Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għas-settur tas-sajd fil-Baħar l-Iswed (2019/2159(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 tas-16 ta' Diċembru 2019 li jiffissa, għall-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-politika komuni tas-sajd(2),
– wara li kkunsidra l-Għan 14 ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU dwar il-ħajja taħt l-ilma,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran)(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(5) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd(7) (FEMS),
– wara li kkunsidra għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2008, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd(8),
– wara li kkunsidra l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-GFCM (2017-2020) għas-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed u d-deċiżjoni tiegħu dwar strateġija ġdida għall-perjodu 2021-2025,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-GFCM dwar "il-bini flimkien ta' strateġija ġdida għas-sajd u għall-akkwakultura fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed" għall-perjodu 2021-2025, li ttieħdet matul il-laqgħa ta' livell għoli tat-3 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-proposti għal Patt Ekoloġiku Ewropew tal-Kummissjoni u għal strateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Ministerjali dwar Aġenda Marittima Komuni għall-Baħar l-Iswed adottati fil-laqgħat ta' Burgas fil-31 ta' Mejju 2018 u f'Bucharest fid-9 ta' Mejju 2019, li ġew iffirmati mis-sitt stati littorali kollha tal-Baħar l-Iswed,
– wara li kkunsidra l-Karta tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed, li l-għanijiet tagħha huma li ttejjeb id-djalogu politiku u l-bosta politiki fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent u l-iskambju tad-data statistika,
– wara li kkunsidra l-aġenda strateġika tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-Baħar l-Iswed, li tnediet fl-2019 u għandha l-għan li tavvanza viżjoni komuni għal Baħar l-Iswed produttiv, b'saħħtu, reżiljenti u sostenibbli sal-2030,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-konferenzi ta' livell għoli dwar is-sajd u l-akkwakultura fil-Baħar l-Iswed li saru f'Bucharest fl-2016 u f'Sofija fl-2018 (id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija),
– wara li kkunsidra l-konferenzi ta' livell għoli tal-partijiet ikkonċernati tal-Baħar l-Iswed dwar l-ekonomija blu fil-Baħar l-Iswed li saru f'Bucharest (2014), Sofija (2015), Odessa (2016) u Batumi (2017),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis tal-1992 (il-Konvenzjoni ta' Bucharest) u l-Protokolli tagħha, li l-Bulgarija u r-Rumanija huma partijiet għalihom u li għalihom l-Unjoni Ewropea għandha status ta' osservatur, u wara li kkunsidra wkoll il-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis abbażi ta' din il-konvenzjoni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed tas-7 ta' April 1993,
– wara li kkunsidra l-programm ta' monitoraġġ u valutazzjoni integrat għall-Baħar l-Iswed tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis għas-snin 2017-2022 (BSIMAP 2017-2022),
– wara li kkunsidra l-proġett BlackSea4Fish, li għandu l-appoġġ finanzjarju tal-UE u baġit annwali ta' madwar EUR 1 100 000 biex jiżgura l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-GFCM tal-2018 dwar programm ta' riċerka reġjonali għas-sajd tal-bebbux tal-baħar fil-Baħar l-Iswed, li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi stima tad-distribuzzjoni, l-abbundanza, id-daqs u l-istruttura tal-età tal-popolazzjoni ta' bebbux tal-baħar fil-pajjiżi parteċipanti (il-Bulgarija, ir-Rumanija, it-Turkija, il-Georgia u l-Ukrajna),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Assessment of balance indicators for key fleet segments and review of national reports on Member States efforts to achieve balance between fleet capacity and fishing opportunities" (Valutazzjoni tal-indikaturi tal-bilanċ għal segmenti ewlenin tal-flotta u rieżami tar-rapporti nazzjonali dwar l-isforzi tal-Istati Membri biex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 tad-Dipartiment Tematiku B tal-Parlament bit-titolu "Fisheries in the Black Sea" (Is-Sajd fil-Baħar l-Iswed),
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura tal-1995,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-inizjattiva reġjonali tal-Programm ta' Żvilupp tal-UE u n-Nazzjonijiet Uniti (il-proġetti EMBLAS-I u EMBLAS-II), li għenu biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' tliet pajjiżi (il-Georgia, l-Ukrajna u r-Russja) għall-monitoraġġ bijoloġiku u kimiku tal-kwalità tal-ilma fil-Baħar l-Iswed f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-ilma u li ġew implimentati bejn l-2013 u l-2014 (EMBLAS-I) u l-2014 u l-2018 (EMBLAS-II) rispettivament,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-GFCM tal-2009 dwar l-istabbiliment ta' lista ta' bastimenti preżunti li wettqu sajd IUU [illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat] fiż-żona ta' applikazzjoni tal-GFCM,
– wara li kkunsidra r-Repożitorju Reġjonali tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali tal-GFCM (GFCM-Lex), pjattaforma online li attwalment tinkludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi fi tliet pajjiżi tal-GFCM u li l-GFCM qed timmira li testendi għaż-żona kollha tal-GFCM (inkluż il-Baħar l-Iswed) fil-futur,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta' Bern), il-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi, il-Konvenzjoni tal-1973 dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, il-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika u l-pjan ta' azzjoni pan-Ewropew tal-2018 għall-isturjuni adottat skont il-Konvenzjoni ta' Bern,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-GFCM tal-2020 bit-titolu "The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries" (Il-Qagħda tas-Sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar il-ġestjoni attwali u futura tas-sajd fil-Baħar l-Iswed(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 bit-titolu "Aktar ħut fl-ibħra? Miżuri biex jippromwovu l-irkupru tal-istokkijiet 'il fuq mir-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY), inklużi ż-żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut u ż-żoni tal-baħar protetti"(10),
– wara li kkunsidra l-Mekkaniżmu ta' Assistenza tal-Baħar l-Iswed, li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi gwida u appoġġ lill-gvernijiet, lill-investituri privati, lill-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u tal-industrija, lill-istituzzjonijiet tar-riċerka, lill-universitajiet u lill-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' opportunitajiet ta' involviment f'attivitajiet marittimi tal-ekonomija blu fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-UE dwar is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, u t-tliet rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tad-19 ta' Ġunju 2008 (COM(2008)0391), tal-20 ta' Jannar 2015 (SWD(2015)0006) u tal-5 ta' Marzu 2019 (SWD(2019)0100),
– wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju, li fost affarijiet oħra għandha l-għan li tiffaċilita u tikkoordina kwistjonijiet ewlenin bħall-bijodiversità u l-iżvilupp soċjoekonomiku fil-pajjiżi tal-baċir tax-Xmara Danubju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni għas-Sajd (A9-0170/2021),
A. billi l-Baħar l-Iswed huwa baħar nofsu magħluq li huwa konness biss ma' oċean mill-Mediterran permezz tal-Baħar Marmara u l-Baħar Eġew u huwa mdawwar minn sitt pajjiżi (il-Bulgarija, ir-Rumanija, it-Turkija, il-Georgia, l-Ukrajna, ir-Russja), li minnhom tnejn biss huma Stati Membri (il-Bulgarija u r-Rumanija);
B. billi l-Baħar l-Iswed għadda minn bidliet ambjentali drammatiċi mis-sittinijiet, li rriżultaw minn pressjonijiet bħall-ewtrofikazzjoni, l-introduzzjoni ta' speċijiet invażivi u s-sajd eċċessiv;
C. billi l-bidliet fir-reġim ambjentali tal-Baħar l-Iswed kienu ikkawżat mit-tnaqqis tal-predaturi ewlenin fix-xibka alimentari pelaġika u t-tnaqqis sussegwenti ta' ħut planktivoruż;
D. billi l-Baħar l-Iswed għandu saff anossiku kbir (87 %), u billi s-saff ossiġenat tiegħu naqas minn 20 għal 25 metru matul l-aħħar 20 sena; billi l-azzjonijiet tal-bniedem, bħat-tniġġis, il-qerda tal-ħabitats u s-sajd eċċessiv, wasslu għal degradazzjoni severa tal-ekosistema fil-Baħar l-Iswed fis-snin tmenin; billi bl-eċċezzjoni ta' ftit batterji anaerobiċi, il-ħajja tal-baħar hija nieqsa f'fond ta' 50-200 m;
E. billi tmien speċijiet mistada fil-Baħar l-Iswed huma ta' interess kbir għas-settur tas-sajd (l-inċova (Engraulis encrasicolus), il-laċċa kaħla (Sprattus sprattus), is-sawrell (Trachurus mediterraneus), il-barbun imperjali (Scophthalmus maximus), il-merlangu (Merlangius merlangus), it-trilja tal-qawwi (Mullus barbatus), il-bebbux tal-baħar (Rapana venosa), il-mazzola griża (Squalus acanthias)), li l-biċċa l-kbira tagħhom jagħmlu parti mill-istokkijiet kondiviżi, filwaqt li żewġ speċijiet huma soġġetti għal kwoti – il-laċċa kaħla, li għandha kwota awtonoma u l-barbun imperjali, li għandu kwota tal-qbid totali permissibbli stabbilita mill-GFCM; billi speċijiet oħra, bħall-mazzola (kelb il-baħar), il-merlangu u l-inċova għadhom mhux protetti; billi l-kwota għal-laċċa kaħla għall-2020-2022 hija l-istess bħal tal-2011, ta' 11 445 tunnellata fis-sena għall-UE (8 032.5 tunnellata għall-Bulgarija u 3 442.5 tunnellata għar-Rumanija), filwaqt li r-rata tal-UE għall-barbun imperjali żdiedet minn 114 għal 150 tunnellata fis-sena u hija maqsuma ugwalment bejn il-Bulgarija u r-Rumanija;
F. billi sistema ta' rendimenti massimi sostenibbli għal speċijiet ekonomikament importanti fil-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed se tkun ta' benefiċċju għall-bijodiversità, kif ukoll għas-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd fit-terminu medju u fit-tul; billi r-Rumanija stabbiliet kwota nazzjonali għal speċijiet oħra minbarra t-tnejn ikkwotati fil-livell tal-UE – bħall-bebbux tal-baħar, il-molluski (Mytilus galloprovincialis), il-makku (Ponticola cephalargoides), il-gandoffli rrigati (Chanelea gallina), il-merlangu u l-mazzola griża;
G. billi, skont iċ-ċifri tal-2018, il-konsum annwali tal-ħut per capita fil-Bulgarija (7.00 kg) u fir-Rumanija (7.99 kg) huwa ferm inqas mill-medja tal-UE (24.36 kg), u dan jista' jitqies bħala opportunità biex is-settur lokali tas-sajd jikber;
H. billi bħala medja, 91 % tal-flotot tas-sajd tal-Baħar l-Iswed tas-sitt pajjiżi littorali kollha jikkonsistu minn bastimenti żgħar; billi kważi 95 % tal-flotta Bulgara u 87 % tal-flotta Rumena jaqgħu f'din il-kategorija;
I. billi, skont il-GFCM, is-settur fuq skala żgħira fil-Baħar l-Iswed għandu qbid inċidentali sostanzjali ta' speċijiet vulnerabbli ta' kelb il-baħar u ta' raja u mammiferi tal-baħar, bħad-dniefel u d-dniefel suwed;
J. billi s-sajd fuq skala żgħira huwa karatteristika tar-reġjuni tal-Baħar l-Iswed u tan-naħa ta' Isfel tad-Danubju;
K. billi l-bastimenti tas-sajd IUU qed joperaw fil-Baħar l-Iswed u l-istati littorali għandhom kapaċità żgħira li jimmonitorjaw l-operazzjonijiet tas-sajd; billi skont l-aħħar data disponibbli tal-GFCM mill-4 sat-8 ta' Novembru 2019, 65 bastiment ġew identifikati bħala bastimenti tas-sajd IUU;
L. billi l-FEMS alloka aktar minn EUR 88 miljun lill-Bulgarija u aktar minn EUR 168 miljun lir-Rumanija għall-perjodu 2014-2020; billi r-rati ta' assorbiment taż-żewġ pajjiżi, skont l-aħħar informazzjoni disponibbli mill-31 ta' Diċembru 2020, għadhom fost l-aktar baxxi fl-UE, bil-Bulgarija li nefqet biss 36.34 % tal-finanzjament allokat u r-Rumanija li nefqet biss 33.72 %; billi rati ta' assorbiment aktar baxxi jistgħu jissarrfu f'opportunitajiet mitlufa għall-komunitajiet tas-sajd f'dawn il-pajjiżi;
M. billi l-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar l-Iswed huwa operattiv u jipparteċipa fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE dwar is-sajd fil-Baħar l-Iswed; billi l-ġestjoni tas-sajd għall-Baħar l-Iswed titwettaq mill-GFCM;
N. billi l-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis taġixxi fuq il-mandat tal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed (il-Bulgarija, il-Georgia, ir-Rumanija, ir-Russja, it-Turkija u l-Ukrajna), li ffirmaw u ftit wara rratifikaw il-Konvenzjoni ta' Bucharest; billi din il-konvenzjoni tirrikjedi li l-partijiet kontraenti kollha jipprevjenu, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġis fil-Baħar l-Iswed sabiex jipproteġu u jippreservaw dan l-ambjent tal-baħar;
O. billi t-tibdil fil-klima qed jikkontribwixxi għal żieda fit-temperatura tal-arja fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, u dan għandu impatt fuq it-temperatura tal-baħar u konsegwentement jaffettwa l-bijodiversità u l-ispeċijiet tal-baħar; billi din il-bidla għandha impatt fuq is-settur tas-sajd peress li r-riżorsi li jiddependi minnhom huma affettwati;
P. billi l-Kummissjoni pproponiet il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030, li jibnu l-pedament għal pakketti leġiżlattivi li jibdlu l-acquis communataire fir-rigward tal-ambjent; billi dan joħloq opportunitajiet u miżuri ġodda biex l-aspetti ambjentali jiġu integrati aħjar fil-politiki settorjali, jiġu rrestawrati l-ispeċijiet u l-ħabitats u jiġu promossi investimenti u politiki li jirrispettaw aktar l-ambjent;
Q. billi l-karatteristiċi tal-Baħar l-Iswed, bħaż-żona ta' qbid kbira tiegħu, jagħmluh żona partikolarment sensittiva għat-tniġġis tal-iskart fil-baħar u għall-akkumulazzjoni tal-mikroplastik; billi skont ir-rapport imfassal bħala parti mill-proġett EMBLAS-Plus dwar il-Baħar l-Iswed, dan fih kważi d-doppju tal-iskart fil-Baħar Mediterran, li bla dubju għandu konsegwenzi fuq il-bijodiversità, l-istokkijiet tal-ħut u s-settur tas-sajd;
R. billi l-Baħar l-Iswed għandu tliet sottospeċijiet endemiċi taċ-ċetaċji – id-denfil komuni tal-Baħar l-Iswed (Delphinus delphis ponticus), id-denfil geddumu qasir tal-Baħar l-Iswed (Tursiops truncatus ponticus) u d-denfil iswed tal-Baħar l-Iswed (Phocoena phocoena relicta) – li kollha huma kklassifikati bħala speċijiet fil-periklu u li tnejn minnhom – id-denfil geddumu qasir tal-Baħar l-Iswed u d-denfil iswed tal-Baħar l-Iswed – huma koperti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats; billi dawn kollha huma karnivori li prinċipalment jieklu l-ħut;
S. billi l-bebbux tal-baħar huwa meqjus bħala speċi invażiva mingħajr għedewwa naturali fil-Baħar l-Iswed, u dan huwa ta' theddida serja għall-popolazzjonijiet ta' organiżmi oħra; billi fl-istess ħin dan sar sors importanti ta' introjtu u huwa speċi fil-mira għall-bastimenti tas-sajd kummerċjali;
T. billi l-ekosistema tal-Baħar l-Iswed tiddependi minn xmajjar Ewropej ewlenin bħad-Danubju għad-dħul tal-ilma; billi din id-dipendenza toħloq rabta mill-qrib bejn l-istatus ekoloġiku tad-Danubju u xmajjar oħra u l-istatus ekoloġiku tal-Baħar l-Iswed; billi dawn ix-xmajjar jittrasportaw ammonti kbar ta' residwi naturali u antropoġeniċi minn sorsi interni; billi kemm id-Danubju kif ukoll il-Baħar l-Iswed jospitaw ċerti speċijiet, inklużi l-isturjun (Acipenseriformes) u l-laċċ Pontiku (Alosa immaculata);
U. billi fatturi bħad-degradazzjoni tal-ħabitat ta' dawn l-ispeċijiet, it-tfixkil tal-kurituri migratorji tagħhom, l-isfruttament żejjed tagħhom għall-kavjar u l-laħam tagħhom, u t-tniġġis, wasslu biex l-isturjun tad-Danubju u dak tal-Baħar l-Iswed spiċċaw fix-xifer tal-estinzjoni; billi, minħabba t-tnaqqis drastiku fl-għadd tal-isturjuni riproduttivi, illum il-ġurnata din l-ispeċi tista' titnissel fis-selvaġġ biss f'okkażjonijiet rari ħafna; billi kemm id-Danubju u l-Baħar l-Iswed darba kellhom popolazzjonijiet kbar ta' sturjun;
V. billi t-tnaqqis drastiku fl-għadd ta' ħut li jirriproduċi, li huwa assoċjat mat-tnaqqis fil-popolazzjoni, qed jikkawża falliment fir-riproduzzjoni naturali peress li qed jitnaqqsu l-opportunitajiet li l-ftit sturjuni maskili u femminili li fadal jiltaqgħu u jirriproduċu;
W. billi d-data miżmuma mill-istituti tar-riċerka tindika li l-popolazzjonijiet tal-ispeċi tal-isturjun huma frammentati u nieqsa minn ċerti ġenerazzjonijiet, li r-riproduzzjoni naturali tal-ispeċi tal-isturjun hija defiċjenti, li n-numru ta' adulti li jemigraw lejn id-Danubju għar-riproduzzjoni huwa baxx ħafna u li ħames speċijiet ta' sturjun (l-isterlet (Acipenser ruthenus), l-isturjun Russu (Acipenser gueldenstaedtii), l-isturjun starry (Acipenser stellatus), l-isturjun Ewropew (Acipenser sturio) u l-isturjun beluga (Huso huso)) jinsabu fix-xifer tal-estinzjoni, filwaqt li l-isturjun tal-vapur (Acipenser nudiventris) diġà huwa meqjus bħala estint;
X. billi s-settur tas-sajd tal-UE diġà japplika standards għoljin, li jeħtieġ li jiġu riveduti u aġġustati sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tul il-katina tal-valur kollha, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema u s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u biex jiġu pprovduti prodotti tas-sajd ta' kwalità għolja;
Y. billi s-settur tas-sajd rikreattiv jista' jipprovdi opportunitajiet bħall-attività jew id-diversifikazzjoni tal-introjtu, filwaqt li huwa kompatibbli mal-objettivi ambjentali, peress li s-sajd rikreattiv huwa forma selettiva ħafna ta' sajd;
Z. billi l-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt serju fuq is-settur tas-sajd fil-Baħar l-Iswed; billi l-analiżi wriet li s-settur tas-sajd fil-Baħar l-Iswed bata b'mod drastiku matul il-pandemija, bil-ħidma tal-bastimenti operattivi li naqset b'sa 80 %, minbarra tnaqqis inizjali ta' madwar 75 % tal-produzzjoni;
AA. billi l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tas-sajd u tal-akkwakultura fl-iżgurar tal-aċċess għall-ikel;
L-istatus tal-istokkijiet ta' speċijiet tal-Baħar l-Iswed li għandhom importanza ekonomika kbira
1. Jissottolinja r-riskji strateġiċi u ġeopolitiċi għoljin fil-baċir tal-Baħar l-Iswed minħabba, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi ħafna, li jirrikjedu attenzjoni speċjali, approċċ imfassal apposta, standards ambjentali ambizzjużi u azzjonijiet kollettivi mmirati lejn il-kisba ta' ekonomija blu u tkabbir sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ u tiġi approfondita l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi littorali tal-Baħar l-Iswed bil-ħsieb li l-istokkijiet tal-ħut jiġu ġestiti b'mod effiċjenti u jiġu ffaċċjati l-isfidi, inkluż permezz tal-GFCM; jitlob, f'dan ir-rigward, pjan ta' kapaċità reġjonali li jiżgura bilanċ xieraq fost ir-riżorsi naturali disponibbli, is-sikurezza ambjentali u ż-żamma tal-kapaċità tal-flotta tal-pajjiżi littorali kollha tal-Baħar l-Iswed;
2. Jindika li d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija tas-7 ta' Ġunju 2018 diġà enfasizzat il-ħtieġa ta' approċċ kollaborattiv għal kwistjonijiet relatati mas-sajd fil-Baħar l-Iswed, bħas-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar, it-titjib tal-ġbir ta' data u l-indirizzar tas-sajd IUU; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija;
3. Jenfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni fuq livell ugwali fil-qasam tal-ġestjoni tas-sajd hija meħtieġa fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed minħabba l-istokkijiet kondiviżi u l-isfidi globali, li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali;
4. Jenfasizza l-fatt li għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, il-65 segment tal-flotta kollha ħlief wieħed li għalihom jista' jiġi kkalkulat l-hekk imsejjaħ indikatur sostenibbli tal-ħsad kienu żbilanċjati fl-2018;
5. Jisħaq l-importanza li jiġu promossi miżuri li jappoġġjaw il-ġbir u l-ipproċessar ta' data xjentifika;
6. Iħeġġeġ l-inklużjoni tal-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed fil-proġett GFCM-LEX sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni komuni tal-istokkijiet tal-ħut u tiġi kkoordinata aħjar u aktar malajr;
7. Huwa mħasseb li wara għexieren ta' snin ta' pressjoni umana dejjem tiżdied fuq l-ekosistema marina tal-Baħar l-Iswed u l-ekosistema tax-Xmara Danubju u r-riżorsi tas-sajd tagħhom, l-aħħar data tissuġġerixxi li stokk wieħed biss (il-laċċ ikħal) huwa meqjus bħala sfruttat b'mod sostenibbli u li stokkijiet oħra tal-ħut huma mistada b'mod eċċessiv, sal-punt li xi wħud minnhom huma qrib li jispiċċaw; jinnota li fis-snin li għaddew kien hemm xi xejriet pożittivi għal xi stokkijiet, pereżempju l-barbun imperjali, li l-kwota tal-qbid totali permissibbli tiegħu żdiedet għall-2020-2022, iżda li għad ma hemm l-ebda titjib sinifikanti fuq livell ġenerali għall-Baħar l-Iswed; jisħaq li l-iżviluppi kollha tal-istokkijiet tal-barbun imperjali tal-Baħar l-Iswed u tal-laċċa kaħla għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri protettivi kontinwi bħal pjanijiet ta' ġestjoni;
8. Jirrikonoxxi r-rwol tal-amministrazzjonijiet fil-baċir kollu tal-Baħar l-Iswed, li għandhom politiki differenti, li jwettqu monitoraġġ, kontroll u ġestjoni sostenibbli, u jikkontribwixxu għat-titjib tas-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Bulgari u Rumeni jgħinu lis-settur billi jiżguraw riżorsi mmirati speċifikament lejn it-titjib tas-selettività tal-bastimenti tas-sajd permezz ta' xbieki ta' malji aħjar; jemmen li miżura mmirata bħal din se tnaqqas il-kwantitajiet u l-varjetajiet ta' qabdiet inċidentali mhux mixtieqa;
10. Jitlob li l-kapital istituzzjonali u uman tal-pajjiżi littorali tal-Baħar l-Iswed jiġi integrat għal riċerka konġunta u attivitajiet applikati mmirati lejn it-titjib tar-riżorsi bijoloġiċi tal-Baħar l-Iswed u l-istokkijiet tal-ispeċijiet ekonomikament importanti;
11. Jisħaq li n-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti dwar l-attività tas-sajd, il-kwantità tal-qabdiet, il-kompożizzjoni tal-qabdiet u l-impatt tagħhom fuq l-istat attwali tal-istokkijiet tal-ħut hija kwistjoni kritika għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa ta' finanzjament suffiċjenti għall-korpi xjentifiċi li jirriċerkaw l-istokkijiet tal-ispeċijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed, inklużi speċijiet migratorji bħall-isturjun u l-laċċi tal-Baħar l-Iswed, iċ-ċetaċji fil-periklu u speċijiet mhux tal-ħut (il-bebbux tal-baħar, il-molluski, eċċ.), kif ukoll parametri marbuta mal-ekosistema tal-baħar; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' kontroll permezz ta' teknoloġiji diġitali rilevanti u strumenti xjentifiċi obbligatorji speċifiċi bħal kameras abbord jew osservaturi obbligatorji abbord, fejn applikabbli u f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-programm ta' riċerka reġjonali dwar il-popolazzjoni tal-bebbux tal-baħar li nbeda mill-GFCM peress li dan se jgħin biex jintlaħaq kunsens dwar l-ispeċi; jemmen li dan se jgħin biex jiġi żviluppat sfruttament ibbażat fuq ix-xjenza, li jista' jwassal għal profitti soċjoekonomiċi għall-komunitajiet u benefiċċji ambjentali għall-ekosistema tal-Baħar l-Iswed billi jillimita l-impatt ta' din l-ispeċi invażiva;
13. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi introdotta politika ta' tolleranza żero għas-sajd IUU fil-Baħar l-Iswed; jilqa' l-isforzi tal-GFCM f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-istati littorali kollha biex jagħmlu u jgħaqqdu l-isforzi biex itemmu s-sajd IUU fl-ilmijiet tagħhom;
14. Iħeġġeġ lill-istati littorali kollha biex jippromwovu s-sajd sostenibbli, li, fost affarijiet oħra, jinkludi l-ġlieda kontra s-sajd eċċessiv u/jew l-eliminazzjoni tal-qbid inċidentali ta' speċijiet fil-periklu, bħalma huma l-isturjun, il-laċċi u oħrajn;
15. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-organi intergovernattivi kollha, flimkien mal-istati littorali kollha tal-Baħar l-Iswed, fost l-oħrajn, biex jiffaċilitaw u jimmonitorjaw ir-riżorsi tas-sajd tagħhom, u f'konformità mal-impenji tagħhom, biex jikkondividu d-data dwarhom b'mod komprensiv u inklużiv sabiex jiġi żgurat l-istatus għoli tal-ekosistema ta' dawn il-ħabitats tal-baħar;
16. Ifakkar li statistika uffiċjali affidabbli, miġbura regolarment permezz ta' metodoloġija armonizzata fost l-istati littorali kollha, monitoraġġ regolari u miżuri regolatorji komuni huma kruċjali għas-suċċess ta' ġestjoni xierqa tas-sajd fil-Baħar l-Iswed; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet rispettivi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi li qed jikkooperaw biex iwettqu riċerka regolari u bir-reqqa dwar ir-riżorsi tal-ħut li għalihom il-finanzjament u l-għajnuna nazzjonali huma essenzjali;
17. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koperazzjoni ta' komunikazzjoni lokali u reġjonali fl-istati littorali differenti tal-Baħar l-Iswed, sabiex ikun jista' jitwettaq approċċ komuni u koerenti għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut;
18. Ifakkar fil-potenzjal li jipprovdu t-teknoloġiji l-ġodda u l-valur miżjud għoli għar-riċerka u għall-ippjanar tal-ġestjoni tas-sajd li jista' jkollhom; ifakkar li hemm proġetti ffinanzjati permezz tal-FEMS li għandhom l-għan, fost affarijiet oħra, li jimmppjaw qiegħ il-baħar u r-riċerka tiegħu kif ukoll il-preżenza tal-plastik fih;
19. Iħeġġeġ lill-istati littorali tal-Baħar l-Iswed jinvestu fid-diġitalizzazzjoni tal-istatistika u tad-data dwar l-istokkijiet tal-ħut fil-baċir tal-Baħar l-Iswed sabiex ikun possibbli li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti aħjar u b'mod aktar sostenibbli; jitlob li jkun hemm metodoloġija komuni għat-tressiq u l-użu ta' din id-data;
20. Jistieden lill-industrija tas-sajd fir-reġjun tikkunsidra li tagħmel użu minn stokkijiet tal-ħut sottovalutati u mhux użati, li huma wkoll sorsi ta' proteina;
21. Jistieden lill-komunitajiet xjentifiċi fl-Istati Membri jagħmlu riċerka dwar il-potenzjal ta' ambjent ħieles mill-ossiġenu;
22. Jenfasizza r-rwol tas-settur mhux governattiv fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-Baħar l-Iswed; jirrakkomanda li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jinkludi s-settur mhux governattiv f'dan il-proċess;
23. Jilqa' l-appoġġ li ngħata lis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura permezz tal-programmi tal-FEMS sabiex jittaffew l-effetti dannużi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd lokali; ifakkar, madankollu, li mhux il-partijiet ikkonċernati affettwati kollha jistgħu jibbenefikaw minn dak l-appoġġ minħabba r-rekwiżiti u l-limitazzjonijiet amministrattivi, u dan poġġa lil xi wħud f'sitwazzjoni aktar sfavorevoli minn oħrajn;
24. Jissottolinja l-ħidma importanti li jagħmel il-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar l-Iswed kemm fil-livell reġjonali kif ukoll fil-livell tal-UE biex jipprovdi għarfien espert dwar is-settur tas-sajd u x-xejriet li jaffettwawh; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Bulgari u Rumeni jikkontribwixxu għall-funzjonament tal-kunsill biex jgħinuh iwettaq il-funzjonijiet tiegħu u wkoll biex jippermettu lill-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-sajjieda fuq skala żgħira, jieħdu sehem fil-ħidma u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-kunsill;
Aspetti kummerċjali
25. Jisħaq li permezz tas-settur tas-sajd, il-frott tal-baħar jista' jiġi offrut għall-bejgħ fis-swieq lokali fejn ir-rati ta' konsum għal tali prodotti huma baxxi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-Bulgarija u fir-Rumanija jgħinu lis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-konsum lokali u l-effetti pożittivi kumulattivi li għandhom is-sajd u l-akkwakultura sostenibbli għall-ekonomija lokali;
26. Jirrikonoxxi u jissottolinja li s-sajd fil-Baħar l-Iswed jagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomiji reġjonali u lokali billi jiġġenera dħul dirett u introjtu, jixpruna nfiq usa' u jipprovdi impjiegi kruċjali b'mod indipendenti jew permezz ta' kooperazzjoni ma' setturi oħra bħat-turiżmu u t-trasport; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost is-setturi kollha li jużaw l-ambjent tal-baħar sabiex jinkisbu riżultati aħjar u bilanċ aħjar bejn l-interessi tal-ambjent, tal-industrija u tas-sajjieda fuq skala żgħira;
27. Ifakkar li l-prodotti importati naqqsu l-popolarità ta' prodotti ppreparati b'mod tradizzjonali u xprunaw il-prezz tagħhom taħt il-limitu tal-profittabbiltà, u b'hekk ipperikolaw il-mudelli kummerċjali tradizzjonali bbażati fuq il-ħut;
28. Ifakkar li l-flotta tas-sajd tal-Baħar l-Iswed tinkludi fil-biċċa l-kbira bastimenti tas-sajd fuq skala żgħira, u dan jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar approċċi mfassla apposta u politiki dwar dan is-segment tas-settur tas-sajd; jinsab imħasseb li s-sajjieda fuq skala żgħira għandhom introjtu aktar instabbli u aktar baxx meta mqabbla ma' dawk li jaħdmu f'setturi oħra, u dan jagħmilhom vulnerabbli għal żviluppi jew kriżijiet mhux previsti; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri littorali jinvolvu rappreżentanti tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira fl-abbozz ta' politika u fid-diskussjonijiet b'mod trasparenti u inklużiv;
29. Jindika li hemm domanda globali dejjem tikber għall-proteini, li għaliha kemm is-settur tas-sajd kif ukoll dak tal-akkwakultura jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti; iqis li l-appoġġ għall-akkwakultura tal-baħar jista' jgħin lis-settur jiżviluppa u jikber fis-snin li ġejjin u jista' wkoll inaqqas il-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut selvaġġ; huwa tal-fehma li l-akkwakultura sostenibbli tirrikjedi wkoll aktar riċerka xjentifika dwar kwistjonijiet bħad-densità u l-effetti sekondarji, li jeħtieġ li jitqiesu meta jitfasslu politiki għas-settur tal-akkwakultura fil-Baħar l-Iswed;
30. Jistieden lill-komunitajiet tas-sajd lokali jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' denominazzjonijiet ta' oriġini għall-prodotti tal-Baħar l-Iswed li ġejjin minn żoni ta' importanza reġjonali jew lokali; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jgħinu lil dawn il-komunitajiet fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu dan;
Politika mmirata għas-settur
31. Jistieden lill-Istati Membri fir-reġjun jikkunsidraw jappoġġjaw lis-settur permezz tal-inklużjoni tiegħu fil-programmi nazzjonali tagħhom għall-2021-2027 jew strumenti nazzjonali oħra u allokazzjonijiet għal kampanji ddedikati għall-benefiċċji tal-konsum tal-ħut u l-importanza ta' sajd sostenibbli, biex jappoġġjaw is-settur billi joħolqu ktajjen alimentari lokali biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq, speċjalment għas-sajjieda fuq skala żgħira, u biex jiżviluppaw, itejbu jew jiffaċilitaw il-bini tal-infrastruttura tas-sajd (eż. swieq tal-ħut jew djar tal-irkant tal-ħut, eċċ.) fejn applikabbli; jistieden lill-Istati Membri fir-reġjun jinvestu aktar fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali u tas-sajd tal-UE;
32. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fir-Rumanija u fil-Bulgarija biex jinkludu fil-programmi operattivi rispettivi tagħhom tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għall-2021-2027 l-installazzjoni ta' skema mmirata għas-sajjieda żgħażagħ sabiex tagħti ħajja ġdida lis-settur tas-sajd, inklużi għotjiet lil xerrejja għall-ewwel darba tal-ewwel bastiment tas-sajd, u wkoll miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tat-tniġġis billi jingħataw għotjiet għall-bdil ta' magni qodma tal-bastimenti tas-sajd ma' oħrajn ġodda li jkunu aktar favur l-ambjent;
33. Jissottolinja li l-pressjoni biex wieħed jadatta għal sfidi ġodda ma għandhiex taqa' biss fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, peress li dawn diġà japplikaw standards ambjentali u soċjali għoljin; jinsisti, għalhekk, li għandha ssir enfasi wkoll fuq attivitajiet oħra tal-baħar, bħas-sajd rikreattiv, it-turiżmu kostali, l-attivitajiet tal-portijiet u tat-tbaħħir u l-attivitajiet li jisfruttaw ir-riżorsi, li jeħtieġ li jgħollu l-istandards tagħhom biex jiżguraw tranżizzjoni blu b'suċċess;
34. Jisħaq ir-rwol tal-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd fl-iskambju u fil-promozzjoni tal-aħjar prattiki ta' interess għax-xjenzi, għall-partijiet ikkonċernati lokali u għall-industrija fost membri tal-komunitajiet tas-sajd rispettivi, kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fil-Bulgarija u fir-Rumanija jipprovdu appoġġ nazzjonali għall-iskambju tal-aħjar prattiki mal-istati littorali l-oħra tal-Baħar l-Iswed, li għandhom prattiki tajbin fil-ġestjoni tal-istokkijiet għal speċijiet ekonomikament importanti bħall-barbun imperjali;
35. Jinnota l-ħtieġa li jinżammu prattiki tajbin fis-settur tas-sajd billi jitnaqqsu l-piżijiet ekonomiċi għas-sajjieda fuq skala żgħira u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;
36. Jitlob li t-taħriġ u l-edukazzjoni fis-settur kemm fil-livell sekondarju kif ukoll fil-livell tal-edukazzjoni għolja jsiru aktar attraenti permezz ta', pereżempju, kampanji ta' informazzjoni mmirati u permezz ta' jiem iddedikati għall-istudenti prospettivi b'kooperazzjoni mas-settur pubbliku u dak privat;
37. Ifakkar fil-livell baxx ta' edukazzjoni tas-sajjieda (11 % tas-sajjieda Bulgari u 53 % tas-sajjieda Rumeni għandhom livell ta' edukazzjoni aktar baxx minn diploma tal-iskola sekondarja) li jirrikjedi miżuri proattivi fuq livelli differenti sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati u li jkunu mħarrġa sew li jkunu familjari mal-istandards tekniċi, soċjali u ambjentali meħtieġa, u li se jgħinu biex jinkisbu livelli aħjar ta' sostenibbiltà tal-istokkijiet; jitlob li jkun hemm dimensjoni soċjali qawwija fit-tkabbir blu sostenibbli tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fir-rigward tal-prinċipji ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, speċjalment fir-rigward tal-ħaddiema prekarji, staġjonali u mhux iddikjarati u l-aċċess tan-nisa għas-settur;
38. Jilqa' l-isforzi biex jiġu stabbiliti ċentri ta' dimostrazzjoni fir-Rumanija, fit-Turkija u fil-Bulgarija b'kooperazzjoni mal-GFCM, li għandhom il-potenzjal li jżidu l-attrazzjoni tas-sajd għan-negozji lokali u għall-partijiet ikkonċernati;
39. Jitlob li tiġi implimentata bis-sħiħ u b'mod urġenti d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina;
L-ambjent, il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima
40. Jitlob miżuri mmirati u riżorsi adegwati biex jitnaqqas it-tniġġis u l-qbid inċidentali ta' elażmobranki vulnerabbli (bħall-mazzola griża) u mammiferi tal-baħar, u li jiżdiedu b'mod rapidu l-isforzi għas-salvagwardja tal-ambjent u l-bijodiversità fil-baċir kollu permezz ta' programmi u baġits konġunti, b'mod partikolari abbażi tar-riżorsi finanzjarji disponibbli taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura; jitlob li jsiru riċerka estensiva u stimi dwar it-tniġġis tal-plastik u l-effetti tal-plastik u inkwinanti oħra fuq l-organiżmi ħajjin fil-Baħar l-Iswed; jitlob li jkun hemm kejl sistematiku tat-tniġġis tan-nitroġenu fil-baċir tal-Baħar l-Iswed; jitlob, barra minn hekk, li jsir stħarriġ fil-baċir kollu biex ikun jista' jsir tqabbil bejn il-kompożizzjoni u l-akkumulazzjoni tal-iskart fil-baħar fil-pajjiżi u bejniethom;
41. Ifakkar fil-fatt li s-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura mhumiex qed jikkawżaw żidiet fit-temperatura u t-tibdil fil-klima, iżda pjuttost qed ibatu mill-konsegwenzi tagħhom, bħalma hi żieda fit-temperatura tal-arja, li żżid it-temperatura fis-saffi ta' fuq tal-baħar;
42. Jitlob li jiġu stabbiliti malajr networks u programmi ta' monitoraġġ li jkunu kapaċi jkejlu b'mod sistematiku l-istat tal-ambjent tal-Baħar l-Iswed, kif rikjest mill-Konvenzjoni ta' Bucharest;
43. Jisħaq l-importanza ta' miżuri li jipprevjenu s-sajd IUU; iħeġġeġ lill-istati littorali jieħdu pożizzjoni aktar soda dwar is-sajd IUU fil-Baħar l-Iswed;
44. Jistieden lill-istati littorali tal-Baħar l-Iswed jinvestu fir-riċerka xjentifika u l-ġbir ta' data dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-ekosistemi tal-Baħar l-Iswed u tan-naħa ta' Isfel tad-Danubju; ifakkar fil-fatt li dan għandu jinkludi l-għoti ta' biżżejjed riżorsi lill-komunità xjentifika biex twettaq riċerka fuq il-post dwar ir-rotot migratorji, il-popolazzjonijiet li jistkennu fix-xitwa, l-għalf u l-maturità riproduttiva, li se jkollhom ukoll effett fuq il-karatteristiċi u d-disponibbiltà tal-istokkijiet;
45. Jenfasizza li t-tnaqqis tat-tniġġis ibbażat fuq l-art huwa kruċjali biex titnaqqas kemm l-ewtrofikazzjoni kif ukoll il-preżenza ta' sustanzi li jagħmlu l-ħsara u li jaffettwaw l-istatus tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;
46. Jisħaq fuq l-importanza taż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) fil-preservazzjoni tal-bijodiversità u t-twaqqif jew ir-restawr tat-telf attwali fl-ambjent tal-baħar, u jisħaq li l-MPAs huma mfassla biex jipproteġu ħabitats ta' valur ekoloġiku għoli; jisħaq li sabiex dawn iż-żoni jiġu delineati, huma meħtieġa studji soċjoekonomiċi u soluzzjonijiet ta' kumpens għall-membri tal-komunitajiet kostali; iqis li l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe MPA għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar għarfien disponibbli b'koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, bħall-awtoritajiet lokali, il-komunità xjentifika u l-organizzazzjonijiet tas-sajjieda;
47. Jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddida reali tal-estinzjoni li qed jiffaċċjaw il-ħames speċijiet ta' sturjun li fadal fil-baċir tal-Baħar l-Iswed u tad-Delta tad-Danubju; jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-awtoritajiet fil-Bulgarija u fir-Rumanija, li introduċew projbizzjonijiet sħaħ fuq is-sajd tal-isturjun fil-Baħar l-Iswed fl-2008 u fix-Xmara Danubju fl-2011, u li għadhom kemm tawluhom ħames snin oħra (sal-2026); jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi biex dawn iż-żoni jiġu stokkjati mill-ġdid bl-isturjun, li saru u ġew appoġġjati minn esperti minn strutturi mhux governattivi u statali u li għandhom jiġu mmonitorjati kontinwament; jemmen li l-isforzi għandhom jinvolvu wkoll il-faċilitajiet tal-akkwakultura; jistieden lill-istati littorali kollha jintroduċu miżuri stretti ta' konservazzjoni u programmi ta' stokkjar mill-ġdid tal-isturjun għall-Baħar l-Iswed kollu;
48. Huwa mħasseb li r-riċerka dwar it-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu fuq il-Baħar l-Iswed mhijiex biżżejjed, u li se tibqa' kruċjali fis-snin li ġejjin; jistieden lill-istati littorali jiffinanzjaw din ir-riċerka, li tkopri l-ispeċijiet tal-ħut (il-fiżjoloġija, ir-rotot migratorji u r-riproduzzjoni tagħhom) u l-bidliet fil-katina alimentari tagħhom, li għandhom effett fuq l-istokkijiet;
49. Huwa tal-fehma li huwa meħtieġ kejl regolari tad-dinamika tal-istokkijiet għat-tfassil ta' miżuri ta' ġestjoni adegwati; ifakkar fil-fatt li minħabba s-sajd eċċessiv u l-pressjoni antropoġenika, l-istokkijiet ta' speċijiet ekonomikament sinifikanti huma aktar sensittivi u vulnerabbli għat-tibdil fil-klima;
50. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' monitoraġġ rispettivi biex jimmonitorjaw b'mod effettiv is-siti ta' NATURA 2000 u l-MPAs fil-Baħar l-Iswed;
51. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw kultura ex situ tal-isturjun bl-għan li jerġgħu jistokkjaw il-popolazzjoni lokali għal skopijiet mhux kummerċjali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' taħriġ mill-ġdid u aċċess għal għajxien ieħor għas-sajjieda tal-isturjun bl-għan li jitnaqqsu l-livelli ta' qbid illegali;
52. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ħolqien ta' passaġġi ta' migrazzjoni li jippermettu lill-isturjun u speċijiet migratorji oħra jaqsmu d-digi ta' Porțile de Fier (Iron Gates) u ta' Gabčíkovo;
53. Jisħaq il-ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti żoni fejn il-popolazzjonijiet selvaġġi tal-isturjun, tal-laċċi u ta' speċijiet oħra ta' ħut jistgħu jirkupraw; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati jressqu proposta f'din id-direzzjoni, li se tkun ta' benefiċċju kemm għall-konservazzjoni tal-bijodiversità kif ukoll għall-ġestjoni tas-sajd;
54. Jistieden lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltà li jsiru firmatarji tal-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun Kostali tal-Mediterran sabiex l-objettivi għall-protezzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats stipulati fiha jiġu allinjati mal-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Bucharest;
55. Ifakkar fil-fatt li hija meħtieġa aktar riċerka xjentifika dwar il-popolazzjoni ta' xi molluski bħall-gandoffla rrigata (Chamalea gallina) sabiex tiġi stabbilita aħjar id-distribuzzjoni tal-ispeċi u tiġi esplorata wkoll il-possibbiltà li din tintuża għall-akkwakultura tal-baħar;
56. Jistieden lill-istati littorali tal-Baħar l-Iswed jiżviluppaw approċċ komuni dwar l-għajnuna liċ-ċetaċji biex jilħqu livelli stabbli ta' popolazzjoni u biex itejbu l-istatus ta' konservazzjoni tagħhom; jitlob miżuri mmirati bħal apparat akustiku deterrenti u riżorsi adegwati oħra biex jittejjeb l-istatus tal-ispeċijiet fil-periklu fil-Baħar l-Iswed, bħad-dniefel;
57. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fil-Bulgarija u fir-Rumanija jipprovdu finanzjament għar-riċerka dwar l-istat tal-laċċi tal-Baħar l-Iswed (Alosa spp.) attwalment elenkati fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, inkluża analiżi xjentifika u soċjoekonomika li tindirizza l-ħtieġa li din tiġi mċaqalqa għall-Anness II jew saħansitra l-Anness I tad-Direttiva, jekk jiġu ssodisfati l-kriterji meħtieġa;
58. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra b'urġenza t-trasferiment tal-isturjun, li attwalment huwa elenkat fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-Anness II jew saħansitra l-Anness I;
Azzjoni prattika
59. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora jekk jistax jiġi introdott pjan ta' ġestjoni pluriennali simili għal dawk fis-seħħ f'baċiri oħra tal-baħar għall-Baħar l-Iswed;
60. Jinnota li kull sena, fil-komunikazzjoni tagħha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-politika komuni tas-sajd u l-konsultazzjoni tagħha dwar l-opportunitajiet tas-sajd, il-Kummissjoni tirrapporta li l-istokkijiet fil-Baħar l-Iswed qed jiġu mistada b'mod eċċessiv; iqis, għalhekk, li jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti biex tittejjeb is-sitwazzjoni;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-mod kif l-Istati Membri kostali użaw il-FEMS għall-2014-2020 biex żguraw li l-istokkijiet ġew ġestiti b'mod sostenibbli u li l-bijodiversità tjiebet;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Ukrajna, tal-Federazzjoni Russa, tal-Georgia u tar-Repubblika tat-Turkija, lill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran, lill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed u lill-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis.