Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar id-djalogi taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE (2020/2201(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 TUE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0213/2021),,
A. billi r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 bagħtu sinjal pożittiv li ċ-ċittadini Ewropej qed jieħdu interess dejjem akbar fl-iżviluppi fil-livell tal-UE u li jemmnu li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha impatt fuq il-ħajja tagħhom ta' kuljum; billi l-parteċipazzjoni ġenerali fl-2019 kienet ta' 50,6 %, l-ogħla mill-1994 u żieda notevoli mill-2014, meta l-parteċipazzjoni kienet ta' 42,6 %; billi, għalkemm il-parteċipazzjoni fl-2019 kienet ogħla fost il-gruppi kollha tal-popolazzjoni, iż-żieda kienet immexxija mill-ġenerazzjoni żagħżugħa, b'żidiet kbar fost il-persuni ta' taħt il-25 sena u dawk ta' bejn il-25 u d-39 sena; billi minkejja ż-żieda ġenerali fil-parteċipazzjoni, għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri individwali;
B. billi skont l-Ewrobarometru dwar l-Involviment Ċiviku ta' Ġunju 2020(3), il-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej tqieset minn 55 % tar-rispondenti bħala l-aktar mod effettiv biex jiġi żgurat li l-ilħna jinstemgħu minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE; billi, għalkemm l-għan huwa li l-mod kif taħdem id-demokrazija fl-UE jittejjeb kontinwament, bosta stħarriġ tal-Ewrobarometru juru li ċ-ċittadini mhumiex sodisfatti bil-mod kif taħdem id-demokrazija; billi din il-perċezzjoni ma titkejjilx fil-livell tal-UE biss, iżda wkoll fil-livell nazzjonali; billi proporzjon konsiderevoli taċ-ċittadini tal-UE ma jħossuhomx mismugħa u jqisu lill-UE bħala entità mbiegħda minnhom;
C. billi l-Artikoli 10 u 11 TUE u l-Artikoli 20, 21, 24, 227 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiffurmaw il-bażi biex iċ-ċittadini jipparteċipaw fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE;
D. billi l-Artikolu 10(3) TUE jiddikjara li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin;
E. billi l-Artikolu 11(1) u (2) TUE jirrikjedi li l-istituzzjonijiet, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha tal-Unjoni u jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili,
F. billi l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(4), fil-paragrafu 19 tiegħu, jissottolinja li l-konsultazzjoni pubblika u mal-partijiet ikkonċernati hija integrali għal proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet infurmat tajjeb u għat-titjib tal-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet;
G. billi l-Artikolu 165(2) tat-TFUE jagħti mandat lill-UE biex tħeġġeġ l-iżvilupp ta' skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta' edukaturi soċjoedukattivi, u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa.
H. billi ċ-ċittadini tal-UE jistgħu biss taħt ċerti kundizzjonijiet jibdew proċedimenti direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), sabiex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-elezzjonijiet demokratiċi għall-Parlament Ewropew jikkostitwixxu l-istrument ewlieni minn isfel għal fuq għaċ-ċittadini fl-UE, filwaqt li mezzi oħrajn, jiġifieri l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew u l-petizzjonijiet lill-Parlament, li huma supplimenti importanti għall-Parlamentariżmu, iridu jiġu msaħħa;
I. billi sal-lum kien hemm sitt IĊE ta' suċċess, l-aktar reċentement l-inizjattiva "Minority Safepack" u l-inizjattiva "End the Cage Age"; billi r-Regolament (UE) 2019/788(5) dwar l-IĊE, li daħal fis-seħħ f'Jannar 2020, għandu l-ħsieb li jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini li jitolbu lill-Kummissjoni tipproponi atti leġiżlattivi fl-oqssma ta' kompetenza tagħha li fihom l-Unjoni għandha s-setgħa li taġixxi; billi l-inizjattiva "Minority Safepack" kienet l-ewwel IĊE li kellha tiġi diskussa fil-Parlament abbażi tar-regolament rivedut dwar l-IĊE, u kienet appoġġjata b'mod qawwi mill-Parlament f'Diċembru 2020 b'76 % tal-voti mitfugħa; billi, madankollu, l-impatt tal-IĊE huwa baxx, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' segwitu tal-Kummissjoni;
J. billi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew mhumiex legalment vinkolanti iżda r-rata ta' konformità mas-sejbiet hija konsistentement għolja;
K. billi ċ-ċittadini tal-UE u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun residenti fi Stat Membru jew li jkollha uffiċċju reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jippreżentaw petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew skont l-Artikoli 24 u 227 TFUE kull meta l-kwistjoni tolqothom direttament u taqa' fi ħdan l-oqsma ta' attività tal-UE;
L. billi l-konsultazzjonijiet pubbliċi online li tagħmel il-Kummissjoni huma mmirati l-aktar lejn gruppi fil-mira partikolari, mhumiex jinxterdu b'mod wiesa' u kultant ikunu wisq fil-qosor, li jfisser li proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni ma jintlaħaqx minnhom; billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, f'rieżami komprensiv tal-politika ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni fl-2019, irrakkomandat li l-Kummissjoni għandha ttejjeb il-mod kif tilħaq liċ-ċittadini sabiex tippromwovi parteċipazzjoni akbar;
M. billi d-Djalogi maċ-Ċittadini organizzati mill-Kummissjoni huma mod ta' kif tiġi pprovduta informazzjoni liċ-ċittadini aktar milli mod ta' kif tinvolvihom f'dibattitu dwar il-viżjoni tagħhom u dwar dak li jixtiequ jaraw li jinbidel fl-UE u ma jipprovdux mekkaniżmu ta' feedack biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar l-eżiti tal-parteċipazzjoni tagħhom;
N. billi l-funzjonament attwali tal-istrumenti parteċipattivi eżistenti, bħall-IĊE, il-konsultazzjonijiet pubbliċi u d-Djalogi maċ-Ċittadini, ma jipprovdix biżżejjed mezzi għaċ-ċittadini biex jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; billi dan huwa dovut l-aktar għan-nuqqas ta' segwitu effettiv fil-proċess deċiżjonali fil-livell istituzzjonali;
O. billi l-biċċa l-kbira tal-forom ta' parteċipazzjoni rarament jintużaw minn ċittadini individwali; billi ċ-ċittadini individwali fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex konxji tal-istrumenti parteċipattivi eżistenti u għalhekk mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-fehmiet u fid-data miġbura permezz tal-istrumenti eżistenti; billi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ma tissostitwixxix is-soċjetà ċivili organizzata;
P. billi l-istrumenti parteċipattivi attwali ma jimmassimizzawx il-potenzjal tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u għalhekk ma jikkontribwixxux biżżejjed għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE u ż-żieda tas-sens ta' sjieda taċ-ċittadini lejn UE li tirrifletti l-ħtiġijiet u l-viżjonijiet tagħhom;
Q. billi r-riforma tal-istrumenti parteċipattivi eżistenti, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-aktar gruppi sottorappreżentati fis-soċjetà, speċjalment iż-żgħażagħ, u l-iżvilupp ulterjuri ta' sfera pubblika Ewropea jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE;
R. billi t-titjib tal-parteċipazzjoni u tat-trasparenza taċ-ċittadini fil-livell tal-UE huwa kruċjali biex l-Unjoni tinġieb eqreb taċ-ċittadini u tiżdied il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll biex tinkiseb demokrazija reali f'diversi livelli; billi nuqqas ta' trasparenza jipprevjeni dibattitu pubbliku dwar kwalunkwe biċċa leġiżlazzjoni; billi mhux il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom aċċess ugwali għall-istituzzjonijiet tal-UE jew għal informazzjoni dwar xogħolhom; billi l-Kummissjoni għandha twettaq djalogi miftuħa, trasparenti u regolari maċ-ċittadini u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; billi l-UE għandha tiżgura li s-soċjetà ċivili tkun tista' tipparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu pubbliku u jkollha l-kapaċità li tinfluwenza l-proċessi ta' politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
S. billi hemm bżonn li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, billi jittejjeb il-fehim taċ-ċittadini dwar l-UE, sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw;
T. billi hemm ħtieġa dejjem akbar ta' klassijiet tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea madwar l-Istati Membri; billi f'dan il-kuntest, għandha tiġi rikonoxxuta l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-edukazzjoni u t-tagħlim ċiviku, u għandu jiġi mħeġġeġ approċċ olistiku għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, inklużi kemm l-edukazzjoni u t-tagħlim formali kif ukoll dawk mhux formali;
U. billi l-proġetti eżistenti dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li rnexxew, bħal European HomeParliaments u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, urew li ċ-ċittadini jixtiequ jiġu inklużi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE fuq bażi regolari;
V. billi l-Kunsill jibqa' istituzzjoni bil-bibien magħluqa kif ikkonfermat mill-inkjesta tal-Ombudsman Ewropew OI/2/2017/TE fin-nuqqas ta' trasparenza tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu;
W. billi l-OECD tiddefinixxi gvern miftuħ bħala "kultura ta' governanza bbażata fuq politiki u prattiki pubbliċi innovattivi u sostenibbli ispirati mill-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-parteċipazzjoni li trawwem id-demokrazija u t-tkabbir inklużiv";
X. billi l-Konsultazzjonijiet taċ-Ċittadini Ewropej tal-2018 imwettqa mill-Istati Membri dwar il-Futur tal-Ewropa wrew li huma għodda effettiva biex jinvolvu ruħhom maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet tal-UE; billi n-nuqqas ta' segwitu u ta' kontinwità konkreti fil-proċess wassal għal riżultati mħallta minn dan l-isforz parteċipattiv;
Y. billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tinvolvi kemm jista' jkun parteċipazzjoni pubblika u tista' potenzjalment tkun esperjenza siewja ta' involviment maċ-ċittadini sabiex jifhmu x'verament jistennew mill-UE u mill-ħidma tal-istituzzjonijiet;
1. Jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar kif l-Unjoni tista' ssir aktar effettiva fl-involviment taċ-ċittadini skont il-prinċipji ewlenin tal-Unjoni tad-demokrazija rappreżentattiva; jemmen li ċ-ċittadini għandu jkollhom vuċi akbar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE biex jagħmlu lill-Unjoni aktar tirrifletti l-fehmiet taċ-ċittadini u aktar reżiljenti, demokratika u effettiva; jemmen f'dan ir-rigward li l-bidla fit-Trattat ma għandhiex tiġi prekluża, għalkemm ma għandhiex tkun għan fiha nnifisha, u li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tipprovdi opportunità biex jinħoloq djalogu kostruttiv maċ-ċittadini dwar dawn is-suġġetti ewlenin;
2. Jemmen li kwalunkwe riforma tal-Unjoni, sabiex issir aktar soċjali, ekwa, koeżiva, magħquda, iffukata, kapaċi u sovrana u obbligata tagħti rendikont, tissaħħaħ bl-involviment dirett taċ-ċittadini permezz ta' mekkaniżmi parteċipattivi;
3. Jissottolinja li hemm tensjoni sottostanti bejn il-viżjoni ta' UE ċċentrata madwar l-Istati Membri u UE ċċentrata madwar l-istituzzjonijiet tal-UE li tista' tingħeleb billi jiġi żviluppat approċċ u strumenti għal Unjoni Ewropea taċ-ċittadini;
4. Jindika li l-istrumenti parteċipattivi eżistenti għandhom diversi nuqqasijiet u għalhekk għandhom jittejbu u jiġu żviluppati oħrajn ġodda biex il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ssir aktar aċċessibbli, inklużiva, sinifikanti u effettiva; isostni li, biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni pubblika f'dibattiti politiċi usa' u ċ-ċittadini jiġu mgħammra bl-opportunità li jinfluwenzaw l-eżiti politiċi, b'sinerġiji fil-mekkaniżmi eżistenti, huwa imperattiv li l-involviment taċ-ċittadini jkun strutturat b'mod li jwieġeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini; jemmen li din l-aġenda parteċipattiva minn isfel għal fuq għandha tikkomplementa d-demokrazija rappreżentattiva fl-UE;
5. Jenfasizza l-importanza tal-IĊE bħala l-unika għodda parteċipattiva fil-livell tal-UE li għandha l-kapaċità li potenzjalment tiskatta l-leġiżlazzjoni; jitlob li r-rispons li jingħata lilha jissaħħaħ permezz tal-adozzjoni ta' riżoluzzjoni parlamentari għal kull IĊE ta' suċċess; jinnota li l-Kummissjoni jeħtiġilha tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligu legali tagħha li tiddikjara raġunijiet suffiċjenti għaliex ħadet jew ma ħaditx azzjoni fuq IĊE, u jemmen li dan jeħtieġ li jkun aktar komprensiv biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jingħataw stampa preċiża ta' x'għandu jkun mistenni mill-involviment ma' IĊE jew mit-tnedija tagħha; juri dispjaċir għan-nuqqas ta' segwitu tal-IĊE ta' suċċess mill-Kummissjoni permezz ta' miżuri leġiżlattivi; jemmen li, f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/788, fil-każ li l-Kummissjoni, fi ħdan l-iskadenzi mogħtija, tkun naqset milli tippubblika l-intenzjonijiet tagħha, jew tkun stabbiliet f'komunikazzjoni li ma għandhiex l-intenzjoni li tieħu azzjoni fuq IĊE li tkun issodisfat ir-rekwiżiti proċedurali u li hija konformi mat-Trattati, b'mod partikolari il-valuri fundamentali tal-Unjoni, imnaqqxa fl-Artikolu 2TUE, il-Parlament, f'konformità mal-Artikolu 222 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jista' jiddeċiedi li jsegwi l-IĊE b'rapport fuq inizjattiva proprja leġiżlattiv (INL); iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva wara l-adozzjoni mill-Parlament ta' tali INL; jipproponi f'dak ir-rigward li jiġi mmodifikat il-ftehim qafas attwali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni; jitlob li r-regolament dwar l-IĊE jiġi emendat biex jinċentiva lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva fejn l-IĊE sottomessa tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti;
6. Jindika li, wara r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri(6), li rrikonoxxa l-effettività tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni, u minħabba l-perċezzjoni sodisfaċenti taċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika tagħha sabiex tippromwovi parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini u biex timmonitorja u tivvaluta aħjar il-kontributi tagħhom;
7. Jindika li l-kunċett u l-prattika attwali tad-Djalogi taċ-Ċittadini għandhom jissaħħu u jiġu aġġornati;
8. Jissottolinja l-benefiċċji tal-involviment maċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp ta' sfera pubblika Ewropea u fil-komplementarjetà tal-leġittimità demokratika tal-UE pprovduta mill-istituzzjonijiet rappreżentattivi u l-proċeduri demokratiċi tagħha;
9. Jissottolinja li mhux il-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari ċ-ċittadini u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, huma attivi politikament, influwenti jew isemmgħu leħinhom indaqs; jemmen għalhekk li d-demokrazija parteċipattiva tal-UE tirrikjedi l-appoġġ ta' ċittadini mhux organizzati u l-promozzjoni tal-aċċess tagħhom għal opportunitajiet elettorali u parteċipattivi fi ħdan il-kanali tal-UE u barra minnhom;
10. Iqis li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE hija fundamentali għad-demokrazija, għall-governanza t-tajba u għat-tfassil effikaċi tal-politika; jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-ogħla standards possibbli fil-qasam tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità; jisħaq li l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej huwa fundamentali għal demokrazija parteċipattiva; jitlob b'mod partikolari lill-Kunsill iżid it-trasparenza fir-rigward tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-aċċess għad-dokumenti;
11. Jissottolinja l-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda li jistgħu jipprovdu mezzi ġodda biex ikunu involuti ċ-ċittadini, biex jiġi żgurat approċċ effettiv minn isfel għal fuq u tittejjeb il-kapaċità taċ-ċittadini li jobbligaw lill-istituzzjonijiet jagħtu rendikont;
12. Jisħaq li gvern miftuħ, li jgħaqqad miżuri akbar ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont u għodod parteċipattivi, huwa rispons tajjeb għad-defiċit demokratiku li jirriżulta minn nuqqas ipperċepit ta' aġenzija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE miċ-ċittadini tal-UE;
13. Jilqa' l-istabbiliment previst ta' korp ta' etika bħala awtorità indipendenti biex titrawwem it-trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE;
14. Jiġbed l-attenzjoni għall-Programm il-ġdid dwar iċ-Ċittadinanza, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, li huwa mistenni li jagħti aktar viżibbiltà u impatt lill-attivitajiet li jikkontribwixxu għad-djalogi maċ-ċittadini u l-impenn tagħhom f'demokraziji parteċipattivi; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-kontinwità u aktar riżorsi għall-fergħa taċ-"ċittadini" ta' dan il-programm, inklużi attivitajiet ta' ġemellaġġ tal-ibliet u ta' kommemorazzjoni; jilqa' l-introduzzjoni ta' attivitajiet immirati lejn it-trawwim ulterjuri tal-valuri Ewropej fil-qafas ta' dan il-programm, bħas-sensibilizzazzjoni dwar storja Ewropea komuni; jitlob li l-"Grupp ta' Djalogu Ċivili" jiġi stabbilit malajr fil-programm il-ġdid;
15. Jemmen li huwa importanti li jiġu promossi l-iskambji bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi differenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikolari permezz ta' networks ta' bliet u reġjuni, u billi jiġi ffaċilitat djalogu interreġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura biżżejjed finanzjament għal dak il-għan permezz tal-fergħa "Involviment u parteċipazzjoni taċ-ċittadini" tal-programm dwar iċ-Ċittadinanza, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;
16. Jenfasizza li informazzjoni mtejba dwar it-tħassib taċ-ċittadini se tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-isforzi tagħhom biex ikunu attenti u jwieġbu għal dan it-tħassib billi jiġu żgurati mezzi adegwati biex jilħqu liċ-ċittadini u jiġbru l-kontributi u billi jipprovdu segwitu xieraq fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jirriżulta; jitlob li jittejbu l-mekkaniżmi parteċipattivi biex jippermettu li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jkollha impatt sinifikattiv fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;
17. Jissottolinja l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu involuti b'mod partikolari f'dibattitu politiku dwar il-futur tal-Ewropa u li jiġu involuti b'mod konsistenti f'mekkaniżmu parteċipattivi u djalogi taċ-ċittadini li jsiru regolarment, peress li d-deċiżjonijiet tal-lum se jiddeterminaw il-futur tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati mezzi ġodda ta' komunikazzjoni u interazzjoni adattati għall-interessi taż-żgħażagħ;
18. Ifaħħar il-konsultazzjonijiet speċifiċi għat-tfal imwettqa mill-Kummissjoni u jappoġġja l-istabbiliment ta' pjattaforma tal-UE għall-parteċipazzjoni tat-tfal fil-futur; jilqa' l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-Pjattaforma Diġitali u l-Bordijiet taċ-Ċittadini tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE joħolqu modi biex jiżguraw involviment simili mat-tfal u ż-żgħażagħ fil-futur fuq bażi strutturali u b'mekkaniżmi ta' feedback adegwati;
19. Jitlob involviment ġenwin taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' avvenimenti u programmi; ifaħħar l-isforzi li saru mid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-ħolqien tal-politika u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni tanġibbli bbażata fuq l-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;
20. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm involviment ma' istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni ċivika biex jiġi żgurat li ċ-ċittadinanza Ewropea attiva ssir parti mill-kurrikulu madwar l-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ sabiex tikkomplementa l-programmi edukattivi fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari billi tappoġġja l-iżvilupp ta' kurrikulu komuni dwar l-edukazzjoni Ewropea u l-edukazzjoni ċivika globali, trawwem fehim aħjar tal-istituzzjonijiet eżistenti tal-UE u tal-istorja u l-kulturi tal-Istati Membri, u tħeġġeġ il-ħsieb oġġettiv u kritiku dwar il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea; jissuġġerixxi l-inklużjoni ta' moduli dwar il-funzjonament u l-istorja tal-UE fil-kurrikuli edukattivi u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida għal tali moduli;
21. Ifakkar fid-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni adottata mill-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015, li fiha talbu azzjonijiet imsaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiġi ssalvagwardjata s-soċjetà pluralistika tagħna;
22. Jitlob lill-Kummissjoni tniedi kompetizzjoni Olimpjadi tal-Unjoni Ewropea dwar il-funzjonament u l-istorja tal-UE għaż-żgħażagħ fl-iskejjel sekondarji, fit-taħriġ vokazzjonali u fi strutturi edukattivi oħra, sabiex tagħti spinta lill-interess, lill-parteċipazzjoni u lid-dibattitu dwar l-affarijiet tal-UE; jenfasizza li l-programm Erasmus+ għandu jintuża wkoll biex tissaħħaħ l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea, speċjalment fost l-istudenti u ż-żgħażagħ; itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni tappoġġja aħjar il-programmi tal-affarijiet u tal-istudju tal-UE li jeżistu madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, filwaqt li tibni fuq il-programm Erasmus+ ta' suċċess;
23. Jemmen li l-iżgurar tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ se jkun parti essenzjali mill-impatt fit-tul tal-inizjattivi ta' djalogu maċ-ċittadini; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li ssir enfasi fuq iż-żgħażagħ fi kwalunkwe attività ta' tagħlim tal-UE u jissuġġerixxi li jiġu promossi għodod ta' impenn taż-żgħażagħ b'enfasi speċjali fuq il-media soċjali, l-applikazzjonijiet mobbli, il-logħob mobbli, il-kwiżżijiet u formati oħra adatti għaż-żgħażagħ; jilqa' l-programmi edukattivi bejn il-pari bħall-Parlament Ewropew taż-Żgħażagħ u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ bħala eżempji ta' prattiki tajba;
24. Jissottolinja l-importanza tal-akkademja, tar-riċerkaturi u tal-universitajiet fit-titjib tal-livell ta' għarfien espert taċ-ċittadini dwar il-mekkaniżmi parteċipattivi fl-UE sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;
25. Jenfasizza li d-djalogi effettivi taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini huma marbuta b'mod qawwi mad-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza; jisħaq għalhekk fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni u l-kapaċità taċ-ċittadini li jaġixxu bħala ċittadini infurmati u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja ċivika u soċjali kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, abbażi tal-fehim ta' kunċetti u strutturi politiċi, legali, soċjali u ekonomiċi, kif ukoll żviluppi globali u s-sostenibbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea komprensiva biex ittejjeb il-kompetenzi taċ-ċittadinanza fl-UE u tiżviluppa miżuri ta' appoġġ bil-għan li jipprovdu aċċess ugwali għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza lill-persuni kollha li jirrisjedu fl-UE sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet politiċi tagħhom;
26. Jipproponi li jiġi stabbilit network Ewropew għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza biex jipprovdi pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għarfien dwar metodi għat-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' mudelli u strumenti ġodda tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza;
27. Jenfasizza r-rwol tal-media fit-tfassil tal-opinjonijiet taċ-ċittadini dwar il-politika tal-UE u l-UE nnifisha; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinżamm xenarju tal-media indipendenti u divers madwar l-Ewropa, iżda jemmen li għandu jsir sforz akbar biex jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni u r-rappurtar ħażin fil-media dwar kwistjonijiet tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ akbar għal proġetti tal-media pan-Ewropej ibbażati fuq il-fatti;
28. Jissottolinja d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli, indipendenti u fattwali dwar l-Unjoni Ewropea u dwar il-politiki u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi stabbilit aċċess diversifikat għal ċentru tal-aħbarijiet Ewropew komuni li jkun newtrali, indipendenti u informattiv, aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u li tiġi żviluppata komunikazzjoni proattiva maċ-ċittadini tal-UE; ifakkar ukoll fil-valur tal-mezzi tal-media eżistenti; iqis li huwa neċessarju li jiġi indirizzat b'mod konkret it-tixrid ta' miżinformazzjoni u diżinformazzjoni, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi meta tkun l-aktar meħtieġa informazzjoni valida, affidabbli u f'waqtha; jisħaq li l-indipendenza tal-media hija kruċjali għal dawn il-proċessi; jitlob, b'rabta mal-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, l-introduzzjoni ta' feedback, verifika tal-fatti u moderazzjoni downstream fil-funzjonament tal-pjattaformi online, li jkunu jirrispettaw id-drittijiet ċivili u l-libertà tal-espressjoni; iqis, għalhekk, li huwa essenzjali li jissaħħaħ it-taħriġ tal-ġurnalisti sabiex jitrawwem ħsieb indipendenti u kritiku;
29. Jilqa' l-objettiv tal-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (EDAP) li jtejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-sistemi demokratiċi permezz ta' proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet infurmat; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-impenn taċ-ċittadini minn sfondi żvantaġġjati fil-qafas ta' Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jilqa' l-miżuri mħabbra fil-qafas tal-EDAP biex jissaħħu l-libertà tal-media, il-libertà tal-espressjoni u l-ġurnaliżmu ta' kwalità; jistenna b'interess il-proposti tal-Kummissjoni għal għodod prattiċi u effiċjenti biex tiġi żgurata aħjar is-sikurezza tal-ġurnalisti, li spiss wisq huma soġġetti għal theddid u intimidazzjoni bla bżonn, u b'hekk jiġi limitat id-dritt taċ-ċittadini għall-informazzjoni; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' proposti speċifiċi biex tiġi żgurata l-libertà artistika u tingħata protezzjoni lill-artisti sottoposti għal ċensura u għal proċedimenti ġudizzjarji u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa dan il-qasam fil-qafas tal-EDAP;
30. Jirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE li jitolbu u jirċievu informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE; jindika li djalogu ġenwin u l-parteċipazzjoni attiva u infurmata taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE huma possibbli biss jekk ma jkun hemm l-ebda ostaklu lingwistiku, u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ferm akbar biex tikkomunika maċ-ċittadini bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jinnota li, sabiex jissaħħu l-inklużività, is-sensibilizzazzjoni u l-viżibbiltà, hemm bżonn li tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-kontenut online; jissuġġerixxi li s-siti web kollha tal-UE għandhom ikunu faċli għall-utent u disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;
31. Ifakkar li l-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej huma l-aktar drabi implimentati mill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali u li għandhom il-kapaċità li jilħqu ċ-ċitttadini b'mod aktar faċli u li jaqdu rwol ċentrali fl-edukazzjoni taċ-ċittadini dwar l-UE, peress li huma l-livell ta' gvern l-eqreb taċ-ċittadini; jisħaq li l-ewwel pass jista' jkun li jiżdiedu r-riżorsi allokati lill-uffiċċji ta' kollegament tal-istituzzjonijiet Ewropej u li jiġi żviluppat in-network territorjali tagħhom madwar l-Ewropa;
32. Jilqa' l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "L-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu permanenti maċ-ċittadini"(7); jitlob, minbarra l-għodod madwar l-UE kollha għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, l-istabbiliment ta' network ta' gvernijiet f'diversi livelli li għandu jservi bħala katina ta' trażmissjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini;
33. Itenni l-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu involuti bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE sabiex tissaħħaħ il-leġittimità tal-UE u tiżdied il-fiduċja pubblika fil-ħidma tal-istituzzjonijiet; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza ta' mekkaniżmi parteċipattivi permanenti biex tiġi ffaċilitata u mħeġġa aktar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE lil hinn mill-att ta' votazzjoni u kanali u strumenti eżistenti oħra; jappoġġja attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni ta' dawn il-mekkaniżmi biex jiġu mmassimizzati l-impatt u l-effettività tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa ta' tali mekkaniżmi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali u ta' koordinazzjoni orizzontali u vertikali adegwata fost l-istituzzjonijiet f'livelli differenti;
34. Jenfasizza l-fatt li proċessi parteċipattivi regolari maċ-ċittadini jistgħu jservu għanijiet differenti, bħall-influwenza fuq il-prijoritajiet politiċi jew leġiżlattivi annwali, l-iżvilupp ta' proposti speċifiċi fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi, id-diskussjoni ta' kwistjonijiet istituzzjonali jew it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-infiq ta' ċerti riżorsi pubbliċi; jissottolinja, madankollu, li filwaqt li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini se tkun ta' benefiċċju f'xi oqsma, huwa importanti li ċ-ċittadini jkollhom fehim ċar tal-eżiti tal-involviment, inklużi l-limitazzjonijiet inerenti, bi proċeduri ta' segwitu xierqa u trasparenti;
35. Jinnota li l-mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini jinkludu firxa wiesgħa ta' għodod li huma komplementari, bħall-assemblei taċ-ċittadini, l-inizjattivi taċ-ċittadini, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, id-djalogi maċ-ċittadini, l-ibbaġitjar parteċipattiv, ir-referenda, eċċ.;
36. Ifakkar li l-mekkaniżmi parteċipattivi għaċ-ċittadini għandu jipprovdu mezz għall-individwi biex jesprimu l-ideat u t-tħassib tagħhom; jissottolinja l-fatt li dawn għandhom ikunu parteċipattivi, inklużivi, miftuħa, deliberati, transnazzjonali, mhux partiġġjani, obbligati jagħtu rendikont, effettivi, viżibbli u attraenti;
37. Jenfasizza li, sabiex jintlaħaq l-akbar għadd possibbli ta' ċittadini, irid jittieħed approċċ inklużiv; jissottolinja l-fatt li l-għażla tal-parteċipanti għandha tiżgura rappreżentanza bbilanċjata sew tal-popolazzjoni, permezz tal-użu ta' mekkaniżmi adegwati ta' komunikazzjoni biex jintlaħaq pubbliku divers, biex id-diversità tas-soċjetà u dik territorjali tkun riflessa għalkollox; jisħaq li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess ugwali għall-mekkaniżmi parteċipattivi, inklużi dawk li jgħixu f'żoni żvantaġġjati jew dawk li għandhom esponiment aktar baxx għall-informazzjoni tal-UE; jitlob li l-mekkaniżmi parteċipattivi jiġu estiżi għal kulħadd, inklużi ċittadini mhux tal-UE li jirrisjedu fl-UE kif ukoll ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż mhux tal-UE, li għandhom jiġu offruti mekkaniżmi alternattivi adattati għall-ħtiġijiet tagħhom;
38. Jisħaq fuq il-ħtieġa li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni; ifakkar li l-ostakli lingwistiċi ibiegħdu l-istituzzjonijiet Ewropej miċ-ċittadini u jipprevjenu l-iżvilupp ta' demokrazija Ewropea verament inklużiva;
39. Jissottolinja l-importanza li jingħata aċċess sħiħ lill-persuni b'diżabbiltà għall-istrumenti differenti kollha li l-UE tipprovdi liċ-ċittadini, b'mod partikolari permezz tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni sistematiċi għal-lingwa tas-sinjali u għal lingwa faċli li tinqara;
40. Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra għandhom jaqdu rwol ewlieni fl-istrumenti parteċipattivi kollha; iqis li metodoloġiji xierqa li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tagħhom huma kruċjali; jissottolinja l-fatt li, sabiex dawn l-istrumenti jirnexxu, il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iridu jiġu involuti;
41. Jisħaq li l-għan, ir-regoli u l-perjodi ta' żmien ta' kwalunkwe proċess parteċipattiv iridu jiġu kkomunikati mill-bidu nett sabiex dawn ikunu effettivi; jissottolinja li l-komunikazzjoni dwar l-involviment taċ-ċittadini jeħtieġ li tenfasizza r-rwol prattiku ta' kwalunkwe mekkaniżmu, inkella n-nuqqas li jiġu ssodisfati l-aspettattivi se jnaqqas il-parteċipazzjoni, u konsegwentement il-leġittimità;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ tajjeb bejn format komuni u prattiki nazzjonali diversi għad-djalogi taċ-ċittadini li jsiru regolarment sabiex iċ-ċittadini jingħataw qafas Ewropew li jakkomoda diversi tradizzjonijiet ta' deliberazzjoni fil-livell nazzjonali;
43. Jisħaq li t-teknoloġiji diġitali għandhom ikunu komplement għall-istrumenti ta' parteċipazzjoni wiċċ imb wiċċ u għandhom jintużaw b'mod speċjali biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni fost il-popolazzjonijiet li għandhom diffikultajiet biex jipparteċipaw fi strumenti parteċipattivi tradizzjonali;
44. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod aċċessibbli, innovattivi u inklużivi għall-parteċipazzjoni u d-djalogi maċ-ċittadini, filwaqt li jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġiji diġitali biex iċ-ċittadini kollha (iż-żgħażagħ u l-persuni akbar fl-età, il-persuni b'diżabbiltà, iċ-ċittadini mobbli tal-UE, il-persuni li jgħixu f'żoni rurali jew inqas popolati) ikun jista' jkollhom sehem effettiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet miksuba mill-mod kif il-pandemija tal-COVID-19 aġixxiet bħala aċċeleratur għall-użu tal-għodod diġitali; jirrimarka l-valur miżjud ta' sit web mhux burokratiku u komprensiv li jipprovdi liċ-ċittadini b'informazzjoni dwar l-inizjattivi parteċipattivi Ewropej kollha; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-media soċjali, speċjalment għat-tfal; jisħaq li l-għan ta' għodod innovattivi bħal dawn għandu jkun li jappoġġjaw id-demokrazija rappreżentattiva u li għandha tiġi żgurata t-trasparenza f'kull livell;
45. Jitlob verifika tal-fatti u moderazzjoni fir-rigward tad-diżinformazzjoni fil-funzjonament tal-pjattaformi online li jintużaw biex jinvolvu liċ-ċittadini;
46. Ifakkar li, qabel it-tnedija ta' kwalunkwe proċess parteċipattiv, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jimpenjaw ruħhom li jsegwu l-eżitu tagħhom fid-dawl tal-kompetenzi u l-proċeduri leġiżlattivi tagħhom, peress li d-diżappunt taċ-ċittadini ta' spiss jirriżulta minn nuqqas ta' segwitu; jisħaq li ċ-ċittadini għandu jkollhom fehim ċar tal-involviment taċ-ċittadini u tal-istrutturi ta' djalogu sabiex l-aspettattiva tissodisfa r-realtà, inkella jkun hemm riskju ta' tneħħija tad-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini; jenfasizza li kwalunkwe strument parteċipattiv ġdid għandu jkun akkumpanjat minn kampanja ta' komunikazzjoni sinifikanti, b'impenn politiku ta' livell għoli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, simili għall-kampanja elettorali ta' suċċess għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019;
47. Jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jipprovdu gwida b'mod attiv lill-parteċipanti matul il-proċess parteċipattiv kollu; jissottolinja li lejn l-aħħar ta' dan il-proċess, l-eżitu tiegħu jrid ikun iddefinit b'mod ċar, sabiex ikun jista' jiġi soġġett għal rispons obbligatorju; jipproponi li l-parteċipanti għandhom jiġu pprovduti b'feedback bil-miktub dwar kull proposta jew rakkomandazzjoni b'lingwaġġ ċar fi tmiem tali eżerċizzji, li fihom l-istituzzjonijiet tal-UE jiċċaraw l-intenzjoni tagħhom li jimplimentaw dik il-proposta jew rakkomandazzjoni jew jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħhom li ma jagħmlux dan; jirrikonoxxi li hemm diffikultajiet u sfidi x'jingħelbu biex il-mekkaniżmi parteċipattivi jikkontribwixxu b'mod aktar sinifikanti għall-kwalità demokratika, u konsegwentement għal sens ta' sjieda u identità Ewropea;
48. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas għas-segwitu għad-djalogi maċ-ċittadini sabiex il-kontribut taċ-ċittadini jitqies b'mod effettiv; jipproponi li parti mis-segwitu tista' tkun it-traduzzjoni tal-eżitu f'rapporti ta' inizjattiva u seduti pubbliċi u l-involviment taċ-ċittadini, inklużi l-aktar gruppi sottorappreżentati fis-soċjeta, b'mod partikolari iż-żgħażagħ, matul dawn il-passi;
49. Jemmen li l-proċessi parteċipattivi taċ-ċittadini jridu jaderixxu mal-ogħla livell possibbli ta' trasparenza; jinnota li t-trasparenza u d-data miftuħa jsaħħu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u għalhekk il-leġittimità tagħhom; jenfasizza li l-promozzjoni tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tal-involviment pubbliku tirrikjedi fehim akbar tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; jitlob li jinħoloq standard għal gvern miftuħ fil-livell tal-UE li jista' jservi bħala bażi għal livelli oħra ta' gvern;
50. Jipproponi li s-sit web tal-Kummissjoni, "Semma' leħnek", isir riżorsa unika li tagħti aċċess għall-istrumenti parteċipattivi kollha fil-livell tal-UE; jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 ħeġġet l-użu ta' sistemi tal-media diġitali u tal-konferenzi online, u għalhekk tara aktar opportunitajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jindika li dan għen liċ-ċittadini jipparteċipaw b'mod aktar rapidu, wiesa' u inklużiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jemmen li l-UE għandha tippromwovi modi ġodda u innovattivi għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, li jippermettu l-użu ta' għodod tat-teknoloġija diġitali li jiffaċilitaw id-djalogu multilingwi maċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tħaddan aktar possibbiltajiet diġitali għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, inklużi tutorials, eżempji mill-passat u informazzjoni dwar leġiżlazzjoni rilevanti; jemmen li għandhom isiru dispożizzjonijiet għal persuni għomja, b'vista batuta jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat;
51. Jipproponi li jiġi stabbilit forum indipendenti tas-soċjetà ċivili, akkademiku u tas-sħab soċjali sabiex il-proċess u s-segwitu tiegħu jiġu mmonitorjati mill-istituzzjonijiet tal-UE;
52. Iħeġġeġ li jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' network indipendenti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ibbażat fuq il-parteċipazzjoni volontarja, biex jinġabru flimkien inizjattivi differenti tad-demokrazija, inkluż bejn ir-reġjuni differenti, sabiex jiġu ffaċilitati l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien kif ukoll biex jiġi żgurat li jintużaw metodi tal-aħjar prattika; jemmen li dan se jżid is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, kif ukoll jiżgura aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika;
53. Jilqa' l-proposta tal-Presidenti tal-KESE u tal-KtR biex jiġi stabbilit grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;
54. Jimpenja ruħu li jinvolvi ruħu mal-istituzzjonijiet u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra tal-UE biex isaħħaħ mezzi addizzjonali ta' kontribut taċ-ċittadini, inkluża l-espansjoni tad-djalogi maċ-ċittadini u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu permanenti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini bi proċess ta' segwitu formalment vinkolanti;
55. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal ftehim interistituzzjonali dwar id-djalogu ċivili abbażi tal-Artikolu 11(2) TUE, li jiddikjara li l-istituzzjonijiet iridu jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili;
56. Jissottolinja l-importanza li jitrawmu l-impenn ċiviku u l-parteċipazzjoni attiva b'mod ikkoordinat u koerenti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u fil-livell tal-UE; jemmen, f'dan il-kuntest, li r-rwol, l-attivitajiet u l-indipendenza tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs) fl-Istati Membri għandhom jissaħħu, sabiex jiġu ffaċilitati l-impenn ċiviku u d-djalogu dirett maċ-ċittadini, jiġu pprovduti aċċess għall-informazzjoni u t-tixrid tagħha u titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-politiki tagħha permezz ta' użu wiesa' u kkoordinat tajjeb tal-għodod ta' komunikazzjoni għall-parteċipazzjoni diġitali u fiżika taċ-ċittadini;
57. Jindika l-inizjattiva l-ġdida Ewropea ta' Bahaus bħala innovazzjoni reċenti biex tiġi mħeġġa u ffaċilitata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jenfasizza li l-inizjattiva tlaqqa' liċ-ċittadini, lill-esperti, lin-negozji u lill-istituzzjonijiet flimkien u tiffaċilita l-konverżazzjonijiet dwar kif l-ispazji tal-għajxien ta' għada jistgħu jsiru aktar affordabbli u aċċessibbli;
58. Jipproponi l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini għal proġetti pilota, inkluż "ibbaġitjar parteċipatorju" biex jippermetti t-tfassil tan-naħa tan-infiq tal-baġit tal-Unjoni u l-crowdsourcing biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu involuti fil-ħolqien konġunt ta' politiki ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE;
59. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, b'biżżejjed involviment mill-istituzzjonijiet tal-UE, fir-riformi strutturali tal-UE billi jiġi riformat il-metodu tal-Konvenzjoni kif previst fl-Artikolu 48 TUE; jipproponi li dan jiġi diskuss fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;
60. Jilqa' l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u jemmen li din hija opportunità kbira biex isir involviment dirett maċ-ċittadini fi djalogu sinifikattiv dwar il-futur tal-Ewropa u biex jiġu pprovduti tweġibiet għat-talbiet tagħhom;
61. Jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili flimkien ma' rappreżentanti istituzzjonali fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir segwitu sod dwar l-eżitu tal-Konferenza, li ċ-ċittadini jinżammu informati dwar il-passi differenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jirriżulta, li jiġi żgurat li d-djalogu maċ-ċittadini jkun sinifikattiv u li dan ikompli wara t-tmiem formali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;
62. Jisħaq li l-agoras taċ-ċittadini organizzati fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandhom iservu bħala proġett pilota għall-istituzzjonalizzazzjoni futura tagħhom bħala mekkaniżmu permanenti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f'dibattiti ewlenin;
63. Jistenna li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se ġġib kontribut importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE u twitti t-triq għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi permanenti ġodda għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;
64. Iqis li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tipprovdi opportunità biex jiġu diskussi mekkaniżmi possibbli għall-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-proċess ta' konsultazzjoni sabiex jiġi influwenzat il-Programm ta' Ħidma annwali tal-Kummissjoni u d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni; jinnota li tali mekkaniżmu jista' jaħdem fuq bażi annwali, fejn jibda fl-ewwel xhur ta' kull sena b'agoras taċ-ċittadini nazzjonali u reġjonali li għandhom iħejju l-prijoritajiet li għandhom jiġu diskussi f'agora taċ-ċittadini Ewropej transnazzjonali, li tista' tiġi konkluża f'Jum l-Ewropa; jindika li l-prijoritajiet li jirriżultaw mill-agora taċ-ċittadini Ewropej għandhom jiġu ppreżentati lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jikkontribwixxu għall-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni li jwassal għall-istabbiliment tal-Programm ta' Ħidma annwali tal-Kummissjoni;
65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).
Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).