Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-kuntest tar-relazzjonijiet transatlantiċi (2020/2257(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 42 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-mobbiltà militari(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) tat-2 ta' Awwissu 2019 dwar it-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja ,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta' sforz ta' difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni – rapport annwali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni – rapport annwali(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, rigward l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà, u tad-Direttiva 2009/43/KE, rigward it-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża(7),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-Istrateġija Globali tal-UE għall-politika estera u ta' sigurtà tal-Unjoni, bit-titolu "Viżjoni kondiviża, azzjoni komuni: Ewropa aktar b'saħħitha",
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/971 tat-8 ta' Ġunju 2017 li tiddetermina l-arranġamenti għall-ippjanar u t-tmexxija tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-UE fil-qafas tal-PSDK u li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja, 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi armati tal-Mali (EUTM Mali) u (PESK) 2016/601 dwar missjoni ta' taħriġ militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)(8), li tistabbilixxi l-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC),
– wara li kkunsidra l-pakkett ta' difiża ppreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017 fid-"Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea" (COM(2017)0315),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u tal-14 ta' Diċembru 2018 dwar is-sigurtà u d-difiża,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar is-sigurtà u d-difiża,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK)2020/1639 tal-5 ta' Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b'mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO(9),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Irkupru li javvanza t-tranżizzjoni lejn industrija tal-UE aktar dinamika, reżiljenti u kompetittiva",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO għall-2020,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2021 li tapprova l-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada u tan-Norveġja fil-proġett PESCO dwar il-mobbiltà militari,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' April 2021 dwar Strateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li terġa' tingħaqad mal-Ftehim ta' Pariġi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata fis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-15 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata fis-Summit bejn l-UE u l-Kanada fil-15 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali għat-Tibdil fil-Klima u d-Difiża propost mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fis-6 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Aġenda ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti" (JOIN(2020)0022),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali" (JOIN(2020)0018),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2017)0021),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Frar 2021 dwar is-sigurtà u d-difiża,
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn in-negozjaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2020 dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF),
– wara li kkunsidra l-ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2020 dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) għall-perjodu li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (2021-2027),
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni tal-14 ta' Marzu 2003 bejn l-UE u n-NATO,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata f'Varsavja fit-8 ta' Lulju 2016 mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO,
– wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 74 proposta għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Varsavja approvata mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u fil-5 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata fi Brussell mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO fl-10 ta' Lulju 2018, u d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta' Brussell maħruġa mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana li saret fi Brussell fil-11 u fit-12 ta' Lulju 2018,
– wara li kkunsidra l-ħames rapporti ta' progress mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti ppreżentat b'mod konġunt f'Ġunju u f'Diċembru 2017, u f'Ġunju 2018, 2019 u 2020,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 16 bil-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-obbligu tad-diżarm nukleari għall-Istati Partijiet b'armi nukleari stabbilit fl-Artikolu VI tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta' Wales, maħruġa fil-5 ta' Settembru 2014 mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f'Wales,
– wara li kkunsidra l-komunikat tas-Summit ta' Brussell maħruġ mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra l-komunikat tal-mexxejja tal-G7 tat-13 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "L-aġenda komuni tagħna għal azzjoni globali biex nibnu mill-ġdid aħjar",
– wara li kkunsidra s-Summit bejn l-Istati Uniti u r-Russja li sar f'Ġinevra fis-16 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra l-Aġenda tan-NU għad-Diżarm bit-titolu "Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna",
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Riflessjoni Maħtur mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "NATO 2030: United for a New Era" (NATO 2030: Magħquda għal Era Ġdida), kopresedut minn Thomas de Mazière u Wess Mitchell,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Mexxejja Żgħażagħ tan-NATO 2030 tal-4 ta' Frar 2021 bit-titolu "NATO 2030: Embrace the change, guard the values" (NATO 2030: Inħaddnu l-bidla, nissalvagwardjaw il-valuri),
– wara li kkunsidra ż-żjara tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO fil-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-15 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-parteċipazzjoni tal-VP/HR fil-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tan-NATO tas-17 u tat-18 ta' Frar 2021, u fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO tat-23 u tal-24 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta' Settembru 2016 mill-President tal-Kummissjoni Juncker,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-19 ta' Frar 2021 mill-mexxejja politiċi tan-NATO u tal-EU fil-Konferenza Speċjali ta' Munich dwar is-Sigurtà "Beyond Westlessness",
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet matul is-sessjoni tat-3 ta' Marzu 2021 tal-Konferenza Interparlamentari għall-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK),
– wara li kkunsidra r-Rieżami Nru 09/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tat-12 ta' Settembru 2019 dwar id-difiża Ewropea,
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO matul il-laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża, u d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO li saret fil-15 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0192/2021),
A. billi s-solidarjetà u s-sħubija Ewropea u trans-Atlantika jiffurmaw il-bażi għas-sigurtà tal-passat, attwali u futura tas-sħubija trans-Atlantika; billi kemm in-NATO kif ukoll l-UE huma differenti fin-natura tagħhom iżda qed jevolvu fl-istess kuntest ġeopolitiku volatili;
B. billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO bdew proċessi ta' riflessjoni sabiex jaġġustaw b'mod xieraq għall-bidliet globali bla preċedent fis-sigurtà; billi f'Ġunju 2020, il-mexxejja tal-UE qablu li jniedu proċess bil-għan li tiġi ddefinita "Boxxla Strateġika"; billi fis-Summit reċenti tagħhom tal-14 ta' Ġunju 2021, il-mexxejja tan-NATO ddeċidew li jibdew jaħdmu fuq il-Kunċett Strateġiku li jmiss, li se jiġi approvat fis-Summit tagħhom li jmiss fl-2022;
C. billi f'Novembru 2020, l-ewwel analiżi klassifikata komprensiva, ta' 360 grad, tal-UE dwar il-firxa sħiħa ta' theddid u sfidi li l-UE tiffaċċja, jew li tista' tiffaċċja fil-futur qrib, ġiet ippreparata b'mod kooperattiv mis-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri tal-UE; billi f'Novembru 2021, il-VP/HR huwa skedat li jippreżenta abbozz tal-Boxxla Strateġika, li l-Istati Membri mbagħad se jiddiskutu u huma skedati li jadottaw f'Marzu 2022; billi l-Boxxla Strateġika għandha l-għan li tiffaċilita l-formazzjoni ta' "kultura Ewropea komuni rigward is-sigurtà u d-difiża";
D. billi l-UE tirrikonoxxi b'mod espliċitu r-rwol tan-NATO għall-membri tagħha fid-difiża tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha (l-Artikolu 42(7) TUE); billi n-NATO għandha r-responsabbiltà primarja ta' difiża kollettiva (l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Washington); billi n-NATO tibqa' garanti kruċjali fil-qasam tal-kapaċitajiet, billi tiżgura l-interoperabbiltà teknika u umana tal-forzi alleati u l-konsistenza tal-politiki tat-tagħmir tagħhom; billi l-impenn għall-awtodifiża kollettiva, inkorporat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u fl-Artikolu 42(7) TUE, huwa l-garanzija ta' solidarjetà bejn l-alleati u bejn l-Istati Membri;
E. billi l-valuri komuni, l-istorja komuni u r-relazzjoni speċjali kondiviża mill-UE, il-membri Ewropej tan-NATO, l-Istati Uniti u l-Kanada tikkostitwixxi l-pedament tal-Alleanza Trans-Atlantika; billi l-UE u n-NATO jikkondividu l-istess sfidi ta' sigurtà komuni, interessi ta' difiża komuni u l-istess ambjent ta' sigurtà li jsir dejjem aktar ta' sfida;
F. billi wara d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2016, inbeda proċess ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iċċentrat madwar 74 proposta komuni għal azzjoni fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, il-kooperazzjoni operattiva, inkluż fuq il-baħar u dwar il-migrazzjoni, iċ-ċibersigurtà u d-difiża, il-kapaċitajiet ta' difiża, l-industrija tad-difiża u r-riċerka, eżerċizzji, u appoġġ għall-isforzi għal bini tal-kapaċitajiet tas-sħab tal-Lvant u tan-Nofsinhar;
G. billi s-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa jiddependu mir-rieda politika u l-kapaċità ċivili u militari tal-Ewropej li jassumu r-responsabiltajiet tagħhom f'ambjent strateġiku li ddeterjora b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin; billi n-NATO ma għandhiex titqies biss bħala kontinwazzjoni ta' proġett mill-passat, iżda bħala viżjoni għall-futur tas-sigurtà u l-istabbiltà tad-dinja, li teħtieġ li tkompli tadatta l-istrateġija politika tagħha għal sfidi ġodda, iżżomm is-solidarjetà u l-koeżjoni politika, u tibqa' organizzazzjoni kredibbli u teknikament innovattiva;
H. billi l-uniku qafas legali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO għadu l-Qafas Miftiehem tal-2003, li huwa limitat għall-kondiviżjoni tal-istrutturi tal-ippjanar, l-assi u l-kapaċitajiet kollettivi tan-NATO mal-UE fir-rigward tal-ippjanar u t-twettiq ta' operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-UE f'konformità mal-arranġamenti "Berlin Plus";
I. billi fl-10 ta' Novembru 2020, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg iddikjara li "għandna bżonn insegwu l-kontroll u d-diżarm tal-armi nukleari bħala kwistjoni ta' urġenza" u fil-15 ta' Diċembru 2020, l-alleati tan-NATO affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni;
J. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari mill-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, segwew politiki li jippermettulhom ikunu atturi globali aktar attivi u influwenti għall-paċi u s-sigurtà, u konsegwentement intensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża; billi l-istadji ewlenin jinkludu l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) u l-programmi prekursuri tiegħu, it-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), kif ukoll il-ftehim dwar il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF);
K. billi CARD jipprovdi lill-UE bi strument biex ikomplu jiġu armonizzati l-isforzi tal-Istati Membri fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża u biex jiġu identifikati oqsma addizzjonali għall-kooperazzjoni;
L. billi fil-qafas tal-PSDK, 5 000 membru tal-persunal militari u ċivili tal-UE huma attwalment skjerati f'sitt missjonijiet u operazzjonijiet militari u 11-il missjoni u operazzjoni ċivili fi tliet kontinenti; billi dawn il-missjonijiet ipprovdew b'suċċess appoġġ, bini tal-kapaċitajiet u taħriġ bil-għan li jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà f'żoni ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt; billi l-kapaċità tal-Ewropa tiddependi ħafna fuq il-ħila tal-Unjoni li tintervjeni b'mod kredibbli f'teatri ta' operazzjonijiet esterni;
M. billi l-aħħar xhur raw livelli bla preċedent ta' interazzjoni ta' livell għoli bejn l-UE u n-NATO, bħall-ewwel diskussjoni bejn Segretarju Ġenerali tan-NATO u l-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-UE f'Diċembru 2020, u l-parteċipazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO fil-Kunsill Ewropew fi Frar 2021;
N. billi n-NATO, permezz tal-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża (NDPP) tagħha, tistabbilixxi l-"Livell ta' Ambizzjoni" tagħha kull erba' snin billi tidentifika f'termini kwalitattivi u kwantitattivi l-ġabra ta' forzi, tagħmir u kapaċitajiet li l-alleati għandu jkollhom fl-inventarji tagħhom biex jappoġġjaw l-ispettru sħiħ tal-missjonijiet tan-NATO u jkunu jistgħu jwieġbu għal theddid u sfidi possibbli;
O. billi l-Istati Uniti ilha li stiednet lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-isforzi tagħhom f'termini ta' investimenti fis-sigurtà u fid-difiża tagħhom, bħala kontribut importanti għall-qsim tal-piżijiet fi ħdan l-alleanza;
P. billi l-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt sinifikanti fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-baġits nazzjonali u kompliet taggrava t-tensjonijiet globali u l-isfidi tas-sigurtà eżistenti bħall-iskjerament irresponsabbli u aggressiv tal-forzi; billi ċ-Ċina u r-Russja b'mod partikolari ppruvaw jużaw il-pandemija biex javvanzaw l-interessi strateġiċi tagħhom; billi l-UE u n-NATO kkooperaw mill-qrib sa mill-bidu tal-pandemija, billi indirizzaw kwistjonijiet bħad-distribuzzjoni tat-tagħmir u l-persunal mediku, ir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini, it-theddid ċibernetiku u ibridu, u l-ġlieda kontra l-attivitajiet ta' diżinformazzjoni u l-propaganda ostili;
Q. billi l-Kummissjoni, meta ppreżentat il-Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża, issottolinjat li l-kapaċità industrijali żejda, il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenza fil-produzzjoni tal-kapaċità militari Ewropea għandha spejjeż annwali ta' EUR 25 sa 100 biljun, li huma mġarrba mill-baġits nazzjonali għad-difiża tal-Istati Membri;
R. billi jeħtieġ li d-demokraziji jirrispondu b'mod adegwat għall-isfidi tal-lum; billi numru ta' membri tan-NATO u tal-UE jiffaċċjaw sfidi interni għad-demokrazija; billi, globalment, reġimi awtoritarji, bħar-Russja u ċ-Ċina, jidhru li kkonsolidaw l-influwenza tagħhom u qed isegwu aġenda aggressiva;
S. billi l-Preżenza Avvanzata Msaħħa (EfP) tan-NATO fin-naħa tal-Lvant tal-alleanza, b'erba' gruppi tattiċi multinazzjonali fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja, hija mmexxija mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit, mill-Kanada u mill-Ġermanja rispettivament;
T. billi n-NATO ttestjat b'suċċess l-inizjattiva tagħha ta' Mobbiltà tal-Ajru Rapida biex tippermetti t-trasport urġenti ta' provvisti mediċi matul il-pandemija tal-COVID-19;
70 sena ta' rabta trans-Atlantika permezz tan-NATO
1. Huwa konvint li l-Unjoni Ewropea u n-NATO għandhom interessi ta' sigurtà u difiża konverġenti; jilqa' l-kooperazzjoni intensifikata bejn l-UE u n-NATO li ilha fis-seħħ mill-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Varsavja tal-2016 u li ssaħħet bid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Brussell tal-2018, u jenfasizza li sħubija strateġika msaħħa bejn l-UE u n-NATO hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li qed jiffaċċjaw l-Ewropa u l-viċinat tagħha; ifaħħar il-kisbiet tal-alleanza u jissottolinja r-rilevanza kontinwa tagħha; jissottolinja li n-NATO teħtieġ li żżid l-isforzi tagħha biex tadatta għan-natura li qed tinbidel u għal-livell miżjud ta' theddid, sabiex tibqa' attur globali kredibbli u sostenibbli għas-sigurtà kollettiva u għall-paċi fid-dinja; ifakkar fil-fatt li għall-Istati Membri li huma wkoll alleati tan-NATO, in-NATO hija l-pedament tad-difiża kollettiva; jitlob lill-UE biex tkompli tapprofondixxi r-rabta trans-Atlantika u s-sħubija importanti tagħha man-NATO;
2. Jafferma mill-ġdid l-impenn preċedenti tiegħu għall-ambizzjonijiet tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u jtenni l-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi u s-sigurtà; jissottolinja l-fatt li n-NATO tibqa' l-pedament tas-sigurtà u tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha u tal-komunità trans-Atlantika kollha, kif ukoll forum indispensabbli għall-konsultazzjonijiet u d-deċiżjonijiet dwar is-sigurtà bejn l-alleati; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-kooperazzjoni, is-sħubija u l-ħbiberija trans-Atlantika, li kkontribwew għas-suċċess tal-Ewropa matul l-aħħar 70 sena u li kienu l-bażi għall-istabbiltà u s-sigurtà tagħha sa mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija;
3. Jenfasizza li s-sħubija bejn l-UE u n-NATO u l-kooperazzjoni trans-Atlantika kollha huma mibnija fuq storja komuni u appoġġ għall-valuri ewlenin tad-demokrazija, tal-libertà, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt, tal-promozzjoni tal-paċi u l-kooperazzjoni internazzjonali, u ta' ordni internazzjoni bbażat fuq ir-regoli; jisħaq li n-NATO hija aktar minn alleanza militari u tirrappreżenta simbolu ta' valuri demokratiċi komuni;
4. Jissottolinja li n-NATO hija sieħba siewja anke għall-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tal-alleanza; jirrikonoxxi li n-NATO tikkoopera ma' xi wħud mill-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO, fost l-oħrajn permezz tal-programm tagħha ta' Sħubija għall-Paċi (PfP) u Inizjattiva ta' Sħubija għall-Interoperabbiltà (PII); ifakkar fil-fatt li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO trid tkun mingħajr preġudizzju għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO; ifakkar fil-fatt li l-kooperazzjoni tan-NATO mal-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO hija parti integrali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jilqa' l-involviment tal-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO fl-inizjattivi tal-alleanza, filwaqt li jiġu rrispettati l-politiki ta' newtralità, l-oqfsa kostituzzjonali rispettivi, l-involviment ta' pajjiżi terzi u l-ambizzjonijiet tal-UE; jisħaq li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom karatteristiċi distinti evidenti u li kull waħda minnhom għandha tikkoopera b'rispett sħiħ għall-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-oħra fuq il-bażi tal-prinċipji tar-reċiproċità u l-inklużività, mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' kwalunkwe Stat Membru; ifakkar fin-natura u r-rwoli differenti taż-żewġ organizzazzjonijiet, li l-UE hija organizzazzjoni ċivili b'fergħa militari għal operazzjonijiet barra miż-żona skont l-Artikolu 43(1) TUE (il-Kompiti ta' Petersberg), u n-NATO hija alleanza militari u politika inkarigata mill-organizzazzjoni tad-difiża territorjali kollettiva tal-membri tagħha;
5. Jenfasizza li l-komunità trans-Atlantika qed tiffaċċja firxa wiesgħa ta' theddid emerġenti, kompetizzjoni sistemika u sfidi komuni bla preċedent għas-soċjetajiet demokratiċi tagħna, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali li jaffettwaw is-sigurtà tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħhom, kemm direttament kif ukoll indirettament, li jvarjaw minn theddid konvenzjonali, kontroll tal-armi ineffettiv u l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva (AQM), l-assenza ta' tnaqqis tar-riskju tal-armi nukleari, instabbiltà fil-viċinati tan-Nofsinhar u tal-Lvant, tibdil fil-klima, pandemiji u terroriżmu, għal theddid ibridu, diżinformazzjoni, attakki ċibernetiċi, użu malizzjuż ta' teknoloġiji emerġenti u fixkiela (EDTs), migrazzjoni mhux sikura u bilanċ tal-poter globali li qed jinbidel; jisħaq li, fid-dawl tal-isfida li tirriżulta għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO tikkontribwixxi għal governanza globali u multilateraliżmu effettivi;
6. Jenfasizza li l-komunità trans-Atlantika tista' biss timmaniġġja dawn l-isfidi b'suċċess billi tkompli tapprofondixxi l-kooperazzjoni u tieħu s-sħubija f'livell ġdid; jissottolinja l-fatt li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għandhom kapaċitajiet u punti pożittivi uniċi; iqis għalhekk li l-komplementarjetà tal-isforzi u l-kooperazzjoni avvanzata huma tal-akbar importanza għaż-żamma tas-sigurtà trans-Atlantika; jissottolinja li ż-żamma tal-koeżjoni u l-unità politika, kif ukoll it-tisħiħ tal-konsultazzjoni politika, iridu jkunu prijoritajiet għas-sħubija bejn l-UE u n-NATO sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi komuni;
7. Huwa fiduċjuż li l-komunità trans-Atlantika hija kapaċi mhux biss tadatta għall-isfidi l-ġodda iżda wkoll taffrontahom; jesprimi l-gratitudni tiegħu għall-ħidma eċċellenti mwettqa mill-għadd kbir ta' membri tal-persunal tal-UE, tan-NATO u nazzjonali li jaħdmu bis-sħiħ biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħna;
8. Ifaħħar u jirrispetta lill-membri kollha tas-servizz tal-alleanza trans-Atlantika li mietu jew ġew midruba waqt li kienu qed jagħtu servizz, kif ukoll lil dawk li qed iservu bħalissa;
It-tisħiħ kemm tal-kooperazzjoni trans-Atlantika kif ukoll dik ta' bejn l-UE u n-NATO
9. Ifaħħar is-sinjal qawwi ta' għaqda u kooperazzjoni trans-Atlantiċi mibgħut mis-Summit tan-NATO fl-14 ta' Ġunju 2021, li wera li l-alleanza għadha vitali u kapaċi tadatta għall-isfidi attwali u ġodda; jemmen li l-konklużjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jenħtieġ li jiġu riflessi wkoll fil-ħidma dwar il-Kunċett Strateġiku li jmiss tan-NATO; jilqa' l-ħatra tal-grupp indipendenti ta' esperti deċiża mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, u jfaħħar b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tagħhom għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO; japprova l-proposti ta' Diċembru 2020 mill-President tal-Kummissjoni u l-VP/HR għal Djalogu ta' Sigurtà u ta' Difiża bejn l-UE u l-Istati Uniti; jilqa' l-impenn iddikjarat b'mod ċar tal-amministrazzjoni Biden biex tinvolvi ruħha mas-sħab tal-UE u tan-NATO fl-oqsma kollha;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir is-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-15 ta' Ġunju 2021 u l-espressjoni ta' appoġġ sod għal kooperazzjoni robusta bejn in-NATO u l-UE; jilqa' r-rikonoxximent konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-kontribut li l-inizjattivi tas-sigurtà u d-difiża tal-UE jistgħu jagħtu kemm lis-sigurtà Ewropea kif ukoll lil dik trans-Atlantika u jilqa' l-intenzjoni ddikjarata li jitnieda djalogu dedikat bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sigurtà u d-difiża; jissottolinja kemm ir-rilevanza ewlenija tal-preżenza tas-sigurtà tal-Istati Uniti fl-Ewropa għas-sigurtà tal-Ewropa kif ukoll l-impenn sħiħ tagħha għall-kooperazzjoni fis-sigurtà trans-Atlantika; jenfasizza li sħubija b'saħħitha bejn l-UE u l-Istati Uniti hija element ewlieni ta' kooperazzjoni b'suċċess bejn l-UE u n-NATO; jissottolinja li s-sħubija trans-Atlantika tibbenefika mit-tfassil prevedibbli tal-politika barranija u mill-involviment multilaterali; iqis il-bidla tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti bħala opportunità biex jiġu affermati mill-ġdid valuri komuni, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-multilateraliżmu, il-paċi u l-prosperità, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fl-indirizzar tat-theddid komuni, fost affarijiet oħra bil-ħruġ ta' sanzjonijiet konġunti fejn possibbli;
11. Jikkondividi bis-sħiħ il-fehma espressa fil-komunikat finali tas-Summit tan-NATO reċenti li l-proċessi strateġiċi li għaddejjin fi ħdan in-NATO u l-UE joffru opportunità unika biex inkomplu nintensifikaw il-konsultazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħna biex insaħħu s-sigurtà taċ-ċittadini tagħna u nippromwovu l-paċi u l-istabbiltà fiż-żona Ewro-Atlantika u lil hinn minnha; itenni t-talba tiegħu, għalhekk, biex il-ħidma kontinwa u futura li qed titwettaq b'mod parallel kemm fuq il-Boxxla Strateġika tal-UE kif ukoll fuq il-ħidma mħabbra reċentement dwar il-Kunċett Strateġiku li jmisstan-NATO biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari u jiġu identifikati sinerġiji addizzjonali sabiex tissaħħaħ ir-rabta trans-Atlantika u tkompli l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jistieden lill-atturi kollha involuti biex jużaw din l-opportunità biex jorbtu dawn il-proċessi kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku; jissottolinja l-fatt li ż-żewġ proċessi għandhom jiżguraw il-koerenza u jidentifikaw theddid reġjonali u globali komuni, u l-passi meħtieġa li jmiss biex jiġi indirizzat dak it-theddid; jesprimi l-viżjoni tiegħu li l-Boxxla Strateġika tal-UE tista' tistabbilixxi s-sisien għal kontribut tal-UE għall-Kunċett Strateġiku tan-NATO li jmiss; jemmen li dawn il-proċessi distinti għandhom jenfasizzaw b'mod separat il-valur miżjud ta' kull organizzazzjoni, jgħinu biex jiddefinixxu, fejn rilevanti, diviżjoni aħjar tal-kompiti u, permezz ta' djalogu kostanti u koordinazzjoni mill-qrib, jindikaw jekk l-UE jew in-NATO għandhomx imexxu qasam partikolari b'mod ta' rinforzar reċiproku;
12. Jistenna li t-tlestija tal-Boxxla Strateġika se tapprofondixxi s-solidarjetà tal-UE u tikkontribwixxi għall-progress lejn kultura strateġika komuni fost l-Istati Membri; jilqa' l-ewwel analiżi ta' theddid komuni ta' Novembru 2020 u jitlob li jittieħdu passi 'l quddiem lejn valutazzjoni ta' theddid komuni miftiehma; iqis li l-approċċ integrat tal-UE jista' jiġi aġġornat biex iqis is-sejbiet tal-analiżi tat-theddid imwettqa fil-proċess tal-Boxxla Strateġika; jemmen li d-dimensjoni tas-sigurtà tal-pajjiżi fil-viċinat immedjat tal-UE, b'mod partikolari s-Sħubija tal-Lvant (SL) u l-Balkani tal-Punent, għandha titqies kif xieraq fl-abbozzar tal-Boxxla Strateġika, peress li l-ambjent Ewropew tas-sigurtà u r-reżiljenza Ewropea ma jistgħux jinkisbu mingħajr is-sigurtà u r-reżiljenza fit-tul tal-ġirien kollha tal-UE;
13. Jenfasizza li l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana kif ukoll l-Artikolu 42(7) TUE u l-Artikolu 222 TFUE huma strumenti importanti biex tiġi ggarantita s-solidarjetà fi kriżi lejn membri tal-organizzazzjonijiet rispettivi; ifakkar fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana ġie invokat wara l-attakki terroristiċi ta' Settembru 2001 fi New York u f'Washington biex jesprimi solidarjetà mal-Istati Uniti u li l-Artikolu 42(7) TUE ġie invokat wara l-attakki terroristiċi ta' Novembru 2015 f'Pariġi biex jesprimi solidarjetà ma' Franza; iħeġġeġ diskussjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 42(7) TUE u l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, li jistabbilixxu rispettivament l-impenn inekwivoku tal-UE u tan-NATO għas-solidarjetà u s-sigurtà, matul ir-rieżami tal-Kunċett Strateġiku u l-abbozzar tal-Boxxla Strateġika, filwaqt li jqisu li t-teħid awtonomu ta' deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ;
14. Jilqa' l-lingwaġġ pożittiv dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-komunikat finali tas-Summit tan-NATO fl-14 ta' Ġunju 2021; jemmen, madankollu, li jinħtieġu ħafna aktar sforzi biex tiġi avvanzata l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u tinkiseb sħubija strateġika vera; jissottolinja li l-UE hija sieħba tan-NATO u li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha funzjoni ta' rinforzar reċiproku u hija bbażata fuq il-prinċipji ta' gwida maqbula ta' trasparenza, reċiproċità, inklużività, u fuq l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet; jisħaq li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' difiża koerenti, komplimentari u interoperabbli huwa essenzjali biex tiżdied is-sigurtà taż-żona Ewro-Atlantika f'konformità mal-prinċipju ta' ġabra waħda ta' forzi; itenni li kapaċità Ewropea li taġixxi, kemm fi sħubija kif ukoll b'mod awtonomu, hija essenzjali għall-komplementarjetà u biex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-kompiti ewlenin tan-NATO, kif ukoll biex ittejjeb il-prevenzjoni ta' kunflitti, u għalhekk għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu;
15. Huwa tal-opinjoni li l-kooperazzjoni futura bejn l-UE u n-NATO għandha tibni fuq l-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda kemm mill-għarfien espert uniku tal-UE fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u kif ukoll fil-bini tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari l-"Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija" (CPCC), u l-għarfien espert tagħha fil-ġestjoni tal-kriżijiet militari, partikolarment il-"Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija" (MPCC), flimkien mal-esperjenza miksuba mill-iskjerament ta' 37 operazzjoni militari fil-qasam mill-2003 u l-għoti ta' assistenza lill-atturi militari fil-pajjiżi sħab permezz tal-inizjattiva "Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp" (CBSD) u l-istrument Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, li ġie integrat fil-Faċilità Ewropea għall-Paċi;
16. Jilqa' l-lingwaġġ ċar fil-komunikat tas-Summit tan-NATO tal-14 ta' Ġunju 2021 dwar l-importanza tar-reżiljenza; jisħaq li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u jikkoordinawha b'mod aktar effettiv fil-qasam ewlieni tar-reżiljenza, u jenfasizza l-ambizzjoni tal-UE li tiżviluppa approċċ sinifikanti lejn it-tisħiħ tad-diversi aspetti ċivili u militari tar-reżiljenza, fost l-oħrajn fil-qasam tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, bħal fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tal-IT, kif ukoll ir-rwol tal-UE bħala attur ewlieni fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz;
17. Jilqa' d-deċiżjoni pożittiva tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2021 li tawtorizza lill-koordinatur tal-proġett tal-Mobbiltà Militari, in-Netherlands, biex jistieden lill-Istati Uniti, lill-Kanada u lin-Norveġja, b'segwitu tat-talbiet rispettivi tagħhom, biex jipparteċipaw fil-proġett PESCO dwar il-mobbiltà militari; jissottolinja li tali parteċipazzjoni tirrappreżenta pass importanti lejn żieda fil-koerenza bejn l-isforzi rispettivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE u tan-NATO, u tikkostitwixxi eżempju konkret ta' sħubija trans-Atlantika msaħħa; ifakkar fil-parteċipazzjoni eċċezzjonali tal-pajjiżi terzi fi proġetti PESCO li, sakemm ma tfixkilx l-objettiv tat-trawwim tal-PSDK tal-UE u sakemm jissodisfaw sett miftiehem ta' kundizzjonijiet politiċi, sostantivi u legali, tista' tkun fl-interess strateġiku tal-Unjoni, speċjalment jekk jipprovdu għarfien espert tekniku jew kapaċitajiet addizzjonali; iqis li dan huwa partikolarment minnu għal sħab strateġiċi bħall-alleati tan-NATO, pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u sħab tas-SL; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi tista' tkun biss waħda eċċezzjonali, deċiża skont il-każ u fuq l-istedina tal-Istati Membri tal-UE, u jissottolinja li tali parteċipazzjoni għandha tipprovdi valur miżjud u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-PSDK; ifakkar ukoll fil-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi li trid tirrispetta r-regoli rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639;
18. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni trans-Atlantika fuq firxa ta' kwistjonijiet internazzjonali, bħat-tibdil fil-klima, ir-rispons għall-pandemiji, it-teknoloġiji emerġenti fixkiela, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, inklużi t-terroriżmu ġiħadista u sponsorizzat mill-istat, l-enerġija, is-sigurtà u r-reżiljenza marittima, u fil-qasam tal-ispazju extratmosferiku;
19. Jirrikonoxxi l-kooperazzjoni importanti bejn l-UE u n-NATO fil-Balkani tal-Punent, bħal dik bejn il-Missjoni tal-UE għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX) u l-Forza tal-Kosovo (KFOR); ifaħħar l-Operazzjoni EUFOR Althea, li l-kwartieri ġenerali operazzjonali tagħha jinsabu fil-Kwartieri Ġenerali Supremi tal-Potenzi Alleati fl-Ewropa (SHAPE) abbażi tal-arranġamenti "Berlin Plus" man-NATO, li qed tikkontribwixxi taħt dawn l-arranġamenti favur ambjent sikur u sigur fil-Bożnija-Ħerzegovina minn meta ħadet f'idejha l-Forza ta' Stabbilizzazzjoni tan-NATO (SFOR) fl-2004; jinnota li l-esperjenzi ta' dawn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet u t-tagħlimiet minnhom huma strumentali biex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni attwali u futura kollha bejn l-UE u n-NATO tipprovdi l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjuni milquta, jingħata appoġġ u taħriġ lis-sħab lokali u biex jinbnew il-kapaċitajiet; jinnota r-rwol importanti li kellha l-integrazzjoni tan-NATO fil-Balkani tal-Punent billi ġabet stabilità f'dawn il-pajjiżi, li kienet importanti għall-perspettiva tal-UE tagħhom u għall-integrazzjoni gradwali fl-UE; jemmen li l-UE u n-NATO għandhom jipprovdu aktar appoġġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jiġġieldu l-interferenza barranija malizzjuża minn pajjiżi bħar-Russja, iċ-Ċina, it-Turkija u l-Arabja Sawdija, kif ukoll minn gruppi radikali u atturi mhux statali; jilqa' l-fatt li tliet pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE, l-Albanija, il-Montenegro u l-Maċedonja ta' Fuq, saru alleati tan-NATO;
20. Jistieden lill-Istati Membri u lill-alleati tan-NATO biex jużaw kull mezz possibbli biex jappoġġjaw it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tas-sigurtà militari ma' pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE u ma' sħab tal-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, peress li mingħajr dan, ma jistgħux jiġu assigurati is-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun; ifakkar fir-rwol importanti li l-UE jista' jkollha fl-appoġġ tal-politika ta' bieb miftuħ tan-NATO billi żżomm sinerġiji politiċi u operattivi mill-qrib mal-pajjiżi aspiranti tagħha, b'mod partikolari l-Bożnija-Ħerzegovina, l-Ukrajna u l-Georgia; jisħaq fuq is-sinifikat tal-kontribuzzjonijiet li saru mid-diversi pajjiżi sħab tan-NATO għas-sigurtà Ewro-Atlantika; iħeġġeġ koordinazzjoni aktar b'saħħitha u d-diviżjoni effettiva tax-xogħol bejn l-UE u n-NATO fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq il-pajjiżi tas-Sħubija għall-Opportunitajiet Imsaħħa (EoP) tan-NATO; itenni l-appoġġ tiegħu kemm għat-Tkabbir tal-UE kif ukoll tan-NATO;
It-theddid u l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-UE u n-NATO
21. Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar il-politiki reviżjonisti, militari u aggressivi kontinwi mwettqa mir-Russja taħt il-President Putin; jilqa' l-lingwaġġ ċar dwar ir-Russja użat matul is-Summits reċenti tan-NATO u bejn l-UE u l-Istati Uniti, u jilqa' l-istabbiliment ta' djalogu ta' livell għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Russja; jenfasizza l-ħtieġa li kemm in-NATO, kif ukoll l-UE jkollhom strateġija konsistenti u proattiva u li jirrispondu legalment, malajr u b'għaqda għal atti ta' aggressjoni u provokazzjoni tradizzjonali u ibridi mir-Russja; itenni l-kundanna preċedenti tiegħu tal-annessjoni illeġittima u illegali tal-Krimea mir-Russja fl-2014; jikkundanna l-użu kontinwu ta' attakki ċibernetiċi, kampanji ta' diżinformazzjoni, aħbarijiet foloz, attentati ta' qtil u attakki bl-użu ta' velenu mir-Russja kontra figuri tal-oppożizzjoni; jitlob lill-UE u lin-NATO biex jingranaw u jespandu l-impenji attwali biex jiġġieldu l-aggressjonijiet u l-attivitajiet diretti u indiretti tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova, kif ukoll l-attivitajiet assertivi persistenti tagħha fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar l-Iswed, fil-Baħar ta' Azov, fil-Lvant tal-Mediterran u fit-Tramuntana Estrema; ifakkar fl-importanza li jiġu rrispettati l-fruntieri internazzjonali u l-integrità territorjali tal-ġirien tar-Russja; ifakkar li s-sħab trans-Atlantiċi jridu jikkoordinaw l-approċċ fuq żewġ binarji tagħhom ta' deterrenza u djalogu mar-Russja, filwaqt li jżommu kuntatt regolari fl-oqsma tal-kontroll tal-armi, it-trasparenza militari u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mas-sigurtà;
22. Jikkundanna s-sanzjonijiet Russi reċenti kontra l-ogħla uffiċjali Ewropej u ċittadini oħra tal-UE, inkluż il-President tal-Parlament Ewropew, u jesprimi dispjaċir għar-rifjut evidenti ta' djalogu mill-President Putin, kif ukoll il-ksur ta' għadd ta' impenji internazzjonali ewlenin u l-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jqis l-azzjonijiet aggressivi kontinwi tar-Russja u ż-żieda fl-assertività militari bħala theddida għas-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali; jesprimi tħassib dwar l-attivitajiet militari reċenti fuq skala kbira tar-Russja fl-Ukrajna u madwarha; jesprimi, f'dan il-kuntest, l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet militari u r-reżiljenza tagħha;
23. Jirrikonoxxi li l-influwenza dejjem tikber taċ-Ċina, l-assertività, u t-tkabbir militari, teknoloġiku u politiku tagħha jeħtieġ jiġu ffaċċjati permezz ta' strateġija trans-Atlantika koordinata; jilqa', f'dan id-dawl, il-lingwaġġ b'saħħtu użat matul is-Summits reċenti tan-NATO u bejn l-UE u l-Istati Uniti; jesprimi tħassib serju dwar il-politiki segwiti mill-Partit Komunista Ċiniż (CCP) fir-rigward, fost affarijiet oħra, tas-soppressjoni tad-demokrazija f'Hong Kong, it-trattament diskriminatorju tal-minoranzi reliġjużi u kulturali, speċjalment l-Ujgur f'Xinjiang, it-theddid fil-konfront tat-Tajwan, jew il-politiki u l-azzjonijiet aggressivi fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jirrimarka wkoll ir-rilevanza tal-fatt li ċ-Ċina, bħala reġim awtoritarju, daħlet f'kompetizzjoni sistemika mas-sħubija trans-Atlantika billi mminat l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, li nbena matul bosta għexieren ta' snin, u min-naħa tagħha qed tipprova ssawru mill-ġdid skont il-valuri, id-duttrina u l-interessi tas-CCP nnifsu; ifakkar fiż-żieda fil-preżenza taċ-Ċina fix-xena internazzjonali kif ukoll fl-Ewropa permezz tal-Inizjattiva tagħha "Belt and Road", l-investimenti tagħha fl-infrastruttura kritika fl-Ewropa, l-attivitajiet tagħha fiċ-ċiberspazju, fir-reġjuni Artiċi u fl-Afrika, u s-serq dokumentat tagħha ta' proprjetà intellettwali u l-ħażna ta' missili ballistiċi; jitlob li jkun hemm osservazzjoni mill-qrib tal-attivitajiet taċ-Ċina fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), speċjalment fir-rigward tal-inizjattiva tagħha "Digital Silk Road", sabiex jiġu evitati d-dipendenzi fuq infrastruttura li tkun taħt il-kontroll tal-kumpaniji Ċiniżi, li jirrappreżenta riskju ta' influwenza unilaterali Ċiniża fuq l-iżvilupp internazzjonali tan-normi fl-ICT; jitlob lill-UE u lin-NATO biex iżidu l-koordinazzjoni dwar l-iżgurar ta' infrastruttura diġitali kritika u networks tat-telekomunikazzjoni kontra t-tbagħbis minn pajjiżi barranin, billi jitneħħa gradwalment it-tagħmir li jiġi prodott minn entitajiet minn pajjiżi mhux demokratiċi bħaċ-Ċina;
24. Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jibdew djalogu strateġiku biex jiżviluppaw approċċ komuni u koordinat lejn iċ-Ċina, ibbażat fuq il-punti pożittivi u l-kapaċitajiet ta' kull organizzazzjoni bil-għan li jiġi ġġenerat l-aktar valur miżjud possibbli bbażat fuq għanijiet strateġiċi miftiehma b'mod komuni;
25. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-avversarji awtoritarji u l-kompetituri tas-sħubija trans-Atlantika mhux biss qed jużaw għodod militari iżda wkoll politiċi, ekonomiċi, teknoloġiċi u soċjali biex jimminaw is-soċjetajiet u d-demokraziji tagħna; jirrimarka l-isfidi sinifikanti marbuta mas-sigurtà u l-ekonomija kkawżati minn theddid ibridu, attakki ċibernetiċi, indħil barranin, indħil fl-elezzjonijiet u kampanji ta' diżinformazzjoni, li jikkostitwixxu attakk kontra n-natura stess tad-demokraziji tagħna; jikkundanna ż-żieda reċenti ta' każijiet ta' attakki ċibernetiċi u spjunaġġ minn atturi statali u mhux statali kontra l-Istati Membri tal-UE u l-alleati tan-NATO fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż l-immirar fuq is-settur tal-kura tas-saħħa; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe sforz Ewropew fil-qasam tar-reżiljenza jrid jinkludi wkoll, bħala l-bażi biex jiġi żgurat l-appoġġ għall-attivitajiet ta' difiża tagħna, strateġija ta' komunikazzjoni pubblika ċara biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-isfidi tas-sigurtà trans-Atlantika; iqis li l-UE u n-NATO għandhom ifittxu li jaqblu dwar u jimplimentaw approċċ kumplessiv għal risponsi aktar kuraġġużi, koordinati, proporzjonati u għal prevenzjoni adegwata ta' kunflitti, kif ukoll mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-kriżijiet biex jiġġieldu kontra theddid ġdid komuni;
26. Jenfasizza li n-NATO tibqa' forum uniku għall-kooperazzjoni fid-difiża bejn l-UE u l-eks Stat Membru tagħha, ir-Renju Unit; jitlob li jkun hemm sħubija komprensiva, inklużiva u strateġika għas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u r-Renju Unit; jitlob li n-NATO u l-UE jżidu l-azzjoni komuni fix-xena internazzjonali biex jipproteġu d-demokrazija, inkluż billi jsaħħu organizzazzjonijiet multilaterali sabiex jiddefendu l-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli kontra ż-żieda ta' potenzi awtoritarji; jitlob li jkun hemm żvilupp attiv ta' rabtiet aktar mill-qrib ma' demokraziji tal-istess fehma madwar id-dinja; jemmen li sħubiji msaħħa ma' pajjiżi bħall-Ġappun, l-Awstralja u l-Indja, li flimkien mal-Istati Uniti jiffurmaw id-Djalogu Kwadrilaterali dwar is-Sigurtà, kif ukoll il-Korea t'Isfel u New Zealand, flimkien ma' kooperazzjoni intensifikata mat-Tajwan, mhux biss iżidu s-sigurtà ġenerali tagħna iżda jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata implimentazzjoni aktar effettiva tan-normi u r-regoli globali, kif stabbilit minn fora multilaterali bħan-NU; iħeġġeġ ukoll, f'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mal-membri tal-ASEAN;
27. Iħeġġeġ lill-UE, lin-NATO u lin-NU biex jesploraw aktar l-opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-ġestjoni tal-kriżijiet, fl-azzjonijiet umanitarji, fiż-żamma tal-paċi u fil-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab, speċjalment f'żoni tal-operazzjonijiet konġunti; jitlob il-ħolqien ta' ambjent aktar inklużiv billi tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tliet kompiti ewlenin u fl-istrutturi politiċi u militari tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO biex jaħdmu flimkien għal implimentazzjoni aktar sistematika tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (WPS) u biex jiżviluppaw attivitajiet konġunti ta' edukazzjoni u taħriġ;
28. Jissottolinja l-ħtieġa għal approċċ konsistenti, ċar, koerenti u koordinat bejn l-UE u n-NATO għall-viċinat tan-Nofsinhar, li jindirizza kemm it-theddid tradizzjonali bħat-terroriżmu kif ukoll il-preżenza dejjem akbar u aggressiva tar-Russja u taċ-Ċina; jirrimarka l-kooperazzjoni li saret fil-passat bejn l-Operazzjoni Ocean Shield tan-NATO u l-Forza Navali Atalanta tal-UE fil-ġlieda kontra l-piraterija u biex jipprovdu passaġġ sikur fil-Golf ta' Aden;
29. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-Mediterran bejn l-operazzjoni EUNAVFOR MED IRINI tal-UE u l-Operazzjoni Sea Guardian tan-NATO; jenfasizza li ż-żewġ operazzjonijiet jikkontribwixxu għas-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran;
30. Huwa mħasseb dwar it-tensjonijiet dejjem jiżdiedu fir-reġjun Indo-Paċifiku, li jirrappreżentaw theddida għall-istabbiltà reġjonali u globali, u jitlob li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni ma' sħab tal-istess fehma fir-reġjun, li għandha tinkludi djalogu u konsultazzjoni politiċi regolari, skambju ta' informazzjoni, u l-koordinazzjoni ta' taħriġ u eżerċizzji;
31. Jitlob li jkun hemm impenn u koordinazzjoni qawwija bejn l-UE u n-NATO biex jiġi sostnut l-progress li sar fl-aħħar għoxrin sena fl-Afganistan fid-dawl tal-irtirar tal-Missjoni ta' Appoġġ Determinat fl-Afganistan, li għandu jseħħ b'mod ordnat u koordinat; iħeġġeġ aktar appoġġ għat-taħditiet ta' paċi Intra-Afgani, bl-insistenza li l-proċess jippreserva u jibni fuq il-kisbiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-poplu Afgan mill-2001, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u tal-minoranzi;
32. Jappoġġja l-koordinazzjoni msaħħa bejn l-UE, in-NU u n-NATO fl-Iraq, fost l-oħrajn permezz tal-Missjoni Konsulattiva tal-UE (EUAM) fl-Iraq u l-Missjoni tan-NATO għall-Iraq (NMI), li t-tnejn jgħinu biex il-pajjiż jiġi stabbilizzat;
33. Iħeġġeġ id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mal-pajjiżi sħab fl-Amerika Latina u l-Karibew; jinnota li l-Kolombja huwa l-uniku pajjiż sieħeb tan-NATO fl-Amerika Latina u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkonsolidati aktar sħubiji fir-reġjun;
34. Jirrikonoxxi li l-attakki ibridi u ċibernetiċi minn stati ostili u minn atturi mhux statali jikkontestaw id-definizzjoni tradizzjonali ta' kunflitt, spjunaġġ u sabotaġġ interstatali; jitlob lill-UE biex tkompli tiżviluppa s-sett ta' għodod tagħha għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika kontra attakki ibridi; jilqa' l-ħidma li saret fil-qafas tal-Forum ta' Konsultazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) għall-Enerġija Sostenibbli fis-Settur tad-Difiża u s-Sigurtà (CF SEDSS) biex titjieb il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika fl-UE; jenfasizza li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għandhom ikomplu jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu għal attakki ibridi u ċibernetiċi, inkluż kontra l-istituzzjonijiet tagħhom stess; jilqa' l-kjarifika fil-komunikazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-2021 li l-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana jista' jiddeċiedi li jinvoka l-Artikolu 5 fil-każ ta' gwerra ibrida, l-istess bħal fil-każ ta' attakk armat; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni u taħriġ dwar id-difiża ċibernetika; jipproponi l-ħolqien ta' ċentru komuni għall-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku, kif ukoll ta' task force konġunta bejn l-UE u n-NATO għaċ-ċibersigurtà, sabiex jiġu definiti u maqbula r-reazzjonijiet kollettivi għat-theddid ċibernetiku; jitlob, f'dan ir-rigward, għal koordinazzjoni b'saħħitha bejn l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ċ-Ċentru ta' Eċċellenza għad-Difiża Ċibernetika Kooperattiva tan-NATO; jitlob koordinazzjoni akbar bejn l-UE u n-NATO fir-rigward tal-istabbiliment ta' attribuzzjoni kollettiva għal inċidenti ċibernetiċi malizzjużi;
35. Jilqa' l-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta' Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu (COE Ibridu), l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE (CERT-UE) u l-Kapaċità ta' Rispons f'Inċidenti relatati mal-Kompjuters tan-NATO (NCIRC) u jqis dan bħala eżempju tajjeb ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jemmen li rispons komuni għat-theddid ċibernetiku jista' jiġi żviluppat aktar permezz tas-COE Ibridu, inkluż permezz ta' korsijiet u taħriġ konġunti; huwa konvint li huma meħtieġa aktar passi, bħal sforzi biex jinħolqu aktar sinerġiji bejn il-komponenti ċivili u militari, biex tiġi avvanzata r-reżiljenza komuni u b'hekk jiġi evitat theddid ibridu futur; jirrimarka barra minn hekk il-potenzjal UE-NATO fit-tiswir tan-normi ċibernetiċi globali, ibbażati fuq il-valuri komuni tagħna; iqis li l-UE u n-NATO għandhom jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-iżvilupp ta' aġenda għall-kontroll internazzjonali tal-armi f'oqsma ewlenin tal-EDTs b'applikazzjoni militari;
36. Jitlob lill-UE u lin-NATO biex iżidu l-isforzi konġunti biex tinkiseb u tinżamm it-tmexxija teknoloġika globali fil-kapaċitajiet militari, inkluż permezz tal-finanzjament kollaborattiv ta' proġetti ta' riċerka bbażati fuq fruntieri teknoloġiċi, computing kwantistiku u intelliġenza artifiċjali, biex b'hekk jitrawwem l-iżvilupp ta' kapaċitajiet militari mill-aktar avvanzati bbażati fuq il-valuri demokratiċi; jenfasizza r-rwol li għandhom in-negozji ġodda u l-SMEs b'vokazzjoni ċivili fl-innovazzjoni tal-lum fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti; jisħaq li t-teknoloġiji emerġenti joffru wkoll opportunitajiet biex jissaħħu l-pożizzjonijiet ta' difiża tagħna; jisħaq ukoll li l-interoperabilità, l-istandards teknoloġiċi komuni u l-investiment konġunt fit-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni mill-aktar avvanzati huma kruċjali għall-UE u n-NATO biex ikomplu bl-ambizzjoni tagħhom li jipproteġu liċ-ċittadini tagħna bl-aħjar mod possibbli; jenfasizza li l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali (IA) li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tappoġġja l-interess pubbliku jirrikjedi t-tisħiħ ta' qafas tal-IA tal-UE li jinvolvi partijiet ikkonċernati pubbliċi, privati u tas-soċjetà ċivili; jirrakkomanda li inizjattivi bħall-EDIDP, il-PESCO u l-EDF jiffaċilitaw l-involviment ta' negozji żgħar u ta' daqs medju (SMEs) billi javvanzaw l-isforzi li jappoġġjaw l-inkubazzjoni u l-investiment kapitali; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' sett ta' kapaċitajiet komuni għall-IA tal-UE biex jitnaqqsu d-deskrepanzi tekniċi sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri li ma għandhomx l-għarfien espert relevanti fl-industrija tat-teknoloġija jew il-ħila li jimplimentaw sistemi tal-IA fil-ministeri tad-difiża tagħhom ma jitħallewx lura;
37. Jinnota r-rapidità tal-iżviluppi teknoloġiċi, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-potenzjal akbar tal-IA, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-alleati tan-NATO biex ifittxu kooperazzjoni aktar mill-qrib sabiex iżommu l-vantaġġ teknoloġiku fir-rigward ta' dawn il-megatendenzi, jiżguraw l-interoperabilità tas-sistemi tal-IT tagħhom, u jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw standards etiċi komuni għal dawn it-teknoloġiji l-ġodda u jippromwovuhom globalment; jitlob lill-UE u n-NATO biex jieħdu rwol mexxej fl-isforzi globali biex jiġi stabbilit qafas regolatorju komprensiv għall-iżvilupp u l-użu ta' armi b'ċertu grad ta' awtonomija; iħeġġeġ lill-UE u lill-alleati tan-NATO biex jieħdu sehem attiv fin-negozjati internazzjonali dwar strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi sistemi ta' armi letali awtonomi mingħajr kontroll sinifikanti mill-bniedem; jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali biex tiġi miġġielda l-ambizzjoni ta' avversarji bħaċ-Ċina u r-Russja tad-dominanza teknoloġika u l-użu malinn tat-teknoloġija;
38. Jirrikonoxxi l-isfida bla preċedent għall-paċi, il-prosperità u s-sigurtà globali, inkluża s-sigurtà tal-bniedem, u l-istabbiltà globali kkawżata mit-tibdil fil-klima bħala "multiplikatur tat-theddid u l-kriżi"; jitlob titjib fid-djalogu bejn l-UE u n-NATO u sett ta' azzjonijiet biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi multidimensjonali tiegħu għas-sigurtà internazzjonali; ifakkar fil-fatt li l-UE għandha firxa usa' ta' kompetenzi u strumenti li jippermettulha tipprovdi rispons komprensiv għall-isfidi kkawżati mit-tibdil fil-klima u l-kollass tal-bijodiversità; jissottolinja li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għandhom iżidu l-investimenti fit-teknoloġiji ekoloġiċi bil-għan li jtejbu l-effikaċja militari filwaqt li jimminimizzaw l-impronta ambjentali u jevitaw aktar ħsarat lill-ekosistemi;
39. Jirrikonoxxi li l-ispazju huwa qasam kritiku u li t-teknoloġiji l-ġodda qed jippermettu l-użu tiegħu malajr bħala wieħed mill-oqsma tad-difiża; jirrikonoxxi li dan joħloq kemm opportunitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO kif ukoll sfidi għas-sigurtà trans-Atlantika; jirrikonoxxi li l-operabbiltà spazjali tan-NATO tiddependi mill-assi bbażati fuq l-ispazju tal-membri tagħha, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bbażata fuq programmi eżistenti tal-UE bħal Galileo u Copernicus; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO dwar l-ispazju tista' tgħin biex jiġu promossi standards ta' sikurezza spazjali u l-aħjar prattiki fost il-komunità internazzjonali, filwaqt li jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi fl-oqsma tal-komunikazzjoni, in-navigazzjoni u l-intelligence; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u n-NATO jistinkaw biex jipprevjenu li l-ispazju jimtela bl-armamenti; jinnota l-importanza dejjem tikber tas-sigurtà fl-ispazju u tas-satelliti, jisħaq fuq l-importanza taċ-Ċentru Satellitari tal-UE u jitlob lill-aġenzija tanalizza u tipprovdi rapport dwar is-sikurezza u/jew il-vulnerabbiltajiet tas-satelliti tal-UE u tal-Istati Membri għall-iskart spazjali, l-attakk ċibernetiku u l-attakk dirett bil-missili;
40. Jirrikonoxxi l-importanza strateġika dejjem tikber tar-reġjuni tat-Tramuntana Estrema u tal-Artiku u d-dimensjonijiet politiċi, ekonomiċi, ambjentali u ta' sigurtà tagħhom, u jirrikonoxxi l-importanza tal-koordinazzjoni bejn l-UE u n-NATO fl-Artiku; jisħaq li l-Artiku jrid jibqa' żona ta' kooperazzjoni paċifika u jitlob miżuri ta' bini tal-fiduċja biex jiġu evitati passi li jwasslu għal żieda fil-preżenza militari fir-reġjun; jinnota li l-Kunsill tal-Artiku għandu l-mandat li jtejjeb id-djalogu kostruttiv u l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar fl-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Artiku, ifakkar fil-fatt li l-UE bħalissa qed taġġorna l-politika tagħha dwar l-Artiku, u jtenni l-appell tiegħu għal kooperazzjoni msaħħa mas-sħab kollha tal-Artiku, kemm b'mod bilaterali kif ukoll reġjonali, inkluż fi ħdan il-Kunsill tal-Artiku, il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u s-sħubijiet tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, dwar il-kwistjonijiet kollha ta' interess komuni; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-libertà tan-navigazzjoni fit-Tramuntana Estrema; ifakkar fid-dimensjoni parlamentari ta' kooperazzjoni fl-Artiku, fost l-oħrajn permezz tal-Kumitat Permanenti tal-Membri Parlamentari tar-Reġjun tal-Artiku (SCPAR), li fih jipparteċipa l-Parlament Ewropew;
41. Ifaħħar il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO matul il-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja r-rwol importanti tal-alleati tan-NATO u tal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 u jilqa' l-għajnuna militari għall-operazzjonijiet ta' appoġġ ċivili, b'mod partikolari għall-istabbiliment ta' sptarijiet fuq il-post, it-trasport tal-pazjenti, u l-konsenja u d-distribuzzjoni tat-tagħmir; iħeġġeġ inizjattivi bejn l-EU u n-NATO mmirati biex jiffaċilitaw l-użu transfruntier ta' kapaċitajiet loġistiċi militari biex jiġu indirizzati tali emerġenzi, sabiex jippermettu koordinazzjoni, sinerġiji, solidarjetà u appoġġ akbar; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied it-tħejjija tal-UE u tan-NATO għad-difiża kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari (CBRN); huwa konvint li l-isforzi komuni tal-UE u tan-NATO biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 jikkontribwixxu direttament għal reżiljenza msaħħa għas-soċjetajiet tagħna; jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-isfidi li joħolqu l-emerġenzi fixkiela, speċjalment dawk ta' natura mhux tradizzjonali bħal pandemiji u diżastri naturali, għar-reżiljenza attwali tagħna; jinnota bi tħassib li l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt negattiv mhux biss fuq is-saħħa pubblika u l-ekonomija, iżda wkoll fuq is-sigurtà, billi aċċellerat ir-rivatitajiet ġeopolitiċi u saħħet l-inċertezzi bħall-kontinwità tal-katini tal-provvista, b'konsegwenzi dejjiema għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropej u internazzjonali; jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fir-rigward tal-indirizzar aħjar tal-emerġenzi mhux tradizzjonali, li għandha tinkludi eżerċizzji dwar it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, eżerċizzji ta' taħriġ regolari bl-għan li l-Istati Membri u l-alleati jitħejjew aħjar biex jantiċipaw u jimmaniġġjaw aħjar id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, u l-iżvilupp ta' ħażniet ta' tagħmir ta' emerġenza u tal-assi meħtieġa;
Wasal iż-żmien li nwettqu l-ambizzjonijiet tal-UE għad-difiża
42. Huwa konvint li l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-livell ta' ambizzjoni tal-EU u jtejbu l-kapaċità tal-UE li taġixxi b'sett ta' kapaċitajiet u forzi militari u ċivili li jkun aktar kapaċi, skjerabbli, interoperabbli u sostenibbli, li jagħti lill-UE l-kapaċità li tikkontribwixxi b'mod aktar ekwu u deċiż għas-sigurtà trans-Atlantika, filwaqt li jippermettilha timxi 'l quddiem lejn awtonomija strateġika u tkompli twitti t-triq biex progressivament tfassal Unjoni Ewropea tad-Difiża (EDU) f'konformità mal-Artikolu 42 TUE, jekk il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk; jisħaq li l-awtonomija strateġika ssaħħaħ is-sigurtà trans-Atlantika, u bl-ebda mod ma għandha l-għan li tirdoppja l-miżuri u r-riżorsi jew li tissepara min-NATO jew li ddgħajjifha, iżda fil-fatt għandha l-għan li tkun komplimentari għal u interoperabbli mal-isforzi u l-kapaċitajiet tan-NATO; jissottolinja fl-istess ħin li l-awtonomija strateġika tal-UE ma tinvolvix biss l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, imsejsa fuq Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) b'saħħitha u indipendenti, iżda wkoll il-kapaċità istituzzjonali li tippermetti lill-UE taġixxi, fejn ikun possibbli mas-sħab, partikolarment man-NATO, u b'mod indipendenti jekk ikun meħtieġ; jemmen li dawn l-isforzi miżjuda għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet Ewropea se jippermettu lill-UE tieħu responsabbiltà akbar għas-sigurtà Ewropea, inkluż fil-viċinat Ewropew, u l-istabbiltà globali, u għal promozzjoni aħjar tal-interessi u l-valuri komuni bejn l-UE u n-NATO; jenfasizza li Unjoni Ewropea b'awtonomija strateġika se taġixxi bħala l-pedament għall-Alleanza Trans-Atlantika u se tiffaċilita approċċ aktar effiċjenti u effettiv għal għadd tal-isfidi globali li qed jitfaċċaw illum u fil-futur immedjat;
43. Jemmen bis-sħiħ li, minħabba l-livell ta' sfidi bla preċedent, l-ambizzjonijiet tal-UE għall-PESCO u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet jridu jkopru pakkett ta' forzi li jkopri l-ispettru sħiħ ta' operazzjonijiet; ifakkar li l-investimenti tal-UE fid-difiża huma investimenti fis-sigurtà tal-komunità trans-Atlantika kollha kemm hi, li se jirriżultaw fi qsim aktar ġust tal-piżijiet bejn is-sħab trans-Atlantiċi tan-NATO; jenfasizza l-ħtieġa li jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża sabiex ikun hemm reazzjoni adegwata għat-theddid komuni; jemmen li l-Istati Membri tal-UE, speċjalment il-21 membru komuni tal-UE u tan-NATO, jeħtieġ li jaġixxu b'mod koerenti u għandhom jikkunsidraw li jidentifikaw "ambizzjoni Ewropea" ċara rigward l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari billi jżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u fl-innovazzjoni u mingħajr ma jinjoraw is-sħubija trans-Atlantika; jistieden lill-21 membru komuni tal-UE u tan-NATO biex japplikaw il-prinċipju ta' "ġabra waħda ta' forzi" billi jiddikjaraw l-istess ġabra ta' kapaċitajiet potenzjalment disponibbli għal skopijiet ta' ppjanar fi ħdan l-UE u n-NATO; jinkoraġġixxi sforzi aktar b'saħħithom mill-membri taż-żewġ organizzazzjonijiet biex jiksbu koerenza akbar fir-riżultati bejn l-inizjattivi tal-NDPP u tal-UE dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Kapaċità ta' Impatt Għoli (HICG), il-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) tal-UE u l-CARD tal-UE fejn jikkoinċidu r-rekwiżiti, biex jiġu evitati duplikazzjonijiet mhux meħtieġa u biex ikun hemm rispons aħjar għal theddid ġdid; jenfasizza r-rwol importanti tal-EDA fil-produzzjoni tas-CDP tal-UE; jenfasizza li kwalunkwe rieżami tal-objettivi tal-UE jrid jirrifletti wkoll fuq l-Għanijiet Ewlenin tagħha u l-HICG; jissottolinja li tali rieżami huwa fundamentali sabiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ ta' inizjattivi bħall-PESCO; huwa konvint, barra minn hekk, li l-UE trid ittejjeb ir-rabta bejn l-ippjanar, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet;
44. Jemmen li l-alleati Ewropej fin-NATO, appoġġjati fejn possibbli minn sħab Ewropej mhux tan-NATO, kif xieraq, għandhom jimmiraw li jiżguraw qsim adegwat tal-piżijiet u tar-responsabbiltà bl-objettiv li jikkontribwixxu sehem adegwat tal-NDPP, b'kunsiderazzjoni tal-importanza u r-rwol tal-Ewropej fi ħdan l-alleanza; jemmen li dan ikollu l-effett miżjud simultanju li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tiddefendi lilha nnifisha u konsegwentement iżid ukoll il-kapaċitajiet operattivi tagħha;
45. Jissottolinja li s-sħubija trans-Atlantika tista' tirnexxi biss jekk l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom, inklużi l-wegħdiet ta' investiment fid-difiża, u jimpenjaw ruħhom f'appoġġ reċiproku; jissottolinja l-għan ta' 2 % tan-NATO, li ġie kkonfermat mill-ġdid fis-Summit tan-NATO ta' Settembru 2014 f'Wales u ssodisfatt minn xi alleati Ewropej tan-NATO, u jisħaq li l-kisba ta' dan l-objettiv hija wkoll investiment fis-sigurtà u fl-istabbiltà Ewropej, u b'hekk tiġi żgurata tħejjija għal sfidi globali ġodda; ifakkar, bl-istess mod, fl-impenn għall-infiq ta' 20 % tal-baġit annwali għad-difiża fil-qasam kruċjali tar-riċerka u l-iżvilupp; jissottolinja li theddid ġdid, bħal theddid ċibernetiku u ibridu, huwa supplementari għall-isfidi eżistenti tas-sigurtà u għalhekk jirrikjedi riżorsi addizzjonali; jissottolinja l-fatt li, kif uriet il-pandemija, is-sigurtà ma tistax titkejjel biss f'termini ta' perċentwal tal-PDG minfuq, u li bosta elementi oħra għandhom jitqiesu wkoll meta jiġu ġġudikati l-isforzi ta' kontribut biex tissaħħaħ id-difiża komuni tal-alleanza; jitlob li l-infiq fuq id-difiża f'ċifri assoluti ma jitnaqqasx minħabba l-isfidi ekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-membri tal-UE u tan-NATO minħabba l-pandemija tal-COVID-19;
46. Jenfasizza li l-Ewropa, kemm jista' jkun, għandha tħares lejn dawn l-isfidi strateġiċi b'mod komprensiv u koerenti permezz tal-"approċċ integrat" tal-UE, li għandu jittejjeb kontinwament permezz ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u strutturi ta' kmand aħjar, kif ukoll billi jitqiesu theddidiet u sfidi ġodda, u mbagħad għandha tikkunsidra liema kapaċitajiet tista' tiżviluppa flimkien li finalment jgħin il-kontribut kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-UE għad-difiża kollettiva tan-NATO, filwaqt li jtejbu l-interoperabbiltà tal-kapaċitajiet tagħhom;
47. Itenni l-appoġġ tiegħu għal implimentazzjoni effettiva tad-direttivi dwar il-Pakkett tad-Difiża li jikkonċernaw, rispettivament, l-akkwist fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà u t-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża; jisħaq li l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn id-direttivi tikkostitwixxi pass importanti lejn Unjoni Ewropea tad-Difiża billi tagħmel il-politika tal-UE dwar id-difiża aktar koerenti u trawwem l-iżvilupp tal-industrija tad-difiża Ewropea; huwa konvint li l-implimentazzjoni tagħhom hija mod effettiv biex tiġi miġġielda l-frammentazzjoni kontinwa tas-suq intern tal-UE għall-prodotti tad-difiża, li għadha qed twassal għal duplikazzjoni bla bżonn u l-multiplikazzjoni tal-ineffiċjenzi fl-infiq għad-difiża mill-Istati Membri; jenfasizza l-importanza ta' Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) b'saħħitha, kompetittiva u innovattiva, flimkien mal-ħolqien ta' suq tal-UE tat-tagħmir għad-difiża li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli tas-suq intern, u l-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi; iqis li dan iżid is-sigurtà Ewropea u jgħammar aħjar lill-membri taż-żewġ organizzazzjonijiet; jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat suq komuni tad-difiża li jiffunzjona bis-sħiħ; jenfasizza l-importanza tal-EDF fil-ġbir flimkien ta' riżorsi nazzjonali għar-riċerka, għall-iżvilupp, għall-akkwist, għall-manutenzjoni u għat-taħriġ konġunti, u jitlob li jkun hemm orjentazzjoni strateġika fit-tul għall-finanzjament tal-proġetti tiegħu; jitlob li jkun hemm sinerġiji akbar bejn l-EDTIB u l-atturi ewlenin tas-settur privat fl-iżvilupp ta' teknoloġiji emerġenti b'użu doppju bħall-IA, filwaqt li jiġu żgurati sinerġiji ma' atturi oħra (membri tas-soċjetà ċivili, riċerkaturi, eċċ.); jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-EDA u n-NATO u jirrikonoxxi l-valur tal-kooperazzjoni industrijali tad-difiża tal-UE fi ħdan il-Kooperazzjoni Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Trans-Atlantika (TADIC); ifakkar fl-ambizzjoni fit-tul li tinbena kooperazzjoni trans-Atlantika b'saħħitha fis-settur tad-difiża u dak industrijali sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp teknoloġiku u industrijali trans-Atlantiku, filwaqt li jiġu indirizzati fost l-oħrajn kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-provvista, approċċ komuni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, investimenti barranin diretti u aċċess reċiproku għas-swieq tad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora b'mod attiv man-NATO sabiex tiffaċilita l-iżvilupp teknoloġiku u industrijali trans-Atlantiku; jirrimarka li l-inizjattivi Ewropej għad-difiża huma komplimentari għal dawk tan-NATO u huma mfassla biex iħeġġu lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fil-qasam tad-difiża; jinkoraġġixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-EDA u l-Persunal Internazzjonali tan-NATO;
48. Jenfasizza l-importanza ta' proġetti Ewropej konġunti, bħas-Sistema tal-Ajru Futura Ewropea tal-Kumbattiment (FCAS), il-Eurodrone, b'rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali, u s-Sistema Ewlenija ta' Kumbattiment Fuq l-Art (MGCS), u jitlob aktar proġetti ambizzjużi u tanġibbli;
49. Jilqa' l-impenn tal-UE u tal-Istati Uniti, kif espress fis-Summit reċenti bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jaħdmu favur arranġament amministrattiv bejn l-EDA u l-Istati Uniti; jappella għall-konklużjoni ta' arranġament simili ma' alleati oħra tan-NATO li mhumiex fl-UE, speċjalment dawk li magħhom bdew in-negozjati ta' adeżjoni mal-UE, kif xieraq, filwaqt li jiġu rrispettati s-salvagwardji kollha meħtieġa biex jipproteġu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE u l-Istati Membri tagħha, sabiex japprofondixxu l-kooperazzjoni trans-Atlantika tad-difiża billi jiżguraw li t-teknoloġija militari użata tkun interoperabbli bis-sħiħ fil-livell tekniku;
50. Jilqa' l-estensjoni tat-Trattat START Ġdid, li jagħti liż-żewġ firmatarji żmien addizzjonali biex isegwu negozjati bil-għan li jaqblu dwar strument ġdid għall-kontroll tal-armi; jitlob lill-UE u lin-NATO biex jaħdmu għall-involviment ta' stati oħra, b'mod partikolari ċ-Ċina; ifakkar fil-ħtieġa li jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-investiment fil-qasam ewlieni tad-difiża tal-ajru u tal-missili; jesprimi tħassib serju dwar l-iskadenza tat-Trattat INF, li ħoloq riskju ġdid għas-sigurtà, b'mod partikolari għall-pajjiżi Ewropej; jitlob li t-tħassib dwar is-sigurtà tal-Ewropa jiġi rikonoxxut u indirizzat kif xieraq; jesprimi dispjaċir għall-irtirar reċenti mit-Trattat dwar is-Sema Miftuħ;
51. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tat-TNP bħala l-pedament tar-reġim ta' nonproliferazzjoni u diżarm nukleari; jissottolinja l-ħtieġa li jittieħdu miżuri effettivi orjentati lejn id-diżarm nukleari; itenni d-dikjarazzjoni preċedenti tiegħu li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali huma msaħħa f'dinja ħielsa mill-eżistenza u l-proliferazzjoni tal-armi nukleari; iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO biex jaħdmu lejn aġenda ambizzjuża għall-preservazzjoni u t-tisħiħ ta' sistemi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni bħala l-pedament tas-sigurtà globali, trans-Atlantika u Ewropea, u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu segwiti politiki mfassla biex nimxu aktar 'il quddiem fit-tnaqqis tal-arsenali nukleari u biex jiġu stabbiliti limiti fuq l-iskjerament ta' missili iperspsoniċi; jesprimi tħassib dwar l-iżviluppi u l-inizjattivi attwali fl-Iran fir-rigward tal-programm tiegħu ta' arrikkiment tal-uranju; itenni l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) bħala l-aħjar mezz possibbli biex jinkisbu assigurazzjonijiet ta' użu esklużivament paċifiku tal-enerġija nukleari mill-Iran; jilqa' t-tkomplija tat-taħditiet u jistieden lill-partijiet kollha biex jerġgħu lura għal konformità sħiħa;
52. Jitlob lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha, filwaqt li jibnu fuq il-pedament stabbilit mill-"approċċ integrat", jiżviluppaw kemm kultura ta' sigurtà u ta' difiża komuni, li tirrispetta l-karattru speċifiku tal-politiki ta' sigurtà u difiża tal-Istati Membri, kif ukoll approċċ strateġiku, matul it-tfassil tal-politika tagħhom, li għandu japplika b'mod partikolari għad-deċiżjonijiet fl-oqsma tal-kummerċ, tal-ġestjoni tal-katina tal-provvista, tal-iskrinjar tal-investiment, tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, tal-infrastruttura, tal-mobbiltà u tat-teknoloġiji diġitali; jissottolinja f'dan ir-rigward ir-rwol ewlieni tal-Boxxla Strateġika; jissottolinja li f'oqsma bħat-theddid ibridu u ċibernetiku, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-UE jinsabu f'pożizzjoni tajba biex jiżviluppaw reazzjonijiet konġunti; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Pakkett tal-Unjoni tas-Sigurtà ta' Diċembru 2020 u jemmen li dan huwa l-ewwel pass tajjeb li jeħtieġ li jiġi segwit malajr minn azzjonijiet ulterjuri; jinnota l-proposta għal Direttiva NIS 2;
53. Jisħaq fuq is-sinifikat tal-mobbiltà militari fl-iżgurar tal-moviment mgħaġġel tal-forzi fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, li huwa importanti għal difiża effettiva u preventiva; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex ikomplu jnaqqsu l-ostakli proċedurali għall-mobbiltà militari; jilqa' r-rwol indispensabbli tal-UE fit-tisħiħ tal-mobbiltà militari, u jitlob żieda sinifikanti fl-isforzi magħmula biex jiġi implimentat dan il-proġett, b'mod partikolari permezz tal-PESCO, iżda wkoll billi l-Istati Membri jiġu mħeġġa jistimulaw il-bażijiet industrijali tagħhom biex jipproponu proġetti kompetittivi eliġibbli għall-kofinanzjament tal-UE; jitlob li jiżdiedu s-sinerġiji min-naħa tal-UE bejn id-diversi atturi involuti; jenfasizza li approċċ ta' gvern sħiħ li jinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u n-NATO huwa meħtieġ biex il-mobbiltà militari tirnexxi; jitlob li jiġi kkunsidrat pjan ta' azzjoni li jiffoka fuq interessi komuni bejn l-UE u n-NATO fil-mobbiltà militari billi tiżdied l-ambizzjoni f'oqsma bħad-diġitalizzazzjoni, ir-reżiljenza ċibernetika tal-infrastruttura u s-sistemi tat-trasport, u l-possibbiltà li jintużaw soluzzjonijiet ta' intelliġenza artifiċjali għall-benefiċċju tal-mobbiltà militari; jemmen li dan il-proġett juri kemm il-valur miżjud tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO kif ukoll jagħti prova ta' kif l-istrumenti u l-kompetenzi tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għad-difiża kollettiva tan-NATO; jilqa' l-fatt li ammonti sinifikanti ta' fondi tal-UE ġew allokati għal proġetti ta' difiża kollaborattiva, minkejja li ma jaqblux mal-ambizzjonijiet inizjali; ifakkar fil-fatt li 38 mis-46 proġett attwali tal-PESCO jirriflettu l-prijoritajiet tal-ippjanar tad-difiża tan-NATO u jilqa' l-parteċipazzjoni potenzjali ta' pajjiżi terzi f'tali proġetti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill;
Lejn sħubija ambizzjuża
54. Jaqbel bis-sħiħ mad-dikjarazzjoni fil-komunikat reċenti tan-NATO li l-Unjoni Ewropea tibqa' sieħeb uniku u essenzjali għan-NATO; itenni, għaldaqstant, it-twemmin sod tiegħu li r-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO jeħtieġ li jiġu aġġornati għal livell tassew strateġiku sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-sħubija, billi jibnu fuq il-progress bla preċedent li diġà nkiseb u bl-objettiv ġenerali li tinbena relazzjoni ġenwina bejn l-organizzazzjonijiet; jitlob li jsiru summits speċjali regolari bil-parteċipazzjoni tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern kollha tan-NATO u tal-UE sabiex tinżamm il-fiduċja u l-fehim fl-ogħla livelli, u jesprimi l-viżjoni tiegħu fit-tul għal Kunsill ta' Sħubija bejn l-UE u n-NATO; iħeġġeġ, barra minn hekk, diskussjoni dwar il-ħolqien ta' Kunsill permanenti tal-Ministri tad-Difiża tal-UE, li għandu jikkollabora mill-qrib mal-laqgħat tal-ministri tad-difiża tan-NATO; jissottolinja l-prinċipju tal-inklużività f'dan ir-rigward;
55. Itenni l-prinċipju tal-inklużività, u jħeġġeġ numru akbar ta' laqgħat informali konġunti, kif ukoll dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet konġunti mill-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u tan-NATO; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu lill-UE u lin-NATO biex jorganizzaw eżerċizzji konġunti regolari, u aktar ambizzjużi, li jibnu fuq il-prattika eżistenti ta' Eżerċizzji Paralleli u Kkoordinati (PACE), filwaqt li jiżguraw l-involviment tal-Istati Membri u l-alleati kollha, li jservu biex itejbu l-fehim reċiproku bejn l-UE u n-NATO u jsaħħu aktar il-kooperazzjoni bejn il-persunal; jinkoraġġixxi skambju msaħħaħ ta' informazzjoni mhux klassifikata u klassifikata f'eżerċizzji futuri, b'mod inklużiv u mhux diskriminatorju, bħala l-ewwel pass fl-iskambju ta' informazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi reali;
56. Jistieden lill-membri kollha jaħdmu għall-konklużjoni ta' ftehim ta' sigurtà bejn Ċipru u n-NATO;
57. Jilqa' l-progress li sar fl-74 proposta komuni għal azzjoni; jemmen, madankollu, li hemm bżonn ta' aktar appoġġ politiku biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa; jitlob ukoll li jitressqu proġetti ewlenin, pereżempju fil-qasam tal-EDTs u r-riforniment ta' fjuwil fl-ajru, immudellati fuq proġetti bħal fil-qasam tal-mobbiltà militari sabiex tiżdied is-sjieda u l-kooperazzjoni ssir aktar tanġibbli u orjentata lejn ir-riżultati;
58. Jissottolinja li l-UE u n-NATO jridu jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu t-terroriżmu billi jtejbu l-prattiki attwali tal-kondiviżjoni tal-intelligence fost l-Istati Membri u l-alleati tan-NATO, b'enfażi partikolari fuq il-kisba ta' għarfien tas-sitwazzjoni komuni aħjar f'oqsma ewlenin, inklużi żoni sikuri emerġenti, l-użu tal-EDTs mit-terroristi u tattiċi ibridi;
59. Jirrikonoxxi li fid-dawl tal-limitazzjonijiet istituzzjonali, il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO sseħħ fil-biċċa l-kbira fuq livell informali u tekniku bejn il-persunal, li xi drabi tillimita l-involviment attiv tal-Istati Membri u l-alleati kollha; iqis dawn il-limitazzjonijiet bħala vulnerabbiltà għas-sigurtà trans-Atlantika, kif ukoll dik Ewropea, dovuta fost l-oħrajn għall-imblukkar potenzjali tal-aċċess għall-istrutturi tan-NATO għall-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE; jemmen li din is-sitwazzjoni mhijiex sostenibbli u jħeġġeġ għalhekk bis-sħiħ lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jaħdmu flimkien b'rieda tajba biex ifittxu soluzzjoni li tifformalizza l-kooperazzjoni u l-prevedibbiltà tagħha fil-livelli kollha, bil-għan li tinbena relazzjoni ġenwina u soda bejn l-organizzazzjonijiet; jilqa' d-diskussjoni dwar il-kapaċitajiet ta' kmand militari futuri tal-UE, li jridu jkunu interoperabbli u kompatibbli man-NATO sabiex tiġi żgurata l-aktar kapaċità operattiva effettiva tal-ġabra waħda ta' forzi;
60. Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-unità, is-solidarjetà u l-koeżjoni tal-alleati; jirrikonoxxi t-tilwim serju bejn l-alleati fil-Lvant tal-Mediterran; jilqa' l-istabbiliment tal-mekkaniżmu ta' de-eskalazzjoni tan-NATO; ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar l-akkwist tas-sistema tal-missili Russa S-400 mit-Turkija ; jisħaq fuq l-importanza ta' aktar miżuri ta' bini ta' fiduċja bbażati fuq id-djalogu u r-rispett reċiproku; jinsab imħasseb ħafna dwar l-imġiba tat-Turkija, ġar strateġikament importanti u alleat tan-NATO; jistieden lit-Turkija biex tevita aktar azzjonijiet provokattivi u destabbilizzanti, u jħeġġiġha ssegwi politika barranija, ta' sigurtà u domestika allinjata mal-obbligi u l-aspettattivi ta' pajjiż kandidat tal-UE u alleat tan-NATO;
61. Ifakkar li kemm l-UE kif ukoll in-NATO huma mibnija fuq prinċipji demokratiċi komuni; ifakkar li t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana huwa marbut direttament mal-Karta tan-NU; jistieden lin-NATO titlob mill-membri tagħha konformità sħiħa mal-Artikoli kollha tal-Karta tan-NU; jissottolinja li s-sħubija trans-Atlantika mhux biss teħtieġ forzi militari b'saħħithom iżda wkoll soċjetajiet b'saħħithom u reżiljenti; jenfasizza r-rabta ta' rinforzar reċiproku bejn fondazzjonijiet demokratiċi b'saħħithom, ibbażati fuq ir-rispett għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, u sħubija trans-Atlantika b'saħħitha, li flimkien biss jistgħu jiżguraw l-eżistenza fit-tul tad-demokraziji tagħna; jappoġġja l-idea mressqa mill-amministrazzjoni Biden għal summit globali tad-demokraziji; jitlob aktar sforzi biex jitqiesu l-aspirazzjonijiet għoljin tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u biex iż-żgħażagħ jitħallew jipparteċipaw b'mod effettiv fil-proċessi demokratiċi tagħna, u biex jiġu ppreżentati b'mod ċar liż-żgħażagħ l-isfidi strateġiċi li jiffaċċjaw is-soċjetajiet tagħna, sabiex jiġi żgurat li jinvolvu ruħhom f'dawn il-kwistjonijiet kritiċi u jappoġġjaw b'mod attiv l-isforzi komuni tagħna;
62. Ifakkar fi rwol aktar b'saħħtu għall-UE fis-sigurtà u fid-difiża li ġie deskritt bħala prijorità għaċ-ċittadini tal-UE fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru; jissuġġerixxi li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u l-kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża b'mod ġenerali għandhom jiġu indirizzati matul il-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa sabiex jiġi żgurat li l-ilħna tan-nies jinstemgħu;
63. Jissottolinja l-importanza ta' komunikazzjoni proattiva, effettiva u trasparenti, kemm fl-UE kif ukoll esternament, u jitlob kooperazzjoni saħansitra aktar mill-qrib bejn il-persunal rispettiv kemm fin-NATO kif ukoll fl-UE dwar il-komunikazzjoni strateġika, speċjalment fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-interferenza barranija u l-attakki ċibernetiċi, f'oqsma strateġikament importanti bħall-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jitlob li jkun hemm kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni fl-identifikazzjoni ta' attakki ibridi sabiex tiżdied ir-reazzjoni; jinsisti, madankollu, fuq il-fatt li kemm l-UE kif ukoll in-NATO jridu jżommu l-kapaċitajiet indipendenti rispettivi tagħhom; jappoġġja l-idea li jitnedew ċentri ta' eċċellenza indipendenti għall-istudju ta' lingwi barranin mitkellma f'reġjuni strateġikament importanti;
64. Jissottolinja l-importanza tad-diplomazija parlamentari u jtenni t-talbiet preċedenti tiegħu biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari (PA) tan-NATO; jirrakkomanda li l-istatus tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Assemblea Parlamentari tan-NATO jiġi aġġornat għal status sħiħ mill-Kumitat Permanenti tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, bħala rikonoxximent tal-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jitlob li ssir laqgħa konġunta bejn il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti sabiex jiġi diskuss it-theddid komuni għas-sigurtà għas-sħubija trans-Atlantika u kif il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u n-NATO tista' tgħin biex dawn jiġu indirizzati;
65. Jilqa' l-ewwel parteċipazzjoni li qatt saret ta' Segretarju Ġenerali tan-NATO f'laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji fil-15 ta' Diċembru 2020, li bagħtet messaġġ b'saħħtu ta' impenn reċiproku sabiex tissaħħaħ is-sħubija bejn in-NATO u l-UE; ifaħħar lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg għat-tmexxija u d-determinazzjoni tiegħu li javvanza r-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO, li jirrifletti l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet stipulati mit-tmexxija tal-UE;
o o o
66. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u tan-NATO u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO.