Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta (COM(2020)0453 – C9-0153/2020 – 2020/0100(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0453),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 322(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0153/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-24 ta' Settembru 2020(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2020(2),
– wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-5 ta’ Mejju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0195/2020),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament u l-Kummissjoni annessa ma 'din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sostanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sostanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku taħt il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/1229.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni
F'każ li r-riżorsi kumulattivi mistennija mid-dħul assenjat ikunu sostanzjalment differenti mill-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1)(2), il-Parlament Ewropew, abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni, jidentifika u jappoġġa l-allokazzjoni għall-faċilità ta' self għas-settur pubbliku, f'konformità mal-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ta' riżorsi komplementari meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-faċilità ta' self tas-settur pubbliku u tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħha. Il-proposta tal-Kummissjoni se tkun konsistenti mal-qafas finanzjarju pluriennali u mhux se tikkomprometti l-implimentazzjoni tal-programmi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/...(3)+.
Ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'… dwar il-faċilità ta' self tas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta (ĠU ... ).
+ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS 33/21 (2020/0100(COD)) u daħħal in-numru, id-data, u r-referenza tal-ĠU ta' dak ir-Regolament fin-nota f'qiegħ il-paġna.