Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar il-każ ta' Ahmadreza Djalali fl-Iran (2021/2785(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012(1), tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u ċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja miżmuma priġunieri(2), tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh(3) u tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iran mitfugħa l-ħabs(4),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar l-Iran tat-18 ta' Marzu 2021 maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li talbu l-ħelsien immedjat ta' Dr Ahmadreza Djalali u tal-25 ta' Novembru 2020 li appellaw lill-Iran biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni tiegħu, kif ukoll l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tal-24 ta' Novembru 2017 rigward Ahmadreza Djalali (Repubblika Iżlamika tal-Iran),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tas-26 ta' Ottubru 2020 li tħeġġeġ ir-responsabbiltà għal repressjonijiet vjolenti ta' protesta, u r-rapport tiegħu tal-21 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,
– wara li kkunsidra l-5 Djalogu ta' Livell Għoli UE-Iran tad-9 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura u trattament krudili ieħor, dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iran huwa firmatarju tiegħu, u s-salvagwardji kontra t-tortura u d-detenzjoni arbitrarja stabbiliti fil-Kostituzzjoni Iranjana,
– wara li kkunsidra l-elezzjoni presidenzjali tal-Iran tat-18 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ċ-ċittadin Svediż-Iranjan Dr Ahmadreza Djalali, li jispeċjalizza fil-mediċina ta' emerġenza u huwa akkademiku fil-Vrije Universiteit Brussel tal-Belġju u fl-Università del Piemonte Orientale tal-Italja, ġie arrestat fl-24 ta' April 2016 mill-forzi tas-sigurtà Iranjani; billi ġie kkundannat għall-mewt fuq akkużi foloz ta' spjunaġġ f'Ottubru 2017 wara proċess inġust għall-aħħar ibbażat fuq konfessjoni miksuba taħt tortura; billi s-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti Suprema tal-Iran fis-17 ta' Ġunju 2018. billi f'ittra li kiteb fil-ħabs ta' Evin f'Tehran, huwa ddikjara li kien inżamm il-ħabs matul vjaġġ fl-Iran talli rrifjuta li jispjuna fuq l-istituzzjonijiet Ewropej; billi fl-24 ta' Novembru 2020 ġie infurmat mill-uffiċċju tal-prosekutur li l-eżekuzzjoni tiegħu kienet imminenti u mbagħad ġie ttrasferit għal reklużjoni solitarja għal aktar minn 100 jum sa April 2021, u wara ġie ttrasferit għal waħda mis-sezzjonijiet ġenerali tal-bini; billi ġie miċħud żjarat u telefonati mal-familja tiegħu fl-Iżvezja; billi l-piena tal-mewt tiegħu ma ġietx mibdula minn mindu ġiet ttrasferit għas-sezzjoni ġenerali; billi kellu biss aċċess intermittenti għall-avukat tiegħu f'dawn l-aħħar seba' xhur u ma kellu l-ebda aċċess qabel dan;
B. billi f'Novembru 2017, il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kkonkluda li ċ-ċaħda tal-libertà ta' Dr Ahmadreza Djalali – bi ksur tal-Artikoli 3, 5, 8, 9, 10 u 11 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 7, 9, 10 u 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi – hija arbitrarja u talab il-ħelsien tiegħu;
C. billi l-istat tas-saħħa ta' Dr Ahmadreza Djalali sar kritiku wara xhur ta' reklużjoni solitarja fit-tul; billi ilu mċaħħad mill-kura medika minn barra l-ħabs sa mill-2016 u ġie mġiegħel jibqa' f'kamra b'dawl qawwi kontinwament mixgħul; billi l-kundizzjoni fiżika u psikoloġika tiegħu ddeterjorat b'mod sever minn dak iż-żmien 'l hawn, b'sintomi li jinkludu t-tiċħid mill-irqad, telf drammatiku tal-piż u diffikultà biex jitkellem;
D. billi l-Iran b'mod attiv qed jibgħat il-ħabs lil ċittadini barranin sabiex jirrikatta gvernijiet barranin; billi mill-inqas tnax-il ċittadin tal-UE qed jinżammu b'mod arbitrarju fl-Iran; billi l-akkademika Franċiża-Iranjana Fariba Adelkhah, Direttur tar-Riċerka f'Sciences Po f'Pariġi, ilha arrestata b'mod arbitrarju minn Ġunju 2019, l-ewwel fil-ħabs ta' Evin u mbagħad taħt arrest domiċiljari minn Ottubru 2020; billi l-fotografu Franċiż Benjamin Brière ilu miżmum arbitrarjament mis-26 ta' Mejju 2020 fil-ħabs ta' Mashhad u billi akkużi ta' spjunaġġ tressqu kontrih fit-30 ta' Mejju 2021; billi Nahid Taghavi, ċittadina Ġermaniża-Iranjana, ilha miżmuma b'mod arbitrarju minn Ottubru 2020 fil-ħabs ta' Evin taħt akkużi dubjużi ta' sigurtà nazzjonali; billi l-Iran ma jirrikonoxxix iċ-ċittadinanza doppja, u b'hekk jillimita l-aċċess tal-ambaxxati barranin għaċ-ċittadini tagħhom b'ċittadinanza doppja;
E. billi l-Iran qed iżomm ukoll b'mod arbitrarju liċ-ċittadini tiegħu stess f'kundizzjonijiet miżeri; billi l-qrati spiss jiċħdu lill-konvenuti d-dritt ta' proċess ġust u jirrestrinġu l-konsulenza legali u ż-żjarat minn awtoritajiet konsulari u min-NU u organizzazzjonijiet umanitarji; billi s-sentenzi spiss ikunu bbażati fuq allegazzjonijiet mhux sostanzjati; billi s-sistema ġudizzjarja u l-imħallfin tal-Iran huma bogħod milli jkunu indipendenti u ma jissodisfawx l-istandards internazzjonali; billi l-awtoritajiet Iranjani ma investigawx allegazzjonijiet ta' tortura u każijiet serji oħra ta' ksur tad-drittijiet tad-detenuti; billi l-fastidju ġudizzjarju qed jintuża biex isikket lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
F. billi l-Iran għandu l-ogħla numru ta' eżekuzzjonijiet fid-dinja għal kull abitant;
G. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kontinwament impenjaw ruħhom f'taħditiet diplomatiċi biex itejbu r-relazzjonijiet mal-Iran, u dan wassal għall-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt fit-18 ta' Ottubru 2015; billi l-UE tibqa' impenjata li ttejjeb ir-relazzjonijiet taħt ċerti kundizzjonijiet; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri ta' dawn ir-relazzjonijiet;
1. Jistieden lill-Iran, taħt il-President Ebrahim Raisi li għadu kif ġie elett, biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni imminenti tal-akkademiku Svediż-Iranjan Dr Ahmadreza Djalali, biex jagħtih maħfra u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, u biex jippermettilu jirritorna lejn il-familja tiegħu fl-Iżvezja; jikkundanna bil-qawwa t-tortura, id-detenzjoni arbitrarja u l-piena tal-mewt tiegħu fuq akkużi mhux sostanzjati kif dokumentat fl-opinjoni tal-2017 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-Detenzjoni Arbitrarja; iħeġġeġ lill-Iran, sakemm dan ta' hawn fuq jibqa' pendenti, jikkonċedilu immedjatament kuntatt regolari mal-familja u l-avukat tiegħu, jiggarantixxi s-sikurezza tiegħu u jipprovdilu kura medika urġenti u adegwata; jistieden lill-Iran biex jieqaf jhedded lill-familja tiegħu fl-Iżvezja u fl-Iran;
2. Jiddeplora l-politika stabbilita tal-Iran ta' detenzjoni arbitrarja ta' ċittadini tal-UE, tar-Renju Unit u ta' ċittadini oħra biex jikseb mingħandhom konfessjonijiet politiċi;
3. Iħeġġeġ lill-Iran iwaqqa' minnufih l-akkużi kollha kontra Dr Ahmadreza Djalali, kif ukoll iċ-ċittadini kollha tal-UE miżmuma b'mod arbitrarju, inklużi ċ-ċittadini Ġermaniżi Nahid Taghavi u Jamshid Sharmahd, iċ-ċittadini Franċiżi Benjamin Brière u Fariba Adelkhah, li għadha taħt projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, u ċ-ċittadini Awstrijaċi Kamran Ghaderi u Massud Mossaheb, kif ukoll iċ-ċittadini tar-Renju Unit Morad Tahbaz, Anoosheh Ashoori, Mehran Raoof u Nazanin Zaghari-Ratcliffe, li tibqa' taħt arrest domiċiljari;
4. Jiddispjaċih profondament dwar il-fatt li mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Diċembru 2020, l-ebda Stat Membru tal-UE ma rnexxielu jżur ċittadini tal-UE miżmuma b'mod arbitrarju, inkluż Dr Ahmadreza Djalali; itenni l-appell urġenti tiegħu lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu ħilithom kollha biex jipprevjenu l-eżekuzzjoni ta' Dr Ahmadreza Djalali;
5. Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra aktar sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi tal-uffiċjali u l-entitajiet tar-reġim Iranjan involuti fid-detenzjoni arbitrarja u l-għoti ta' pieni tal-mewt lil ċittadini tal-UE, inkluż, fil-każ tad-detenzjoni kontinwa ta' Dr Ahmadreza Djalali, jew bl-użu tar-reġim ta' sanzjonijiet attwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem kontra l-Iran jew ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE);
6. Jilqa' ż-żieda, wara r-rwol tagħhom fil-qtil ta' mill-inqas 303 dimostranti fl-2019, ta' tmien individwi Iranjani u tliet entitajiet Iranjani għar-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE fit-12 ta' April 2021, li poġġihom taħt l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar; jinnota li din hija l-ewwel darba li l-UE ħadet deċiżjoni bħal din mill-2013 'l hawn;
7. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha u jenfasizza li ma tista' tintuża l-ebda ġustifikazzjoni morali, legali jew reliġjuża; jistieden lill-Iran jintroduċi moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha;
8. Jistieden lill-Iran jeħles ukoll lill-priġunieri politiċi, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, peress li dawn ġew miżmuma b'mod arbitrarju sempliċement talli eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom għal-libertajiet tal-espressjoni, tat-twemmin, tal-assoċjazzjoni, tal-pubblikazzjoni, tal-għaqda paċifika u tal-libertà tal-midja; jistieden lill-Iran jinvestiga b'mod xieraq l-uffiċjali responsabbli għall-każijiet ta' ksur serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva u letali fuq id-dimostranti; jiddenunzja l-użu sistematiku ta' reklużjoni solitarja fit-tul bi ksur tal-obbligi internazzjonali tal-Iran;
9. Iħeġġeġ lill-Kunsill iqajjem il-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bilaterali tiegħu mal-Iran, f'konformità mad-dikjarazzjoni maħruġa b'mod konġunt mill-VP/RGħ u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan f'April 2016; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkompli jqajjem kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-Djalogu ta' Livell Għoli UE-Iran; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari n-nisa, inkluż permezz ta' għotjiet ta' emerġenza fil-qafas tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;
10. Jikkundanna bil-qawwa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora b'mod sostnut fl-Iran għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi u etniċi, minħabba diskriminazzjoni politika, ekonomika, soċjali u kulturali sistematika; jiddeplora l-eskalazzjoni allarmanti fl-użu tal-piena tal-mewt kontra d-dimostranti, id-dissidenti u l-membri ta' gruppi minoritarji;
11. Jistieden lill-Iran jippermetti żjarat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jikkoopera bis-sħiħ mal-proċeduri speċjali kollha tiegħu, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mexxej Suprem u lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majles tal-Iran.