Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2196(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0183/2021

Testi mressqa :

A9-0183/2021

Dibattiti :

PV 06/07/2021 - 21
CRE 06/07/2021 - 21

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2021 - 18
PV 08/07/2021 - 4
CRE 08/07/2021 - 4

Testi adottati :

P9_TA(2021)0350

Testi adottati
PDF 186kWORD 60k
Il-Ħamis, 8 ta' Lulju 2021 - Strasburgu
Rapport Annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen
P9_TA(2021)0350A9-0183/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Funzjonament taż-Żona Schengen (2019/2196(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li għandu jiżgura n-nuqqas ta' kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"), li jiżguraw id-dritt taċ-ċittadini li jiċċaqalqu u jirrisjedu b'mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikolu 21(2) tal-Karta, li jipprojbixxu kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 18 u 19 tal-Karta dwar id-dritt għall-ażil, u għall-protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni,

–  wara li kkunsidra l-acquis dejjem jevolvi ta' Schengen li żviluppa mindu ġie ffirmat il-Ftehim ta' Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985, li bħalissa jinkludi diversi atti legali tal-UE fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri interni u esterni, il-politika dwar il-viżi, il-politika ta' ritorn, il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll atti legali li jistabbilixxu u jirregolaw żewġ aġenziji tal-Unjoni (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (il-Frontex) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl- Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA)), programm finanzjarju (l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża) u erba' sistemi fuq skala kbira tal-IT (is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)), inkluża l-interoperabbiltà bejniethom,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni adottata mindu sar l-aħħar rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen bil-għan li din tissaħħaħ fid-dawl tal-isfidi persistenti, u b'mod aktar speċifiku r-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali(1), ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006(2) u r-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE(3), ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam ta' fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI(4), ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816(5), ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226(6), ir-Regolament (UE) 2018/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794 bl-għan li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)(7), ir-Regolament (UE) 2020/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2020 dwar is-sistema tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI(8), ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624(9) (“ir-Regolament dwar l-EBCG”) u r-Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)(10),

–  wara li kkunsidra l-ħidma leġiżlattiva li għaddejja dwar ir-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni, dwar ir-riforma tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, dwar it-tlestija tal-qafas leġiżlattiv tal-ETIAS, dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, dwar l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-viżi 2021-2027, u l-proposta l-ġdida għal Regolament li jintroduċi skrinjar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni (COM(2020)0612),

–  wara li kkunsidra d-diversi konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u l-komunikazzjonijiet, il-linji gwida u l-pjanijiet direzzjonali tal-Kummissjoni bil-għan li jindirizzaw is-sitwazzjoni fil-fruntieri interni u esterni ta' Schengen b'rispons għall-COVID-19, bħall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2020 bit-titolu "COVID-19: Linji gwida għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali"(11), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 bit-titolu "COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta' tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi" (C(2020)2050), u l-estensjonijiet sussegwenti tagħha, bħal dik tat-8 ta' April 2020 (COM(2020)0148), il-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19 ippreżentat mill-President tal-Kunsill Ewropew, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2019 dwar il-verifika tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen min-naħa tal-Kroazja (COM(2019)0497),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2020)0609),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen(13),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-Funzjonament tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta' Schengen skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (COM(2020)0779),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru(15),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tat-8 ta' Diċembru 2020 intitolat "Migration: fundamental rights issues at land borders" (Migrazzjoni: kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fil-fruntiera fuq l-art),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(17),

–  wara li kkunsidra l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju tal-Frontex tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-ħidma għaddejja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħidma preparatorja għal din ir-riżoluzzjoni li saret mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar l-Iskrutinju ta' Schengen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0183/2021),

A.   billi ż-żona Schengen hija arranġament uniku u waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea, li ilha aktar minn 25 sena tippermetti l-moviment liberu ta' persuni fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; billi dan sar possibbli permezz ta' diversi miżuri ta' kumpens bħat-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni permezz tal-istabbiliment tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri u tiġi promossa l-fiduċja reċiproka fil-funzjonament taż-żona Schengen; billi l-fiduċja reċiproka titlob ukoll is-solidarjetà, is-sigurtà, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, il-protezzjoni konġunta tal-fruntieri esterni tal-UE, fehim komuni u politika komuni dwar il-viżi u l-protezzjoni tad-data;

B.   billi żona Schengen li tiffunzjona kompletament u t-tkabbir tagħha fil-ġejjieni biex tinkludi l-pajjiżi kandidati ta' Schengen jibqgħu fundamentali għal integrazzjoni politika, ekonomika u soċjali ulterjuri, filwaqt li titrawwem il-koeżjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, u prerekwiżit għas-salvagwardja tal-prinċipju ta' libertà ta' moviment billi l-futur ta' Schengen irid ikun wieħed mingħajr frammentazzjoni;

C.   billi t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija wieħed mill-elementi essenzjali u prattiċi ta' dak li ċ-ċittadini jidentifikaw bħala l-idea Ewropea u hija kruċjali għall-funzjonament tas-suq intern; billi ż-żona Schengen hija mhedda, mhux l-inqas minħabba l-użu dejjem akbar ta' kontrolli fil-fruntieri interni mill-Istati Membri, b'mod partikolari fis-snin reċenti;

D.  billi bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, inklużi l-Istati assoċjati ma' Schengen, introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni jew għalqu l-fruntieri tagħhom, jew parzjalment jew totalment, jew għal ċerti tipi ta' vjaġġaturi, inklużi ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom u ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tagħhom jew f'dak ta' Stat Membru ieħor; billi, speċjalment fil-bidu tal-pandemija, l-assenza ta' kull koordinazzjoni effettiva dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni sfidat il-kunċett innifsu tal-kooperazzjoni ta' Schengen;

E.  billi Stati Membri introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni għal total ta' 268 darba mill-2015 'l hawn, u dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu bejn l-2006 u l-2014, meta l-kontrolli fil-fruntieri interni ġew introdotti mill-ġdid għal 35 darba biss(18);

F.  billi l-Parlament Ewropew ripetutament esprima tħassib dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta' ħafna minn dawk il-kontrolli fil-fruntieri interni;

G.  billi l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri huma elementi essenzjali tal-pedament li fuqu hija msejsa ż-żona Schengen;

H.  billi fi snin reċenti ġew adottati strumenti leġiżlattivi importanti tal-UE bil-għan li jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, u li jingħata kontribut għal livell għoli ta' sigurtà fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; billi dawn l-istrumenti jinkludu arkitettura ġdida għas-sistemi tal-informazzjoni tal-UE u l-interoperabbiltà tagħhom;

I.  billi għadhom qed jiġu rrappurtati allegazzjonijiet ta' vjolenza kontra l-migranti, inklużi dawk li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, u pushbacks fil-fruntieri esterni tal-UE; billi l-Parlament Ewropew, OLAF, il-Frontex u l-Ombudsman Ewropew fetħu inkjesta dwar dawn l-allegazzjonijiet; billi l-Unjoni għad m'għandhiex mekkaniżmu effettiv għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tagħha;

J.  billi ġew identifikati nuqqasijiet serji fl-evalwazzjoni ta' Schengen tal-2017 tar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen;

K.  billi l-ewwel ċiklu ta' evalwazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen wera l-ħtieġa ta' implimentazzjoni aħjar u aktar rapida tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-evalwazzjonijiet, u l-ħtieġa ta' riforma xierqa, b'mod partikolari fir-rigward ta' kif il-mekkaniżmu jivvaluta l-konformità mad-drittijiet fundamentali;

L.  billi l-valutazzjonijiet annwali tal-vulnerabbiltà tal-Frontex jeżaminaw il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jiffaċċjaw theddid u sfidi fil-fruntieri esterni u jirrakkomandaw azzjonijiet ta' rimedju speċifiċi biex jiġu mmitigati l-vulnerabbiltajiet, u għalhekk jikkomplementaw l-evalwazzjonijiet fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen;

M.  billi l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fir-rigward tat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija għadha ma ntlaħqitx, minkejja s-sejħa tal-Parlament għal dan fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011;

N.  billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-verifika tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen tat-22 ta' Ottubru 2019 li l-Kroazja kienet ħadet il-miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli ta' Schengen;

Funzjonament taż-żona Schengen

1.  Jikkunsidra li l-kunċett innifsu ta' kooperazzjoni ta' Schengen, li jiġi żgurat in-nuqqas ta' kontrolli fil-fruntieri interni u li tiġi ggarantita l-libertà ta' moviment, kompla jiġi mhedded mill-pandemija tal-COVID-19; itenni, f'dan il-kuntest, it-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni kurrenti fir-rigward tal-kontrolli fil-fruntieri interni f'uħud mill-Istati Membri, u għal dan il-fini jfakkar, filwaqt li jappoġġja l-miżuri tas-saħħa pubblika stabbiliti biex jiġi limitat it-tixrid tal-COVID-19, li kwalunkwe miżura bħal din biex tiġi kkumbattuta l-pandemija u biex jiġu ristretti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha dejjem tirrispetta kemm l-ispirtu kif ukoll l-ittra tal-liġi;

2.  Ifakkar li skont il-liġi kurrenti tal-UE, il-kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jerġgħu jiġu introdotti dment li jkunu meħtieġa, proporzjonati, temporanji fin-natura u miżura estrema; itenni, f'dak ir-rigward, il-fehma tiegħu li ħafna estensjonijiet tal-kontrolli fil-fruntieri interni mill-2015 'l hawn mhumiex sostanzjati biżżejjed u mhumiex f'konformità mar-regoli marbuta mal-estensjoni, in-neċessità jew il-proporzjonalità tagħhom, u għalhekk huma illeċiti;

3.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni ppruvat tikkoordina rispons komuni Ewropew; Jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-kontrolli fil-fruntieri interni qed jibqgħu jiġu introdotti mill-Istati Membri, spiss b'mod mhux kkoordinat, qabel ma jkunu taw kunsiderazzjoni suffiċjenti lill-interess komuni Ewropew fiż-żamma ta' Schengen bħala żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; itenni li l-l-kontrolli introdotti kellhom impatt negattiv fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital, tas-servizzi, u tal-persuni fl-Unjoni; jissottolinja, f'dan il-kuntest, is-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tal-ħaddiema transfruntiera;

4.  Ifakkar li minkejja li identifikat nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen, il-Kummissjoni damet jew ma wriet ebda ħeġġa biex tibda proċedimenti ta' ksur; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex teżerċita skrutinju xieraq fuq l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, sabiex tivvaluta jekk il-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità ġewx rispettati u sabiex jintużaw proċedimenti ta' ksur jekk meħtieġ; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jissaħħu l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-istati ta' Schengen u li tiġi żgurata governanza xierqa għaż-żona Schengen;

5.  Itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrispettaw il-liġi kif minquxa fit-Trattati u l-Karta, u jimplimentaw il-miżuri fil-fruntieri b'mod leċitu u mhux diskriminatorju; iqis li dibattitu politiku u pubbliku regolari dwar il-funzjonament taż-żona Schengen huwa ta' importanza kritika;

6.  Jinnota li s'issa ma sar l-ebda progress matul din il-leġiżlatura dwar ir-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (SBC), li n-negozjati interistituzzjonali għalihom għadhom imblukkati mill-Kunsill; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tippreżenta proposti ġodda għall-governanza ta' Schengen; jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Kummissjoni qed tkompli tinjora l-obbligu ta' rappurtar tagħha lejn il-Parlament billi ma tippreżentax ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (l-Artikolu 33 tal-SBC) u r-rapport komprensiv annwali f'konformità mal-Artikolu 20 tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen (SEMM), u b'hekk timpedixxi l-iskrutinju u d-dibattitu politiku kostruttiv;

7.  B'żieda mad-diversi talbiet tiegħu għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija, iħeġġeġ lill-Kunsill jirrispetta l-impenn tiegħu u jieħu deċiżjoni immedjata dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-art, tal-baħar u tal-ajru u b'hekk jippermetti lil dawk l-Istati Membri jingħaqdu bi dritt maż-żona ta' moviment liberu mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; jinsab lest li, meta jikkonsultah il-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni, jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Kroazja; iqis li s-solidarjetà u r-responsabbiltà huma għal kulħadd, u li l-futur taż-żona Schengen irid ikun wieħed mingħajr frammentazzjoni;

8.  Iqis li huwa essenzjali li l-politika tal-UE dwar il-viżi tkun effiċjenti, faċli għall-utent u sigura, u jilqa', f'dak ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddiġitalizza l-proċedura tal-viżi sal-2025; iqis li l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti għal żmien twil fl-Istati Membri hija element ewlieni fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, u għalhekk jitlob li tingħata kunsiderazzjoni lill-armonizzazzjoni tar-regoli minimi għall-ħruġ ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil;

9.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar ir-Ritorn(19) fl-aspetti kollha tagħha u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tagħha;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-iskambju ta' informazzjoni u jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni transfruntiera reċiproka bejn il-pulizija, pereżempju permezz ta' użu akbar ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunti;

11.  Jilqa' l-fatt li sadanittant għadd ta' azzjonijiet mitluba fir-rapport annwali preċedenti(20) ġew implimentati (ir-reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u r-riforma tal-Eurosur); jinnota, madankollu, li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati għadhom validi;

12.  Jinnota li fruntieri esterni li jiffunzjonaw b'mod effettiv huma essenzjali għall-vijabbiltà taż-żona ta' Schengen; jinnota bi tħassib li r-rapporti ta' evalwazzjoni ta' Schengen u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà għadhom jindikaw nuqqasijiet u vulnerabbiltajiet fil-protezzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom mill-Kunsill u l-Frontex, bil-għan li jirrimedjaw in-nuqqasijiet u l-vulnerabbiltajiet, b'mod partikolari dawk relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri; jisħaq fuq l-importanza tal-miżuri leġiżlattivi adottati reċentement;

13.  Jinsab imħasseb dwar l-impatt tar-restrizzjonijiet eżistenti fuq l-ivvjaġġar f'dawk li huma drittijiet tar-rifuġjati u l-persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-adozzjoni ta' tali miżuri tkun konsistenti b'mod sħiħ mar-rekwiżiti minquxa fl-Artikoli 3 u 4 tal-SBC u fil-Karta;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-allegazzjonijiet ripetuti rigward l-involviment tal-Frontex fil-pushbacks u l-każijiet ta' ksur potenzjali rrappurtati tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Aġenzija, u jqis li l-mekkaniżmi ta' rappurtar interni, kif ukoll l-iskrutinju parlamentari u pubbliku fuq l-attivitajiet tal-Frontex, iridu jissaħħu u jiġu implimentati b'mod effettiv; jenfasizza li l-Artikolu 46 tar-Regolament dwar l-EBCG jordna lid-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex jissospendi, itemm jew ma jnedix attivitajiet jekk il-kundizzjonijiet biex jitwettqu dawk l-attivitajiet, inkluża l-konformità mad-drittijiet fundamentali, jinkisru;

15.  Jesprimi, f'dak ir-rigward, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju tal-Frontex tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-ħidma tiegħu, li l-għan tiegħu huwa li jivvaluta l-aspetti kollha tal-funzjonament tal-attivitajiet u l-organizzazzjoni tal-Frontex, ir-rwol u r-riżorsi msaħħa tagħha għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-applikazzjoni korretta tal-acquis tal-UE, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali;

16.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd kbir ta' mwiet fil-Mediterran; ifakkar li l-għoti ta' assistenza lil kwalunkwe persuna li tinsab f'periklu fuq il-baħar huwa obbligu legali kemm skont id-dritt tal-UE kif ukoll dak internazzjonali, u li t-tiftix u s-salvataġġ huma komponent integrali tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fil-qafas tar-Regolament dwar ir-Regolament dwar l-EBCG; jistieden lill-Frontex itejjeb l-informazzjoni disponibbli b'mod sinifikanti dwar l-attivitajiet operazzjonali tagħha fil-baħar, inkluż permezz ta' rappurtar adegwat lill-Parlament, bħal b'relazzjoni mal-kooperazzjoni tagħha maċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu fi Tripli u l-Gwardja tal-Kosta Libjana;

17.  Jinsab imħasseb serjament dwar ir-rapporti persistenti u serji dwar il-vjolenza u l-pushbacks fil-fruntieri esterni, inkluż minn Stat Membru għal ieħor u mbagħad lejn pajjiż terz. itenni li l-Istati Membri għandhom obbligu li jipprevjenu qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri u jfakkar li dan l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jwettqu investigazzjonijiet effettivi, indipendenti u fil-pront dwar kwalunkwe allegazzjoni ta' pushbacks u trattament ħażin fil-fruntieri, u biex jiżguraw li n-nuqqasijiet jiġu rimedjati immedjatament;

18.  Jinnota n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ adegwati biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, u jqis li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) jeħtiġilha tingħata rwol operazzjonali aktar b'saħħtu f'dak ir-rigward, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta' Schengen; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-korpi ta' monitoraġġ nazzjonali tagħhom jiġu stabbiliti b'mod effettiv u li jkunu kapaċi jaqdu r-rwol tagħhom, b'riżorsi suffiċjenti, mandat adegwat u livell għoli ta' indipendenza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu kontinwament fil-kondotta professjonali tal-awtoritajiet tal-fruntiera, inkluż it-taħriġ fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u r-rifuġjati, b'koordinazzjoni mal-Frontex, l-FRA u l-UNHCR u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi rilevanti;

19.  Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tar-Regolament il-ġdid dwar l-EBCG, bħar-reklutaġġ ta' 40 osservatur tad-drittijiet fundamentali sal-5 ta' Diċembru 2020 kif stipulat fir-Regolament; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' avviżi ta' postijiet vakanti u jitlob li r-reklutaġġ li għaddej bħalissa jitwettaq bħala kwistjoni ta' urġenza; jisħaq li l-osservaturi kollha reklutati għandhom ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti tagħhom f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament dwar l-EBCG, u li għalhekk għandhom jiġu reklutati f'livell ta' amministratur xieraq biex jaqdu dmirijiethom; jitlob, barra minn hekk, li l-indipendenza tal-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-Aġenzija tiżdied permezz tal-involviment ta' esperti mill-FRA mill-istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem;

Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta' Schengen (SEMM)

20.  Jesprimi l-fehma tiegħu li l-SEMM ġab titjib sinifikanti għall-governanza taż-żona Schengen u kkontribwixxa biex jiżgura l-funzjonament tagħha billi saħħaħ il-fiduċja reċiproka u r-responsabbiltà kollettiva; jenfasizza, madankollu, in-natura sui generis tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni fid-dritt tal-UE u jfakkar li l-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar tibqa' responsabbli li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati u l-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet marbuta magħhom;

21.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-SEMM; ifakkar fid-diskussjonijiet dwar il-bażi ġuridika tiegħu waqt in-negozjati dwar il-Pakkett ta' Governanza ta' Schengen fl-2012 u jinsisti li jkun involut fir-riforma tal-mekkaniżmu fuq bażi ugwali mal-Kunsill, preferibbilment permezz tal-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew permezz tal-użu tal-istess metodu li ntuża għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013(21) li jistabbilixxi l-SEMM;

22.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu introdotti skadenzi ċari għall-passi kollha tal-proċedura fi kwalunkwe riforma, inkluża l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, il-valutazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni mill-grupp ta' esperti Scheval u l-preżentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni; itenni wkoll l-importanza ta' flessibbiltà akbar fl-ippjanar pluriennali u annwali u t-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fil-każ ta' ebda opinjoni mill-Istati Membri u l-ħtieġa ta' żjarat ġenwinament mhux imħabbra; huwa tal-fehma li d-drittijiet fundamentali jridu jiġu evalwati b'mod konsistenti matul l-evalwazzjonijiet ta' Schengen; iqis, fl-aħħar nett, li r-rwol ta' skrutinju tal-Parlament u t-titjib tat-trasparenza tal-proċess għandhom ikunu elementi ewlenin tar-riforma;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi biex tiżgura evalwazzjoni komprensiva tas-sistema ta' Schengen, inkluż billi żżid in-numru ta' żjarat fuq il-post lejn l-Istati Membri; jinnota li, minkejja li l-Kummissjoni adottat 198 rapport ta' evalwazzjoni fil-perjodu 2015-2019, ingħalqu biss 45 evalwazzjoni ta' Schengen; jistieden lill-Istati Membri jżidu r-ritmu tal-implimentazzjoni tas-sejbiet tal-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill; jinnota li l-ewwel ċiklu ta' evalwazzjoni ta' Schengen dam ħames snin; huwa tal-fehma li l-proċess ta' evalwazzjoni u adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, li jieħu medja ta' 32 ġimgħa, għandu jiġi aċċelerat, u jistieden, b'mod partikolari, lill-Kunsill iħaffef l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni;

24.  Jistieden lill-Kunsill jorganizza diskussjonijiet regolari fil-livell ministerjali dwar il-funzjonament xieraq taż-żona Schengen, inklużi diskussjonijiet dwar sitwazzjonijiet fejn ir-rapporti ta' evalwazzjoni jkunu wrew nuqqasijiet serji, u b'hekk jassumi r-rwol politiku mogħti lilu mill-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprevjenu kwalunkwe ħaġa li tikkomprometti l-fini ta' dan il-mekkaniżmu, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk ġewx issodisfati l-prekundizzjonijiet kollha għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma' pajjiż kandidat u li tiġi żgurata l-konformità mal-acquis ta' Schengen min-naħa ta' dawk l-Istati Membri fejn huwa stabbilit b'mod sħiħ;

25.  Iqis li l-mekkaniżmu futur ta' evalwazzjoni ta' Schengen irid jinkludi evalwazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, minħabba r-rwol dejjem akbar tagħha f'operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-fruntieri esterni u ta' ritorn; iqis ukoll li l-mekkaniżmu għandu jsaħħaħ is-sinerġiji tiegħu mal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; itenni li d-duplikazzjonijiet iridu jiġu evitati u l-evalwaturi ta' Schengen għandhom jingħataw aċċess għar-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà;

26.  Ifakkar, fost affarijiet oħra, li d-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu komponent globali fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri; ifakkar, barra minn hekk, li l-acquis ta' Schengen irid jiġi implimentat f'konformità mal-Karta; jissottolinja, għalhekk, li l-evalwazzjonijiet ta' Schengen iridu jeżaminaw ukoll jekk fil-fruntieri esterni humiex rispettati d-drittijiet fundamentali, inkluża l-projbizzjoni tar-refoulement, id-dritt tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u d-dritt li wieħed ifittex protezzjoni internazzjonali; iqis li l-mekkaniżmu futur għandu jipprevedi li l-esperti tal-FRA jkunu membri formali tat-tim responsabbli għal żjarat fuq il-post għal kwalunkwe evalwazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u r-ritorn; iqis li l-aġenziji kollha rilevanti tal-ĠAI għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw;

27.  Iqis li meta jiġu skoperti nuqqasijiet serji, dawn ikunu jirrikjedu segwitu ħafna aktar rapidu bil-għan li jiġu rrimedjati mingħajr dewmien; jemmen li definizzjoni ta' "nuqqas serju" u proċedura aċċelerata fil-każ ta' nuqqasijiet bħal dawn jiġu inklużi fil-mekkaniżmu rivedut. iqis li l-katalogi kurrenti tal-aħjar prattiki mhux vinkolanti għandhom jingħataw status formali fid-dritt tal-Unjoni fil-forma ta' manwali, sabiex tiżdied it-trasparenza, u l-evalwazzjonijiet ikunu jistgħu jitqabblu ma' kriterji oġġettivi bħala parametri referenzjarji;

28.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Kummissjoni għad trid tippreżenta r-rapport annwali previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, minkejja diversi talbiet mill-Parlament u l-Kunsill biex tagħmel dan;

29.   Jisħaq li, sabiex tippromwovi governanza tajba u trasparenza, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom iwettqu xogħolhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ; iqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli fuq is-sit web tagħha informazzjoni dwar il-proċessi ta' evalwazzjoni f'kull Stat Membru u dwar l-issodisfar min-naħa tal-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill; iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tipprovdi pjattaforma xierqa għal aċċess sigur u kriptat għal informazzjoni klassifikata tad-dokumenti ta' evalwazzjoni ta' Schengen għall-atturi bi drittijiet ta' aċċess, b'mod partikolari għall-Membri tal-Parlament Ewropew, sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tagħhom tal-kontroll u l-iskrutinju demokratiku;

30.  Jinnota li l-Kummissjoni reġgħet żaret il-Kroazja f'Novembru 2020 fir-rigward tal-fruntiera esterna u kkonfermat mill-ġdid li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen kienu ġew issodisfati; jistieden lill-Kroazja tkompli timplimenta azzjonijiet li għaddejjin u tirrimedja kull nuqqas identifikat, speċjalment fir-rigward tat-taħriġ tal-persunal, il-livelli tal-persunal u tal-kapaċità tas-sorveljanza tal-fruntieri tal-art; jinsisti dwar valutazzjoni dettaljata tal-konformità mad-drittijiet fundamentali wara r-rapporti ripetuti minn NGOs u l-midja ta' abbużi, vjolenza u pushbacks minn uffiċjali tal-fruntiera; jilqa' l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-uffiċjali tal-pulizija fil-konfront tal-migranti irregolari u l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta fl-Istati Membri kollha l-konformità tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-fruntieri mar-rekwiżiti tad-drittijiet fundamentali u biex tieħu l-miżuri neċessarji fil-każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

31.   Jenfasizza n-nuqqasijiet rikorrenti u l-oqsma fejn jista' jsir titjib fis-sistema ta' Schengen identifikati mill-Kummissjoni: traspożizzjoni, implimentazzjoni u applikazzjoni inkompleti jew mhux konformi tal-acquis ta' Schengen rilevanti; numru insuffiċjenti ta' persunal u kwalifiki u/jew taħriġ inadegwati; prattiki nazzjonali diverġenti u inkonsistenti minħabba implimentazzjoni inkoerenti tal-acquis ta' Schengen; strutturi amministrattivi frammentati b'koordinazzjoni u integrazzjoni insuffiċjenti tal-awtoritajiet differenti; u ostakli prattiċi, teknoloġiċi u regolatorji għall-kooperazzjoni maż-żona Schengen; ifakkar li dawn il-problemi jikkostitwixxu ostakli fundamentali għall-funzjonament xieraq taż-żona Schengen u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex finalment jagħtuhom attenzjoni xierqa;

Użu ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni

32.  Jinnota l-progress li sar fl-iżvilupp ta' sistemi ġodda tal-IT fuq skala kbira u l-interoperabbiltà bejniethom; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-aġenziji involuti jirrispettaw l-iskeda ta żmien prevista għall-implimentazzjoni, ħaġa li tipprevedi l-implimentazzjoni tas-sistemi ġodda tal-IT, it-tlestija tar-riformi tas-sistemi eżistenti u l-interoperabbiltà ta' dawk is-sistemi sa tmiem l-2023; jinnota, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' qafas legali għall-implimentazzjoni ta' dawk is-sistemi; ifakkar li l-użu ta' dawk is-sistemi se jaffettwa d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data tal-persuni li l-informazzjoni tagħhom se tinħażen f'dawn is-sistemi, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu segwiti s-salvagwardji fformulati fl-atti legali li jistabbilixxu dawn is-sistemi matul-l-implimentazzjoni;

33.  Ifakkar fir-rwol kruċjali tal-eu-LISA fl-istabbiliment tas-sistemi ġodda tal-IT; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza tal-komponenti nazzjonali fl-arkitettura globali ta' dawn is-sistemi u jħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi finanzjarji u umani xierqa meħtieġa għal implimentazzjoni f'waqtha;

34.  Jilqa' l-ftehim politiku milħuq dwar ir-riforma tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), b'mod partikolari l-istabbiliment ta' skadenza ċara u legalment vinkolanti għall-bidu tal-operazzjonijiet;

35.  Jenfasizza ż-żieda sostanzjali fl-attività tal-Bureaux tat-Talba għal Informazzjoni Supplimentari fid-Dħul Nazzjonali (SIRENE) u jtenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex isaħħu l-mezzi għad-dispożizzjoni tal-Bureaux ta' SIRENE, filwaqt li jiżguraw riżorsi finanzjarji u umani adegwati sabiex dawn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

36.  Jirrikonoxxi l-istudji mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-użu ta' marki tas-swaba, marki tal-pala tal-id, immaġni tal-wiċċ u DNA fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen;

37.  Jikkunsidra li l-Kummissjoni u l-Kunsill ittraskuraw serjament l-obbligi tagħhom wara s-sejba ta' nuqqasijiet serji fl-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen min-naħa tar-Renju Unit matul l-evalwazzjoni tal-2017; ifakkar fit-talba tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju ta' Schengen biex ir-Renju Unit jiġi immedjatament skonnettjat, kif espress fl-ittri lill-Kummissjoni u lill-Presidenza tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2020; jinnota li r-Renju Unit, bħala pajjiż terz, m'għadx għandu aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen; jappella għall-monitoraġġ mill-qrib tal-kooperazzjoni kontinwa fis-sigurtà bejn l-UE u r-Renju Unit matul il-perjodu ta' sitt xhur għat-trasferimenti ta' data miftiehma fil-qafas tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit;

Ċiklu ta' politika pluriennali strateġiku għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri

38.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-analiżi tar-riskju strateġika għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri ippreżentata mill-Frontex bħala l-ewwel pass taċ-ċiklu politiku l-ġdid;

Futur ta' Schengen

39.  Jinnota li l-kriżijiet varji tas-snin reċenti, bħall-pandemija kurrenti, u l-azzjonijiet fil-biċċa l-kbira mingħajr ebda koordinazzjoni u kultant unilaterali meħuda mill-Istati Membri naqqru l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u poġġew Schengen fir-riskju; huwa konvint li l-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet olistiċi jridu jissaħħu b'mod korrispondenti u li dawn il-miżuri għandhom jiġu armonizzati kif xieraq; jilqa, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta strateġija dwar il-futur ta' Schengen, u jilqa' wkoll l-istabbiliment ta' Forum Schengen, li għandu jippermetti wkoll dibattiti politiċi ta' livell għoli dwar l-istat u l-futur ta' Schengen mal-Parlament u l-Kunsill;

40.  Iqis li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni, m'għadux adatt għall-iskop tiegħu u jirrikjedi riforma urġenti u sinifikattiva sabiex jissaħħu l-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà, u biex jiġu ssalvagwardjati l-integrità u r-restawr sħiħ taż-żona Schengen; jinnota, f'dak ir-rigward, li huma meħtieġa regoli aktar ċari dwar l-emerġenzi tas-saħħa pubblika; jisħaq li l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni tibqa' deċiżjoni għall-Istati Membri individwali, għandha tkun biss miżura estrema, għal perjodu limitat ta' żmien, u sal-punt li l-kontrolli jkunu meħtieġa u proporzjonati għat-theddida serja identifikata, b'attenzjoni partikolari għall-impatt fuq id-dritt għal-libertà ta' moviment u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, u għall-effetti li tali kontrolli jista' jkollhom fuq ir-reġjuni tal-fruntiera, filwaqt li tinżamm distinzjoni bejn bażijiet ġuridiċi differenti; iqis li ma' kull proroga tal-kontrolli fil-fruntieri minn Stat Membru, għandhom japplikaw salvagwardji u miżuri ta' sorveljanza addizzjonali u li, f'kull ċirkostanza, tali miżuri għandhom jitneħħew malli r-raġunijiet sottostanti għalihom ma jibqgħux jeżistu;

41.  Iqis li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' konsultazzjoni strutturat u trasparenti fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi, sabiex jiġu ddeterminati miżuri ta' mitigazzjoni, jew alternattivi, għall-kontrolli fil-fruntieri interni u regoli uniformi vinkolanti u applikabbli fil-fruntieri esterni;

42.  Jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tistabbilixxi Unità ta' Appoġġ għall-Governanza ta' Schengen iddedikata sabiex il-Parlament ikun jista' jeżerċita kif xieraq il-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll u skrutinju demokratiku fir-rigward tal-acquis ta' Schengen;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(1) ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1.
(2) ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14.
(3) ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56.
(4) ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27.
(5) ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85.
(6) ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1.
(7) ĠU L 236, 19.9.2018, p. 72.
(8) ĠU L 107, 6.4.2020, p. 1.
(9) ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.
(10) ĠU L 188, 12.7.2019, p. 25.
(11) ĠU C 86I, 16.3.2020, p. 1.
(12) ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
(13) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 106.
(14) Testi adottati, P9_TA(2020)0175.
(15) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 18.
(16) Testi adottati, P9_TA(2020)0362.
(17) Testi adottati, P9_TA(2020)0307.
(18) Is-Sitwazzjoni sad-19 ta' Mejju 2021, https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/default/files/what-we-do/policies/borders-and-visas/schengen/reintroduction-border-control/docs/ms_notifications_-_reintroduction_of_border_control.pdf
(19) Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).
(20) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 106.
(21) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Novembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza