Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2679(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0431/2021

Testi mressqa :

B9-0431/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0366

Testi adottati
PDF 154kWORD 51k
It-Tlieta, 14 ta' Settembru 2021 - Strasburgu
Id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE
P9_TA(2021)0366B9-0431/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2021 dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE (2021/2679(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 8, 10, 18 u 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b'mod partikolari l-Artikoli 7, 9, 21, 24(2), 24(3) u 45 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 8 dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-Artikolu 14 u l-Protokoll Nru 12 dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2239 (2018) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tal-10 ta' Ottubru 2018 dwar il-ħajja privata u tal-familja: il-kisba tal-ugwaljanza irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2048 (2015) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tat-22 ta' April 2015 dwar id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneru fl-Ewropa(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024)(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja(8),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tal-5 ta' Ġunju 2018 fil-każ Relu Adrian Coman u Oħrajn v Inspectoratul General pentru Imigrări u Ministerul Afacerilor Interne(9) u tat-23 ta' April 2020 fil-każ NH v Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI - Rete Lenford(10), u l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott mogħtija fil-15 ta' April 2021 fil-kawża V.M.A. v Stolichna Obsthina, Rayon "Pancharevo"(11),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi Maruko, Römer u Hay tal-QĠUE(12) u s-sentenza Taddeucci & McCall tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB)(13),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-drittijiet tal-LGBTIQ huma drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva diversi petizzjonijiet li jqajmu tħassib dwar id-diskriminazzjoni li esperjenzaw persuni LGBTIQ fl-UE b'mod ġenerali u b'mod partikolari koppji tal-istess sess u familji qawsalla;

C.  billi dawn il-petizzjonijiet jitolbu, minn naħa waħda, li familji qawsalla jiġu ggarantiti l-istess drittijiet tal-familja bħall-familji ta' sess differenti u t-tfal tagħhom fl-Istati Membri kollha, u b'mod partikolari d-dritt għall-moviment liberu fi ħdan l-UE u r-rikonoxximent reċiproku tar-relazzjoni tagħhom u tal-istat ta' ġenitur, u, min-naħa l-oħra, miżuri kontra l-Polonja għall-ksur tal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u l-libertà ta' espressjoni, inkluż fir-rigward ta' "Karti Reġjonali tad-Drittijiet tal-Familja" u riżoluzzjonijiet li jiddikjaraw muniċipalitajiet u reġjuni mingħajr "ideoloġija LGBTI" (l-hekk imsejħa "żoni ħielsa mil-LGBTI";

D.  billi fit-22 ta' Marzu 2021 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza sessjoni ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-LGBTI + fl-UE, li matulha ġie ppreżentat l-istudju li d-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali kien ikkummissjona f'isem il-kumitat dwar "Ostakli għall-Moviment Liberu tal-Familji Qawsalla fl-UE";

E.  billi l-istudju msemmi hawn fuq jikkonkludi li l-familji qawsalla għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli kbar għall-moviment liberu tagħhom fl-UE fl-2021 b'konsegwenzi negattivi għall-interessi tat-tfal tagħhom, u li billi jeżerċitaw il-kompetenza tal-UE fir-rigward tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jaġixxu biex ineħħu dawn l-ostakoli; billi l-ġenituri transġeneru li d-dokumenti tal-identità tagħhom mhumiex rikonoxxuti wara li jaqsmu fruntiera jistgħu jitilfu r-rabtiet legali kollha ma' wliedhom, u dan iħalli impatt sever fuq l-aħjar interessi tat-tfal;

F.  billi l-Artikolu 21 tat-TFUE, jistabbilixxi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri;

G.  billi l-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni.

H.  billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ; billi l-ugwaljanza u l-protezzjoni tal-minoranzi huma fost il-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE li l-UE qed tiżviluppa permezz tal-inizjattivi u l-azzjonijiet tal-"Unjoni tal-Ugwaljanza";

I.  billi f'Settembru 2020, il-President tal-Kummissjoni von der Leyen, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, enfasizzat li "Jekk int ġenitur f'pajjiż wieħed, int ġenitur f'kull pajjiż", filwaqt li rreferiet għall-ħtieġa ta' rikonoxximent reċiproku tar-relazzjonijiet familjari fl-UE;

J.  billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet skont id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali;

K.  billi filwaqt li l-UE rat progress f'termini ta' żwieġ u unjonijiet ċivili, id-drittijiet ta' adozzjoni għall-persuni LGBTIQ u l-protezzjoni fil-liġi mid-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda, kien hemm ukoll passi lura, bħal retorika ostili minn politiċi eletti, mewġiet fil-vjolenza omofobika u transfobika u l-proklamazzjoni tal-hekk imsejħa "żoni ħielsa mil-LGBTI";

L.  billi l-persuni LGBTIQ għadhom isofru diskriminazzjoni u vjolenza fl-Ewropa; billi r-Rainbow Europe Map tal-2021, l-għodda ta' valutazzjoni komparattiva annwali tal-ILGA-Europe, tiżvela staġnar fuq firxa wiesgħa u kważi totali dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ, b'mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent tal-leġiżlazzjoni tal-familja madwar l-Ewropa, u li din is-sena ma kien hemm l-ebda bidla legali jew politika waħda li taffettwa b'mod pożittiv lill-persuni LGBTIQ;

M.  billi fi stħarriġ tal-2019, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabet li d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess kienet qed tiżdied fl-UE.

N.  billi l-persuni LGBTIQ għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni f'xi Stati Membri fir-rigward tal-protezzjoni soċjali, is-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-aċċess għal oġġetti u servizzi oħra li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluża l-akkomodazzjoni, kif ukoll il-provvista tagħhom; billi d-direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni, li tista' telimina parzjalment din id-diskrepanza fil-protezzjoni lil hinn mill-impjieg, ilha imblukkata fil-Kunsill għal aktar minn 10 snin;

O.  billi mhux l-Istati Membri kollha tal-UE jipprovdu protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ kontra d-diskriminazzjoni;

P.  billi ma hemm l-ebda regola tal-UE dwar ir-rikonoxximent ta' sentenzi dwar l-istat ta' ġenitur bejn l-Istati Membri u l-ebda dispożizzjoni tal-UE mmirata biex issolvi l-kunflitti f'dan ir-rigward; billi xi Stati Membri ma jirrikonoxxux żwieġ bejn persuni tal-istess sess minn Stat Membru ieħor għal kwalunkwe skop tal-liġi nazzjonali għajr permess ta' residenza; billi xi Stati Membri li jippermettu lill-koppji tal-istess sess jiżżewġu jidhru li mhumiex lesti jirrikonoxxu sħab reġistrati tal-istess sess minn Stati Membri oħra; billi f'xi Stati Membri koppji tal-istess sess bit-tfal jistgħu jiġu rrifjutati li jiġu rikonoxxuti legalment bħala l-ġenituri konġunti ta' wliedhom(14); billi l-ġenituri transġeneru spiss jiġu miċħuda r-rikonoxximent tal-ġeneru legali tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri, u dan iwassal biex l-awtoritajiet tal-fruntieri ma jirrikonoxxuhomx bħala ġenituri ta' wliedhom stess;

1.  Jilqa' l-ewwel strateġija dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 li qatt saret, adottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta' Novembru 2020(COM(2020)0698), li żewġ azzjonijiet ewlenin tagħha huma inizjattiva leġiżlattiva mmirata lejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-familji qawsalla u aġġornament tal-linji gwida tal-2009 dwar il-moviment liberu sal-2022;

2.  Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar id-diskriminazzjoni li jsofru l-familji qawsalla u t-tfal tagħhom fl-UE u l-fatt li huma mċaħħda mid-drittijiet tagħhom għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru, jew karatteristiċi tas-sess tal-ġenituri jew tas-sħab; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jegħlbu din id-diskriminazzjoni u jneħħu l-ostakli li jiffaċċjaw meta jeżerċitaw id-dritt fundamentali għal-libertà ta' moviment fi ħdan l-UE;

3.  Jissottolinja l-ħtieġa li ssir ħidma lejn it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali mill-persuni LGBTIQ fl-Istati Membri kollha tal-UE u jfakkar li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għalhekk għandhom id-dmir li jiddefenduhom u jipproteġuhom f'konformità mat-Trattati u l-Karta, kif ukoll mad-dritt internazzjonali;

4.  Jinsisti li l-UE jeħtieġ li tieħu approċċ komuni għar-rikonoxximent taż-żwiġijiet u s-sħubijiet bejn persuni tal-istess sess; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod speċifiku jintroduċu leġiżlazzjoni rilevanti biex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja mingħajr diskriminazzjoni u l-moviment liberu tal-familji kollha, inklużi miżuri biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-ġeneru legali tal-ġenituri transġeneru;

5.  Ifakkar li d-dritt tal-UE jipprevali fuq kwalunkwe tip ta' liġi nazzjonali, inkluż fuq dispożizzjonijiet kostituzzjonali konfliġġenti, u li għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħu jinvokaw ebda projbizzjoni kostituzzjonali fuq żwieġ bejn persuni tal-istess sess jew protezzjoni kostituzzjonali ta' "morali" jew "ordni pubbliku" sabiex jostakolaw id-dritt fundamentali għall-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-UE bi ksur tad-drittijiet tal-familji qawsalla li jiċċaqilqu lejn it-territorju tagħhom;

6.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-fatt li l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali(15), li tnediet fit-2 ta' Lulju 2008, għadha ma ġietx adottata. jistieden lill-Kunsill biex japprovaha. jissottolinja li dan l-imblukkar jibgħat messaġġ żbaljat mill-istituzzjonijiet tal-UE, jiġifieri li dawn jagħlqu għajnejhom għad-diskriminazzjoni serja li sseħħ fl-Istati Membri tal-UE, u jippermettu l-persistenza tagħha;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw il-kontinwità fil-liġi fir-rigward tar-relazzjonijiet familjali tal-membri tal-familji qawsalla li jiċċaqilqu lejn it-territorju tagħhom minn Stat Membru ieħor, tal-inqas fiċ-ċirkostanzi kollha li fihom dan huwa meħtieġ skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu, għall-finijiet tal-liġi nazzjonali, l-adulti msemmija fiċ-ċertifikat tat-twelid maħruġ fi Stat Membru ieħor bħala l-ġenituri legali tal-wild, irrispettivament mis-sess legali jew l-istat ċivili tal-adulti, u li tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu, għall-finijiet tal-liġi nazzjonali, iż-żwiġijiet jew is-sħubijiet reġistrati ffurmati fi Stat Membru ieħor, fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom il-konjuġi jew is-sħab reġistrati jkollhom dritt għal trattament indaqs skont il-ġurisprudenza tal-QEDB; jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tat-twelid fl-Istati Membri kollha irrispettivament mis-sess tal-ġenituri, peress li dan jiżgura li l-ulied ma jsirux apolidi meta jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor;

9.  Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi inizjattiva leġiżlattiva bil-għan li testendi l-lista ta' "reati tal-UE" għar-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda, inkluż meta jkunu immirati lejn persuni LGBTIQ, kif ukoll il-proposta dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-istat ta' ġenitur u miżuri possibbli biex jiġi appoġġjat ir-rikonoxximent reċiproku ta' sħubija bejn persuni tal-istess sess bejn l-Istati Membri; jistieden lill-presidenzi tal-Kunsill li ġejjin biex jagħmlu dawn il-kwistjonijiet prijoritajiet fl-aġendi tagħhom;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tiżgura l-libertà ta' moviment għall-familji kollha, inklużi l-familji qawsalla, f'konformità mas-sentenza fil-każ Coman & Hamilton(16), li tiddikjara li t-terminu "konjuġi" kif użat fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu huwa applikabbli wkoll għas-sħab tal-istess sess; jitlob li l-Kummissjoni teżamina jekk l-Istati Membri jikkonformawx mas-sentenza Coman & Hamilton u tieħu azzjoni ta' infurzar skont l-Artikolu 258 tat-TFUE kontra dawk li ma jikkonformawx; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ta' infurzar kontra r-Rumanija minħabba n-nuqqas kontinwu tagħha li tikkonforma ma' din is-sentenza u n-nuqqas ta' rimedju legali li ġiegħel lill-kwerelant jirrikorri għall-QEDB għal rimedju;

11.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi fil-linji gwida futuri tagħha dwar il-moviment liberu kjarifika biex tiżgura li d-Direttiva 2000/78/KE tinqara, fid-dawl tas-sentenzi Maruko, Römer, u Hay tal-QĠUE u s-sentenza Taddeucci & McCall tal-QEDB, bħala li tirrikjedi lill-Istati Membri jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra koppji tal-istess sess fl-impjieg, fit-taħriġ vokazzjonali, jew fi kwalunkwe qasam ieħor fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-direttiva;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-rieżami tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE, b'mod partikolari biex titneħħa l-kundizzjoni "jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati" sabiex tikkonforma mal-Artikolu 21 tal-Karta;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-linji gwida futuri tagħha dwar il-moviment liberu, tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar il-moviment liberu, tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod konsistenti d-Direttiva 2004/38/KE mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji tad-direttiva, bħal koppji ta' sess differenti u tal-istess sess, biex tiċċara li kwalunkwe referenza għal "sieħeb", "ġenitur", "wild", "dixxendent dirett", jew "qarib dirett fil-linja axxendenti", għandha tinkludi familji qawsalla, sabiex tiżgura li, meta jeżerċitaw id-drittijiet ta' moviment liberu tal-UE, huma jgawdu l-istess drittijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja skont id-dritt tal-UE bħall-familji ffundati minn koppji ta' sess oppost u tiżgura li l-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi personali tal-koppja mwettqa mill-Istati Membri għall-finijiet tal-"iffaċilitar" tal-ammissjoni tas-sieħeb mhux reġistrat taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tagħhom ikun ħieles mid-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni tindirizza d-diskriminazzjoni mġarrba mill-komunità LGBTIQ fil-Polonja u fl-Ungerija sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw b'mod korrett u jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Kunsill jerġa' jibda d-diskussjonijiet dwar il-proċedimenti kontra l-Polonja u l-Ungerija skont l-Artikolu 7 tat-TUE, inkluż dwar id-drittijiet tal-LGBTIQ; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli għaliha, biex tindirizza r-riskju ċar ta' ksur serju mill-Polonja u l-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, b'mod partikolari proċeduri ta' ksur imħaffa u applikazzjonijiet għal miżuri interim quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll għodod baġitarji; jistieden lill-Kummissjoni tkompli żżomm lill-Parlament infurmat regolarment u involut mill-qrib;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Ir-Riżoluzzjoni 2239 (2018) PACE.
(2) Ir-Riżoluzzjoni 2048 (2015) PACE.
(3) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(4) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(5) Testi adottati, P9_TA(2021)0089.
(6) ĠU C 255, 29.6.2021, p. 7.
(7) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 146.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0225.
(9) Il-każ C 673/16, Coman, EU:C:218:385.
(10) Il-każ C-507/18, NH, EU:C:2020:289.
(11) Il-każ C-490/20, V.M.A, EU:C:2021:296.
(12) Il-Każ C-267/06, Maruko, EU:C:2008:179; il-Każ C-147/08, Römer, EU:C:2011:286; il-Każ C-267/12, Hay, EU:C:2013:823.
(13) QEDB Taddeucci u McCall vs L-Italja, Nru 51361/09.
(14) "Obstacles to the Free Movement of Rainbow Families in the EU" (Ostakli għall-Moviment Liberu ta' Familji Qawsalla fl-UE), studju kkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew fuq talba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, 2021. Obstacles to the Free Movement of Rainbow Families in the EU (europa.eu).
(15) COM(2008)0426.
(16) Is-Sentenza tal-5 ta' Ġunju 2018, Conan, C‑673/16, EU:C:2013:385.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza