Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina (2019/2171(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll tal-Adattament tiegħu sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina (KPSA) li saret fil-5 u fis-6 ta' Novembru 2015, it-tielet laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina li saret fit-13 ta' Lulju 2018 u r-raba' laqgħa tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina li saret fis-7 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra l-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk u l-inizjattivi pan-Ewropej, bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni tal-Ewropa tax-Xlokk, il-Proċess Brdo-Brijuni, l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali, l-Inizjattiva Adrijatika Jonika, it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, l-Erasmus+, l-Istrateġiji tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju u għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku, l-Inizjattiva Reġjonali dwar il-Migrazzjoni, l-Ażil, u r-Rifuġjati (MARRI), il-Kummissjoni Reġjonali inkarigata li taċċerta l-fatti dwar il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi fit-territorju f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja (RECOM), in-Network Reġjonali għall-Adeżjoni (RENA), l-Iskola Reġjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA), l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), it-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, il-Fond għall-Balkani tal-Punent, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u s-Suq Komuni Reġjonali,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 intitolata "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 intitolata ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019'' (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija mal-Unjoni Ewropea" (COM(2019)0261) u mir-Rapport Analitiku (SWD(2019)0222),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata "Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE" (COM(2020)0660), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Rapport 2020 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina" (SWD(2020)0350),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fit-33 sessjoni tagħha fl-20 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority Safepack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa"(1),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali, adottata fil-25 ta' Frar 1991;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 2021 dwar id-Diplomazija dwar il-Klima u l-Enerġija – It-twettiq tad-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-20 ta' Jannar 2020 dwar id-Diplomazija dwar il-Klima, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 dwar il-klima,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tas-6 ta' Novembru 2020 intitolat "Climate Change and Defence Roadmap" (Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà tal-5 ta' Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 u tat-12 ta' Ottubru 2020 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina u l-operazzjoni EUFOR Althea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata "Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0641),
– wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin, varat fit-28 ta' Awwissu 2014 u s-summit UE-Balkani tal-Punent tiegħu, li sar fl-10 ta' Novembru 2020 f'Sofija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew – is-Summit tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Balkani tal-Punent tat-28 ta' Jannar 2020,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb, adottata waqt is-Summit ta' Zagreb bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-6 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit tal-2020(2),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija adottata waqt is-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-esperti dwar il-kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt fil-Bożnija-Ħerzegovina tal-5 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni dwar is-Sitwazzjoni Kostituzzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina u s-Setgħat tar-Rappreżentant Għoli, adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fit-62 sessjoni plenarja li saret Venezja fil-11 u fit-12 ta' Marzu 2005, u r-rakkomandazzjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni ta' Venezja rigward kwistjonijiet kostituzzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina,
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-25 ta' Jannar 2019 mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar l-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Ottubru 2018 fil-Bożnija-Ħerzegovina,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-5 ta' Lulju 2009 tas-sħab tal-Balkani tal-Punent dwar l-Integrazzjoni tar-Rom fi ħdan il-Proċess tat-Tkabbir tal-UE, magħrufa bħala d-Dikjarazzjoni ta' Poznań, u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Unjoni ta' Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni" (SWD(2020)0530),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OSKE tas-26 ta' Ottubru 2020 intitolata "Two Schools under One Roof: The Most Visible Example of Discrimination in Education in Bosnia and Herzegovina" (Żewġ skejjel taħt saqaf wieħed: l-aktar eżempju viżibbli ta' diskriminazzjoni fl-edukazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali min-naħa tal-Bożnija-Ħerzegovina, adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-12 ta' Ġunju 2019,
– wara li kkunsidra d-dokument intitolat "Riformi soċjoekonomiċi konġunti għall-perjodu 2019-2022", adottat mill-gvernijiet tal-entitajiet fl-10 ta' Ottubru 2019 u d-dokument tal-Kunsill tal-Ministri tat-30 ta' Jannar 2020 intitolat "Riformi soċjoekonomiċi fil-Bożnija-Ħerzegovina għall-perjodu 2020-2022",
– wara li kkunsidra t-58 rapport u r-rapporti preċedenti tar-Rappreżentant Għoli għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi dwar il-Bożnija-Ħerzegovina lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2549 (2020) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-5 ta' Novembru 2020, li ġġedded il-mandat tal-operazzjoni Althea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta' Srebrenica(3), tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2009 dwar Srebrenica(4) u tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar il-Balkani 10 snin wara Srebrenica(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta' Novembru 2020 li tistabbilixxi l-ftehim parzjali estiż dwar l-Osservatorju dwar it-Tagħlim tal-Istorja fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE relatati mal-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa 2020-2022,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(10),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-21 ta' Diċembru 2020 tar-Rappreżentant Għoli Josep Borrell u tal-Kummissarju Oliver Várhelyi dwar l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ġenerali f'Mostar,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħolqien tal-Mekkaniżmu Internazzjonali li Jeżerċita s-Setgħat Residwi tal-Qrati Kriminali (il-"Mekkaniżmu"), li jwettaq għadd ta' funzjonijiet essenzjali preċedentement imwettqa mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja ("ICTY"), ir-rapporti, ir-riżultati u rakkomandazzjonijiet tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tat-Tribunal Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja tal-1 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Prosekutur tal-Mekkaniżmu Internazzjonali li Jeżerċita s-Setgħat Residwi tal-Qrati Kriminali tad-19 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0185/2021),
A. billi l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-applikazzjoni għall-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-UE jirrappreżentaw l-għażla strateġika tal-pajjiż lejn l-integrazzjoni Ewropa, li jridu jissarrfu f'riżultati tanġibbli fil-post u f'aktar sforzi miż-żewġ naħat biex jgħaddu għat-tieni fażi tal-FSA;
B. billi l-Parlament huwa sostenitur qawwi tal-integrazzjoni Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina,
C. billi l-progress tal-pajjiż fl-integrazzjoni Ewropea u Ewro-Atlantika jikkontribwixxi għas-sigurtà, għall-istabbiltà u għall-prosperità ekonomika tal-pajjiż;
D. billi l-implimentazzjoni ta' riformi sinifikattivi li jtejbu l-ħajja tal-persuni fil-Bożnija-Ħerzegovina u li jiffaċilitaw l-adeżjoni mal-UE jirrikjedu impenn min-naħa tal-mexxejja politiċi, tal-awtoritajiet, tal-istituzzjonijiet u tad-detenturi ta' kariga kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina;
E. billi huwa essenzjali li jkun hemm tqassim intern ċar tal-kompetenzi u kooperazzjoni msaħħa u sinifikanti in bona fide bejn id-diversi livelli ta' gvern;
F. billi l-progress tal-Bożnija-Ħerzegovina fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE jiddependi mill-implimentazzjoni tagħha tal-14-il prijorità fundamentali preżenti fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal adeżjoni mal-Unjoni Ewropea;
G. billi l-pajjiż quddiemu għad għandu bosta sfidi relatati mal-istat tad-dritt, mal-istituzzjonijiet demokratiċi, mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali, mal-governanza, mal-obbligu ta' rendikont, mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, mal-libertà ta' espressjoni u mal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni kif ukoll ma' ekonomija tas-suq li tiffunzjona, u l-kredibbiltà tal-proċess ta' tkabbir tissejjes fuq riżultati inekwivokabbli f'dawn l-oqsma kruċjali;
H. billi l-ewwel avveniment Pride tal-pajjiż ġie organizzat fid-9 ta' Settembru 2019 fil-belt kapitali, Sarajevo;
I. billi l-kultura u l-patrimonju kulturali jgħinu biex isaħħu l-identità tal-individwi u jippromwovu l-koeżjoni soċjali, l-istabbiltà u l-fehim fis-soċjetà; billi l-patrimonju kulturali huwa valur fih innifsu;
J. billi l-isfidi li għad hemm fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni għandhom jiġu indirizzati b'mod aktar vigoruż;
K. billi l-Bożnija-Ħerzegovina tinsab f'rotta ta' tranżitu għall-migranti u li l-kapaċitajiet ta' akkoljenza għadhom insuffiċjenti biex tiġi indirizzata sitwazzjoni umanitarja gravi, fir-rispett sħiħ tal-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali tal-persuni li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, biex tkun żgurata ġestjoni integrata tal-fruntieri u biex jiġu kkontrollati l-flussi migratorji irregolari fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjoekonomika diffiċli u minkejja l-appoġġ finanzjarju sinifikanti min-naħa tal-UE;
L. billi l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Bożnija-Ħerzegovina u bil-wisq il-fornitur l-aktar sinifikanti ta' assistenza finanzjarja, u dan jagħmel differenza kbira ħafna fil-pajjiż;
M. billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Bożnija-Ħerzegovina; billi l-UE mobilizzat EUR 80,5 miljun biex tgħin lill-Bożnija-Ħerzegovina tindirizza l-COVID-19 u l-irkupru postpandemiku u sa EUR 250 miljun għall-assistenza makrofinanzjarja; billi l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent se jiffaċilita l-irkupru, fit-terminu twil, tal-pajjiż mill-konsegwenzi tal-pandemija u jservi ta' bażi importanti għal tali rkupru;
1. Itenni s-sostenn qawwi tiegħu favur l-integrazzjoni Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina u jistieden lill-Kunsill Ewropew ikompli jappoġġa l-prospettiva Ewropea tal-pajjiż, anki billi jibgħat messaġġ politiku pożittiv permezz tal-għoti tal-istatus ta' kandidat;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tkompli timxi 'l quddiem fil-perkors tal-UE, u jenfasizza s-sostenn qawwi favur l-integrazzjoni Ewropea fost il-popolazzjoni tagħha;
3. Ifakkar li l-Parlament huwa sostenitur qawwi tal-approċċ meritokratiku, li jgħaqqad ir-rispett tal-ġabra ta' kriterji ma' kundizzjonalitajiet konsistenti u kredibbli;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi meħuda mill-Bożnija-Ħerzegovina biex tindirizza xi aspetti fundamentali tal-opinjoni tal-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni kontinwa min-naħa tagħha tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, inkluż il-progress li sar fir-rigward tal-kumitat parlamentari konġunt kif ukoll tal-adozzjoni tal-emendi leġiżlattivi jippermettu li jsiru l-elezzjonijiet lokali f'Mostar f'Diċembru 2020;
5. Ifakkar li t-triq lejn l-UE tiddependi mill-paċi sostenibbli, mill-istabbiltà dejjiema, mill-koeżjoni soċjali u mir-rikonċiljazzjoni reali li jiggarantixxu n-natura demokratika u multikulturali tal-Bożnija-Ħerzegovina; iħeġġeġ lill-pajjiż iħaffef il-prosekuzzjoni effikaċi tad-delitti tal-gwerra fl-ambitu tal-Istrateġija Nazzjonali riveduta dwar l-Ipproċessar tad-Delitti tal-Gwerra u jitlob li jsiru investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi ta' dawn id-delitti; jikkundanna kwalunkwe tip ta' reviżjoniżmu storiku, in-noneżekuzzjoni tas-sentenzi tal-ICTY u tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ), retorika antikostituzzjonali, seċessjonista, nazzjonalistika u xewwiexa u atti relatati, tiċħid jew glorifikazzjoni tad-delitti tal-gwerra kommessi matul il-gwerra tas-snin 1990, inkluż il-ġenoċidju ta' Srebrenica; iħeġġeġ azzjoni, li jmissha ilha li ttieħdet, biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-għexieren ta' eluf ta' nisa li ġew stuprati jew li kienu vittmi ta' vjolenza sesswali matul il-gwerer tas-snin 1990;
6. Jerġa' jikkonferma b'mod qawwi s-sostenn tiegħu favur is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tal-Bożnija-Ħerzegovina; jikkundanna d-dikjarazzjonijiet u l-proposti li jimmiraw li jikkompromettu s-sovranità statali u l-valuri kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina, u jtenni l-bżonn li l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet, id-detenturi ta' kariga u l-mexxejja politiċi kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina jallinjaw lill-kostituzzjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
Rikonċiljazzjoni
7. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, inkluża l-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Persuni Neqsin, biex jagħtu kont ta' aktar minn 30 000 ruħ li sfaw nieqsa matul il-kunflitti tas-snin 1990 fit-territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja, u ta' aktar minn 8 000 vittma tal-ġenoċidju ta' Srebrenica; ifakkar li għadhom jirriżultaw nieqsa aktar minn 7 200 ruħ u jħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali u lill-partijiet internazzjonali kkonċernati jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tad-data dwar kwistjonijiet marbuta mal-persuni neqsin, jagħtu riżarċiment lill-vittmi ċivili tal-gwerra, inklużi s-superstiti tal-vjolenza sesswali, u jiżguraw ir-ritorn bla periklu u sostenibbli ta' rifuġjati u tal-persuni spustati internament permezz ta' aċċess għall-assistenza tas-saħħa, għall-edukazzjoni u għall-protezzjoni soċjali; jirrikonoxxi li sar xi progress, għalkemm insuffiċjenti, fl-implimentazzjoni tal-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton dwar ir-Rifuġjati u l-Persuni Spustati; itenni l-appell tiegħu għall-eliminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni rimpatrijati; jitlob l-adozzjoni ta' liġi li tipprojbixxi t-tiċħid tal-ġenoċidju, tal-Olokawst, tad-delitti kontra l-umanità u tad-delitti tal-gwerra;
8. Jistieden lill-awtoritajiet kollha fir-reġjun kollu jistabbilixxu l-Kummissjoni Reġjonali inkarigata li taċċerta l-fatti dwar il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi fit-territorju f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1 ta' Jannar 1991 sal-31 ta' Diċembru 2001 (RECOM), abbażi tal-ħidma sinifikanti li għamlet il-Koalizzjoni RECOM;
9. Jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-RYCO biex jippromwovi l-ispirtu ta' rikonċiljazzjoni u kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ fir-reġjun permezz ta' programmi ta' skambju taż-żgħażagħ, u jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni attiva tal-Bożnija-Ħerzegovina;
10. Itenni li l-azzjoni favur il-proċess ta' rikonċiljazzjoni trid tikkonċentra fuq iż-żgħażagħ tal-pajjiż u tibda minn età bikrija billi tintegra r-rikonċiljazzjoni fil-proċess edukattiv; iħeġġeġ għalhekk lill-awtoritajiet fil-livelli kollha jiżguraw edukazzjoni inklużiva u mhux diskriminatorja għat-tfal kollha, indipendentement mill-oriġini etnika, kulturali jew personali tagħhom, bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali min-naħa tal-Bożnija-Ħerzegovina tal-2019; jissottolinja l-possibbiltà li jsir użu tal-aħjar prattiki f'dawk li huma integrazzjoni u inklużjoni adottati mill-Istati Membri multietniċi u multikulturali;
11. Jisħaq fuq il-bżonn li tintemm b'urġenza s-segregazzjoni fl-edukazzjoni, irrappreżentata prinċipalment mill-prattika diskriminatorja li għaddejja ta' "żewġ skejjel taħt saqaf wieħed" li tistituzzjonalizza l-firdiet etniċi, tħeġġeġ t-tkomplija ta' sterjotipi u preġudizzji u trawwem sfiduċja billi timpedixxi l-kuntatti bejn l-istudenti li jkunu ġejjin minn kuntesti differenti; jissottolinja li din il-prattika mhux biss tmur kompletament kontra l-kunċett stess ta' rikonċiljazzjoni, iżda wkoll tikkostitwixxi theddida fit-tul għall-istabbiltà u għall-prosperità tal-pajjiż;
12. Jissottolinja li d-differenzi fit-tagħlim tal-istorja u fil-kotba tal-iskola joħolqu theddida konsiderevoli għas-sens komuni ta' ċittadinanza u għall-koeżjoni soċjali, u jinkoraġġixxi armonizzazzjoni sinifikanti tat-tliet programmi skolastiċi eżistenti billi tintegra l-ħiliet ta' ħsieb kritiku u telimina l-kontenut kontrofattwali li jippromwovi l-firda;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa programm li jappoġġa riforma sostenibbli fis-sistema edukattiva tal-Bożnija-Ħerzegovina; jenfasizza li edukazzjoni ta' kwalità tagħti liż-żgħażagħ viżjoni u perspettiva ta' futur pożittiv, b'hekk tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-eżodu ta' mħuħ u l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob involviment akbar u promozzjoni tal-programmi edukattivi, kulturali u ta' riċerka Ewropej, bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Kreattiva u Erasmus+;
14. Jistieden lid-deċiżuri jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-istħarriġ tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) li jmiss tal-OECD, u jimplimentaw il-proposti li joħorġu mir-riżultati tal-istħarriġ PISA 2018;
15. Jistieden b'urġenza lill-Bożnija-Ħerzegovina ssib rimedju għall-aċċess mhux ugwali għat-tagħlim mill-bogħod, li wassal biex ħafna tfal ġew miċħuda mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni matul il-pandemija;
Funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi
16. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet, lill-istituzzjonijiet, lid-detenturi ta' kariga u lill-mexxejja politiċi kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina jħaffu l-ħidma u l-kooperazzjoni b'mod sinifikanti biex ikunu konformi b'mod sħiħ mal-14-il prijorità fundamentali preżenti fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-awtoritajiet jimmobilizzaw ir-rieda politika biex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni msaħħa meħtieġa biex tkun indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 u jiddefinixxu l-prijoritajiet fl-oqsma tal-funzjonament demokratiku, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali u tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;
17. Jissottolinja l-bżonn li jissaħħu b'mod konsiderevoli l-kooperazzjoni u l-iskambju tad-data bejn l-Istat, l-entitajiet u l-ġuriżdizzjonijiet kantonali fl-oqsma politiċi kollha; josserva l-bżonn urġenti li jissaħħu l-kapaċità u l-kompetenzi tal-pajjiż rigward firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-fatt li l-pajjiż jissodisfa l-obbligi li joħorġu mill-integrazzjoni Ewropea;
18. Jissottolinja li l-istabbiliment effikaċi, il-funzjonament indipendenti u l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet demokratiċi jikkostitwixxu karatteristika essenzjali ta' demokrazija fattibbli kif ukoll rekwiżit preliminari għall-progress fil-proċess ta' integrazzjoni mal-UE, anki biex jinkiseb l-istatus ta' kandidat; iwissi li r-retorika ta' firda, seċessjonista, etnonazzjonalistika u antikostituzzjonali kif ukoll it-tentattivi biex jiġi ostakolat il-funzjonament tal-istituzzjonijiet jikkompromettu l-koordinament u l-proċess deċiżjonali fuq skala nazzjonali f'dawk li huma riformi u politiki fundamentali, kif ukoll l-għaqda u l-istabbiltà dejjiema;
19. Jevidenzja l-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi Elettorali tal-Bożnija-Ħerzegovina, li ppermettiet liċ-ċittadini ta' Mostar jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali tal-2020 għall-ewwel darba mill-2008, u jilqa' pożittivament il-formazzjoni ta' awtoritajiet lokali ġodda; jistieden lill-kunsill muniċipali u lis-sindku jaqdu l-mandati demokratiċi tagħhom; jissottolinja li l-ftehim politiku bl-ebda mod ma għandu jikkomprometti l-objettiv sostnut minn żmien twil mill-Unjoni biex tkun eliminata s-segregazzjoni u tiġi żgurata r-riunifikazzjoni tal-belt; jenfasizza li kwalunkwe medjazzjoni jew kofaċilitazzjoni tal-ftehimiet min-naħa tal-UE għandha tkun ittrattata fil-qafas ta' istituzzjonijiet eletti demokratikament fi proċess inklużiv, inklużi l-partiti tal-oppożizzjoni u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, għandha tqarreb lill-pajjiż għall-istandards internazzjonali u tkun għall-ġid taċ-ċittadini kollha mingħajr ma tkabbar il-firdiet etniċi;
20. Jilqa' pożittivament il-vot tal-Assemblea Parlamentari tat-22 ta' Lulju 2020 dwar ir-Regoli ta' Proċedura li jirregolaw il-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA), li jwittu t-triq għall-adozzjoni formali tagħhom, mill-aktar fis possibbli, mit-tieni KPSA UE-Bożnija-Ħerzegovina u għal kooperazzjoni parlamentari kostruttiva;
21. Ifakkar li malli ssieħbet mal-Kunsill tal-Ewropa fl-2002, il-Bożnija-Ħerzegovina impenjat ruħha li tindirizza l-lakuni fil-qafas kostituzzjonali tagħha, anki permezz tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet fil-livell kantonali u federali, kif ukoll li tagħmel progress fir-riformi li għandhom jittrasformaw lill-Bożnija-Ħerzegovina fi Stat totalment funzjonanti u inklużiv li jiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini kollha; jisħaq fuq il-fatt li r-riformi istituzzjonali jiddependu mir-rieda u mill-impenn tal-awtoritajiet, tal-istituzzjonijiet, tad-detenturi ta' kariga u tal-mexxejja politiċi tal-pajjiż biex jagħmlu progress reali u li ilu mistenni f'dik li hi bidla kostituzzjonali, li hija parti mill-14-il prijorità fundamentali, preferibbilment qabel l-elezzjonijiet ġenerali tal-2022; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tiffaċilita l-kundizzjonijiet u ssostni b'mod attiv djalogu inklużiv dwar il-bidla kostituzzjonali anki fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Bożnija-Ħerzegovina u fost ir-rappreżentanti eletti fil-Bożnija-Ħerzegovina taħt il-faċilitazzjoni tal-UE, b'mod partikolari tal-Parlament, u bil-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini; jinsisti li djalogu bħal dan irid isir b'mod parallel mal-implimentazzjoni ta' riformi oħra;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tpoġġi aktar enfasi fuq ir-riforma kostituzzjonali fir-rapport annwali li jmiss tagħha;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintensifikaw l-attivitajiet ta' faċilitazzjoni tagħhom fil-Bożnija-Ħerzegovina, sabiex isaħħu d-djalogu politiku u r-rikonċiljazzjoni, u jiddefinixxu qafas biex jiġi indirizzat il-wirt mill-passat u biex jingħelbu l-firdiet fis-soċjetà; jitlob involviment ikkoordinat tal-atturi u tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina u approċċ trans-Atlantiku msaħħaħ;
Stat tad-dritt
24. Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' progress fir-riformi ġudizzjarji, inkluża l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-14-il prijorità tal-opinjoni tal-Kummissjoni u fir-rapport Priebe; itenni l-bżonn urġenti li jitjiebu l-professjonalità u l-obbligu ta' rendikont tal-ġudikatura biex tkun żgurata l-indipendenza minn influwenzi indebiti kif ukoll biex jingħeleb l-arretrat dejjem akbar ta' proċedimenti pendenti; jisħaq li dawn ir-riformi huma essenzjali għall-pajjiż biex jikseb status ta' kandidat u li jiddependu biss mir-rieda politika neċessarja;
25. Iħeġġeġ li tiġi attwata malajr ir-riforma tal-Kunsill Ġudizzjarju u ta' Prosekuzzjoni Għoli (HJPC) u tal-qrati tal-Bożnija-Ħerzegovina f'konformità mal-istandards tal-UE, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja, filwaqt li tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Bożnija-Ħerzegovina permezz tal-ħatra, tal-valutazzjoni, tal-integrità u tal-miżuri dixxiplinari, inkluż permezz tal-verifika tad-dikjarazzjonijiet annwali tal-assi;
26. Jissottolinja l-bżonn li titħalla ssir interpretazzjoni unifikata tad-dritt fil-pajjiż kollu; iħeġġeġ lill-Bożnija Ħerzegovina tistabbilixxi organu ġuridiku li jiżgura l-interpretazzjoni konsistenti u armonizzata tad-dritt, u jfakkar fil-bżonn li jkun żgurat stħarriġ ġudizzjarju indipendenti billi tiġi stabbilita qorti tat-tieni istanza tal-appell;
27. Jilqa' pożittivament il-memorandum ta' qbil dwar it-twaqqif ta' korp konġunt ta' koordinament tal-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin u tal-prosekuturi bħala strument biex jissaħħu l-indipendenza, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-ġudikatura, u jitlob lill-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha jissieħbu fih;
28. Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tistabbilixxi punt ta' kuntatt konġunt għall-kooperazzjoni mal-Europol li jsaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni tal-intelligence f'ambitu kriminali, u tiffirma ftehim ta' kooperazzjoni mal-Eurojust li jippermetti skambju effiċjenti ta' informazzjoni ġudizzjarji u l-kondiviżjoni tal-provi;
29. Jitlob lid-deċiżuri tal-Bożnija-Ħerzegovina jiżguraw b'urġenza li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji jaħdmu korrettament, inkluż il-proċess ta' ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Kostituzzjonali tal-Federazzjoni;
30. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-involviment taċ-ċittadini tagħha fiż-żoni ta' kunflitt barranin;
31. Jitlob li tittieħed azzjoni immedjata biex jiġu indirizzati l-korruzzjoni u l-impunità mifruxin fl-isfera pubblika bil-għan li terġa' tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet; josserva, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-ħolqien ta' mekkaniżmi effikaċi u konsistenti ta' dissważjoni, prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni proattiva u sanzjoni, bi qbil mal-istandards internazzjonali u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO);
32. Jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tadotta strateġija ġdida u pjan ta' azzjoni ġdid għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livell statali, u tiżgura l-finanzjament adegwat tagħhom kif ukoll il-funzjonament, l-indipendenza u l-koordinament effikaċi tal-korpi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fil-livelli kollha bil-għan li jkunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet indipendenti bil-għan li jitħares l-obbligu ta' rendikont;
33. Itenni l-bżonn li jinqerdu r-rabtiet politiċi u amministrattivi mal-kriminalità organizzata permezz ta' salvagwardji u kontrolli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ċari kif ukoll ta' iżjed trasparenza politika u amministrattiva u prosekuzzjoni effikaċi tal-każijiet ta' korruzzjoni ta' profil għoli, b'attenzjoni partikolari fuq l-indirizzar tal-kriminalità ekonomika, finanzjarja u fl-akkwist pubbliku, il-każijiet ta' korruzzjoni relatati mal-COVID-19 u l-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali; iħeġġeġ lill-entitajiet kompetenti jibdew l-investigazzjonijiet tal-arrikkiment illeċitu tal-uffiċjali pubbliċi;
34. Jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tlesti l-qafas ġuridiku tagħha relatat mal-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u mal-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet;
35. Jissottolinja l-bżonn li jiġu żgurati standards professjonali konsistenti fil-livell nazzjonali fis-settur pubbliku, u jitlob li jiġu implimenati, bi prijorità, standards meritokratiċi u trasparenza fil-ħatriet u fil-promozzjonijiet fis-settur pubbliku, b'hekk tiġi promossa kultura ta' integrità; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' Qafas Strateġiku għar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika, li tippermetti l-mobilizzazzjoni ta' fondi tal-UE relatati; ifakkar fil-bżonn ta' razzjonalizzazzjoni u armonizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiż kollu, billi jiġu żgurati ħatriet u proċeduri ta' selezzjoni trasparenti, proporzjonati u bbażati fuq il-mertu;
Drittijiet fundamentali
36. Jesprimi tħassib għal dik li hi s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, u jitlob li l-istrateġiji nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jkunu aktar effikaċi u komprensivi, kif ukoll li jittieħdu miżuri kontra l-intolleranza interkonfessjonali u interetnika; jisħaq fuq il-bżonn ta' prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u ta' prosekuzzjoni b'mod opportun tal-proliferazzjoni tad-diskors ta' mibegħda online u offline, tar-reati ta' mibegħda u tal-vjolenza fil-konfront tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, tan-nisa, tal-komunità LGBTIQ+ kif ukoll tal-migranti u tal-persuni li qed ifittxu ażil, u ta' promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, edukattiva u okkupazzjonali tal-minoranzi u tal-popolazzjonijiet vulnerabbli, inklużi l-persuni b'diżabbiltà u r-Rom, bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' Poznań tal-2019 dwar l-Integrazzjoni tar-Rom fi ħdan il-Proċess tat-Tkabbir tal-UE;
37. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi mmirati lejn il-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon, ir-rispett reċiproku u d-djalogu interkonfessjonali, inkluż permezz tal-Kunsill Inter-Reliġjuż tal-Bożnija-Ħerzegovina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw fil-pront u jwettqu l-prosekuzzjoni tar-reati kollha kommessi għal raġunijiet reliġjużi;
38. Jinsisti li rikonċiljazzjoni reali hija impossibbli jekk ikomplu s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni, inkluż fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi u d-drittijiet soċjali online u offline, u jitlob li jkun hemm miżuri biex tittaffa d-diskriminazzjoni fuq skala kbira kontra gruppi speċifiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw edukazzjoni inklużiva u mhux diskriminatorja għat-tfal kollha;
39. Jinnota progress fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal, inkluża l-implimentazzjoni tal-Liġijiet dwar il-Protezzjoni u t-Trattament tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi Proċedimenti Kriminali u l-istabbiliment ta' sistema ta' foster care; ifakkar fil-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni għall-protezzjoni tat-tfal u aktar miżuri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-dritt tat-tfal għas-saħħa, għall-edukazzjoni, għall-protezzjoni, għall-ġustizzja u għal opportunitajiet indaqs permezz ta' edukazzjoni inklużiva u tal-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal;
40. Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-miżuri mmirati lejn il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, li ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jiġu żgurati miżuri fuq skala nazzjonali biex jiġu garantiti l-protezzjoni, l-appoġġ għall-vittmi, l-għajnuna legali u l-akkomodazzjoni sikura; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jarmonizzaw u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jiżguraw appoġġ adegwat għad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi allokat finanzjament speċifikament għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istrumenti ta' finanzjament estern kollha tal-UE, u jittejjeb l-aċċess għall-finanzjamenti min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u żgħar;
41. Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tintensifika l-ħidma tagħha biex tipproteġi lill-persuni b'diżabbiltà, u tiżviluppa u tadotta strateġija dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, filwaqt li tiżgura ħajja dinjituża għall-persuni b'diżabbiltà; jikkundanna l-fatt li l-liġi tippermetti lil persuni b'diżabbiltà jiġu miċħuda mill-kapaċità ġuridika tagħhom, bi ksur ċar tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà, li l-pajjiż huwa firmatarju tagħha; jiddenunzja d-diskriminazzjoni fl-appoġġ għad-diżabbiltà, bħall-prijorità mogħtija lill-persuni b'diżabbiltà relatata mal-gwerra;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-pajjiż permezz tal-involviment adegwat u inklużiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' integrazzjoni mal-UE; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili billi jirrispettaw l-istandards Ewropej dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda, u jiddeplora kwalunkwe restrizzjoni selettiva; jissottolinja li kull ċittadin għandu d-dritt jeżerċita l-libertà ta' espressjoni tiegħu f'ilsien twelidu; jistieden lill-awtoritajiet jiżviluppaw qafas strateġiku ta' kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u jiżguraw konsultazzjoni sinifikattiva bħala parti minn djalogi politiċi inklużivi;
43. Ifaħħar l-ewwel Pride ta' Sarajevo, li sar fid-9 ta' Settembru 2019, u jistenna li l-aktar restrizzjonijiet reċenti relatati mal-pandemiji ma jżommuhiex milli tkompli sseħħ fil-futur qrib; ifakkar fil-ħtieġa li tijieb is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ+, li ssir prosekuzzjoni tal-vjolenza u tar-reati ta' mibegħda kontrihom, kif ukoll li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tagħhom u li jiġi adottat pjan ta' azzjoni rilevanti;
44. Jilqa' pożittivament l-iffirmar min-naħa tal-Bożnija-Herzegovina tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 108+, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu miżuri mil-lat ġuridiku biex jiżguraw standards ta' protezzjoni tad-data personali konformi mal-UE;
45. Ifaħħar id-deċiżjoni li ħadet il-Qorti Kostituzzjonali, tal-4 ta' Ottubru 2019, dwar ir-revoka tal-Artikolu 11 tal-Kostituzzjoni tal-entità tar-Repubblika Serba tal-Bożnija-Ħerzegovina (Republika Srpska), b'hekk ġiet abolita l-piena tal-mewt fil-Bożnija-Ħerzegovina kollha kemm hi; jesprimi dispjaċir, madankollu, li din id-deċiżjoni, li tissodisfa parti minn waħda mill-prijoritajiet fundamentali, kellha tiġi imposta minn Qorti minflok ma rriżultat minn proċess politiku;
46. Jiddeplora l-fatt li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha qed tikser il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem billi ma tikkonformax mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) kontra d-diskriminazzjoni fil-kawżi Sejdić-Finci, Zornić, Pilav u Šlaku dwar l-iżgurar tal-ugwaljanza demokratika taċ-ċittadini fil-proċess elettorali tal-pajjiż, li huwa prerekwiżit għall-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni; jitlob l-attwazzjoni tas-sentenzi tal-QEDB u tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina mingħajr aktar dewmien; josserva n-nuqqasijiet kontinwi fil-proċess elettorali, u jtenni l-bżonn urġenti li jiġu indirizzati, permezz tal-bidliet kostituzzjonali meħtieġa, ir-restrizzjonijiet diskriminatorji bbażati fuq l-oriġini etnika u l-obbligu ta' residenza għad-dritt li dak li jkun joħroġ bħala kandidat;
47. Jistieden lill-awtoritajiet, lill-istituzzjonijiet, lid-detenturi ta' kariga u lill-mexxejja politiċi biex jerġgħu jibdew negozjati inklużivi dwar ir-riforma elettorali, u jiddispjaċih bin-nuqqas ta' rieda tagħhom li jimplimentaw dawn id-deċiżjonijiet billi jeliminaw il-forom kollha ta' inugwaljanza u diskriminazzjoni fil-proċess elettorali; jenfasizza li kien possibbli li jintlaħaq ftehim dwar l-elezzjonijiet ta' Mostar, li juri rieda politika biex jintlaħaq kompromess, u jenfasizza li kwalunkwe ftehim dwar kwistjonijiet relatati mal-elezzjonijiet ma jridx jintuża ħażin għal skopijiet oħra għajr dawk stabbiliti mill-QEDB; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu implimentati dawn il-bidliet preferibbilment qabel l-elezzjonijiet ġenerali tal-2022, filwaqt li tiġi żgurata rappreżentanza politika adegwatament diversifikata fil-livelli kollha ta' governanza u jiġi żgurat li l-elezzjonijiet isiru f'konformità mal-istandards Ewropej bl-implimentazzjoni tal-ODIHR tal-OSKE u mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni ta' Venezja;
48. Jitlob li jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa fl-allegati irregolaritajiet elettorali, fosthom il-frodi tar-reġistrazzjoni tal-votanti, is-serq tal-identità, l-ostakoli għall-osservazzjoni elettorali indipendenti u l-pressjonijiet politiċi illeċiti fuq il-votanti u l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Bożnija-Ħerzegovina matul l-elezzjonijiet muniċipali tal-2020, inklużi l-elezzjonijiet f'Mostar; jitlob miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali;
49. Jesprimi dispjaċir għall-pressjonijiet politiċi u finanzjarji kontinwi fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-istrumentalizzazzjoni tagħhom, li żdiedu matul il-pandemija tal-COVID-19, u li jikkompromettu l-libertà ta' espressjoni u l-pluraliżmu medjatiku; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ambjent ostili fil-konfront tal-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw u jħarrku b'mod effikaċi t-theddid u l-attakki verbali u fiżiċi fuq il-ġurnalisti u l-persunal tal-mezzi ta' komunikazzjoni kollha; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tistabbilixxi mekkaniżmu għall-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-ksur tal-libertà ta' espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni fil-pajjiż kollu kemm hu, skont il-Memorandum ta' Qbil iffirmat mal-OSKE;
50. Itenni l-appell tiegħu li jiġu attwati miżuri leġiżlattivi effettivi li jiżguraw it-trasparenza tal-istruttura ta' sjieda editorjali u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, flimkien mar-regoli dwar is-sussidji u r-reklamar; jinsisti li għandhom jittieħdu miżuri effettivi fil-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda kemm online kif ukoll offline;
51. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu żgurati l-finanzjament sostenibbli, l-indipendenza, l-oġġettività u t-trasparenza finanzjarja tas-servizz tax-xandir pubbliku fl-Istat kollu (BHRT), xandara pubbliċi fil-livell tal-entità u l-Aġenzija Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet;
52. Ifakkar li kontenut multilingwi ta' kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina huwa komponent essenzjali tal-pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni ġenwin li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-diversità kulturali fil-pajjiż; iħeġġeġ l-ħolqien ta' xandar pubbliku multinazzjonali u multilingwi li jgħaqqad lin-nies u jippromwovi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fost l-Istati fl-Ewropa tax-Xlokk, fuq l-eżempju ta' ARTE;
53. Ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni u li jiġu promossi ġurnaliżmu ta' kwalità, aċċertament tal-fatti u litteriżmu medjatiku sabiex jiġu indirizzati l-propaganda, id-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz, u jinkoraġġixxi l-introduzzjoni tal-mezzi ta' komunikazzjoni, l-informazzjoni u l-litteriżmu diġitali fil-kurrikuli tal-edukazzjoni; jinsisti li l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha sabiex tiġġieled b'mod proattiv u effettiv kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-indħil barrani; jinnota li permezz tat-tgħawwiġ tal-fatti u tal-isfruttament tad-differenzi etniċi u reliġjużi, ċerti atturi barranin għandhom l-għan li jimminaw ir-riformi, ikebbsu l-firdiet li jipperikolaw l-għaqda tal-pajjiż, kif ukoll inaqqsu l-kredibbiltà tal-UE u l-importanza tal-azzjonijiet tagħha fir-reġjun, speċjalment fir-rigward tal-proċess ta' tkabbir ġenerali u l-assistenza finanzjarja matul il-pandemija tal-coronavirus, u b'hekk jipperikolaw l-istabbiltà tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-integrazzjoni Ewropea tagħha; jistieden lill-UE toffri aktar assistenza, finanzjarja u ta' tip ieħor, lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-Bożnija-Ħerzegovina, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-pajjiż biex jiġġieled kontra dan it-theddid;
54. Jitlob li l-proċess ta' integrazzjoni tal-UE jiġi kkomunikat b'mod xieraq lill-pubbliku, inkluż bħala proġett għar-rikonċiljazzjoni u għall-iżvilupp ta' kultura politika bbażata fuq il-kompromess u l-fehim reċiproku;
55. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jtejbu l-koordinament u jindirizzaw id-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu li jippruvaw idgħajfu l-prospettiva Ewropea tar-reġjun billi jenfasizzaw b'mod aktar strateġiku r-rilevanza tal-UE għaċ-ċittadini fir-reġjun;
56. Jinsab imħasseb biż-żieda fil-pressjoni migratorja fuq il-pajjiż u l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza inadegwati li wasslu għal sitwazzjoni umanitarja gravi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jaħdmu fuq soluzzjonijiet sinifikanti, sostenibbli, immedjati u fit-tul għas-sitwazzjoni, permezz ta' rispons koordinat, strateġiku u għall-pajjiż kollu, koordinament interistituzzjonali effettiv, u ġestjoni tal-fruntieri u kapaċitajiet ta' akkoljenza mtejba, biex joffru aċċess għal assistenza umanitarja u kundizzjonijiet ta' ħajja bażiċi dinjitużi, inklużi salvagwardji speċjali għal minorenni mhux akkumpanjati, aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u protezzjoni tat-tfal; jitlob kondiviżjoni tar-responsabbiltà ekwa fit-territorju kollu tal-Bożnija-Ħerzegovina filwaqt li tiġi evitata l-politiċizzazzjoni u jiġi żgurat sostenn adegwat għall-komunitajiet lokali li jilqgħu fihom ċentri ta' akkoljenza temporanji; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tikkonkludi ftehim mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità għall-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil u tittejjeb il-kooperazzjoni mal-UE, inkluż dwar ir-risistemazzjoni bħala rotta sikura u legali għall-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali;
57. Jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina u lill-UE jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali ta' dawk fil-bżonn, jaħdmu fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq is-solidarjetà u jipprevjenu ksur irrapportat tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet fundamentali, bħal pushbacks irrappurtati fil-fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ u investigazzjoni; isostni l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju tal-Frontex tal-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji tal-UE u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jinvolvu ruħhom b'mod attiv mal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina sabiex jiżviluppaw sistema ta' migrazzjoni u ażil li tiffunzjona u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji tal-UE u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali joffru aktar assistenza operattiva, teknika, loġistika u finanzjarja lill-Bożnija-Ħerzegovina biex jiġu żgurati kapaċitajiet u kundizzjonijiet ta' akkoljenza xierqa fil-pajjiż kollu, preferibbilment fil-punti ta' dħul tal-migranti fil-pajjiż, l-aċċess għal proċedura effettiva tal-ażil, it-tisħiħ tal-kapaċità għall-ipproċessar tal-migranti li jkunu deħlin u t-talbiet għall-ażil, u, fejn applikabbli, iwettqu proċeduri ta' ritorn f'konformità mal-istandards internazzjonali u Ewropej; jitlob li ssir valutazzjoni tal-finanzjament rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-assistenza tal-UE trasparenti, kredibbli u subordinata għal kundizzjonijiet għall-ħtiġijiet tal-migrazzjoni taqdi l-iskop tagħha u tilħaq lill-benefiċjarji fil-mira;
58. Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina żżid l-isforzi tagħha kontra l-kriminalità transfruntiera, speċjalment it-traffikar tal-bnedmin, tal-armi tan-nar u tad-drogi billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika mal-pajjiżi ġirien u l-aġenziji rilevanti tal-UE (Europol, Eurojust, Frontex); jistieden lill-pajjiż jiżgura l-iffirmar u r-ratifika malajr tal-ftehim dwar l-istatus mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) li ntlaħaq fil-5 ta' Frar 2019, li jkun jiffaċilita protezzjoni aħjar tal-fruntieri fir-rispett sħiħ td-drittijiet fundamentali, filwaqt li jgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, inkluż it-traffikar tal-bnedmin minn organizzazzjonijiet kriminali, u jipprevjeni l-migrazzjoni irregolari;
59. Jappella għal rispons koordinat, strateġiku u trasparenti fil-pajjiż kollu għall-emerġenza tas-saħħa li għaddejja bħalissa u l-mitigazzjoni mhux diskriminatorja u l-miżuri ta' rkupru wara l-pandemija, li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, tal-minoranzi u tal-gruppi vulnerabbli, inklużi l-migranti u r-rifuġjati;
60. Jitlob informazzjoni u kondiviżjoni tad-data aktar proattivi dwar il-pandemija, u miżuri urġenti u speċifiċi biex tiġi indirizzata l-qagħda mwiegħra tan-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja, inkluża l-vjolenza domestika, li kompliet tiżdied matul il-pandemija;
61. Ifakkar fis-sostenn tal-UE relatat mal-COVID-19 biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni akuta fil-pajjiż, inklużi garanziji ġodda għal self ta' EUR 12-il miljun biex jiġu appoġġati l-SMEs; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi tal-Unjoni, inkluża adeżjoni għall-Ftehim ta' Akkwist Konġunt għal tagħmir mediku; jissottolinja l-importanza tas-solidarjetà Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw kwantità suffiċjenti ta' vaċċini kontra l-COVID-19 għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jappoġġaw t-tlestija għal u l-implimentazzjoni tal-vaċċini; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-eżenzjoni mill-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni u l-pakkett li jippermetti lill-Bożnija-Ħerzegovina u lil sħab oħra tal-Balkani tal-Punent finalment jibbenefikaw mill-Ftehimiet ta' Xiri bil-Quddiem tal-UE;
62. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jiżguraw il-bilanċ it-tajjeb bejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u r-restrizzjonijiet neċessarji għall-pandemija, b'mod partikolari rigward il-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-espressjoni; iqis li miżuri fuq terminu qasir li jindirizzaw it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku relatat mal-pandemija fil-kummerċ, is-servizzi, it-trasport, il-manifattura u t-turiżmu m'għandhomx idgħajfu l-implimentazzjoni ta' riformi fit-tul;
63. Ifakkar li l-lakuni fl-istat tad-dritt, flimkien ma' swieq tal-prodotti u tax-xogħol frammentati u li jiffunzjonaw ħażin, jikkompromettu l-funzjonament tal-ekonomija tas-suq, it-tkabbir ekonomiku u l-flussi ta' investiment dirett barrani (FDI) deħlin;
Riformi soċjoekonomiċi
64. Jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina żżid il-miżuri soċjoekonomiċi u attivi tas-suq tax-xogħol, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, tnaqqas fil-qgħad fit-tul, inkluż dak fost in-nisa u ż-żgħażagħ, sabiex jiġi indirizzat it-tnaqqis demografiku u l-eżodu ta' mħuħ l-iktar akut fir-reġjun, b'mod partikolari fis-settur tas-saħħa u tal-IT, billi tinvesti aktar fis-settur tal-edukazzjoni, inkluż fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, billi tindirizza diskrepanza bejn il-ħtiġijiet tal-edukazzjoni u dawk tas-suq tax-xogħol, u tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fl-impjiegi; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-inizjattiva ta' Garanzija taż-Żgħażagħ emblematika bħala parti mill-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent, li għandha l-għan li tiżgura opportunitajiet ta' impjiegi kwalitattivi, edukazzjoni kontinwa u traineeships għaż-żgħażagħ;
65. Jistieden lill-awtoritajiet isaħħu l-miżuri biex jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanza, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali, jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-maternità u tal-paternità fost l-entitajiet u l-kantuni, jipprevjenu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, u jrawmu d-djalogu soċjoekonomiku fost is-sħab soċjali;
66. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħtu prijorità lill-miżuri mmirati biex jagħtu spinta lid-diversifikazzjoni ekonomika, lid-diġitalizzazzjoni u lill-indirizzar tal-ekonomija informali, filwaqt li jiġu żviluppati mekkaniżmi effikaċi u trasparenti għas-suq enerġetiku, għall-infrastrutturi tat-trasport, għat-turiżmu sostenibbli u għall-appoġġ favur l-SMEs;
67. Jissottolinja l-urġenza li jinħoloq spazju ekonomiku uniku fil-pajjiż kollu, inkluż billi jiġu ssemplifikati, ċentralizzati u armonizzati l-proċeduri għar-reġistrazzjoni, il-ħruġ ta' liċenzji, il-permessi u l-insolvenza ta' negozji; jenfasizza l-potenzjal kbir tad-diġitalizzazzjoni għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-Bożnija-Ħerzegovina;
68. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri previsti fil-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-2020-2022 u l-Gwida Politika bbażata fuq id-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju;
69. Iġedded l-appelli tiegħu għall-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u għal aktar trasparenza baġitarja fil-Bożnija-Ħerzegovina, li tippermetti appoġġ tal-baġit iffinanzjat mill-UE; ifakkar fil-ħtieġa li jsir progress dwar is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u l-isforzi ta' konsolidazzjoni tal-baġit; jesprimi dispjaċir għat-tilwim bejn l-entitajiet li jaffettwa l-funzjonament tas-sistema tat-taxxa unika u indiretta; ifakkar fil-ħtieġa ta' ristrutturar koerenti u trasparenti u depolitiċizzazzjoni tal-kumpaniji pubbliċi fil-pajjiż kollu, li jwasslu għal titjib fil-governanza u t-trasparenza; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi stabbilit reġistru pubblikament disponibbli ta' impriżi statali;
70. Jitlob li jiġu żgurati l-funzjonament u l-infurzar effettivi tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni u l-Kunsill tal-Għajnuna mill-Istat, u l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; jissottolinja li l-indipendenza tal-Bank Ċentrali u r-riżervi tiegħu hija essenzjali għall-istabbiltà makroekonomika; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata statistika f'waqtha, komprensiva u ta' kwalità għolja fil-pajjiż kollu;
71. Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tippromwovi b'mod attiv l-integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-Balkani tal-Punent, u tappoġġa l-proposta biex jitnaqqsu t-tariffi tar-roaming fir-reġjun; jinnota l-estensjoni tal-preferenzi kummerċjali tal-UE għall-Balkani tal-Punent sal-31 ta' Diċembru 2025, biex b'hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
72. Iħeġġeġ lill-pajjiż jippromulga bis-sħiħ il-liġi dwar il-politika doganali, jimplimenta l-aspetti kummerċjali taż-Żona Ekonomika Reġjonali (REA) u jlesti l-passi meħtieġa biex tiġi konkluża l-adeżjoni tiegħu mad-WTO;
Konnettività, enerġija u ambjent
73. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinvesti b'mod aktar strateġiku fil-Balkani tal-Punent permezz ta' Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (EIP) iddedikat u jagħraf l-importanza tiegħu fit-tisħiħ ta' kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera; jenfasizza li l-investimenti tal-EIP iridu jkunu konformi mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi klimatiċi tal-UE, u jipprevedu valutazzjonijiet ex ante tal-impatt ambjentali; jagħraf il-potenzjal tal-EIP biex jikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tal-iżvilupp soċjali u l-irkupru fit-tul wara l-pandemija, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jkunu jinkludu kemm inċentivi kif ukoll kundizzjonalitajiet, u jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-tisħiħ tad-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għall-persuni kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina;
74. Ifakkar li finanzjament ta' qabel l-adeżjoni prevedibbli jiddependi minn metodi ta' koordinament effettivi u l-implimentazzjoni ta' strateġiji u riformi fil-pajjiż kollu; jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità ta' assorbiment għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni; jisħaq li għandha titwettaq allokazzjoni tal-finanzjament b'mod trasparenti, effettiv, responsabbli, depolitiċizzat u mhux diskriminatorju; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-livelli kollha u benefiċjarji oħra tal-finanzjament tal-Unjoni jsaħħu t-trasparenza u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-Unjoni u jikkomunikaw b'mod adegwat dwar il-valur miżjud tal-appoġġ tal-Unjoni;
75. Jirrakkomanda li ssir enfasi fuq investiment pubbliku sostenibbli u inklużiv li jsaħħaħ it-tkabbir, proġetti tal-enerġija u tal-infrastruttura li jżidu l-konnettività, il-multimodalità tat-trasport u s-sikurezza fit-toroq, f'konformità sħiħa mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u l-impatt soċjoekoloġiku, inkluża l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) u l-valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS);
76. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jtejbu l-allinjament mal-istandards u mal-objettivi politiċi tal-UE fil-qasam tal-ħarsien tal-klima u tal-enerġija, b'hekk jaġevolaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jitlob li jiġu ddefiniti l-prijoritajiet f'dawk li huma miżuri li jnaqqsu d-degradazzjoni ekoloġika u r-riskji ambjentali għas-saħħa;
77. Jilqa' favorevolment l-adozzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent, li trid tinċentiva t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu salvagwardjati u mħarsa ż-żoni ambjentalment sensittivi;
78. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżviluppaw strateġija enerġetika nazzjonali li tiggarantixxi allinjament sħiħ u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-objettivi rilevanti tal-UE f'dawk li huma klima u bijodiversità; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' pprezzar tal-karbonju bħala mezz għal dekarbonizzazzjoni effettiva f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-impenji politiċi li saru fid-Dikjarazzjoni ta' Sofija tal-2020;
79. Jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tal-konservazzjoni tan-natura, billi hija waħda mill-pajjiżi fl-Ewropa bl-akbar bijodiversità fl-ispeċijiet ta' pjanti u annimali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jikkonsultaw lill-komunitajiet lokali, lis-soċjetà ċivili u lill-esperti indipendenti dwar proġetti soċjoekoloġikament sensittivi;
80. Jappella għal sforzi msaħħa, armonizzati u konsistenti mal-pajjiż kollu biex tittejjeb il-kwalità tal-arja f'konformità mal-acquis tal-UE dwar it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet transfruntiera dannużi; jieħu nota tal-fatt li l-emissjonijiet mill-Bożnija-Ħerzegovina tal-ossidi tan-nitroġenu f'impjanti kbar tal-kombustjoni issa huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jħeġġeġ azzjoni rapida biex jiġi rimedjat il-ksur tal-limiti massimi tal-emissjonijiet għat-trab u d-diossidu tal-kubrit;
81. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sostenibbiltà tas-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija billi tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika u lid-diversifikazzjoni permezz tal-użu sostenibbli ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; ifakkar li d-dipendenza żejda mill-faħam iddewwem tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli li jmissha ilha li saret; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu passi biex jeliminaw b'mod gradwali l-impjanti tal-enerġija mill-faħam, mhux effiċjenti u niġġiesa; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' "tranżizzjoni ġusta";
82. Jilqa' pożittivament it-traspożizzjoni tar-regolamenti dwar il-kodiċi ta' konnessjoni tal-elettriku kif ukoll it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 (ir-Regolament REMIT)(11) fil-qafas regolatorju nazzjonali tal-elettriku, u jistieden lill-awtoritajiet japplikaw ukoll l-istess reġim ta' integrità fis-settur tal-gass;
83. Iħeġġeġ lill-pajjiż jadotta liġi dwar ir-regolatur tal-elettriku u tal-gass naturali, it-trażmissjoni u s-suq tal-elettriku fuq livell tal-Istat u jimplimenta miżuri nazzjonali ta' effiċjenza enerġetika u l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiżgura konformità mal-obbligi tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u t-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkontribwixxu għall-konnettività reġjonali billi jaħdmu favur it-tlestija tas-Suq tal-enerġija reġjonali u jenfasizza li n-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mal-acquis relatat tal-komunità tal-enerġija fis-setturi tal-elettriku u tal-gass jipperikola l-prospettivi tal-integrazzjoni tas-settur tal-enerġija reġjonali;
84. Jissottolinja li l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta' proġetti ekosensittivi, bħall-iżvilupp tal-enerġija idroelettrika, iridu jikkonformaw ma' normi internazzjonali u tal-UE dwar valutazzjonijiet tal-impatt u protezzjoni ambjentali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati u mħarrka b'mod effettiv ir-reati ambjentali, tiżdied is-sorveljanza tal-ispezzjoni u tiġi miġġielda l-kostruzzjoni illegali;
85. Jitlob li jittieħdu passi li jippermettu proċessi ta' ġestjoni bħala parti minn sistema ta' informazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart, li jistabbilixxu faċilitajiet ta' riċiklaġġ adegwati u jipprevjenu d-dumping illegali tal-iskart;
86. Ifakkar fil-ħtieġa li tittejjeb it-tħejjija għall-fenomeni tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-għargħar u l-perjodi ta' nixfa; ifakkar li l-Bożnija-Ħerzegovina għad trid tistabbilixxi sistema ta' informazzjoni ta' rispons għall-emerġenzi ċivili u integrata;
Politika estera u ta' sigurtà;
87. Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tkompli ttejjeb progressivament l-allinjament mal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), wara li laħqet medja ta' 70 %, billi din tikkostitwixxi element essenzjali tal-adeżjoni mal-UE; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Bożnija-Ħerzegovina tallinja ruħha mad-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill li jintroduċu miżuri restrittivi tal-UE;
88. Jitlob li jissaħħu r-relazzjonijiet ta' bon viċinat u l-isforzi, li żdiedu, maħsuba biex isolvu l-kwistjonijiet bilaterali pendenti kollha, bħad-demarkazzjoni tal-fruntiera mal-Kroazja u s-Serbja u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo;
89. Jilqa' l-kontribut tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-missjonijiet ta' taħriġ tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tal-UE, il-parteċipazzjoni tagħha fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Sħubija (MAP) tan-NATO u l-kontribut tal-pajjiż għall-Missjoni ta' Appoġġ Determinat (RSM) tan-NATO fl-Afganistan; jilqa', barra minn hekk, l-iffirmar ta' pjan direzzjonali konġunt UE-Bożnija-Ħerzegovina għal azzjoni dwar l-inizjattiva tas-sħubija G7 għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà;
90. Jemmen b'konvinzjoni li komunikazzjoni aħjar tal-impenn tal-UE fil-konfront tar-reġjun hija ta' importanza kbira biex jiġu indirizzati l-influwenzi barranin malinji;
91. Jissottolinja li jinħtieġ li l-UE u l-Istati Uniti jsaħħu s-sħubija u l-koordinament tagħhom fil-Balkani tal-Punent sabiex jgħinu fil-progress tar-riformi fundamentali, itejbu l-governanza u r-rikonċiljazzjoni;
92. Jilqa' favorevolment il-preżenza kontinwa tal-operazzjoni Althea tal-EUFOR fil-pajjiż u l-proroga tal-mandat tal-EUFOR sa Novembru 2021; ifaħħar il-ħidma tal-operazzjoni Althea tal-EUFOR li wittet it-triq għall-paċi, l-istabbilizzazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina; ifakkar li din il-missjoni għad għandha rwol ċentrali għas-sikurezza u l-istabbiltà tal-pajjiż u r-reġjun;
93. Ifaħħar l-EUFOR talli baqgħet topera bis-sħiħ u kompliet tappoġġa l-pajjiż minkejja l-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19; jiddispjaċih bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Operazzjoni Althea; jistenna bil-ħerqa r-rieżami strateġiku li jmiss tal-operazzjoni, u jisħaq li din għandha żżomm r-riżorsi ta' intelliġenza tagħha u r-riżervi faċilment disponibbli;
94. Japprezza l-isforzi kontinwi u li għaddejjin fil-qasam tat-tneħħija ta' armi, munizzjon, splussivi u mini, u jfakkar fl-importanza tal-finanzjament xieraq ta' dan il-qasam; jitlob aktar appoġġ mill-UE u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex tiġi żgurata l-intensifikazzjoni tat-tneħħija tal-mini, bil-għan li l-Bożnija-Ħerzegovina tkun meħlusa minn dawn il-fdalijiet tas-snin mifnija bil-gwerer tagħha;
95. Jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-isforzi fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fil-Bożnija-Ħerzegovina u fir-reġjun; ifaħħar, għalhekk, l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-Bożnija-Ħerzegovina 2021-2024 għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir u l-pjan ta' azzjoni tagħha, u l-inizjattiva korrispondenti Franko-Ġermaniża mnedija fl-2018, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ u b'determinazzjoni għall-implimentazzjoni tagħhom, bl-appoġġ tal-UE;
96. Jitlob li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' djalogu politiku u strateġiku ta' livell għoli mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz ta' summits regolari UE-Balkani tal-Punent, sabiex tissaħħaħ is-sjieda politika tal-proċess tat-tkabbir u jiġu żgurati tmexxija aħjar u impenn ta' livell għoli, kif stabbilit fil-metodoloġija riveduta tat-tkabbir;
97. Jerġa' jafferma l-pożizzjoni tiegħu skont liema r-rappreżentanti tal-Bożnija-Ħerzegovina u ta' pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent imisshom ikunu inklużi u involuti b'mod attiv fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll dak tas-soċjetà ċivili, inklużi ż-żgħażagħ;
o o o
98. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, tar-Repubblika Serba tal-Bożnija-Ħerzegovina (Republika Srpska) u tad-Distrett ta' Brčko, kif ukoll lill-gvernijiet tal-għaxar kantuni.
Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).