Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2021 lill-Kunsill dwar il-75 u s-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2020/2128(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll il-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill dwar it-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-3 ta' Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, biex tippreżenta proposti u emendi orali li jistgħu jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u biex teżerċita d-dritt ta' replika,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar l-azzjoni tal-UE biex jissaħħaħ il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tat-13 ta' Lulju 2020, dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-Nazzjonijiet Uniti u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU (Settembru 2020-Settembru 2021),
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel tal-25 ta' Settembru 2020 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar "Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha u aktar awtonoma li tixpruna dinja aktar ġusta",
– wara li kkunsidra l-artiklu ta' opinjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppubblikat fit-22 ta' Settembru 2020 intitolat "L-UE Tappoġġa lin-NU",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-kommemorazzjoni tal-75 anniversarju tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Settembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(2),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa adottati f'Beijing u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti tas-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +5, +10, +15 u +20 dwar azzjonijiet u inizjattivi ġodda għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015, rispettivament,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, approvata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-17 ta' Lulju 1998,
– wara li kkunsidra l-20 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tan-NU adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2000 dwar ir-rwol importanti tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, fin-negozjati għall-paċi, fil-konsolidazzjoni tal-paċi, fiż-żamma tal-paċi, fir-rispons umanitarju u fir-rikostruzzjoni wara l-konflitti,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) 2019-2024, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda dwar id-WPS bħala kwistjoni trasversali fil-kwistjonijiet kollha tal-paċi u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2532 (2020) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-waqfien mill-ġlied fil-kuntest tal-pandemija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) u l-appoġġ għall-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres għal waqfien mill-ġlied globali,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu adottata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006, u li dalwaqt se tiġi aġġornata għas-seba' darba,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar Sistemi ta' Armi Awtonomi(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0173/2021),
A. billi n-Nazzjonijiet Uniti din is-sena tiċċelebra l-75 anniversarju tagħha; billi n-NU wriet li hija forum universali essenzjali għall-bini ta' kunsens internazzjonali dwar il-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; billi hija wkoll fornitur ewlieni ta' appoġġ għal stati fraġli u komunitajiet vulnerabbli fil-bini tal-istat u fir-riżoluzzjoni tal-konflitti; billi t-tensjonijiet politiċi li qed jiżdiedu qed ifixklu l-aġenda tan-NU; billi l-kisbiet u r-rwol indispensabbli tan-NU spiss jiġu injorati fi tfittxija minn xi pajjiżi biex javvanzaw deċiżjonijiet unilaterali; billi huwa importanti għall-UE u l-Istati Membri tagħha, li jiżguraw li n-NU tibqa' forum effiċjenti u effikaċi għall-benefiċċju tal-komunità internazzjonali, u li tkun tista' tkompli twettaq l-isfidi globali preżenti u futuri, li jistgħu jinkisbu biss permezz tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tas-soluzzjonijiet multilaterali; billi t-tliet pilastri tan-NU huma (i) il-paċi u s-sigurtà, (ii) l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem, u (iii) l-istat tad-dritt, u huma inseparabbli u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja, u billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċkien f'ħafna Stati Membri tan-NU; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw dejjem aktar theddid għall-ħidma leġittima tagħhom f'livell globali f'kuntest fejn ir-restrizzjonijiet u l-lockdowns marbuta mal-COVID-19 naqqsu r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-istati għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu azzjoni biex jiggarantixxu li l-persuni, il-komunitajiet lokali u l-gruppi tal-popolazzjoni kollha jkollhom id-dritt għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom f'konformità mal-objettivi fundamentali u l-prinċipji gwida tan-NU kif minquxa fil-Karta ta' Twaqqif tagħha tal-1945 u fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; billi s-salvagwardja u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-prinċipji ewlenin tan-NU; billi rapporti reċenti tan-NU indikaw li diversi Stati Membri tan-NU qed jiksru u jdgħajfu b'mod sistematiku d-drittijiet tal-bniedem; billi l-iskop oriġinali tan-NU – iż-żamma tal-paċi – ġie kkontestat minn kriżijiet kumplessi u kontinwi;
B. billi l-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-ħtieġa urġenti għall-bini ta' kapaċità reżiljenti madwar il-komunità internazzjonali u għall-ħtieġa ta' djalogu u kooperazzjoni multilaterali mill-qrib, b'attenzjoni partikolari għall-aċċess għall-beni pubbliċi; billi r-rwol, l-għarfien espert u l-integrità tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) huma, speċjalment issa, ta' importanza kruċjali għall-koordinazzjoni u l-isforzi globali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; billi d-WHO trid tkompli tavvanza l-kapaċità tagħha li timmaniġġa l-pandemija attwali u r-riskji futuri tal-pandemija; billi l-Aġenda 2030 u l-SDGs jipprovdu pjan direzzjonali ċentrali għall-irkupru u l-azzjoni, diġà vvalidat mill-komunità internazzjonali; billi l-COVID-19 x'aktarx li se taċċellera x-xejriet negattivi – inkluż it-theddid għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri – sakemm ma titteħidx azzjoni politika rapida, sinifikanti u sostanzjali f'livell globali; billi l-iskrutinju parlamentari fuq id-deċiżjonijiet tal-gvern huwa importanti wkoll bil-ħsieb li jiġi żgurat rispett strett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini; billi l-kooperazzjoni tal-UE u n-NU hija kruċjali fil-ġlieda kontra dawn ix-xejriet; billi l-pandemija enfasizzat il-fatt li l-promozzjoni tas-saħħa universali mhijiex biss imperattiv morali, iżda wkoll prerekwiżit għall-benesseri u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, kif ukoll għall-emanċipazzjoni tal-persuni kollha, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli; billi l-pandemija enfasizzat ukoll l-importanza li jsir investiment akbar u aħjar fl-indirizzar tal-ħtiġijiet kritiċi tas-saħħa fil-livell globali;
C. billi d-WHO, bħala l-awtorità eżekuttiva tan-NU li tikkoordina l-azzjoni tas-saħħa fi ħdan is-sistema tan-NU, tipprovdi tmexxija fi kwistjonijiet dinjija tas-saħħa; billi s-sitt punti fokali tal-aġenda tas-saħħa u l-iżvilupp tad-WHO għas-seklu 21 jinkludu l-użu tajjeb tar-riċerka, l-informazzjoni u l-evidenza, u t-tisħiħ tal-alleanzi permezz ta' appoġġ u kooperazzjoni fost is-sħab, inklużi korpi fi ħdan in-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, donaturi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat;
D. billi n-NU tipprovdi forum importanti għal djalogu inklużiv fost id-debituri sovrani, il-kredituri u partijiet ikkonċernati oħra;
E. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU wera tmexxija eċċellenti fil-progress tar-riforma tan-NU; billi huma meħtieġa aktar miżuri kuraġġużi u determinazzjoni politika biex jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti ewlenin, b'mod partikolari r-riforma tal-istruttura tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala l-akbar kontributuri finanzjarji tan-NU, meħuda flimkien, urew impenn importanti favur multilateraliżmu effettiv permezz tal-appoġġ politiku, simboliku u finanzjarju tagħhom lin-NU, bl-għan ewlieni tal-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fit-tul, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra t-traffikar u l-għoti tal-assistenza umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li jiffaċċjaw kull tip ta' kriżi, kemm dik naturali kif ukoll dik ikkawżata mill-bniedem; billi l-problema ta' finanzjament adegwat tas-sistema tan-NU għadha sfida; billi l-UE għandha tistieden lin-NU biex tagħmel aktar fit-tfittxija tagħha għal riforma li se tinkludi aktar nisa, żgħażagħ u persuni b'diżabilità fost il-persunal u t-tmexxija tagħha, u tqajjem kuxjenza dwar l-intersezzjonalità fl-istrutturi tan-NU;
1. Jirrakkomanda li l-Kunsill:
(a)
ikompli bir-rekord importanti tiegħu ta' appoġġ għal multilateraliżmu effettiv, għal organizzazzjonijiet multilaterali effiċjenti u trasparenti, u f'appoġġ lin-NU b'mod partikolari bħala forum indispensabbli għal soluzzjonijiet multilaterali tal-isfidi globali u għas-sensibilizzazzjoni tal-politika, id-djalogu politiku u l-bini ta' kunsens madwar il-komunità internazzjonali; il-Parlament jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU, meqjusa bħala fora effettivi għall-promozzjoni tal-valuri universali li huma wkoll il-valuri ewlenin tal-UE; jafferma mill-ġdid li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkondividu l-valuri u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' dawn il-prinċipji u l-objettivi tan-NU fl-azzjoni esterna tal-UE; hu tal-fehma li l-UE teħtieġ sħab globali u reġjonali sabiex tilħaq b'suċċess l-objettivi tal-politika estera tagħha, jiġifieri fl-oqsma tal-paċi u s-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, il-konflitti reġjonali u fil-ġlieda kontra Stati falluti u l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, jemmen li l-UE għandha ssaħħaħ l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tagħha biex tiżviluppa sħubijiet usa' għall-appoġġ tal-multilateraliżmu effettiv u għandha tikkunsidra li tinkludi diskussjonijiet iffukati fuq multilateraliżmu effettiv fid-djalogi strutturati kollha mas-sħab tagħha; jinnota wkoll li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u li l-promozzjoni ta' dawn il-valuri esternament, l-avvanz tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE, f'konformità mal-Artikolu 21 TUE u l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, u li dan għandu jiġi rifless ukoll, b'mod effettiv u koerenti, fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi u l-istituzzjonijiet mhux tal-UE u fl-objettivi segwiti mill-UE fis-Sistema tan-NU, b'attenzjoni partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Dritt Internazzjonali; hu tal-fehma, għalhekk, li l-Kunsill għandu jappoġġa l-attivitajiet kollha biex il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu fil-quċċata tal-aġenda tan-NU fid-dawl tal-isforzi biex tiġi mminata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u dispożizzjonijiet rilevanti oħra tan-NU billi jiġu subordinati d-drittijiet tal-bniedem individwali għall-allegat benessri tas-soċjetajiet kollha; jappoġġa azzjonijiet konkreti f'dan ir-rigward biex tissaħħaħ l-arkitettura tan-NU;
(b)
ikun tal-fehma li, f'kuntest multipolari fejn xi pajjiżi qed jippromwovu multilateraliżmu selettiv aktar milli multilateraliżmu effettiv minsuġ fil-valuri universali, l-UE għandha tfittex li tippromwovi impenn akbar u mingħajr kundizzjonijiet mill-membri tan-NU għall-valuri universali, sistema bbażata fuq ir-regoli u s-supremazija tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha ta' politika; il-Parlament jappella għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' tali valuri fl-oqsma kollha tal-politika u tal-ipprogrammar tan-NU, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, bil-ħsieb li jsir progress fid-djalogu politiku u fis-soluzzjonijiet ta' politika, fl-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-kapaċità, filwaqt li jitqies li n-NU hija organizzazzjoni intergovernattiva, li teħtieġ il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tan-NU; jistieden lill-Kunsill jaħtaf l-opportunità tal-Amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti u jkompli jikkomunika mal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet politiċi u ta' politika ta' interess komuni u jżomm kapaċità ta' djalogu u sħubija biex jerġa' jibni u jippreserva l-potenzjal tas-Sħubija Trans-Atlantika u l-kooperazzjoni fis-Sistema tan-NU għall-futur; ifaħħar, f'dan ir-rigward, is-"Summit dinji għad-Demokrazija biex jiġġedded l-ispirtu u l-iskop komuni tan-nazzjonijiet tad-dinja l-ħielsa" propost mill-President tal-Istati Uniti Joe Biden u jitlob lill-Kunsill jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta' dan is-Summit, bil-għan li jlaqqa' flimkien id-demokraziji tad-dinja sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u jiġu promossi l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill biex bl-istess mod isegwi aktar ir-rekord tajjeb ta' djalogu mill-qrib u kooperazzjoni mar-Renju Unit bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
(c)
ikompli bl-isforzi tiegħu biex jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitkellmu b'vuċi waħda fin-NU u f'fora multilaterali oħra u jagħmel il-politika estera u ta' sigurtà tal-UE aktar effettiva u proattiva billi juża r-regola tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess strateġiku ewlieni għall-UE jew f'riflessjoni tal-valuri fundamentali tagħha, peress li dan huwa l-uniku mod li bih l-Unjoni jista' jkollha rwol ewlieni fix-xena internazzjonali u tuża l-influwenza tagħha biex twassal għal bidliet pożittivi u risponsi aħjar għal sfidi globali, b'referenza partikolari għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) u r-rekord tajjeb ta' kooperazzjoni mal-membru permanenti u b'rotazzjoni tal-KSNU li huma Stati Membri tal-UE, mal-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) u mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC); il-Parlament ifaħħar ir-rwol eċċellenti tas-SEAE u tad-delegazzjonijiet tiegħu, kif ukoll tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE, fil-faċilitazzjoni ta' tali djalogu u kooperazzjoni; hu tal-fehma li, sabiex tħares l-objettivi u l-interessi tagħha, l-UE għandha tfittex li tasal għal pożizzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà permezz ta' koordinazzjoni fi ħdan il-Kunsill u fost l-istituzzjonijiet tal-UE; f'konformità mal-Artikolu 34 tat-TUE, sabiex jitjiebu l-koerenza u l-kredibbiltà tal-UE fil-livell tan-NU; ifakkar li l-UE hija rappreżentata fin-NU minn diversi atturi;
(d)
ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU dwar it-tfassil ta' strumenti biex tiġi indirizzata l-problema rikorrenti tal-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, inkluż billi tibni fuq l-esperjenza tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament Ewropew;
(e)
ifakkar li d-dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ivvalutati minn diversi Stati Membri għandu effetti estremament negattivi fuq il-ħidma tan-NU u għalhekk mhuwiex aċċettabbli;
(f)
jappoġġa l-isforzi kollha biex l-aġenda dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm terġa' titqiegħed fuq l-aġenda internazzjonali u jħeġġeġ li t-trasferimenti ta' armi konvenzjonali bejn l-Istati Membri tan-NU jikkonformaw bis-sħiħ mal-kriterji tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA); jikkonvinċi lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jadotta, kif iddikjarat fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi, qafas legali vinkolanti li jipprojbixxi l-esportazzjoni u l-bejgħ ta' armi u teknoloġiji ta' sorveljanza ċibernetika li l-għan tagħhom huwa li jitwettqu delitti tal-gwerra u/jew it-trażżin tad-dissens intern; itenni li multilateraliżmu effettiv u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli huma prekundizzjoni għall-avvanz tad-diżarm u għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha għal trattati internazzjonali eżistenti, fost l-oħrajn, it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi (CTBT), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), it-TKA, il-Konvenzjonijiet dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi u dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal u l-promozzjoni ta' sforzi għall-iżvilupp ta' dikjarazzjoni politika dwar Armi Splussivi f'Żoni Popolati (EWIPA), kif ukoll definizzjoni ċara ta' armi awtonomi; il-Parlament iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex jaħdmu lejn il-bidu ta' negozjati internazzjonali dwar strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi sistemi ta' armi awtonomi letali mingħajr kontroll uman sinifikanti; jirrakkomanda li l-Kunsill iħeġġeġ lill-potenzi nukleari ewlenin biex iwaqqfu l-irtirar tagħhom mir-reġim tal-kontroll tal-armi u biex jiksbu progress fit-taħditiet dwar il-kontroll tal-armi nukleari; jirrakkomanda li l-Kunsill iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lir-Russja biex jibdew jibnu fiduċja reċiproka u kunfidenza sabiex jerġa' jibda d-djalogu dwar modi kif tinbena relazzjoni ġdida ta' kontroll tal-armi possibbli; hu tal-fehma li l-UE għandha tappoġġa l-ħidmiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ispazju Extratmosferiku tal-Kummissjoni dwar id-Diżarm tan-NU dwar l-implimentazzjoni prattika ta' miżuri ta' trasparenza u ta' bini ta' fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku; hu tal-fehma li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu jipprovdi opportunità siewja biex jiġu definiti standards u twissijiet komuni għal teknoloġiji militari ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, l-armi spazjali, il-bijoteknoloġiji u l-ipersoniċi; jemmen li l-UE għandha tappoġġa u tikkontribwixxi b'mod attiv għas-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal waqfien mill-ġlied globali, inkluż permezz ta' miżuri effettivi kontra l-kummerċ illeċitu tal-armi u t-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri;
(g)
jirrikonoxxi l-potenzjal ta' involviment reġjonali dirett fin-NU billi jappoġġa organizzazzjonijiet oħra, bħall-Unjoni Afrikana (UA), fil-possibbiltà li jitolbu status speċifiku bħala osservatur privileġġat; jirrikonoxxi u juża l-potenzjal tal-UE, bħala l-aktar organizzazzjoni reġjonali sofistikata, li jkollha rwol ta' tmexxija fir-rilanċ u t-tisħiħ tas-sistema tan-NU permezz ta' multilateraliżmu f'diversi livelli;
(h)
ikompli jipprovdi appoġġ siewi lis-Segretarju Ġenerali tan-NU fit-tfittxija tiegħu biex javvanza l-programm ta' riformi fin-NU, isaħħaħ il-kapaċità tan-NU għal aktar żvilupp sostenibbli, jippromwovi l-paċi u s-sigurtà, jissimplifika s-sistema ta' ġestjoni interna tagħha bil-ħsieb li tkun NU effettiva, trasparenti, finanzjarjament sostenibbli u responsabbli, li kapaċi terġa' tingħaqad maċ-ċittadini tagħha, inklużi l-komunitajiet lokali u l-atturi lokali oħra u s-soċjetà ċivili, u li tkun aktar allinjata mal-aġenda globali diffiċli; jieħu rwol ta' tmexxija dwar il-kwistjoni tad-differiment arbitrarju tal-applikazzjonijiet minn għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-istatus konsultattiv tan-NU; il-Parlament jissottolinja li l-progress kbir miksub fil-proċess ta' riforma tan-NU kien fl-isfera amministrattiva u burokratika, filwaqt li r-riformi politiċi ewlenin għadhom pendenti, u għandu jinkludi r-rivitalizzazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u passi konkreti biex jitħaffef l-allinjament tas-sistema ta' żvilupp mal-Aġenda 2030; hu tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom isibu kunsens wiesa' biex jirriformaw il-KSNU fost l-oħrajn siġġu permanenti għall-Unjoni Ewropea, flimkien ma' siġġijiet diġà eżistenti miżmuma mill-Istati Membri, u limitazzjoni tal-użu tad-dritt tal-veto, b'mod partikolari f'każijiet ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità u bidla fil-kompożizzjoni tal-membri tiegħu biex jirriflettu aħjar id-dinja tal-lum; jemmen li l-UE għandha tappoġġa lis-Segretarju Ġenerali u titolbu jintensifika l-isforzi tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tan-NU dwar il-Parità bejn il-Ġeneri biex tiġi żgurata rappreżentanza ugwali tan-nisa fis-sistema tan-NU fil-livelli ġerarkiċi kollha; hu tal-fehma li l-UE għandha tfakkar lin-NU li, mill-ħolqien tan-NU fl-1945, l-ebda mara ma nħatret Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;
(i)
ikompli jfittex sinerġiji akbar bejn il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC), l-AĠNU u l-KSNU; il-Parlament ifaħħar il-ħidma tal-UE fl-appoġġ tal-ħidma tal-HRC, u l-Proċeduri Speċjali tan-NU, inklużi r-Rapporteurs Speċjali, b'mod partikolari meta jidentifikaw u jimmonitorjaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u mekkaniżmi tematiċi u speċifiċi oħra għall-pajjiż tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tal-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati bħala drittijiet indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati fl-oqsma kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-politika tan-NU; hu tal-fehma li l-UE għandha tkompli tappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-protezzjoni u l-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u għandha tfittex li tattiva mekkaniżmi disponibbli tan-NU biex il-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jitressqu quddiem il-ġustizzja, b'mod partikolari meta l-pajjiżi kkonċernati ma jkunux jistgħu jinvestigaw reati bħal dawn jew jirrifjutaw li jinvestigawhom u ma jiggarantixxux il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha; jenfasizza l-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-uffiċċju tagħha fid-denunzja tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ li tiġi garantita l-imparzjalità tal-korpi kollha relatati mad-difiża u l-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, li jiġu protetti minn interferenza possibbli minn dawk l-istati li huma suspettati bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew nuqqas ta' rispett tagħhom; jiddeplora l-abbuż tal-HRC minn reġimi awtoritarji li jkomplu jabbużawh għall-għanijiet tagħhom, b'mod partikolari, biex jimminaw l-funzjonament tiegħu, u jnaqqru r-reġim tan-normi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw riforma komprensiva tal-HRC; jissottolinja, għalhekk, l-importanza tal-promozzjoni ta' riforma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) li tista' tiżgura impenn reali għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem b'mod effettiv u imparzjali mill-Istati Membri kollha bir-riskju, inkella li l-kredibbiltà tal-HRC tkun imminata; itenni l-ħtieġa li jiġi rieżaminat il-proċess elettorali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, bħal projbizzjoni ta' "listi magħluqa" u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu pubbliku ta' "rieżami tal-wegħdiet" biex tittejjeb ir-responsabbiltà tal-membri tal-kunsill u biex jiġi garantit li kull stat b'siġġu fil-kunsill jagħmel l-almu tiegħu biex jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mar-riżoluzzjoni li waqqfet il-kunsill; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw pożizzjoni koordinata fir-rigward tas-sħubija fl-HRC u jivvotaw kontra l-kandidati kollha tal-UNHRC li jonqsu milli jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-riżoluzzjoni 60/251 tal-AĠNU tal-15 ta' Marzu 2006; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jitolbu rapport annwali mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iffokat fuq il-kooperazzjoni mill-membri tal-Kunsill mal-mekkaniżmi tan-NU u biex jagħmlu pressjoni fuq il-membri magħżula għall-Kunsill biex joħorġu stediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tal-HRC; jiddispjaċih dwar l-involviment tal-Venezwela bħala membru sħiħ tal-UNHRC bejn l-2020 u l-2022, meta n-NU nnifisha, fir-rapport tagħha tal-2020, approvat rapporti ta' delitti kontra l-umanità mwettqa mill-Gvern Venezwelan, u jirrimarka li hemm nuqqas ċar ta' konsistenza f'din is-sitwazzjoni;
(j)
jemmen li l-UE għandha tappoġġa l-istabbiliment fi ħdan il-UNHRC ta' kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti biex tinvestiga fatti u ċirkostanzi relatati ma' allegazzjonijiet ta' razziżmu sistematiku, ksur u abbużi; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u l-kultura fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda intersezzjonali kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;
(k)
ikompli jsaħħaħ ir-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali sabiex jippromwovi r-responsabbiltà biex tintemm l-impunità u jipprovdi lill-QKI b'riżorsi diplomatiċi, politiċi u finanzjarji xierqa b'saħħithom biex tkun tista' twettaq il-kompiti fi ħdan il-mandat tagħha; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jingħaqdu mal-QKI billi jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; jistieden lil dawk li jirtiraw mill-QKI biex ireġġgħu lura d-deċiżjonijiet tagħhom; jappoġġa l-QKI bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi ta' reati jinżammu responsabbli għal għemilhom u l-vittmi jiġu assistiti fil-kisba tal-ġustizzja, u biex iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni qawwija bejn il-QKI, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; il-Parlament jiddispjaċih u jikkundanna l-attakki kontra l-QKI u jkompli jopponi bil-qawwa kwalunkwe azzjoni offensiva u pretensjonijiet jew dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati li jdgħajfu l-QKI u s-sistema tal-istatut ta' Ruma b'mod ġenerali; jilqa' l-azzjonijiet konkreti biex jitneħħew is-sanzjonijiet kontra l-persunal tal-QKI inkluż il-Kap Prosekutur tal-QKI; hu tal-fehma li l-UE għandha timpenja ruħha fi djalogu msaħħaħ mal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet relatati mal-QKI u li l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda globali kontra r-reati internazzjonali billi tappoġġa inizjattivi li għandhom l-għan li jippromwovu l-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali u l-bini tal-kapaċità tal-Istati Membri tan-NU biex japplikawh fis-sistemi legali domestiċi tagħhom; jissottolinja r-rwol ewlieni tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità, inkluż l-appoġġ tagħha għall-Qorti Kriminali Internazzjonali, li huwa element fundamentali tal-vuċi tal-UE fin-NU u jissottolinja wkoll li l-QKI hija l-unika istituzzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità li tipproċessa wħud mill-aktar delitti orribbli tad-dinja u li tiddefendi lill-vittmi li ma għandhom l-ebda rikors ieħor;
(l)
jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għall-aderenza universali u l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali, u jtenni l-appoġġ għalihom, u l-impenn tiegħu għal ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali; jilqa' d-djalogu mibdi mill-Grupp għall-Koordinament u r-Riżorsi fil-qasam tal-Istat tad-Dritt u l-Unità tal-Istat tad-Dritt fl-Uffiċċju Eżekuttiv tas-Segretarju Ġenerali mal-Istati Membri dwar is-suġġett "Il-promozzjoni tal-istat tad-dritt fil-livell internazzjonali" u jappella għat-tkomplija ta' dan id-djalogu bil-ħsieb li jitrawwem l-istat tad-dritt fil-livell internazzjonali; il-Parlament jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lis-sistema tan-NU jindirizzaw b'mod sistematiku, kif xieraq, l-aspetti tal-istat tad-dritt f'attivitajiet rilevanti, inkluża l-parteċipazzjoni tan-nisa f'attivitajiet relatati mal-istat tad-dritt;
(m)
jiġġieled b'mod attiv kontra tentattivi minn xi individwi jew koalizzjonijiet ta' pajjiżi biex jimminaw il-kunsens internazzjonali dwar is-saħħa u d-drittijiet riproduttivi; b'mod partikolari, jiddenunzja d-"Dikjarazzjoni ta' Ġinevra dwar il-Kunsens" reċenti, immexxija mill-amministrazzjoni Trump u ffirmata b'mod konġunt minn 32 gvern fil-biċċa l-kbira illiberali jew awtoritarji; il-Parlament jesprimi l-iskumdità kbira tiegħu li jara żewġ Stati Membri tal-UE, l-Ungerija u l-Polonja, jiffirmaw din id-dikjarazzjoni retrogradata li għandha l-għan li timmina l-libertajiet riproduttivi tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni LGBT;
(n)
jappoġġa l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma intergovernattiv miftuħ (OEIGWG) stabbilit reċentement għall-iżvilupp ta' trattat legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra bil-ħsieb li jiġi stabbilit strument legalment vinkolanti li jiżgura li l-kumpaniji jkunu kompletament responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-reati ambjentali;
(o)
ikompli jżid l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità għal reati kontra ġurnalisti, ħaddiema tal-media u persunal assoċjat, inklużi dawk lokali, u jniedi inizjattivi konkreti f'dan ir-rigward; jappoġġa s-sejħa tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji biex jiġi stabbilit mekkaniżmu investigattiv permanenti tan-NU dwar ir-reati kontra l-ġurnalisti u jappoġġa l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti madwar id-dinja; jadotta politika biex jiddenunzja, b'mod sistematiku u inekwivoku, il-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB), inklużi d-difensuri ambjentali u tal-art tad-drittijiet tal-bniedem u kwalunkwe tentattiv biex dawn jiġu soġġetti għal kwalunkwe forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddida, fastidju, għajbien, priġunerija jew arrest arbitrarju; jappella lill-Istati Membri tan-NU jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju; ikompli jippromwovi, permezz tal-mezzi diplomatiċi kollha u f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU, għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja u għas-sejħa ta' moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt;
(p)
ikompli jespandi s-sett ta' għodod tiegħu għad-diplomazija u s-sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-paċi, is-sigurtà internazzjonali u l-istabbiltà fuq terminu twil, id-diplomazija dwar il-klima, id-diplomazija kulturali, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-globalizzazzjoni ġusta u l-kapaċità ta' segwitu ta' djalogu politiku u kunsens politiku, mhux biss mal-membri tan-NU iżda wkoll ma' interlokuturi rilevanti bħal bliet, reġjuni, l-akkademja, entitajiet u komunitajiet reliġjużi, is-soċjetà ċivili, komunitajiet lokali u indiġeni u s-settur privat; jagħmel sforzi biex isib soluzzjonijiet għal problemi globali, bħat-tibdil fil-klima, bħala punt ta' dħul għal relazzjonijiet diplomatiċi ma' sħab li magħhom punti oħra tal-aġenda huma kkontestati ħafna, u b'hekk joffri opportunità biex jissaħħu l-istabbiltà u l-paċi; il-Parlament jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tas-sistema tan-NU b'diversi modi u f'diversi forom;
(q)
itenni l-kundanna inekwivoka tiegħu għat-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jegħlbu u jeqirdu organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ Daesh/ISIS, li jirrappreżentaw theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; jaħdem mal-AĠNU u l-KSNU fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u fil-bini ta' mekkaniżmi li jiżvelaw terroristi u organizzazzjonijiet terroristiċi u fit-tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' ffriżar tal-assi madwar id-dinja; jimpenja ruħu li jsaħħaħ l-isforzi konġunti tal-UE-NU fil-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu, partikolarment billi jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jiġu żviluppati r-riċerka fiċ-ċiberdifiża u l-bini ta' kapaċità; jappoġġa inizjattivi attwali tas-sħab lokali għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' approċċi maħsuba biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ f'organizzazzjonijiet terroristiċi; ikompli bl-isforzi tiegħu biex irażżan ir-reklutaġġ, il-ġlieda kontra l-ġellieda barranin, l-estremiżmu vjolenti, u l-propaganda terroristika; jappoġġa azzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiżguraw l-inklużjoni soċjali u billi jesploraw inizjattivi li jinvolvu ruħhom ma' mexxejja u ministri reliġjużi moderati; jaħdem biex isaħħaħ l-effikaċja tal-pulizija internazzjonali, u l-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali bħala appoġġ għall-politiki kontra r-radikalizzazzjoni u d-deradikalizzazzjoni f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti; jippromwovi l-ħidma fin-NU fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi timplimenta u taġġorna l-erba' pilastri tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu approvata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006; imexxi r-rieżami li jmiss tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu billi jsaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem u l-approċċi ta' prevenzjoni;
(r)
jespandi aktar il-kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, l-Unjoni Afrikana (UA) u n-NU; il-Parlament jisħaq fuq l-importanza ta' sforz konġunt lejn il-bini tal-kapaċità mill-UE, in-NU u l-UA biex ikomplu jikkooperaw mal-UA fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UA għall-prevenzjoni tal-kriżijiet, il-ġestjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni tal-konflitti fil-kontinent Afrikan, anke permezz ta' kontinwazzjoni koerenti tal-appoġġ fit-tul tal-UE u tan-NU għall-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA), kif ukoll kapaċitajiet f'oqsma oħra ta' politika ta' rilevanza għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Afrika, pereżempju fuq il-bażi ta' indiċi ta' sigurtà tal-bniedem, inkluż f'termini ekonomiċi u ambjentali, u fir-rigward tal-aċċess għall-beni pubbliċi; jisħaq fuq il-ħtieġa f'dan ir-rigward li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni fir-reġjun tas-Saħel fid-dawl tal-instabbiltà li qed tiżdied; hu tal-fehma li l-UE jista' jkollha kapaċità attrattiva sostanzjali bil-ħila tagħha li twettaq l-aspirazzjonijiet ta' sħubija tal-kontinent Afrikan u l-istituzzjonijiet tiegħu permezz ta' sħubijiet bejn partijiet ugwali f'konformità mal-istrateġika UE-Afrika l-ġdida; jissottolinja l-importanza ta' djalogu politiku u ta' politika aktar mill-qrib mas-sħab tal-UE fl-Afrika, inkluż appoġġ u djalogu mal-organizzazzjonijiet reġjonali u fi ħdan id-dimensjonijiet parlamentari; jisħaq fuq l-importanza li jiġu intensifikati, fi ħdan il-qafas tan-NU, id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi Afrikani tal-viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni ta' sigurtà u stabbiltà;
(s)
jirrikonoxxi u jibni fuq il-progress sinifikanti li sar mill-UE u n-NU fl-għoti ta' appoġġ u bini ta' kapaċità fir-reġjuni tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika; il-Parlament ifaħħar ir-rwol u l-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili u militari tal-UE tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u l-missjonijiet tan-NU, inkluża l-Istrateġija Integrata tan-NU għas-Saħel u l-Pjan ta' Appoġġ tagħha, il-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni f'Mali (MINUSMA) u l-Uffiċċju tan-NU għall-Afrika tal-Punent; jilqa' l-iffirmar tal-arranġament tekniku bejn il-G5 tas-Saħel, l-UE u n-NU għall-forniment ta' appoġġ operazzjonali u loġistiku għall-Forza Konġunta fil-ħames pajjiżi tal-G5 tas-Saħel biex ifakkru l-kooperazzjoni eċċellenti bejn it-tliet organizzazzjonijiet; hu tal-fehma li l-UE għandha tappoġġa l-appell lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex il-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel titqiegħed taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU u biex din tingħata finanzjament fit-tul; ifakkar li l-iżvilupp, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Afrikan, speċjalment ir-reġjuni tal-Magreb u s-Saħel, jaffettwaw direttament lill-UE u l-fruntieri esterni tagħha; jistieden lill-UE tappoġġa u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha man-NU u l-UA fl-appoġġ għall-iżvilupp, l-indirizzar tal-faqar u l-bini tal-kapaċitajiet mas-sħab lokali għall-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-traffikar tal-bnedmin;
(t)
isawwar kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi tal-Amerika Latina – reġjun li miegħu għandna ħafna rabtiet u valuri, u li ntlaqat ħażin mill-pandemija tal-COVID-19 – sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni b'mod koordinat fi ħdan il-qafas tan-NU;
(u)
ikompli djalogu ulterjuri dwar il-kapaċità tas-sistema tan-NU li twettaq u tespandi l-kapaċità tagħha ta' prevenzjoni tal-konflitti u r-responsabbiltà ta' protezzjoni (R2P), filwaqt li tafferma mill-ġdid l-impenn kondiviż għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, id-dritt internazzjonali, inklużi l-integrità territorjali, l-indipendenza, u s-sovranità, kif iddikjarat ukoll fil-prinċipji tal-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE (Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa), u tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi kollha jkunu fil-qalba tal-politiki ta' prevenzjoni tal-konflitti u ta' medjazzjoni; il-Parlament jenfasizza l-importanza ta' djalogu u kooperazzjoni man-NU dwar missjonijiet ta' żamma tal-paċi effettivi u kredibbli b'objettivi ċari, b'kapaċità ċara li jagħtu riżultati, u kapaċi jiksbu riżultati tanġibbli u kredibbli; jappella għal mekkaniżmi effettivi, inklużi: (i) l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti kollha dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà f'konformità mal-objettiv tal-parteċipazzjoni u t-tmexxija sħiħa, ugwali u sinifikanti tan-nisa f'missjonijiet għaż-żamma tal-paċi u l-istrutturi tan-NU ddedikati għalihom, (ii) il-perspettiva tat-tfal u ż-żgħażagħ, kif iddikjarat fl-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluż f'termini ta' appoġġ u tisħiħ tal-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal f'konflitt armat, (iii) il-perspettiva tal-persuni b'diżabilità, inklużi, b'mod partikolari, dawk li jħabbtu wiċċhom mad-diskriminazzjoni intersezzjonali u dawk li jinsabu f'riskju skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, kif ukoll, (iv) il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, li jinsabu fil-qalba tal-mandati għaż-żamma tal-paċi; itenni r-rwol kruċjali li għandhom in-nisa fil-medjazzjoni tal-konflitti u l-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi; ifakkar fis-sottorappreżentanza tagħhom fil-livelli kollha fi ħdan il-missjonijiet tan-NU u tal-UE, u l-importanza kruċjali tal-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jgħinu biex jikkontribwixxu aktar forzi armati Ewropej għaż-żamma tal-paċi tan-NU; jissottolinja l-importanza tal-appoġġ tal-UE għal pajjiżi li ħerġin minn konflitt vjolenti; jappella, għalhekk, għal kooperazzjoni msaħħa fl-indirizzar tal-fraġilità ta' kuntesti ta' tranżizzjoni, inkluż permezz tat-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali u l-konsolidazzjoni ta' kisbiet fil-bini tal-paċi u t-tisħiħ tal-interazzjoni mal-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni u l-għajnuna għalihom; jappella għar-riforma tal-istrutturi rilevanti sabiex tintemm l-impunità tal-persunal tan-NU li jservi f'operazzjonijiet militari u missjonijiet ċivili u biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sorveljanza trasparenti u responsabbiltà sodi li jiffunzjonaw f'każijiet fejn iseħħu abbużi b'mod partikolari atti ta' vjolenza sesswali; ifaħħar il-ħidma u l-kontribut għall-ġlieda kontra l-impunità tas-Sinjura Agnes Callamard, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, fit-twettiq ta' investigazzjonijiet f'każijiet suspettati ta' qtil extraġudizzjarju filwaqt li kienet soġġetta għal intimidazzjonijiet u theddid;
(v)
ikompli djalogu konsistenti ulterjuri fil-fora tan-NU, b'mod partikolari l-AĠNU, dwar il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, f'konformità mal-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI f'fora multilaterali(5), il-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt(6), u fir-rigward tal-Prinċipji ta' Yogyakarta rikonoxxuti internazzjonalment(7); iħeġġeġ lill-korpi u lill-Membri tan-NU jinkludu "l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru" u "karatteristiċi tas-sess" fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom ta' kunsiderazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk jinkludu persuni transġeneri u intersesswali, kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem li huma vittmi tiegħu; juża l-għodod diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jippromwovi fil-livell globali d-dekriminalizzazzjoni ta' atti kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt bħala sanzjoni għal atti kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni li tippermetti r-rikonoxximent legali tal-ġeneru u l-projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali intersesswali u l-hekk imsejħa prattiki ta' "terapija ta' konverżjoni" madwar id-dinja;
(w)
jippromwovi l-koerenza tar-relazzjonijiet tan-NU lejn sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni tat-territorju; ifakkar li d-dritt umanitarju internazzjonali għandu jiggwida l-impenn internazzjonali fis-sitwazzjonijiet kollha bħal dawn, inkluż f'każijiet ta' okkupazzjoni mtawla u l-konflitti ffriżati multipli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; il-Parlament jappoġġa l-attenzjoni dejjem akbar mogħtija min-NU lill-attivitajiet kummerċjali relatati ma' sitwazzjonijiet ta' tħassib internazzjonali u jistieden lill-Kunsill jimmonitorja mill-qrib il-kumpaniji bbażati fl-UE li huma elenkati f'tali rapporti jew bażijiet tad-data tan-NU;
(x)
jiżviluppa aktar il-kapaċitajiet diplomatiċi u ta' medjazzjoni tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, inkluż għal konflitti ffriżati jew ġodda, jew tal-anqas it-tnaqqis tagħhom, f'sinerġija mal-isforzi tan-NU, bil-proċess ta' Berlin dwar il-Libja bħala eżempju tajjeb tal-appoġġ tal-UE għall-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija min-NU u s-sinerġija magħhom, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikanti tan-nisa fl-isforzi ta' medjazzjoni, kif ukoll jitkompla l-appoġġ sod tal-UE għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tas-sħab tagħha affettwati mill-konflitti, bħall-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna; jistieden lin-NU tipprijoritizza l-prevenzjoni, il-medjazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni u s-soluzzjonijiet politiċi għall-konflitti filwaqt li tindirizza l-kawżi ewlenin u l-ixprunaturi abbażi tal-kriżijiet; jinsisti għal impenji multilaterali aktar b'saħħithom biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-konflitti attwali, u jkompli jappoġġa l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU li għandhom l-għan li jsolvu dawn il-konflitti; il-Parlament ifaħħar ir-rekord tajjeb ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fil-kisba ta' għanijiet ta' żvilupp komuni u l-prevenzjoni ta' eskalazzjoni ulterjuri tal-konflitti li għaddejjin bħalissa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tkompli tħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea;
(y)
iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet kollha ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Protokolli Fakultattivi għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar taħt dawn l-istrumenti u mal-impenn li jikkooperaw b'rieda tajba mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;
(z)
jibqa' impenjat bħala protagonist ewlieni fil-mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha ta' implimentazzjoni effettiva u s-segwitu tal-objettivi tal-Aġenda 2030 fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE u fl-istrateġiji u l-prijoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri; il-Parlament jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tiġi appoġġata u rikonoxxuta b'mod adegwat il-ħidma importanti u indispensabbli tal-aġenziji umanitarji bħall-Programm Dinji tal-Ikel; jilqa' d-deċiżjoni li l-Premju Nobel 2020 jingħata lill-Programm Dinji tal-Ikel għall-isforzi tiegħu biex jiġġieled il-ġuħ, għall-kontribut tiegħu għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-paċi f'żoni milquta minn konflitti u talli aġixxa bħala forza mexxejja fl-isforzi biex jiġi evitat l-użu tal-ġuħ bħala arma tal-gwerra u l-konflitt;
(aa)
itenni t-tħassib tiegħu dwar l-impatti negattivi fuq l-ambjent tal-baħar mill-bastimenti, inkluż it-tniġġis, b'mod partikolari permezz tar-rilaxx illegali ta' żejt u sustanzi oħra ta' ħsara u r-rimi ta' skart perikoluż, inklużi materjali radjuattivi, skart nukleari u sustanzi kimiċi perikolużi, kif ukoll l-impatti fiżiċi fuq il-qroll; il-Parlament jistieden lill-Istati Membri tan-NU ikomplu jagħtu prijorità lill-azzjoni dwar it-tniġġis tal-baħar minn sorsi bbażati fuq l-art bħala parti mill-istrateġiji u l-programmi nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli, u biex javvanzaw l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Globali għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar minn Attivitajiet ibbażati fuq l-Art u d-Dikjarazzjoni ta' Montreal dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar minn Attivitajiet ibbażati fuq l-Art; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jtejbu l-fehim xjentifiku u l-valutazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta bħala bażi fundamentali għal teħid ta' deċiżjonijiet sod permezz tal-azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jiżviluppaw programmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u għall-waqfien tat-telf tal-bijodiversità tal-baħar, b'mod partikolari l-ekosistemi fraġli;
(ab)
jappoġġa l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal vaċċin għall-COVID-19 affordabbli u aċċessibbli, u biex jitqies bħala ġid pubbliku globali; jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet inklużi fil-Konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità għat-tħejjija u r-rispons f'emerġenzi tas-saħħa; jilqa' l-ħidma tad-WHO fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-gvern fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; il-Parlament jappella għal investigazzjoni imparzjali, trasparenti u indipendenti dwar it-tixrid tal-virus u t-trattament tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż mid-WHO; jappoġġa riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sabiex fil-futur tkun tista' tirreaġixxi b'mod aktar effiċjenti għall-emerġenzi u toħloq konsorzju internazzjonali kontra l-virus li jiggarantixxi l-aċċess għal vaċċin kontra l-COVID-19 u d-distribuzzjoni ġusta tiegħu, kif ukoll il-vaċċini futuri, għall-pajjiżi kollha; itenni l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni tat-Tajwan fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa; jikkundanna l-abbuż minn ħafna reġimi awtoritarji tal-miżuri introdotti għall-ġlieda kontra l-COVID-19 sabiex jikkonsolidaw il-poter, ikomplu jdgħajfu d-drittijiet tal-bniedem, irażżnu l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, jinċitaw kampanji ta' mibegħda kontra gruppi ta' minoranza, jintroduċu aktar miżuri biex irażżnu d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tagħhom u jfittxu vantaġġ ġeopolitiku barra mill-pajjiż; jisħaq li d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-wegħda li jintlaħqu l-SDGs sal-2030 għandhom jibqgħu l-pedamenti tat-tweġibiet kollha għall-pandemija; jistieden lill-UE tikkontribwixxi għall-impenn politiku fil-livell tan-NU biex tintemm l-epidemija tal-AIDS sal-2030, peress li din tibqa' theddida għas-saħħa pubblika madwar id-dinja; jirrakkomanda li l-Kunsill għandu jkompli jfittex sinerġiji akbar fost l-Istati Membri tan-NU biex jitneħħew il-liġijiet, il-politiki u l-prattiki li joħolqu ostakli fl-aċċess għas-servizzi tal-HIV u jżidu r-riskju għat-teħid tal-HIV, b'attenzjoni speċjali għall-gruppi emarġinati jew vulnerabbli; jisħaq fuq l-importanza li l-UE tappella għal oqfsa leġiżlattivi u regolatorji msaħħa u l-promozzjoni ta' koerenza politika għall-kisba ta' kopertura universali tas-saħħa, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki li jipprovdu aċċess akbar għas-servizzi tas-saħħa, il-prodotti u l-vaċċini, speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati;
(ac)
jieħu nota tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali bit-titolu "Responsabbiltà kondiviża, solidarjetà globali: rispons għall-impatti soċjoekonomiċi tal-COVID-19", u b'hekk jinsisti li r-reazzjonijiet tal-gvernijiet għall-pandemija tal-COVID-19 għandhom ikunu effettivi, inklużivi u f'konformità sħiħa mal-obbligi u l-impenji tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jieħdu miżuri speċifiċi biex jipproteġu lit-tfal li l-vulnerabbiltà tagħhom tista' tkun partikolarment aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; jappoġġa l-Fond Ċentrali ta' Għajnuna f'Emerġenza, il-Programm Dinji tal-Ikel, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u istituzzjonijiet u programmi oħra tan-NU, li għandhom rwol ewlieni fir-rispons umanitarju għall-kriżi tal-COVID-19; jappoġġa s-sejħiet għal Summit tan-NU dwar ir-Rikostruzzjoni Ekonomika Internazzjonali u r-Riformi Sistemiċi wara l-COVID-19 fl-2021 bħala forum importanti għal spazju ta' governanza aktar inklużiv u bbażat fuq id-drittijiet;
(ad)
isaħħaħ il-viżibbiltà tal-azzjoni u l-assistenza tal-UE fil-fora multilaterali kollha u fuq il-post, b'mod partikolari tal-programm "Tim Ewropa" li ġabar ammont ta' EUR 36 biljun biex jindirizza l-effetti devastanti tal-kriżi tal-COVID-19 f'pajjiżi u reġjuni sħab, b'mod partikolari fl-Afrika;
(ae)
ikollu rwol ta' tmexxija attiv, b'saħħtu u ambizzjuż fit-tħejjijiet għas-26 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26), inkluż fuq perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari billi jippromwovi rikonoxximent globali tad-dritt għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli, u billi jappoġġa l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent; il-Parlament jinnota li t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma fost l-isfidi ewlenin attwali; jappoġġa l-Inizjattiva tan-NU dwar id-Drittijiet Ambjentali, li tirrikonoxxi li l-ksur tad-drittijiet ambjentali għandu impatt profond fuq varjetà wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem; jisħaq li l-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem huma interkonnessi u interdipendenti; ifakkar fl-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati li jipproteġu l-bijodiversità inkluż billi jipprovdu aċċess għal rimedji effettivi f'każijiet ta' telf u degradazzjoni tal-bijodiversità; il-Parlament iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu r-rikonoxximent tal-ekoċidju bħala reat internazzjonali skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; huwa tal-fehma li l-UE għandha timplimenta miżuri speċifiċi biex tqiegħed ir-reżiljenza fil-qalba tal-isforzi ta' rkupru u biex tintegra t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-politiki kollha tal-UE f'kooperazzjoni man-NU, f'konformità mal-miri stabbiliti fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti ħajja ġdida lis-sħubija mal-Amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti li tappoġġa l-ħolqien ta' "koalizzjoni globali b'newtralità karbonika" mal-pajjiżi li diġà impenjaw ruħhom għall-għan li jiksbu emissjonijiet żero sal-2050, f'kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra fl-iżvilupp ta' pjanijiet u teknoloġiji ta' tneħħija tal-emissjonijiet tal-karbonju, u jippromwovu strateġija internazzjonali ġdida għall-protezzjoni tal-bijodiversità;
(af)
jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni ugwali tal-liġi u l-ugwaljanza quddiem il-qrati, l-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u effettiva fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali għall-popli indiġeni, inklużi n-nisa u l-bniet; jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, l-EMRIP u l-UNPFII; jinkoraġġixxi lill-Istati u l-entitajiet tas-sistema tan-NU jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jindirizzaw l-iżvantaġġi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-popli indiġeni, u biex iżidu l-kooperazzjoni teknika u l-assistenza finanzjarja f'dan ir-rigward;
(ag)
ikompli jsegwi u jespandi l-kooperazzjoni tal-kapaċità fi ħdan is-sistema tan-NU dwar il-promozzjoni ta' standards komuni effettivi u etiċi f'oqsma ta' politika ġodda bħad-diżaggregazzjoni u l-protezzjoni tad-data, id-diliġenza dovuta, il-ġlieda kontra l-impunità, l-intelliġenza artifiċjali jew iċ-ċiberspazju, filwaqt li jippromwovi appoġġ adegwat lil dawk il-pajjiżi li jixtiequ jespandu l-kapaċità regolatorja tagħhom u l-implimentazzjoni tal-istandards; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar iċ-ċiberdifiża fir-rigward tar-regoli, in-normi, il-fehimiet komuni u l-miżuri ta' infurzar fl-ispazju ċibernetiku; jissuġġerixxi li l-pedamenti taċ-ċibersigurtà Ewropea, bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u tal-Informazzjoni (NIS) jistgħu jirrappreżentaw bażi eċċellenti li l-pajjiżi li juru r-rieda jistgħu jużaw biex jibnu fuq l-oqfsa regolatorji tagħhom għall-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà permezz ta' approċċ ta' "sigurtà sa mit-tfassil"; jindika li l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fil-livell tal-UE jistgħu jiġu kondiviżi fi ħdan il-qafas tan-NU mal-aġenziji tan-NU ddedikati għal dawn il-kompiti, kif ukoll bi tweġiba għat-talbiet ta' pajjiżi individwali;
(ah)
jindirizza l-isfidi tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-prattiki tajba dwar ir-ritorn u l-irkupru tal-assi, inkluż permezz ta' miżuri aktar effettivi għall-implimentazzjoni tal-obbligi eżistenti skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħhom; jimplimenta miżuri effettivi, inklużivi u sostenibbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-qafas tal-Aġenda 2030; jieħu u jappoġġa inizjattivi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni;
(ai)
jikkunsidra miżuri addizzjonali ta' serħan mid-dejn għal pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b'dejn għoli biex jiġu evitati inadempjenzi u jinħoloq spazju għall-investimenti tal-SDG, u f'dan is-sens, biex tiġi appoġġata s-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU favur l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' ristrutturar tad-dejn sovran bħala parti mir-rispons iktar fit-tul għall-kriżi tal-COVID-19 u l-impatti ekonomiċi tagħha;
(aj)
jindirizza l-migrazzjoni u l-ispostament furzat, inklużi l-kawżi fundamentali tagħhom, u jikkoopera fl-implimentazzjoni kemm tal-Patt Globali għall-Migrazzjoni kif ukoll tal-Patt Globali dwar ir-Refuġjati; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jibqgħu fil-qalba tal-Patt Globali b'attenzjoni speċifika għall-migranti f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà, bħat-tfal, il-minorenni u n-nisa; ikompli jibni l-impenn komuni lejn il-preservazzjoni tal-ispazju umanitarju u t-titjib tas-sistema ta' rispons umanitarju u jisħaq fuq l-importanza li jiġi rrispettat id-dritt għall-ażil madwar id-dinja; jappoġġa u jsaħħaħ il-ħidma tal-korpi rilevanti tan-NU bħall-UNHCR u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU (UNRWA); jafferma mill-ġdid ir-rwol ewlieni tal-UNRWA fl-għoti ta' assistenza umanitarja u ta' żvilupp lir-refuġjati Palestinjani; jappella lill-Istati Membri tan-NU għaż-żamma u ż-żieda tal-kontribuzzjonijiet lill-UNRWA, u jappoġġa l-proposta mill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA għal konferenza li twassal għal fluss ta' finanzjament u sistema ta' nfiq aktar prevedibbli, sostenibbli u responsabbli għall-UNRWA għall-futur u impenn għal dan il-għan minn għadd akbar ta' Stati Membri tan-NU u donaturi internazzjonali;
(ak)
ikompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostażija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; jappoġġa l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin;
(al)
ikompli jsaħħaħ l-appoġġ integrat għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni tagħha; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jkomplu jappoġġaw u jimplimentaw ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, li jqisu l-impatt sproporzjonat tal-konflitti fuq in-nisa u l-bniet u jiggwidaw il-ħidma u l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni, il-protezzjoni u d-drittijiet tan-nisa fiċ-ċiklu kollu tal-konflitt, mill-prevenzjoni tal-konflitti sar-rikostruzzjoni ta' wara l-konflitt; f'dan ir-rigward jagħti attenzjoni speċjali lill-eradikazzjoni tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, il-prattiki dannużi u l-vjolenza domestika u tal-familja, u l-appoġġ għall-parteċipazzjoni attiva sinifikanti u ugwali tan-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa; jappoġġa u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex tiġi żgurata analiżi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU; il-Parlament ifakkar li l-vjolenza sesswali bħall-istupru tintuża bħala tattika tal-gwerra u tikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jitlob li tiżdied il-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' konflitt, speċjalment fir-rigward tal-vjolenza sesswali; huwa tal-fehma li l-UE għandha tiġbor appoġġ usa', inkluż permezz ta' finanzjament adegwat, għall-ħidma tal-UN Women, li għandha rwol importanti fis-Sistema tan-NU għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u t-tlaqqigħ tal-partijiet interessati rilevanti kollha sabiex tiġi ġġenerata bidla fil-politika u jiġu kkoordinati l-azzjonijiet ta' politika;
(am)
jadotta rwol ambizzjuż u kostruttiv fi ħdan il-mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll tagħha għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni sabiex jissaħħu aktar l-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-perspettivi tan-nisa, it-tfal u l-migranti, li jinsabu f'riskju akbar ta' sfruttament;
(an)
jikkonsulta mill-qrib lill-Parlament dwar il-proċess ta' implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, u jinvolvi lill-Parlament f'dawk l-oqsma kollha ta' politika fejn id-diplomazija parlamentari tista' toħloq sinerġiji siewja u ssaħħaħ il-kapaċità ta' sensibilizzazzjoni u l-impatt pożittiv u t-tmexxija tal-UE kollha kemm hi;
(ao)
jappella għal azzjonijiet immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi li qed tikber tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, tal-inqas biex tiġi investigata l-persekuzzjoni etnika u reliġjuża rrappurtata fir-reġjun kollu; f'dan ir-rigward, il-Parlament jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, li jista' jinkludi Rapporteur Speċjali tan-NU, Bord ta' Esperti tal-HRC jew Mibgħut Speċjali; jappoġġa s-sejħiet biex il-UNHRC jorganizza sessjoni speċjali dwar il-kriżi;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, u, għal informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.