Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2749(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0347/2021

Dibattiti :

PV 10/06/2021 - 7.3
CRE 10/06/2021 - 7.3

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2021 - 9
PV 10/06/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0291

Testi adottati
PDF 163kWORD 53k
Il-Ħamis, 10 ta' Ġunju 2021 - Strasburgu
L-elenkar ta' NGOs Ġermaniżi bħala "organizzazzjonijiet mhux mixtieqa" mir-Russja u d-detenzjoni ta' Andrei Pivovarov
P9_TA(2021)0291RC-B9-0347/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-elenkar ta' NGOs Ġermaniżi bħala "organizzazzjonijiet mhux mixtieqa" mir-Russja u d-detenzjoni ta' Andrei Pivovarov (2021/2749(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, fosthom ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 dwar ir-Russja, il-każ ta' Alexei Navalny, l-iskjerament militari fil-fruntiera mal-Ukrajna u l-attakki Russi fir-Repubblika Ċeka(1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tartari tal-Krimea(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha, b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha dwar id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-Artikolu 11 tagħha dwar id-dritt għal-libertà ta' għaqda u għal-libertà ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 814/2015 tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta' Ġunju 2016 dwar il-Liġi Federali Russa Nru 129-FZ dwar l-Emendar ta' Ċerti Atti Leġiżlattivi (liġi federali dwar l-attivitajiet mhux mixtieqa ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin u internazzjonali),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-1 ta' Mejju 2021 dwar l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi kontra tmien ċittadini tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-15 ta' Mejju 2021 dwar il-pubblikazzjoni ta' lista tal-hekk imsejħa "Stati ostili",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-27 ta' Mejju 2021 dwar l-elenkar ta' NGOs Ġermaniżi bħala "organizzazzjonijiet mhux mixtieqa",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE tal-1 ta' Ġunju 2021 dwar id-detenzjoni ta' Andrei Pivovarov,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE tal-4 ta' Ġunju 2021 dwar il-liġi dwar l-hekk imsejħa "organizzazzjonijiet estremisti",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tad-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni UE-Russja tat-3 ta' Ġunju 2021 dwar id-detenzjoni tas-Sur Andrey Pivovarov, Direttur tal-ONG "Open Russia", illum xolta, abbord ajruplan kummerċjali tal-UE li kien wasal biex jitlaq mill-ajruport ta' San Pietruburgu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-eżerċizzju tal-libertà ta' opinjoni, ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huwa dritt fundamentali minqux fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll f'bosta strumenti legali internazzjonali, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li r-Russja impenjat ruħha li tirrispettahom ilkoll kemm huma; billi s-supremazija tad-dritt internazzjonali tikkostitwixxi obbligu għar-Russja u l-bidliet kostituzzjonali reċenti ma jistgħux jimmodifikaw dan l-obbligu jew joħolqu deroga minnu;

B.  billi dan l-aħħar il-Federazzjoni Russa adottat liġijiet repressivi li wessgħu drastikament il-kriterji li permezz tagħhom l-individwi u l-gruppi jistgħu jiġu ddikjarati bħala "aġenti barranin" u żiedu r-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti imposti fuqhom, kif ukoll is-sanzjonijiet għall-ksur tagħhom;

C.  billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) jiżvolġu rwol kruċjali fis-soċjetajiet demokratiċi moderni u jippermettu liċ-ċittadini jikkooperaw bil-għan li jippromwovu diversi għanijiet leġittimi, bħala forma ta' impenn pubbliku neċessarju li jikkomplementa, iħejji u jimmonitorja t-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi formali; billi, għaldaqstant, l-NGOs għandhom rwol politiku importanti u, filwaqt li jirrispettaw il-liġi, jeħtiġilhom iżommu l-indipendenza tagħhom minn kwalunkwe interferenza żejda mill-awtoritajiet pubbliċi;

D.  billi l-liġi federali Russa dwar l-attivitajiet mhux mixtieqa ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin u internazzjonali tippermetti li l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin u internazzjonali jitqiesu mhux mixtieqa fit-territorju tal-Federazzjoni Russa; billi l-organizzazzjonijiet iddikjarati mhux mixtieqa mill-awtoritajiet Russi jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni tagħhom bil-projbizzjoni tal-attivitajiet tagħhom u bl-introduzzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi u kriminali marbutin ma' dawn l-attivitajiet; billi din il-liġi ntużat mill-awtoritajiet Russi biex tiffaċilita r-repressjoni tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili attivi fir-Russja;

E.  billi, bl-adozzjoni ta' dawn il-liġijiet, il-Federazzjoni Russa tat lill-awtoritajiet kontroll kważi totali fuq l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili u tat lill-għassies federali Russu tal-midja (Roskomnadzor) is-setgħa li jimblokka r-riżorsi online; billi l-awtoritajiet Russi pprojbew id-dimostrazzjonijiet f'postijiet pubbliċi, illimitaw id-dritt għall-parteċipazzjoni fi protesti individwali u imponew restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-ġurnalisti li jkopru dawn il-protesti;

F.  billi, fit-12 ta' Jannar 2021, l-għassies tat-telekomunikazzjoni Russu Roskomnadzor fassal l-ewwel tmien protokolli amministrattivi tiegħu – kollha kontra Radio Free Europe/Radio Liberty – minħabba ksur tal-liġi dwar l-"aġenti barranin"; billi l-leġiżlazzjoni ġiet estiża biex tinkludi reporters individwali; billi sal-lum Roskomnadzor akkuża lil Radio Free Europe/Radio Liberty b'520 każ ta' ksur tar-restrizzjonijiet tiegħu fuq it-tikkettar, li huma mistennija jirriżultaw – ladarba kollha jaslu għal deliberazzjoni mill-qrati Russi – f'multi ta' USD 2,4 miljun; billi, f'Mejju 2021, l-awtoritajiet Russi bdew jissekwestraw proprjetà mill-uffiċċju ta' Radio Free Europe/Radio Liberty f'Moska;

G.  billi l-aħħar liġi adottata mid-Duma tal-Istat u mill-Kunsill tal-Federazzjoni Russa f'Mejju 2021 irrestrinġiet drastikament id-drittijiet u l-libertajiet fir-Russja billi timponi restrizzjonijiet ħorox fuq l-individwi li jikkritikaw lill-gvern u teskludihom milli jipparteċipaw fil-ħajja pubblika u milli joħorġu għall-elezzjonijiet fi kwalunkwe livell, inklużi l-elezzjonijiet parlamentari tal-2021, jekk ikunu ħolqu xi organizzazzjoni li minn issa 'l quddiem din il-liġi tiddikjara bħala "estremista" jew "terroristika", mexxewha, ħadmu għaliha jew inkella pparteċipaw fl-attivitajiet tagħha;

H.  billi din il-liġi tipprevedi wkoll l-applikazzjoni retroattiva tagħha u hija mmirata lejn il-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Aleksei Navalny, li diġà ġiet iddikjarata bħala "aġent barrani" u li issa tinsab fil-proċess li tiġi ddikjarata bħala "organizzazzjoni estremista";

I.  billi l-Federazzjoni Russa wessgħet ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi dwar l-"organizzazzjonijiet mhux mixtieqa" billi introduċiet projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħhom barra mill-pajjiż u assenjat l-istatus ta' "mhux mixtieqa" lill-organizzazzjonijiet meqjusa bħala intermedjarji fi tranżazzjonijiet finanzjarji ma' dawk diġà pprojbiti;

J.  billi l-Federazzjoni Russa ddikjarat bosta NGOs internazzjonali u barranin bħala "mhux mixtieqa", inklużi l-Istitut Repubblikan Internazzjonali, l-Istitut Demokratiku Nazzjonali, il-Fondazzjoni Nazzjonali għad-Demokrazija u l-Kunsill tal-Atlantiku, ibbażati fl-Istati Uniti, kif ukoll il-Fond Ewropew għad-Demokrazija ffinanzjat mill-UE, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Istudji Politiċi tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kungress Dinji Ukren, l-istabbilimenti tal-midja mmexxija minn Radio Free Europe/Radio Liberty u wkoll bid-deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali Russu tas-26 ta' Mejju 2021 li jelenka tliet NGOs Ġermaniżi (Forum Russischsprachiger Europäer e.V., Zentrum für die Liberale Moderne GmbH u Deutsch-Russischer Austausch e.V.) bħala "mhux mixtieqa";

K.  billi soċjetà ċivili attiva hija komponent kruċjali ta' soċjetà demokratika u miftuħa u hija essenzjali għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

L.  billi d-Duma tal-Istat, bl-adozzjoni ta' dawn il-liġijiet li jinkludu applikazzjoni immedjata tar-responsabbiltà kriminali, għandha fil-mira tagħha l-moviment ċiviku Open Russia, netwerk favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, li għaldaqstant sab ruħu kostrett li jxolji sabiex jipproteġi lill-attivisti u lis-sostenituri tiegħu minn aktar prosekuzzjonijiet;

M.  billi, fis-27 ta' Mejju 2021, Open Russia ħabbar li se jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu biex jipproteġi lill-persunal u lill-membri tiegħu minn prosekuzzjoni kriminali skont il-leġiżlazzjoni Russa dwar l-"organizzazzjonijiet mhux mixtieqa";

N.  billi, fil-31 ta' Mejju 2021, l-ex mexxej tal-moviment Open Russia, Andrei Pivovarov, tneħħa minn fuq ajruplan tal-kumpanija Pollakka LOT li kien qed iħejji biex itir f'San Pietruburgu, ġie detenut b'mod arbitrarju u jumejn wara tqiegħed f'detenzjoni preventiva għal xahrejn fuq akkużi ta' "parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' organizzazzjoni mhux mixtieqa" li għalihom seta' jiffaċċja sa sitt snin il-ħabs; billi Mikhail Iosilevich, attivist minn Nizhny Novgorod, huwa wkoll fost dawk li bħalissa jinsabu sottoposti għal prosekuzzjoni kriminali u qegħdin detenuti fuq l-istess akkużi;

O.  billi dawn l-azzjonijiet iżidu mal-għadd kbir ta' prosekuzzjonijiet kriminali motivati politikament varati mill-Federazzjoni Russa kontra individwi li jesprimu fehmiet kuntrarji jew li ħabbru l-ambizzjonijiet tagħhom li joħorġu għall-elezzjonijiet parlamentari skedati għal Settembru 2021 fir-Russja, bħall-priġunerija ta' Aleksei Navalny, attivist impenjat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u politiku tal-oppożizzjoni, jew is-sentenza sospiża ta' ħames snin mogħtija lil Nikolai Platoshkin, blogger tal-oppożizzjoni tax-xellug u politiku; billi jiġbed l-istess attenzjoni għall-kawżi reċenti kontra Dmitry Gudkov, politiku tal-oppożizzjoni, kontra stabbilimenti tal-midja bħal Radio Free Europe/Radio Liberty, Meduza u VTimes, kif ukoll kontra għadd ta' ġurnalisti, akkużati li huma "aġenti barranin"; billi anke r-rivisti tal-istudenti qed ikunu fil-mira ta' miżuri repressivi; billi, skont iċ-ċentru għad-drittijiet tal-bniedem Memorial, l-awtoritajiet Russi bħalissa qed iżommu f'detenzjoni kważi 400 priġunier politiku bi ksur tal-obbligi tal-Federazzjoni Russa;

P.  billi l-awtoritajiet Russi rażżnu bl-aħrax id-dimostranti paċifiċi li ħarġu fit-toroq tal-pajjiż kollu biex jappjoġġaw lil Aleksei Navalny u jipprotestaw kontra l-korruzzjoni u l-inġustizzja; billi skont l-organizzazzjoni ta' monitoraġġ Russa OVD-Info, 'il fuq minn 11 000 dimostrant ġew arrestati matul tlett ijiem ta' protesti f'Jannar u Frar, fosthom għexieren ta' ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li kienu qed ikopru jew jimmonitorjaw il-protesti; billi eluf ta' prosekuzzjonijiet amministrattivi u 'l fuq minn 100 kawża kriminali nbdew madwar il-pajjiż, u għadhom għaddejjin aktar arresti u detenzjonijiet fuq akkużi foloz;

Q.  billi, skont bosta rapporti, dimostranti paċifiċi kkundannati għal "detenzjoni amministrattiva" ġew soġġetti għal trattament ħażin, u, fost l-oħrajn, tqiegħdu f'faċilitajiet ta' detenzjoni ffullati żżejjed, ġew miċħuda ikel u ilma għal diversi sigħat u ġew imġiegħla jqattgħu ħinijiet twal (diversi sigħat f'daqqa, ħafna drabi billejl) f'vannijiet tal-pulizija matul it-trasferiment; billi l-persuni li pparteċipaw fil-protesti rrappurtaw ukoll li kienu mhedda b'espulsjoni jew tkeċċew minn universitajiet jew kulleġġi jew tilfu l-impjieg tagħhom; billi dimostranti paċifiċi, inklużi anzjani u tfal, kienu wkoll soġġetti għal użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija tal-irvellijiet;

R.  billi huwa kruċjali li, fi strateġija komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja, jiġi żgurat li l-impenn mar-Russja ma jikkompromettix il-valuri tad-demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

S.  billi r-reġim tal-Kremlin qed jagħmel dak kollu li jista' biex jiżola lill-poplu tar-Russja mill-komunità internazzjonali u biex iċaħħdu mit-tama tiegħu għal futur demokratiku, inkluż billi jirrikorri għal diversi mezzi biex jipprojbixxi lill-kandidati tal-oppożizzjoni milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet parlamentari tal-2021 fir-Russja;

T.  billi r-riċerka mwettqa miċ-Ċentru Levada turi li l-Partit Russja Magħquda fil-gvern għandu rata ta' approvazzjoni pubblika f'livell storiku baxx wara li appoġġja riforma mhux popolari tal-pensjonijiet u ta spinta lill-adozzjoni ta' abbozz ta' emendi kostituzzjonali, inkluża waħda li tista' tippermetti lill-President Vladimir Putin jibqa' fil-kariga sal-2036; billi r-ripressjoni dejjem tikber kontra s-soċjetà ċivili u kontra l-oppożizzjoni politika min-naħa tal-awtoritajiet Russi tiżvela l-biża' tal-awtoritajiet li jkun hemm skuntentizza popolari bil-prestazzjoni soċjoekonomika fqira tal-pajjiż u bil-korruzzjoni tal-klassi fil-gvern;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi:

   a) jeħilsu lil Andrei Pivovarov immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u kontra l-oħrajn kollha soġġetti għal prosekuzzjoni kriminali skont il-liġi dwar "organizzazzjonijiet mhux mixtieqa", jew li nżammu b'mod arbitrarju b'xi mod ieħor;
   b) itemmu r-ritaljazzjonijiet kollha kontra l-avversarji politiċi u ilħna kritiċi oħra fil-pajjiż; jiggarantixxu lill-partiti politiċi kollha aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs matul l-elezzjonijiet;
   c) itemmu l-prosekuzzjonijiet kriminali kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti skont il-liġi dwar l-"aġenti barranin" u dik dwar l-"organizzazzjonijiet mhux mixtieqa", jirrevokaw din il-leġiżlazzjoni diskriminatorja u jreġġgħu lura d-deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali Russu li jelenka tliet NGOs Ġermaniżi bħala "mhux mixtieqa"kif ukoll NGOs barranin oħrajn, b'kollox 34;
   d) jirrevokaw il-leġiżlazzjoni adottata reċentement u ma jibqgħux joħolqu leġiżlazzjoni speċjali ġdida jew jabbużaw minn liġijiet kriminali jew amministrattivi konvenzjonali oħra li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda radikali fuq is-soċjetà ċivili indipendenti, id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, u l-aċċess għal informazzjoni online, u jirrevedu u jġibu l-leġiżlazzjoni Russa konformi mal-obbligi internazzjonali tar-Russja, mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-Kostituzzjoni Russa stess;
   e) joqogħdu lura milli jadottaw il-leġiżlazzjoni addizzjonali li qed titħejja bħalissa li tipprojbixxi lill-persunal jew lis-sostenituri ta' organizzazzjonijiet elenkati b'mod arbitrarju bħala "mhux mixtieqa" milli joħorġu għall-elezzjonijiet;
   f) jirrikonoxxu l-kontribut pożittiv ta' soċjetà ċivili vibranti u attiva għall-istat tad-demokrazija u tas-soċjetà, u jiggarantixxu ambjent favorevoli li fih l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivisti jistgħu jikkontribwixxu liberament għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-benesseri tas-soċjetà;
   g) jirrieżaminaw, u jġibu f'konformità mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, leġiżlazzjoni oħra li qed tintuża biex tirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-leġiżlazzjoni tar-Russja dwar il-kampanji ta' diżinformazzjoni, il-ġlieda kontra l-estremiżmu u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;
   h) jeħilsu lid-dimostranti paċifiċi kollha u lil attivisti oħra tas-soċjetà ċivili u politiċi, immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, inkluż lil Aleksei Navalny u lil dawk li ġew arrestati u detenuti għal "reati" amministrattivi foloz jew li ġew soġġetti għal prosekuzzjoni kriminali fuq akkużi kriminali foloz unikament talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda paċifika, li jinkludu fost l-oħrajn ġurnalisti, avukati, attivisti tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u atturi oħra tas-soċjetà ċivili, inklużi l-membri tal-persunal u l-assoċjati tal-Fondazzjoni Aleksei Navalny;
   i) jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' kuntatti interpersonali għall-benefiċċju kemm tal-Federazzjoni Russa kif ukoll tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lid-Delegazzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, fit-tħejjija tal-Istrateġija komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja, u b'reazzjoni għall-erożjoni tal-istat tad-dritt, tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, jiffukaw fuq:

   a) l-introduzzjoni ta' kondizzjonalità ġdida fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja bil-għan li tintemm ir-ripressjoni interna fir-Russja kontra attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u avukati, politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, il-midja indipendenti, it-trejdjunjins, u l-NGOs, u, jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata, l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet ġodda tal-UE bħall-qtugħ tal-aċċess tal-oligarki Russi u l-uffiċjali responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għal xiri ta' proprjetà, viżi, prodotti finanzjarji eċċ., fl-UE;
   b) it-teħid ta' azzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u fi kwalunkwe djalogu mar-Russja biex jiġu indirizzati d-drittijiet tal-bniedem sabiex tiġi riflessa b'mod preċiż il-gravità tar-ripressjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, b'mod partikolari matul il-perjodu minn Jannar 2021; li tkompoli tintwera solidarjetà u unità ta' azzjoni, bil-ħsieb li jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet tagħhom dwar ir-Russja sabiex jiġi limitat l-impatt negattiv ta' liġijiet restrittivi li ġew adottati reċentement fir-Russja, u l-kunsiderazzjoni tal-idea li l-piż tas-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-reġim Russu jinqasam fost l-Istati Membri fi spirtu ta' ġustizzja, l-issoktar tat-tkomplija ta' proġetti strateġiċi bħal Nord Stream 2, u l-ikkumplimentar tar-Reġim Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem attwali b'reġim simili li jittratta l-korruzzjoni;
   c) it-teħid ta' azzjoni kkoordinata biex jiġi miġġieled u llimitat l-impatt negattiv ta' liġijiet restrittivi adottati reċentement fir-Russja u jiġi ipprijoritizzat l-involviment strateġiku mal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u fir-Russja, b'mod partikolari billi d-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-djalogi u l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, inkluż permezz ta' kooperazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima, kif ukoll kwalunkwe programm ta' kooperazzjoni edukattiva u kulturali, filwaqt li regolarment jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem biex tiġi rieżaminata din il-kooperazzjoni;
   d) l-ivvalutar ta' liema istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u stabbilimenti tal-midja b'rabtiet mill-qrib mal-Gvern Russu għandhom jiġu mmonitorjati fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom fl-UE;
   e) iż-żieda fl-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-NGOs indipendenti u l-midja, is-soċjetà ċivili u dawk li jiddefendu l-libertajiet politiċi u ċivili fir-Russja, pereżempju billi jintwera impenn aktar sostnut u ta' livell għoli f'każijiet individwali ewlenin ta' tħassib, inkluż l-avvelenament ta' Vladimir Kara-Murza, billi jittieħed vantaġġ sħiħ miż-żjarat mill-ambaxxaturi u minn uffiċjali oħra fir-reġjuni biex iqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u jiltaqgħu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, u billi jintużaw b'mod strateġiku l-midja soċjali, l-op-eds u l-interventi tal-istampa biex jintwera appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-Russja u permezz ta' mezzi Russi indipendenti, kif ukoll billi ġurnalisti indipendenti fir-Russja jiġu appoġġjati b'azzjonijiet diplomatiċi/konsolari meta dawn ikunu jinsabu f'riskju, inkluż permezz ta' politika tal-viżi flessibbli; filwaqt li l-Parlament qed jenfasizza li din il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għandha tkun pilastru tal-approċċ strateġiku ġdid li jmiss tal-UE fil-konfront tar-Russja, u qed iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jilqgħu NGOs mhedda jew ipprojbiti mir-Russja u jippermettulhom joperaw mit-territorju tal-UE jekk meħtieġ, u jżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza, u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE;
   f) il-ħtieġa li titkompla l-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili mar-Russja u għalhekk li jiġu indirizzati l-ostakoli dejjem ikbar li l-awtoritajiet Russi qed ideffsu fil-kuntatti bejn il-persuni, il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi;
   g) l-ikkundannar ta' forom ġodda ta' ripressjoni moħbija immirati biex jissanzjonaw, kemm fil-kapitali kif ukoll f'postijiet oħra, il-parteċipazzjoni tal-impjegati, it-tobba tal-isptarijiet, l-għalliema u l-ħaddiema tas-servizzi soċjali f'dimostrazzjonijiet jew l-appoġġ tagħhom lill-opponenti tar-reġim attwali;
   h) il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqajmu b'mod urġenti fil-Kunsill tal-Ewropa l-kwistjonijiet tal-adozzjoni ta' atti leġiżlattivi awtoritarji reċenti mill-Federazzjoni Russa fid-dawl tat-twettiq tal-obbligi internazzjonali tagħha lejn il-Kunsill tal-Ewropa;
   i) it-teħid ta' azzjoni kkoordinata ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma, inklużi pajjiżi tal-G7, li tħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jtemmu r-ripressjoni interna kontra d-demokrazija u l-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li għandha tinkludi wkoll interventi ta' livell għoli u pubbliċi, inizjattivi kkoordinati u skrutinju sostnut f'fora internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
   j) it-twettiq regolari ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem biex jiġi żgurat li l-involviment mal-awtoritajiet Russi ma jdgħajjifx l-objettivi tad-drittijiet tal-bniedem u ma jikkontribwixxix għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem la direttament u lanqas indirettament;
   k) l-inkoraġġiment tal-bliet u l-irħula tal-UE li għandhom proġetti attivi ta' ġemellaġġ mal-kontropartijiet tagħhom fir-Russja biex jirrevedu u jaġġornaw dawn il-ftehimiet sabiex iqisu d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiffokaw il-kooperazzjoni prinċipalment fuq is-soċjetà ċivili u l-kuntatti bejn il-persuni;
   l) ir-rispett tat-talba tal-Parlament lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi nazzjonali fir-Russja biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u l-proċessi tad-detenuti politiċi individwali fil-post, u joffrulhom kwalunkwe appoġġ li jista' jkollhom bżonn, u biex jaħdmu id f'id biex jiżguraw il-ħelsien rapidu tagħhom;
   m) l-evitar li tingħata leġittimità lil uffiċjali li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni, billi jiġi żgurat, pereżempju, li l-ambaxxaturi u l-viżitaturi ta' livell għoli jevitaw laqgħat diskrezzjonali ma' uffiċjali involuti fir-repressjoni, fost l-oħrajn, ma' membri tad-Duma tal-Istat involuti fl-abbozzar tal-liġi dwar l-"aġenti barranin", bħal Andrei Klimov; il-monitoraġġ, f'dan ir-rigward, ta' fora bilaterali bħad-Djalogu ta' Trianon u d-Djalogu ta' Sochi; il-valutazzjoni tal-interruzzjoni tagħhom fuq l-eżempju tad-Djalogu ta' Pietruburgu, li ddeċieda li jieqaf jiltaqa' sakemm uħud mill-membri tiegħu jibqgħu jġarrbu diskriminazzjoni bħala "organizzazzjonijiet barranin mhux mixtieqa";

3.  Jikkundanna l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li jinsabu fil-mira tar-repressjoni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jwaqqfu l-atti tagħhom ta' fastidju u ta' intimidazzjoni u l-attakki tagħhom fuq is-soċjetà ċivili, il-midja, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti; jikkundanna n-nuqqas tal-awtoritajiet Russi li jipproteġu dawn l-atturi kontra l-attakki u l-atti ta' fastidju u ta' intimidazzjoni min-naħa ta' partijiet terzi u n-nuqqas li jinvestigaw dawn l-attakki kontrihom b'mod imparzjali;

4.  Jistieden lin-negozji kollha tal-UE li joperaw fir-Russja biex jeżerċitaw diliġenza partikolari u jiddefendu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jinsab imħasseb dwar il-fatt li politiċi Ewropej ta' livell għoli jaċċettaw kuntratti li jħallu ħafna qligħ ma' kumpaniji li huma proprjetà tal-Kremlin jew għandhom rabta miegħu bħal Gazprom jew Rosnieft;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lid-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0159.
(2) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 27.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza