetti ta' Natura 2000 tal-UE).
(24) ten Brink, P. et al., Natura 2000 – Jobs Scoping Study (Executive summary), Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea, Brussell, 2017.
(25) Ibid.
(26) Ir-Rapport Speċjali tal-QEA tal-21 ta' Frar 2017 bit-titolu "Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-potenzjal sħiħ tan-network Natura 2000 jiġi implimentat".
(27) Ir-rapport tal-FAO tal-20 ta' Mejju 2018 intitolat "Why Bees Matter" (Għaliex huma Importanti n-Naħal).
(28) Testi adottati, P9_TA(2019)0104.
(29) IPBES Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi) tal-31 ta' Mejju 2019.
(30) Leclère, D. et al., "Bending the curve of terrestrial biodiversity needs an integrated strategy", Nature, Vol. 585, Nature Research, Londra, 2020, pp. 551–556.
(31) Ir-Riżoluzzjoni tat-28 ta' April 2021 dwar il-protezzjoni tal-ħamrija (testi adottati, P9_TA(2021)0143).
(32) Ir-Rapport Speċjali tal-QEA bit-titolu "Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis".
(33) Ir-rapport tal-EEA bi-titolu "The European environment – state and outlook 2020: knowledge for transition to a sustainable Europe" (L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020: għarfien għat-tranżizzjoni għal Ewropa sostenibbli).
(34) Bar-On, Y.M., Phillips, R. and Milo, R., "The biomass distribution on Earth", Proceedings of the National Academy of Sciences of the United States of America, Vol. 115, Nru 25, Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi, Washington, D.C., 2018.
(35) Ir-Rapport Speċjali tal-QEA bit-titolu "Ambjent tal-Baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita".
(36) L-artikolu tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Forestrija sostenibbli: Il-MPE jridu jiġġieldu d-deforestazzjoni".
(37) Ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "L-istat tal-konservazzjoni tan-natura fl-Unjoni Ewropea – Rapport dwar l-istatus tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u x-xejriet osservati tul il-perjodu 2013-2018" (COM(2020)0635).
(38)
(39) Ir-rapport tal-FAO u tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tat-22 ta' Mejju 2020 bit-titolu "The State of the World's Forests – Forests, biodiversity and people" (L-Istat tal-Foresti tad-Dinja – Il-foresti, il-bijodiversità u n-nies).
(40) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha.
(41) Ir-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar ix-Xjenza għall-Politika tat-13 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Mapping and Assessment of Ecosystems and their Services: An EU ecosystem assessment" (L-Immappjar u l-Valutazzjoni tal-Ekosistemi u s-Servizzi tagħhom: Valutazzjoni tal-ekosistema tal-UE) (suppliment) u l-inizjattiva BEST tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent (skema volontarja għall-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE u fil-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej).
(42) L-inizjattiva BEST.
(43) Summary for policymakers of the IPBES Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika tar-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-IPBES).
(44) IPBES, Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi) u Global Biodiversity Outlook 5 (Il-5 Perspettiva Globali dwar il-Bijodiversità).
(45) Ir-Rapport tal-EEA tal-25 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Marine messages II: Navigating the course towards clean, healthy and productive seas through implementation of an ecosystem‑based approach" (Messaġġi marini II: It-triq lejn ibħra nodfa, f'saħħithom u produttivi permezz tal-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema).
(46) Ir-Rapport Speċjali tal-IPCC tal-24 ta' Settembru 2019 dwar l-Oċeani u l-Krijosfera fi Klima li Qed Tinbidel.
(47) Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent, Deskrittur 10: Skart fil-Baħar.
(48) Ibid.
(49) Ir-rapport tal-EEA bit-titolu "State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).
(50) Ir-Rapport tal-Workshop tal-IPBES tad-29 ta' Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji.
(51) Ibid.
(52) Ir-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tas-6 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Preventing the next pandemic – Zoonotic diseases and how to break the chain of transmission" (Il-prevenzjoni tal-pandemija li jmiss – Il-mard żoonotiku u kif nistgħu nwaqqfu l-katina tat-trażmissjoni).
(53) In-nota tal-kunċett tripartitiku tal-FAO-OIE-WHO ta' April 2010 dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet globali biex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa fl-interfaċċji bejn l-annimali, il-bnedmin u l-ekosistemi.
(54) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Il-bini ta' Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid transkonfinali għas-saħħa" (COM(2020)0724).
(55) Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Novembru 2020 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (COM(2020)0727).
(56) ir-Rakkomandazzjoni tal-IUCN tal-10 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Protected areas and other areas important for biodiversity in relation to environmentally damaging industrial activities and infrastructure development" (Żoni protetti u żoni oħra importanti għall-bijodiversità fir-rigward ta' attivitajiet industrijali u żvilupp tal-infrastruttura li jagħmlu ħsara lill-ambjent).
(57) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
(58) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(59) Il-briefing tal-EEA bit-titolu "Management effectiveness in the EU's Natura 2000 network of protected areas (L-effettività tal-ġestjoni fin-network taż-żoni protetti ta' Natura 2000 tal-UE).
(60) l-istqarrija għall-istampa tal-Fondazzjoni Dinjija għall-Migrazzjoni tal-Ħut tat-28 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Massive decline in migratory freshwater fish populations could threaten livelihoods of millions, warns new report" (Tnaqqis kbir fil-popolazzjonijiet tal-ħut tal-ilma ħelu migratorji jista' jhedded l-għajxien ta' miljuni, iwissi rapport ġdid).
(61) State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).
(62) Ir-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2015 dwar ir-Rieżami ta' Nofs il-Mandat dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijdoversità sal-2020" (COM(2015)0478).
(63) State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).
(64) Reġjun bijoġeografiku boreali b'4.84 % u l-Atlantiku b'4.94 % fi status favorevoli, f'konformità mad-data (2019) irrapportata skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-perjodu 2013-2018
(65) Data (2019) irrapportata skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-perjodu 2013-2018
(66) Ir-riżoluzzjoni dwar il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
(67) Ir-Riżoluzzjoni dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja.
(68) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 546/2011 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel (testi adottati, P9_TA(2019)0041).
(69) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).
(70) Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE - Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15).
(71) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari (testi adottati, P9_TA(2021)0040).
(72) In-newtralità fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art ġiet iddefinita mill-Partijiet għall-UNCCD bħala: Stat fejn l-ammont u l-kwalità tar-riżorsi tal-art, meħtieġa biex jiġu appoġġjati l-funzjonijiet u s-servizzi tal-ekosistemi u biex tittejjeb is-sigurtà tal-ikel, jibqgħu stabbli jew jiżdiedu fl-iskali u l-ekosistemi temporali u spazjali speċifikati.
(73) Ir-Rapport Speċjali tal-QEA tat-18 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali".
(74) State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).
(75) Ir-Rapport Speċjali tal-QEA tal-5 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis".
(76) Idem.
(77) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).
(78) Ir-rapport tal-EEA bit-titolu "Marine Messages II" (Messaġġi Marini II), paġna 34.
(79) Id-Dokument Tekniku tal-FAO dwar is-Sajd u l-Akkwakultura tad-19 ta' Frar 2019 bit-titolu "A third assessment of global marine fisheries discards" (It-tielet valutazzjoni tar-rimi globali marbut mas-sajd marittimu).
(80) Ir-Rapport Speċjali tal-QEA bit-titolu "Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis".
(81) Ir-Regolament (UE) 2016/2336 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 1).
(82) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u r-Regolament (KE) Nru 973/2001 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).
(83) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(84) Ir-Riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari.
(85) Ftehim proviżorju Proposta dwar Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (COM(2020)0080 – C9-0077/2020 – 2020/0036(COD)).
(86) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 48.
(87) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(88) Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).
(89) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(90) Tsiamis, K. et al., "Prioritizing marine invasive alien species in the European Union through horizon scanning", Aquatic Conservation – Marine and Freshwater Ecosystems, Vol. 30, Nru 4, John Wiley & Sons Ltd, Chichester, 2020.
(91) Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).
(92) Ir-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi ta' April 2020 bit-titolu "A Comprehensive Overview of Global Biodiversity Finance" (Ħarsa Ġenerali Komprensiva lejn il-Finanzi Globali għall-Bijodiversità).
(93) Ir-Riżoluzzjoni dwar il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
(94) Ir-Rapport tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi Ad Hoc tal-KDB tal-15 ta' April 2020 dwar il-valutazzjoni tar-riskju.
(95) Ibid.
(96) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021, bit-titolu "Rieżami tal-Politika Kummerċjali - Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva" (COM(2021)0066).
(97) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi (ĠU C 224, 27.6.2018, p. 117).
(98) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030" (ĠU C 458, 19.12.2018, p. 9).
(99) Ir-Riżoluzzjoni dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani.
(100) Ir-Riżoluzzjoni dwar il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja.
(101) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(102) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(103) Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).
(104) Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza