Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2788(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0406/2021

Dibattiti :

PV 06/07/2021 - 11
CRE 06/07/2021 - 11

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2021 - 11
PV 08/07/2021 - 19

Testi adottati :

P9_TA(2021)0360

Testi adottati
PDF 143kWORD 51k
Il-Ħamis, 8 ta' Lulju 2021 - Strasburgu
Ir-repressjoni tal-oppożizzjoni fit-Turkija, b'mod speċifiku tal-HDP
P9_TA(2021)0360RC-B9-0406/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-repressjoni tal-oppożizzjoni fit-Turkija, b'mod speċifiku tal-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP) (2021/2788(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Mejju 2021 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar it-Turkija(1), tal-20 ta' Jannar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, b'mod partikolari l-każ ta' Selahattin Demirtaş u ta' priġunieri oħra minħabba twemmin(2) u tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2020)0660) u r-Rapport tal-2020 dwar it-Turkija li jakkumpanjaha (SWD(2020)0355),

–  wara li kkunsidra l-qafas ta' negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005, u l-fatt li, kif inhu l-każ għall-pajjiżi kollha kandidati, l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE tiddependi fuq konformità sħiħa mal-kriterji ta' Copenhagen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar relazzjonijiet esterni, u konklużjonijiet rilevanti oħra tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Marzu 2021 dwar is-sitwazzjoni attwali rigward ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u t-Turkija (JOIN(2021)0008),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fid-19 ta' Awwissu 2019 dwar is-sospensjonijiet tas-sindki eletti u d-detenzjoni ta' mijiet ta' persuni fix-Xlokk tat-Turkija, u ta' dawk bejn il-21 u l-25 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta' Marzu 2021 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell u tal-Kummissarju Ewropew għall-Viċinat u t-Tkabbir Olivér Várhelyi dwar l-aħħar azzjonijiet rigward il-Partit Demokratiku tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxi li l-Partijiet Kontraenti Għolja jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti minnu,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Awla Manja tal-QEDB tat-22 ta' Diċembru 2020 fil-kawża Demirtaş vs it-Turkija (14305/17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2347 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tat-23 ta' Ottubru 2020 intitolata "New crackdown on political opposition and civil dissent in Turkey: urgent need to safeguard Council of Europe standards" (Repressjoni ġdida tal-oppożizzjoni politika u d-dissens ċivili fit-Turkija: ħtieġa urġenti li jiġu ssalvagwardati l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa), u r-riżoluzzjoni 2260 ta' PACE tal-24 ta' Jannar 2019 intitolata "The worsening situation of opposition politicians in Turkey: what can be done to protect their fundamental rights in a Council of Europe member State?" (Id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-politiċi tal-oppożizzjoni fit-Turkija: x'jista' jsir biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tagħhom fi Stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa?),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-isfond ta' rigress ġenerali li qed jaffettwa l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-partiti tal-oppożizzjoni fit-Turkija – u b'mod partikolari l-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP) – kienu kontinwament u dejjem aktar fil-mira tal-awtoritajiet Torok;

B.  billi fis-17 ta' Marzu 2021, il-Kap Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Kassazzjoni tat-Turkija rrikorra għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex jitlob l-għeluq tal-HDP, it-tielet l-akbar partit politiku fil-Parlament Tork; billi fit-31 ta' Marzu 2021, l-Assemblea Ġenerali tal-Qorti Kostituzzjonali sabet nuqqasijiet proċedurali f'dan l-att ta' akkuża u ddeċidiet li tirritornaha lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewlieni; billi fis-7 ta' Ġunju 2021 ġie ppreżentat att tal-akkuża rivedut li, minbarra l-għeluq tal-partit, talab projbizzjoni fuq it-twettiq ta' attivitajiet politiċi għal kważi 500 politiku tal-HDP u l-iffriżar tal-kontijiet bankarji tal-partit; billi fil-21 ta' Ġunju 2021 l-Assemblea Ġenerali tal-Qorti Kostituzzjonali aċċettat b'mod unanimu l-att ta' akkuża rivedut;

C.  billi l-Kap Prosekutur Pubbliku bbaża l-biċċa l-kbira tal-akkużi tiegħu kontra l-HDP fuq il-protesti ta' Kobanî, li fir-rigward għaddejja kawża legali kontra 108 politiku tal-HDP, inklużi l-eks kopresidenti Selahattin Demirtaş u Figen Yüksekdağ; billi dawn l-akkużi kienu prinċipalment ibbażati fuq tweet imtella' mill-Bord Eżekuttiv Ċentrali tal-HDP (bid-data tas-6 ta' Ottubru 2014), li fiha stieden lin-nies jipprotestaw b'solidarjetà mal-poplu ta' Kobanî kontra l-ISIS u kontra l-embargo tat-Turkija fuq Kobanî; billi matul il-protesti, aktar minn ħamsin persuna, il-maġġoranza assoluta tagħhom kienu membri jew simpatizzanti tal-HDP, sfaw maqtula f'konflitti mal-pulizija Torka;

D.  billi hemm 108 konvenut mill-HDP fil-"proċess ta' Kobanî"; billi 28 minnhom ġew arrestati fl-istennija tal-proċess; billi hemm restrizzjonijiet ġudizzjarji fuq sitt persuni u mandati ta' arrest kontra 75 persuna; billi l-Parlament se jkompli jsegwi mill-qrib il-proċess ta' Kobanî u każijiet rilevanti oħra;

E.  billi fil-passat, il-Qorti Kostituzzjonali pprojbixxiet sitt partiti politiċi favur il-Kurdi;

F.  billi l-QEDB ripetutament sabet li x-xoljiment tal-partiti politiċi jikser id-dritt ta' assoċjazzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 il-Kunsill Ewropew jiddikjara li t-tqegħid ta' partiti politiċi fil-mira jirrappreżenta daqqa ta' ħarta kbira għad-drittijiet tal-bniedem u jmur kontra l-obbligi tat-Turkija li tirrispetta d-demokrazija u l-istat tad-dritt u li d-djalogu dwar din il-kwistjoni jibqa' parti integrali mir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija;

G.  billi fis-17 ta' Ġunju 2021, Deniz Poyraz, impjegata u membru tal-HDP, inqatlet fl-uffiċċji tal-partit f'İzmir; billi ġiet allegatament mutilata wara mewtha; billi fl-2015 u l-2016, mijiet ta' uffiċċji tal-partit tal-HDP, inklużi l-kwartieri ġenerali f'Ankara, ġew attakkati u ħafna minnhom inħarqu;

H.  billi madwar 4 000 membru u funzjonarju tal-HDP għadhom il-ħabs, inkluż għadd ta' membri parlamentari;

I.  billi tliet membri parlamentari tal-HDP tneħħewlhom is-siġġijiet parlamentari u l-immunità parlamentari tagħhom u sussegwentement ġew arrestati;

J.  billi fit-30 ta' Ġunju 2021, il-prosekuturi tal-Ministeru tal-Ġustizzja ppreżentaw lill-Kumitat Parlamentari Konġunt dwar Kwistjonijiet Kostituzzjonali u tal-Ġustizzja tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka sommarji tal-proċedimenti li jitolbu t-tneħħija tal-immunità leġiżlattiva ta' 20 leġiżlatur tal-oppożizzjoni minn sitt partiti differenti tal-oppożizzjoni; billi dawn il-proċedimenti huma mmirati lejn 15-il Membru Parlamentari mill-HDP, il-mexxej tal-Partit Repubblikan tal-Poplu (CHP) Kemal Kılıçdaroğlu u leġiżlatur wieħed minn kull partit ieħor tal-oppożizzjoni, jiġifieri l-Partit tar-Reġjuni Demokratiċi (DBP), il-Partit İYİ (Tajjeb), il-Partit tal-Ħaddiema tat-Turkija (TİP), u l-Partit Demokratiku (DP);

K.  billi s-Sur Kılıçdaroğlu, bħala l-mexxej tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, huwa s-suġġett ta' proċedura kriminali talli allegatament insulta lill-President tat-Turkija, u għal dan qed jiffaċċja sentenza ta' massimu ta' erba' snin; billi qed jiffaċċja wkoll kawża mressqa mill-President Recep Tayyip Erdoğan fil-11 ta' Jannar 2021 biex iħallas TRY 1 miljun f'danni;

L.  billi s-Sur Demirtaș, eks kopresident tal-HDP u kandidat presidenzjali matul l-elezzjonijiet tal-2014 u l-2018, ilu detenut aktar minn erba' snin fuq akkużi mhux sostanzjati u minkejja żewġ sentenzi tal-QEDB favur il-ħelsien tiegħu;

M.  billi, fl-istess sentenza, il-QEDB iddikjarat li l-appell tal-kwartieri ġenerali tal-HDP għas-solidarjetà mal-poplu ta' Kobanî baqa' fil-limiti tad-diskors politiku, peress li ma setax jiġi interpretat bħala appell għall-vjolenza; billi l-qorti ddikjarat li l-atti ta' vjolenza li seħħew bejn is-6 u t-8 ta' Ottubru 2014, għalkemm kienu deplorevoli, ma jistgħux jitqiesu bħala konsegwenza diretta tat-tweets imtellgħin mill-kwartieri ġenerali tal-HDP;

N.  billi mill-elezzjonijiet lokali li saru fil-31 ta' Marzu 2019 'l hawn, 59 mill-65 sindku tal-HDP eletti demokratikament fix-Xlokk tat-Turkija ġew sostitwiti minn gvernaturi provinċjali jew fiduċjarji maħtura mill-gvern minħabba l-fatt li kienu taħt investigazzjoni kriminali għal allegati rabtiet mat-terroriżmu; billi mis-36 arrestati, 32 inħelsu matul il-proċess ġudizzjarju, iżda billi 6 kosindki eletti għadhom il-ħabs;

O.  billi l-problemi strutturali li qed jiddeterjoraw li jwasslu għal nuqqas ta' indipendenza istituzzjonali fil-ġudikatura għad għandhom impatt fuq id-drittijiet tal-partiti tal-oppożizzjoni;

1.  Għadu mħasseb ħafna dwar l-attakki u l-pressjoni kostanti fuq il-partiti tal-oppożizzjoni fit-Turkija, u b'mod partikolari dwar il-mod li bih l-HDP, inkluża l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ tiegħu, kien speċifikament u dejjem aktar fil-mira tal-awtoritajiet Torok; jikkundanna din ir-repressjoni kontra l-HDP u kontra kwalunkwe partit ieħor tal-oppożizzjoni Tork, li tfixkel il-funzjonament xieraq tas-sistema demokratika; iħeġġeġ lill-Gvern Tork itemm din is-sitwazzjoni u jiżgura li l-partiti politiċi kollha fil-pajjiż ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet leġittimi tagħhom b'mod liberu u sħiħ skont il-prinċipji bażiċi ta' sistema pluralista u demokratika;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-akkuża mressqa mill-ġdid mill-Kap Prosekutur Pubbliku tat-Turkija quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li titlob ix-xoljiment tal-HDP u projbizzjoni politika ta' kważi 500 membru tal-HDP, inkluża l-parti l-kbira tat-tmexxija attwali tiegħu, li twaqqafhom milli jwettqu kwalunkwe tip ta' attività politika fil-ħames snin li ġejjin; huwa inkwetat ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li taċċetta dan il-każ, deċiżjoni li kienet unanima; jinnota bi tħassib serju li l-kawża dwar ix-xoljiment tal-HDP hija l-ogħla livell ta' repressjoni fuq il-partit li ilha għaddejja għal bosta snin, u li wasslet biex eluf ta' membri tal-partit, eżekuttivi, membri parlamentari, kunsilliera lokali u kosindki ttellgħu l-qorti, prinċipalment fuq akkużi relatati mat-terroriżmu;

3.  Jemmen bis-sħiħ li l-fatt li ma tiġix imxekkla l-parteċipazzjoni tal-HDP fl-istituzzjonijiet demokratiċi tat-Turkija huwa mod bażiku li bih is-soċjetà Torka ssir aktar inklużiva u tinħoloq perspettiva pożittiva li twassal għal soluzzjoni paċifika tal-kwistjoni Kurda; itenni, f'dan ir-rigward, li meta jitqies l-impenn sod tal-HDP li jaħdem permezz ta' istituzzjonijiet demokratiċi, il-projbizzjoni tal-partit tkun żball politiku serju fuq terminu medju u tirrappreżenta daqqa ta' ħarta irriversibbli għall-pluraliżmu u l-prinċipji demokratiċi, u miljuni ta' votanti fit-Turkija jispiċċaw mingħajr rappreżentanza;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil terribbli tal-membru u l-ħaddiem tal-HDP Deniz Poyraz u l-attakk fuq l-uffiċċji tal-partit f'İzmir; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba u l-ħbieb tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw dan il-każ bir-reqqa u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jibqgħu lura milli jkebbsu l-inċitament kontra l-HDP u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu l-uffiċċji u l-uffiċjali tal-partit, inklużi l-Membri Parlamentari u l-kosindki u l-kunsilliera lokali eletti;

6.  Jikkundanna l-applikazzjoni arbitrarja tal-istat tad-dritt matul il-proċess li għaddej ta' Kobanî li wassal għall-ftuħ mill-ġdid tal-każ, u matul il-proċedimenti tiegħu, b'mod partikolari n-nuqqas ta' indipendenza ġudizzjarja, imparzjalità, ġustizzja totali u salvagwardji proċedurali; jinsab imħasseb ħafna dwar l-użu ħażin tal-leġiżlazzjoni wiesgħa kontra t-terroriżmu; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Torok biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom kontra t-terroriżmu mal-istandards internazzjonali sabiex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-proporzjonalità u l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi;

7.  Jikkundanna d-deċiżjoni li jitneħħew is-siġġijiet u l-immunità parlamentari tal-Membri Parlamentari tal-HDP Leyla Güven, Ömer Faruk Gergerlioğlu u Musa Farisoğulları, u jikkundanna l-arresti sussegwenti tagħhom; jilqa' s-sentenza reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali tal-1 ta' Lulju 2021 li fiha ddeċidiet unanimament li d-drittijiet tal-Membru Parlamentari Gergerlioğlu li jiġi elett u jinvolvi ruħu f'attività politika, kif ukoll id-dritt tiegħu għal-libertà u s-sigurtà personali, kienu nkisru; jilqa' r-rilaxx tiegħu u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok u lill-qrati inferjuri jimplimentaw id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u jerġgħu jagħtu b'mod urġenti l-istatus parlamentari tiegħu; jitlob li jinħelsu minnufih iż-żewġ Membri Parlamentari l-oħra tal-HDP u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jiddenunzja l-użu rikorrenti tar-revoka tal-istatus parlamentari ta' Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni, li jagħmel ħsara serja lill-immaġni tal-Parlament Tork bħala istituzzjoni demokratika;

8.  Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni kontinwa minn Novembru 2016 tal-eks kopresidenti tal-HDP Figen Yüksekdağ u Selahattin Demirtaș, il-mexxej tal-oppożizzjoni u l-eks kandidat presidenzjali; ifakkar fid-deċiżjoni tal-QEDB tal-20 ta' Novembru 2018 fil-kawża Selahattin Demirtaş vs it-Turkija, ikkonfermata mid-deċiżjoni tal-Awla Manja tagħha fit-22 ta' Diċembru 2020, li tistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu minnufih lis-Sur Demirtaş; huwa xxukkjat bil-fatt li l-awtoritajiet Torok kontinwament ma josservawx u ma japplikawx id-deċiżjoni tal-QEDB, inkluż f'każijiet oħra bħal dak ta' Osman Kavala, li għalih il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista' jagħti bidu għal proċedimenti ta' ksur kontra t-Turkija; iħeġġeġ kooperazzjoni sħiħa mal-Kunsill tal-Ewropa fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-minoranzi, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali;

9.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-pressjoni li qed tiżdied gradwalment fuq il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni (is-CHP) u l-mexxej tiegħu, Kemal Kılıçdaroğlu, inklużi l-konfiska ta' fuljetti tal-partit b'ordni tal-qorti, it-theddid pubbliku kontrih u l-attakki fiżiċi fuqu; jikkundanna t-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Kılıçdaroğlu, abbażi tad-dikjarazzjonijiet politiċi tiegħu, inkluż il-fatt li huwa s-suġġett ta' proċedura kriminali talli allegatament insulta lill-President tat-Turkija, u għal dan qed jiffaċċja sentenza ta' massimu ta' erba' snin; itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-fastidju politiku u ġudizzjarju kontinwu ta' Canan Kaftancıoğlu, il-president provinċjali tas-CHP f'Istanbul;

10.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-pressjoni li qed tiżdied fuq il-partiti kollha tal-oppożizzjoni u dwar l-aħħar deċiżjoni tal-prosekuturi tal-Ministeru għall-Ġustizzja li ressqu, quddiem il-Kumitat Parlamentari Konġunt dwar Kwistjonijiet Kostituzzjonali u tal-Ġustizzja tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka, sommarji tal-proċedimenti li jitolbu t-tneħħija tal-immunità leġiżlattiva ta' 20 leġiżlatur tal-oppożizzjoni minn sitt partiti differenti tal-oppożizzjoni; jenfasizza li l-ambjent ġeneralment ostili qed jaffettwa mexxejja oħra tal-oppożizzjoni bħall-President tal-Partit İYİ, Meral Akşener, li reċentement ġie attakkat verbalment minn sostenituri tal-partit fil-gvern waqt li kien fuq żjara f'Rize;

11.  Jikkundanna d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Torok li jneħħu mill-kariga lis-sindki eletti demokratikament abbażi ta' evidenza dubjuża u li jissostitwixxuhom b'fiduċjarji mhux eletti, li tostakola d-demokrazija lokali; jinnota l-miżuri politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi meħuda mill-Gvern Tork biex jipparalizza l-muniċipalitajiet immexxija minn sindki ta' partiti tal-oppożizzjoni f'Istanbul, f'Ankara u f'Izmir; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-gvern preżenti qed jabbuża mir-riżorsi finanzjarji u mill-awtorità amministrattiva tal-Istat biex idgħajjef jew isikket lill-oppożizzjoni;

12.  Jisħaq li dawn l-azzjonijiet ikomplu jdgħajfu l-kapaċità tal-oppożizzjoni politika li teżerċita d-drittijiet tagħha u twettaq ir-rwol demokratiku tagħha; huwa mħasseb ħafna dwar dan ir-rigress serju fil-libertà tal-partiti tal-oppożizzjoni biex jiffunzjonaw, li jiżvela s-sitwazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u d-deterjorament kontinwu tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, bi ksur tal-kriterji ta' Copenhagen;

13.  Iqis li d-deterjorament tal-istat tad-dritt u n-nuqqas sistemiku ta' indipendenza tal-ġudikatura jibqgħu jkunu marbuta ma' deċiżjonijiet tal-qrati li jikkonċernaw il-libertà tal-partiti tal-oppożizzjoni biex jiffunzjonaw; jistieden lit-Turkija tiżgura l-pluraliżmu u tirrispetta l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni f'konformità mal-protezzjonijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni Torka u mal-obbligi internazzjonali tat-Turkija;

14.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għat-Turkija tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni tal-oppożizzjoni politika, inter alia billi tosserva l-proċessi ġudizzjarji, inkluż il-"proċess ta' Kobanî", tagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi u titlob permess għal żjarat fil-ħabsijiet;

15.  Jemmen li, minbarra t-titjib fi kwistjonijiet ta' politika barranija, il-progress fi kwalunkwe aġenda pożittiva li tista' tiġi offruta lit-Turkija għandu jkun dipendenti wkoll fuq titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-pajjiż, inklużi d-drittijiet tan-nisa, bħal dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-libertà reliġjuża, u d-drittijiet tal-minoranzi etniċi u tal-komunità LGBTI;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0234.
(2) Testi adottati, P9_TA(2021)0028.
(3) Testi adottati, P9_TA(2019)0017.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Novembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza