Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0306/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/06/2021 - 16
PV 10/06/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0283

Testi adottati
PDF 154kWORD 52k
Il-Ħamis, 10 ta' Ġunju 2021 - Strasburgu
Nindirizzaw l-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tas-sospensjoni tal-ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament, it-tagħmir u l-kapaċità ta' produzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P9_TA(2021)0283RC-B9-0306/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga mill-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament u t-tagħmir għall-COVID-19 u fuq iż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u ta' manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2021/2692(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), b'mod partikolari l-Artikolu 31(a) tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-14 ta' Novembru 2001 dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-WTO għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tas-6 ta' Novembru 2015 dwar l-estensjoni tal-eżenzjoni għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) membri tad-WTO biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS relatati mal-prodotti farmaċewtiċi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Indja u mill-Afrika t'Isfel tat-2 ta' Ottubru 2020 li titlob deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS għall-prevenzjoni, għall-konteniment u għat-trattament tal-COVID-19, kosponsorjata mill-Eswatini, mill-Kenja, mill-Mozambique u mill-Pakistan, u appoġġata minn 100 pajjiż ieħor,

–  wara li kkunsidra l-proposta riveduta għal deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS kif ikkomunikata fil-21 ta' Mejju 2021 minn 62 Membru tad-WTO,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa minn 243 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili lid-Direttur Ġenerali tad-WTO tat-13 ta' April 2021 dwar l-indirizzar tal-isfidi globali ta' provvista inadegwata u ta' aċċess mhux ugwali għal prodotti mediċi għall-COVID-19, speċjalment il-vaċċini,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-5 ta' Mejju 2021 li tafferma l-appoġġ għal deroga temporanja mill-Ftehim TRIPS,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa tal-President tar-Repubblika tal-Costa Rica u tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tas-27 ta' Mejju 2021, biex l-Istati Membri kollha tad-WHO jerġgħu jintalbu jappoġġaw attivament il-Pool ta' Aċċess għat-Teknoloġija tal-COVID-19 (C-TAP),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma adottata fis-Summit Globali dwar is-Saħħa fil-21 ta' Mejju 2021,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-31 ta' Mejju 2021 tad-Direttur Ġenerali tad-WHO, tad-Direttur Ġenerali tad-WTO, tad-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u tal-President tal-Grupp tal-Bank Dinji li fiha talbu għal impenn ġdid għall-ekwità fir-rigward tal-vaċċini u biex tingħeleb il-pandemija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 ta' April 2020 tad-Diretturi Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jappoġġaw l-isforzi biex jiġi żgurat il-fluss transfruntier normali ta' provvisti mediċi essenzjali u ta' oġġetti u servizzi oħra,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kien hemm madwar 172 000 000 każ ta' COVID-19, li rriżultaw f'aktar minn 3 700 000 mewta madwar id-dinja, u billi din il-pandemija kkawżat tbatija u ansjetà qawwija bla preċedent għal miljuni ta' nies, kif ukoll il-qerda tal-għajxien tagħhom; billi l-konsegwenzi tal-COVID fit-tul jaffettwaw 10 % tal-pazjenti globalment, u dan iwassal għal telf ta' impjiegi, faqar u vulnerabbiltajiet soċjoekonomiċi qawwija;

B.  billi l-pandemija globali attwali tal-COVID-19 tirrikjedi strateġija globali għall-vaċċini, għad-dijanjostika, għat-trattamenti u għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni tat-tagħmir; billi huwa meħtieġ approċċ olistiku, xjentifiku u bbażat fuq il-fatti biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-saħħa relatati mal-pandemija; billi approċċ sensittiv għall-ġeneru u intersezzjonali huwa kruċjali biex tinkiseb l-ugwaljanza f'kull stadju tal-proċess ta' vaċċinazzjoni, mill-iżvilupp sad-distribuzzjoni;

C.  billi l-vaċċini huma każ klassiku fejn esternalitajiet pożittivi enormi jirrikjedu li jiġu ttrattati bħala beni pubbliċi globali u li jiġu pprovduti b'xejn; billi fil-pajjiżi żviluppati, iċ-ċittadini kollha qed jingħataw il-vaċċini bla ħlas; billi ma jkunx etikament morali jekk dak il-prinċipju ma japplikax għal persuni ħafna aktar foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

D.  billi d-Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u dwar is-Saħħa Pubblika, adottata fl-14 ta' Novembru 2001, tgħid li l-Ftehim TRIPS għandu jiġi implimentat u interpretat b'mod li jkun tajjeb għas-saħħa pubblika – li jinkoraġġixxi kemm l-aċċess għall-mediċini eżistenti kif ukoll l-iżvilupp ta' mediċini ġodda; billi l-Kunsill TRIPS tad-WTO ddeċieda fis-6 ta' Novembru 2015 li jestendi d-deroga għall-privattiva tal-mediċini għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) sa Jannar 2033;

E.  billi huwa essenzjali li jiġu żgurati vaċċini għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli f'pajjiżi bi dħul baxx u medju bi prezz raġonevoli; billi l-vaċċini bbażati fuq l-mRNA wrew li huma l-aktar effettivi, iżda wkoll l-aktar vaċċini għaljin fis-suq;

F.  billi minn Ġunju 2021, ġew amministrati madwar 1,6 biljun doża ta' vaċċin madwar id-dinja, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom ingħataw f'pajjiżi industrijalizzati u li jipproduċu l-vaċċini; billi 0,3 % biss tad-dożi ta' vaċċin amministrati globalment ingħataw fid-29 pajjiż l-aktar foqra, li fihom tgħix madwar 9 % tal-popolazzjoni dinjija; billi l-FMI jistma li jekk id-distribuzzjoni tal-vaċċini tiġi aċċellerata, jistgħu jiżdiedu aktar minn EUR 7 triljun mal-PDG globali jekk il-virus jinżamm taħt kontroll; billi l-UE ddistribwiet aktar minn 260 miljun vaċċin lill-Istati Membri tagħha u esportat aktar minn 226 miljun vaċċin lejn pajjiżi terzi, li minnhom 10 % biss imorru għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs);

G.  billi qed jitfaċċaw varjanti preokkupanti ġodda tal-COVID-19, li huma aktar trażmissibbli, li joqtlu aktar nies u li huma anqas suxxettibbli għall-vaċċini, u jistgħu jirrikjedu dożi addizzjonali ta' vaċċini, u dan iżid id-domanda għal ferm aktar mill-11-il biljun doża meħtieġa li ġew stmati inizjalment; billi żieda qawwija fil-produzzjoni hija essenzjali biex tinkiseb vaċċinazzjoni globali; billi ż-żieda fil-manifattura tal-vaċċini hija prijorità globali; billi l-ktajjen tal-provvista globali għall-materja prima ma jridux jiġu mxekkla minn miżuri protezzjonisti jew minn ostakli nontariffarji għall-kummerċ; billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fejn jiġu mmanifatturati l-vaċċini sfortunatament poġġew projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' vaċċini u tal-ingredjenti tagħhom, u b'hekk waqqfu żieda fil-produzzjoni globali u kkawżaw konġestjonijiet fil-ktajjen tal-provvista;

H.  billi ġew investiti ammonti enormi ta' fondi u riżorsi pubbliċi u privati fir-riċerka u fl-iżvilupp, fil-provi kliniċi u fl-akkwist sabiex jiġu żviluppati vaċċini u trattamenti għall-COVID-19 b'mod miftuħ u aċċessibbli; billi r-riċerka tas-settur pubbliku u privat, l-istituzzjonijiet tas-saħħa, il-ħaddiema tal-ewwel linja, ix-xjenzati, ir-riċerkaturi u l-pazjenti kollha ġabru informazzjoni dwar il-virus, li l-kumpaniji farmaċewtiċi użaw;

I.  billi l-liċenzji volontarji għandhom ikunu l-aktar mezz effettiv biex jiġu ffaċilitati l-espansjoni tal-produzzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert; billi ebda kumpanija privata ma pparteċipat fl-inizjattiva tal-Pool ta' Aċċess għat-Teknoloġija tal-COVID‑19 (C-TAP), li tistieden lill-kumpaniji farmaċewtiċi jimpenjaw ruħhom favur ħruġ ta' liċenzji volontarji globali trasparenti u mhux esklużivi; billi, skont id-WHO, 19-il manifattur minn aktar minn tnax-il pajjiż fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina esprimew ir-rieda tagħhom li jżidu l-produzzjoni ta' vaċċini bl-mRNA; billi sal-lum 40 % biss tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni dinjija ntużaw għall-produzzjoni ta' vaċċini kontra l-COVID-19;

J.  billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw b'kapaċità ta' manifattura insuffiċjenti jew mingħajr kapaċità ta' manifattura għadhom qed jiffaċċjaw pressjoni politika sinifikanti u diffikultajiet legali li jipprevjenu l-użu tagħhom tal-flessibbiltajiet tal-Ftehim TRIPS, b'mod partikolari l-Artikolu 31(a) u l-proċess ikkumplikat u twil għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi;

K.  billi l-protezzjonijiet tal-privattivi u ta' proprjetà intellettwali oħra jiżguraw salvagwardji għat-teħid ta' riskji intraprenditorjali, u qafas legali multilaterali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) jipprovdi inċentivi li huma kritiċi għat-tħejjija kontra pandemiji futuri; billi l-aċċess ekwu globali għal vaċċini, prodotti dijanjostiċi u trattamenti bi prezz raġonevoli huwa l-uniku mod biex jittaffa l-impatt globali tas-saħħa pubblika u ekonomiku tal-pandemija, u d-deroga temporanja mill-obbligi internazzjonali tal-protezzjoni tal-propjetà intellettwali għal prodotti mediċinali, apparat mediku u teknoloġiji tas-saħħa relatati mal-COVID-19 hija waħda mill-kontributi importanti għal dan il-għan;

L.  billi minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika bla preċedent u allarmanti fl-Indja, il-Gvern Indjan impona projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' vaċċini, li wasslet għal tfixkil fil-provvista globali u fil-mekkaniżmu tal-COVAX; billi l-UE hija kontributur ewlieni għall-COVAX; billi l-UE taħt Tim Ewropa impenjat ruħha li tagħti 100 miljun doża oħra għall-użu f'pajjiżi bi dħul baxx u medju sa tmiem l-2021;

M.  billi l-vaċċin tal-poljomjelite tqiegħed fis-swieq mingħajr privattiva u l-marda issa nqerdet minn ħafna reġjuni tad-dinja; billi l-Gvern tal-Afrika t'Isfel, immexxi minn Nelson Mandela, kien ġie sfurzat juża d-disponibbiltà tal-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji biex jeżerċita pressjoni favur mediċini ekwivalenti ġeneriċi ta' kwalità u bi prezz raġonevoli ħalli jevita li jħallas prezzijiet eċċessivi lill-kumpaniji farmaċewtiċi multinazzjonali li jużaw privattivi għat-trattament tal-HIV;

N.  billi l-ktajjen tal-provvista fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iridu jittejbu; billi l-espansjoni tal-produzzjoni lokali, l-għarfien fost il-popolazzjoni u ż-żieda fl-assistenza għad-distribuzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jżidu n-numru globali ta' persuni vaċċinati; billi għad hemm nuqqas inkwetanti ta' finanzjament ta' USD 18,5-il biljun għall-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT);

O.  billi l-prijoritajiet tal-UE għandhom ikunu li jiġi żgurat aċċess globali ekwu għall-vaċċini, id-dijanjostika, il-prodotti terapewtiċi u soluzzjonijiet oħra ta' provvisti mediċi, filwaqt li l-ktajjen tal-provvista jinżammu miftuħa bl-użu tal-għodod kollha disponibbli;

P.  billi l-LDCs diġà jibbenefikaw minn deroga, mogħtija sal-1 ta' Jannar 2033, rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS dwar il-prodotti farmaċewtiċi, kif ukoll minn deroga, mogħtija sal-1 ta' Lulju 2021 u li l-estensjoni tagħha qed tiġi diskussa bħalissa, li teżenta lill-LDCs mill-obbligi kollha tal-Ftehim TRIPS ħlief għall-Artikoli 3, 4 u 5;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżvilupp tal-pandemija, b'mod partikolari fil-pajjiżi bi dħul baxx u medju; ifakkar li l-pandemija tal-COVID-19 għadha ma spiċċatx u li jeħtieġ li jiġu żviluppati vaċċini ġodda biex jiġu miġġielda l-mutazzjonijiet; jissottolinja li l-komunità internazzjonali trid tagħmel dak kollu li hemm bżonn biex il-pandemija tal-COVID-19 tiġi kkontrollata u li ċirkostanzi eċċezzjonali jirrikjedu soluzzjonijiet eċċezzjonali; jisħaq, għalhekk, li huwa meħtieġ approċċ olistiku, li jipprijoritizza d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti tas-saħħa relatati mal-COVID-19, iż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u d-distribuzzjoni ġeografika globali tal-kapaċità tal-manifattura; jenfasizza li l-politika kummerċjali internazzjonali jrid ikollha rwol proattiv f'dan l-isforz billi tiffaċilita l-kummerċ tal-materja prima, il-prodotti tas-saħħa u mediċi, ittaffi n-nuqqas ta' persunal kwalifikat u ta' esperjenza, issolvi l-problemi fil-katina tal-provvista u terġa' tikkunsidra l-qafas globali għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għal pandemiji futuri; jitlob appoġġ għal negozjati proattivi, kostruttivi u bbażati fuq it-test għal deroga temporanja tal-Ftehim TRIPS tad-WTO, bil-għan li jittejjeb l-aċċess globali għal prodotti mediċi bi prezz raġonevoli relatati mal-COVID-19 u li jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-produzzjoni u n-nuqqasijiet fil-provvista globali;

2.  Ifakkar li d-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika tafferma li l-Ftehim TRIPS ma jżommx u m'għandux iwaqqaf lill-Membri milli jieħdu miżuri biex jipproteġu s-saħħa pubblika;

3.  Jirrimarka li huma meħtieġa 11-il biljun doża biex tiġi vvaċċinata 70 % tal-popolazzjoni dinjija u li ġiet prodotta biss frazzjoni ta' dak l-ammont; jirrimarka li approċċ ibbażat fuq wegħdiet ta' dożi żejda mhuwiex biżżejjed; ifakkar li l-COVAX qed tiffaċċja nuqqas ta' 190 miljun doża minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19 fl-Indja u mhix se tilħaq l-objettivi ta' provvista tagħha għall-futur prevedibbli; jinnota li l-UE hija donatur ewlieni għall-Faċilità COVAX f'termini ta' finanzjament u ta' kondiviżjoni tal-vaċċini, kemm permezz tal-COVAX kif ukoll f'livell bilaterali; jitlob lill-UE u lis-sħab tagħha, madankollu, biex iżidu b'mod sinifikanti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għall-COVAX; jilqa' f'dan ir-rigward il-wegħda minn ċerti manifatturi li jfornu 1,3 biljun doża ta' vaċċin bil-prezz tal-produzzjoni jew bi prezz baxx, u l-impenn ta' Tim Ewropa li jagħti 100 miljun doża lil pajjiżi bi dħul baxx u medju sal-aħħar tas-sena, filwaqt li jfakkar li l-Istati Membri tal-UE huma stmati li jirċievu surplus ta' mill-inqas 400 miljun doża ta' vaċċin fl-2021; jilqa' wkoll l-appoġġ li sar disponibbli għall-kunsinna tal-vaċċini u l-materjal anċillari mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; jissottolinja l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-forniment tal-COVAX; jiddispjaċih dwar azzjonijiet mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti biex jiżviluppaw suq sekondarju ta' bejgħ mill-ġdid biex ibigħu vaċċini żejda lil pajjiżi industrijalizzati oħra;

4.  Jisħaq li r-rispons globali għall-emerġenzi tas-saħħa għandu jinkludi, minn naħa waħda, approċċ "min-naħa tad-domanda" orjentat lejn il-ħtiġijiet li jipprovdi finanzjament konġunt u xiri bil-quddiem ikkoordinat globalment u, min-naħa l-oħra, strateġija integrata "min-naħa tal-provvista" biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tul il-katina tal-valur kollha; iqis li żieda fil-produzzjoni globali tal-vaċċini, koordinazzjoni aħjar tal-provvisti u ktajjen tal-valur imsaħħa, diversifikati u reżiljenti għall-vaċċini huma meħtieġa biex il-vaċċini jiġu distribwiti globalment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkollabora mal-pajjiżi li jipproduċu l-vaċċini biex jiġu eliminati malajr l-ostakli għall-esportazzjoni u biex il-mekkaniżmu ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tagħha stess jiġi sostitwit b'rekwiżiti ta' trasparenza għall-esportazzjoni, u jinsisti li jirċievi aċċess f'waqtu u komprensiv għal tali data; jistieden lill-Istati Uniti u lir-Renju Unit jabolixxu minnufih il-projbizzjoni tagħhom fuq l-esportazzjoni tal-vaċċini u ta' materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-vaċċini; jappella għal żieda urġenti fl-investiment u l-koordinazzjoni internazzjonali għaż-żieda fil-produzzjoni tal-inputs kritiċi tal-vaċċini bħal oġġetti li jintremew wara l-użu u ingredjenti farmaċewtiċi attivi sabiex jissolvew il-konġestjonijiet tul il-ktajjen tal-valur tal-vaċċini;

5.  Jissottolinja li, fuq medda twila ta' żmien, il-produzzjoni globali tal-vaċċini trid tiġi estiża b'mod urġenti biex tissodisfa d-domanda globali, u li l-investiment fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa għalhekk meħtieġ biex dawn isiru aktar awtosuffiċjenti; jirrimarka dwar il-ħtieġa ta' trasferiment effettiv tat-teknoloġija u tal-għarfien espert biex dan iseħħ; jirrikonoxxi li l-inċentivar ta' ftehimiet ta' ħruġ ta' liċenzji volontarji u ta' trasferiment volontarju tat-teknoloġija u tal-għarfien espert lil pajjiżi b'industriji preeżistenti li jipproduċu l-vaċċini għandu jkun l-aktar mod importanti biex dan l-objettiv jintlaħaq; madankollu, huwa lest li jiddiskuti s-soluzzjonijiet effettivi u pragmatiċi kollha biex tingħata spinta ulterjuri lill-produzzjoni globali tal-vaċċini u jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tikkollabora mal-Istati Uniti u ma' pajjiżi oħra tal-istess fehma f'dan ir-rigward;

6.  Jisħaq li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija inċentiv ewlieni għall-innovazzjoni u r-riċerka madwar id-dinja; jinnota li tali protezzjoni hija l-bażi għal ftehimiet għall-ħruġ ta' liċenzji u trasferiment tal-għarfien espert volontarji u għalhekk tippermetti aktar milli tostakola d-disponibbiltà tal-vaċċini; iwissi li taħt paradigma ta' nuqqas ta' infurzar għall-privattivi, il-kumpaniji jkollhom jirrikorru għas-segretezza jew l-esklussività biex jipproteġu l-innovazzjonijiet tagħhom; jissottolinja t-theddida li deroga indefinita mill-Ftehim TRIPS tista' toħloq riskju għall-finanzjament tar-riċerka, b'mod partikolari għar-riċerkaturi, l-investituri, l-iżviluppaturi u l-provi kliniċi; jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, hija obbligu kostituzzjonali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha;

7.  Jieħu nota tat-tħabbira tal-Kummissjoni li hija miftuħa għall-possibbiltà li jiġi ffaċilitat l-użu tal-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji fejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat aċċess globali rapidu għall-produzzjoni tal-vaċċini; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kriterji oġġettivi rigward jekk, meta u f'liema każijiet se tirrikorri għall-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji; jisħaq li l-Ftehim TRIPS ma jispeċifikax ir-raġunijiet li jistgħu jintużaw biex jiġi ġustifikat il-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji; jenfasizza li d-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika tikkonferma li l-pajjiżi huma liberi li jiddeterminaw ir-raġunijiet għall-għoti ta' liċenzji obbligatorji u li jiddeterminaw x'jikkostitwixxi emerġenza nazzjonali; jisħaq li l-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji jirrikjedi qafas legali effettiv, u li dan jista' jwassal għal diffikultajiet legali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tesplora jekk u kif se tipprovdi appoġġ legali għall-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji fil-pajjiżi l-anqas żviluppati; jilqa' l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-kooperazzjoni u l-ħruġ ta' liċenzji volontarju huma l-aktar għodod effettivi biex tiġi ffaċilitata l-espansjoni tal-produzzjoni;

8.  Jissottolinja li l-pilastru ta' konnessjoni tas-sistemi tas-saħħa tal-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT) irid jissaħħaħ biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-ipproċessar, tal-ħżin, tad-distribuzzjoni u tal-kunsinna madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-pajjiżi vulnerabbli; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-involviment tagħhom fid-WHO, filwaqt li jagħtu prijorità lill-Aċċeleratur ACT bħala parti mir-rispons globali tal-UE fil-pilastri kollha tagħha tad-dijanjostika, tat-terapewtika, tal-vaċċin u tat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-kapaċitajiet tal-manifattura fil-kontinent Afrikan u jilqa' bis-sħiħ it-tħabbira ta' Tim Ewropa ta' inizjattiva ta' EUR 1 biljun bl-għan li jittejbu l-manifattura u l-aċċess għall-vaċċini, għall-mediċini u għat-teknoloġiji tas-saħħa; jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' qafas regolatorju adegwat għall-prodotti farmaċewtiċi; jissottolinja li l-UE issa għandha r-responsabilità li tinvesti f'ċentri ta' distribuzzjoni reġjonali, b'mod partikolari fl-Afrika, u li tappoġġa t-twaqqif ta' Aġenzija Afrikana għall-Mediċini; jappella, f'dan ir-rigward, għal appoġġ għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni lokali, għat-taħriġ ta' persunal mediku u tekniku kwalifikat biex jamministra l-vaċċini, u għall-appoġġ tal-ktajjen tad-distribuzzjoni tal-vaċċini u biex tingħata għajnuna biex jingħelbu l-limitazzjonijiet bħall-infrastruttura tat-tkessiħ, id-distribuzzjoni ġeografika u soċjoekonomika u l-eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni;

9.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva C-TAP kontra l-COVID-19 tad-WHO u għaċ-ċentru ta' trasferiment tat-teknoloġija għall-vaċċini bl-mRNA; jiddispjaċih li sal-lum il-kumpaniji farmaċewtiċi ddeċidew li ma jinvolvux ruħhom fl-inizjattiva C-TAP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinċentiva lill-kumpaniji farmaċewtiċi biex jaqsmu t-teknoloġiji u l-għarfien espert tagħhom permezz tas-C-TAP u tinkludi impenji dwar sħubijiet ta' trasferiment tat-teknoloġija ma' partijiet terzi, b'mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-ftehimiet futuri ta' xiri bil-quddiem tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-influwenza tagħha matul in-negozjati għall-kuntratti għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' vaċċini kontra l-COVID biex tiżgura li l-iżviluppaturi jittrasferixxu t-teknoloġija tagħhom bi prezz baxx lil pajjiżi bi dħul baxx u medju; jappella għall-immappjar attiv tal-kumpaniji, inklużi s-sottokuntratturi, bl-għarfien espert meħtieġ biex jittrasferixxu t-teknoloġija u biex dawn il-kumpaniji jiġu akkoppjati ma' kumpaniji b'faċilitajiet ta' produzzjoni mhux użati;

10.  Jitlob lill-UE tiżgura li l-ftehimiet futuri ta' xiri bil-quddiem jiġu żvelati kompletament, b'mod partikolari għall-vaċċini tal-ġenerazzjoni li jmiss; jitlob lill-UE tintegra l-impenji fir-rigward tal-ħruġ ta' liċenzji globali mhux esklużivi, tas-sigrieti tal-mestier, tad-data proprjetarja u tat-trasferimenti tat-teknoloġija, u tinkludi rekwiżiti ta' trasparenza għall-fornituri, inkluża analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-profitti għal kull prodott; jisħaq li dawn ir-rekwiżiti ta' trasparenza m'għandhomx iwaqqfu lill-Kummissjoni milli taġixxi bħala offerent kompetittiv jekk ikun meħtieġ; itenni l-ħtieġa tal-akbar trasparenza fin-negozjati tal-kuntratti tal-vaċċini kontra l-COVID-19, inkluż permezz tal-involviment dirett tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz tal-grupp ta' kuntatt dwar il-vaċċini fil-proċessi deċiżjonali kuntrattwali; jistenna li l-Parlament Ewropew jirċievi regolarment analiżi komprensiva u dettaljata tal-produzzjoni, tal-importazzjonijiet, tal-esportazzjonijiet u tat-tbassir tal-vaċċini, inkluża informazzjoni dwar il-pajjiż tad-destinazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-oriġini tal-vaċċini u tal-komponenti tal-vaċċini importati;

11.  Jirrikonoxxi li l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u r-regoli dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, l-espansjoni tal-produzzjoni, inkluż permezz ta' wegħdiet mill-produtturi u l-iżviluppaturi tal-vaċċini, u l-faċilitazzjoni tal-flessibbiltajiet tal-Ftehim TRIPS relatati mal-liċenzji obbligatorji kollha għandhom rwol fiż-żieda tal-vaċċinazzjoni globali; jilqa' l-isforzi li saru mid-Direttur Ġenerali tad-WTO biex il-membri jitressqu lejn soluzzjoni bbażata fuq id-djalogu; jinnota l-komunikazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO u lill-Kunsill TRIPS dwar ir-reazzjonijiet urġenti tal-politika kummerċjali għall-kriżi tal-COVID-19, li jippreżentaw tliet pilastri komplementari, inklużi l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u r-regoli dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, u l-espansjoni tal-produzzjoni; jistenna li l-Kummissjoni żżid l-impenn tagħha biex tikkonkludi l-inizjattiva tad-WTO dwar il-Kummerċ u s-Saħħa sat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Novembru 2021; jitlob, barra minn hekk, li jitwaqqaf Kumitat għall-Kummerċ u għas-Saħħa fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO sabiex jieħu tagħlimiet mill-pandemija, jagħmel proposti biex tiżdied l-effikaċja tar-rispons tad-WTO waqt il-kriżijiet tas-saħħa internazzjonali u biex iħejji pilastru kummerċjali għal trattat internazzjonali dwar il-pandemija sabiex jiġi indirizzat tfixkil fil-katina tal-provvista, jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni, tittieħed azzjoni kontra l-ispekulazzjoni fil-prezzijiet u jiġi rivedut il-qafas tal-liġi tad-WTO fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda;

12.  Jissottolinja li l-UE għandha turi tmexxija u tkompli tinvolvi ruħha fi sforzi multilaterali u globali fid-distribuzzjoni, il-koordinazzjoni u l-ippjanar pluriennali tal-vaċċini fil-laqgħat li jmiss tal-Kunsill TRIPS tat-8 ta' Ġunju u tal-14 ta' Ottubru 2021, is-Summit tal-G7 tal-11 sat-13 ta' Ġunju 2021, is-Summit tal-2021 tal-G20, is-Summit UE-Stati Uniti tal-2021, l-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2021, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tal-2021, u fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO u lil hinn;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-G20, lill-Fond Monetarju Internazzjonali, lill-Bank Dinji, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-membri tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza