Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2021 dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Guy Verhofstadt (2021/2030(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba ta' Guy Verhofstadt tat-12 ta' Marzu 2021, imħabbra fis-seduta plenarja fl-24 ta' Marzu 2021, fid-dawl tal-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu fil-qafas tal-proċediment kriminali quddiem il-Procura Distrettuale della Repubblica presso il Tribunale di Trento (l-Italja),
– wara li sema' lil Guy Verhofstadt, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 7 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0238/2021),
A. billi Guy Verhofstadt, Membru tal-Parlament Ewropew, talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'rabta ma' proċediment kriminali kontrih quddiem il-Procura Distrettuale della Repubblica presso il Tribunale di Trento (l-Italja) għal allegata malafama permezz ta' network soċjali; billi l-Procura Distrettuale della Repubblica presso il Tribunale di Trento temmet l-inkjesta preliminari tagħha dwar il-każ fit-22 ta' Diċembru 2020;
B. billi fit-13 ta' Frar 2020, Guy Verhofstadt ippubblika fuq il-profil Twitter tiegħu t-tweet li ġejja: "Matteo Salvini qed jiffaċċja akkużi talli żamm illegalment migranti fuq il-baħar wara li dawn ġew salvati mill-Gregoretti. Prosit lill-Italia! Il-ġustizzja trid issir. Nittamaw li l-istess se jiġri wkoll għall-korruzzjoni massiva tiegħu li tinvolvi l-kickbacks marbuta maż-żejt Russu!";
C. billi, meta għamel dawn il-kummenti, Guy Verhofstadt allegatament immalafama l-Membru tal-Parlament Taljan, kif definit fl-Artikolu 595(1) u (3) tal-Kodiċi Kriminali Taljan;
D. billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jistipula li l-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;
E. billi l-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li jixtieq jagħti lil deċiżjoni fir-rigward ta' talba minn Membru tagħha għall-ħarsien tal-immunità(2);
F. billi, skont l-Artikolu 5 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.
G. billi dikjarazzjoni magħmula minn Membru barra mill-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, meta jkun fiha valutazzjoni suġġettiva li jkollha rabta diretta u evidenti mal-qadi tad-dmirijiet ta' dak il-Membru fil-Parlament Ewropew; billi jekk dan hux il-każ jew le jrid għalhekk jiġi stabbilit abbażi tan-natura u l-kontenut tad-dikjarazzjoni u mhux abbażi tal-post fejn din tkun saret;
H. billi n-natura speċifika, iżda wkoll il-kontenut, tad-dikjarazzjoni għandhom ukoll ikunu vvalutati fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-rwol u l-funzjoni rispettivi li fihom il-Membru jkun għamilha;
I. billi d-dikjarazzjonijiet magħmula minn Guy Verhofstadt fit-tweet tiegħu saru b'mod ċar fil-kapaċità tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, mill-kont tiegħu ta' Twitter, li, skont is-Sur Verhofstadt, huwa esklussivament riżervat għall-komunikazzjoni politika tiegħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-mandat tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
J. billi llum il-ġurnata d-dibattitu politiku li fih jipparteċipaw il-Membri tal-Parlament Ewropew, fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, qed isir dejjem aktar barra mill-bini tal-Parlament, inkluż fuq l-internet jew permezz tal-użu ta' servizzi ta' networks soċjali bħal Twitter;
K. billi dik id-dikjarazzjoni saret fil-kuntest usa' ta' dibattitu politiku li t-tema tiegħu hija rikorrenti fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, kif ukoll f'ħafna organi tal-istampa;
L. billi, f'dan il-kuntest, Guy Verhofstadt esprima opinjonijiet simili fuq l-internet, kemm qabel kif ukoll wara d-dikjarazzjoni ta' Twitter li qed tiġi kkunsidrata, pereżempju fuq Facebook f'Jannar 2019, aktar minn sena qabel id-dikjarazzjoni ta' Twitter, fir-rigward tal-konnessjonijiet allegati tas-Sur Salvini mar-Russja(3) jew meta s-Sur Verhofstadt għamel dikjarazzjonijiet diversi xhur wara f'kuntest politiku simili matul id-dibattitu plenarju dwar l-Istat tal-Unjoni fis-16 ta' Settembru 2020;
M. billi, f'dan il-kuntest, wieħed jista' jgħid li teżisti rabta diretta u evidenti bejn id-dikjarazzjoni li qed tiġi kkunsidrata u l-mandat parlamentari ta' Guy Verhofstadt bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li jħares il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Guy Verhofstadt;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Italja u lil Guy Verhofstadt.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
Post fuq Facebook tad-9 ta' Jannar 2019: "M'hemmx t-shirt ta' Putin illum għas-Sur Salvini! Uniformi tal-pulizija minflok. Iżda s-Sur Salvini għandu patt mal-partit Russja Unita ta' Putin u ma jistax jiġi fdat mill-poplu Pollakk".