Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2563(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0371/2021

Testi mressqa :

B9-0371/2021

Dibattiti :

PV 06/07/2021 - 13
CRE 06/07/2021 - 13

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2021 - 18
PV 08/07/2021 - 4
CRE 08/07/2021 - 4

Testi adottati :

P9_TA(2021)0349

Testi adottati
PDF 145kWORD 52k
Il-Ħamis, 8 ta' Lulju 2021 - Strasburgu
Ir-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem (Liġi Magnitsky tal-UE)
P9_TA(2021)0349B9-0371/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) (2021/2563(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' Frar 2012 dwar politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta l-mexxejja tagħhom jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fi ħdan il-fruntieri tal-UE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jitolbu mekkaniżmu madwar l-UE kollha għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar l-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE bħala parti mill-azzjonijiet u l-politiki tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-qerda tat-tortura fid-dinja(4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni - rapport annwali 2019(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(7) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (magħrufa bħala riżoluzzjonijiet ta' urġenza) f'konformità mal-Artikolu 144 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V, Kapitolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), rigward l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fl-ambitu tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-TUE dwar il-prinċipji ta' azzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, inkluż ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 31(2) tat-TUE dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-adozzjoni ta' sanzjonijiet kemm fil-konfront ta' pajjiżi terzi kif ukoll fil-konfront ta' individwi, gruppi u entitajiet mhux statali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 25 tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet ta' proċess ġust ta' individwi jew entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi tal-UE jew minn miżuri tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni u l-VP/RGħ tad-19 ta' Ottubru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (JOIN(2020)0020),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999(9) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998(10) tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/371 tat-2 ta' Marzu 2021(11) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/478 tat-22 ta' Marzu 2021(12) li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(13),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE")(14),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2020 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-2012,

–  wara li kkunsidra n-nota ta' gwida tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 (C(2020)9432),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni u d-dikjarazzjoni politika tas-sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali dwar l-isfidi u l-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali tat-2-4 ta' Ġunju 2021,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tas-26 ta' April 2018 bit-titolu "Targeted sanctions against individuals on grounds of grave human rights violations – impact, trends and prospects at EU level" (Sanzjonijiet immirati kontra individwi responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem – l-impatt, ix-xejriet u l-prospetti fil-livell tal-UE)",

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema Spanjola tas-26 ta' Novembru 2020 rigward id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela(15),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-Reġim Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) (O‑000047/2021 – B9‑0028/2021 u O‑000048/2021 – B9‑0029/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

A.  billi l-Artikolu 21 tat-TUE jistipula li l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu ggwidati mid-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

B.  billi skont l-Artikolu 215 tat-TFUE, l-UE tadotta sanzjonijiet, jew bħala l-miżuri proprji tal-UE (jiġifieri sanzjonijiet awtonomi) u/jew sabiex timplimenta r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, f'każijiet fejn pajjiżi mhux tal-UE, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali ma jirrispettawx id-dritt internazzjonali jew id-drittijiet tal-bniedem, jew isegwu politiki jew azzjonijiet li ma jikkonformawx mal-istat tad-dritt jew mal-prinċipji demokratiċi;

C.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2021 bit-titolu "Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza" (COM(2021)0032) tiddeskrivi miżuri għat-titjib tal-effettività tas-sanzjonijiet tal-UE, filwaqt li tiżgura li dawn ma jiġux evitati jew imdgħajfa u tistabbilixxi repożitorju għall-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sanzjonijiet, kif ukoll pjan direzzjonali biex isir progress mill-individwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità sistemika mas-sanzjonijiet tal-UE għall-proċeduri ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-Gvern Netherlandiż beda diskussjoni fost l-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2018 dwar reġim immirat ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE; billi l-Kunsill fl-aħħar adotta d-deċiżjoni rilevanti u regolament li jistabbilixxi Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fis-7 ta' Diċembru 2020;

E.  billi l-Parlament Ewropew sistematikament jikkundanna każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi ħafna drabi r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw sanzjonijiet, inklużi sanzjonijiet individwali, kontra persuni suspettati li jwettqu reati kontra l-umanità jew ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

G.  billi l-korruzzjoni jista' jkollha impatt devastanti fuq l-istat tad-drittijiet tal-bniedem u spiss iddgħajjef il-funzjonament u l-leġittimità tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt; billi l-Parlament talab li l-abbużi u l-atti ta' korruzzjoni sistemika relatati ma' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jitqiesu wkoll fi ħdan ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem;

H.  billi l-Istati Uniti, il-Kanada, u r-Renju Unit adottaw reġimi simili ta' sanzjonijiet; billi l-kooperazzjoni fost pajjiżi li jaħsbuha bl-istess mod u li jikkondividu l-valuri tad-drittijiet fundamentali, tad-demokrazija, u tal-istat tad-dritt se tagħmel l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet immirati aktar ikkoordinata u b'hekk aktar effettiva; billi l-Gvern tar-Renju Unit nieda Reġim Globali ta' Sanzjonijiet Kontra l-Korruzzjoni fis-26 ta' April 2021;

1.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (GHRSR tal-UE) bħala żieda essenzjali mas-sett ta' għodod tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija, li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem billi jippermettilha tieħu miżuri restrittivi kontra persuni ġuridiċi u fiżiċi involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kullimkien fid-dinja; jisħaq li r-reġim il-ġdid irid jifforma parti minn strateġija usa', koerenti u definita b'mod ċar li tqis l-objettivi tal-politika barranija tal-UE; jissottolinja li l-istrateġija għandha tfittex ukoll li tidentifika parametri referenzjarji speċifiċi li huma konnessi mal-objettivi, u tagħti dettalji dwar kif is-sanzjonijiet jistgħu jgħinu biex jintlaħqu dawk il-parametri referenzjarji; jesprimi dispjaċir, madankollu, għall-fatt li l-Kunsill iddeċieda li japplika l-unanimità minflok il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata meta jadotta r-reġim il-ġdid, u jtenni s-sejħa tiegħu għall-introduzzjoni ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet fl-ambitu tal-kamp ta' applikazzjoni tal-GHRSR tal-UE;

2.  Jilqa' d-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim b'lista ta' abbużi serji speċifiċi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk relatati ma' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni attwali tal-GHRSR tal-UE billi testendi l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi l-atti ta' korruzzjoni; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jużaw flessibbiltà fl-adattament tagħhom għall-isfidi u t-theddid emerġenti għad-drittijiet tal-bniedem jew għall-abbuż tas-setgħat tal-Istat jew ta' emerġenza, inklużi dawk relatati mar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 jew mal-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li s-sanzjonijiet tal-UE huma mmirati lejn persuni li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u mhumiex maħsuba li jkollhom impatt fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-popolazzjoni;

3.  Jilqa' t-tħabbira li fl-2021 il-Kummissjoni se twettaq rieżami tal-prattiki li jevitaw u jimminaw is-sanzjonijiet, kif ukoll rieżami tal-obbligi ta' rapportar eżistenti għall-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) iqisu r-riżultati ta' dan ir-rieżami sabiex jipproponu bidliet leġiżlattivi addizzjonali u linji gwida għall-implimentazzjoni kif xieraq;

4.  Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li r-reġim jimmira wkoll l-faċilitaturi ekonomiċi u finanzjarji tal-persuni li jabbużaw mid-drittijiet tal-bniedem u bl-istess mod; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'każ li l-atti ta' korruzzjoni ma jkunux inklużi fir-rieżami tar-reġim eżistenti, jużaw il-proposta leġiżlattiva tar-Renju Unit għar-Regolamenti Globali dwar is-Sanzjonijiet Kontra l-Korruzzjoni jew l-Att Globali Magnitsky tal-Istati Uniti jew l-Att Kanadiż dwar il-Ġustizzja għall-Vittmi ta' Uffiċjali Korrotti Barranin, jew reġimi simili oħra, u jadottaw reġim tal-UE ta' sanzjonijiet kontra l-korruzzjoni sabiex jikkomplementaw il-GHRSR tal-UE;

5.  Jilqa' l-Att Globali Magnitsky tal-2016 tal-Istati Uniti u r-rwol ewlieni li dan l-Att kellu fl-ispirazzjoni ta' atturi internazzjonali oħra, inkluża l-UE, fl-isforzi tagħha biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jilqa' l-ewwel deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni fl-ambitu tar-reġim, li juru l-impenn tal-UE li tagħmel użu tajjeb mill-istrument ambizzjuż il-ġdid; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel użu sħiħ minn dan l-istrument sabiex isaħħaħ l-impatt tiegħu;

7.  Huwa konvint mill-effettività tar-reġim il-ġdid, inklużi l-effetti deterrenti tiegħu; jemmen bis-sħiħ li l-ogħla standards possibbli f'termini ta' rieżami ġudizzjarju u skrutinju xieraq tal-implimentazzjoni tiegħu huma integrali biex tiġi żgurata l-leġittimità tar-reġim; jenfasizza l-ħtieġa ta' rieżami regolari tal-listi, il-kriterji u l-metodoloġija definiti b'mod ċar u trasparenti għall-elenkar u t-tneħħija tal-elenkar ta' individwi jew entitajiet sanzjonati, u proċeduri legali xierqa li permezz tagħhom jista' jiġi kkontestat elenkar sabiex jiġi ggarantit rieżami ġudizzjarja bir-reqqa u drittijiet ta' rimedju;

8.  Jikkundanna kwalunkwe kontrosanzjoni imposta fuq l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha jew il-membri tal-parlament, il-korpi jew iċ-ċittadini għall-promozzjoni u l-protezzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz tal-GHRSR tal-UE; ifakkar li l-miżuri ta' ritaljazzjoni għandhom l-għan li jiskoraġġixxu lill-UE milli ssegwi l-azzjonijiet globali tagħha biex tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-obbligi tagħha tat-Trattat: jissottolinja l-ħtieġa ta' rispons mgħaġġel, robust u kkoordinat tal-UE għal sanzjonijiet ta' ritaljazzjoni minn pajjiżi terzi u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi bħal dawn ma jfixklux il-GHRSR tal-UE jew il-kredibbiltà tal-UE fil-politika barranija b'mod ġenerali;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE jinterpretaw l-applikazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet bl-istess mod konsistenti u mgħaġġel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, tiżgura li l-penali nazzjonali għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi; iqis li jekk ma jittiħdux miżuri xierqa f'sitwazzjonijiet kkaratterizzati bi ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem dan idgħajjef l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-politika dwar is-sanzjonijiet u l-kredibbiltà tagħha; jemmen li huwa meħtieġ mekkaniżmu ċentralizzat ta' sorveljanza dwar l-implimentazzjoni u l-konformità biex jiġi żgurat infurzar aktar b'saħħtu tas-sanzjonijiet; jilqa' t-tħabbira li l-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi repożitorju ta' informazzjoni dwar is-sanzjonijiet u li tfassal pjan direzzjonali (inklużi l-kriterji u skeda ta' żmien) għall-bidla mill-identifikazzjoni ta' nuqqas ta' konformità sistematika mas-sanzjonijiet tal-UE għall-proċeduri ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

10.  Jisħaq li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-awtoritajiet, il-kumpaniji u atturi oħra rreġistrati fit-territorji tagħhom ikunu f'konformità sħiħa mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, u jitlob mekkaniżmu Ewropew imsaħħaħ ta' sorveljanza u infurzar; jistieden lill-Kunsill jaġġorna regolarment lill-kumpaniji fuq il-listi ta' sanzjonijiet, peress li l-kumpaniji elenkati għandhom it-tendenza li jużaw lakuni legali u jsibu soluzzjonijiet kreattivi oħra sabiex jevitaw li jkunu taħt sanzjonijiet;

11.  Huwa konvint li l-ksur ta' miżuri restrittivi, u b'mod partikolari tal-iffriżar tal-assi, jikkostitwixxi attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jitlob li ssir valutazzjoni tal-adegwatezza tar-reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun inkarigat mill-investigazzjoni, mill-prosekuzzjoni u mit-tressiq quddiem il-qorti ta' dawk li jwettqu reati kriminali bi ksur ta' miżuri restrittivi adottati skont il-GHRSR tal-UE, u l-kompliċi fihom;

12.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Parlament Ewropew ma għandu l-ebda rwol istituzzjonali fil-proċess; jitlob sorveljanza parlamentari tal-GHRSR tal-UE u rwol imsaħħaħ għall-Parlament Ewropew fil-proposta ta' każijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex tiżdied il-leġittimità tal-GHRSR tal-UE, u jitlob l-istabbiliment ta' Grupp ta' Ħidma Parlamentari ddedikat biex jiskrutinizza l-implimentazzjoni tar-reġim tas-sanzjonijiet; jitlob li jkun hemm kondiviżjoni sistematika u istituzzjonalizzata ta' informazzjoni mal-Parlament, u mal-Istati Membri, u rappurtar lilhom, mis-SEAE u mill-Kummissjoni;

13.  Jinsisti fuq proċess trasparenti u inklużiv biex jiġi ffaċilitat il-kontribut mill-atturi tas-soċjetà ċivili, inkluż it-twaqqif ta' kumitat konsultattiv fil-livell tal-UE u laqgħat regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u mal-ġurnalisti investigattivi, bil-għan li tiġi mmonitorjata s-sitwazzjoni attwali tar-reġim u tittejjeb l-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lis-SEAE joħroġ gwida dwar kif għandu jipparteċipa fil-proċess u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kunfidenzjalità u ta' protezzjoni tax-xhieda għal dawk li jipprovdu informazzjoni, bħad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet;

14.  Jisħaq li sanzjonijiet immirati jridu jimmiraw li jiksbu riżultati effettivi u dejjiema; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jiddedikaw riżorsi u għarfien espert adegwati għall-infurzar u l-monitoraġġ regolari tal-impatt tal-GHRSR tal-UE, u għall-monitoraġġ mill-qrib tal-elenkar u tat-tneħħija mill-elenkar; jinsisti fuq il-ħtieġa li jingħataw aktar attenzjoni u riżorsi għall-komunikazzjoni pubblika dwar l-elenkar, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kkonċernati, inkluż permezz tat-traduzzjoni ta' dokumentazzjoni rilevanti għal-lingwa lokali tal-individwi jew tal-entitajiet fil-mira;

15.  Ifakkar fil-ħtieġa ta' strateġija unifikata u koerenti biex jiġu implimentati r-reġimi ta' sanzjoni tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw koerenza bejn il-GHRSR tal-UE u l-politiki esterni tal-UE, b'mod partikolari mal-politiki tagħha ta' appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll il-politika esterna u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK); jitlob, barra minn hekk, konsistenza bejn ir-reġimi ta' sanzjoni tal-UE u d-dritt kriminali internazzjonali, id-dritt umanitarju internazzjonali u l-politiki tal-UE relatati mal-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali;

16.  Itenni l-importanza li l-GHRSR tal-UE jkun konsistenti mal-miżuri restrittivi speċifiċi għall-pajjiż u orizzontali tal-UE, il-miżuri settorjali u l-embargos tal-armi u l-oqfsa internazzjonali eżistenti dwar is-sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jikkomplementahom;

17.  Jitlob lill-UE tistabbilixxi, mal-Istati Uniti, alleanza trans-atlantika biex tiddefendi d-demokrazija fuq livell globali u tipproponi sett ta' għodod għad-difiża tad-demokrazija, li jkun jinkludi azzjonijiet konġunti dwar sanzjonijiet u politiki kontra l-ħasil tal-flus, u tiżgura li l-politika tas-sanzjonijiet tagħha tkun marbuta mal-investigazzjonijiet tal-UE u dawk internazzjonali u ma' ħafna strumenti internazzjonali oħra tal-ġustizzja, bħat-tribunali internazzjonali u l-inizjattiva dwar ċentru tal-ġustizzja tal-UE;

18.  Huwa konvint mill-vantaġġi tal-kooperazzjoni u tal-koordinazzjoni mas-sħab u ma' pajjiżi tal-istess fehma fl-implimentazzjoni tal-GHRSR tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-kooperazzjoni mill-qrib u r-relazzjoni strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti, mibnija fuq l-istorja komuni u sett kondiviż ta' valuri demokratiċi, meta jistabbilixxu sanzjonijiet u jitlob diskussjonijiet regolari dwar sanzjonijiet immirati, b'mod partikolari fil-kuntest tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkooperaw ma' istituzzjonijiet ġudizzjarji esterni bħall-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u tribunali ad hoc oħra, tribunali assistiti min-NU u korpi oħra, inkluż l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-korpi superviżorji u ta' monitoraġġ internazzjonali, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, in-NATO, u l-Kunsill tal-Ewropa, bil-għan li tinkiseb evidenza għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fl-ambitu tal-GHRSR tal-UE u għall-iskoraġġiment ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE tippromwovi r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali minn kull pajjiż fid-dinja;

19.  Itenni li l-prosekuzzjoni kriminali tal-awturi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u atroċitajiet minn ġuriżdizzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali għandha tibqa' l-objettiv ewlieni tal-isforzi mwettqa mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra l-impunità; itenni l-importanza tal-prinċipju ta' ġuriżdizzjoni universali f'dan ir-rigward u jilqa' l-proċedimenti ġudizzjarji reċenti skont dan il-prinċipju f'għadd ta' Stati Membri;

20.  Jissottolinja l-importanza tal-pajjiżi kandidati tal-UE u tal-pajjiżi kandidati potenzjali li jallinjaw mal-GHRSR tal-UE, f'konformità mal-allinjament usa' tagħhom mal-PESK tal-UE;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 11.
(2) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 108.
(3) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 49.
(4) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 52.
(5) Testi adottati, P9_TA(2021)0012.
(6) Testi adottati, P9_TA(2021)0014.
(7) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.
(8) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 47.
(9) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.
(10) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.
(11) ĠU L 71 I, 2.3.2021, p. 1.
(12) ĠU L 99I, 22.3.2021, p. 1.
(13) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(14) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
(15) ĠU L 295, 14.11.2017, p. 60.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Novembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza