Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka, b'mod partikolari l-arresti f'applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (2021/2748(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sri Lanka,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta' Frar 2021 bit-titolu "Il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, is-sens ta' responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-23 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, is-sens ta' responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka",
– wara li kkunsidra r-Regolamenti Nru 01 tal-2021 ippubblikati fit-12 ta' Marzu 2021 skont l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tas-Sri Lanka,
– wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tul il-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-14 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "Żjara fis-Sri Lanka",
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sri Lanka, tal-24 ta' Frar 2021,
– wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Jannar 2020 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea fl-Elezzjoni Presidenzjali tas-Sri Lanka tas-16 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (GSP +) tal-UE, il-programm ta' inċentivi speċjali li tibbenefika minnu s-Sri Lanka,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-Sri Lanka għal għexieren ta' snin kienet imxekkla minn gwerra ċivili li ntemmet fl-2009 u matulha twettaq ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem miż-żewġ naħat;
B. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka ilha tiddeterjora gradwalment u l-gvern il-ġdid dari jħott il-progress limitat li nkiseb taħt amministrazzjonijiet preċedenti; billi l-ambitu li fih is-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti jistgħu joperaw fil-pajjiż dari jiċkien;
C. billi l-Att kontroversjali dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (PTA) ilu fis-seħħ fis-Sri Lanka mill-1979 u jagħti setgħat wiesgħa lill-pulizija biex tfittex, tarresta u żżomm persuni suspettati ċivili; billi s-setgħat estensivi previsti fil-PTA wasslu għal allegazzjonijiet konsistenti u fondati ta' tortura u abbuż sesswali, ammissjonijiet ta' ħtija furzati u ċaħdiet sistematiċi ta' proċess ġust;
D. billi fl-aktar rapport reċenti tagħha dwar is-Sri Lanka, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tenniet l-appelli għal moratorju fuq l-użu tal-PTA għal arresti ġodda sakemm dan jiġi sostitwit minn leġiżlazzjoni li taderixxi mal-aħjar prattiki internazzjonali;
E. billi l-Gvern tas-Sri Lanka ħareġ ir-Regolamenti Nru 01 tal-2021 fid-9 ta' Marzu 2021, li mhux talli jespandu l-PTA iżda fost l-oħrajn, jippermettu sentejn ta' detenzjoni mingħajr proċess għat-twettiq ta' "diżarmonija reliġjuża, razzjali jew komunali";
F. billi l-PTA intuża sistematikament għal arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta' Musulmani u gruppi ta' minoranza fis-Sri Lanka, inkluż Ahnaf Jazeem, għalliem u poeta Musulman ta' 26 sena, u Hejaaz Hizbullah, avukat magħruf sew li jiddefendi d-drittijiet tal-minoranzi u l-istat tad-dritt;
G. billi fid-19 ta' Mejju 2017 is-Sri Lanka reġgħet kisbet aċċess għal preferenzi tariffarji ġenerużi fil-qafas tal-GSP +, bil-kundizzjoni li tissostitwixxi l-PTA tagħha u timplimenta b'mod effettiv 27 konvenzjoni internazzjonali, inklużi konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet tħassib dwar il-PTA u nnotat in-nuqqas tas-Sri Lanka li tirrevoka l-att minkejja li tat il-kelma tagħha li tagħmel dan;
H. billi fl-20 ta' Ottubru 2020 il-Parlament tas-Sri Lanka għadda l-20 Emenda għall-Kostituzzjoni u dan biex isaħħaħ il-presidenza eżekuttiva;
I. billi kważi 12-il sena minn tmiem il-gwerra, l-inizjattivi domestiċi dwar is-sens ta' responsabbiltà u r-rikonċiljazzjoni ripetutament naqsu milli jipproduċu riżultati, u b'hekk komplew jenfasizzaw l-impunità u jaggravaw in-nuqqas ta' fiduċja li l-vittmi għandhom fis-sistema;
J. billi hemm sinjali ċari tal-aċċellerazzjoni tal-militarizzazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern ċivili fis-Sri Lanka; billi mill-2020 'l hawn, mill-inqas 28 membru tal-persunal militari u tal-intelligence ġew maħtura f'karigi amministrattivi importanti; billi dawk il-ħatriet jinkludu mill-inqas żewġ uffiċjali militari għolja li kienu implikati fir-rapporti tan-NU f'allegati delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità matul l-aħħar snin tal-kunflitt; billi ħafna persuni suspettati fil-kustodja tal-pulizija kif ukoll detenuti fil-kumplessi tal-ħabs tas-Sri Lanka nqatlu; billi l-aktar każijiet reċenti jinkludu mwiet fil-kustodja tal-pulizija li ġraw saħansitra f'Mejju 2021; billi 11-il priġunier fil-ħabs ta' Mahara nqatlu u 117 oħra ndarbu meta xi gwardji bdew jisparaw għall-għarrieda biex jikkontrollaw rewwixta li seħħet minħabba l-kundizzjonijiet tal-COVID-19 f'Novembru 2020;
K. billi l-awtoritajiet fis-Sri Lanka taw sentenzi tal-piena kapitali għal reati relatati mad-droga fl-2019, minkejja l-eżistenza ta' moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali fil-pajjiż li ilu fis-seħħ sa mill-1976;
1. Jesprimi tħassib qawwi dwar il-perkors allarmanti tas-Sri Lanka lejn ir-ripetizzjoni ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem kif deskritt fl-aħħar rapport tan-NU dwar il-pajjiż, li jelenka, fost is-sinjali ta' twissija bikrija, il-militarizzazzjoni aċċellerata tal-funzjonijiet tal-gvern ċivili, ir-revoka ta' salvagwardji kostituzzjonali importanti, l-ostakolar politiku tas-sens ta' responsabbiltà, ir-retorika tal-esklużjoni, l-intimidazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-użu ta' liġijiet kontra t-terroriżmu;
2. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-applikazzjoni kontinwa tal-PTA attwali; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka jwettqu l-impenn tagħhom li jirrieżaminaw u jħassru l-att u jissostitwixxuh b'leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu li taderixxi mal-aħjar prattiki internazzjonali; jappella wkoll għas-sospensjoni immedjata tar-regolamenti dwar id-deradikalizzazzjoni;
3. Jirrimarka li r-Regolamenti Nru. 01 tal-2021 ma jipprevedux garanziji proċedurali għall-kwalunkwe persuna li tiġi mċaħħda mil-libertà tagħha hekk kif stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u li dawn jiksru l-garanziji kostituzzjonali tas-Sri Lanka stess fil-qafas tal-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni tas-Sri Lanka; ifakkar li ċ-ċentri ta' deradikalizzazzjoni, riabilitazzjoni u reintegrazzjoni, li huma rregolati taħt leġiżlazzjoni simili, fil-passat kienu kkaratterizzati minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħat-tortura u trattament ħażin ieħor, inkluża l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru;
4. Jesprimi tħassib kbir dwar l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji skont l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu mingħajr proċess ġust u aċċess għall-ġustizzja, inkluż għal attivisti tas-soċjetà ċivili, avukati, kittieba u poeti bħal Hejaaz Hizbullah u Ahnaf Jazeem; jinnota bi tħassib id-detenzjoni ta' Shani Abeysakara, l-ex direttur tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka jgħaddi immedjatament lil dawk detenuti minn proċess ġust fuq akkużi validi u, jekk ma jkunx hemm akkużi, jeħlishom mingħajr kundizzjonijiet;
5. Jiddeplora d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-minoranzi u l-komunitajiet reliġjużi u etniċi fis-Sri Lanka, inklużi l-Musulmani, il-Ħindu, it-Tamil u l-Insara; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jikkundanna mingħajr ekwivoċi d-diskors ta' mibegħda, l-inċitament għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra gruppi reliġjużi u etniċi fil-pajjiż, u jżomm responsabbli lil dawk li jxewxu tali diviżjonijiet, inkluż fi ħdan il-gvern u l-militar;
6. Jinnota l-adozzjoni tal-Għoxrin Emenda tal-Kostituzzjoni u jesprimi tħassib serju dwar it-tnaqqis li jirriżulta fl-indipendenza tal-ġudikatura, it-tnaqqis fil-kontroll parlamentari u l-akkumulazzjoni eċċessiva tal-poter mal-presidenza;
7. Jinnota bi tħassib il-proposta reċenti tal-Gvern tas-Sri Lanka biex tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar id-diżinformazzjoni minkejja t-tħassib imqajjem mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar it-theddid li liġi bħal din tista' toħloq għal-libertà tal-espressjoni; iħeġġeġ lill-pjattaformi online jieħdu passi proattivi biex jimmoderaw iċ-ċirkolazzjoni ta' diskors ta' mibegħda u diżinformazzjoni bis-Sinhaliż u t-Tamil online;
8. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li xi dispożizzjonijiet fil-Kodiċi Penali tas-Sri Lanka, partikolarment it-taqsimiet 365, 365A u 399, ġew interpretati b'tali mod li jikkriminalizzaw individwi b'orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru differenti;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'urġenza l-finanzjament tagħha għall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità u l-proġett tal-INTERPOL b'appoġġ għas-Sri Lanka dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-Sri Lanka f'ċerti każijiet qed tintuża bħala pretest biex fuqha jiġu ppersegwitati membri ta' gruppi etniċi u reliġjużi u tas-soċjetà ċivili, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għas-Sri Lanka u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-difensuri tal-ambjent u l-ġurnalisti;
10. Jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġi żgurat li l-proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali jingħata l-attenzjoni meħtieġa u jirriżulta f'azzjonijiet konkreti, inkluż li tittieħed responsabbiltà għall-għajbien sfurzat u r-reati tal-passat; jiddispjaċih li s-Sri Lanka rtirat mill-impenji li ħadet quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-kuntest tal-isponsorizzazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, ir-responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka, u jħeġġiġha terġa' tidħol f'diskussjonijiet mal-Kunsill, li huwa strumentali biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet mal-komunità internazzjonali u jinħoloq proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali bejn il-komunitajiet differenti ta' Sinhaliżi, Tamil, Musulmani, Ħindu u Nsara;
11. Jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jimpedixxi kwalunkwe xkiel fl-investigazzjoni u l-possibbiltà ta' prosekuzzjoni ta' membri tal-forzi tas-sigurtà akkużati b'abbużi serji b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li għandha ssir investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta' abbużi gravi b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra mwettqa matul il-gwerra ċivili minn uffiċjali għoljin minn kull naħa; jitlob lill-Gvern tas-Sri Lanka jtemm il-prattika tal-ħatra ta' kmandanti u ex kmandanti militari implikati f'abbużi serji f'karigi governattivi għoljin;
12. Jitlob investigazzjoni rigoruża, imparzjali u sħiħa dwar il-bumbardamenti ta' Ħadd il-Għid tal-2019 f'konformità mal-istandards legali internazzjonali; jitlob, barra minn hekk, li dawk li jkun hemm evidenza ta' ħtija kontrihom jitressqu minnufih quddiem il-ġustizzja, u li dawk li ma jkunx hemm biżżejjed evidenza kontrihom jinħelsu;
13. Ifakkar li s-SĠP+ toffri l-inċentiv ta' aċċess aħjar għas-suq tal-UE għall-esportaturi tal-pajjiż, bħala forma ta' kumpens għal aktar progress fl-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet; ifakkar li wieħed mill-impenji ewlenin tas-Sri Lanka kien li tallinja bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex tiżgura relazzjoni kummerċjali favorevoli fl-ambitu tas-SĠP+; ifakkar fil-konsegwenzi previsti fir-Regolament dwar is-SĠP(1) f'każ ta' nuqqas persistenti li jiġu adottati u promulgati r-riformi meħtieġa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, titħassar il-leġiżlazzjoni abbużiva u tinqaleb it-trajettorja attwali ta' ksur dejjem akbar;
14. Jissottolinja li s-SĠP+ offruta lis-Sri Lanka kkontribwiet b'mod sinifikanti għall-ekonomija tal-pajjiż u l-esportazzjonijiet lejn l-UE żdiedu għal EUR 2.3 biljun, li renda s-Sri Lanka t-tieni l-akbar suq ta' esportazzjoni tal-UE; jenfasizza l-monitoraġġ kontinwu tal-eliġibbiltà tas-Sri Lanka għall-istatus tas-SĠP+ u jisħaq li l-kontinwazzjoni tal-preferenzi kummerċjali fl-ambitu tas-SĠP+ mhijiex awtomatika; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex, meta jivvalutaw l-eliġibbiltà tas-Sri Lanka għall-istatus tas-SĠP+, jikkunsidraw l-avvenimenti attwali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw is-SĠP+ bħala lieva biex jinsistu fuq il-progress tas-Sri Lanka fl-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem u jitolbu r-revoka jew is-sostituzzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, jivvalutaw bir-reqqa jekk ikunx hemm raġuni suffiċjenti, bħala l-aħħar rimedju, biex tinbeda proċedura għall-irtirar temporanju tal-istatus tas-SĠP+ tas-Sri Lanka u l-benefiċċji li jġib miegħu, u jirrappurtaw lura għand il-Parlament dwar din il-kwistjoni fl-iqsar żmien possibbli;
15. Jinnota bi tħassib l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni staġnata tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiż; iħeġġeġ lis-Sri Lanka tikkoopera bis-sħiħ mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) biex issaħħaħ id-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-fabbriki, inklużi l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema tal-ħwejjeġ f'żoni kummerċjali speċjali; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jimplimenta u jsaħħaħ b'mod effettiv il-politika nazzjonali dwar l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka jadattaw il-Manwal dwar l-Istandards tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet tal-Impjieg tal-Bord tal-Investiment tas-Sri Lanka u jallinjawh mal-istandards internazzjonali, partikolarment mal-Konvenzjonijiet tal-ILO Nri 87 u 98;
16. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-Unjoni Ewropea għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jilqa' t-tkomplija tal-moratorju tas-Sri Lanka fuq il-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-gvern jabolixxi l-użu tal-piena kapitali fil-pajjiż;
17. Jilqa' l-appoġġ li tat l-UE fil-passat għall-isforzi ta' rikonċiljazzjoni u jenfasizza r-rieda tal-UE li tappoġġja lis-Sri Lanka f'dan il-qasam;
18. Jesprimi tħassib dwar ir-rwol u l-indħil dejjem akbar taċ-Ċina fis-Sri Lanka;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tas-Sri Lanka.
Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ir-Regolament dwar is-SĠP) (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).