Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2745(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0341/2021

Dibattiti :

PV 08/06/2021 - 13
CRE 08/06/2021 - 13

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2021 - 9
PV 10/06/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0292

Testi adottati
PDF 150kWORD 53k
Il-Ħamis, 10 ta' Ġunju 2021 - Strasburgu
Id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni politika f'Kuba
P9_TA(2021)0292RC-B9-0341/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika f'Kuba (2021/2745(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Novembru 2018(1) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, tat-3 ta' Diċembru 2019(2) dwar il-każ ta' José Daniel Ferrer, u tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2017(4),

–  wara li kkunsidra s-smigħ dwar Kuba tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, li sar fil-11 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-vidjokonferenza informali tal-membri tal-Kunsill Konġunt tal-UE-Kuba, tal-20 ta' Jannar 2021(5),

–  wara li kkunsidra t-tielet Djalogu Formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni (PDCA), li sar fis-26 ta' Frar 2021(6),

–  wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar Kuba, ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), u r-rakkomandazzjonijiet ġenerali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u Prisoners Defenders, il-kapitolu IV.B dwar Kuba tar-Rapport Annwali tal-2020 tal-IACHR, il-Komunikazzjoni tat-6 ta' Novembru 2019 lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Rapporteur Speċjali dwar il-forom kontemporanji ta' skjavitù, inklużi l-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu, u r-Rapporteur Speċjali dwar it-traffikar tal-persuni, speċjalment tan-nisa u tat-tfal, dwar is-servizzi mediċi Kubani, u l-konklużjonijiet tal-aħħar Rieżami Perjodiku Universali ta' Kuba 2018, dwar is-servizzi mediċi Kubani,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Osservatorju Kuban għad-Drittijiet tal-Bniedem mit-12-il xahar sa Mejju 2021 dwar azzjonijiet repressivi u detenzjonijiet arbitrarji,

–  wara li kkunsidra s-smigħ pubbliċi tal-179 Perjodu ta' Sessjonijiet tal-IACHR,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-IACHR 7/2021, 14/2021 u 24/2021,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984, li Kuba hija Stat Parti tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni ta' Kuba u l-Kodiċi Penali tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 168 tal-Ministeru tal-Kummerċ Barrani u l-Investiment tar-Repubblika ta' Kuba tad-29 ta' Marzu 2010, il-Liġi 1312 tat-12 ta' Settembru 1976 (l-hekk imsejħa "Liġi dwar il-Migrazzjoni") u d-digrieti regolatorji tagħha Nru 26 tat-18 ta' Diċembru 2015 u Nru 306 tat-12 ta' Ottubru 2012, il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapport annwali tal-2020 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' April 2021,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ratifikati minn Kuba,

–  wara li kkunsidra d-definizzjoni ta' "organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili" fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bil-PDCA, li ġie ffirmat fl-2016, iż-żewġ partijiet affermaw mill-ġdid ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-PDCA bejn l-UE u Kuba;

B.  billi l-Parlament adotta riżoluzzjoni fl-2017 li fiha afferma mill-ġdid il-fehmiet tiegħu dwar id-demokrazija, id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni politika, u l-libertà tal-informazzjoni fil-forom kollha tagħha;

C.  billi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-dinjità u l-benesseri tan-nies huma rrappreżentati u difiżi bl-aħjar mod f'demokrazija, u dan ifisser, fost affarijiet oħra, alternanza tal-poter, elezzjonijiet ħielsa u ġusti u rispett għall-pluraliżmu politiku; billi l-Artikolu 5 tal-Kostituzzjoni Kubana li ġiet approvata reċentament jissottolinja l-Partit Komunista ta' Kuba bħala l-awtorità statali finali, imsaħħaħ mill-Artikoli 4 u 229 li jissottolinjaw is-soċjaliżmu bħala sistema irriversibbli; billi l-Kostituzzjoni l-ġdida tal-2019 serviet mhux biss biex tipproteġi s-sistema u tiffriża kwalunkwe proċess ta' riforma tal-libertajiet u d-drittijiet, iżda wkoll biex testendi l-limitazzjoni tagħhom; billi r-reġim jirrestrinġi serjament lill-persuni bi twemmin politiku differenti milli jipparteċipaw fil-ħajja politika pubblika u li jkollhom kariga politika; billi hemm nuqqas kontinwu ta' kundizzjonijiet li jipprovdu garanziji għall-indipendenza ġudizzjarja, speċjalment b'rabta ma' każijiet li jinvolvu attivisti u dissidenti;

D.  billi d-Digriet 349 jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni tal-artisti billi jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel għal prestazzjonijiet u esibizzjonijiet pubbliċi u privati; billi d-Digriet 370 dwar il-kontenut online jistabbilixxi qafas ambigwu li jippermetti l-persekuzzjoni tal-attivisti u tal-ġurnalisti indipendenti, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; billi l-Kodiċi Penali ta' Kuba jinkludi dispożizzjonijiet bħal "stat ta' periklu" u "miżuri ta' sigurtà prekriminali" li għalihom aktar minn 8 000 persuna qed jinżammu l-ħabs mingħajr ebda reat attribwibbli, u 2 500 oħra ġew ikkundannati għax-xogħol furzat;

E.  billi mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni kważi erba' snin ilu, ma sar l-ebda progress konkret f'Kuba fir-rigward tal-prinċipji ġenerali u l-objettivi tal-ftehim lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, u tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali għaċ-ċittadini Kubani; billi għall-kuntrarju, ir-reġim Kuban żied ir-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora fis-soċjetà Kubana kollha, u dan ipproduċa mewġiet ġodda ta' reżistenza u dimostrazzjonijiet paċifiċi minn setturi sinifikanti li ġew repressi u mrażżna b'mod brutali mill-istrutturi repressivi tar-reġim Kuban;

F.  billi l-Opinjoni 50/2020 tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) tan-NU, imqassma fl-14 ta' Ottubru 2020, twissi li l-ksur sistemiku tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Kubani huwa prattika komuni; billi f'dawn l-aħħar tnax-il xahar sal-1 ta' Ġunju 2021 ġew reġistrati 199 każ ta' priġunieri politiċi f'Kuba, b'65 każ ġdid ta' priġunerija politika; billi April kien l-aktar xahar ripressiv mill-bidu tal-2021, peress li l-Osservatorju tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Kuba (OCDH) iddokumenta aktar minn 1 018-il azzjoni ripressiva kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti indipendenti, li minnhom 206 kienu detenzjonijiet arbitrarji u 13 kienu jinvolvu vjolenza serja; billi skont l-organizzazzjoni tad-Difensuri tal-Priġunieri, bħalissa hemm 150 priġunier politiku f'Kuba;

G.  billi fid-dawl tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-11 ta' Frar 2021, ġew adottati miżuri ta' prekawzjoni fir-rigward ta' 20 membru identifikat tal-Moviment San Isidro (MSI) u huwa ppruvat biżżejjed li d-drittijiet għall-ħajja u għall-integrità personali tal-persuni identifikati jinsabu f'riskju serju; billi l-awtoritajiet Kubani daħlu b'mod illegali fid-dar tal-artist indipendenti u koordinatur tal-Moviment ta' San Isidro, Luis Manuel Otero Alcántara, u żammewh arbitrarjament għal diversi sigħat mingħajr l-ebda akkuża; billi Denis Solís González, membru tal-Moviment San Isidro, qed jinżamm il-ħabs b'mod arbitrarju mixli bi stmerrija, u Luis Robles Elizástegui jinsab il-ħabs sempliċement għax ġarr kartellun li b'mod paċifiku talab il-ħelsien ta' Denis Solís González; billi Maykel Castillo Pérez, membru tal-MSI u kokreatur tal-kanzunetta "Patria y Vida" qed jinżamm il-ħabs arbitrarjament u ġie kkomunikat bħala persuna li għebet għal 14-il jum mill-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Furzat;

H.  billi għall-kuntrarju tat-talbiet mill-Parlament, ma kien hemm l-ebda żjara lid-detenuti politiċi fil-ħabs jew kwalunkwe osservazzjoni tal-proċessi tal-opponenti, tad-dissidenti, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jew tas-soċjetà ċivili indipendenti mill-UE; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, Amnesty International u Prisoners Defenders fost ħafna osservaturi indipendenti oħra tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-Rapporteurs Speċjali tan-NU, mhumiex permessi jidħlu f'Kuba minkejja li ilhom snin jinsistu dwar il-ħtieġa li jżuru l-gżira;

I.  billi r-Riżoluzzjoni 168 tal-2010 tal-Ministeru tal-Kummerċ Internazzjonali u l-Investiment Barrani ta' Kuba, timponi fuq l-impjegati ċivili kollha barra mill-pajjiż li jaħdmu għall-Istat jew għall-intrapriżi tal-Istat, inkluż il-persunal mediku, id-dmirijiet u l-obbligi mhux iġġustifikati li jiksru d-dinjità tal-bniedem u l-aktar drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem; billi l-impjegati ċivili kollha li ma jtemmux il-missjonijiet mediċi jew li jiddeċiedu li ma jmorrux lura lejn Kuba jiġu kkastigati skont il-Kodiċi Penali Kubana bi tmien snin ħabs; billi dawn il-missjonijiet mediċi ġew ikklassifikati bħala forma moderna ta' skjavitù skont il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), u d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (CUB6/2019) dwar il-missjonijiet mediċi Kubani enfasizzat il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u inumani tal-persunal mediku, allegazzjonijiet li kienu appoġġati minn Human Rights Watch u minn 622 xhud;

J.  billi Kuba rratifikat it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO; billi Kuba qed tikser il-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat;

K.  billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Libsin l-Abjad (Berta Soler) fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi l-awtoritajiet Kubani sistematikament waqqfu lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov u lil qrabathom milli jitilqu mill-pajjiż u milli jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali, inklużi dawk organizzati mill-Parlament Ewropew, minkejja bosta stediniet, li l-aħħar waħda saret fil-11 ta' Diċembru 2020; billi t-tattiki tagħhom inkludew il-fastidju, l-intimidazzjoni u l-arrest arbitrarju ta' Berta Soler u Reinaldo Escobar, kif ukoll ir-restrizzjoni tal-konnessjonijiet tal-internet tal-parteċipanti l-oħra; billi l-President tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Viċi President tal-Parlament iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li tiddenunzja l-fastidju tal-attivisti; billi hemm tħassib dwar id-difiża u l-appoġġ tagħhom mid-delegazzjoni tal-UE f'Havana; billi la s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lanqas id-Delegazzjoni tal-UE f'Kuba ma għamlu dikjarazzjoni li tiddefendihom jew urew xi tip ta' appoġġ pubbliku jew privat;

L.  billi l-Ambaxxatur attwali tal-UE f'Havana ffirma ittra indirizzata lill-President tal-Istati Uniti, fejn talab, fost affarijiet oħra, li jitneħħa l-embargo tal-Istati Uniti fuq il-gżira, kif ukoll li ma jkunx hemm indħil fl-affarijiet Kubani; billi dan il-fatt imur b'mod ċar oltre l-funzjonijiet diplomatiċi tal-Ambaxxatur u juri r-rwol politiċizzat ferm tal-ambaxxata tal-UE f'Havana; billi l-Ambaxxatur attwali tal-UE f'Havana għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi li fihom jafferma li "Kuba mhijiex dittatorjat";

M.  billi l-Gvern Kuban irrifjuta l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili fis-"Seminars tas-Soċjetà Ċivili UE-Kuba" li saru qabel it-tielet Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi fis-26 ta' Frar 2021, l-UE u Kuba kellhom it-tielet Djalogu formali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-PDCA; billi ż-żewġ naħat iddiskutew il-kwistjoni tal-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-UE fakkret fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi d-djalogu huwa maħsub li jwassal għal riżultati tanġibbli u ma jistax jitqies bħala għan fih innifsu; billi kwalunkwe djalogu politiku jrid jinkludi parteċipazzjoni intensiva diretta tas-soċjetà ċivili indipendenti u tal-atturi politiċi kollha tal-oppożizzjoni mingħajr restrizzjonijiet, kif enfasizzat fl-Artikolu 36 tal-PDCA;

N.  billi l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, stieden lir-rappreżentanti diplomatiċi tal-Gvern Kuban għal seduti ta' smigħ u attivitajiet rigward Kuba; billi dawn l-istediniet mhux biss ġew irrifjutati, talli ġew imwieġba fil-forma ta' ittri mimlija insulti u akkużi infondati kontra l-Parlament u l-Membri tiegħu; billi l-Parlament x'aktarx huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li ma ngħatatx permess iżżur il-pajjiż wara d-dħul fis-seħħ provviżorju tal-PDCA, attitudni li tikkontradixxi b'mod ċar l-element essenzjali li fuqu għandu jkun ibbażat ftehim ta' djalogu politiku;

O.  billi l-PDCA inkluda l-hekk imsejħa "klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem", li hija element essenzjali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE li jippermetti li l-PDCA jiġi sospiż f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-eżistenza ta' priġunieri politiċi, il-persekuzzjoni politika persistenti u permanenti, l-atti ta' fastidju u d-detenzjoni arbitrarja ta' dissidenti f'Kuba; jikkundanna wkoll l-attakki attwali kontra artisti tal-Moviment San Isidro, dissidenti paċifiċi, ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-oppożizzjoni politika; jitlob li dawn l-azzjonijiet jintemmu minnufih u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jeħilsu immedjatament lill-priġunieri politiċi kollha u lil dawk li jinsabu detenuti arbitrarjament biss talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tagħhom; jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni arbitrarja ta' Aymara Nieto Muñoz, Mitzael Díaz Paseiro, Iván Amaro Hidalgo, Edilberto Ronal Arzuaga Alcalá, Yandier García Labrada, Denis Solís González, Luis Robles Elizástegui u tas-77 priġunier minħabba twemmin; jesprimi solidarjetà mal-membri tal-Moviment San Isidro u l-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-libertà ta' espressjoni f'Kuba;

2.  Jitlob li jkun hemm garanziji aħjar għad-dritt ta' proċess ġust u għall-indipendenza tal-ġudikatura, u li jiġi żgurat li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti; jiddispjaċih dwar l-1 941 att ta' repressjoni li seħħew f'April (1018) u f'Mejju 2021 (923); jitlob b'insistenza li dawk detenuti jingħataw evalwazzjoni medika indipendenti, aċċess għal komunikazzjoni bit-telefon u żjarat regolari mill-familja, il-ħbieb, ġurnalisti u membri tal-korp diplomatiku;

3.  Jiddispjaċih ferm dwar in-nuqqas ta' impenn u rieda tar-reġim Kuban li jagħmel ħiltu biex jagħmel progress, anki minimu, lejn il-bidla jew li jiftaħ kanali li jistgħu jippermettu r-riforma tar-reġim, biex jittejbu l-parteċipazzjoni soċjali u politika kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini; jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja d-dħul fis-seħħ tal-PDCA kważi erba' snin ilu, is-sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ma tjibitx u ma wasslet għal ebda riżultat pożittiv sostanzjali u tanġibbli għall-poplu Kuban; jappella għal konformità mal-obbligi vinkolanti stabbiliti f'dan il-ftehim u jitlob li jiġu adottati parametri referenzjarji ċari f'dan ir-rigward;

4.  Jirrikonoxxi d-dritt tal-poplu Kuban li jitlob id-demokratizzazzjoni ta' pajjiżu permezz ta' djalogu mas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika sabiex jiġi stabbilit pjan direzzjonali lejn elezzjonijiet demokratiċi multipartitiċi;

5.  Jitlob b'insistenza li l-Gvern Kuban jimplimenta riformi legali sabiex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa, tal-assoċjazzjoni u tad-dimostrazzjoni, u jvara r-riformi politiċi li jippermettu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi li jqisu r-rieda sovrana u espressa liberament tal-poplu Kuban; iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali ddefiniti fl-istatuti, fid-dikjarazzjonijiet u fl-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-oppożizzjoni politika jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja politika u soċjali mingħajr restrizzjonijiet; jistieden lill-Gvern Kuban jirrikonoxxi l-ġurnaliżmu indipendenti bħala prattika leġittima u jirrispetta d-drittijiet tal-ġurnalisti indipendenti f'Kuba;

6.  Jappella għat-tħassir immedjat tad-Digrieti 349 u 370 u ta' liġijiet Kubani oħra li jiksru l-libertà ta' espressjoni;

7.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jirrikonoxxi l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika għall-Gvern Kuban, u għalhekk jinkludiha fid-djalogi politiċi istituzzjonalizzati, formali, miftuħa u pubbliċi bejn l-UE u Kuba, b'appoġġ għall-pilastri tal-PDCA;

8.  Jiddispjaċih li s-SEAE u d-Delegazzjoni tal-UE f'Havana eskludew lill-oppożizzjoni demokratika Kubana u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm Ewropej kif ukoll Kubani mid-djalogi politiċi minħabba n-nuqqas ta' approvazzjoni mill-awtoritajiet Kubani; jissottolinja li din id-deċiżjoni tmur kontra l-PDCA u jisħaq li ż-żewġ partijiet għandhom l-obbligu li jikkonformaw bis-sħiħ mal-ftehim; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jirrifjutaw li jipparteċipaw fi djalogi futuri politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' Kuba sakemm is-soċjetà ċivili ma tkunx rappreżentata kif xieraq;

9.  Ifakkar lis-SEAE li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-djalogi politiċi u l-proġetti ta' kooperazzjoni tal-ftehim hija parti essenzjali tal-PDCA u li l-esklużjoni tas-soċjetà ċivili minn fondi ta' kooperazzjoni u/jew mill-parteċipazzjoni fil-ftehim filwaqt li, għall-kuntrarju, tippermetti l-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-fondi ta' kooperazzjoni esklużivament għal kumpaniji li l-istat għandu sehem fihom jew li jikkontrolla, kif kien il-każ mindu l-ftehim ġie ffirmat, għandha tiġi rimedjata minnufih;

10.  Jikkundanna l-ksur sistemiku tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-bniedem imwettaq mill-istat Kuban kontra persunal tiegħu tal-kura tas-saħħa mibgħut biex jaħdem barra l-pajjiż fl-ambitu ta' missjonijiet mediċi, bi ksur tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO ratifikati minn Kuba; iħeġġeġ lil Kuba timplimenta u tirrispetta b'mod effettiv il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO rispettivament; jistieden lill-Gvern Kuban jiżgura d-dritt tal-Kubani li joħorġu minn pajjiżhom u jirritornaw fih, inklużi t-tobba mibgħuta fuq missjonijiet mediċi barra l-pajjiż, f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Gvern Kuban jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u jiżgura d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni, inkluża r-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet, u għan-negozjar kollettiv, f'konformità mal-istandards tal-ILO;

11.  Jistieden lis-SEAE jinsisti li l-awtoritajiet Kubani jissodisfaw l-obbligi vinkolanti stabbiliti fil-PDCA bejn l-UE u Kuba, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-libertajiet fundamentali, kif enfasizzat rispettivament fl-Artikolu 1(5), 2(c), 5, 22 u 43(2) tal-ftehim rispettivament; jinsisti għalhekk li l-Unjoni Ewropea ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-PDCA, u li tissottometti rapporti regolari dwar dan lill-Parlament;

12.  Iqis li l-priġunerija ta' Denis Solís González, Luis Robles Elizástegui, Maykel Castillo Pérez ("Osorbo"), li huwa membru tal-MSI u kokreatur tal-kanzunetta "Patria y Vida" u qed jinżamm il-ħabs arbitrarjament u ġie kkomunikat bħala persuna li għebet għal 14-il jum mill-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat, u ta' aktar minn 120 priġunier politiku u priġunier minħabba twemmin, u l-azzjonijiet arbitrarji u repressivi kollha rreġistrati f'April u f'Ġunju 2021, jikkostitwixxu ksur tal-ftehim u każ ta' urġenza speċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 85(3)(b) tal-PDCA; jitlob lill-UE ssejjaħ laqgħa urġenti f'dan ir-rigward kif xieraq;

13.  Jiddispjaċih ferm dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lil delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew iżuru Kuba; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu d-dħul fil-pajjiż hekk kif il-kundizzjonijiet sanitarji jippermettu; jistieden lir-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba matul iż-żjarat tagħhom lill-awtoritajiet Kubani u jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni interna u esterna koerenti tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Setgħa tal-Poplu ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 70.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0073.
(3) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 99.
(4) ĠU L 337 I, 13.12.2016, p. 3.
(5) https://www.consilium.europa.eu/en/meetings/international-ministerial-meetings/2021/01/20/.
(6) https://www.europarl.europa.eu/delegations/en/eeas-statement-of-28-february-2021-on-th/product-details/20210409DPU29364.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza