Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2245(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0215/2021

Testi mressqa :

A9-0215/2021

Dibattiti :

PV 05/07/2021 - 16
CRE 05/07/2021 - 16

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2021 - 14
PV 07/07/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0332

Testi adottati
PDF 194kWORD 65k
L-Erbgħa, 7 ta' Lulju 2021 - Strasburgu
Kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2019
P9_TA(2021)0332A9-0215/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2019 (2020/2245(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2019 tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju 2019 tal-Grupp tal-BEI u r-Rapport Statistiku 2019 tal-Grupp tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-EIB Group Sustainability Report (Rapport dwar is-Sostenibbiltà 2019 tal-Grupp tal-BEI) u l-EIB Group Carbon Footprint Report (Rapport dwar l-Impronta tal-Karbonju tal-Grupp tal-BEI) li jakkumpanjah,

–  wara li kkunsidra r-Report on the implementation of the EIB Group Transparency Policy in 2019 (Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Trasparenza tal-Grupp tal-BEI fl-2019),

–  wara li kkunsidra l-EIB Complaints Mechanism Report 2019 (Rapport tal-BEI dwar il-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-2019),

–  wara li kkunsidra l-Annual Report 2019 on EIB Activity in Africa, the Caribbean, the Pacific, and the Overseas Countries and Territories (Rapport Annwali 2019 tal-Attività tal-BEI fl-Afrika, il-Karibew, il-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji Ekstra-Ewropej),

–  wara li kkunsidra l-Audit Committee Annual Reports for the year 2019 (Rapport Annwali tal-Kumitat tal-Verifika għas-sena 2019),

–  wara li kkunsidra l-EIB Investment Report 2019/2020: accelerating Europe’s transformation (Rapport tal-BEI dwar l-Investiment 2019/2020: l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni tal-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-EIB Group Corporate Governance Report 2019 (Rapport tal-Grupp tal-BEI dwar il-Governanza Korporattiva 2019),

–  wara li kkunsidra l-Fraud investigations Activity Report 2019 (Rapport tal-Attività tal-2019 dwar l-investigazzjonijiet kontra l-frodi),

–  wara li kkunsidra l-EIB Group Operational Plan 2019 (Pjan Operattiv tal-Grupp tal-BEI għall-2019),

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2019 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 03/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tad-29 ta' Jannar 2019 bit-titolu "Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi: Jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex il-FEIS ikun suċċess totali"(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 12/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-12 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti: Tnieda biex jagħti spinta lill-investiment fl-UE, iżda l-impatt tiegħu għadu limitat",

–  wara li kkunsidra l-European Investment Advisory Hub Annual report 2019 (Rapport taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti tal-2019),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (SWD(2019)0333), u tas-sommarju eżekuttiv tagħha (SWD(2019)0334) ippubblikat fit-13 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI u l-Protokoll Nru 28 tiegħu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2019 dwar il-ġestjoni tal-fond ta' garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fl-2018 (COM(2019)0244),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku ta' Settembru 2016, bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment – rapport annwali 2018(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0215/2021),

A.  billi l-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u għall-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' strumenti ta' investiment iddedikati bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza;

B.  billi l-objettiv primarju tal-BEI, skont l-Artikolu 309 TFUE, huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni, billi jiffaċilita l-finanzjament ta' proġetti għall-iżvilupp tar-reġjuni anqas żviluppati u proġetti ta' interess komuni għal diversi Stati Membri li jkollhom ta' daqs jew xorta li ma jistgħux jiġu finanzjati mid-diversi mezzi disponibbli fl-Istati Membri individwali;

C.  billi l-Grupp tal-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni u għall-iżvilupp reġjonali tal-UE, skont l-Artikolu 309 TFUE u tal-Protokoll Nru 28;

D.  billi l-UE għaddiet minn nuqqas ta' investiment gravi wara l-kriżi finanzjarja filwaqt li affrontat domanda urġenti għall-investimenti biex tlaħħaq mat-trasformazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà f'termini ekoloġiċi u diġitali meħtieġa;

E.  billi f'Novembru 2019 il-BEI adotta Politika ġdida dwar is-Self fis-Settur tal-Enerġija u, f'Diċembru 2020, Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku;

F.  billi l-BEI mistenni jiżvolġi rwol fundamentali fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bis-saħħa tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

G.  billi l-BEI mistenni jsostni tranżizzjoni ekoloġika ġusta bis-saħħa tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta;

H.  billi l-objettivi ta' politika pubblika, bħal ma huma l-koeżjoni territorjali u soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra l-qgħad (fost iż-żgħażagħ), il-faqar u l-esklużjoni soċjali, għandhom ikunu fil-qalba tal-attenzjoni tal-objettivi tal-Bank, fil-missjoni tiegħu li jikkonsisti f'li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern;

I.  billi, mill-2014 sal-2019, il-Bank forna aktar minn EUR 100 biljun f'finanzjamenti fir-reġjuni ta' koeżjoni;

J.  billi l-BEI qiegħed jikkunsidra jsirx l-ewwel bank multilaterali tal-iżvilupp biex ikun allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi u l-Kunsill diġà talab lill-BEI u lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jippreżentaw dawn il-pjanijiet għal diskussjonijiet futuri;

K.  billi fid-diliġenza dovuta u fil-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-BEI għandhom jiġu inklużi b'mod debitu s-salvagwardji kontra l-frodi, fosthom il-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, u kontra l-finanzjament tar-riskji ta' terroriżmu u l-korruzzjoni;

L.  billi l-BEI jiżvolġi rwol importanti barra mill-UE bis-saħħa tal-attivitajiet ta' self estern li jagħmluh l-akbar istituzzjoni finanzjarja multilaterali tad-dinja;

M.  billi l-BEI jiżvolġi rwol ċentrali fl-sforzi tal-UE biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli;

Ir-riżultati ewlenin tal-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI fl-2019

1.  Jinnota li, fl-2019, is-self sottoskritt tal-Bank kienu jammonta għal EUR 63,3 biljun (li minnhom EUR 61,9 biljun mir-riżorsi proprji tal-Bank), bi qbil mal-objettiv indikat fil-Pjan Operattiv tal-2019 (EUR 63 biljun +/- 10 %), u notevolment ogħla mill-volumi tal-2018 (EUR 55,6 biljun, li minnhom EUR 54,3 biljun mir-riżorsi proprji tal-Bank); jinnota li t-total tal-iżborżi laħaq l-EUR 48,1 biljun fl-2019 (li minnhom EUR 47,5 biljun mir-riżorsi proprji tal-Bank), meta mqabbel ma' EUR 52,6 biljun fl-2018 (li minnhom EUR 51,8 biljun mir-riżorsi proprji tal-Bank); josserva li l-BEI ġġenera riżultati finanzjarji tajbin, b'reġistrazzjoni ta' bilanċ pożittiv nett annwali ta' EUR 2,4 biljun fl-2019 meta mqabbel ma' EUR 2,3 biljun fl-2018;

2.  Jieħu nota r-rata ta' self dubjuż fil-portafoll totali tas-self, li kien 0,4 % fi tmiem l-2019 (meta mqabbla ma' 0,3 % fi tmiem l-2018) minkejja t-tranżizzjoni reċenti tal-Bank lejn operazzjonijiet ta' self b'riskju ogħla;

3.  Jinnota b'apprezzament li, fl-2019, il-BEI laħaq l-objettiv annwali tiegħu ta' self ta' koeżjoni ta' mill-inqas 30 % tal-operazzjonijiet kollha ġodda fi ħdan l-UE, il-pajjiżi ta' qabel l-adeżjoni u l-pajjiżi EFTA; jinnota li, fl-2019, l-UE forniet EUR 16,13-il biljun għal proġetti fir-reġjuni ta' koeżjoni tal-UE; jisħaq fuq l-importanza enormi tal-appoġġ kontinwu lill-objettivi ta' żvilupp reġjonali u tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE, skont dak li jipprevedi l-Protokoll Nru 28 tat-Trattati;

4.  Jieħu nota tal-inklużjoni, fil-Pjan Operattiv 2019 tal-BEI, tar-referenzi għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u tal-eżiti tat-taħditiet dwar ir-rwol tal-BEI fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2021-2027; isostni l-enfasi fuq il-linja ta' attività "Attivitajiet Speċjali" b'riskju ogħla, li tinkludi proġetti marbuta mal-FEIS u mas-Servizzi ta' Konsulenza, b'530 missjoni ġdida prevista fl-2019 bħala appoġġ għal EUR 35 biljun f'investimenti;

5.  Jilqa' pożittivament l-Istrateġija l-ġdida ta' Ekwità tal-Grupp tal-BEI li se jkollha l-għan li tindirizza aħjar in-nuqqasijiet ta' investiment fis-suq tal-ekwità; jistieden lill-BEI jimplimenta r-rakkomandazzjoni fformulata fl-istudju "The EIB and the new EU missions framework" (Il-BEI u l-qafas il-ġdid tal-missjonijiet tal-UE) biex ikompli jippromwovi t-teħid ta' riskju ogħla billi jiżviluppa strumenti finanzjarji "pazjenti" adegwati, għal żmien twil u b'riskju ogħla bbażati fuq mekkaniżmi eżistenti ta' kondiviżjoni tar-riskju (eż. FEIS, InnovFin);

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni, fl-2019, tal-Valutazzjoni l-ġdida tar-Riskju tal-Klima (CRA) li tipprovdi valutazzjoni sistematika tar-riskju fiżiku tal-klima fis-self dirett li tippermetti lill-BEI u lill-klijent tiegħu jifhmu kif it-tibdil fil-klima jista' jaffettwa l-proġett iffinanzjat u jidentifikaw miżuri ta' rimedju;

7.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni ta' politika ġdida fil-qasam tat-taxxa f'Marzu 2019, li tinkorpora miżuri kontra l-evitar tat-taxxa permezz ta' kontrolli ta' diliġenza dovuta tal-integrità tat-taxxa u pakkett ta' strumenti kontra l-evitar tat-taxxa; jinnota li l-BEI mhux se jkun jista' jinvesti fil-pajjiżi inklużi fil-lista s-sewda tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet ipprojbiti, u li l-ġuriżdizzjonijiet li ma jikkonformawx se jkunu sottoposti għal "viġilanza msaħħa"; itenni li għandha tapplika diliġenza dovuta msaħħa fil-qasam tat-taxxa kull meta jidhru rifuġji fiskali fl-istruttura korporattiva tal-klijenti, tal-promoturi jew tal-intermedjarji;

8.  jistieden lill-BEI jagħmel użu sħiħ mill-pakkett ta' strumenti kontra l-evitar tat-taxxa tiegħu għall-proġetti sensittivi għar-riskju waqt id-diliġenza dovuta tat-taxxa tiegħu u juża r-rekwiżiti ta' rilokalizzazzjoni meta jkun meħtieġ; jieħu nota tar-reviżjoni tal-qafas tal-Grupp tal-BEI fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML-CFT) u jistieden lill-BEI jaġġorna l-politika tiegħu fid-dawl tal-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, li daħlet fis-seħħ f'Jannar 2020, u jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti biex jiggarantixxi sanzjonijiet adegwati f'każ ta' ksur tal-leġiżlazzjoni kif ukoll standards strinġenti għall-intermedjarji finanzjarji;

9.  Jinnota li, fl-2019, il-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI rreġistra 84 każ ġdid, ittratta 173 u għalaq 113; jistieden lill-BEI jkompli bl-isforz tiegħu biex is-soċjetà ċivili tkun tista' tirrapporta każijiet ta' tħassib li se jiġu ttrattati b'mod effikaċi u indipendenti; jisħaq fuq l-importanza li jiġi sorveljat il-mod kif ir-rakkomandazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti jiġu implimentati; jistieden lill-BEI jagħti segwitu lill-konklużjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti b'azzjonijiet konkreti;

10.  Japprezza l-fatt BEI qiegħed jimplimenta il-politika ta' esklużjoni tiegħu u jimpenja ruħu japplikaha b'mod rigoruż, permezz ta' proċeduri ta' esklużjoni diskrezzjonali u ftehimiet ta' riżoluzzjoni; jitlob lill-BEI jirrapporta dwar l-għadd u l-kamp ta' applikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar sospensjoni/interruzzjoni tal-pagamenti u/jew ta' rkupru tas-self jew tat-talbiet għal rimborż antiċipat tas-self bħala konsegwenza ta' mġiba pprojbita jew prattiki skorretti oħra li jirrigwardaw l-attivitajiet iffinanzjati; jistieden lill-BEI jirrapporta dwar in-natura tal-appoġġ finanzjarju milqut mill-allegata mġiba skorretta u dwar id-distribuzzjoni ġeografika ta' każijiet bħal dawn, jekk inhu possibbli, skont il-liġi, li dan isir;

11.  Jilqa' pożittivament l-Aġġornament tal-Grupp tal-BEI dwar il-COVID-19 fir-Rapport Finanzjarju 2019 tal-BEI, li jitfa' dawl fuq il-pakkett ta' risposta f'każ ta' emerġenza adottat fl-2020 biex jappoġġa lis-setturi tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u tal-impriżi b'kapitalizzazzjoni medja fl-Unjoni, inklużi linji ta' likwidità u skemi ta' garanzija għall-banek u programmi ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi u li jqis il-ħolqien ta' Fond Ewropew ta' Garanzija ffukat fuq il-finanzjament tal-appoġġ lill-SMEs; josserva b'apprezzament li l-Grupp tal-BEI wessa' l-kontribut tiegħu barra mill-UE, b'enfasi fuq l-investimenti fis-settur privat u dak tas-saħħa; iħeġġeġ lill-BEI jirrikjedi lill-kumpaniji appoġġati mill-Fond Ewropew ta' Garanzija jew minn programmi ta' finanzjament oħrajn stabbiliti biex jindirizzaw il-COVID-19 jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi għall-2030 proposti mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ukoll jirrispettaw il-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali, inkluża l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' dekarbonizzazzjoni, biex tiżdidilhom ir-reżiljenza, u jastjenu milli jħallsu dividendi, bonusijiet lill-maniġment superjuri u mir-riakkwist ta' ishma;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon f'dan is-sens it-tieqa għall-SMEs fil-fond InvestEU; jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-finanzjament fit-tul, jiġifieri billi jiġu appoġġati proġetti li inkella ma jiġux iffinanzjati, b'mod partikolari għall-SMEs u n-negozji l-ġodda innovattivi; jenfasizza, madankollu, li l-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI ma jistgħux jissostitwixxu politiki fiskali sostenibbli fl-Istati Membri; jistieden lill-BEI jżid l-investiment f'innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, speċjalment għat-tranżizzjoni ekoloġika, sabiex jingħata appoġġ lill-kumpaniji Ewropej;

13.  Jistieden lill-BEI jżid il-finanzjament biex jindirizza t-tranżizzjoni teknoloġika, jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet adattati għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, jippromwovi aktar l-investiment fil-ħiliet diġitali tal-impjegati u tal-imprendituri, fl-infrastruttura diġitali u fit-tisħiħ tal-kapaċità għad-diġitalizzazzjoni, iforni fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni fit-tul u għall-SMEs, jappoġġa l-ekonomija soċjali u jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali, l-aktar billi jimla l-lakuni fl-investiment attwali fl-akkomodazzjoni pubblika u fl-infrastruttura;

14.  Jinnota s-sitwazzjonijiet u l-kapaċitajiet ekonomiċi differenti tal-Istati Membri, u jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta li tgħin lir-reġjuni u lill-pajjiżi l-aktar milquta jadattaw ruħhom għall-bidliet imminenti sabiex ħadd ma jitħalla lura; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati b'mod proattiv l-oqsma li fihom l-impjiegi attwalment jiddependu mill-industriji b'emissjonijiet għoljin, billi jsir investiment sostanzjali fit-taħriġ u f'opportunitajiet ekonomiċi alternattivi biex jiġu ggarantiti impjiegi ta' kwalità, u b'hekk tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel; huwa tal-fehma li, f'dan ir-rigward, il-konsistenza u l-koordinament ma' strumenti oħrajn ta' finanzjament tal-UE se jkunu kruċjali;

15.  Ifakkar li l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, approvat bl-intenzjoni li jorjenta l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-BEI fil-qasam l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jintegra l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan il-mudell ekonomiku tal-BEI; jistieden lill-BEI jirrapporta dwar il-progress li jinkiseb waqt l-ewwel fażi tal-pjan ta' azzjoni fl-objettivi bħar-reviżjoni tal-qafas tad-diliġenza dovuta, biex jiġu indirizzati l-impatti u r-riskji marbuta mal-investimenti tal-BEI għad-drittijiet tan-nisa, il-garanzija ta' aċċess indaqs għall-benefiċċji ġġenerati mill-investimenti tal-BEI u l-investimenti fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija u fis-suq tax-xogħol;

Funzjonament u effikaċja tal-FEIS

16.  Ifakkar li l-FEIS għandu struttura ta' governanza differenti meta mqabbel mal-BEI u li l-operazzjonijiet ta' investiment tiegħu jsiru fil-qafas ta' żewġ oqsma tematiċi, jiġifieri t-Tieqa ta' Infrastruttura u Innovazzjoni ġestita mill-BEI u t-Tieqa għall-SMEs ġestita mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI);

17.  Jieħu nota tar-riżultati ppreżentati fir-Rapport taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti tal-2019; ifaħħar l-impatt pożittiv taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH); jitlob li jissaħħu aktar il-kapaċitajiet finanzjarji u ta' konsulenza interni tal-BEI biex jiġi żgurat impenn fit-tul għall-implimentazzjoni u l-orizzont ta' finanzjament fit-tul tal-missjonijiet tal-UE bħall-ġlieda kontra l-kanċer, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-garanzija ta' tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni l-aktar milquta mit-trasformazzjonijiet dovuti għall-Patt Ekoloġiku, il-protezzjoni tal-oċeani tagħna, il-ħajja fi bliet aktar ekoloġiċi u l-garanzija tas-saħħa tal-ħamrija u tal-provvista tal-ikel; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fis-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-QEA, il-BEI ppreżenta, f'Lulju 2019, l-istudju tiegħu intitolat "Study in response to ECA Recommendation 5: improving the geographical spread of EFSI supported investment" (Studju f'risposta għar-Rakkomandazzjoni nru 5 tal-QEA: titjib tal-firxa ġeografika tal-investiment appoġġat mill-FEIS); jieħu nota tal-konklużjonijiet ta' din l-analiżi, li tiddokumenta l-isforzi konsiderevoli li għamlu l-BEI u l-Kummissjoni biex jiffaċilitaw distribuzzjoni ġeografika aktar ibbilanċjata tal-finanzjament tal-FEIS biex jingħata kontribut favur konverġenza ekonomika sostenibbli fit-tul fl-Unjoni kollha kemm hi;

18.  Jistieden lill-BEI jibbilanċja aktar id-distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjamenti tiegħu, bi qbil mar-rwol tiegħu biex jiżgura koeżjoni territorjali u soċjali; jistieden lill-BEI jimla l-lakuni li jimpedixxu lil ċerti reġjuni jew lil ċerti Stati Membri milli jieħdu vantaġġ totali mill-istrumenti finanzjarji tiegħu;

19.  Jitlob li jissaħħu l-assistenza teknika u l-għarfien finanzjarju espert tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment fir-reġjuni li fihom il-kapaċitajiet ta' investiment huma baxxi, qabel l-approvazzjoni tal-proġetti, b'mod li titjieb l-aċċessibbiltà; jappella għal kooperazzjoni intensifikata mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;

Ir-rwol tal-BEI fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

20.  Ifakkar li, f'Novembru 2019, f'konformità mal-ambizzjoni politika wara l-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI ddeċieda li jżid il-livell tal-impenn klimatiku u ambjentali għall-Grupp tal-BEI bil-għan li jittrasforma lill-BEI minn "bank tal-UE li jappoġġa l-klima" fil-"bank tal-UE għall-klima" u wiegħed li jżid gradwalment is-sehem tal-finanzjament tiegħu ddedikat għall-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali biex jilħaq 50 % tal-operazzjonijiet tiegħu fl-2025 u li jallinja l-attivitajiet finanzjarji kollha mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi minn tmiem l-2020; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Klima; jistieden lill-BEI jivvaluta l-konsistenza tal-proġetti li kienu diġà qed jitħejjew qabel Novembru 2020 mal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 filwaqt li jiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet, b'kont meħud tal-perjodu ta' tranżizzjoni previst sal-aħħar tal-2022;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-użu, min-naħa tal-BEI, ta' spiża parallela tal-karbonju li qed tiżdied progressivament bħala parti mill-approċċ ġenerali biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tal-BEI jkunu konsistenti mal-objettiv ta' 1,5 ˚C, filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija mingħajr emissjonijiet ta' karbonju li ma tħalli lil ħadd lura;

22.  Josserva li l-problema tal-klima ma tistax tissolva mingħajr is-sostenn tal-industrija, u li jista' biss ikun hemm bidla fuq skala kbira jekk il-bżonnijiet tal-industrija jiġu kkunsidrati u jingħataw l-inċentivi neċessarji għal soluzzjonijiet klimatiċi innovattivi;

23.  Jinnota li, skont ir-Rapport dwar is-Sostenibbiltà tal-BEI, l-emissjonijiet assoluti tal-portafoll tal-BEI fl-2019 huma stmati għal 3,9 miljun tunnellata ta' CO2 ekwivalenti fis-sena, żieda minn 2,2 miljun tunnellata ta' CO2 ekwivalenti fis-sena fl-2018; josserva li l-emissjonijiet totali mnaqqsa jew evitati mill-istess finanzjament huma stmati għal 3,1 miljun tunnellata ta' CO2 ekwivalenti fis-sena fl-2019 meta mqabbla ma' 3,5 miljun tunnellata ta' CO2 ekwivalenti fis-sena fl-2018; jistieden lill-BEI jżid l-isforzi biex inaqqas l-emissjonijiet assoluti; jistieden lill-BEI jiddivulga sistematikament il-kalkoli tal-impronta tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-proġetti kollha li huma suġġetti għall-impronta tal-karbonju bil-għan li tiżdied it-trasparenza;

24.  Jilqa' favorevolment il-Politika dwar is-Self fis-Settur tal-Enerġija li f'Novembru 2019 intlaħaq ftehim dwarha fil-Bord tad-Diretturi tal-BEI u b'mod partikolari d-deċiżjoni biex jintemm il-finanzjament għall-proġetti tal-enerġija mill-fjuwils fossili; jinnota madankollu li l-proġetti ta' infrastruttura tal-gass inklużi fir-raba' lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni u proġetti tal-gass li kienu diġà qed jiġu vvalutati sal-14 ta' Novembru 2019 mhumiex esklużi mill-finanzjament tal-BEI sal-aħħar tal-2021; jenfasizza li dawn il-proġetti jistgħu jkunu ffinanzjati bil-patt li jikkontribwixxu għall-missjoni tal-BEI biex jiffaċilita tranżizzjoni ġusta u żvilupp ekwilibrat fi ħdan l-UE; jinnota li, fl-2019, il-BEI forna EUR 685 miljun f'finanzjamenti għat-trażmissjoni u għad-distribuzzjoni tal-gass naturali; jistieden lill-BEI jivvaluta u jindirizza r-riskji potenzjali marbuta mal-intrappolament tal-assi b'intensità qawwija ta' karbonju;

25.  Ifakkar lill-BEI fl-appell tal-Parlament biex jispjega kif il-Pipeline tal-Gass Naturali Trans-Anatoljan u l-Pipeline Trans-Adrijatiku se jkunu allinjati mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi sa tmiem l-2020; jinnota li l-proġett huwa suġġett għal inkjesta mill-Ombudsman Ewropew(4) dwar in-nuqqas tal-BEI li jiżgura valutazzjoni xierqa tal-impatt fuq il-klima għaż-żewġ proġetti; iħeġġeġ lill-BEI jindirizza kwalunkwe lakuna tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u jindirizza bi prijorità l-impatti ambjentali, klimatiċi u soċjali negattivi;

26.  Jinnota li, skont il-Politika attwali dwar is-Self fis-Settur tal-Enerġija, l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass u l-proġetti tan-network tal-gass li huma ppjanati li jittrasportaw gass b'livell baxx ta' karbonju huma eliġibbli bil-kundizzjoni ta' "pjan kredibbli" inkluża trajettorja tal-emissjonijiet inkluża fil-kuntratt ta' finanzjament tal-BEI; jistieden lill-BEI jiżgura li l-kriterji biex dawn il-pjanijiet jitqiesu kredibbli jkunu konformi mal-mandat tiegħu biex jikkontribwixxi għal tranżizzjoni ġusta, sabiex jiġi evitat ir-riskju li jiġu appoġġati proġetti tal-gass li mhumiex allinjati mal-objettivi klimatiċi; josserva li, fl-ewwel xhur tal-2022, il-BEI se jagħmel analiżi ta' nofs it-terminu tal-Politika dwar is-Self fis-Settur tal-Enerġija;

27.  Jinnota li, fl-2019, il-BEI appoġġa diversi proġetti li jinvolvu l-enerġija idroelettrika; jilqa' pożttivament l-"Environmental, Climate and Social Guidelines on Hydropower Development" (Linji Gwida Ambjentali, Klimatiċi u Soċjali dwar l-Iżvilupp tal-Idroenerġija); jilqa' favorevolment il-fatt li l-BEI bħalissa qiegħed jaġġorna r-rekwiżiti tiegħu fil-qasam tar-rapportar għas-self intermedjat, b'mod li jitqies l-allinjament tal-kontropartijiet mal-Ftehim ta' Pariġi u t-tassonomija tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli, kif ukoll qiegħed jirrieżamina il-Qafas għas-Sostenibbiltà Ambjentali u Soċjali tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li dawn ir-rekwiżiti l-ġodda għandhom jżidu t-trasparenza tal-operazzjonijiet tal-BEI li jinvolvu intermedjarji finanzjarji biex jiġu identifikati u evitati impatti negattivi potenzjali fuq l-ambjent jew fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-operazzjonijiet idroelettriċi kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, filwaqt li jiġi mħares l-aċċess għall-finanzjamenti għal-SMEs;

28.  Ifakkar li l-Grupp tal-BEI għandu Qafas Ambjentali u Soċjali; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-BEI jirrapporta dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi u jipprovdi evalwazzjonijiet ex ante kif ukoll ex post tal-eżerċizzju ta' analiżi tal-impatti ambjentali u soċjali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riskju li l-BEI u l-FEI jiffinanzjaw attivitajiet b'intensità qawwija ta' karbonju permezz ta' intermedjarji finanzjarji; jistieden lill-Grupp tal-BEI jkompli jissorvelja l-konformità tal-kriterji vinkolanti fil-qasam ambjentali, soċjali, ta' governanza u ta' tassazzjoni ġusta bħala parti mil-linji gwida imminenti dwar l-allinjament tal-kontropartijiet, inklużi listi ta' attivitajiet ristretti u r-rekwiżit li l-klijenti jkollhom pjanijiet ta' dekarbonizzazzjoni ċari u vinkolanti f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jiġi mħares l-aċċess għall-finanzjamenti għall-SMEs;

29.  Jissottolinja li l-bżonnijiet finanzjarji tal-bdiewa, b'mod partikolari tal-bdiewa żgħażagħ u tal-ġodda li jidħlu fil-qasam, huma notevoli u li l-bdiewa u l-impriżi ta' dan is-settur għandhom rata ta' suċċess aktar baxxa meta japplikaw għal finanzjament; jitlob lill-BEI jaħdem fuq inizjattivi ta' finanzjament li jippromwovu l-aċċessibbiltà tal-finanzjamenti għas-settur agrikolu;

30.  Jinnota l-involviment dejjem jikber tal-Grupp tal-BEI fis-settur agrikolu; jinsisti fuq il-bżonn li l-finanzjamenti tal-BEI jsostnu lill-komunitajiet rurali u lit-tranżizzjoni tas-settur agrikolu bi qbil mal-objettivi tal-politika Ewropea, inkluż rispett akbar tat-trattament xieraq tal-annimali, u li għandhom jevitaw li jikkontribwixxu għal densitajiet ta' popolazzjoni ogħla mill-kapaċità ta' portata tal-ambjent;

31.  Jinnota li l-finanzjamenti ddestinati lit-trasport fl-Unjoni fl-2019 kienu ogħla minn dawk tal-2018 (EUR 9 325 miljun meta mqabbla ma' EUR 8 237 miljun fl-2018) u li t-tnaqqis tal-finanzjamenti għat-toroq u għall-awtostradi kien ikkumpensat miż-żieda fil-finanzjamenti fis-settur ferrovjarju u tal-ajru; jisħaq fuq l-importanza li jiġu allinjati l-Politika dwar is-Self fis-Settur tat-Trasport u l-portafoll tal-BEI għat-trasport mal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku, b'mod partikolari fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport sal-2050, kif ukoll mal-istrateġija futura tal-Kummissjoni għall-mobilità sostenibbli u intelliġenti bħala risposta għall-Patt Ekoloġiku Ewropew il-ġdid u ma' ambiti oħra tal-politika tat-trasport tal-UE, filwaqt li jkunu żgurati tranżizzjoni ġusta u żvilupp soċjali u territorjali ekwilibrat; jilqa' pożittivament l-impenn li ħa l-BEI biex ma jiffinanzjax l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruporti eżistenti u l-infrastrutturi portwarji ddedikati għat-trasport u għall-ħżin tal-fjuwils fossili; jitlob li l-politika tevita d-dipendenza minn attivitajiet b'intensità qawwija ta' karbonju u ssostni l-bidliet modali lejn mobilità b'emissjonijiet żero ta' karbonju kemm għall-merkanzija kif ukoll għall-passiġġieri fil-livell urban u interurban, bħal ma huma l-ferroviji, is-sikurezza fl-użu tar-roti u t-trasport pubbliku nadif, b'mod partikolari kemm għall-komunitajiet u għal-lokalitajiet skarsament moqdijin, kif ukoll għall-infrastrutturi ta' elettrifikazzjoni minn sorsi rinnovabbli;

32.  Jilqa' pożittivament ir-rwol ta' tmexxija li jiżvolġi l-BEI fis-suq tal-bonds ekoloġiċi fl-2019 billi ħareġ Bonds għal Kuxjenza Dwar il-Klima (CABs) u Bonds ta' Sensibilizzazzjoni dwar is-Sostenibbiltà (SABs) ta' valur ta' EUR 4,1 biljun; jisħaq fuq l-importanza ta' dokumentazzjoni u traċċabbiltà trasparenti u kredibbli tar-rikavat tas-CABs u tal-SABs u biex tiġi żgurata konsistenza mat-Tassonomija tal-Finanzi Sostenibbli tal-UE u mal-Istandard tal-UE għall-Bonds Ekoloġiċi futur;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni imminenti tal-qafas ambjentali u soċjali tal-BEI u l-iżvilupp ta' għodod għall-ġestjoni tar-riskju tal-klima, ambjentali u soċjali biex jiġu vvalutati r-riskji fiżiċi, ta' tranżizzjoni u sistemiċi; jistieden lill-BEI jiżgura li dan ikun operattiv sa tmiem l-2021; jilqa' favorevolment l-impenn tal-BEI li jadotta l-kriterji marbuta mal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" indikati fir-Regolament (UE) 2020/852(5) bħala bażi ta' riferiment u li jistabbilixxi standards aktar stretti kull meta dan ikun ġustifikat;

Operazzjonijiet tal-BEI barra mill-UE

34.  Jirrikonoxxi li l-mandat l-aktar importanti għall-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-Unjoni huwa l-Mandat ta' Self Estern, li abbażi tiegħu l-operazzjonijiet tal-BEI fil-perjodu mill-2014 sal-2020 huma appoġġati minn fond ta' garanzija ddedikat, b'limitu massimu ta' EUR 32,2 biljun, li jforni bażi ġuridika u garanzija lill-BEI għat-telf fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' finanzjament fi 68 pajjiż eliġibbli barra mill-UE; jinnota li l-Kummissjoni pproponiet li l-Mandat ta' Self Estern ma jibqax fil-forma attwali tiegħu; jieħu nota tal-ħolqien tal-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) li jkopri l-mandati l-ġodda tal-BEI;

35.  Jilqa' pożittivament l-appoġġ li ta l-BEI matul l-2019 għall-formulazzjoni tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, li jgħin lit-territorji u lir-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn ekonomija klimatikament newtrali, speċjalment dawk bl-inqas kapaċità li jlaħħqu mal-ispejjeż ta' din it-tranżizzjoni; jenfasizza l-importanza li l-BEI jimplimenta l-Mekkaniżmu fis-snin li ġejjin, u jiżgura li l-ebda reġjun ma jitħalla lura;

36.  Josserva li l-politika ta' żvilupp tal-Unjoni se tkun implimentata permezz ta' Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) ġdid li fih l-BEI għandu rwol fundamentali; jesprimi tħassib għall-użu ta' fondi tal-UE għall-iżvilupp bil-għan li jonqsu r-riskji għall-investimenti privati, minħabba n-nuqqas ta' provi dwar il-kapaċità li tingħata addizzjonalità u jintlaħqu l-objettivi tal-żvilupp, kif irrapportat dan l-aħħar fl-okkażjoni tar-reviżjoni finali tal-EFSD u tal-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 7/2020 tal-11 ta' Settembru 2020; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-donaturi jagħtu prijorità lill-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet bħala l-għażla awtomatika, speċjalment lill-pajjiżi l-anqas żviluppati biex jevitaw żieda fil-piż tad-dejn;

37.  Itenni li l-operazzjonijiet esterni tal-BEI huma mistennija jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ta' politika tal-UE, irawmu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari f'dawk l-aktar żvantaġġati fosthom, kif ukoll il-konformità mal-objettivi approvati mill-Unjoni; jirrikonoxxi li l-qerda tal-faqar, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem huma temi ewlenin fl-arkitettura tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE; ifakkar li l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati hija l-pedament tal-iżvilupp sostenibbli u inklużiv;

38.  Josserva li l-BEI huwa marbut bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq il-fatt li l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem huma integrati fil-proċeduri u fl-istandards tiegħu ta' diliġenza dovuta fil-livell tal-proġett, anki billi jipprevedi s-sospensjoni tal-iżborżi f'każ ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew ta' standards ambjentali u soċjali; josserva li l-mekkaniżmi tal-ilmenti ġew imsaħħa fi tmiem l-2018; jistieden lill-BEI jiżgura li l-mekkaniżmu tal-ilmenti tiegħu jkun faċilment aċċessibbli, fil-pront u effikaċi, sabiex jidentifika u jirrimedja kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-proġetti relatati mal-BEI; jitlob lill-BEI jirrapporta lill-Parlament u lill-Bord tal-Gvernaturi;

39.  Jistieden lill-BEI jsostni totalment l-ilħuq tal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-attivitajiet tiegħu fil-qafas tal-mandati speċifiċi deċiżi mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE u mill-Parlament Ewropew;

Governanza, trasparenza u obbligu ta' rendikont tal-BEI

40.  Itenni l-importanza tal-etika, tal-integrità, tat-trasparenza, tal-komunikazzjoni u tal-obbligu ta' rendikont tal-Grupp tal-BEI fl-operazzjonijiet u fil-politiki kollha tiegħu;

41.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza tal-operazzjonijiet tal-BEI permezz ta' intermedjarji finanzjarji, bħall-banek kummerċjali u l-fondi ta' investiment; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt ekonomiku u soċjali tas-self intermedjat billi tkun disponibbli l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali; jitlob lill-BEI jistabbilixxi obbligi ta' rapportar standard mal-intermedjarji finanzjarji u mill-benefiċjarji finali, filwaqt li jirrispetta, meta jkun meħtieġ, il-ftehimiet ta' kunfidenzjalità bejn l-intermedjarju finanzjarju u l-benefiċjarju finali iżda jipprovdi struttura solida għall-ġbir tad-data u tal-informazzjoni;

42.  Jesprimi tħassib gravi dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-BEI ta' fastidju, anki sesswali, fuq il-post tax-xogħol, impunità tal-awturi tal-fastidju, insodisfazzjon tal-impjegati, nuqqasijiet fil-proċeduri ta' reklutaġġ tal-persunal maniġerjali u nuqqas ta' parteċipazzjoni effettiva tal-impjegati fil-ġestjoni; jistieden lill-BEI jiżgura li l-każijiet allegati kollha ta' fastidju jkunu suġġetti għal investigazzjonijiet indipendenti u jiggarantixxi t-trasparenza fuq l-eżiti tal-investigazzjonijiet attwali u tal-passat u fuq is-sanzjonijiet applikati, bil-għan li terġa' tinġieb il-fiduċja u tinħoloq kultura ta' responsabbiltà; jistieden lill-BEI jippubblika r-riżultati tal-istarriġiet dwar is-sodisfazzjon tal-persunal għall-perjodu 2010-2021; jitlob valutazzjoni indipendenti tat-trasparenza u tal-kwalità tal-proċeduri ta' reklutaġġ fil-pożizzjonijiet fil-livell superjuri, maniġerjali, professjonali u amministrattiv fil-BEI; jistieden lill-BEI jippreżenta pjan ta' azzjoni biex terġa' tinġieb il-fiduċja bejn il-maniġment u l-persunal u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-proċess deċiżjonali;

43.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti li diversi ex viċi presidenti aċċettaw impjieg f'entitajiet assoċjati mal-BEI mingħajr ma rrispettaw perjodu ta' preklużjoni; jiddeplora l-fatt li prattiki bħal dawn mhumiex strettament regolati u pprojbiti mill-kodiċi ta' kondotta tal-BEI; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rieżami li għaddej bħalissa tal-politika ta' wara l-impjieg għadu ma ġiex iffinalizzat u jisħaq li għandhom jiġu implimentati regoli aktar stretti; jistieden lill-BEI jallinja l-politika tiegħu ta' wara l-impjieg ma' dik tal-Kummissjoni u tal-istituzzjonijiet pari;

44.  Jesprimi tħassib li l-viċi presidenti għadhom responsabbli, fost pajjiżi oħra, għall-pajjiż ta' oriġini tagħhom li jista' joħloq kunflitt ta' interess; jistieden lill-BEI jieħu azzjoni fuq it-talba tal-Parlament biex fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-Kumitat ta' Tmexxija tiddaħħal dispożizzjoni li teskludi l-possibbiltà li jkun hemm membri jissorveljaw is-self għal proġetti jew l-implimentazzjoni tagħhom f'pajjiżhom;

45.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-BEI tas-6 ta' Frar 2019 li tistabbilixxi regoli interni dwar l-ipproċessar ta' data personali mit-Taqsima għall-Investigazzjonijiet ta' Frodi fl-Ispettorat Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Kap Uffiċjal tal-Konformità; jisħaq li f'termini ta' Konformità Korporattiva, iridu jiġu ddedikati riżorsi adegwati għall-kontroll u għall-monitoraġġ tal-attivitajiet esterni, tal-kunflitt ta' interessi, tal-akkwist u tar-rigali;

46.  Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas persistenti ta' diversità u bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali superjuri u fil-korpi governattivi tal-Grupp tal-BEI kif ukoll perċentwal għoli ħafna ta' nisa fil-funzjonijiet ta' appoġġ; josserva li l-Bank iffissa objettivi biex iżid l-perċentwal ta' maniġers nisa għal 33 %, il-perċentwal ta' nisa fil-livelli eżekuttivi superjuri għal 40 % u l-perċentwal ta' nisa f'pożizzjonijiet eżekuttivi għal 50 % sal-2021; iħeġġeġ lill-BEI jsaħħaħ l-isforzi tiegħu fil-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal; iħeġġeġ lill-BEI jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li jipproponu kandidati għall-kariga ta' viċi president iqisu l-objettivi f'dawk li huma diversità u bilanċ tal-ġeneri; jistieden lill-BEI tistabbilixxi rappreżentanza xierqa fis-segretarjat tiegħu ta' ċittadini tal-Istati Membri kollha, fir-rispett, fl-istess ħin, tal-kompetenzi u tal-merti tal-kandidati; jistieden lill-BEI jippubblika suddiviżjoni skont il-ġeneru u n-nazzjonalità tal-pożizzjonijiet maniġerjali ta' livell medju u għoli;

47.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-BEI għadu ma jiddivulgax bis-sħiħ id-dettalji tas-sjieda benefiċjarja tal-klijenti tiegħu; jenfasizza li, f'xi każijiet, id-data tal-operaturi ekonomiċi involuti ma tiġix ikkomunikata mill-promoturi jew mill-intermedjarji finanzjarji; jisħaq li d-divulgazzjoni tal-benefiċjarji u tas-sjieda benefiċjarja tagħhom hija konformi mal-qafas ġuridiku eżistenti; ifakkar, madankollu, li huwa possibbli għall-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet għad-divulgazzjoni permezz tar-reġistri dwar is-sjieda benefiċjarja u għall-aċċess għal tali informazzjoni, f'ċirkostanzi eċċezzjonali; jitlob lill-BEI juża l-għodod disponibbli u jimplimenta l-istandards promossi mill-ħames Direttiva AML biex jagħmel din id-data aċċessibbli; jistieden lill-Bank jivvaluta liema miżuri jistgħu jittieħdu f'każ ta' rifjut inġustifikat li tingħata tali informazzjoni min-naħa ta' ġuriżdizzjoni; itenni l-ħtieġa li l-Uffiċċju tal-Konformità tal-FEI u l-Uffiċċju tal-Kap Uffiċjal tal-Konformità tal-BEI jaħdmu flimkien biex iġibu konsistenza fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Grupp tal-BEI fis-setturi tal-AML-CFT;

48.  Jistieden lill-BEI jiddivulga fuq is-sit web tiegħu d-dettalji dwar is-sjieda benefiċjarja tal-klijenti tiegħu bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà tal-operazzjonijiet tiegħu u jgħin biex jiġu evitati każijiet ta' korruzzjoni u ta' kunflitti ta' interess;

49.  Jitlob lill-BEI jissubordina l-iżborż ta' self dirett u indirett għall-pubblikazzjoni ta' data tat-taxxa u tal-kontabbiltà għal kull pajjiż, u għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-rigward tal-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet ta' finanzjament;

50.  Jistieden lill-BEI jiffinalizza r-reviżjoni tal-Politika tal-Ġlieda kontra l-Frodi (AFP) tal-Grupp tal-BEI mnedija fl-2019, skont it-talbiet espressi mill-Parlament; jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu intensiv bejn il-BEI u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-aġġornament tiegħu; jistieden lill-BEI jisfrutta r-rwol ta' appoġġ tal-OLAF, imsaħħaħ bl-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni kontra l-Frodi (CAFS) adottata f'April 2019; huwa tal-fehma li l-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jinkludi l-prosekuzzjoni ta' attivitajiet kriminali li jaffettwaw il-finanzjament tal-BEI;

51.  Itenni l-importanza tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi l-esperti tal-klima, it-trade unions, l-atturi tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-impriżi, tal-SMEs u tad-dinja akkademika fil-valutazzjoni tal-impatt tal-investimenti, anki permezz ta' komunikazzjoni trasparenti, u l-importanza li ssir valutazzjoni tal-bżonnijiet u tal-aspettattivi tan-nies li jintlaqtu mill-impatt tal-proġett; jenfasizza li l-konsultazzjonijiet iridu jinkludu lill-komunitajiet interessati kollha, ikunu aċċessibbli għall-gruppi vulnerabbli, ikunu mfassla apposta għall-bżonnijiet individwali tal-partijiet ikkonċernati u jkunu kontinwi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett; jitlob ir-rispett tal-prinċipju ta' konformità mal-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat min-naħa tal-komunitajiet milquta kollha (barra milli tal-popolazzjoni tal-post) fil-każ ta' investimenti bbażati fuq l-art u r-riżorsi naturali; jitlob lill-BEI jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju msemmi hawn fuq; jilqa' favorevolment il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati min-naħa tal-Bank dwar ċerti politiki, kif previst fl-Artikolu 7.10 u 7.11 tal-Politika ta' Trasparenza tal-Grupp tal-BEI;

52.  Jistieden lill-BEI jqis, fil-każ ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira, ir-riskji kollha ta' impatt fuq l-ambjent u jiffinanzja biss dawk il-proġetti li wrew valur miżjud reali għall-popolazzjoni lokali u f'termini ambjentali, soċjali u ekonomiċi; jisħaq fuq l-importanza ta' monitoraġġ rigoruż tar-riskji possibbli ta' korruzzjoni u ta' frodi f'dan il-kuntest u li jsiru evalwazzjonijiet ex ante u ex post bir-reqqa fir-rigward tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati;

53.  Ifakkar li l-Artikolu 287(3) TFUE jiddefinixxi l-poteri ta' verifika tal-QEA fir-rigward tal-BEI; ifakkar li l-QEA għandha l-kompetenza li tivverifika l-attività tal-BEI f'dik li hija l-ġestjoni tan-nefqa u tad-dħul tal-Unjoni; ifakkar li, skont l-Artikolu 12 tal-Protokoll Nru 5 (Statut tal-BEI), il-Kumitat tal-Verifika huwa kompetenti biex jivverifika l-kapital tal-ishma tal-BEI; jirrimarka li dan iwassal biex il-QEA ma tkunx tista' tagħti stampa sħiħa tar-rabtiet bejn l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI u l-baġit tal-Unjoni; ifakkar li l-Artikolu 308(3) TFUE jippermetti lill-Kunsill jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-BEI permezz ta' deċiżjoni sempliċi, mingħajr reviżjoni sħiħa tat-Trattat; jenfasizza l-importanza akbar mogħtija fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid lill-garanziji tal-Unjoni u lill-istrumenti finanzjarji l-oħra ġestiti mill-BEI; jitlob għalhekk lill-Kunsill jemenda l-Artikolu 12 tal-Protokoll Nru 5 biex jinvolvi lill-QEA fil-verifika tal-kapital tal-ishma tal-BEI; jinnota li l-ftehim tripartitiku attwali bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-QEA dwar l-awditi tal-operazzjonijiet li huma ffinanzjati jew sostnuti mill-baġit tal-Unjoni jiskadi fl-2020; jistieden lill-Kummissjoni, lill-QEA u lill-BEI jtejbu r-rwol tal-QEA u jsaħħulha aktar il-poteri ta' verifika fir-rigward tal-attivitajiet tal-BEI fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-ftehim tripartitiku li jirregola r-regoli tal-involviment;

54.  Jistieden lill-Grupp tal-BEI u lill-Kummissjoni jniedu l-proċess ta' reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA) li jmorru lura għal Mejju 2014, li jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw l-istrumenti tal-UE ġestiti ċentralment fdati lill-Grupp tal-BEI;

55.  Jitlob lill-BEI jeżamina, flimkien mal-Kummissjoni, modi ta' koordinament tas-sistema ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni (EDES) u l-politika ta' esklużjoni tal-BEI, bil-għan li jinkisbu sinerġiji u tiġi garantita l-kopertura kompleta tas-sitwazzjonijiet kritiċi li jolqtu l-operazzjonijiet tal-BEI u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

56.  Jinnota l-adozzjoni f'Marzu 2019 tal-politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta tal-Grupp tal-BEI u jieħu nota tal-konformità tagħha mal-prinċipji ġenerali u mal-istandards integrati fid-Direttiva (UE) 2019/1937(6), li daħlet fis-seħħ aktar tard; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-politika tapplika biss għal każijiet ta' żvelar intern ta' informazzjoni protetta; jistenna li l-politika tal-BEI għall-protezzjoni tal-informaturi tkun ambizzjuża u tipprevedi standards għoljin; iħeġġeġ lill-BEI jinkludi l-informaturi kemm interni kif ukoll esterni u jistabbilixxi proċeduri, kalendarji u linji gwida ċari u definiti sew biex jagħti lill-informaturi l-aħjar gwida u jipproteġihom minn kwalunkwe ritaljazzjoni possibbli;

57.  Jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-istrateġija ta' komunikazzjoni tiegħu; jemmen li, bħala d-donatur u l-mutwatarju multilaterali prinċipali fid-dinja, huwa essenzjali li l-BEI jikkomunika b'mod ċar u rilevanti dwar il-missjoni u l-istatus tiegħu u li jindirizza ruħu lil firxa wiesgħa ta' pubbliku;

58.  Jinnota ż-żieda ulterjuri fl-għadd ta' allegazzjonijiet irrapportati lit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet tal-BEI fl-2019, b'228 allegazzjoni ġdida (184 fl-2018) li minnhom 69 % oriġinaw minn membri tal-persunal u 30 % minn sorsi esterni, inklużi partijiet relatati mal-proġetti, is-soċjetà ċivili u l-midja; josserva li 59 % tal-azzjonijiet investigattivi jikkonċerna każijiet ta' frodi, segwiti mill-korruzzjoni (15 %) u l-kollużjoni (6 %) u li aktar minn terz tal-allegazzjonijiet eżaminati huma relatati mas-settur tat-trasport;

59.  Jinnota li, fl-2019, mill-220 każ li tlestew, 40 ġew issostanzjati, ċifra li tikkorrispondi għal 18 % tal-każijiet li tlestew, u rriżultaw f'rinviji lill-awtoritajiet kompetenti jew f'rakkomandazzjonijiet lis-servizzi tal-Grupp tal-BEI; jinnota wkoll li 62 % ta' dawn ir-rinviji (25 minn 40) saru lill-OLAF; jitlob lill-BEI jirrapporta dwar l-eżitu tal-azzjonijiet meħuda inklużi, meta disponibbli, l-ammonti li kien irkuprati;

60.  Jistieden lill-BEI jżid it-trasparenza proattiva billi jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b'mod puntwali, id-dokumenti mhux kunfidenzjali f'bażi tad-data faċli li tintuża; itenni t-talba tiegħu sabiex jopera abbażi tal-"preżunzjoni ta' divulgazzjoni" minflok bil-"preżunzjoni ta' kunfidenzjalità";

61.  Jistieden lill-Grupp tal-BEI jtejjeb l-obbligu tiegħu li jagħti rendikont ta' għemilu; jitlob li jsir Memorandum ta' Qbil bejn il-Grupp tal-BEI u l-Parlament biex jitjieb l-aċċess ta' dan tal-aħħar għad-dokumenti u għad-data relatata mal-orjentament strateġiku u mal-politiki ta' finanzjamenti tal-BEI bil-għan li jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont tal-Bank; jissuġġerixxi l-idea ta' djalogu trimestrali mal-kumitati rilevanti tal-Parlament biex jipparteċipa fl-istrateġija ta' investiment tal-BEI u jiżgura kontroll adegwat; jisħaq fuq l-importanza ta' skrutinju akbar tal-Parlament tad-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI; jitlob kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni bil-għan li tiżdied it-trasparenza tagħha fil-konfront tal-Parlament f'dawk li huma pożizzjonijiet li tieħu fi ħdan il-Bord tad-Diretturi tal-BEI; itenni l-appell tiegħu għad-divulgazzjoni tal-opinjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura f'konformità mal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI dwar l-operazzjonijiet tal-BEI f'termini ta' finanzjament għal finijiet ta' valutazzjoni tal-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni u l-politiki rilevanti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jilħqu ftehim biex jiżguraw trasparenza totali f'dawn l-opinjonijiet u fil-loġika li jkun hemm warajhom, kemm jista' jkun possibbli mil-lat ġuridiku;

62.  Jitlob li jiġu ppubblikati fil-ħin l-aġendi u l-minuti sħaħ tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija u tal-Bord tad-Diretturi; jissottolinja li l-Politika ta' Trasparenza futura għandha ssaħħaħ ir-rekwiżit ta' trasparenza għall-operazzjonijiet kollha tiegħu u tirrikjedi lill-promoturi tal-proġetti jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali u d-dokumenti relatati, billi jiġu inklużi obbligi ta' trasparenza strinġenti fil-klawżoli kuntrattwali speċifiċi ffirmati mal-klijenti kollha tal-BEI; jitlob lill-BEI jippubblika informazzjoni aktar regolari, dettaljata u komprensiva dwar l-intermedjarji finanzjarji responsabbli għall-mobilizzazzjoni ta' fondi tal-BEI u jinkludi klawżoli kuntrattwali dwar id-divulgazzjonijiet obbligatorji minn dawn l-istituzzjonijiet dwar l-attività ta' self;

Segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament

63.  Jitlob lill-BEI jibqa' jirrapporta dwar il-qagħda attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedentement maħruġa mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu, b'mod speċjali rigward:

   (a) l-impatti (ekonomiċi, ambjentali u soċjali) tal-istrateġija ta' investiment tiegħu u r-riżultati miksuba biex jagħti kontribut għall-iżvilupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interessi tal-Unjoni,
   (b) l-azzjonijiet adottati biex tittejjeb il-prevenzjoni tal-kunflitt ta' interess,
   (c) il-miżuri għat-tisħiħ tat-trasparenza wara d-diliġenza dovuta tal-integrità tal-klijenti għall-finijiet ta' prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa, tal-frodi u tal-korruzzjoni,
   (d) l-azzjonijiet meħuda biex jingħata segwitu lill-appelli u lit-talbiet adottati permezz ta' din ir-riżoluzzjoni;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jitlob lill-Kunsill u lill-Bord tad-Diretturi tal-BEI jkollhom dibattitu dwar il-pożizzjonijiet tal-Parlament hawnhekk ippreżentati.

(1) https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=49051
(2) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0191.
(4) Imressqa mill-NGOs ambjentali CEE Bankwatch Network, Counter Balance, Re:Common u Friends of the Earth Europe.
(5) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(6) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Novembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza