Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2738(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0331/2021

Dibattiti :

PV 08/06/2021 - 9
CRE 08/06/2021 - 9

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2021 - 2
PV 10/06/2021 - 9

Testi adottati :

P9_TA(2021)0288

Testi adottati
PDF 183kWORD 58k
Il-Ħamis, 10 ta' Ġunju 2021 - Strasburgu
L-iskrutinju tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza
P9_TA(2021)0288RC-B9-0331/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (2021/2738(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(1) (ir-Regolament dwar l-RRF),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ir-Regolament dwar l-RRF ġie adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

B.  billi l-RRF huwa strument mingħajr preċedent f'termini ta' volum u mezzi ta' finanzjament; billi l-Kummissjoni qed tipprepara biex toħroġ dejn komuni tal-UE, peress li l-Istati Membri tal-UE issa kollha rratifikaw b'suċċess id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji(3);

C.  billi l-investiment ekoloġiku taħt l-RRF se jkun iffinanzjat mill-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi;

D.  billi l-kontroll demokratiku u l-iskrutinju parlamentari fuq l-implimentazzjoni tal-RRF huma possibbli biss bl-involviment sħiħ tal-Parlament u l-kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha tiegħu fl-istadji kollha;

E.  billi l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiżgura trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar u biex il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni lill-Parlament dwar, fost affarijiet oħra, il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri u l-valutazzjoni tagħhom;

F.  billi l-Parlament jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet taħt l-irkupru u r-reżiljenza, inkluż permezz ta' riżoluzzjonijiet u skambji mal-Kummissjoni; billi l-Kummissjoni għandha tqis dawn il-fehmiet;

G.  billi r-Regolament dwar l-RRF jidentifika sitt oqsma ta' interess Ewropew, li kollha kemm huma jirrappreżentaw il-kamp ta' applikazzjoni u l-objettiv tal-istrument;

H.  billi r-Regolament dwar l-RRF huwa bbażat fuq l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u jistabbilixxi li l-objettiv ġenerali huwa li jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 174 sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jtejjeb ir-reżiljenza, it-tħejjija għall-kriżijiet, il-kapaċità ta' aġġustament u l-potenzjal ta' tkabbir tal-Istati Membri, billi jtaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, b'mod partikolari fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ, u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, billi jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika, jikkontribwixxi għall-kisba tal-miri klimatiċi aġġornati tal-Unjoni għall-2030 fil-Liġi tal-UE dwar il-Klima l-ġdida u jikkonforma mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 – b'mod partikolari permezz tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima adottati fil-qafas tal-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika stabbilita mir-Regolament (UE) 2018/1999(4) u tat-tranżizzjoni diġitali, – u b'hekk jikkontribwixxi għal konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq, ir-restawr u l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u l-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Unjoni, irawwem il-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità għolja, u jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni flimkien ma' ekonomija miftuħa u jiġġenera valur miżjud Ewropew;

I.  billi matul is-Summit Soċjali ta' Porto li sar fis-7 u t-8 ta' Mejju 2021, il-mexxejja tal-UE rrikonoxxew il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala element fundamentali tal-irkupru u billi fid-dikjarazzjoni ta' Porto huma ssottolinjaw id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

J.  billi l-objettiv speċifiku tal-RRF huwa li tipprovdi lill-Istati Membri b'appoġġ finanzjarju bil-għan li jiksbu l-istadji importanti u l-miri ta' riforma u investiment stabbiliti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom; billi dan ifisser li l-pjanijiet (inklużi miżuri diġitali u ekoloġiċi) jridu jikkontribwixxu għall-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-konverġenza soċjali 'l fuq;

K.  billi l-valur miżjud Ewropew ma jimmaterjalizzax sempliċiment għax l-RRF hija inizjattiva Ewropea;

L.  billi bħala regola, l-Istati Membri kellhom jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni sat-30 ta' April 2021; billi sal-lum, 23 Stat Membru ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni;

M.  billi l-Parlament kellu dibattitu fil-plenarja segwit mill-adozzjoni ta' riżoluzzjoni fit-18 ta' Mejju 2021 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza;

N.  billi sabiex jiġu żgurati sorveljanza demokratika xierqa u skrutinju parlamentari tal-implimentazzjoni tal-RRF, kif ukoll trasparenza akbar u obbligu ta' rendikont demokratiku, il-Kummissjoni jeħtiġilha tinforma regolarment lill-Parlament, bil-fomm u bil-miktub, dwar l-istatus tal-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, inklużi r-riformi u l-investiment relatati mal-kamp ta' applikazzjoni bbażati fuq is-sitt pilastri (inklużi l-objettivi ġenerali u speċifiċi u l-prinċipji orizzontali) u l-11-il kriterju ta' valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF;

1.  Iqis li l-RRF tikkostitwixxi strument storiku tal-UE li jrawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, iġib konverġenza, isaħħaħ il-kompetittività u jgħin lill-Istati Membri jtaffu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19, jistabbilixxi l-ekonomiji tagħhom fuq trajettorji ta' tkabbir b'saħħithom u sostenibbli, iħejji lill-UE biex tindirizza sfidi fit-tul bħat-tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali u jiġġenera valur miżjud tal-UE;

2.  Jistenna li l-Kummissjoni tapprova biss pjanijiet li jissodisfaw għal kollox id-dispożizzjonijiet u l-miri tar-Regolament dwar l-RRF u ma tagħti l-ebda konċessjoni politika li tmur kontra r-regolament u l-ispirtu tiegħu, filwaqt li tibqa' lura mill-fatt li kienet involuta mill-qrib fl-iżvilupp tal-pjanijiet qabel ma jiġu ppreżentati; jitlob li l-Kummissjoni tapplika b'mod metikoluż l-ittra u l-ispirtu tar-Regolament dwar l-RRF fil-proċess ta' valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u tipprovdi valutazzjonijiet profondi u komprensivi qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill; jilqa', madankollu, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-adozzjoni rapida tad-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill qabel is-sajf, u l-impenn kontinwu tagħha mal-Istati Membri biex tgħinhom ifasslu pjanijiet ta' kwalità għolja li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-objettivi kondiviżi Ewropej tagħna;

3.  Jinsab konvint li l-fondi jridu jitqassmu b'mod ġust mas-setturi, is-soċjetajiet u l-ġenerazzjonijiet futuri biex jiġi żgurat l-ogħla impatt possibbli fuq il-konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq u dik territorjali, il-prosperità għal kulħadd u l-istabbiltà ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti fuq miżuri ta' riforma ambizzjużi bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha u jenfasizza li pjanijiet ambizzjużi u eżekuzzjoni tajba huma essenzjali sabiex isir użu sħiħ minn din l-opportunità; jitlob li jkun hemm trasparenza u obbligu ta' rendikont sħaħ fl-allokazzjoni u l-użu tal-fondi; ifakkar li l-RRF ma tridx titqies bħala żamma tal-istatus quo;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa jekk ir-riżorsi tal-RRF humiex qed jaqdu l-objettiv tar-Regolament dwar l-RRF li jsir progress fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiskoraġġixxi l-prattika ta' proġetti ta' ppakkjar mill-ġdid mingħajr valur miżjud reali, b'mod partikolari għar-reġjuni li għadhom lura, speċjalment meta dan jirriskja li jwessa' d-distakk tal-konverġenza soċjali, ekonomika u territorjali tal-UE;

5.  Itenni t-talba tal-Parlament biex jiġi żgurat id-dritt ta' informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, sabiex ikun jista' jsir skrutinju demokratiku tal-Parlament fir-rigward tal-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tal-RRF mill-Kummissjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa u tiżgura li kull pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jikkontribwixxi effettivament għas-sitt pilastri kollha msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-RRF b'mod komprensiv u bbilanċjat; ifakkar li kull miżura għandha tikkontribwixxi għal wieħed jew aktar mill-oqsma ta' politika ta' rilevanza Ewropea strutturati fis-sitt pilastri;

7.  Jenfasizza li l-pjanijiet iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji, inklużi l-ishma ta' 37 % u 20 % għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, rispettivament, matul il-fażi ta' implimentazzjoni kollha tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-aspett kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri proposti sabiex tiżgura li dawn effettivament jilħqu kemm il-miri kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi, inkluż għall-fażi ta' implimentazzjoni;

8.  Ifakkar li skont ir-Regolament dwar l-RRF, l-RRF ma tridx tiffinanzja nefqa nazzjonali rikorrenti, bħal ħelsien permanenti mit-taxxa, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta dan il-kriterju b'mod olistiku;

9.  Jinnota li l-proġetti transfruntiera li jinkludu aktar minn Stat Membru wieħed jiġġeneraw valur miżjud Ewropew għoli u effetti kollaterali u jiddispjaċih li ftit huma l-pjanijiet nazzjonali li fihom proġetti transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ b'saħħa lill-Istati Membri jiffaċilitaw proġetti transfruntiera ffinanzjati permezz tal-RRF;

10.  Jinnota li ftit huma l-Istati Membri li għażlu li jitolbu self fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza li diġà ġew ippreżentati; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-aħjar użu tas-self disponibbli biex jiġi evitat kwalunkwe telf ta' opportunità; jinsab imħasseb li ammont sinifikanti mis-self jista' jibqa' ma jintużax fi tmiem l-RRF u jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw bir-reqqa l-ħtiġijiet tagħhom u jagħmlu l-aħjar użu minn din il-possibbiltà meta jissottomettu l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom jew billi jemendawhom;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ħtieġa futura possibbli li jiġu emendati l-pjanijiet nazzjonali biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF bi tħejjija għall-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill;

12.  Ifakkar li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza m'għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-konklużjoni jew tal-infurzar ta' ftehimiet kollettivi jew li tittieħed azzjoni kollettiva f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mad-dritt u l-prattiki tal-Unjoni u dawk nazzjonali;

13.  Jenfasizza li l-investimenti jrid ikollhom impatt dejjiemi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt ir-riformi u l-investimenti li saru fil-qafas tal-RRF se jippermettu ulterjorment li jingħalaq id-distakk fl-investimenti fl-oqsma kollha fl-Europa, kif stmat mill-Kummissjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tranżizzjoni diġitali u tas-sostenibbiltà klimatika, ambjentali u soċjali, inkluż il-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs);

Tranżizzjoni ekoloġika

14.  Jenfasizza li f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI għar-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet kollha għandhom jiddedikaw mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali (għotjiet u self) tal-pjanijiet individwali għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta meta tivvaluta l-mira ta' nfiq ta' 37 % għall-klima biex tiżgura li ma jkunx hemm ittaggjar b'mod doppju, ħażin jew b'mod falz tal-miżuri u biex tipprevjeni l-greenwashing; jinsab imħasseb li xi investimenti huma mmarkati bħala investimenti ekoloġiċi minkejja li mhumiex koperti mill-metodoloġija ta' trekkjar stabbilita fl-Anness VI; jissuġġerixxi li jiġi applikat skrutinju addizzjonali fuq kwalunkwe estensjoni tal-metodoloġija tat-trekkjar klimatiku fl-Anness VI għar-Regolament dwar l-RFF; jinsisti li s-salvagwardji meħtieġa biex tintlaħaq il-mira fil-fażi ta' implimentazzjoni huma inklużi bis-sħiħ fil-miri u l-istadji importanti fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu r-riformi li ser jiffaċilitaw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-investimenti;

15.  Ifakkar li d-dispożizzjonijiet li japplikaw il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" huma għodda kruċjali biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika, flimkien mar-rekwiżit li tal-anqas 37 % tan-nefqa (għotjiet u self) fuq l-investimenti u r-riformi li jinsabu f'kull pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandha tappoġġja l-objettivi klimatiċi, u biex jiġi evitat il-finanzjament ta' miżuri li jikkontradixxu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni; ifakkar li l-miżuri kollha jridu jirrispettaw il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852(5), kif meħtieġ skont ir-Regolament dwar l-RRF; jinsab imħasseb, f'dan il-kuntest, dwar in-nuqqas ta' konformità ma' dan il-prinċipju fil-valutazzjoni tal-pjanijiet u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-rispett sħiħ tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti", inkluż matul il-fażi ta' implimentazzjoni, u tippubblika l-valutazzjonijiet relatati kollha; jinsisti li l-implimentazzjoni tal-RRF ma tista' twassal għal ebda tnaqqis tal-istandards ambjentali jew tmur kontra l-liġijiet u r-regolamenti ambjentali; jenfasizza f'dan ir-rigward it-tħassib dwar l-impatt negattiv potenzjali tal-operazzjonijiet f'żoni sensittivi għall-bijodiversità jew qribhom (inkluż in-network Natura 2000 ta' żoni protetti, is-siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u ż-Żoni ta' Bijodiversità Ewlenin, kif ukoll żoni protetti oħrajn);

16.  Ifakkar li, filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-telf drammatiku tal-bijodiversità, l-RRF għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika ħarsa ġenerali tal-miżuri li jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-miżuri relatati mal-bijodiversità elenkati li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-bijodiversità fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza; jinsab imħasseb li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza fihom miżuri limitati ħafna jew saħansitra l-ebda miżura favur il-bijodiversità; jistenna li l-Kummissjoni tapplika b'mod riġidu l-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" f'dak ir-rigward ukoll, u b'mod partikolari tirrifjuta riformi jew investimenti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-bijodiversità jew li ma jkunux akkumpanjati minn miżuri adegwati ta' akkumpanjament;

17.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jiffukaw fuq investimenti fuq terminu qasir; jappoġġja l-investimenti ekoloġiċi li jwasslu għat-trasformazzjoni ekonomika tal-Ewropa u, b'mod partikolari dawk li ma jissussidjawx eċċessivament ix-xiri ta' prodotti ta' konsum durabbli;

It-trasformazzjoni diġitali

18.  Jenfasizza li, bi qbil mar-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet kollha għandu jkollhom miżuri li jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-tranżizzjoni diġitali jew jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw minnha, u li jikkostitwixxu ammont li jirrappreżenta mill-inqas 20 % ta' allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, abbażi tal-metodoloġija u d-dispożizzjonijiet imniżżla fir-Regolament dwar l-RRF;

19.  Ifakkar li għall-investimenti fil-kapaċitajiet u l-konnettività diġitali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-pjanijiet tagħhom, awtovalutazzjoni tas-sigurtà bbażata fuq kriterji oġġettivi komuni li jidentifikaw kwalunkwe kwistjoni ta' sigurtà, u li jagħtu dettalji dwar kif dawk il-kwistjonijiet ser jiġu indirizzati biex jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali kollha li fihom tali investimenti jipprovdu tali valutazzjoni u li l-miżuri rispettivi ma jmorrux kontra l-interessi strateġiċi tal-Unjoni;

20.  Jemmen li l-azzjonijiet diġitali għandhom potenzjal kbir biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE internazzjonalment u joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja, u jinsab imħasseb li hemm pjanijiet nazzjonali li ma jiksbux bilanċ adegwat f'termini ta' investimenti fit-trasformazzjoni diġitali, u b'mod partikolari fl-infrastruttura diġitali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaderixxu bis-sħiħ mal-prinċipji tal-interoperabbiltà, l-effiċjenza fl-enerġija u l-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll jippromwovu l-użu ta' soluzzjonijiet b'sors miftuħ fl-investimenti diġitali;

Spinta lit-tkabbir, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-prosperità għal kulħadd

22.  Jilqa' partikolarment il-miżuri fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentati biex jappoġġaw it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-koeżjoni ekonomika, il-produttività, il-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-saħħa u suq uniku li jiffunzjona tajjeb b'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) b'saħħithom, isaħħu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja, jiġġieldu l-faqar u l-inugwaljanza, jippromwovu l-kultura u l-edukazzjoni, jiżviluppaw il-kompetenzi u l-ħiliet, jappoġġaw lit-tfal u liż-żgħażagħ, iżidu t-tħejjija għall-kriżijiet u l-kapaċità ta' rispons għall-kriżijiet, u jimmitigaw l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-ekonomija;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jagħtux attenzjoni adegwata lill-miżuri għat-tfal u ż-żgħażagħ u tiżgura li jagħmlu dan, speċjalment fil-pajjiżi fejn ġew identifikati problemi strutturali f'oqsma bħat-tluq bikri mill-iskola, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar fost it-tfal u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal; jinsisti li r-riformi u l-investimenti fiż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk relatati mat-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni doppja, il-ħiliet diġitali, it-tagħlim tul il-ħajja, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, il-politiki li jinvestu fl-aċċess u l-opportunità għat-tfal u ż-żgħażagħ u l-politiki li jnaqqsu d-distakk ġenerazzjonali għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ kompetenzi flimkien max-xiri ta’ tagħmir, u għandhom ikunu allinjati mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u miżuri nazzjonali oħrajn; jenfasizza li r-riformi u l-investimenti għat-tfal għandhom ikunu allinjati mal-prinċipji tal-Garanzija għat-Tfal u jiffukaw fuq id-dritt ta' aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, għall-kura tas-saħħa mingħajr ħlas, għall-edukazzjoni b'xejn, għall-indukrar tat-tfal b'xejn, għal akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata għal kull tifel u tifla li jgħixu fil-faqar;

24.  Jilqa' l-miżuri inklużi fil-pjanijiet, li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-inizjattivi tal-UE fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kura soċjali biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, jissaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali u jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet; ifakkar lill-Kummissjoni li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jridu jikkonformaw b'mod sodisfaċenti mal-kriterji ta' valutazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-konsegwenzi soċjali u l-impatt ta' kull miżura biex tiżgura l-konformità mar-Regolament dwar l-RFF. jinsisti, għalhekk, li l-Kummissjoni tiżgura li kull pjan jirrifletti b'mod adegwat dawn il-kriterji;

25.  Jemmen li l-investimenti ekoloġiċi u diġitali għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, inaqqsu l-inugwaljanzi u jnaqqsu d-distakk diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-komunitajiet u r-reġjuni l-aktar vulnerabbli, bħar-reġjuni tal-linjite u l-faħam fi tranżizzjoni u dawk l-aktar affettwati mit-tibdil fil-klima, jibbenefikaw minn investiment ekoloġiku u diġitali; jisħaq fuq il-fatt li r-redditu soċjali u ekonomiku mistenni fuq l-investimenti ekoloġiċi u diġitali għandu jiġi identifikat fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiġi żgurat impatt massimu;

26.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u l-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi, jiġu kkunsidrati u promossi matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni kollha tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza; jistenna li l-Kummissjoni sistematikament tiġbor, tanalizza u tirrapporta dwar id-data eżistenti diżaggregata skont is-sessi għall-implimentazzjoni tal-RRF f'konformità mar-Rapport Speċjali 10/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA); jinsab imħasseb ħafna li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza mhumiex qed jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal dawn l-objettivi u jintegrawhom u jonqsu milli jinkludu miżuri espliċiti u konkreti biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri, u b'hekk jirriskjaw li jipperikolaw il-kapaċità ta' dawk il-pjanijiet li jtaffu l-effetti soċjali u ekonomiċi tal-kriżi fuq in-nisa u li jwieġbu għar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż (CSRs);

27.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, f'termini tal-indirizzar ta' miżuri nazzjonali li jiġġieldu kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa jew l-evitar tat-taxxa jew il-miżuri ineffettivi ta' kontra l-ħasil tal-flus;

28.  Ifakkar li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jinkludu miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u proġetti ta' investiment pubbliku permezz ta' pakkett koerenti; ifakkar lill-Kummissjoni li l-pjanijiet nazzjonali tal-irkupru u tar-reżiljenza jeħtieġu jindirizzaw riformi u investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, li jindirizzaw d-dgħufijiet strutturali fl-ekonomiji tal-Istati Membri u li, għal dan il-għan, il-pjanijiet kollha huma mistennija li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-isfidi kollha identifikati fis-CSR rilevanti, jew f'subsett sinifikanti minnhom, inkluż l-aspetti fiskali tagħhom; jissottolinja li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom ikunu konsistenti mal-isfidi u mal-prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiż kif identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u allinjati mar-Regolament dwar l-RRF; jenfasizza li l-miżuri kollha, u partikolarment dawk marbuta mat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, jenħtieġu jiġu vvalutati wkoll minn perspettivi ekonomiċi u soċjali; jinsisti li l-Kummissjoni tiddedika attenzjoni partikolari biex tiżgura li r-riformi proposti jkunu ġenwini, ġodda u aktar ambizzjużi, u li jinbdew kemm jista' jkun malajr;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura bilanċ bejn ir-riformi u l-investimenti u l-konsistenza tal-pjanijiet nazzjonali, inklużi riformi ġodda, mal-kisbiet u l-isfidi eżistenti kif identifikati fis-CSR rilevanti;

30.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ħolqien u t-trawwim ta' impjiegi ta' kwalità huwa wieħed mill-objettivi inklużi fir-Regolament dwar l-RRF u li dan għandu jsir permezz ta' pakkett kumprensiv ta' riformi u investimenti sabiex jiġu promossi kuntratti stabbli, pagi deċenti, kopertura tan-negozjar kollettiv u limiti minimi ta' protezzjoni soċjali; inklużi pensjonijiet deċenti 'l fuq mis-soll tal-faqar;

31.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mhumiex qed jiġu kkoordinati biżżejjed mal-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi tal-UE bħall-InvestEU; jappella għall-ħolqien ta' sinerġiji u komplementarjetajiet bejn l-RRF, il-ftehimiet ta' sħubija, l-InvestEU u azzjonijiet oħra tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-użu tal-kompartiment nazzjonali ta' InvestEU, li jista' jiffavorixxi, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' strumenti ta' appoġġ għas-solvenza għall-SMEs;

32.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-involviment sinifikanti tal-SMEs u tan-negozji ġodda huwa objettiv espliċitu tar-Regolament dwar l-RRF, inkluż fil-proċessi tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fondi tal-RRF ma jibbenefikawx b'mod predominanti l-korporazzjonijiet il-kbar u mhux se jxekklu l-kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-akbar attenzjoni biex tiżgura li l-SMEs u n-negozji ġodda jibbenefikaw mill-finanzjament tal-RRF, inkluż permezz tal-formulazzjoni ta' stadji importanti u l-gwida kontinwa dwar l-implimentazzjoni tal-programmi fl-Istati Membri; jissuġġerixxi li jinkludu s-sehem tal-fondi tal-RRF li l-benefiċjarji aħħarin tagħhom huma SMEs, fil-monitoraġġ kontinwu, inter alia permezz ta' indikaturi komuni;

Involviment tal-partijiet interessati

33.  Ifakkar li l-Artikolu 18(4)(q) tar-Regolament dwar l-RRF jiddikjara li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandu jkun fihom "sommarju tal-proċess ta' konsultazzjoni, imwettaq skont il-qafas legali nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet interessati rilevanti oħra, u kif l-input tal-partijiet interessati huwa rifless fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza"; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonsultaw mal-partijiet interessati nazzjonali kollha u tiżgura l-involviment tagħhom, inkluż dak tas-soċjetà ċivili, tas-sħab soċjali u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u, b'mod partikolari, fil-monitoraġġ tagħhom, sabiex tiżgura li jitwettqu konsultazzjonijiet fir-rigward ta' emendi futuri jew pjanijiet ġodda, jekk ikun hemm;

34.  Ifakkar li l-Artikolu 152 TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha, u jeħtieġ jirrispetta l-awtonomija tagħhom. jissottolinja li l-involviment adegwat tal-partijiet interessati nazzjonali, bħall-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza huwa deċiżiv għas-suċċess tal-pjanijiet nazzjonali u tal-RRF b'mod ġenerali, sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali tal-pjanijiet, jiġi żgurat l-assorbiment rapidu, trasparenti, effettiv u kwalitattiv tal-fondi, tiżdied it-trasparenza, u jiġu prevenuti d-duplikazzjoni u d-diskrepanza tal-finanzjament u l-finanzjament doppju; jirrifletti t-tħassib li tqajjem mill-Kumitat tar-Reġjuni u minn partijiet interessati oħrajn u jiddeplora l-fatt li ħafna Stati Membri ma involvewx jew involvew biss b'mod inadegwat lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess ta' abbozzar tal-pjanijiet, kif ukoll in-nuqqas ta' trasparenza ta' dawn il-proċessi minkejja li qed isir affidament fuqhom biex jidderieġu parti kbira mill-fondi tal-RRF; jiddeplora wkoll il-fatt li f'xi każijiet lanqas il-parlamenti nazzjonali ma kienu involuti jew infurmati b'mod xieraq; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu strutturat mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u biex ikollha djalogu dedikat mas-sħab soċjali Ewropej;

Arranġamenti, stadji importanti u miri

35.  Jinsisti li r-riformi u l-investimenti kollha jridu jkunu marbuta ma' stadji importanti, miri u kostijiet li huma rilevanti, ċari, dettaljati u mmonitorjati b'mod xieraq, u b'mod partikolari li jiżguraw konformità sħiħa mar-Regolament dwar l-RRF u mal-acquis tal-UE, li jirrappreżentaw impenji ċari mill-Istati Membri;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li qabel il-valutazzjoni tat-twettiq tal-istadji importanti u l-miri miftiehma fid-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Parlament jingħata s-sejbiet preliminari dwar it-twettiq tal-istadji importanti u l-miri, kif meħtieġ mill-Artikolu 25(4) tar-Regolament dwar l-RRF;

37.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-investimenti għandhom jiġu akkumpanjati minn riformi u jistedinha tiżgura li l-miżuri retroattivi approvati kollha jkunu akkumpanjati b'mod ċar minn stadji importanti u miri korrispondenti, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tal-leġiżlazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri jużaw din id-dispożizzjoni b'mod għaqli; itenni li l-RRF hija mfassla biex tappoġġa proġetti li jirrispettaw il-prinċipju tal-addizzjonalità tal-finanzjament tal-Unjoni; jinnota li n-nuqqas ta' proġetti verament addizzjonali ffinanzjati mill-RRF jista' jillimita l-impatt makroekonomiku tagħha;

38.  Jenfasizza li l-istrutturi stabbiliti fil-livell nazzjonali biex jidderieġu, jimplimentaw jew jimmonitorjaw l-RRF għandhom ikunu adegwati biex jappoġġaw l-impatt dejjiemi tal-miżuri fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza;

Reżiljenza istituzzjonali, governanza, kapaċità amministrattiva u Stat tad-Dritt

39.  Ifakkar li l-RRF u kull wieħed mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt(6) u li l-miżuri stabbiliti f'dawn il-pjanijiet m'għandhomx imorru kontra l-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 TUE; jinsisti li għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ebda proġett jew miżura ma jmorru kontra dawn il-valuri kemm matul il-fażijiet ta' valutazzjoni kif ukoll dawk ta' implimentazzjoni u jitlob li tieħu azzjoni xierqa għal rieżami;

40.  Jissottolinja li s-suċċess tal-RRF u tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jirrikjedi trasparenza u responsabbiltà sodi mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riżorsi tal-QEA, tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jiġi żgurat li għandhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex jiġi skrutinizzat dan l-ammont bla preċedent ta' nefqa tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta din is-sena abbozz ta' baġit emendatorju jew talba għal trasferiment biex jittaffew dawn il-ħtiġijiet baġitarji, għal dan il-għan;

41.  Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-RRF għandha titwettaq f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, inklużi l-prevenzjoni effettiva u l-prosekuzzjoni tal-frodi, inkluża l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-konflitti ta' interess u tfittex li jiġi evitat finanzjament doppju mill-RRF jew programmi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari fl-istrutturi ta' governanza relatati mal-pjanijiet nazzjonali;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-arranġamenti proposti mill-Istati Membri biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta' interess meta tkun qed tuża l-fondi pprovduti fl-ambitu tal-RRF u tagħti attenzjoni partikolari f'dan il-kuntest biex tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali jinkludu r-riformi kollha meħtieġa, flimkien ma' stadji importanti u miri rilevanti, b'mod partikolari dawk relatati mas-CSRs rilevanti, fejn adatt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa r-riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE fl-implimentazzjoni tal-RRF ta' kwalunkwe ksur jew ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, filwaqt li tagħti attenzjoni dettaljata u partikolari lill-akkwist pubbliku; jistenna li l-Kummissjoni ma tipproċedi bl-ebda pagament fl-ambitu tal-RRF jekk ma jintlaħqux l-istadji importanti marbuta ma' miżuri li jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta' interess meta jkunu qed jintużaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-RRF;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta' riforma u investiment, speċjalment f'oqsma li jżidu r-reżiljenza amministrattiva u istituzzjonali u t-tħejjija għall-kriżijiet;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jirreġistraw data dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali kif ukoll l-objettivi, l-ammont u l-post tal-proġetti ffinanzjati mill-RRF f'format elettroniku standardizzat u interoperabbli u jużaw l-għodda unika tal-estrazzjoni tad-data li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-għodda unika għall-estrazzjoni tad-data mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri li jiġbru u jiżguraw l-aċċess għal kategoriji standardizzati ta' data; ifakkar lill-Kummissjoni biex tiżgura dawk l-obbligi għall-fini ta' awditjar u kontroll u biex tipprovdi informazzjoni komparabbli dwar l-użu ta' fondi fir-rigward ta' miżuri għall-implimentazzjoni ta' riformi u proġetti ta' investiment fil-qafas tal-pjanijiet ta' rkupru u ta' reżiljenza; ifakkar ukoll lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-benefiċjarji finali u li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa biex jiġi evitat li jkun hemm finanzjament doppju;

Valutazzjoni tal-Parlament dwar l-atti delegati

45.  Jisħaq fuq il-fatt li l-abbozz ta' atti delegati sussegwenti għar-Regolament dwar l-RRF partikolarment l-att delegat dwar it-tabella ta' valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza u l-att delegat li jistabbilixxi indikaturi komuni għar-rappurtar dwar il-progress tal-faċilità u l-metodoloġija għar-rappurtar tan-nefqa soċjali ma jissodisfawx l-aspettattivi tal-Parlament u jeħtieġ li jitqiesu l-elementi rilevanti tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-iskeda ta' żmien għall-approvazzjoni tal-atti delegati sussegwenti għar-Regolament dwar l-RRF;

46.  Jenfasizza l-importanza li jintlaħaq qbil dwar metodoloġija ta' traċċar soċjali biex il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jiġu evalwati, biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet stabbiliti fil-pjanijiet jikkontribwixxu għall-objettivi soċjali hekk kif stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF; jemmen li l-metodoloġija ta' traċċar soċjali jeħtieġ issegwi l-istruttura tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tanalizza l-kontribut għaliha;

47.  Jiddikjara li t-tabella ta' valutazzjoni u l-indikaturi komuni meħtieġa biex jiġi evalwat il-progress tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza f'kull wieħed mis-sitt pilastri lejn l-ilħiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi jeħtieġ li jkunu effiċjenti; jinsisti li l-aħjar mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex jiġi segwit il-progress fiż-żieda fil-konverġenza soċjali hija t-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali; Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-indikaturi soċjali mit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, b'mod partikolari dawk relatati max-xogħol deċenti, il-ġustizzja soċjali, l-opportunitajiet indaqs, is-sistemi ta' protezzjoni soċjali robusti u l-mobilità ġusta, fl-indikaturi komuni li għandhom jintużaw fl-RRF għar-rapportar dwar il-progress soċjali u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pjanijiet, kif ukoll fil-metodoloġija għall-intraċċar soċjali, inkluż għall-Garanzija għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament se janalizza mill-qrib l-atti delegati li l-Kummissjoni se tippreżenta dwar din il-kwistjoni, biex jistabbilixxi jekk l-indikaturi soċjali, it-tabella ta' valutazzjoni u l-metodoloġija soċjali jikkonformawx mal-objettivi, u jivverifika li m'hemmx oġġezzjonijiet xi jsiru;

Konklużjonijiet

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-pjanijiet ippreżentati b'mod adegwat u f'konformità mar-Regolament dwar l-RRF; jesprimi tħassib serju dwar il-konformità ta' diversi miżuri fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF sottostanti u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-elementi kollha fil-pjanijiet kollha jkunu konformi bis-sħiħ mar-Regolament dwar l-RRF;

49.  Ifakkar fit-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament dwar l-RRF li tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-RRF u li tqis kwalunkwe element li jista' jinqala' mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, inklużi l-fehmiet ikkomunikati mill-kumitati rilevanti u dawk fir-riżoluzzjonijiet plenarji; jilqa' l-isforzi mtejba tal-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni adegwata matul laqgħat regolari mal-Parlament;

50.  Jinsisti li l-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jkun fihom dispożizzjonijiet li jiżguraw li r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż, fejn applikabbli, billi juru l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni ta' finanzjament xierqa li tgħid "iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea – NextGenerationEU";

51.  Jilqa' t-tweġibiet bil-miktub tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Parlament kif ukoll it-traduzzjoni awtomatika tal-pjanijiet nazzjonali, u jistenna li jirċievi tweġibiet għat-talbiet futuri kollha ta' informazzjoni, bħall-matriċi dwar il-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali; itenni l-aspettattiva tal-Parlament li l-informazzjoni tiġi pprovduta f'format ċar u komparabbli fil-ħin;

52.  Ifakkar lill-Kunsill li, partikolarment fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni, "l-eżiti rilevanti tad-diskussjonijiet li jsiru fil-korpi preparatorji tal-Kunsill għandhom jiġu kondiviżi mal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew";

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi approċċ miftuħ, trasparenti u kostruttiv matul id-djalogi dwar l-irkupru u r-reżiljenza;

54.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament fl-2020 għal pjan ta' rkupru aktar b'saħħtu u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jivvalutaw jekk ikunux meħtieġa miżuri jew fondi addizzjonali biex tiġi indirizzata din il-kriżi;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(2) Testi adottati, P9_TA(2021)0257.
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).
(4) Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.
(6) Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza