Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2118(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0151/2021

Testi mressqa :

A9-0151/2021

Dibattiti :

PV 23/06/2021 - 13
CRE 23/06/2021 - 13

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2021 - 21
CRE 23/06/2021 - 21

Testi adottati :

P9_TA(2021)0308

Testi adottati
PDF 217kWORD 67k
L-Erbgħa, 23 ta' Ġunju 2021 - Brussell
Ir-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-assistenza umanitarja tal-UE fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19
P9_TA(2021)0308A9-0151/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar ir-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-assistenza umanitarja tal-UE fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 (2020/2118(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-30 ta' Jannar 2020 li tiddikjara l-COVID-19 emerġenza tas-saħħa pubblika ta' rilevanza internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet introduttivi tad-Direttur Ġenerali tad-WHO fil-laqgħa għall-istampa dwar il-COVID-19 tal-11 ta' Marzu 2020, li fiha l-COVID-19 ġiet iddikjarata pandemija,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) ta' Marzu 2020 bit-titolu "Shared Responsibility, Global Solidarity: Responding to the socio-economic impacts of COVID-19" (Responsabbiltà Kondiviża, Solidarjetà Globali: Ir-risposta għall-impatti soċjoekonomiċi tal-COVID-19),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Grupp tal-Bank Dinji u tal-Fond Monetarju Internazzjonali tal-25 ta' Marzu 2020 dwar sejħa għal azzjoni rigward id-dejn tal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp u l-komunikat tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 tal-15 ta' April 2020 li jħabbar sospensjoni temporanja tal-pagamenti tas-servizz tad-dejn għall-pajjiżi l-aktar foqra li jitolbu tolleranza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 74/270 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-2 ta' April 2020 dwar is-solidarjetà globali fil-ġlieda kontra l-marda tal-coronavirus 2019 (COVID‑19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 74/274 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' April 2020 dwar il-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi żgurat aċċess globali għall-mediċini, il-vaċċini u l-apparat mediku għall-indirizzar tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

–  wara li kkunsidra l-konferenza internazzjonali b'appell għal wegħdiet ta' donazzjonijiet ospitata mill-UE flimkien mad-WHO u sħab oħra fl-4 ta' Mejju 2020, li ġabret EUR 7,4 biljun f'finanzjament inizjali biex jingħata bidu għall-kooperazzjoni globali fir-riċerka,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Rkupru tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0441), li pproponiet li talloka sa EUR 5 biljun bil-prezzijiet tal-2018 għall-għajnuna umanitarja barra mill-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 dwar ir-rispons globali ta' "Tim Ewropa" għall-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-proposta li tinsab fl-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2020 biex jingħataw EUR 5 biljun għall-assistenza umanitarja permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI-Global Europe) fl-ambitu tal-istrument Next Generation EU,

–  wara li kkunsidra l-proposta li tinsab fl-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2020 li għandhom jiġu definiti kriterji u modalitajiet ċari għall-allokazzjoni tal-pakkett il-ġdid tar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza,

–  wara li kkunsidra l-komponent tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tal-Pjan ta' rispons umanitarju globali 2020 għall-COVID-19, bit-titolu "Addressing the impacts of COVID-19 in food crises, April-December 2020" (Nindirizzaw l-impatti tal-COVID-19 fi kriżijiet tal-ikel, April-Diċembru 2020),

–  wara li kkunsidra l-artiklu tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) bit-titolu "Protecting the most vulnerable children from the impact of coronavirus: An agenda for action" (Protezzjoni tat-tfal l-aktar vulnerabbli mill-impatt tal-coronavirus: aġenda għall-azzjoni), ippubblikat fit-3 ta' April 2020 u aġġornat fil-21 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) tad-29 ta' Settembru 2020 bit-titolu "WFP Global Response to COVID-19" (Ir-rispons globali tad-WFP għall-COVID-19),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Network ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Alimentari tal-20 ta' April 2020 bit-titolu "Global Report on Food Crises 2020: Joint Analysis for Better Decisions" (Rapport Globali dwar il-Kriżijiet Alimentari 2020: Analiżi Konġunta għal Deċiżjonijiet Aħjar),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp tad-19 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Impact of the COVID-19 pandemic on trade and development: transitioning to a new normal" (L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kummerċ u l-iżvilupp: tranżizzjoni lejn normalità ġdida),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO, tal-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu, tal-UNICEF, tad-WFP u tad-WHO tal-2020 bit-titolu "The State of Food Security and Nutrition in the World 2020: Transforming food systems for affordable healthy diets" (L-istat tas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni fid-dinja 2020: trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel f'dieti sani ekonomikament aċċessibbli),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli fil-qasam tas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) ta' Settembru 2020 bit-titolu "Impacts of COVID-19 on food security and nutrition: developing effective policy responses to address the hunger and malnutrition pandemic" (Impatti tal-COVID-19 fuq is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni: żvilupp ta' miżuri ta' intervent effikaċi biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija tal-ġuħ u tal-malnutrizzjoni),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tat-28 ta' Mejju 2019 dwar l-ilma, is-sanità u l-iġjene fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Bord ta' Koordinament tal-Programm tal-Programm Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-HIV/AIDS (UNAIDS) tat-23 ta' Novembru 2020 bit-titolu "COVID-19 and HIV: Progress Report 2020" (Il-COVID-19 u l-HIV: Rapport ta' Progress 2020),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika tan-Nazzjonijiet Uniti maħruġa mil-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar il-Kopertura Sanitarja Universali tat-23 ta' Settembru 2019 bit-titolu "Universal Health Coverage: Moving Together to Build a Healthier World" (Kopertura Sanitarja Universali: naħdmu flimkien għal dinja aktar f'saħħitha),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO tal-15 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Global Tuberculosis Report 2020" (Rapport Globali dwar it-Tuberkulożi 2020),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-5 ta' Mejju 2004 mill-konsultazzjoni tad-WHO dwar iż-żoonożi,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (GAP) III għall-perjodu 2021-2025 bit-titolu "Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE",

–  wara li kkunsidra n-nota ta' politika tal-UN Women tad-9 ta' April 2020 bit-titolu "The Impact of COVID-19 on Women" (L-impatt tal-COVID-19 fuq in-nisa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) tas-27 ta' April 2020 bit-titolu "Impact of the COVID-19 Pandemic on Family Planning and Ending Gender-based Violence, Female Genital Mutilation and Child Marriage" (L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ippjanar tal-familja u t-tmiem tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ prekoċi),

–  wara li kkunsidra l-artiklu tal-UNFPA tat-28 ta' April 2020 bit-titolu "Millions more cases of violence, child marriage, female genital mutilation, unintended pregnancy expected due to the COVID-19 pandemic" (Aktar miljuni ta' każijiet ta' vjolenza, ta' żwieġ prekoċi, ta' mutilazzjoni ġenitali femminili u ta' tqala mhux intenzjonata mistennija minħabba l-pandemija tal-COVID-19),

–  wara li kkunsidra r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa tad-WHO tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew il-Ġdid għall-Iżvilupp tal-2018, bit-titolu "our world, our dignity, our future" (id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kriżi tal-Ebola: it-tagħlimiet fit-tul u kif jistgħu jiġu msaħħa s-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu prevenuti kriżijiet futuri(1),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Professoressa Sabine Oertelt-Prigione tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "The impact of sex and gender in the COVID-19 pandemic" (L-impatt tas-sess u tal-ġeneru fil-pandemija tal-COVID-19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0151/2021),

A.  billi l-COVID-19 hija pandemija globali li tolqot kull pajjiż fid-dinja;

B.  billi, skont ir-rapport speċjali tal-2020 tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp bit-titolu "Impact of the COVID-19 pandemic on trade and development: transitioning to a new normal" (L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kummerċ u l-iżvilupp: tranżizzjoni lejn normalità ġdida), it-taqlib li kkawżat il-COVID-19 ħalla konsegwenzi reali u sproporzjonati fuq il-familji b'introjtu baxx vulnerabbli u żvantaġġati, il-migranti, il-ħaddiema fis-settur informali, spiss nisa, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn il-popolazzjonijiet mhumiex koperti minn xibka ta' sikurezza soċjali u huma partikolarment milquta minn żieda f'daqqa fil-qgħad;

C.  billi l-pandemija tal-COVID-19 żdiedet il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, iż-żwieġ prekoċi u l-inugwaljanzi eżistenti, b'mod partikolari f'termini ta' aċċess għas-servizzi tas-saħħa, fosthom is-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u diġà xejnet ċertu progress li kien sar fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul dawn l-aħħar deċennji;

D.  billi l-għajnuna umanitarja tingħata ħafna inqas finanzjamenti milli meħtieġ, u dan jagħmilha diffiċli li jiġu indirizzati b'mod adegwat il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

E.  billi l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 inħassu b'mod aktar qawwi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-faqar estrem globali mistenni jiżdied fl-2020 għall-ewwel darba f'20 sena, fatt li jwassal għall-bejgħ ta' assi, aktar teħid ta' self u l-użu tal-flus imfaddla min-naħa tal-individwi vulnerabbli;

F.  billi l-għajnuna umanitarja f'terminu qasir trid tmur id f'id mal-appoġġ maħsub biex jindirizza l-isfidi attwali, pereżempju s-sigurtà, il-faqar, il-paċi, id-demokrazija u t-tibdil fil-klima, bil-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza fit-tul;

G.  billi hemm riskju sproporzjonatament għoli ta' kontaġju għal miljuni ta' rifuġjati fid-dinja kollha, li spiss jgħixu f'kampijiet tar-rifuġjati jew f'ċentri kollettivi b'popolazzjoni densa, fejn il-popolazzjoni infantili biss, skont stimi, hija madwar 3,7 miljun;

H.  billi l-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt enormi fuq l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, b'mod partikolari fuq in-nisa u ż-żgħażagħ, inkwantu s-servizzi rilevanti tilfu prijorità u ġarrbu interruzzjonijiet, barra mir-restrizzjonijiet tal-mobilità u l-bidliet fil-modalitajiet ta' ħarsien tas-saħħa; billi minħabba l-COVID-19 il-bżonnijiet ta' kontraċettivi moderni għal 49 miljun mara oħra baqgħu insodisfatti;

I.  billi t-tibdil fil-klima u t-telfien kontinwu tal-bijodiversità u l-qerda ta' ħabitats naturali f'livell dinji żdiedu notevolment ir-riskju li jiżviluppa mard żoonotiku; billi t-tifqigħa tal-COVID-19 ma għandha bl-ebda mod tintuża bħala skuża għad-dewmien fit-trattament ta' emerġenza klimatika u ambjentali; billi hija urġenti n-neċessità ta' rikostruzzjoni ekoloġika u soċjali tal-ekonomija globali wara t-tifqigħa tal-COVID-19;

J.  billi l-pandemija tal-COVID-19 ħarrxet bil-kbir il-problemi eżistenti marbuta mad-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'hekk kompliet tipperikola l-isforzi li għamlu biex jimmobilizzaw biżżejjed riżorsi biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u naqset konsiderevolment ukoll ir-rimessi globali u l-investiment dirett barrani;

K.  billi, matul il-pandemija tal-COVID-19, il-pressjoni eżerċitata fuq is-sistemi tas-saħħa u l-miżuri ta' lockdown komplew limitaw aktar l-aċċess għas-servizzi għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u billi dan jipperikola saħħet in-nisa;

L.  billi, skont l-UNICEF, 1,6 biljun ruħ, bejn tfal u żgħażagħ, fid-dinja kollha ntlaqtu mill-għeluq tal-iskejjel fl-eqqel tagħhom fl-2020, u bosta fosthom ma kellhomx aċċess għall-internet minn darhom; billi mill-inqas 24 miljun student setgħu x'aktarx jitilqu mill-iskola minħabba l-pandemija tal-COVID-19;

M.  billi l-bżonnijiet dejjem akbar tal-komunitajiet milquta minn fenomeni meteoroloġiċi estremi, diżastri naturali u tibdil fil-klima, minħabba l-pandemija tal-COVID-19;

N.  billi t-taqlib ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tad-dinja kollha x'aktarx ma għandux preċedent fl-istorja kontemporanja, bl-għeluq ta' skejjel u istituti ta' taħriġ li jolqot 94 % tal-popolazzjoni dinjija tal-istudenti, skont l-UNESCO, bir-riskju li jkun impatt dejjiemi fuq il-prospettivi fit-tul ta' ħafna żgħażagħ, b'mod partikolari t-tfajliet; billi l-għeluq tal-iskejjel minħabba l-pandemija ċaħħad lit-tfal vulnerabbli mill-ikel fl-iskola u minn servizzi ta' nutrizzjoni li huma essenzjali għal saħħithom, b'hekk żdied in-numru ta' tfal li jbatu l-ġuħ b'36 miljun fl-2020, kif ukoll żdiedet l-espożizzjoni tagħhom għall-vjolenza u għall-abbużi;

O.  billi l-pandemija ħarġet fid-dieher il-fraġilità tal-katini ta' provvista globali, partikolarment fis-settur tal-ikel u tas-saħħa, u l-vulnerabbiltà tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu minnhom; billi l-pandemija tirrappreżenta opportunità biex jiġu żviluppati katini ta' provvista aktar sostenibbli u reżiljenti, fosthom il-katini tal-valur reġjonali, u biex tingħata spinta lill-integrazzjoni reġjonali; billi ż-żieda fl-insigurtà alimentari u fil-malnutrizzjoni tirrappreżenta effett sekondarju tal-pandemija;

P.  billi l-edukazzjoni tiżvolġi rwol kruċjali biex jinqasam iċ-ċirku tal-faqar u jitnaqqsu d-diżugwaljanzi; billi l-objettiv tal-SDG nru 4 huwa li jiżgura edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwa u jippromwovi opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd u billi dan huwa essenzjali biex jintlaħqu l-SDGs l-oħra; billi l-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli huwa enfasizzat f'diversi SDGs, b'mod partikolari fl-SDG nru 4;

Q.  billi l-pandemija se jkollha konsegwenzi devastanti għan-nies fil-pajjiżi b'sistemi tas-saħħa milquta minn nuqqas ta' riżorsi, partikolarment għan-nisa u l-bniet, u għall-popolazzjonijiet tal-pajjiżi involuti f'kunflitti; billi, sal-2021, il-pandemija se tpoġġi aktar minn 47 miljun mara u tifla fid-dinja kollha taħt is-soll tal-faqar;

R.  billi l-konsegwenzi ekonomiċi tal-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jħarrxu l-inugwaljanzi u l-vulnerabbiltajiet eżistenti, anki billi jkomplu jdgħajfu l-infrastrutturi tas-saħħa, jaggravaw l-insigurtà alimentari, iwessgħu l-lakuni fl-edukazzjoni u jżidu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

S.  billi madwar 1,8 biljun ruħ jinsabu f'riskju għoli li jieħdu l-COVID-19 u mard ieħor għax jużaw jew jaħdmu f'faċilitajiet tas-saħħa mingħajr servizzi tal-ilma bażiċi, skont rapport tad-WHO-UNICEF ta' Diċembru 2020;

T.  billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkompromettiet b'mod gravi l-programmazzjoni ta' immunizzazzjoni ta' rutina u servizzi tas-saħħa bażiċi oħrajn, fatt li qiegħed ipoġġi l-ħajja tan-nies f'sogru;

U.  billi, skont id-data reċenti tal-UNFPA, huwa stmat li d-dewmien jew l-interruzzjoni tal-programmi ta' sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-komunità dwar prattiki dannużi se jwasslu, fuq livell dinji, għal 2 miljun każ ieħor ta' mutilazzjoni ġenitali femminili u 13-il miljun aktar żwieġ prekoċi matul id-deċennju li jmiss meta mqabbel mal-istimi ta' qabel il-pandemija;

V.  billi l-lockdowns kellhom impatt partikolarment gravi fuq il-persuni b'diżabbiltajiet fiżiċi u intellettwali;

W.  billi huma meħtieġa koordinament aħjar, kondiviżjoni tal-kapaċitajiet u kooperazzjoni bħala parti tal-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni ta' rabta effiċjenti u reżiljenti bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi;

X.  billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni li tagħhom huma vittmi l-persuni bl-HIV, il-persuni LGBTI u gruppi vulnerabbli oħra, filwaqt li ġiet issottolinjata n-neċessità kritika li r-risposti għall-COVID-19 jissejsu fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, kif tgħallem ir-risposta għall-HIV; billi f'xi okkażjonijiet il-popolazzjonijiet f'riskju ġew imċaħħda mill-aċċess għas-servizzi jew ġew imposti fuqhom atti diskriminatorji fl-applikazzjoni tal-ordnijiet ta' lockdown minħabba l-COVID-19;

Y.  billi l-konsegwenzi fit-terminu medju tal-COVID-19 x'aktarx se jkollhom impatt devastanti, ixejnu snin sħaħ ta' kisbiet f'termini ta' żvilupp, u se jirrikjedu kooperazzjoni globali mingħajr preċedent;

Z.  billi l-kriżi kkaġunata mill-pandemija ħaffet it-tranżizzjoni diġitali u l-bidla lejn strumenti ta' tagħlim ġodda, bħall-apprendiment mill-bogħod u mħallat;

AA.  billi huwa kruċjali li nirrikonoxxu għal darb'oħra li l-ilħuq tal-SDGs u tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi investimenti fl-iżvilupp uman u approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta' Busan dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi;

Approċċ "Tim Ewropa"

1.  Jilqa' pożittivament ir-rispons globali tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19, fatt li juri l-ambizzjoni tiegħu li jmexxi u juri solidarjetà mal-pajjiżi sħab kollha, inklużi dawk milquta minn kunflitti u kriżijiet umanitarji; jinnota, madankollu, li l-fondi attwali essenzjalment huma riallokati minn linji baġitarji oħra u li l-isfida tal-frontloading tal-għajnuna għandha tiġi indirizzata; jitlob li l-kriterji ta' tqassim għall-allokazzjoni jiġu aġġornati skont l-impatt tal-pandemija fil-pajjiżi sħab; jitlob, għalhekk, li jiġu mobilizzati fondi flessibbli ġodda biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fid-dinja kollha fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi diretti u indiretti tal-pandemija tal-COVID-19 u biex jindirizzaw l-bżonnijiet kritiċi tagħhom marbuta mal-ġestjoni tas-saħħa u mas-sorveljanza epidemjoloġika; jisħaq fuq il-fatt li wieħed mill-ewwel passi jrid ikun id-disponibbiltà fil-livell dinji ta' vaċċini sikuri, kuri, tagħmir, terapiji u strumenti dijanjostiċi b'mod rapidu u bi prezzijiet aċċessibbli; jenfasizza li huwa wkoll importanti li tingħata prijorità lill-vaċċinazzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa u soċjali, segwiti mill-għalliema u minn ħaddiema essenzjali u persuni oħrajn li huma aktar f'riskju li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet minħabba l-COVID-19; iħeġġeġ lid-donaturi jżidu malajr l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp biex jintlaħqu l-livelli li fil-passat kien hemm impenn għalihom iżda qatt ma ntlaħqu;

2.  Jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-COVAX, l-istrument li jiżgura l-aċċess universali u ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19, u l-appoġġ qawwi tat-"Tim Ewropa", li huwa l-akbar donatur u li sal-lum alloka aktar minn EUR 850 miljun lil din l-inizjattiva, filwaqt li l-UE u xi pajjiżi mhux tal-UE diġà ħabbru li biħsiebhom jagħtu f'donazzjoni l-vaċċini li jifdallhom permezz tal-COVAX; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li d-WHO ħabbret li beda t-tqassim lil 91 pajjiż eleġibbli previst fl-ewwel trimestru tal-2021 u li waslu żewġ biljun doża tal-vaċċini; jissottolinja l-bżonn li l-vaċċini sikuri għandhom ikunu universalment disponibbli, bi prezz baxx u faċilment aċċessibbli għal kulħadd bil-għan li titrażżan il-pandemija; jisħaq li l-persunal tas-saħħa u l-persuni l-aktar vulnerabbli għandhom ikollhom il-prijorità;

3.  Jitlob lit-Tim Ewropa jsaħħaħ il-mekkaniżmi effikaċi li jiżguraw l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli sabiex jintużaw b'mod sistematiku u effiċjenti mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u mill-Istati Membri; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà f'kull ambitu kkonċernat, anki fir-rigward tar-risposti għall-pandemija;

4.  Jinsisti li l-ispinta mogħtija mill-approċċ komuni ta' Tim Ewropa f'termini ta' analiżi konġunta, programmazzjoni konġunta u implimentazzjoni konġunta jrid jissarraf fi standard ġdid għall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja u l-politika tal-iżvilupp, kemm fid-dritt kif ukoll fil-prassi; iqis li l-UE għandha tippromwovi l-idea li l-koordinament għandu jiżdied mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda wkoll mal-pajjiżi donaturi mhux tal-UE, bil-għan li jkunu massimizzati l-effikaċja u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-għajnuna umanitarja; jisħaq fuq l-importanza tal-NDICI-Global Europe biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-iżvilupp uman, inklużi s-saħħa, in-nutrizzjoni, l-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH), il-protezzjoni soċjali u tat-tfal u s-settur tal-edukazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-iżvilupp uman u lis-saħħa fil-programmazzjoni konġunta tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża bi flessibbiltà l-istrumenti umanitarji u ta' żvilupp, bi qbil ma' approċċ integrat ibbażat fuq rabta, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-finanzjament u mat-tqassim tal-vaċċini;

5.  Jistieden lid-donaturi tal-UE jiżguraw li l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) internazzjonali li jaħdmu fl-ewwel linja jingħataw finanzjamenti biex jimplimentaw il-programmi u l-proġetti li jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha fil-livell tal-UE, biex jintlaħqu lill-persuni li l-aktar tħallew lura; jissottolinja li fl-assenza ta' riżorsi addizzjonali għar-risposta lill-COVID-19 u għall-irkupru minnha, u bil-maġġor parti tal-fondi ddestinati għall-pakketti ġeografiċi, huwa kruċjali li tiġi garantita komplementarjetà ottimali tal-finanzjamenti tal-UE;

Finanzjament tal-għajnuna umanitarja

6.  Iwissi li l-pandemija tirriskja li tikkawża kriżi umanitarja; jinsab għalhekk imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' finanzjamenti tal-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja, meta jitqiesu l-bżonnijiet umanitarji addizzjonali kkawżati mill-pandemija; jitlob distribuzzjoni ċara tal-pakkett tar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza, li għandu jkollu l-għan li jiżgura kopertura bbilanċjata tal-obbligi tiegħu kif ġej: la l-operazzjonijiet interni u lanqas dawk esterni ma jistgħu jiġu allokati aktar minn 60 % tal-ammont annwali tar-riżerva; fl-1 ta' Ottubru ta' kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali għas-"sena n" irid jibqa' disponibbli biex ikopri l-bżonnijiet li jinħolqu sa tmiem dik is-sena; mill-1 ta' Ottubru, il-fondi li jifdal jistgħu jiġu mobilizzati sabiex ikopru l-bżonnijiet li jinħolqu sa tmiem dik is-sena;

7.  Jisħaq fuq il-bżonn li tingħata assistenza umanitarja, pereżempju fil-forma ta' persunal tas-saħħa u apparat mediku, inklużi tagħmir ta' protezzjoni personali u kits għall-ittestjar, lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli; jifraħ f'dan ir-rigward bil-ħolqien tal-pont bl-ajru umanitarju 2020 tal-Unjoni Ewropea;

8.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jallokaw aktar fondi għall-pajjiżi li se jkollhom iġarrbu l-akbar impatti tal-pandemija biex jindirizzaw il-konsegwenzi diretti u indiretti tagħha, u jinsisti fuq il-bżonn li titħaffef l-implimentazzjoni ta' programmi alimentari ta' emerġenza favur dawk li diġà kienu meqjusa vulnerabbli qabel il-kriżi kkawżata mill-COVID-19, filwaqt li japplikaw proċeduri biex inaqqsu r-riskji ta' trażmissjoni;

Sigurtà alimentari

9.  Jenfasizza li l-pandemija qiegħda thedded is-sigurtà alimentari f'ambjenti rurali, urbani u periurbani; jissottolinja li l-biedja tar-raħħala hija metodu lokali ekoloġikament sod u ekokompatibbli tal-produzzjoni tal-ikel u għalhekk hija parti minn sistema tal-ikel sostenibbli; jiġbed l-attenzjoni li r-raħħala huma partikolarment vulnerabbli għall-interruzzjonijiet tas-sigurtà alimentari u għall-impatti tat-tibdil fil-klima; iqis li huwa essenzjali li jiġu appoġġati r-raħħala billi jiġi garantit aċċess sikur għas-swieq lokali matul il-pandemija sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu ikel b'ħafna proteini lill-popolazzjoni lokali, li l-mobilità transfruntiera tal-persuni u tal-bhejjem tkun awtorizzata, li l-merħliet tagħhom ikollhom aċċess għall-ilma u għal artijiet biex jirgħu u li t-timijiet tas-saħħa waħda tal-komunitajiet mobbli jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jintervjenu f'każijiet individwali iżda wkoll, meta meħtieġ, bil-ħsieb li tinżamm is-saħħa pubblika; jitlob trasferimenti ta' flus għar-raħħala biex ikun żgurat li l-bżonnijiet bażiċi tagħhom ikun sodisfatti, fosthom l-ikel u l-għalf, u jitlob għajnuna għall-għalf għall-merħliet, bħala parti mill-appoġġ għall-għajxien fil-forma ta' għajnuna umanitarja, meta dan ikun meħtieġ;

10.  Jissottolinja l-bżonn li jiġu sostnuti l-azjendi agrikoli tal-familja u l-impriżi lokali żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari fis-settur agroindustrijali, bil-għan li jiżdiedu s-sigurtà alimentari u r-reżiljenza;

11.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu appoġġati l-azzjonijiet tal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-FAO u d-WFP, kif ukoll tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar u tal-NGOs internazzjonali, immirati biex itaffu l-ġuħ, il-malnutrizzjoni u t-telf ta' mezzi ta' għajxien u joħolqu sistemi alimentari reżiljenti, bħal dawk biex tinħoloq faċilità globali tal-ġestjoni tad-data għall-forniment ta' informazzjoni rapidi dwar il-bżonnijiet umanitarji, kif ukoll biex joffru assistenza lill-produzzjoni tal-ikel u lill-aċċess għall-ikel, biex jorganizzaw trasferimenti ta' flus u vouchers jew it-tqassim ta' għajnuna alimentari in natura u ta' ikliet fl-iskejjel, biex jiżviluppaw kollegamenti ma' sistemi ta' protezzjoni soċjali li jirrispondu għax-xokkijiet, biex jistabbilizzaw is-sistemi alimentari u biex jiżguraw il-funzjonament tas-swieq, tal-katini tal-valur u tas-sistemi alimentari lokali, billi jikkonċentraw fuq il-bdiewa ż-żgħar u s-sajjieda artiġjanali permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri sanitarji intiżi li jipprevjenu t-trażmissjoni tal-COVID-19, u li jagħtu risposta lil tipi oħra ta' kriżijiet, reċessjonijiet ekonomiċi u kunflitti bħall-invażjoni ta' ġuradi tad-deżert fl-Afrika tal-Lvant; iqis li l-proċess ta' rkupru ekonomiku joffri opportunità għal integrazzjoni aħjar tal-bdiewa u tal-produtturi ż-żgħar fis-swieq reġjonali u lokali u għall-iżvilupp ta' modi ta' għajxien aktar sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza, f'dan ir-rigward, tat-teknoloġija u tad-diġitalizzazzjoni bħala mezzi biex ikun iffaċilitat l-għarfien tas-suq u l-aċċess u l-espansjoni tal-impriżi ż-żgħar, bis-saħħa ta' mezzi għal applikazzjonijiet ta' ħlas bil-mobile;

12.  Ifakkar li se jinħtieġ li jingħata ikel sikur u ekonomikament aċċessibbli għal popolazzjoni globali ta' madwar 10 biljun ruħ sal-2050, u jiġu żgurati fl-istess ħin impjiegi u mezzi ta' għajxien dinjitużi tul il-katina tal-valur alimentari kollha, jiġu protetti ż-żoni rurali l-aktar vulnerabbli, inklużi l-popolazzjonijiet indiġeni, il-migranti, il-ħaddiema informali u ad hoc, u biex tkun miġġielda l-volatilità estrema tal-prezzijiet tal-ikel fis-swieq alimentari nazzjonali u internazzjonali; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tan-nutrizzjoni fit-tisħiħ tar-reżiljenza; jitlob approċċ aktar integrat għall-prevenzjoni, għad-dijanjostika u għat-trattament tal-ġuħ u tal-malnutrizzjoni kemm fir-risposti umanitarji kif ukoll f'dawk għall-iżvilupp, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima; jenfasizza li huwa kruċjali li tiġi żviluppata agrikoltura lokali għall-konsum lokali, bil-għan li tonqos id-dipendenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-importazzjonijiet u mill-esportazzjonijiet u l-interruzzjonijiet possibbli tul il-katina alimentari; jissottolinja li, biex jintlaħqu l-SDG nri 1 u 2, jeħtieġ approċċ transdixxiplinari li jippermetti t-trasformazzjoni tal-mod kif l-ikel jiġi prodott, ipproċessat, ikkonsmat u kummerċjalizzat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn ta' trasformazzjoni olistika biex tħaffef is-sistemi alimentari ekwi, sikuri u sani, bil-Food Systems Summit 2021 tan-Nazzjonijiet Uniti bħala okkażjoni privileġġjata biex mill-kriżi tal-COVID-19 nibnu mill-ġdid aħjar; jistieden lill-UE tippromwovi s-sostenibbiltà tul il-katini tal-provvista tal-ikel, mill-produzzjoni sal-konsum, bi qbil mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

13.  Jirrimarka li l-pandemija tal-COVID-19 qiegħda taggrava l-problema diġà serja immens tal-insigurtà alimentari fl-Afrika tal-Lvant u fil-Lvant Nofsani kkawżata mill-invażjoni tal-ġuradi, inkwantu r-restrizzjonijiet qegħdin jittardjaw il-konsenja ta' pestiċidi u tagħmir biex jinżammu taħt kontroll il-ġuradi; jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni akbar biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant u tal-Lvant Nofsani biex jagħmlu tajjeb għat-telf ta' tagħlil;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li diversi sitwazzjonijiet dinjin bħal żieda demografika rapida, it-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u l-bidla fil-mudelli tal-konsum qegħdin ixekklu l-kapaċità tas-sistemi alimentari tagħna li jiżguraw lil kulħadd is-sigurtà u d-disponibbiltà tal-ikel b'mod sostenibbli u mil-lat soċjali u ambjentali;

15.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' biżżejjed miżuri biex itejbu s-sitwazzjoni attwali tal-pajjiżi Afrikani, li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' żieda demografika rapida flimkien mal-inċertezza fil-kapaċità tas-setturi agrikoli tagħhom li jiżguraw produzzjoni tal-ikel li jimplimentaw miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima;

16.  Iqis li l-limiti imposti mid-disponibbiltà ta' art, mid-degradazzjoni tal-ħamrija, mill-iskarsezza tal-ilma u mir-restrizzjonijiet għall-produzzjoni ta' ikel jirrappreżentaw ostakli serji għaż-żieda tal-provvista ta' prodotti agrikoli u tal-produttività, li huma marbuta mal-inċertezzi soċjoekonomiċi u istituzzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Faqar u protezzjoni soċjali

17.  Jissottolinja li l-faqar estrem globali huwa mistenni li jiżdied drastikament fl-2020 għall-ewwel darba f'aktar minn 20 sena, speċjalment għat-tfal, bil-pandemija tal-COVID-19 taggrava l-forzi tal-kunflitti, il-governanza medjokri u t-tibdil fil-klima u jkollha impatt partikolarment profond fuq in-nisa u l-bniet (47 miljun ruħ oħra mistennijin jgħixu f'faqar estrem sal-2021), il-ħaddiema informali u migranti (li jirrappreżentaw kwart tal-forza tax-xogħol globali), is-settur tat-turiżmu u l-ekonomiji tal-Amerka Latina u tal-Karibew u tal-Afrika; jenfasizza, fil-kuntest tal-kriżi estrema, l-importanza tal-protezzjoni soċjali universali u tad-djalogu soċjali; jitlob lill-Kummissjoni tfassal, flimkien mal-pajjiżi sħab, strateġiji għall-irkupru ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-titjib tas-sistemi ta' sigurtà soċjali, billi titrawwem l-espansjoni tal-kopertura tal-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema informali fis-setturi rurali;

18.  Jenfasizza li dawk l-aktar vulnerabbli huma dawk milquta bl-aktar mod iebes mill-pandemija, partikolarment ir-rifuġjati, il-persuni spostati internament u l-migranti li jgħixu f'sitwazzjonijiet prekarji, li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' tliet kriżijiet: il-kriżi tas-saħħa, il-kriżi soċjoekonomika u l-kriżi relatata mal-protezzjoni tagħhom; jenfasizza li t-tfal li jgħixu f'dawn il-kundizzjonijiet huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-aċċess limitat għal servizzi essenzjali bħall-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH), l-edukazzjoni, l-assistenza sanitarja u s-servizzi ta' kura, fatt li jpoġġi f'riskju l-iżvilupp, il-futur u s-saħħa ta' dawn it-tfal;

19.  Jenfasizza li l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 jolqtu b'mod sproporzjonat l-ifqar nies u l-kategoriji soċjali l-aktar żvantaġġati, emarġinati u mingħajr protezzjoni, inklużi l-persuni b'diżabbiltajiet fiżiċi u intellettwali, il-persuni b'mard kroniku, il-persuni bi problemi ta' saħħa mentali u l-anzjani, li diġà għandhom aċċess limitat jew ma għandhom l-ebda aċċess għall-iġjene u għall-kuri bażiċi għall-bżonnijiet ta' saħħa tagħhom u saru saħansitra aktar vulnerabbli minħabba l-pandemija;

Rifuġjati u persuni spostati

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tar-rifuġjati, tal-migranti u tal-persuni spostati internament, filwaqt li żżomm mal-prinċipju gwida tan-networks tas-saħħa pubblika li ħadd ma jitħalla lura u tastjeni milli twaqqaf lill-operaturi umanitarji tal-ewwel linja milli jkollhom kuntatt dirett ma' dawk li jaqdu; ifakkar bi tħassib li r-rifuġjati, il-migranti u l-persuni spostati internament huma fost il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli fil-kuntest ta' din il-kriżi tas-saħħa billi spiss ikollhom jissieltu ma' kundizzjonijiet ta' ħajja aktar prekarji u x'aktarx għalhekk ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa bażiċi akbar mill-popolazzjonijiet lokali; jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta ta' aċċess ugwali għat-trattamenti għall-COVID-19 u servizzi oħra tas-saħħa u programmi tax-xibka ta' sikurezza għall-persuni milquta kollha, indipendentement min-nazzjonalità, l-istatus ġuridiku, l-oriġini, is-sess, l-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru jew kwalunkwe karatteristika oħra; jisħaq fuq l-importanza li jingħata sostenn lir-rifuġjati u lill-persuni spostati internament biex ikunu jistgħu jindirizzaw l-impatt soċjoekonomiku sproporzjonat tal-pandemija, billi jissaħħu l-miżuri ta' appoġġ għall-għajxien u l-attivitajiet li jiġġeneraw introjtu, flimkien mal-aċċess tagħhom għas-sikurezza; jenfasizza li l-politiki tal-UE jmisshom jappoġġaw l-aċċess għad-dokumentazzjoni relatata mal-impjiegi u mal-edukazzjoni u ma' dik ta' natura ċivika; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet biex it-tfal u ż-żgħażagħ fil-kampijiet tar-rifuġjati jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, inklużi l-opzjonijiet ta' apprendiment mill-bogħod, b'mod partikolari l-apprendiment bażiku;

Tisħiħ tas-settur tas-saħħa

21.  Jissottolinja li t-tifqigħa tal-COVID-19 aggravat il-problema persistenti ta' nuqqas ta' mediċini fuq livell dinji, b'konsegwenzi akuti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jissottolinja li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha prinċipalment tkun iddestinata li tforni kopertura universali "orizzontali" tas-sistema tas-saħħa permezz ta' approċċ olistiku u bbażat fuq id-drittijiet, li jinvolvi, fost affarijiet oħra, l-indirizzar sħiħ tan-natura multidimensjonali tas-saħħa (marbuta strettament mal-ġeneru, mas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni, mal-ilma u s-sanità, mal-edukazzjoni u mal-faqar); jitlob, b'mod partikolari, li jiġu riveduti l-istrateġiji u s-sħubijiet proposti jew eżistenti bil-għan li jsostnu u jissaħħu aktar is-sistemi tas-saħħa pubblika fil-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fir-rigward tat-tħejjija għall-pandemiji u tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni tas-sistemi tas-saħħa, inkluż l-għoti ta' assistenza tas-saħħa universali, il-vaċċinazzjonijiet, il-monitoraġġ u l-informazzjoni fl-ambitu tas-saħħa (inkluża s-sorveljanza tal-mard), it-taħriġ, ir-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal mediku, il-kapaċità dijanjostika u l-provvista tal-mediċini;

22.  Ifakkar li t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa ma għandux iqisu esklużivament l-effetti epidemjoloġiċi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-pajjiżi sħab, iżda għandu wkoll jikkunsidra l-fatturi bħall-bżonn ta' ġestjoni ta' iżjed malnutrizzjoni kkawżata mill-interruzzjoni tal-katini tal-provvista tal-ikel jew l-impatti psikoloġiċi tal-miżuri maħsuba biex itaffu t-tifqigħa tal-COVID-19;

23.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-organizzazzjonijiet sħab li mal-UE għandhom relazzjoni kkonsolidata sew, pereżempju l-Fond Globali, ifornu għajnuna siewja fl-akkwist u fit-tqassim malajr ta' tagħmir ta' protezzjoni personali, strumenti dijanjostiċi u terapiji kontra l-COVID-19 u li jiżvolġu rwol fundamentali fil-bini u fit-tisħiħ ta' sistemi tas-saħħa u fit-tiftix ta' donaturi;

24.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi rkuprat mill-aktar fis possibbli d-dewmien fil-programmi ta' immunizzazzjoni ta' rutina u jiġi żgurat l-issuktar tal-forniment ta' servizzi tas-saħħa bażiċi oħra; jitlob finanzjamenti adegwati għal inizjattivi bħal Gavi, l-Alleanza għall-Vaċċini, u CEPI, il-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji; jinsab imħasseb bis-sistema ta' governanza globali tal-vaċċini, esternalizzata u frammentata, li minflok ma tippromwovi l-kooperazzjoni, iġġenerat kompetizzjoni fil-qasam tal-vaċċini, tal-istrumenti dijanjostiċi u l-kuri; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jkunu minn tal-ewwel biex jitolbu aċċess ekwu u bi prezz baxx għall-vaċċini fid-dinja kollha abbażi tal-prinċipju tas-solidarjetà globali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-risposta globali tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 ma timminax il-finanzjamenti tal-UE favur il-programmi tas-saħħa essenzjali l-oħra, inkluż il-Pakkett tas-Servizzi Inizjali Minimi għas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-programmi mmirati lejn is-saħħa tan-nisa u n-nisa tqal; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jgħinu lill-pajjiżi sħab billi jfornu servizzi relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, filwaqt li jiżguraw is-sikurezza tal-komunitajiet u ta' min jaħdem fil-qasam tas-saħħa;

25.  Ifakkar fl-importanza li jitqiegħdu fil-prattika dak li tgħallimna mill-kriżijiet tas-saħħa preċedenti, pereżempju l-epidemija tal-Ebola; jisħaq f'dan ir-rigward fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni mal-mexxejja tal-komunitajiet biex jinxterdu messaġġi importanti dwar is-saħħa u biex ikunu mobilizzati s-soċjetajiet; jissottolinja r-rwol fundamentali tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs nazzjonali u internazzjonali fil-forniment ta' servizzi tas-saħħa lill-ifqar komunitajiet; jirrikonoxxi li tali organizzazzjonijiet se jkunu sħab essenzjali fit-tqassim tal-vaċċini kontra l-COVID-19; jistieden lill-UE ssostni t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' dawn l-organizzazzjonijiet;

26.  Jissottolinja r-rwol tal-edukazzjoni dwar is-saħħa fil-prevenzjoni u fit-taffija tal-impatt tal-pandemija u fit-tħejjija f'każ ta' emerġenzi futuri globali tas-saħħa; jenfasizza l-benefiċċji tal-isport fuq il-ġestjoni tal-konsegwenzi fiżiċi u mentali kkawżati mill-miżuri prolungati ta' konfinament u mill-għeluq tal-iskejjel;

27.  iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex il-vaċċini u l-kuri kontra l-pandemija jkunu beni pubbliku globali, aċċessibbli għal kulħadd;

28.  Jenfasizza li l-kontinwità tas-servizzi tas-saħħa bażiċi, inkluża n-nutrizzjoni, hija neċessarja fir-risposta għall-COVID-19 u fl-irkurpu minnha; jissottolinja li servizzi ta' nutrizzjoni ta' kwalità għandhom ikunu fornuti bħala parti mis-servizzi tas-saħħa primarji, li jinkludu l-prevenzjoni, il-valutazzjoni, id-dijanjożi u l-kura tal-forom kollha ta' malnutrizzjoni; jirrikonoxxi r-rwol bħala operaturi tal-ewwel linja tal-ħaddiema tas-saħħa tal-komunità li jeħtieġ li jkunu sostnuti, anki permezz ta' taħriġ;

29.  Jissottolinja li r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) kienu ta' importanza kruċjali fir-risposta globali għall-COVID-19, inkwantu ppermettew l-iżvilupp ta' terapiji, vaċċini u strumenti dijanjostiċi neċessarji b'urġenza; jenfasizza li l-attivitajiet ta' R&I jeħtieġ ikunu indirizzati lejn strumenti li jaħdmu f'kuntesti b'riżorsi limitati biex jippermettu risposta tassew globali; jenfasizza li sforzi simili huma neċessarji biex jiġi indirizzat id-distakk eżistenti f'termini ta' riċerka u prodotti bil-għan li jingħelbu epidemiji oħrajn, partikolarment dawk marbuta mal-faqar jew ma' mard ittraskurat li jolqot biljuni ta' persuni fid-dinja kollha, iżda li joffru inċentivi tas-suq limitati għall-investimenti privati, anki biex tintemm id-dipendenza mill-pajjiżi l-aktar sinjuri, partikolarment mir-riċerka dwar mard li jaf ma jolqothomx direttament; jitlob għalhekk lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-opportunitajiet ta' kollaborazzjoni transnazzjonali bejn ir-riċerkaturi u jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-potenzjal uman fil-pajjiżi sħab, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam man-nisa;

30.  Jappoġġa l-ħidma importanti tad-WHO u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ċentrali tagħha bħala l-awtorità ewlenija u ta' koordinament dwar ir-risposta għall-COVID-19, filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn ta' riforma tagħha, inkluża, iżda mhux biss, ir-riforma tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa, wara li tkun ġiet ġestita l-kriżi akuta;

31.  Jissottolinja l-bżonn ta' azzjoni urġenti, żieda fil-finanzjamenti u koordinament aħjar tar-risposti għall-imġiba u għall-prattiki ta' iġjene, li jirrappreżentaw waħda mid-difiżi vitali għall-prevenzjoni, għat-trażżin u għall-kura tal-COVID-19; jissottolinja l-bżonn ta' provvisti affidabbli ta' ilma nadif fid-djar, fl-iskejjel kif ukoll fil-faċilitajiet tas-saħħa u jisħaq fuq l-importanza tal-aċċess għall-ilma nadif u għall-istrutturi, għas-servizzi u għall-beni iġjeniko-sanitarji, peress li huma fundamentali biex tiżdied ir-reżiljenza għal kriżijiet tas-saħħa futuri; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-finanzjamenti għall-ilma, għas-sanità u għall-iġjene (WASH) bħala parti tar-risposta tagħhom għall-COVID-19 u bil-għan li tissaħħa r-reżiljenza globali f'każ ta' kriżijiet futuri;

32.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet immexxija mill-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) fil-forniment ta' servizzi tas-saħħa lill-komunitajiet l-aktar emarġinati u l-inqas moqdija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ politiku, finanzjarju u tekniku lill-OSĊ li jfornu servizzi fil-livell tal-komunità, bil-għan li jkun garantit li l-persuni li jistgħux imorru fil-kliniki tas-saħħa jkunu jistgħu jaċċedu għal servizzi speċifiċi u adegwati;

33.  Jisħaq fuq il-fatt li tqassim aktar ekwu tal-vaċċini fid-dinja huwa essenzjali għall-ġlieda effikaċi kontra t-tixrid tal-COVID-19 u l-mutazzjonijiet tagħha; ifakkar wkoll li l-istrumenti mediċi użati kontra l-COVID-19 għandhom ikunu ekonomikament aċċessibbli, sikuri, effikaċi, faċli biex jiġu amministrati u universalment disponibbli u għandhom jitqiesu "beni pubbliċi globali";

Drittijiet tal-bniedem, governanza u demokrazija

34.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, ħafna gvernijiet użaw l-emerġenza biex jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-proċessi demokratiċi u l-ispazju ċivili, anki billi limitaw l-aċċess umanitarju, u biex jaħqru lill-minoranzi; jikkundanna, b'mod partikolari, iċ-ċensura, l-arresti u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti, tal-personalitajiet tal-oppożizzjoni, tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u ta' individwi oħra talli jikkritikaw lill-gvernijiet, inkluż il-mod kif jiġġestixxu l-kriżi; jiġbed l-attenzjoni, fuq livell aktar ġenerali, għall-impatt negattiv li qed jikber tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jitlob, għalhekk, it-tisħiħ tal-għajnuna, tad-djalogu politiku u tal-appoġġ lis-soċjetà ċivili u għall-konsolidament tal-istituzzjonijiet f'dawn l-oqsma kollha, b'attenzjoni partikolari għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-attivisti tas-soċjetà ċivili;

35.  Josserva li r-riċerka fil-livell globali tindika li stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni għadhom jaffettwaw il-ħajja ta' persuni bl-HIV, popolazzjonijiet f'riskju u gruppi vulnerabbli; ifakkar fil-konklużjonijiet ta' UNAIDS skont liema anki l-persuni u l-gruppi assoċjati mal-COVID-19 ħassew fuqhom perċezzjonijiet u azzjonijiet negattivi; jenfasizza li l-popolazzjonijiet vulnerabbli u emarġinati għadhom ikunu stigmatizzati, inklużi l-każijiet ta' intersezzjoni mal-HIV u l-COVID-19, pereżempju l-persuni li jgħixu fil-faqar, il-persuni mingħajr dar, ir-rifuġjati, il-migranti, min jaħdem fis-sess, il-persuni li jagħmlu użu mid-drogi, il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali;

36.  Jissottolinja l-fatt li konsegwenzi ta' kombinazzjoni bejn pandemija sanitarja u reċessjoni globali se jikkompromettu serjament il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jilħqu l-SDGs; ifakkar fl-appell tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi allokat pakkett ta' fondi għall-kriżi kkawżata mill-COVID-19 li jammonta għal USD 2,5 triljun għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jħabbtu wiċċhom ma' danni ekonomiċi mingħajr preċedent minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jitlob politiki li jħarsu aktar bil-bogħod ibbażati fuq il-prinċipju ewlieni tal-Aġenda 2030 skont liema ħadd ma jitħalla lura;

37.  Jissottolinja li stat ta' emerġenza għandu effetti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jrid għalhekk ikunu dejjem limitat fiż-żmien, debitament ġustifikat permezz ta' proċeduri demokratiċi u legali, proporzjonat għall-emerġenza filwaqt li jirrispetta l-ordni kostituzzjonali u d-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-emerġenzi tas-saħħa ma għandhom qatt jintużaw bħala pretest biex ikunu mminati l-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-responsabbiltà demokratika jew il-kontroll ġudizzjarju;

38.  Jinsab imħasseb bl-attakki vjolenti fuq il-persunal u l-faċilitajiet umanitarji u mediċi, kif ukoll bl-ostakli burokratiċi bħar-rekwiżiti ta' aċċess mhux ċari u li jinbidlu jew ir-restrizzjonijiet fuq in-numru ta' persunal u vetturi fil-pajjiżi sħab; jissottolinja l-importanza li dawn l-attakki u l-ostakli kemm fil-livell diplomatiku kif ukoll f'dak politiku jkomplu jiġi indirizzati;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jsostnu lill-parlamenti huma u jkomplu jiżvolġu rwol attiv fl-iskrutinju tal-miżuri governattivi biex titrażżan il-pandemija tal-COVID-19 u fil-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem tal-miżuri tas-saħħa pubblika; jisħaq fuq il-fatt li s-settur tas-saħħa f'bosta pajjiżi huwa suġġett għall-korruzzjoni u hemm il-bżonn li jissaħħu r-responsabbiltà u s-superviżjoni;

40.  Jenfasizza l-konsegwenzi partikolarment severi tal-lockdowns minħabba l-COVID-19 u l-ħsara kollaterali li sofrew in-nisa, il-bniet u t-tfal, b'mod partikolari ż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-inċidenza dejjem akbar taż-żwieġ prekoċi, it-tqala f'età prematura u mhux mixtieqa u l-aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa, inklużi dawk tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, iżda wkoll l-espożizzjoni tan-nisa għall-COVID-19 minħabba r-rappreżentanza sproporzjonatament għolja tagħhom fil-forza tax-xogħol globali tas-saħħa; josserva li, f'bosta pajjiżi sħab, in-nisa huma impjegati f'setturi bi prevalenza femminili, bħall-industrija tal-ħwejjeġ li kienu s-setturi li l-aktar intlaqtu b'mod iebes; jenfasizza l-bżonn li l-NDICI-Global Europe jistimola l-opportunitajiet ta' xogħol femminili wara l-kriżi; jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi bbilanċjat il-piż sproporzjonat tal-assistenza li jġorru fuq spallejhom in-nisa u kwalunkwe rigress potenzjali fis-sikurezza, is-saħħa, l-emanċipazzjoni, l-indipendenza ekonomika u l-għoti tas-setgħa, u l-edukazzjoni, permezz ta' programmi speċifiċi bħall-inizjattiva Spotlight u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III, billi l-appoġġ Ewropew jiġi orjentat mill-ġdid; jitlob li l-isforzi jiġu intensifikati biex ikun hemm prevenzjoni aħjar tal-vjolenza domestika kif ukoll biex din tiġi indirizzata aħjar; jitlob il-parteċipazzjoni sinifikanti tan-nisa fid-deċiżjonijiet li għandhom impatt fuq is-saħħa u l-ħajja tax-xogħol tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi inkluża l-perspettiva tal-ġeneru fir-risposta tal-UE għall-COVID-19, li jiġu promossi organi deċiżjonali inklużivi u li tinġabar data diżaggregata skont is-sess u l-età għall-analiżi tal-ġeneru;

41.  Ifakkar li l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija qegħdin jolqtu b'mod sporpozjonat in-nisa u jirriskjaw li jxejnu deċennji ta' progress f'dawk li huma ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri, biex tiġi indirizzata din l-isfida u jiġi żgurat sostenn lill-irkupru, iżidu s-sostenn estern tagħhom għal azzjonijiet immirati li jsaħħu l-vuċi u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi deċiżjonali, itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ għan-nisa, ineħħu d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kreditu u jipprevedu liġijiet kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

Servizz tad-dejn u baġits sodi

42.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sospensjoni temporanja tal-pagamenti tas-servizzi tad-dejn għall-pajjiżi l-aktar foqra mħabbra mill-G20 u jingħaqad mal-appell biex il-kredituri privati u l-banek kummerċjali statali jagħmlu l-istess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Inizjattiva tal-G20 dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) u tal-Qafas Komuni tal-G20 għat-Trattament tad-Dejn lil hinn mid-DSSI; jissottolinja li l-kobor tal-kriżi ekonomika u soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirrikjedi miżuri aktar profondi u ambizzjużi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi internazzjonali f'dan ir-rigward; iqis li l-imgħax iffrankat bis-saħħa ta' din is-sospensjoni għandu minflok jiġi investit fis-settur tas-saħħa, li spiss jingħata ħafna inqas finanzjamenti milli jeħtieġ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsostnu wkoll inizjattivi fil-livell internazzjonali li jipproponu mekkaniżmi flessibbli ta' tnaqqis tad-dejn marbuta mal-ħolqien ta' fondi tal-kontroparti fil-valuta lokali għall-promozzjoni ta' investimenti mmirati lejn l-ilħuq tal-SDGs;

43.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw diġà kellhom livelli ferm għoljin ta' dejn qabel il-pandemija, u għalhekk kienu jevitaw l-investimenti xierqa fil-prevenzjoni tal-kriżi, fis-sistemi tas-saħħa u fil-protezzjoni soċjali; jissottolinja l-importanza li tiġi indirizzata b'mod prijoritarju s-sostenibbiltà tad-dejn fil-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi ġodda biex tindirizza l-problemi tal-flussi finanzjarji illeċiti, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa sabiex jittejbu l-bażijiet tat-taxxa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-UE tiżgura li l-ftehimiet tagħha fil-qasam tal-kummerċ, taxxa doppja u tal-investimenti jkunu konsistenti mal-objettiv tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni tal-pajjiżi AKP u jissarrfu f'riżultati tanġibbli u sostenibbli f'termini ta' żvilupp, bi qbil mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, minqux fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona; jappella, fuq livell aktar ġenerali, biex jinħoloq organu globali tat-taxxa fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti li jgħin fil-koordinament tal-politiki fil-qasam tat-taxxa; jitlob, barra minn hekk, li l-appoġġ baġitarju jkun indirizzat lejn is-servizzi bażiċi universali, b'mod partikolari l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa bażiċi, għall-ilma u għas-servizzi tas-sanità u għar-reżiljenza;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi aktar sostenn għall-pajjiżi l-aktar fraġli, biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u jfornu l-aċċess għall-assistenza tas-saħħa, mingħajr ma jittraskuraw l-isfidi eżistenti bħall-faqar estrem, is-sigurtà, l-aċċess għal edukazzjoni u għal impjiegi ta' kwalità, id-demokrazija, l-opportunitajiet indaqs u t-tibdil fil-klima;

45.  Jenfasizza li flussi mnaqqsa ta' rimessi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jaqilbu għall-agħar il-kundizzjonijiet ta' ħajja ta' dawk li jiddependu minn dan is-sors ta' introjtu biex jiffinanzjaw il-konsum ta' prodotti u servizzi bħal ikel, servizzi tas-saħħa u edukazzjoni; iħeġġeġ għaldaqstant lill-UE u lill-komunità tad-donaturi jieħdu azzjonijiet deċiżivi biex iżommu l-wegħda li jikkontribwixxu biex inaqqsu l-kost tal-ispejjeż tar-rimessi qrib iż-żero, u almenu fi 3 %, kif mitlub fl-SDG nru 10;

Edukazzjoni u diġitalizzazzjoni

46.  Jissottolinja l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet biex għadd bla preċedent ta' studenti jitilfu xhur ta' skola, li jikkostitwixxi ostaklu kbir fl-isforzi fis-settur tal-edukazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-edukazzjoni tan-nisa, tal-bniet u tal-persuni spostati; iħeġġeġ lill-gvernijiet jużaw l-għeluq tal-iskejjel biss bħala l-aħħar riżorsa fil-ġlieda kontra l-pandemija; isostni t-tkomplija tal-investimenti fl-edukazzjoni f'każ ta' emerġenzi u f'kuntesti umanitarji oħrajn kif ukoll l-għoti ta' prijorità lil dawn l-investimenti; jitlob li l-edukazzjoni tinżamm prijorità għall-infiq fil-politika tal-iżvilupp tal-UE u li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-funzjoni soċjali u kulturali tal-iskejjel; iħeġġeġ lill-gvernijiet, b'dan il-kuntest, jagħtu prijorità lis-sostenn lit-tfal l-aktar emarġinati u lill-familji tagħhom, peress li l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali huma profondament marbuta mat-tluq bikri mill-iskola u mir-rendiment skars sa mit-tfulija bikrija, li jikkompromettu l-prospettivi ta' impjegabbiltà fl-età adulta; jisħaq fuq il-fatt li t-tfal li jinsab fl-akbar riskju, speċjalment dawk b'diżabbiltà u li jgħixu f'żoni milquta minn kunflitti, huma dawk li ntlaqtu bl-aktar mod iebes minn din il-pandemija; jirrakkomanda li l-UE ssostni l-azzjonijiet tal-UNICEF u li l-pajjiżi tal-UE jikkondividu l-approċċi tagħhom biex it-tagħlim jibqa' għaddej anki fi żminijiet ta' kriżi, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jisfruttaw il-potenzjal tal-apprendiment mill-bogħod (applikazzjonijiet offline, radju, televiżjoni, materjal stampat) u diġitali fil-programmi ta' appoġġ internazzjonali tagħhom ħalli l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew mingħajr edukazzjoni; jappoġġa għalhekk aċċess miftuħ, sikur u bi prezz baxx għall-internet (inkluża d-data mobbli) u aċċess indaqs għat-teknoloġija diġitali, kif ukoll użu u ħolqien ekwi tagħha, biex jonqos id-distakk diġitali, anki dak marbut mal-ġeneru u mal-età, u biex ikunu inklużi fit-trasformazzjoni diġitali anki l-persuni l-aktar żvantaġġati u emarġinati;

47.  Jitlob li l-kultura titqies għall-valur intrinsiku tagħha bħala r-raba' pilastru awtonomu trasversali tal-iżvilupp sostenibbli flimkien mad-dimensjonijiet soċjali, ekonomika u ambjentali; jitlob lill-UE tintegra s-sostenibbiltà kulturali fil-livell kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tinkludi b'mod sistematiku d-dimensjoni kulturali fin-negozjati għall-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, fir-relazzjonijiet esterni kollha tagħha u fl-istrumenti ta' politika barranija kollha tagħha;

48.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u tar-rikwalifikazzjoni, anki fit-tul wara l-pandemija tal-COVID-19, peress li mhux biss se ssir prattika komuni, iżda wkoll rekwiżit neċessarju għaċ-ċittadini li jaħdmu, minħabba r-rapidità li biha tevolvi t-teknoloġija;

49.  Jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn li jingħata sostenn u rikonoxximent lill-għalliema, li r-rwol ċentrali tagħhom fl-edukazzjoni u fil-bini ta' ċittadinanza attiva kompla ġie enfasizzat mill-pandemija; jevidenzja l-bżonn li jsiru investimenti fit-taħriġ tal-għalliema biex ikunu ppreparati adegwatament għall-mudelli l-ġodda ta' apprendiment bħall-apprendiment elettroniku u l-apprendiment imħallat, bħala rekwiżiti biex tkun żgurata l-kontinwità tal-edukazzjoni meta ma jkun possibbli li jsir tagħlim bil-preżenza fiżika;

50.  Jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u tal-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment matul żminijiet ta' kriżi u inċertezza;

51.  Jiġbed l-attenzjoni għall-prezz għoli li ħallsu s-setturi kulturali u kreattivi, mis-siti patrimonju tal-umanità, mill-patrimonju kulturali intanġibbli u mit-turiżmu kulturali fid-dinja kollha, u aktar u aktar fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, fejn dawn is-setturi huma partikolarment fraġli; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jfornu għajnuna finanzjarja lil dawn is-setturi fil-kuntest tal-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, permezz ta' fondi ddedikati bi prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi, barra minn assistenza teknika, inklużi inizjattivi ta' appoġġ diġitali, biex jittaffa l-impatt negattiv tal-miżuri ta' lockdown, u biex jinħolqu sinerġiji bejn il-gvernijiet lokali, l-organizzazzjonijiet kulturali u l-NGOs, minn naħa, u d-delegazzjonijiet tal-UE u l-fergħat barranin tal-istituti tal-kultura tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra;

52.  Ifakkar li l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija lis-settur tal-edukazzjoni naqset kostantement f'dawn l-aħħar għaxar snin; jitlob lill-Istati Membri jinvestu 10 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fis-settur tal-edukazzjoni sal-2024 u 15 % sal-2030, inklużi investimenti għal-edukazzjoni, għall-infrastruttura u għall-konnettività diġitali, bil-għan li jonqos id-distakk diġitali li jħarrax l-iżvantaġġi soċjoekonomiċi;

Reżiljenza

53.  Jissottolinja l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki mal-pajjiżi sħab u tal-għoti tal-għajnuna lilhom (inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali tagħhom) kif ukoll tal-iskambju tal-aħjar prattiki mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-għoti tal-għajnuna lilhom fl-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, fil-bini ta' mekkaniżmi ta' prevenzjoni u ta' risposta għall-kriżijiet kif ukoll fil-protezzjoni tal-infrastruttura kritika sabiex jiġu indirizzati aħjar ix-xokkijiet sistemiċi futuri ta' kull tip; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jiġi adottati approċċ "saħħa waħda" mill-gvern ċentrali sal-livell tal-komunità, għal finijiet ta' prevenzjoni jew ta' ġlieda kontra ż-żoonożijiet;

54.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, minħabba l-bidliet li jġib miegħu t-tibdil fil-klima, mal-kriżi kkawżata mill-COVID-19 jistgħu jiżdiedu fenomeni meteoroloġiċi estremi, li jkunu jqiegħdu ulterjorment taħt pressjoni l-ekonomiji u l-funzjonament tal-Istati kif ukoll il-forniment tal-għajnuna umanitarja; jesiġi, għalhekk, li l-istrateġija ta' rkupru trid issegwi l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima; iqis, barra minn hekk, li l-miżuri ta' stimolu ekonomiku jmisshom iwittu t-triq għal futur b'emissjonijiet żero u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u jitlob sostenn għall-konservazzjoni tal-varjetajiet ta' żrieragħ previsti mit-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-pjanti għall-Ikel u Agrikoltura li jistgħu jgħinu lill-komunitajiet f'każ ta' diżastri kkawżati mit-tibdil fil-klima jerġgħu jiżirgħu l-varjetajiet;

55.  Iqis li l-pandemija toffrilna opportunità li nibnu mill-ġdid aħjar u li l-politiki umanitarji u ta' żvilupp tal-UE għandhom isostnu dan l-objettiv fil-pajjiżi sħab; jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li jingħata sostenn lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-progress lejn l-ekonomija diġitali f'oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni u servizzi pubbliċi oħra; jilqa' pożittivament il-varar tal-pjattaforma Digital4Development (D4D) f'Diċembru 2020 u jinkoraġġixxi lill-UE tagħmel aktar investimenti fl-isforzi ta' diġitalizzazzjoni tal-pajjiżi sħab, anki billi tirrikorri għal investimenti fis-settur privat;

56.  Ifakkar li r-reżiljenza fl-aħħar mill-aħħar hija kkaratterizzata kemm minn tħejjija ġenerali kif ukoll mill-kapaċità ta' adattament għal ċirkostanzi ġodda; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-komunitajiet kapaċi jadattaw is-soluzzjonijiet tagħhom għall-kuntest speċifiku tagħhom huma aktar involuti fil-fażi kollha tal-irkupru u fl-aħħar mill-aħħar isiru aktar b'saħħithom; jissottolinja li t-tegħlib ta' din il-kriżi fi spirtu ta' solidarjetà ma' sħabna se jsaħħaħ u jagħmel aktar reżiljenti r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

57.  Ifakkar li l-investimenti tas-settur privat jafu jiżvolġu rwol importanti fil-kontribut lejn l-irkupru ekonomiku u l-ilħuq tal-SDGs, fid-dawl taż-żieda fil-bżonnijiet ġġenerata mill-pandemjia; jitlob li r-rwol tas-settur privat u tal-finanza mħallta jkun eżaminat ulterjorment bħala parti mill-isforzi ta' rkupru u ta' konsolidament tar-reżiljenza;

58.  Jinnota li l-pandemiji spiss ikunu ta' oriġini żoonotika; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li jiġu appoġġati programmi edukattivi rigward il-perikli tal-kaċċa u l-kummerċ tal-annimali selvaġġi kif ukoll il-protezzjoni aktar stretta tal-ekosistemi u l-ħabitats kif ukoll dawk maħsub biex jerġgħu jġibu tali ekosistemi u ħabitats, u li jiġu indirizzati l-isfidi li toħloq il-biedja industrijali; jitlob li jiżdied is-sostenn lill-pajjiżi sħab fil-ġlieda tagħhom kontra l-kaċċa illegali u t-traffikar ta' annimali selvaġġi, filwaqt li tiġi żgurata, b'mod partikolari, l-inklużjoni tal-komunitajiet lokali fil-ħarsien tal-fawna selvaġġa; iqis li jeħtieġ li jingħataw aktar fondi tal-UE favur ir-riċerka antiċipatorja dwar ir-rabtiet bejn is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ekosistemi bil-għan li titjieb il-kapaċità li tingħata risposta lill-kriżijiet tas-saħħa futuri maħluqa minn mutazzjonijiet virali ta' oriġini żoonotika;

59.  Huwa tal-fehma li r-reżiljenza kontra kriżijiet tas-saħħa futuri trid tinbena anki fuq ir-riċerka dwar il-mard li jikkawża regolarment tifqigħat mortali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jiddispjaċih bil-fatt li r-riċerka għadha insuffiċjenti biex tiżviluppa vaċċini kapaċi jipprevjenu effikaċement mard rikorrenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-malarja u z-Zika; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiffinanzjaw aktar ir-riċerka dwar l-iżvilupp ta' vaċċini li jistgħu jevitaw tifqigħat futuri kkawżati minn dan il-mard;

60.  Jinnota li, anki fi żminijiet ta' kriżi, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel iridu jkunu prijorità assoluta; jikkunsidra li għandha titnaqqas id-dipendenza minn sorsi esterni ta' ikel, pjanti, żrieragħ u fertilizzanti, filwaqt għandha tiżdied li l-produzzjoni agrikola lokali u diversifikata; jilqa' favorevolment f'dan ir-rigward is-sostenn tal-UE għall-agroekoloġija, li jeħtieġ li tissaħħaħ ulterjorment; jitlob li jkun hemm sostenn bil-għan li jiġi kondiviż l-għarfien rigward iż-żrieragħ il-ġodda, dawk il-qodma u dawl agroekoloġiċi aktar reżiljenti;

61.  Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma storikament vulnerabbli għax-xokkijiet esterni, minħabba l-esportazzjonijiet skarsi u ekonomiji inqas diversifikati; jenfasizza, għalhekk, li waħda mill-isfidi ewlenin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija li jitilgħu l-katina ta' valur mondjali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika u jaqilbu minn mudell ta' produzzjoni orjentat lejn l-esportazzjonijiet għal żvilupp ibbażat fuq is-swieq nazzjonali u reġjonali; jenfasizza, għal dan l-iskop, ir-rwol fundamentali tal-kooperazzjoni fl-ekonomija reġjonali, tal-politiki industrijali nazzjonali u tal-promozzjoni tal-investimenti biex tiżdied l-awtonomija nazzjonali jew reġjonali fil-produzzjoni ta' prodotti u servizzi essenzjali; iqis li huwa essenzjali, f'dan il-kuntest, li jiġu sfruttati l-finanzjamenti u l-prattiki kummerċjali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-istandards ta' sostenibbiltà fil-katina tal-investimenti kollha kemm hi; itenni li d-diliġenza dovuta obbligatorja tal-kumpaniji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent hija kundizzjoni neċessarja għall-prevenzjoni u għat-taffija tal-kriżijiet futuri u għall-garanzija ta' katini tal-valur sostenibbli;

62.  Jissottolinja li l-investimenti fl-azzjonijiet ta' rkupru jeħtieġu jkunu responsabbli, bi qbil mal-Linji Gwida Volontarji tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-kuntest tas-sigurtà alimentari nazzjonali u tal-Prinċipji ta' Investiment Responsabbli fis-Sistemi Agroalimentari tal-istess Kumitat, bil-għan li jittaffa t-tibdil fil-klima u titrawwem ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet vulnerabbli;

63.  Jitlob lill-UE aktar integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fl-azzjonijiet maħsuba għall-promozzjoni tar-reżiljenza u tat-tħejjija għad-diżastri naturali direttament fis-setturi soċjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-WASH, in-nutrizzjoni, il-protezzjoni soċjali tat-tfal;

Ir-rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi

64.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni tar-rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi għandha tkun prijorità fil-programmazzjoni tal-NDICI-Global Europe fil-pajjiżi fraġli; jistieden lid-DĠ ECHO, lid-DĠ INTPA u lid-DĠ NEAR tal-Kummissjoni jimplimentaw programmi komplementari adatti għall-kuntesti lokali u għall-opportunitajiet lokali, kull fejn ikun possibbli, sabiex isaħħu b'mod reċiproku l-aspetti differenti tar-rabta;

65.  Jissottolinja l-bżonn li ssir ħidma flimkien mal-komunitajiet lokali u mal-OSĊ fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tar-risposta għall-kriżi tal-COVID-19; jenfasizza r-rwol tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa u jsostni l-OSĊ fil-post u jagħti assistenza lill-persuni fil-bżonn;

66.  Jitlob l-awtonomizzazzjoni tal-komunitajiet lokali u l-impenn tagħhom fl-azzjonijiet umanitarji u ta' żvilupp, flimkien mal-OSĊ lokali, inklużi l-knejjes, l-organizzazzjonijiet ta' ispirazzjoni reliġjuża u rappreżentanti lokali oħra;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

(1) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 2.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza