Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0243(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0198/2021

Testi mressqa :

A9-0198/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/06/2021 - 16

Testi adottati :

P9_TA(2021)0279

Testi adottati
PDF 143kWORD 52k
L-Erbgħa, 9 ta' Ġunju 2021 - Strasburgu
Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali 2021-2027 – Ewropa Globali ***II
P9_TA(2021)0279A9-0198/2021
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (06879/1/2021 – C9-0191/2021 – 2018/0243(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (06879/1/2021 – C9-0191/2021),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta' Diċembru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0460),

–  wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2020)0459),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0198/2021),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Japprova d-dikjarazzjonijiet tiegħu annessi ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif xieraq u, bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mad-dikjarazzjonijiet kollha mehmużin ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 45, 4.2.2019, p. 1.
(2) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 295.
(3) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 312.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija fl-ambitu tal-istrumenti finanzjarji esterni

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) 2021/947... li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali fih referenza ġenerali dwar il-possibbiltà li l-assistenza tiġi sospiża mingħajr ma tiġi speċifikata l-bażi konkreta għal tali deċiżjoni. Tali sospensjoni ta' assistenza għandha tiġi implimentata fejn pajjiż sieħeb jonqos b'mod persistenti milli josserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt jew il-governanza tajba, jew ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jew għal standards ta' sikurezza nukleari rikonoxxuti fuq livell internazzjonali.

Madankollu, il-Parlament Ewropew jinnota li, għall-kuntrarju ta' oqsma ġeografiċi oħra ta' kooperazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-Viċinat, b'mod partikolari l-Artikolu 20(2), jipprevedu appoġġ akbar għas-soċjetà ċivili, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi, il-kuntatti bejn il-persuni, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, appoġġ għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem jew miżuri ta' appoġġ relatati mal-kriżi, fil-każ ta' degradazzjoni serja jew persistenti tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-istat tad-dritt, jew riskju akbar ta' kunflitt. Il-Parlament Ewropew iqis li tali appoġġ akbar għall-oqsma msemmija hawn fuq għandu jiġi pprovdut jekk tali degradazzjoni sseħħ ukoll f'pajjiżi barra miż-żona tal-Viċinat, u jfakkar li b'mod partikolari l-Artikolu 4(5) jipprevedi li l-azzjonijiet implimentati permezz ta' programmi tematiċi jistgħu jitwettqu wkoll fejn il-programm ġeografiku jkun ġie sospiż.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza fl-ambitu ta' dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma fl-ambitu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE u koordinazzjoni strateġika

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-referenzi għall-istrumenti ta' azzjoni esterna tal-Unjoni fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE ma għadhomx validi, u għalhekk iqis li, għal raġunijiet ta' ċarezza tad-dritt, dan l-Artikolu għandu jiġi aġġornat, f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sabiex jitqiesu l-istrumenti ta' assistenza esterna tal-Unjoni applikabbli fil-perjodu tal-QFP tal-2021-2027, jiġifieri l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Ekstra-Ewropea, inkluża Greenland.

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jistabbilixxu struttura ta' koordinazzjoni strateġika magħmula mis-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni u mis-SEAE sabiex jiġu żgurati l-koerenza, is-sinerġija, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/947... li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar djalogu ġeopolitiku mal-Parlament Ewropew rigward l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali

Il-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li tqis il-funzjonijiet ta' kontroll politiku tal-Parlament Ewropew stabbiliti fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, timpenja ruħha li twettaq djalogu ġeopolitiku ta' livell għoli bejn iż-żewġ istituzzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021XXX/947XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali. Dan id-djalogu għandu jippermetti skambji mal-Parlament Ewropew, li l-pożizzjonijiet tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-NDICI se jitqiesu kompletament.

Id-djalogu ġeopolitiku se jiddiskuti orjentazzjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-NDICI, inkluż dwar l-ipprogrammar qabel l-adozzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni, u rigward suġġetti speċifiċi bħall-użu tar-riżerva għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti jew l-applikazzjoni ta' ingranaġġ li jwasslu għal modifiki possibbli fl-allokazzjoni tal-finanzjament iddedikat għall-migrazzjoni jew is-sospensjoni tal-assistenza lil pajjiż sieħeb meta dan jonqos b'mod persistenti milli josserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Id-djalogu ġeopolitiku se jkun strutturat kif ġej:

(i)  Djalogu ta' livell għoli bejn ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u l-Kummissarji responsabbli għas-Sħubijiet Internazzjonali u għall-Viċinat u t-Tkabbir u għall-Parlament Ewropew.

(ii)  Djalogu permanenti fil-livell ta' uffiċjali għolja mal-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat AFET u l-Kumitat DEVE biex jiġu ggarantiti tħejjija u segwitu adegwati għad-djalogu ta' livell għoli.

Id-djalogu ta' livell għoli se jsir mill-inqas darbtejn fis-sena. Waħda mil-laqgħat tista' tikkoinċidi mal-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozz ta' baġit annwali.

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Premessi 50 u 51 u l-Artikolu 8(10)

Programmi ta' sostenn għall-migrazzjoni reġjonali se jappoġġjaw sħubiji komprensivi, ibbilanċjati u mfassla apposta ma' pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu rilevanti u pajjiżi ospitanti, li jsegwu approċċ persważiv flessibbli, u appoġġjati mill-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni fl-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali. Fejn xieraq se jiġu supplimentati minn azzjonijiet fil-qafas tal-programmi nazzjonali.

Sabiex jiġi ggarantit l-użu l-aktar effiċjenti u effikaċi ta' dawn il-fondi, f'konformità mal-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni u tal-pajjiżi sħab, il-Kummissjoni Ewropea se timplimenta b'mod attiv dawn il-prijoritajiet billi tuża l-istrumenti rilevanti kollha tal-Unjoni u se tipparteċipa fil-koordinazzjoni mal-Istati Membri b'mod sinkronizzat u effiċjenti. Se tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informati mill-qrib u regolarment, sabiex ikunu jistgħu jsiru skambji ta' fehmiet.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza