Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar l-idoneità regolatorja tal-Unjoni Ewropea u s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità - rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-snin 2017, 2018 u 2019 (2020/2262(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u l-verżjoni l-aktar reċenti, il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,
– wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi li ġew miftiehma fit-22 ta' Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f'każ ta' qbil fl-ewwel qari,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali 2017 tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (COM(2018)0490), ir-rapport annwali 2018 tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (COM(2019)0333) u r-rapport annwali 2019 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2020)0272),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitola "Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità: Insaħħu r-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-UE" (COM(2018)0703), u l-anness tagħha,
– wara li kkunsidra t-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar "Isir inqas b'mod iktar effiċjenti", li ppreżentat is-sejbiet tagħha fl-10 ta' Lulju 2018,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni, jiġifieri r-riżoluzzjoni tal-1 ta' Frar 2018 dwar it-tibdil tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej biex jiġu appoġġjati r-riformi strutturali(1), l-opinjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 dwar "Nirriflettu dwar l-Ewropa: leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea (CDR 1230/2018), u r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Diċembru 2020 dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021(2), u wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2020-2025 "Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini permezz tal-villaġġi, il-bliet u r-reġjuni tagħha" mis-sessjoni plenarja tiegħu tat-30 ta' Ġunju sat-2 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra d-9 Konferenza dwar is-Sussidjarjetà – Is-Sussidjarjetà Attiva: Noħolqu valur miżjud tal-UE flimkien, koorganizzata f'Ruma fit-22 ta' Novembru 2019 mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti Reġjonali Taljani,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(3), li tilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li l-azzjonijiet kollha tal-UE jgħinu lill-UE tikseb futur sostenibbli u tranżizzjoni ġusta u li taġġorna l-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar konsegwentement, u dan jirrikjedi, fost l-oħrajn, li prinċipju ta' "is-sostenibbiltà l-ewwel" jiġi integrat fl-Aġendi ta' Regolamentazzjoni Aħjar tal-UE u l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0191/2021),
A. billi l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-UE; billi fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa maħsub biex iħares il-kapaċità ta' deċiżjoni u ta' azzjoni tal-Istati Membri u jagħti lill-Unjoni l-leġittimità biex tintervjeni jekk l-objettivi ta' xi azzjoni ma jkunux jistgħu jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, "minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista". billi l-iskop tal-inklużjoni ta' referenza għall-prinċipju fit-Trattati Ewropej huwa wkoll li jiġi żgurat li s-setgħat jiġu eżerċitati qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadini, f'konformità mal-prinċipju tal-prossimità msemmi fl-Artikolu 10(3) TUE;
B. billi f'Lulju 2017, il-Kummissjoni Juncker adottat sett rivedut ta' linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar u sett ta' għodod li jakkumpanjahom; billi l-Kummissjoni espandiet il-portal għal regolamentazzjoni aħjar tagħha biex tagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini biex jagħmlu użu minnu online; billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tpoġġi l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-qalba tal-proċess demokratiku Ewropew u matul il-proċess leġiżlattiv kollu billi waqqfet Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li "Isir inqas b'mod iktar effiċjenti", li ppreżentat ir-rapport tagħha fl-10 ta' Lulju 2018;
C. billi t-Task Force ħarġet rakkomandazzjonijiet, min-naħa l-waħda, biex jittejbu l-fehim komuni u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u, min-naħa l-oħra, biex tagħti rwol aktar prominenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-parlamenti nazzjonali biex tinkiseb "sussidjarjetà attiva", bl-għan li tiġi promossa sjieda akbar tal-politiki tal-UE; billi hi wieġbet għall-mistoqsijiet "Kif jistgħu jiġu applikati aħjar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE" u "Kif jistgħu jiġu involuti aħjar l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-parlamenti nazzjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE";
D. billi fil-komunikazzjoni tagħha tat-23 ta' Ottubru 2018 bit-titolu "Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità: Insaħħu r-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-UE" (COM(2018)0703), il-Kummissjoni tenniet ir-rwol fundamentali tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u ppreżentat il-miżuri li għandhom jittieħdu b'rispons għar-rapport tat-Task Force, fosthom enfasi fuq il-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-promozzjoni ta' fehim kondiviż fi ħdan l-UE dwar is-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, ħarsa aktar mill-qrib lejn il-leġislazzjoni eżistenti mill-perspettiva tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, u għajnuna lill-parlamenti nazzjonali biex iwettqu r-rwol tagħhom b'mod aktar effiċjenti;
E. billi l-Kummissjoni kompliet tapplika l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar imsaħħa tagħha u tintegra l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika;
F. billi fit-3 ta' Lulju 2020 il-Kummissjoni varat verżjoni mġedda tal-portal web "Semma' Leħnek" biex ikun aktar faċli li jsiru kontributi online għad-dritt tal-UE u għat-tfassil tal-politika tal-UE; billi l-verżjoni l-ġdida tal-portal għandha ttejjeb aktar il-konsultazzjoni u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni mal-pubbliku u żżid it-trasparenza; billi bħala parti mill-aġenda tiegħu ta' "Regolamentazzjoni Aħjar", l-għan tal-portal huwa li jtejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-politika tal-UE;
G. billi l-portal web "Semma' Leħnek" wera li hu punt ta' aċċess siewi għaċ-ċittadini u għall-partijiet ikkonċernati biex jipparteċipaw fit-tħejjija tal-politika tal-Kummissjoni; billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, madankollu, ippubblikat rapport speċjali fl-2019 b'sett ta' rakkomandazzjonijiet biex dan il-portal jittejjeb, speċjalment fir-rigward tal-użu tat-traduzzjoni;
H. billi fl-2018 il-Kummissjoni bdiet il-prattika li tgħaqqad ir-rapporti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE mar-rapporti dwar ir-relazzjonijiet tagħha mal-parlamenti nazzjonali, u b'hekk tat aktar prominenza lill-fehmiet tal-parlamenti nazzjonali u tevita t-trikkib bejn iż-żewġ rapporti annwali;
I. billi l-Kummissjoni rċeviet 52 opinjoni motivata mill-parlamenti nazzjonali dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-2017, 37 fl-2018 u l-ebda waħda fl-2019;
J. billi n-nuqqas ta' opinjonijiet motivati mill-parlamenti nazzjonali fl-2019 ma kienx dovut għal implimentazzjoni aħjar tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, iżda pjuttost għall-fatt li l-2019 kienet sena tranżitorja bejn żewġ Kummissjonijiet u bix-xoljiment tal-Parlament Ewropew u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej, u għaldaqstant sena b'inqas inizjattivi u proposti leġiżlattivi minn snin preċedenti;
K. billi l-Parlament japprezza l-ħtieġa għal involviment aktar b'saħħtu tal-parlamenti nazzjonali flimkien mal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju demokratiku tal-kooperazzjoni msaħħa fil-każ ta' oqsma tal-politika b'kompetenza konġunta;
L. billi f'Marzu 2021, il-Kumitat tar-Reġjuni introduċa ċ-Ċentri Reġjonali 2.0; billi dan il-proġett ġie varat fuq l-inizjattiva proprja tal-Kumitat biex jissorvelja kif il-politiki tal-UE jaħdmu fil-prattika;
M. billi l-mandat tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jinkludi l-verifika tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt;
N. billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tapplika l-prinċipju ta' "one in, one out", li jiddikjara li kull proposta leġiżlattiva li toħloq piżijiet ġodda għandha tneħħi minn fuq in-nies u n-negozji piż eżistenti ekwivalenti fil-livell tal-UE fl-istess qasam ta' politika, iżda s'issa naqset milli tapplika dan il-prinċipju b'suċċess;
O. billi l-kriżi attwali żvelat il-ħtieġa li jiġu identifikati u mtaffija l-piżijiet regolatorji bla bżonn biex jiġi żgurat li l-liġijiet tal-UE joffru l-benefiċċji maħsuba tagħhom filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż mhux meħtieġa u f'perjodu ta' żmien raġonevoli, u b'mod partikolari li jitħaffef ir-ritmu tal-miżuri ta' appoġġ għall-konsumaturi, għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju; billi għall-benefiċċju tal-konsumaturi, il-ħaddiema, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u ċ-ċittadini kollha kemm huma, il-leġiżlazzjoni għandha tkun ibbilanċjata, ċara, komprensiva, inklużiva u, fejn xieraq, ibbażata fuq l-evidenza xjentifika meħtieġa; jissottolinja li l-mikrointrapriżi u l-SMEs għandhom jiffaċċjaw biss obbligi proporzjonali għall-ispeċifiċitajiet tagħhom u għall-karatteristiċi tas-settur tagħhom u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża azzjoni ta' infurzar b'saħħitha biex tillimita l-frammentazzjoni tas-suq, tneħħi l-ostakli mhux ġustifikati għas-suq u tiżgura kundizzjonijiet ekwi; billi, madankollu, "Regolamentazzjoni Aħjar" għandha tagħti riżultati lil kulħadd u sservi l-interessi tas-soċjetà Ewropea;
P. billi l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill, bħala korpi leġiżlattivi, jeħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;
1. Ifakkar fl-importanza tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;
2. Jilqa' l-kunsiderazzjoni kostanti tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, li huma prinċipji ta' gwida fundamentali għall-Unjoni Ewropea; ifakkar fl-importanza tal-promozzjoni ta' fehim komuni fil-livell tal-UE tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, u jinnota t-tħassib imqajjem f'rapporti preċedenti dwar il-karattru pjuttost perfunzjonarju tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità , li sikwit ma jagħtux kunsiderazzjoni dettaljata dwar kif dawn il-prinċipji jiġu osservati fit-tfassil tal-politika tal-UE; jirrikonoxxi l-komprensività dejjem tikber tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;
3. Ifakkar fl-importanza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE, li jgħid li d-deċiżjonijiet jeħtieġ li jittieħdu fl-aktar livell ta' politika xieraq u qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadini u tan-negozji, jiġi rispettat b'mod kostanti u li azzjoni fil-livell tal-UE tkun iġġustifikata fid-dawl tal-possibbiltajiet disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, filwaqt li jiġu rispettati t-tliet proċessi fundamentali li ġejjin: valutazzjoni retrospettiva, valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tressaq lill-UE eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha; jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw u jużaw madwar 70 % tal-leġiżlazzjoni tal-UE; iqis li l-konsultazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti eletti taċ-ċittadini dwar kwistjonijiet tal-UE hija mod effettiv ħafna biex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali, u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib u fi stadju bikri tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'kontrolli tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u valutazzjonijiet tal-piż amministrattiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiggarantixxu li l-UE ma tiħux azzjoni, ħlief fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, sakemm din l-azzjoni ma tkunx aktar effettiva minn azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali; ifakkar ukoll li l-prinċipju tal-proporzjonalità jirrikjedi li kwalunkwe azzjoni meħuda mill-UE m'għandhiex teċċedi dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività u l-effikaċja tal-proċedura tas-sussidjarjetà sabiex id-dgħufijiet tagħha jiġu identifikati u indirizzati;
4. Jenfasizza li l-istruttura attwali tal-proċedura għall-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà twassal biex il-kumitati tal-parlamenti nazzjonali għall-UE jiddedikaw ammonti eċċessivi ta' ħin għal valutazzjonijiet tekniċi u ġuridiċi bi skadenzi qosra, u dan jikkomplika l-għan li ssir diskussjoni politika aktar profonda dwar il-politika Ewropea;
5. Jitlob reviżjoni tat-TFUE u l-introduzzjoni ta' dritt dirett ta' inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew peress li l-Parlament Ewropew jirrappreżenta direttament liċ-ċittadini Ewropej;
6. Jissottolinja l-importanza li jiġu spjegati b'mod adegwat kemm il-ħtieġa għal inizjattivi leġiżlattivi kif ukoll l-impatt tagħhom fuq is-setturi importanti kollha (ekonomiċi, ambjentali u soċjali), bil-għan li jiġu rrispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;
7. Jemmen li l-avvanz tal-Unjoni Ewropea permezz ta' regolamentazzjoni aħjar huwa importanti biex jipprovdi stabbiltà u ċertezza tad-dritt għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE u b'hekk jiġu ġġenerati t-tkabbir, l-impjiegi u l-prosperità;
8. Jemmen li l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tirrappreżenta l-punt tat-tluq għal kwalunkwe formulazzjoni ta' politika u hija parti essenzjali miċ-ċiklu tal-ħajja tal-politika;
9. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li "Isir inqas b'mod iktar effiċjenti"; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Parlament ikkunsidra li l-parteċipazzjoni fit-task force stabbilita mill-Kummissjoni tinjora r-rwol istituzzjonali u l-pożizzjoni tal-Parlament bħala l-unika istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li hija eletta direttament, li tirrappreżenta liċ-ċittadini u n-negozji fil-livell tal-Unjoni u li teżerċita funzjonijiet ta' skrutinju politiku fuq il-Kummissjoni, u li, konsegwentement, iddeċieda li jirrifjuta l-istedina għall-parteċipazzjoni billi jaħtar membri fit-task force; jilqa' r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tat-Task Force, li skonthom hemm valur miżjud tal-UE fl-oqsma kollha eżistenti ta' attività, u l-fatt li t-task force, għalhekk, ma identifikat l-ebda kompetenza tat-Trattat jew qasam ta' politika li għandhom jiġu ddelegati mill-ġdid b'mod definittiv, b'mod sħiħ jew parzjali, lill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta dawn il-konklużjonijiet, u b'mod partikolari li tinvolvi b'mod aħjar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod sħiħ fil-proċessi ta' konsultazzjoni tagħha, u tintegra l-"mudell ta' grilja", sabiex tivvaluta l-applikazzjoni taż-żewġ prinċipji matul il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jinnota li dan se jirrikjedi impenn qawwi, anki mill-koleġiżlaturi tal-UE; jipproponi wkoll li jiġu evalwati u żviluppati aktar l-oqfsa eżistenti ta' kooperazzjoni interparlamentari;
10. Huwa tal-fehma li kull proposta tal-Kummissjoni għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-ħajja taċ-ċittadini, bi spejjeż proporzjonati u tollerabbli marbuta magħha;
11. Jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti kemm jista' jkun kmieni fil-proċess leġiżlattiv, preferibbilment immedjatament wara l-pubblikazzjoni tal-pjan direzzjonali u matul il-fażi ta' konsultazzjoni; iqis li għandu jkun hemm ukoll enfasi akbar fuq is-sussidjarjetà qabel ma jitressaq att legali ġdid u li, b'mod partikolari, il-fażi ta' konsultazzjoni għandha tintuża biex jinġabru b'mod proattiv il-fehmiet tal-parlamenti nazzjonali u biex jiġi rreġistrat it-tħassib tagħhom, peress li dan jista' jevita l-użu tal-"karta safra" u jevita l-problemi matul il-fażi tan-negozjati;
12. Jilqa' l-miżura biex il-parlamenti nazzjonali jiġu megħjuna jwettqu r-rwol tagħhom b'mod aktar effettiv, permezz tal-esklużjoni tal-perjodu mill-20 ta' Diċembru sat-10 ta' Jannar mill-perjodu ta' tmien ġimgħat li matulu l-parlamenti nazzjonali jistgħu jippreżentaw opinjonijiet motivati;
13. Jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet fil-livell tal-UE; jinnota li filwaqt li l-għadd ta' opinjonijiet motivati li waslu mill-parlamenti nazzjonali kompla jonqos bejn l-2017 u l-2019, u li fl-2019 ma waslet l-ebda opinjoni motivata, l-għadd ta' opinjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni u l-kontributi lill-Parlament Ewropew, fost l-oħrajn dwar inizjattivi mhux leġiżlattivi, għadu konsistement kbir, u dan iservi ta' xhieda tal-impenn pożittiv u progressiv tal-parlamenti nazzjonali maċ-ċiklu ta' politika tal-UE; jinnota li bosta minn dawn is-sottomissjonijiet iffokaw fuq kwistjonijiet istituzzjonali importanti bħall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u l-attivazzjoni ta' klawżoli "passerelle"; josserva li l-ebda proposta ma rċeviet aktar minn erba' opinjonijiet motivati; ifakkar li t-Trattati jipprovdu rwol għall-kooperazzjoni interparlamentari u jagħtu lill-parlamenti nazzjonali r-responsabbiltà li jeżaminaw inizjattivi leġiżlattivi u dawk mhux leġiżlattivi; jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-parlamenti nazzjonali fid-djalogu leġiżlattiv mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz ta' mezzi oħra minbarra l-Mekkaniżmu ta' Kontroll tas-Sussidjarjetà; ifakkar li l-proċedura tal-"karta oranġjo" qatt ma ġiet attivata, u li l-proċedura tal-"karta safra" ġiet attivata tliet darbiet biss, minn total ta' 439 opinjoni motivata u 5 513 opinjoni fil-perjodu 2007-2019; jinnota li l-implimentazzjoni tad-dritt għall-parlamenti nazzjonali li jiskrutinizzaw il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, abbażi tal-hekk imsejħa sistema ta' twissija bikrija (STB), tejbet parzjalment ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-parlamenti nazzjonali; jenfasizza l-impenn tal-Kummissjoni li tipprevedi, fil-futur, tweġibiet aggregati fejn mill-inqas erba' parlamenti jkunu ħarġu opinjonijiet motivati u li turi flessibbiltà f'dak li jirrigwarda l-iskadenza ta' tmien ġimgħat ibbażata fuq it-Trattati sa meta l-parlamenti nazzjonali jeħtiġilhom jippreżentaw l-opinjonijiet motivati tagħhom; billi jitqiesu l-perjodi komuni ta' vaganzi u ta' waqfien; jemmen li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se tipprovdi opportunità eċċellenti għaċ-ċittadini biex jikkomunikaw dwar l-impatti reali tal-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali u biex jagħmlu suġġerimenti dwar kif jistgħu jintlaħqu l-għanijiet ta' tfassil aħjar tal-liġijiet, inkluż dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-proċess tas-sussidjarjetà; ifakkar li t-trasparenza u l-aċċess pubbliku huma essenzjali għall-proċess leġiżlattiv u jiġġustifikaw ukoll l-involviment tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali, filwaqt li jagħtu aktar leġittimità lill-proċess leġiżlattiv demokratiku tal-Unjoni Ewropea u fiduċja akbar fih; f'dan ir-rigward, jilqa' l-progress li sar mill-Parlament fl-iżvelar tad-dokumenti b'ħafna kolonni insegwitu tas-sentenza De Capitani;
14. Jinnota li fl-2016, minn totali ta' 41 parlament nazzjonali, 26 ħarġu opinjonijiet motivati, u dan naqas għal 19 fl-2017 u għal 14 fl-2018; jenfasizza li dan it-tnaqqis imur id f'id ma' tnaqqis fl-opinjonijiet motivati b'mod ġenerali;
15. Jissottolinja li t-tendenza fl-għadd ta' opinjonijiet u opinjonijiet motivati fil-perjodu 2007-2019 turi li l-parlamenti nazzjonali qed jitolbu dejjem aktar djalogu politiku u involviment akbar fid-dibattitu dwar il-politiki tal-UE, u għalhekk qed jiddedikaw inqas ħin għall-analiżi normattiva tal-proposti leġiżlattivi tal-UE;
16. Jirrikonoxxi l-fatt li l-2019 kienet l-ewwel sena, minn meta ġie introdott il-Mekkaniżmu ta' Kontroll tas-Sussidjarjetà, li fiha l-parlamenti nazzjonali ma ressqu l-ebda opinjoni motivata, bħala riżultat ta' tnaqqis qawwi fl-attivitajiet leġiżlattivi tal-Kummissjoni matul is-sena ta' tranżizzjoni bejn żewġ Kummissjonijiet;
17. Ifakkar li l-Kummissjoni hija obbligata tikkonsulta kemm jista' jkun mal-partijiet ikkonċernati qabel kwalunkwe proposta leġislattiva, filwaqt li tqis id-dimensjoni reġjonali u lokali tal-azzjoni prevista;
18. Ifakkar li l-applikazzjoni tal-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" minqux fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar hija element essenzjali għat-test tal-proporzjonalità, qabel kwalunkwe proposta leġiżlattiva u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-vuċijiet tal-SMEs jinstemgħu u li l-interessi tagħhom jiġu kkunsidrati kmieni kemm jista' jkun, sabiex jinħoloq ambjent tan-negozju favorevoli għall-iżvilupp tal-SMEs, li huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea tagħna;
19. Jiddispjaċih dwar il-prattika fejn "l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjoni" tiġi invokata regolarment biex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokumenti preparatorji leġiżlattivi, bir-riskju li l-eċċezzjonijiet għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti jsiru r-regola de facto;
21. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante flimkien mal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati huma għodod importanti sabiex jintlaħqu deċiżjonijiet infurmati tajjeb u huma strument ewlieni biex jiġi żgurat li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu rispettati u biex jiġu promossi r-responsabbiltà u l-effiċjenza; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi promoss u mħeġġeġ djalogu regolari u konsultazzjoni xierqa u trasparenti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jilqa' l-użu ta' għodod ta' tfassil aħjar tal-liġijiet u l-kooperazzjoni ma' esperti rilevanti differenti fil-livell tal-UE fl-abbozzar ta' valutazzjonijiet tal-impatt; jissottolinja l-ħtieġa li dawn l-għodod jiġu ssimplifikati u magħmula aktar faċli biex jinftiehmu u jintużaw mill-partijiet ikkonċernati; jissottolinja li hemm ħtieġa urġenti li jittejbu l-valutazzjonijiet tal-impatt b'mod ġenerali f'dak li għandu x'jaqsam mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet u l-kontrolli tal-idoneità kollha għandhom jinvolvu analiżi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa' l-użu ta' strumenti bħall-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) u l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, li mill-2017 fittxew li jidentifikaw opportunitajiet għas-simplifikazzjoni u jnaqqsu l-ispejjeż bla bżonn qabel ma l-Kummissjoni tipproponi r-reviżjoni ta' kwalunkwe liġi eżistenti; jilqa' wkoll l-inklużjoni ta' inizjattivi li jirriżultaw minn din il-ħidma fil-programmi ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni, u li għandhom jiġu mmonitorjati fit-Tabella ta' Valutazzjoni REFIT; jinnota f'dan il-kuntest li l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 jinkludi 44 inizjattiva fl-ambitu tal-eżerċizzju REFIT; jenfasizza li tali proċessi għandhom iqisu l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali b'mod integrat u bbilanċjat u jużaw analiżijiet kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, kif ukoll jindirizzaw l-ispejjeż tan-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-livell tal-UE; jirrimarka li l-istrumenti ta' skrutinju jistgħu jiġu appoġġati u msaħħa aktar permezz ta' għodod oħra bħall-pjattaforma Fit for Future (F4F) jew pjattaformi dedikati simili oħra; jemmen li l-pjattaforma REFIT għandha tiġi estiża sabiex l-fokus tagħha jiġi mwessa' mill-piżijiet regolatorji għall-kwistjonijiet ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; ifakkar li l-proċess biex ir-regolamentazzjoni ssir "adatta għall-futur" jinvolvi, fost affarijiet oħra, l-iżgurar tas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tagħha; jilqa' l-fatt li ż-żewġ prinċipji huma parti mir-rieżami tal-kwalità mwettaq mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju; jenfasizza, madankollu, li l-indipendenza tal-bord tista' tittejjeb aktar;
22. Jissottolinja li r-rieżami sistematiku tal-leġiżlazzjoni għandha rwol dejjem aktar importanti biex tinkiseb regolamentazzjoni aħjar; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom f'kooperazzjoni aktar strutturata sabiex jivvalutaw l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni bil-għan li dan jittejjeb; jindika l-ħtieġa għall-applikazzjoni rapida, f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mill-Istati Membri sabiex tiġi vvalutata kif xieraq il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni ulterjuri;
23. Jissottolinja li "prospettiva strateġika" jista' jkollha rwol ewlieni biex tgħin sabiex it-tfassil tal-politika tal-UE jibqa' validu fil-futur billi tiżgura li l-inizjattivi għal żmien qasir ikunu msejsa fuq perspettiva aktar fit-tul; jirrikonoxxi li "elementi ta' prospettiva" se jiġu integrati għalkollox fl-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, fil-valutazzjonijiet tal-impatt u fl-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni; jinnota wkoll li "prospettiva strateġika" se tappoġġa l-programm REFIT, li jidentifika opportunitajiet biex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji u jiġi żgurat li l-liġijiet eżistenti tal-UE jibqgħu "adatti għall-futur";
24. Jinnota li fl-2017 il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju eżamina total ta' 53 valutazzjoni tal-impatt, u 17-il evalwazzjoni separata; josserva li 43 % ta' dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt u 41 % tal-evalwazzjonijiet eżaminati mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju inizjalment irċevew opinjonijiet negattivi u li għal kważi l-valutazzjonijiet tal-impatt kollha, is-servizzi kellhom itejbu r-rapporti biex jissodisfaw l-istandards tal-kwalità tal-Bord; jikkonkludi li l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tal-evalwazzjonijiet oriġinali għandha tittejjeb b'mod sinifikanti; jiddispjaċih għall-fatt li fl-2019, il-bord eżamina biss valutazzjoni tal-impatt waħda;
25. Jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni għal evalwazzjoni ex ante qabel ma tikkunsidra atti leġiżlattivi; jemmen li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikomplu jikkooperaw mill-qrib sabiex jevalwaw l-impatt reali tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq iċ-ċittadini, in-negozji u l-ambjent; jilqa' wkoll il-kontribut tal-parlamenti nazzjonali għall-evalwazzjoni ex ante permezz ta' djalogu politiku informali, inklużi opinjonijiet fuq inizjattiva proprja konġunti; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar rapidi u konsistenti tal-leġiżlazzjoni, u jevitaw prattiki li jirriżultaw f'rekwiżiti amministrattivi eċċessivi u mhux ġustifikati li jistgħu jimminaw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern;
26. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tevalwa firxa wiesgħa u komprensiva ta' leġiżlazzjoni potenzjali tas-suq uniku b'valutazzjonijiet tal-impatt; jenfasizza li valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti u imparzjali huma għodda essenzjali u siewja li jgħinu biex jittieħdu deċiżjonijiet politiċi infurmati tajjeb permezz tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet leġiżlattiv (filwaqt li jinżamm il-metodu Komunitarju), li huwa neċessarju biex ikun hemm rispons rapidu għal sfidi urġenti bħat-tranżizzjoni diġitali u sostenibbli; jemmen li l-kontenut tal-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jittejjeb u li l-użu tagħhom jeħtieġ jiġi estiż, billi jitqiesu elementi addizzjonali biex il-kontribut tagħhom isir aktar f'waqtu u ta' valur u biex jiġi kkunsidrat aħjar għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell politiku; ifakkar, barra minn hekk, fl-għadd limitat ta' valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa mill-Parlament u mill-Kunsill dwar l-emendi sostantivi tagħhom;
27. Jenfasizza li l-Parlament għandu, fejn meħtieġ, iwettaq valutazzjonijiet tal-impatt interni fir-rigward ta' emendi sostanzjali u l-konsegwenzi potenzjali tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni, qabel ma jadottahom, jekk dawn ma jkunux diġà ġew analizzati mill-Kummissjoni u s-servizzi tagħha;
28. Jenfasizza r-rwol tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, li jipprevedi valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u analiżi tal-valur miżjud Ewropew tal-proposti kif ukoll evalwazzjonijiet tal-implimentazzjoni; iqis li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew tista' tittejjeb, sabiex tinkiseb analiżi simplifikata, rapida u bir-reqqa tal-azzjoni leġiżlattiva u l-emendi sostanzjali tagħha, is-soluzzjonijiet alternattivi, l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali tagħhom, il-piż amministrattiv mistenni, il-burokrazija għall-SMEs u l-"kost tan-non-Ewropa";
29. Jilqa' l-istabbiliment tal-portal web "Semma' Leħnek" u t-titjib tiegħu u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa tali għodod, li jagħtu liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati aċċess dirett għat-tfassil tal-politika tal-UE u involviment fih;
30. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni xierqa lir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-portal "Semma' Leħnek", b'mod partikolari billi żżid l-aċċessibbiltà lingwistika tal-konsultazzjonijiet, sabiex iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiddeċiedu x'iqisu li huwa ta' "interess pubbliku wiesa'";
31. Jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni għar-rieżamijiet tal-politika u jinkoraġġixxi użu akbar ta' valutazzjoni ex post biex jiġi żgurat li jinsiltu tagħlimiet dwar l-effettività u l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni, li min-naħa tagħhom jistgħu jgħinu biex jinfurmaw l-iżvilupp tal-politika futura u jtejbu l-approċċi ta' regolamentazzjoni;
32. Jenfasizza li l-evalwazzjonijiet ex post huma wkoll għodda importanti biex jiġi vvalutat l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq iċ-ċittadini u n-negozji, u fihom għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-impatt fuq l-SMEs;
33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar mill-proċeduri ta' riformulazzjoni u kodifikazzjoni sabiex tissimplifika l-leġiżlazzjoni sekondarja;
34. Jappoġġa l-konsolidazzjoni tat-tweġibiet jekk seba' parlamenti nazzjonali jew aktar joħorġu opinjonijiet motivati dwar waħda mill-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, minkejja li ma jkunx intlaħaq il-livell limitu biex tinbeda l-proċedura ta' "karta safra"; iqis li dan jagħti viżibbiltà akbar lill-fehmiet tal-parlamenti nazzjonali;
35. Jieħu nota tal-prinċipju ta' "One In, One Out" ibbażat fuq l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, li permezz tiegħu l-Kummissjoni għandha l-għan li tpaċi l-piżijiet introdotti ġodda, speċjalment għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju billi teħles lin-nies u lin-negozji minn piżijiet ekwivalenti fil-livell tal-UE fl-istess qasam ta' politika; jissottolinja li l-implimentazzjoni ta' dan l-approċċ m'għandhiex tmur kontra l-objettivi ta' regolamentazzjoni aħjar, u jenfasizza li m'għandhiex twassal għal deċiżjonijiet mekkaniċi biex tiġi revokata leġiżlazzjoni jew jitbaxxew l-istandards, u li l-għan tagħha għandu jkun li timmodernizza u tirriforma l-leġiżlazzjoni tal-UE biex tiffaċċja sfidi soċjetali ġodda; jenfasizza li, filwaqt li għandhom jiġu evitati piżijiet amministrattivi addizzjonali bla bżonn fit-tfassil, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-atti tal-UE, dan la għandu jiġi interpretat bħala deregolamentazzjoni jew "ebda regolamentazzjoni" u lanqas ma għandu jwaqqaf lill-Istati Membri milli jżommu jew jieħdu miżuri aktar ambizzjużi u jadottaw standards soċjali, ambjentali u ta' protezzjoni tal-konsumatur ogħla f'każijiet fejn id-dritt tal-Unjoni jipprevedi biss standards minimi;
36. Jenfasizza li proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet amministrattivi u leġiżlattivi miftuħ, effiċjenti, trasparenti u indipendenti huwa prekundizzjoni għal politiki u regolamentazzjoni ta' kwalità għolja; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' proċeduri amministrattivi armonizzati tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-governanza tajba u l-prattiki regolatorji fl-UE u ssaħħaħ ir-rabta bejn it-teħid ta' deċiżjonijiet espert u l-leġittimità demokratika;
37. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-pjattaforma Fit for Future fl-2020, li tibni fuq l-esperjenza tal-pjattaforma REFIT, grupp ta' esperti ta' livell għoli bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati, esperti tal-Istati Membri, u rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li toffri konsulenza lill-Kummissjoni dwar kif il-leġislazzjoni tal-UE ssir aktar effiċjenti, billi jiġu identifikati miżuri eżistenti potenzjalment b'piżijiet bla bżonn, u kif dawn jistgħu jiġu simplifikati u modernizzati, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-liġijiet tal-UE jgħinu liċ-ċittadini u negozji tal-UE u mhux ifixkluhom;
38. Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jinvolvu lill-parlamenti reġjonali b'setgħat leġiżlattivi fl-inizjattivi leġiżlattivi tal-UE u jappoġġa l-konsultazzjoni sistematika tagħhom dwar inizjattivi ewlenin, b'mod partikolari fejn ikun hemm rabta mal-kompetenzi reġjonali; ifakkar li tali parlamenti huma rappreżentati fil-Kumitat tar-Reġjuni u li skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 tat-TFUE, huma jistgħu jiġu kkonsultati mill-parlamenti nazzjonali;
39. Ifakkar fil-fatt li l-innovazzjoni diġitali qed tiżviluppa b'ħeffa u li l-intraprendituri qed jixprunaw l-aġenda diġitali; iqis, għalhekk, li mingħajr preġudizzju għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, huwa ta' importanza fundamentali li jiġu stabbiliti regoli validi għall-futur li jżommu l-pass mal-innovazzjoni diġitali; jinnota li għadd kbir mill-prijoritajiet leġiżlattivi ewlenin tal-UE għall-2017-2019 kienu inizjattivi fil-mandat tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO), u ddedikati prinċipalment għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Suq Uniku u l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, filwaqt li kienu jiffokaw fuq regolamenti li kellhom l-għan li jeliminaw l-ostakli mhux ġustifikati u sproporzjonati u jaħtfu opportunitajiet ġodda għall-benefiċċju tal-konsumaturi u n-negozji;
40. Ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-UE b'mod ġenerali tissostitwixxi 27 regola diverġenti, u dan jgħin biex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni, meta tivvaluta s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, tiżgura li l-inizjattivi mmirati lejn il-kisba ta' suq intern aktar profond u ġust jibqgħu pilastru ewlieni tal-programmazzjoni annwali futura, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
41. Jenfasizza li l-objettivi tat-tfassil aħjar tal-liġijiet jeħtieġ li jiġu rieżaminati u evalwati b'mod regolari skont il-kriterji tal-aġenda għat-tfassil aħjar tal-liġijiet, inkluż il-monitoraġġ u r-rappurtar; jissottolinja li l-objettivi jeħtieġ li jkunu bbilanċjati sew u evalwati f'termini tal-effettività tagħhom, filwaqt li jitqiesu r-riżorsi użati għall-attivitajiet dwar regolamentazzjoni aħjar u għall-kontributi esterni; ifakkar fl-importanza li jkun hemm data komparabbli għall-UE kollha għall-fini ta' din l-evalwazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk l-użu tal-għodod ta' regolamentazzjoni aħjar serviex biex intlaħqu objettivi bħal titjib fl-eżiti tal-politika;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tqis din ir-riżoluzzjoni fl-abbozzar tal-komunikazzjoni mħabbra tagħha dwar regolamentazzjoni aħjar;
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.