Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar ir-Rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt (2021/2025(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 5, 6, 7 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli tat-TFUE relatati mar-rispett lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħhom, inklużi l-Artikoli 70, 258, 259, 260, 263 u 265 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-Trattati,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 TUE, il-kriterji ta' Copenhagen, u l-korp tar-regoli tal-Unjoni li pajjiż kandidat jeħtieġlu jissodisfa jekk ikun jixtieq jissieħeb fl-Unjoni (l-acquis),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 dwar ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt – is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea (COM(2020)0580),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(1) (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014(2),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-istrumenti tan-NU dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-Eżami Perjodiku Universali tan-NU, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-korpi tat-trattati tan-NU u l-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Marzu 1999,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali, ir-Rappreżentant għal-Libertà tal-Media u korpi oħra tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Soċjali Ewropea, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, il-Kumitat ta' Tmexxija dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, id-Diversità u l-Inklużjoni, il-Kummissjoni ta' Venezja u korpi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Mejju 2007 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa 2020-2022,
– wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,
– wara li kkunsidra s-sett ta' għodod tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Istati Membri bl-isem "Respecting democracy, rule of law and human rights in the framework of the COVID-19 sanitary crisis" (Ir-Rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tal-kriżi sanitarja tal-COVID-19) tas-7 ta' April 2020,
– wara li kkunsidra r-Rapport Interim dwar il-miżuri meħuda fl-Istati Membri tal-UE b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħhom fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, adottat mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-124 Sessjoni Plenarja tagħha fit-8 ta' Ottubru 2020,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2020 mill-organizzazzjonijiet sieħba għall-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti,
– wara li kkunsidra l-proposta raġunata tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, maħruġa f'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (COM(2017)0835),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2019 bit-titolu "It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni – Pjan ta' azzjoni" (COM(2019)0343),
– wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2020,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu", li pproponiet l-istabbiliment ta' forum annwali dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' Ġunju 2020 bit-titolu "National developments from a civil society perspective, 2018-2019" (Żviluppi nazzjonali minn perspettiva tas-soċjetà ċivili, 2018-2019),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali tas-17 ta' Jannar 2018 intitolat "Sfidi li qed jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-UE", il-bullettini tagħha ppubblikati fl-2020 dwar l-implikazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-pandemija tal-COVID-19 fl-UE , u r-rapporti, id-data u l-għodod l-oħra tagħha, b'mod partikolari s-Sistema ta' Informazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali (EFRIS),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali tal-10 ta' Settembru 2020 bit-titolu '' L-Antisemitiżmu: Ħarsa ġenerali dwar il-każijiet ta' antisemitiżmu rreġistrati fl-Unjoni Ewropea'';
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi bit-titolu "Beijing +25: the fifth review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States" (Beijing +25: il-ħames rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE), ippubblikat fil-5 ta' Marzu 2020,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar l-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt tas-16 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal 2021‑2024, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021‑2030,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu 2020-2025 u l-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-Ugwaljanza, għall-Inklużjoni u għall-Parteċipazzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit Strument għall-Valuri Ewropej biex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-valuri fundamentali fl-Unjoni Ewropea fil-livell lokali u nazzjonali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u Martina Kušnírová(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar l-istat tad-dritt fir-Rumanija(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f'Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2018(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(16),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd(17),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali(18),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja(19),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali(20),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Bulgarija(21),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-tisħiħ tal-libertà tal-media: il-Protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ewropa, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u r-rwol tal-pjattaformi(22),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar is-sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali għas-snin 2018-2019(23),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istrument tal-UE għall-Irkupru u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt(24),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ(25),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità marbut mal-Istat tad-Dritt(26),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f'Malta(27),
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew li takkumpanja r-rapport ta' inizjattiva leġiżlattiva dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni Preliminari dwar il-valur miżjud Ewropew ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tat-23 ta' April 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0199/2021),
A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri komuni minquxa fl-Artikolu 2 TUE dwar ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi – valuri komuni għall-Istati Membri tal-UE u li magħhom jeħtiġilhom jaderixxu l-pajjiżi kandidati sabiex jissieħbu fl-Unjoni; billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma valuri li jsaħħu lil xulxin u li, meta jiġu mminati, jistgħu jkunu ta' theddida sistemika għall-Unjoni; billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa vinkolanti għall-Unjoni fit-totalità tagħha, u l-Istati Membri tagħha fil-livelli kollha ta' governanza, inklużi entitajiet subnazzjonali;
B. billi ċ-ċiklu annwali tar-rieżami tal-istat tad-dritt huwa żieda pożittiva għall-għodod disponibbli biex jiġu ppreservati l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 TUE, billi tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE abbażi ta' erba' pilastri, b'impatt dirett fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt; billi dan huwa maħsub bħala ċiklu annwali biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt u jipprevjeni li jfeġġu problemi jew li l-problemi jaggravaw.
C. billi l-ewwel Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt (rapport tal-2020) huwa limitat fl-ambitu tiegħu, peress li ma jkoprix il-valuri kollha tal-UE kif previst fl-Artikolu 2 TUE;
D. billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet integrata kompletament fit-trattati u għalhekk minn hawn 'il quddiem hija ġuridikament vinkolanti għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll għall-Istati Membri meta tiġi applikata l-leġiżlazzjoni tal-UE; billi trid tiġi żviluppata, imrawma u msaħħa kultura tad-drittijiet fundamentali ġenwina mhux biss fl-istituzzjonijiet tal-UE, iżda wkoll fl-Istati Membri, partikolarment meta dawn japplikaw id-dritt tal-Unjoni internament u fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE;
E. billi, filwaqt li r-rapport tal-2020 iqajjem tħassib u sensibilizzazzjoni, huwa ma jipprovdix valutazzjoni suffiċjenti tal-effikaċja tal-bidliet imwettqa minn kull pajjiż, u lanqas ma jipprovdi rakkomandazzjonijiet konkreti speċifiċi għall-pajjiż jew eżami tal-konformità ta' pajjiż mal-istat tad-dritt wara ċertu perjodu ta' żmien, u dan jista' jipperikola l-effetti preventivi intenzjonati tiegħu;
F. billi mingħajr segwitu effettiv permezz ta' monitoraġġ annwali, ir-rapport tal-2020 jista' jonqos milli jipprevjeni, jidentifika jew jindirizza b'mod effettiv l-isfidi sistemiċi u r-rigress tal-istat tad-dritt kif deher f'diversi Stati Membri tal-UE f'dawn l-aħħar snin; billi ż-żamma tal-istat tad-dritt hija prekundizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba u għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
G. billi f'dawn l-aħħar ftit snin, diversi riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament identifikaw kwistjonijiet serji dwar l-istat tad-dritt f'għadd ta' Stati Membri(28);
H. billi r-rigress tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali f'uħud mill-pajjiżi qed jaffettwa serjament il-fiduċja reċiproka fil-funzjonament tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u jhedded l-objettivi tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 3 TUE, kif muri minn diversi każijiet fejn il-Mandat ta' Arrest Ewropew tqiegħed taħt pressjoni minħabba dubji serji dwar l-indipendenza tal-ġudikatura;
I. billi l-istituzzjonijiet tal-ombudsperson u l-korpi tal-ugwaljanza fl-Istati Membri jiżvolġu rwol essenzjali fis-salvagwardja tal-prinċipji ewlenin tal-Istat tad-Dritt, bħat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-proċess ġust;
J. billi l-miżuri ta' emerġenza meħuda b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 affettwaw l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, bħad-dritt għall-moviment ħieles, l-aċċess għall-ġustizzja, l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, il-privatezza, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda, u kellhom ukoll impatt fuq il-kontrolli u l-bilanċi demokratiċi; billi għalhekk huwa kruċjali li jiġi żgurat li jkun hemm kontrolli u bilanċi effettivi fuq l-azzjonijiet tal-gvernijiet biex jiddefendu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;
K. billi l-klassifikazzjonijiet internazzjonali tal-libertà tal-istampa ta' diversi Stati Membri naqsu u l-vjolenza kontra l-ġurnalisti żdiedet; billi t-theddid għal-libertà tal-media jinkludi fastidju u attakki mmirati lejn il-ġurnalisti, nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-protezzjoni legali tal-ġurnalisti kif ukoll il-ħakma tal-media jew azzjonijiet immotivati ekonomikament jew politikament fis-settur tal-media; billi l-iżviluppi preokkupanti intiżi biex jonħqu l-liberta tal-kelma u l-libertà tal-istampa jikkostitwixxu eżempju ħażin fi ħdan l-UE u l-kandidati għall-adeżjoni tal-UE;
L. billi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi eżistenti u jiġi żviluppat mekkaniżmu effettiv tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali biex jiġi żgurat li l-prinċipji u l-valuri minquxa fit-Trattati jiġu rrispettati madwar l-Unjoni kollha;
M. billi r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi huwa wieħed mill-kriterji politiċi li pajjiż kandidat għall-adeżjoni jeħtieġlu jissodisfa fiż-żmien tal-adeżjoni; billi l-Unjoni għandha rwol importanti fl-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi fil-pajjiżi kandidati; billi l-Parlament diġà talab lill-Kummissjoni(29) biex tadotta qafas komuni ta 'standards minimi tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, li jkunu integrati b'mod qawwi f'qafas legali li jiggarantixxi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali madwar l-Unjoni;
I.Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt: lezzjonijiet għall-2021
1. Jilqa' l-ewwel rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt; iqis fundamentali li tiġi stabbilita arkitettura Ewropea għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-istat tad-dritt fl-Unjoni; itenni l-importanza li jiġu identifikati r-riskji minn qabel u jiġi prevenut il-ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt minflok reazzjoni ex post meta tali ksur jiġi ripetut; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-iżvilupp ulterjuri ta' din l-għodda l-ġdida;
2. Jilqa' l-fatt li l-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu tal-media u ċerti kwistjonijiet istituzzjonali relatati mas-sistema ta' kontrolli u bilanċi, inkluż, sa ċertu punt, l-ispazju ċiviku, huma kollha parti mill-ħarsa ġenerali annwali tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; jappella, barra minn hekk, għall-inklużjoni fir-rapporti annwali ta' ċerti elementi importanti tal-Lista ta' Kontroll tal-Istat tad-Dritt tal-2016 tal-Kummissjoni ta' Venezja, bħal salvagwardji legali biex jiġu evitati l-arbitrarjetà u l-abbuż tas-setgħa mill-awtoritajiet pubbliċi, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-professjoni legali u l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u n-nondiskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza wkoll xejriet pożittivi fl-Istati Membri li jistgħu jservu ta' eżempji tajbin biex oħrajn isegwuhom;
3. Jinnota b'sodisfazzjoni li r-rapport fih kapitoli speċifiċi għall-pajjiż; ifaħħar l-isforzi tal-Kummissjoni li tinvolvi l-gvernijiet nazzjonali u l-parlamenti nazzjonali kif ukoll is-soċjetà ċivili u atturi nazzjonali oħra; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni twettaq aktar sforzi biex tapprofondixxi l-analiżi tal-pajjiż bil-għan li tivvaluta aħjar il-gravità tal-isfidi tal-istat tad-dritt; jemmen li għandu jkun dedikat aktar żmien għaż-żjajjar tal-pajjiżi mill-Kummissjoni, anki fuq il-post, sabiex jinkisbu involviment u djalogu usa' mal-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili; iqis li l-Kummissjoni għandha tqajjem aktar sensibilizzazzjoni ta' tali żjajjar biex trawwem il-kultura tal-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali;
4. Jilqa' l-fatt li l-Istati Membri kollha huma skrutinizzati skont l-istess indikaturi u metodoloġija; jenfasizza, madankollu, li l-preżentazzjoni ta' ksur ta' natura differenti bl-istess mod jissogra li l-aktar ksur serju tal-istat tad-dritt jiġi trivjalizzat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel differenzja fir-rappurtar tagħha billi tiddistingwi bejn ksur sistemiku tal-istat tad-dritt u ksur individwali u iżolat; jisħaq il-benefiċċji preventivi potenzjali tar-rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt; iqis li hija meħtieġa evalwazzjoni aktar bir-reqqa biex jiġi vvalutat jekk ir-rapport kellux effett preventiv suffiċenti; iqis li huwa ċar li fi kwalunkwe każ dan mhuwiex il-każ fir-rigward tal-Istati Membri skont il-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE; jemmen li r-rapport tal-2020 kellu jipprovdi valutazzjonijiet aktar fil-fond u trasparenti, li jiddikjaraw jekk kienx hemm nuqqasijiet serji, riskju ta' ksur serju jew ksur reali tal-valuri tal-UE f'kull wieħed mill-pilastri analizzati fil-kapitoli tal-pajjiżi; iqis li dawn il-valutazzjonijiet huma meħtieġa biex jiġu fformulati konklużjonijiet dwar l-istat tad-dritt u jiġu identifikati azzjonijiet ta' segwitu u miżuri u għodod ta' rimedju; jappella għal approċċ sintetiku fir-rapporti futuri sabiex jiġi identifikat b'mod ċar fejn jinsabu l-aktar riskji u problemi sinifikanti fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-metodoloġija tagħha skont dan u żżomm lill-Parlament informat mingħajr dewmien żejjed;
5. Iqis li r-rapport tal-2020 huwa wisq deskrittiv u ma jipprovdix biżżejjed analiżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel rapporti futuri aktar analitiċi; iqis li huwa neċessarju li r-rapporti futuri jkun fihom rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar kif għandu jiġi indirizzat it-tħassib identifikat jew rimedjat il-ksur, inklużi l-iskadenzi għall-implimentazzjoni, fejn xieraq, u l-parametri referenzjarji li għandhom jiġu segwiti; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapporti indikazzjonijiet tas-segwitu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-azzjoni ta' rimedju tagħha;
6. Huwa kkonċernat dwar l-effetti sekondarji tal-qerda tal-libertà tal-media f'oqsma oħra analizzati fir-rapport; iqis li kampanji ta' malafama kontra akkademiċi, ġurnalisti, imħallfin, professjonisti legali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u attivisti, b'mod partikolari kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs), iservu biex jillimitaw l-indipendenza u l-kapaċità tagħhom li jaġixxu, b'effetti dissważivi;
7. Jappella, għalhekk, għal analiżi aktar integrata dwar l-interkonnessjonijiet bejn l-erba' pilastri inklużi fir-rapport u dwar kif in-nuqqasijiet ikkombinati jistgħu jammontaw għal ksur sistemiku tal-istat tad-dritt jew riskji tiegħu, u għal sinjalazzjoni jekk dawk qed jaffettwaw jew hemm ir-riskju li jaffettwaw l-interess finanzjarju tal-Unjoni;
8. Iqis li r-rapporti annwali għandhom jidentifikaw xejriet trażversali fil-livell tal-UE; jemmen li perspettiva għall-UE kollha hija nieqsa mir-rapport tal-2020; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika każijiet fejn ċerti miżuri jew prattiki li jimminaw l-istat tad-dritt, il-libertà tal-media, il-kontrolli u l-bilanċi jew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi Stat Membru qed isiru blueprints għal oħrajn, jew meta l-gravità u l-ambitu ta' tali prattiki jkollhom il-potenzjal li jaffettwaw lill-Unjoni kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif attakki bħal dawn jikkompromettu l-kwalità tad-demokrazija fl-Unjoni; jistieden li l-analiżi tar-rapporti jagħtu prijorità lil dawn ix-xejriet, inklużi l-isfidi dejjem akbar mill-qrati kostituzzjonali nazzjonali għall-arkitettura legali tal-UE, sabiex jiggwidaw azzjoni ta' rimedju fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi eżempji ċari ta' kampanji ta' diżinformazzjoni sistematika u interferenza barranija li għandhom l-għan li jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-Istat u l-media indipendenti, hekk kif iressqu lill-Istati Membri lejn strutturi ta' governanza awtoritarja;
9. Jesprimi dispjaċir li mhux il-kwistjonijiet kollha relatati mal-istat tad-dritt ġew koperti b'mod suffiċjentement dettaljat mir-rapport tal-2020; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għarfien espert speċifiku għal kull pajjiż u kapaċità ta' reazzjoni aktar rapida għall-iżviluppi negattivi fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-istat tad-dritt fl-UE;
10. Jisħaq li l-liġijiet tal-Istati Membri, ir-rispett tal-istat tad-dritt, il-kontrolli u l-bilanċi, u l-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluża l-indipendenza tagħhom, għandhom ikunu funzjonali mhux biss de jure iżda wkoll de facto;
Sistemi ġudizzjarji
11. Jilqa' l-monitoraġġ tal-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, inklużi s-servizzi ta' prosekuzzjoni nazzjonali u l-kapċità tagħhom li jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja effikaċi biex jiżguraw il-konformità tal-liġi tal-UE; iqis li l-ambjent abilitanti biex jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd għandu jiġi mmonitorjat ukoll, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell tal-UE u l-isforzi u r-riżorsi ddekati għall-garanzija tal-aċċess għall-ġustizzja; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' rimedju dirett disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom kif ipprovdut mill-Karta; iqis li r-rapporti għandhom imorru lil hinn minn stampa annwali statika u jinkludu kwalunkwe informazzjoni rilevanti fil-kapitoli tal-pajjiż dwar l-istat tal-istat tad-dritt, inkluż dwar l-anteċedenti relevanti u l-kuntest politiku li fih iseħħu żviluppi ġodda, sabiex jippermettu valutazzjoni preċiża, dinamika u integrali tal-indipendenza de jure u de facto tas-sistemi ġudizzjarji, inkluża l-indipendenza tal-avukati u l-professjoni legali, u għandhom ikopru perjodu itwal ta' żmien milli sempliċement it-12-il xahar preċedenti; jenfasizza li għandhom jiġu ggarantiti standards adegwati tal-istat tad-dritt għaċ-ċittadini u r-residenti tal-UE matul l-eżerċizzju tagħhom tad-dritt tal-libertà tal-moviment fi ħdan l-UE; jisħaq li l-aċċess effettiv għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha huwa l-pedament tal-istat tad-dritt li, minħabba l-vulnerabilità tagħhom, irid ikun garantit b'mod speċjali għall-ħaddiema staġonali u l-ħaddiema transfruntiera meta jwettqu attività professjonali fi Stat Membru ieħor;
12. Jisħaq li sistemi ġudizzjarji effettivi, indipendenti u effiċjenti huma essenzjali biex jiġi difiż l-istat tad-dritt; ifakkar li l-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni tinkludi sistemi ġudizzjarji nazzjonali; jissottolinja l-fatt li sabiex jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, is-sistemi ġudizzjarji u l-imħallfin jeħtiġilhom ikunu indipendenti u għalhekk protetti minn kwalunkwe tip ta' pressjoni, theddida jew interferenza – kemm diretta kif ukoll indiretta – minn kwalunkwe persuna, inklużi l-awtoritajiet politiċi; jilqa' l-fatt li l-kompożizzjoni tal-korpi ġudizzjarji, il-metodi ta' ħatra, flimkien mal-mekkaniżmi li jirregolaw it-tul tas-servizz u r-raġunijiet għar-rifjut u t-tkeċċija, l-avvanz fil-karriera, il-proċeduri dixxiplinari u s-sanzjonijiet, ġew identifikati wkoll bħala indikaturi tal-indipendenza ġudizzjarja; jisħaq li l-monitoraġġ ta' dawn il-parametri jrid jkun kostanti u integrat f'valutazzjoni komprensiva tal-kontrolli u l-bilanċi kollha, filwaqt li ma jkunx hemm iffukar biss fuq numru limitat ta' parametri, sabiex jiġi vverifikat l-istat veru ta' indipendenza tal-ġudikatura fl-Istati Membri;
13. Jinnota li r-rapport tal-2020 jindirizza b'mod korrett id-diġitalizzazzjoni meħtieġa tal-proċedimenti tal-ġustizzja u t-taħriġ għall-imħallfin; ifakkar li għad hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fil-livell ta' parteċipazzjoni fit-taħriġ iddedikat għall-professjonijiet legali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rapport ma jsemmix it-taħriġ għall-avukati;
14. Jinsab allarmat bid-deterjorament qawwi tal-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji ta' wħud mill-Istati Membri u ż-żieda aperta fin-nuqqas ta' konformità mad-dritt tal-Unjoni, inklużi sentenzi tal-QĠUE; jinnota li l-indipendenza ġudizzjarja għadha s-suġġett ta' tħassib serju f'uħud mill-Istati Membri, kif rifless f'xi kapitoli tal-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tidentifika b'mod ċar tali nuqqasijiet u sejbiet identifikati bħala riskju ċar ta' ksur serju tal-istat tad-dritt; jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tirreaġixxi fil-pront u b'mezzi legali fir-rigward tar-riskji serji rigward l-istat tad-dritt identifikati fil-kapitoli tal-pajjiżi, b'mod partikolari wara li dawn ir-riskji serji jkunu saru ksur reali tal-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni sinifikattiva, sempliċi u ċara tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali differenti, biex jenfasizza fejn jistgħu jiġu applikati l-aħjar prattiki għal sistemi komparabbli u kif nuqqasijiet simili jistgħu jiġu indirizzati;
15. Jissottolinja li, f'konformità mal-Artikolu 17(1) TUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-leġiżlazzjoni sekondarja, inkluż f'każijiet fejn ir-riskji ta' ksur serju tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, identifikati fil-kapitoli tal-pajjiżi, ikunu mmaterjalizzaw b'mod effettiv wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2020;
16. Jikkundanna l-pressjoni politika applikata fl-Ungerija u l-Polonja biex tipprevjeni lill-qrati nazzjonali milli jibdew proċeduri ta' deċiżjoni preliminari quddiem il-QĠUE skont l-Artikolu 267 TFUE, li hija maħsuba biex twaqqaf lill-imħallfin nazzjonali milli jagħmlu mistoqsijiet lill-QĠUE fir-rigward tar-rekwiżiti tal-UE dwar l-indipendenza ġudizzjarja; iqis li din il-prattika tmur kontra t-Trattati u l-interpretazzjoni stabbilita tal-QĠUE tad-dispożizzjonijiet rilevanti; jinsab ixxukkjat bin-nuqqas ta' konformità intenzjonat u dejjem jikber mad-deċiżjonijiet tal-QĠUE; jemmen li dawn l-iżviluppi illegali huma ta' theddida sistemika għall-għaqda u l-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni u għall-funzjonament tal-Unjoni bħala tali; jistieden lill-Kummissjoni biex fir-rapporti futuri tagħha tinkludi data dettaljata dwar il-konformità tal-Istati Membri mad-deċiżjonijiet tal-QĠUE; iqis, għalhekk, li r-rapporti annwali li ġejjin għandhom iqisu n-nuqqas li jiġu rispettati d-deċiżjonijiet tal-QĠUE bħala ksur serju fil-valutazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura risponsi legali immedjati u adegwati għal rifjut ta' implimentazzjoni u rispett tas-sentenzi tal-QĠUE, bħal pereżempju azzjonijiet tal-qorti skont l-Artikolu 260 TFUE; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib is-sentenzi tal-qrati nazzjonali rigward il-primat tal-liġi tal-UE fuq in-normi kostituzzjonali nazzjonali u biex tibda proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li jiksru b'mod konsistenti dan il-prinċipju; jiddeplora, barra minn hekk, it-talba li saret mill-Prim Ministru tal-Polonja lit-Tribunal Kostituzzjonali biex jiddeċiedi dwar il-primat tan-normi kostituzzjonali nazzjonali fuq il-liġi tal-UE;
17. Jinnota li d-dewmien fil-proċeduri ġudizzjarji ċivili, kriminali u amministrattivi jikkostitwixxi periklu kbir, mhux l-inqas għar-rispett tal-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni biex fir-rapporti futuri tagħha tinkludi evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet, ix-xogħol ġudizzjarju li waqa' lura u t-tul medju tal-proċessi għal kull Stat Membru;
Qafas kontra l-korruzzjoni
18. Jilqa' d-dedikazzjoni ta' kapitolu speċifiku għall-isforzi kontra l-korruzzjoni f'kull kapitolu tal-pajjiżi peress li l-korruzzjoni sistemika ddgħajjef kemm il-funzjonament tal-istat tad-dritt kif ukoll il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet, l-impjegati taċ-ċivil u l-ġudikatura; jisħaq li l-korruzzjoni, billi tuża fondi pubbliċi għal skopijiet differenti mill-użu pubbliku li huma maħsuba għalihom, tnaqqas il-livell u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, u għaldaqstant iddgħajjef id-drittijiet fundamentali; jirrimarka li filwaqt li l-eżistenza ta' leġiżlazzjoni, politiki u strateġiji nazzjonali kontra l-korruzzjoni tista' titqies bħala progress, l-implimentazzjoni tagħhom u l-effikaċja sussegwenti tagħhom fil-prattika huma kruċjali għall-istat tad-dritt, u jridu jiġu vvalutati wkoll; jissottolinja li oqfsa kontra l-korruzzjoni għandhom ikopru oqsma bħal regoli etiċi, miżuri ta' sensibilizzazzjoni, regoli dwar l-iżvelar tal-assi, inkompatibilitajiet u kunflitti ta' interess, l-akkwist pubbliku, mekkaniżmi ta' kontroll intern, regoli dwar il-lobbying, u revolving doors. jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ifasslu għodod effettivi biex jipprevjenu, jidentifikaw ir-riskju, iwaqqfu u jissanzjonaw każijiet ta' korruzzjoni u frodi, kif ukoll mekkaniżmi biex jirkupraw il-profitti minn dawk il-każijiet, b'mod partikolari billi jimmonitorjaw regolarment l-użu tal-fondi pubbliċi kemm tal-UE kif ukoll nazzjonali; jinnota li valutazzjoni tar-reżiljenza tal-qafas kontra l-korruzzjoni biex jiġu indirizzati r-riskji relatati mal‑korruzzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku għadha fil-biċċa l-kbira nieqsa mir-rapport tal-2020;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel enfażi akbar fuq l-użu ħażin tal-fondi tal-UE, b'mod partikolari fid-dawl tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, u tirrieżamina l-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni pubblika f'kull Stat Membru fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-frodi, inkluża l-frodi tat-taxxa, il-korruzzjoni jew ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riskju li potenzjalment qed jiżdied li l-baġit tal-Unjoni jintuża ħażin bħala mezz biex jiddgħajjef l-istat tad-dritt f'xi Stati Membri;
20. Jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddida dejjem tikber ta' reati relatati mal-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna u ttejjeb il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-korruzzjoni fejn meħtieġ, billi tuża s-sejbiet tar-rapport biex twieġeb aħjar għan-nuqqasijiet identifikati, u biex tadotta sett xieraq ta' politiki għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni ġudizzjarja fl-Istati Membri; jissottolinja l-perikli taż-żieda tal-korruzzjoni għall-koeżjoni tal-ordni legali tal-Unjoni, l-effettività tal-politiki komuni tagħha, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-kredibilità internazzjonali tagħha u l-funzjonament tas-suq intern tagħha, fejn ir-rispett għall-istat tad-dritt għandu rwol importanti; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddeskrivi l-aħjar prattiki, tidentifika oqsma li huma partikolarment suxxettibbli għall-korruzzjoni u tfassal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal titjib, u biex tuża dak l-għarfien biex taġġorna u ttejjeb il-qafas tal-Unjoni kontra l-korruzzjoni;
21. Ifakkar ir-rwol ewlieni ta' informaturi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u r-reati ta' ħasil tal-flus;
22. Iwissi li n-nuqqas ta' statistika uniformi, aġġornata u konsolidata madwar l-Istati Membri kollha, flimkien ma' sfidi fil-ġbir ta' informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-programmi tal-UE, ifixklu l-valutazzjoni u t-tqabbil ta' data dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati ta' korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tappoġġja u tippromwovi l-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet ta' tali reati madwar l-Unjoni, u biex jiġi żgurat użu aħjar ta' settijiet ta' data eżistenti u l-metodoloġija għall-iżvilupp ta' settijiet ta' data ġodda sabiex tinkiseb data komparattiva madwar l-UE dwar it-trattament ta' każijiet ta' korruzzjoni; jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġjata u msaħħa l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u, b'mod partikolari, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tirrikjedi mhux biss mandat b'saħħtu, iżda wkoll baġit ħafna akbar, riżorsi u kwalunkwe tip ta' appoġġ meħtieġ għall-istituzzjonijiet u l-korpi msemmija hawn fuq;
Libertà tal-espressjoni: il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, il-libertà artistika u akkademika
23. Jilqa' l-inklużjoni fir-rapport ta' kapitolu speċifiku dwar il-monitoraġġ tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media; jilqa', b'mod partikolari, l-enfażi fuq is-sikurezza tal-ġurnalisti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-oqfsa nazzjonali għall-protezzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media; jisħaq li l-importanza li tiġi evalwata u ssorveljata s-sitwazzjoni tal-media fl-Istati Membri, b'mod partikolari billi jiġu eżaminati l-miżuri meħuda minn kwalunkwe gvern biex isikket il-media kritika u/jew biex jimmina l-libertà u l-pluraliżmu, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' konċentrazzjoni ulterjuri ta' informazzjoni f'idejn ftit, li jista' jxekkel il-firxa ta' informazzjoni ħielsa u indipendenti;
24. Jiddeplora n-nuqqas ta' valutazzjoni tas-servizz pubbliku u s-settur tal-media privata fil-livell nazzjonali u l-grad ta' indipendenza de jure u de facto tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali, partiti politiċi jew kwalunkwe interferenza oħra, inkluż in-nuqqas ta' valutazzjoni ta' kunflitti ta' interess potenzjali u tal-konċentrazzjoni tal-media u t-trasparenza tas-sjieda tal-media; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-indipendenza finanzjarja u l-kundizzjonijiet għal attività sostenibbli minn operaturi tal-media privati biex jiġi evitat il-qbid politiku tal-media; jisħaq fuq ir-rwol insostitwibbli tal-media tas-servizz pubbliku u jisħaq li huwa essenzjali li tiġi żgurata u miżmuma l-indipendenza u l-libertà tagħha mill-indħil politiku; jiddeplora n-nuqqas ta' valutazzjoni tal-grad ta' indipendenza de jure u de facto tal-korpi regolatorji tal-media nazzjonali; jemmen li l-implimentazzjoni xierqa tal-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tal-2018(30) għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib u li, fejn ikun ġustifikat, il-proċeduri ta' ksur għandhom jinbdew malajr wara dan il-proċess; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex teżamina t-tentattivi biex jiġu intimidati u malfamati l-ġurnalisti, b'mod partikolari minn xandara tas-servizz pubbliku, inklużi attakki diretti fuq ġurnalisti barranin bħala għedewwa pubbliċi għar-rapporti investigattivi tagħhom;
25. Jinsab allarmat bid-deterjorament dejjem jikber tal-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media f'uħud mill-Istati Membri mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2020; huwa mħasseb ħafna dwar it-theddid fiżiku, psikoloġiku u ekonomiku, l-abbużi, ir-reati u l-assassinji li qed jitwettqu kontra ġurnalisti u ħaddiema tal-media fl-Unjoni b'reazzjoni għall-attivitajiet tagħhom u jfakkar li attakki bħal dawn spiss iwasslu għall-awtoċensura; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-kapitoli tal-pajjiżi ta' rapporti futuri ħarsa ġenerali lejn l-attakki kontra ġurnalisti madwar l-Unjoni, b'attenzjoni speċifika fuq l-assassinji tal-ġurnalisti, inkluża l-indipendenza effettiva minn indħil politiku tal-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali sussegwenti, u t-tweġibiet mogħtija mill-Istati Membri f'dan ir-rigward;
26. Josserva bi tħassib li l-isfidi għal-libertà tal-media huma interkonnessi mill-qrib mal-imminar tal-libertà artistika u tal-libertà akkademika; jitlob, għalhekk, li dan il-pilastru jiġi estiż għall-aspetti kollha tal-libertà tal-espressjoni, inkluża l-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda, u li t-titolu tal-pilastru jiġi adattat b'mod korrispondenti;
27. Jesprimi tħassib dwar l-użu ta' miżuri legali mill-gvernijiet u minn individwi b'saħħithom biex isikktu l-kritiċi, bħal SLAPPs jew liġijiet li jillimitaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni b'mod li ma jkunx kompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-individwi; jistieden lill-Istati Membri jilleġiżlaw sabiex jipproteġu lill-ġurnalisti minn din il-prattika; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE kontra s-SLAPP sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti minn kawżi vessatorji;
28. Josserva li d-deterjorament tal-libertà tal-media qed iwassal għal żieda f'każijiet fejn il-minoranzi jkunu fil-mira u jingħataw it-tort minkejja li ma jkollhomx ħtija, każijiet li ħafna drabi jkunu mmexxija mill-gvern, pereżempju kontra persuni LGBTI, migranti u rifuġjati, li jwasslu għal żieda fid-diskors ta' mibegħda kontra dawn il-gruppi u ċ-ċensura tal-media; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta f'rapporti futuri l-effett li għandhom ir-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda fuq id-diskriminazzjoni;
Kwistjonijiet istituzzjonali oħra marbuta mal-kontrolli u l-bilanċi, inkluża l-protezzjoni ta' spazju ċiviku abilitanti
29. Jilqa' l-pilastru tar-rapport dwar il-kontrolli u l-bilanċi u l-eżami tiegħu tal-miżuri eċċezzjonali meħuda biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19; ifakkar li l-miżuri ta' emerġenza mmexxija mill-gvern li jirrispettaw l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-obbligu ta' rendikont demokratiku huma meħtieġa biex tiġi miġġielda l-pandemija u dawn għandhom ikunu l-qofol ta' kull sforz biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-COVID-19; iqis li s-setgħat ta' emerġenza jirrikjedu skrutinju addizzjonali sabiex jiġi żgurat li ma jintużawx bħala skuża biex jinbidel il-bilanċ tal-poter b'mod iżjed permanenti; jinsab allarmat dwar l-użu ta' miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19 bħala skuża biex titħaffef leġiżlazzjoni diskriminatorja; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-monitoraġġ tagħha ta' miżuri eċċezzjonali biex tiżgura li l-abbozzi ta' liġi jkunu ppreparati u ppromulgati f'waqthom u b'mod trasparenti sabiex ikunu neċessarji, proporzjonati, soċjalment ġusti u temporanji u li l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju ma jkunx affettwat b'mod sproporzjonat mill-għeluq tal-qrati; jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-iskrutinju parlamentari u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja t-tneħħija gradwali f'waqtha tal-miżuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE jiġu rispettati, protetti u mħarsa mill-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 u lil hinn minnha;
30. Ifakkar l-importanza tal-istituzzjonijiet nazzjonali indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-korpi tal-ombudsperson, f'konformità sħiħa mal-Prinċipji ta' Pariġi, kif ukoll tal-korpi tal-ugwaljanza, għall-preservazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u għall-ħila li jiddefendu l-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; jinsab imħasseb ħafna bit-tentattivi reċenti fil-Polonja biex idgħajfu l-indipendenza mill-eżekuttiv tal-ombudsman nazzjonali; jilqa' r-referenza għar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-ombudsperson fir-rapport tal-2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni, fiċ-ċiklu annwali li jmiss, għall-attivitajiet tal-ombudspersons nazzjonali u tal-korpi ta' ugwaljanza billi tħares aktar fil-fond lejn kif jiffunzjonaw, il-grad ta' indipendenza tagħhom u l-kontribut reali tagħhom biex jiżguraw li jkun hemm salvagwardji adegwati; jisħaq, b'mod partikolari, id-deterjorament tal-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza ta' xi Stati Membri mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2020, li jikkostitwixxi theddida immedjata għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili indipendenti f'xi Stati Membri, b'mod partikolari għad-drittijiet tan-nisa, il-minoranzi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-kriminalizzazzjoni tal-attivitajiet, piżijiet amministrattivi mhux raġonevoli, restrizzjonijiet fl-aċċess għall-finanzjament, tnaqqis fl-appoġġ finanzjarju għat-twettiq tal-attivitajiet ta' promozzjoni, u restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-għaqda u tal-organizzazzjoni;
31. Jisħaq fuq l-importanza ta' spazju ċiviku b'saħħtu għall-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-valuri tal-UE u biex il-gvernijiet jinżammu responsabbli fir-rigward tal-aderenza tagħhom magħhom, kif ukoll biex jiġi kontrobilanċjat it-tnaqqir tal-istat tad-dritt u titrawwem kultura tal-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-valutazzjoni tagħha tal-ispazju ċiviku fir-rapport tal-2021; iqis li huwa ta' benefiċċju li tiġi esplorata d-definizzjoni ta' parametri referenzjarji ċari fuq spazju ċiviku li jippermetti li jkompli jissaħħaħ dan il-qasam ta' analiżi fit-tul, inkluż, fost oqsma oħra, ambjent legali li jippermetti l-eżerċizzju tal-libertajiet ċiviċi, qafas għall-vijabilità finanzjarja u s-sostenibbiltà tal-organizzazzjonijiet ċiviċi, inkluża l-kwistjoni ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi organizzati mill-gvern (GONGOs), aċċess għal u parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet, id-dritt għal aċċess għal informazzjoni, spazju sigur, inkluż fir-rigward ta' inċidenzi ta' u reazzjonijiet għal attakki verbali u fiżiċi , kampanji ta' malafama, u fastidju legali, amministrattiv u fiskali inkluż minn SLAPPs, l-effetti dissważivi li joħolqu, u l-konsegwenzi fit-tul tagħhom f'termini ta' ċittadinanza attiva f'pajjiż ieħor; itenni li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta fir-rapporti futuri tagħha jekk l-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi miċ-ċittadini tal-UE huwiex garantit fl-Istati Membri kollha;
32. Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-Ungerija naqset milli timplimenta sentenza tal-QĠUE fir-rigward tar-restrizzjonijiet kontra l-liġi imposti fuq il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet ċivili minn persuni stabbiliti barra l-Ungerija, li fih innifsu jikkostitwixxi ksur serju tal-istat tad-dritt, serva biex jipperpetwa l-proċess ta' spazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirreferi lill-Ungerija quddiem il-QĠUE u titlob sanzjonijiet finanzjarji dissważivi skont l-Artikolu 260 TFUE bħala kwistjoni ta' urġenza; jinnota bi tħassib li għadd dejjem jikber ta' Stati Membri qed jadottaw leġiżlazzjoni li tillimita b'mod sever il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u b'hekk tikkontribwixxi għal spazju għas-soċjetà ċivili li kulma jmur qed jiċkien;
33. Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li r-rapport jonqos milli jirrikonoxxi f'termini ċari l-proċess deliberat ta' rigress demokratiku u tal-istat tad-dritt organizzat mill-awtoritajiet nazzjonali f'xi Stati Membri tal-UE u l-istabbiliment progressiv konsegwenti ta' reġimi awtokratiċi jew semi-awtokratiċi, imsejsa fuq il-qerda gradwali tal-kontrolli u l-bilanċi kollha; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi u tqis id-diversi rapporti annwali u indiċijiet minn organizzazzjonijiet rispettati u stabbiliti li jkejlu l-aderenza tal-Istati Membri għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem matul iż-żmien;
Ambitu tar-rapport – l-oqsma neqsin
34. Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li r-rapport tal-2020 jonqos milli jinkludi bis-sħiħ il-valuri tal-Artikolu 2 TUE tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, li huma immedjatament affettwati meta l-pajjiżi jibdew imorru lura fil-livell tal-istat tad-dritt;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli tal-pajjiż għal kull pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali għall-UE, b'analiżi fil-fond tas-sistemi ġudizzjarji, l-oqfsa kontra l-korruzzjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, u l-kontrolli u bilanċi istituzzjonali tagħhom;
36. Itenni r-rabta intrinsika li teżisti bejn l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 TUE u fil-Karta; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tinkludi fl-ambitu tar-rapporti futuri l-applikazzjoni tad-drittijiet kollha ggarantiti mill-Karta; jisħaq li kwalunkwe azzjoni meħuda minn Stat Membru meta jkun qed jaġixxi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni trid tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta; jinsisti, għalhekk, li tinżamm ir-rabta bejn il-ħarsien tal-istat tad-dritt u l-ugwaljanza quddiem il-liġi, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal indipendenti u imparzjali, id-dritt għal proċess ġust, u d-dritt li wieħed jingħata parir, jiġi difiż u rappreżentat, kif ukoll l-għoti ta' għajnuna legali indipendenti lil dawk li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti, u d-dritt għal amministrazzjoni tajba kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta;
37. Jiddenunzja b'mod qawwi l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali mhumiex rispettati bis-sħiħ f'xi Stati Membri tal-UE, pereżempju fil-qasam tal-antidiskriminazzjoni jew fil-qasam tal-ażil, bħan-nuqqas tal-Ungerija li timplimenta bosta sentenzi tal-QĠUE u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura tal-ażil, inkluża d-detenzjoni awtomatika u illegali u ċ-ċaħda tal-ikel, li tikser id-drittijiet tal-migranti u dawk li jfittxu l-ażil li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali;
38. Jissottolinja t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabilità, tfal, minoranzi reliġjużi, partikolarment fi żmien ta' antisemitiżmu u iżlamofobija li qed jiżdiedu fl-Ewropa, Roma u persuni oħra li jappartjenu għal minoranzi etniċi u lingwistiċi, migranti, persuni li jfittxu ażil, ir-refuġjati, il-persuni LGBTI+ u l-anzjani kif ukoll in-nisa, ikomplu jaraw li d-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati bis-sħiħ madwar l-Unjoni bi ksur tal-Artikolu 2 TUE; jenfasizza r-rabta ovvja bejn l-istandards tal-istat tad-dritt li qed jiddeterjoraw u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-minoranzi fl-Istati Membri kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ksur persistenti tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali madwar l-Unjoni, inklużi l-attakki kontra persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;
39. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħabbret l-istrateġija tagħha biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta; iqis li l-iffukar fuq suġġett wieħed definit minn qabel kull sena ma jippermettix li jiġi enfasizzat ksur serju ieħor tal-Karta li jseħħ f'sena partikolari; jemmen li tali rieżami annwali għandu jipprovdi kontribut għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ komprensiv u li l-metodoloġija, iċ-ċiklu u l-ambitu tiegħu għandhom għalhekk jiġu allinjati mar-rapporti annwali; jesprimi dispjaċir u tħassib dwar in-nuqqas ta' rieda tal-Kummissjoni li tibda proċedimenti ta' ksur fir-rigward tal-ksur tal-Karta;
40. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rapporti annwali dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-ugwaljanza u d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;
41. Jindika li l-mekkaniżmu ta' rappurtar annwali tal-Unjoni għandu jikkonsolida u jieħu post l-istrumenti eżistenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, b'mod partikolari r-rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt, il-Qafas tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni, ir-rappurtar annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta, id-Djalogu tal-Kunsill dwar l-Istat tad-Dritt u l-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, filwaqt li jiżgura komplementarjetà u konsistenza akbar b'għodod oħra disponibbli, fosthom il-proċeduri skont l-Artikolu 7 TUE, il-proċedimenti ta' ksur u l-kundizzjonalità baġitarja; iqis li t-tliet istituzzjonijiet għandhom jużaw is-sejbiet taċ-ċiklu annwali ta' monitoraġġ fil-valutazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-iskattar tal-Artikolu 7 TUE u tal-kondizzjonalità baġitarja; jisħaq li r-rwoli u l-prerogattivi ta' kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet iridu jiġu rrispettati; jimpenja ruħu li jgħaqqad ix-xogħol annwali tiegħu dwar l-istat tad-dritt u r-rapporti tad-drittijiet fundamentali f'ċiklu ta' monitoraġġ annwali usa' tal-Artikolu 2 TUE, u li jibda jaħdem fuqu immedjatament wara li l-Kummissjoni tkun ippubblikat ir-rapport tagħha dwar l-istat tad-dritt;
42. Jitlob li ssir evalwazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-kamp ta' applikazzjoni tal-klawżola ta' nondiskriminazzjoni fil-Karta huwiex wiesa' biżżejjed biex l-infurzar tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri u fl-Unjoni jkun konsistenti mal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, u x'azzjonijiet ulterjuri jistgħu jieħdu l-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw li tiġi applikata b'mod adegwat; ifakkar li filwaqt li l-Karta hija applikata biss mill-awtoritajiet ġudizzjarji meta jimplimentaw il-liġi tal-UE, huwa importanti li d-drittijiet li jinsabu fil-Karta dejjem jitqiesu fil-proċedimenti sabiex titrawwem kultura komuni tal-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tikkunsidra wkoll moduli ta' taħriġ iffukati fuq il-Karta għall-imħallfin u għall-operaturi fil-qasam legali;
Sorsi u metodoloġija tar-rapport
43. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu regolari, inklużiv u strutturat mal-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, l-NGOs, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-ombudspersons u l-korpi tal-ugwaljanza, l-assoċjazzjonijiet professjonali u partijiet ikkonċernati oħra; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippermetti r-rappurtar kemm pubbliku kif ukoll kunfidenzjali sabiex tipproteġi u tappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ispeċjalisti tal-istat tad-dritt f'riskju ta' SLAPPs, prosekuzzjoni jew fastidju mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-instituri tagħhom; filwaqt li jilqa' l-fatt li 24-il Stat Membru għamlu pubbliċi b'mod trasparenti s-sottomissjonijiet tagħhom għar-rapport tal-2020, jesprimi dispjaċir li tliet Stati Membri rrifjutaw li jagħmlu dan; jitlob trasparenza sħiħa fil-proċess u li s-sottomissjonijiet kollha tal-Istati Membri jsiru pubbliċi; iqis li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti mill-qrib fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu ta' rieżami;
44. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ma kkonsultatx lill-partijiet ikkonċernati, inkluż il-Parlament, dwar l-iżvilupp tal-metodoloġija u l-proċess ta' tħejjija tar-rapport tal-2020, u li ma fittxitx li tikseb feedback dwar it-tħaddim tagħhom;
45. Ifakkar li l-Kummissjoni jeħtiġilha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi rilevanti u istituzzjonijiet rikonoxxuti; ifakkar li s-sejbiet tal-korpi internazzjonali rilevanti, bħal dawk taħt l-awspiċji tan-NU, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, huma ta' importanza kruċjali għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri; jemmen li l-EFRIS hija sors ta 'informazzjoni f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tistieden lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali tipprovdi pariri metodoloġiċi u twettaq riċerka komparattiva mmirata biex timla l-lakuni u żżid dettall f'oqsma ewlenin tar-rapport dwar l-istat tad-dritt; jisħaq il-ħtieġa li jiġi involut panel ta' esperti indipendenti f'kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kummissjoni ta' Venezja fir-rapport dwar l-istat tad-dritt, sabiex jgħin jidentifika l-iżviluppi pożittivi u negattivi ewlenin f'kull Stat Membru;
46. Jisħaq li s-soċjetà ċivili hija sieħba ewlenija biex jiġu identifikati każijiet ta' ksur tal-istat tad-dritt u jiġu promossi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali; jemmen bis-sħiħ li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu formali u kontinwu mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar dawn il-kwistjonijiet u tiżgura l-involviment sinifikattiv tagħhom fit-tfassil tar-rapport annwali dwar l-istat tad-dritt; jenfasizza f'dan ir-rigward, li abbażi tal-esperjenza tal-NGOs miċ-ċiklu tal-2020, li konsultazzjonijiet strutturati tematikament fi ħdan il-qafas tad-dibattiti dwar l-istat tad-dritt iżidu l-effiċjenza tal-proċess u l-ammont ta' feedback ta' valur pprovdut mis-soċjetà ċivili; jisħaq li l-kwestjonarju ta' konsultazzjoni għandu jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jirrappurtaw aspetti lil hinn mill-ambitu previst mill-Kummissjoni peress u dan jista' jgħin biex jiġi vvalutat aktar jekk l-arranġamenti kostituzzjonali jipprovdux mekkaniżmi effiċjenti biex jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa;
47. Iqis li l-perjodi ta' żmien għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili ta' spiss jistgħu jitqiesu bħala qosra wisq u għandhom ikunu adattati u flessibbli b'mod xieraq sabiex jippermettu kontribut sħiħ u komprensiv; jirrimarka li dan għamilha aktar diffiċli għall-partijiet ikkonċernati, speċjalment għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex iħejju u jippjanaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom kif ukoll għall-attivitajiet domestiċi ta' sensibilizzazzjoni li beħsiebhom isegwu għat-tnedija tar-rapport; jinnota li l-organizzazzjoni ta' konsultazzjonijiet qabel ir-rilaxx annwali tal-istatistika pubblika tfaqqar il-kontribuzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tippermetti sottomissjonijiet multilingwi; jissuġġerixxi li l-qafas għall-kontribuzzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jsir prevedibbli u inqas riġidu; jinnota li l-konsultazzjoni tista' tittejjeb billi, fost sforzi oħra, jiġi żgurat segwitu mal-atturi tas-soċjetà ċivili dwar il-kontribut li jipprovdu;
48. Iqis li l-kooperazzjoni fiċ-ċiklu ta' monitoraġġ annwali mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Assemblea Parlamentari tiegħu, inkluż permezz ta' sħubija aktar strutturata, hija ta' rilevanza partikolari għall-avvanz tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-kapitoli tal-pajjiżi data dwar in-nuqqas ta' konformità mas‑sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ivvalutat mill-Kumitat tal-Ministri; ifakkar li l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali hija obbligu legali stabbilit fl-Artikolu 6(2) TUE; itenni l-ħtieġa għal konklużjoni rapida tal-proċess ta' adeżjoni sabiex jiġi żgurat qafas konsistenti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar l-Ewropa u biex tissaħħaħ aktar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni;
II.Aspetti istituzzjonali tal-mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali
49. Itenni l-istedini tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinsisti li jwieġbu b'mod pożittiv għas-sejħa tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 għal mekkaniżmu tal-UE konġunt dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li għandu jkopri l-ambitu sħiħ tal-valuri tal-Artikolu 2 TUE; itenni li tali mekkaniżmu huwa meħtieġ biex jissaħħu l-promozzjoni u r-rispett tal-valuri tal-UE; ifakkar li dan iċ-ċiklu annwali għandu jkun komprensiv, oġġettiv, imparzjali, ibbażat fuq l-evidenza u applikat b'mod ekwu u ġust għall-Istati Membri kollha;
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi
50. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi għal evalwazzjoni vera tas-sitwazzjoni ta' kull wieħed mill-valuri tal-Artikolu 2 TUE fl-Istati Membri u biex tadotta rakkomandazzjonijiet ċari speċifiċi għall‑pajjiż dwar kif jiġi indirizzat it-tħassib identifikat u jiġi rrimedjat il-ksur ikkonċernat, inklużi skadenzi għall-implimentazzjoni, fejn xieraq, u punti ta' riferiment li għandhom jiġu segwiti, inklużi l-iskedi ta' żmien, il-miri u l-azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu, sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fir-rapport; jitlob li dawn l-inizjattivi jiġu segwiti f'rapporti annwali jew urġenti sussegwenti;
51. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tallinja r-rakkomandazzjonijiet tagħha mal-għodod li jistgħu jiġu applikati biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet identifikati; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-segwitu tagħha tal-implimentazzjoni tal-kapitoli speċifiċi għall-pajjiż mill-Istati Membri kkonċernati u tattiva, meta jkun meħtieġ, għodod oħra tal-istat tad-dritt biex jinkisbu riżultati f'każ ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet; iqis li l-Kummissjoni tista' tagħmel aktar użu mill-azzjonijiet ta' ksur quddiem il-QĠUE; jissottolinja l-importanza li jiġu identifikati xejriet pożittivi u negattivi ċari f'kull Stat Membru, u l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lit-tqabbil mar-rapport tas-sena preċedenti;
Ftehim interistituzzjonali
52. Iqis li l-arranġament istituzzjonali eżistenti wara r-rapport annwali ma jilħaqx l-aspettattivi tal-Parlament; jistenna li t-tliet istituzzjonijiet joħolqu grupp ta' ħidma interistituzzjonali permanenti kif propost fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020;
53. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jidħlu minnufih f'negozjati mal-Parlament dwar ftehim interistituzzjonali skont l-Artikolu 295 TFUE sabiex jitlestew l-għodod eżistenti bl-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-istat tad-dritt, permezz ta' att legali li jorbot it-tliet istituzzjonijiet fi proċess aktar trasparenti u regolarizzat b'responsabbiltajiet definiti b'mod aktar ċar, li jinvolvu panel ta' esperti indipendenti biex jagħtu pariri lill-grupp ta' ħidma u lit-tliet istituzzjonijiet, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, sabiex jagħmlu l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri kollha tal-UE parti permanenti u viżibbli tal-aġenda tal-Unjoni; iqis li l-proposta stabbilita fl-Anness għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi bażi xierqa għal tali negozjati; iqis li sadanittant, proġett pilota li jinvolvi esperti indipendenti li jivvalutaw il-konformità mal-valuri tal-UE jista' jgħin biex jinbnew l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa;
Komplementarjetà ma' strumenti oħra tal-istat tad-dritt
54. Itenni li l-mekkaniżmu dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jridu jikkomplimentaw u jsaħħu – iżda bl-ebda mod jissostitwixxu – proċeduri kontinwi u futuri skont l-Artikolu 7 TUE; jesprimi dispjaċir kbir dwar l-inabilità tal-Kunsill li jagħmel progress sinifikattiv fl-infurzar tal-valuri tal-UE fil-proċeduri li għaddejjin tal-Artikolu 7 TUE; jinnota li l-eżitazzjoni min-naħa tal-Kunsill li japplika l-Artikolu 7 TUE b'mod effettiv fil-fatt qed tippermetti nuqqas ta' rispett kontinwu tal-valuri previsti fl-Artikolu 2 TUE, inkluż nuqqas ta' konformità sfaċċat mas-sentenzi tal-QĠUE u l-fastidju ta' dawk li jfittxu li jħarsu l-istat tad-dritt f'xi Stati Membri; jesprimi dispjaċir dwar in-nuqqas tal-Kunsill li jorganizza seduti ta' smigħ taħt il-pretest tal-COVID-19, minkejja l-fatt li ma hemm l-ebda obbligu legali li jirrikjedi seduti ta' smigħ personali minflok seduti permezz ta' vidjokonferenzjar; jitlob li kwalunkwe opinjoni legali maħruġa mis-servizz legali tal-Kunsill li targumenta mod ieħor għandha ssir pubblika; iħeġġeġ lill-Kunsill jimxi 'l quddiem bi proċedimenti skont l-Artikolu 7(1) TUE u jiżgura li s-seduti jerġgħu jibdew b'urġenza u jindirizzaw ukoll żviluppi ġodda; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kunsill biex jindirizza rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri inkwistjoni, kif stipulat fl-Artikolu 7(1) TUE, bħala segwitu għas-seduti ta' smigħ, u li jindika skadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden li ssir riflessjoni fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa dwar reviżjoni tal-Artikolu 7 TUE, inklużi r-rekwiżiti tal-votazzjoni, sabiex il-proċedura tagħha ssir aktar effettiva, b'attenzjoni partikolari biex tingħeleb l-unanimità għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet; jinsisti li r-rwol u l-kompetenzi tal-Parlament jiġu rispettati, b'mod partikolari d-dritt li jkun infurmat kif xieraq dwar il-proċeduri tal-istrumenti tal-istat tad-dritt, inklużi s-seduti ta' smigħ tal-Artikolu 7 TUE;
55. Jemmen li filwaqt li r-rapport annwali huwa għodda ta' monitoraġġ essenzjali, rakkomandazzjonijiet ċari dwar l-isfidi identifikati u l-azzjoni ta' segwitu meħtieġa huma indispensabbli; itenni li fil-każ ta' fallimenti biex jiġu implimentati n-nuqqasijiet u r-rakkomandazzjonijiet, ir-rapport annwali għandu jservi bħala bażi biex jiġi deċiż jekk għandux jiġi attivat strument rilevanti wieħed jew inkella diversi strumenti bħall-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità, jekk jiġix attivat il-Qafas tal-Istat tad-Dritt jew jekk jiġux imnedija proċeduri ta' ksur, inklużi proċeduri mħaffa, applikazzjonijiet għal miżuri interim quddiem il-QĠUE u azzjonijiet rigward in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' sentenzi tal-QĠUE dwar il-protezzjoni tal-valuri tal-UE; jisħaq li r-rapport għandu fi kwalunkwe każ ikun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet azzjonabbli, inklużi skadenzi għall-implimentazzjoni; ifakkar li l-azzjonijiet ta' ksur jistgħu jitniedu simultanjament fir-rigward ta' kwistjonijiet identifikati fil-proposti motivati tal-Artikolu 7(1) TUE kif diġà stabbilit mill-QĠUE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel użu b'saħħtu mill-proċeduri ta' ksur, fejn ikun xieraq, biex tipprevjeni r-rigress tal-istat tad-dritt fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali; iqis li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tikkonsolida aktar fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat il-prinċipju legali stabbilit sew dwar is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tikkunsidra t-tisħiħ tar-rwol tal-QĠUE fil-protezzjoni tal-valuri fundaturi tal-Unjoni;
56. Jilqa' l-fatt li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tidentifika d-drittijiet u l-valuri Ewropej, inkluż l-istat tad-dritt, bħala wieħed mis-suġġetti li se jiġu diskussi waqt il-konferenza; jistieden lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa biex tinkludi riflessjoni dwar l-effettività tal-għodod eżistenti tal-Unjoni għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-ksur tal-prinċipji tal-Artikolu 2 TUE u biex tippreżenta proposti konkreti għal azzjoni tanġibbli għat-tisħiħ tal-kaxxa tal-għodda tal-Unjoni;
57. Jisħaq li l-applikabbiltà, l-iskop u l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huma definiti b'mod ċar fit-test legali tar-Regolament (EU, Euratom) 2020/2092; jisħaq li r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt daħal fis-seħħ, ilu applikabbli direttament mill-1 ta' Jannar 2021 u jorbot fl-intier tiegħu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kollha fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari billi jkopri l-iżborż tal-fondi tan-Next Generation EU, u li l-applikazzjoni tiegħu mill-istituzzjonijiet tal-UE mhijiex soġġetta għall-adozzjoni ta' linji gwida jew interpretazzjoni ġudizzjarja; iqis li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 dwar ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt imorru kontra l-Artikoli 15 u 17 TUE u l-Artikolu 288 TFUE billi jintroduċu inċertezza legali bla bżonn fir-rigward tal-linji gwida addizzjonali tal-Kummissjoni u l-adozzjoni sospiża tar-regolament, fil-każijiet tal-Artikolu 263 TFUE, kif inhu l-każ bħalissa wara l-azzjonijiet reċenti għall-annullament ippreżentati mill-Ungerija u l-Polonja; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt biex tagħmel użu sħiħ mill-għodod ta' investigazzjoni eżistenti tagħha mingħajr aktar dewmien sabiex tindirizza nuqqasijiet fl-istat tad-dritt fl-Istati Membri li jistgħu jaffettwaw jew jirriskjaw serjament li jaffettwaw l-immaniġġjar finanzjarju sod tal-baġit tal-UE b'mod dirett biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni tapplika b'mod aktar vigoruż ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(31) u r-Regolament Finanzjarju(32) biex jiġi indirizzat l-użu diskriminatorju tal-fondi tal-UE, kif għamlet meta żammet fondi għall-gvernijiet muniċipali jew lokali li ddikjaraw lilhom infushom bħala "ħielsa mill-ideoloġija LGBTI";
58. Jistieden lill-Kummissjoni tuża s-sejbiet tar-rapport annwali fil-valutazzjoni tagħha li tifforma l-bażi tal-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-baġit kontra każijiet ta' ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt, kif ukoll fi kwalunkwe valutazzjoni rilevanti oħra għall-finijiet tal-għodod baġitarji eżistenti u futuri; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi fir-rapporti annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt sezzjoni ddedikata b'analiżi tal-każijiet fejn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru partikolari jista' jaffettwa jew jissogra serjament li jaffettwa l-immaniġġjar finanzjarju sod tal-baġit tal-UE b'mod dirett biżżejjed, li mbagħad jista' jservi bħala bażi biex jiskatta l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ is-sinerġiji bejn ir-rapporti annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt u r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-dritt, bl-użu tagħhom bħala għodod distinti iżda komplementari;
59. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni jeħtiġilha tuża r-rapport annwali dwar l-istat tad-dritt bħala sors importanti ta' informazzjoni meta tibni każijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-dritt, li għandu jinkludi, inter alia, informazzjoni minn rapporti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, OLAF u UPPE, rapporti tal-awditjar mill-Kummissjoni u awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar, sentenzi mill-QĠUE u qrati nazzjonali, analiżi mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u informazzjoni minn sistemi differenti bħas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u Esklużjoni għall-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni (EDES) u Arachne; jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara fil-metodoloġija użata r-rabta bejn ir-rapport dwar l-istat tad-dritt u l-mekkaniżmu tal-kondizzjonalità tal-istat tad-dritt; ifakkar li huwa essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji aħħarija jkunu protetti kif xieraq meta jiġu adottati miżuri f'każ ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt.
60. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kultura ta' rispett għall-valuri mnaqqxa fl-Artikolu 2 TUE, inkluż permezz ta' sforzi msaħħa biex tiġi promossa l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, inkluż dwar l-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi programm dedikat li jappoġġja inizjattivi innovattivi bil-għan li tiġi promossa l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu informazzjoni u finanzjament adegwati għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar l-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali u għall-ġurnaliżmu indipendenti, b'mod partikolari billi jagħmlu użu strateġiku mill-opportunitajiet ta' finanzjament skont ir-Regolament li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri biex jgħinhom iqajmu kuxjenza u jippromwovu l-valuri u l-għodod applikabbli tal-UE, inkluż ir-rapport annwali, biex jiġġieldu t-theddid għall-istat tad-dritt identifikat fir-rapport annwali, b'mod partikolari fejn ikunu ġew identifikati vjolazzjonijiet u nuqqasijiet; jistieden lill-Istati Membri jitgħallmu mill-aħjar prattiki u jindirizzaw il-lakuni identifikati u jadottaw miżuri biex itejbu s-sitwazzjoni fl-erba' pilastri ewlenin kollha identifikati fir-rapport dwar l-istat tad-dritt; jenfasizza l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE dwar il-mezzi u l-proċeduri disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-UE biex iġi salvagwardjat ir-rispett għall-istat tad-dritt u biex jiġu rrappurtati l-każijiet ta' ksur tiegħu;
III.Segwitu u impatt tar-rapport
61. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa f'rapporti suċċessivi kif il-kwistjonijiet identifikati fl-oqsma analizzati f'rapporti preċedenti evolvew, ġew solvuti, jirriskjaw li jiddeterjoraw jew iddeterjoraw aktar, biex tidentifika xejriet pożittivi u negattivi u kwistjonijiet trasversali, b'mod partikolari kwalunkwe xejriet sistemiċi jew rikorrenti ta' ksur tal-istat tad-dritt, u biex tressaq rakkomandazzjonijiet ċari biex tirrimedja kwalunkwe riskju jew rigress identifikat;
62. Jisħaq li l-importanza tal-promozzjoni tas-sejbiet tar-rapport annwali fil-livell nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni trawwem dibattitu dwar ir-rapport fil-parlamenti nazzjonali u tinvolvi ruħha mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-segwitu għar-rapport;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara fir-rapporti annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt li mhux in-nuqqasijiet u l-każijiet ta' ksur kollha tal-istat tad-dritt huma tal-istess natura u/jew intensità u li meta l-valuri elenkati fl-Artikolu 2 TUE jinkisru b'mod konsapevoli, gravi, permanenti u sistematiku tul perjodu ta' żmien, l-Istati Membri jistgħu jonqsu milli jissodisfaw il-kriterji kollha li jiddefinixxu demokrazija u jsiru reġimi awtoritarji; jisħaq li l-prijorità ewlenija tal-Kummissjoni għandha tkun li tinforza d-dritt tal-Unjoni meta jseħħ ksur tal-Artikolu 2 TUE u li r-rapporti annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt għandhom jikkontribwixxu prinċipalment għal dak il-għan; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tivvaluta l-pajjiżi skont il-proċedimenti li għaddejjin skont l-Artikolu 7 TUE, sabiex turi kif l-istat tad-dritt ġie mminat strutturalment biex tiffaċilita l‑konsolidazzjoni ta' strutturi ta' governanza bi stil awtoritarju;
64. Jissottolinja li dan ir-rapport għandu jservi bħala bażi għall-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet ta' segwitu mill-UE fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri fejn hemm dgħufijiet jew nuqqasijiet, u li l-kontribuzzjonijiet tiegħu għandhom ikunu parti ewlenija mill-mekkaniżmu ġenerali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali;
65. Jimpenja ruħu li jibda jaħdem fuq ir-rapport tal-2021 kmieni kemm jista' jkun wara l-pubblikazzjoni tiegħu;
o o o
66. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Ara, pereżempju, ir-riżoluzzjonijiet tiegħu msemmija hawnhekk tal-1 ta' Marzu 2018, tad-19 ta' April 2018, tat-13 ta' Novembru 2018, tat-28 ta' Marzu 2019, tat-18 ta' Diċembru 2019, tad-19 ta' Ġunju 2020, tat-8 ta' Ottubru 2020 u tad-29 ta' April 2021.