Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2015(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0231/2021

Testi mressqa :

A9-0231/2021

Dibattiti :

PV 13/09/2021 - 20
CRE 13/09/2021 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2021 - 11
CRE 14/09/2021 - 11

Testi adottati :

P9_TA(2021)0367

Testi adottati
PDF 212kWORD 67k
It-Tlieta, 14 ta' Settembru 2021 - Strasburgu
Lejn trasport fl-ilmijiet navigabbli interni adegwat għall-eżiġenzi futuri fl-Ewropa
P9_TA(2021)0367A9-0231/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2021 Lejn Trasport fl-Ilmijiet Navigabbli Interni (IWT) adegwat għall-eżiġenzi futuri fl-Ewropa (2021/2015(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2021 intitolat "Evaluation of Directive 2005/44/EC on Harmonised River Information Services (RIS)" (Evalwazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE dwar Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS)) (SWD(2021)0050),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2021 intitolat "Evaluation of the 2013 Urban Mobility Package" (Evalwazzjoni tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana tal-2013) (SWD(2021)0047),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 intitolata "Strateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur" (COM(2020)0789) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2020)0331),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2018 intitolat "Mid-term progress report on the implementation of the NAIADES II action programme for the promotion of inland waterway transport (covering the period 2014‑2017)" (Rapport ta' progress ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni NAIADES II għall-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (li jkopri l-perjodu 2014-2017)) (SWD(2018)0428),

–  wara li kkunsidra l-white paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 intitolata "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi(3), u r-reviżjoni futura tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport(4) (ir-Regolament TEN-T), u r-reviżjoni futura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ikkombinat ta' prodotti bejn Stati Membri(5), u r-reviżjoni futura tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar is-servizzi armonizzati ta' informazzjoni tax-xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2020 dwar konsiderazzjonijiet ta' politika għal pjan ta' kontinġenza għal pandemiji u kriżijiet kbar oħra għas-settur tat-trasport tal-merkanzija Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar is-Settur tat-Trasport fuq l-Ilma tal-UE – Prospettiva futura: lejn settur tat-trasport fuq l-ilma tal-UE b'livell newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, l-ebda aċċident, awtomatizzat u kompetittiv,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar it-trasport bin-navigazzjoni interna – "Naraw il-potenzjal tiegħu u nippromwovuh",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2021 dwar miżuri tekniċi u operattivi għal trasport marittimu aktar effiċjenti u aktar nadif(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar NAIADES II – Programm ta' azzjoni biex jappoġġja t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-isfruttament tal-potenzjal tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0231/2021),

A.  billi s-settur tat-trasport fuq l-ilma tal-UE, inkluż it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, huwa ta' interess strateġiku għall-integrità tal-provvista tagħha u għall-kompetittività tal-portijiet tagħha; billi 75 % tan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni sseħħ bejn pajjiż u ieħor u għaldaqstant il-koordinazzjoni hija essenzjali għas-suq uniku;

B.  billi l-pajjiżi Ewropej għandhom varjetà ta' ilmijiet navigabbli kbar u żgħar u flotot differenti ta' bastimenti interni, li jagħmlu t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni konvenjenti ħafna u utli għat-trasport ta' tipi differenti u kwantitajiet kbar ta' merkanzija lejn destinazzjonijiet differenti fuq l-ilma;

C.  billi t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa pilastru essenzjali fil-bidla lejn trasport multimodali sostenibbli, iżda fl-istess waqt qiegħed jiffaċċja sfidi konsiderevoli; billi l-ilmijiet navigabbli interni attwalment jirrappreżentaw sehem żgħir ħafna mit-trasport tal-merkanzija fl-UE (6,1 %), filwaqt li t-toroq għandhom sehem ta' 76,3 % u l-ferroviji għandhom 17,6 %; billi s-sehem modali attwali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa żgħir wisq u hija meħtieġa żieda qawwija biex titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq, tissaħħaħ is-sikurezza, jitnaqqsu l-emissjonijiet u tiġi żgurata sistema tat-trasport aktar sostenibbli b'mod ġenerali; billi hija meħtieġa azzjoni ulterjuri b'mod urġenti biex jinkiseb l-objettiv li parti sostanzjali mis-76,3 % tal-merkanzija interna li llum tinġarr bit-triq, tiġi trasferita għal fuq il-ferroviji u fl-ilmijiet navigabbli interni; billi huwa kruċjali f'dan ir-rigward li jkun hemm rabta bejn swieq ċirkolari u tal-enerġija sostenibbli ġodda u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni;

D.  billi l-iżvilupp ulterjuri tas-settur tal-ilmijiet navigabbli interni huwa ġebla tax-xewka għall-bini ta' network tat-trasport Ewropew intelliġenti, sostenibbli u kompetittiv; billi n-navigabilità attwali tal-ilmijiet navigabbli tal-Ewropa hija frammentata u l-bidla modali hija mxekkla minn konġestjonijiet, konnessjonijiet neqsin u nuqqas ta' affidabilità tal-ilmijiet navigabbli interni li jiċċirkolaw b'mod liberu; billi l-ilmijiet navigabbli interni, bħala wieħed mill-aktar modi ta' trasport favur l-ambjent b'potenzjal ulterjuri li fil-biċċa l-kbira ma ġiex sfruttat biex jiġu ttrasportati ammonti sostanzjali ta' merkanzija madwar l-Unjoni Ewropea, jista' jkollhom rwol fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE;

E.  billi s-sehem totali tal-merkanzija transfruntiera trasportata fl-ilmijiet navigabbli interni tagħna huwa 54 % fuq il-kuritur tar-Renu-Alpin, 35 % fuq il-kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana-il-Mediterran u 38 % fuq il-kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana-il-Baltiku; billi huwa importanti li tiġi avvanzata t-tlestija tan-network ewlieni tal-ilmijiet navigabbli interni tat-TEN-T kif ukoll il-konnessjonijiet man-network komprensiv;

F.  billi t-traffiku fuq l-ilmijiet navigabbli Ewropej jiddependi fuq konnessjonijiet transfruntiera bla xkiel, u dan jagħmel it-tlestija tan-networks ewlenin tat-TEN-T sal-2030 kwistjoni tal-akbar importanza;

G.  billi l-white paper tal-Kummissjoni dwar it-trasport, li ilha ppubblikata mill-2011, enfasizzat il-fatt li s-sehem modali tal-ilmijiet navigabbli interni fl-Ewropa jeħtieġ li jiżdied u billi minn dak iż-żmien 'l hawn ma nkisibx biżżejjed progress;

H.  billi l-fehma prevalenti fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni hija li l-ekoloġizzazzjoni hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tas-settur u tippermetti li jkollu rwol sinifikanti, affidabbli u kredibbli fil-bidla multimodali; billi bħalissa għaddejja riflessjoni vasta dwar kif għandha tiġi ffinanzjata din it-tranżizzjoni ekoloġika fis-settur; billi wasal iż-żmien biex aktar miżuri, għodod u mezzi konkreti jgħinu t-tqegħid fil-prattika ta' din l-ambizzjoni;

I.  billi investimenti infrastrutturali insuffiċjenti wasslu biex ix-xogħol waqa' lura; billi l-infrastruttura kwalitattiva hija l-bażi u s-sinsla ta' settur tal-ilmijiet navigabbli interni li jirnexxi; billi ż-żieda fil-kapaċità għandha l-limiti tagħha u l-enfasi għandha tkun ukoll fuq iż-żieda fil-prestazzjoni u l-iżgurar ta' affidabilità tas-settur f'kull mument;

J.  billi sehem sostanzjali mit-trasport tal-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni tal-UE huwa relatat mal-portijiet marittimi; billi kemm il-portijiet tal-baħar kif ukoll dawk interni għandhom rwol importanti bħala ċentri multimodali, u jipprovdu konnessjonijiet ma' modi oħra ta' trasport li jistgħu wkoll jieħdu tagħbijiet tal-merkanzija; billi għaldaqstant huwa importanti u rikjest mil-linji gwida tat-TEN-T li l-portijiet tal-baħar u dawk interni għandhom ikunu konnessi sew flimkien u għandu jkollhom konnessjonijiet tajbin maż-żoni interni tal-pajjiż; jinnota li l-portijiet interni għandhom isiru ċentri tal-enerġija għal fjuwils alternattivi sostenibbli;

K.  billi n-nixfa u t-tibdil fil-klima huma tnejn mill-problemi maġġuri li t-trasport Ewropew fl-ilmijiet navigabbli interni qiegħed jiffaċċja; billi f'diversi reġjuni Ewropej, it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ntlaqat ħażin ħafna mill-perjodu twil ta' nixfa fl-2018 minħabba l-livelli estremament baxxi tal-ilma; billi l-konsegwenzi kienu devastanti għar-Renu u t-tributarji tagħha, id-Danubju ta' Fuq u tan-Nofs u l-Elbe ta' Fuq u tan-Nofs; billi fil-Ġermanja dan wassal għal tnaqqis ta' EUR 5 biljun fil-produzzjoni industrijali; billi, barra minn hekk, iż-żoni tal-ilmijiet navigabbli interni fit-Tramuntana tal-Ewropa għandhom it-tendenza li jiffriżaw matul ix-xhur tax-xitwa li jkunu l-aktar severi, u dan ifixkel it-traffiku;

L.  billi l-bidla modali mit-triq għall-ilmijiet navigabbli interni ma tikkonċernax biss it-trasport tal-merkanzija iżda wkoll dak tal-passiġġieri, speċjalment f'żoni urbani; billi 50 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix qrib il-baħar u tul ix-xmajjar, it-trasport tal-passiġġieri fl-ilmijiet navigabbli interni joffri alternattiva favur l-ambjent f'termini kemm tal-konsum tal-enerġija kif ukoll tal-emissjonijiet tal-istorbju; billi dan jgħin ukoll biex titnaqqas il-konġestjoni tan-networks tat-toroq mgħobbija żżejjed u jipprovdi alternattiva għall-espansjoni tal-infrastruttura tat-toroq f'żoni b'densità għolja tal-popolazzjoni;

M.  billi l-kruċieri tax-xmajjar, il-bastiment ta' vjaġġi ta' ġurnata, il-laneċ, it-taxis tal-ilma u x-shuttles tal-ilma għandhom rwol importanti fit-turiżmu Ewropew u għandhom isiru għażla aktar nadifa għat-turiżmu u t-trasport pubbliku fir-reġjuni u l-bliet bi xmajjar, kanali u lagi aċċessibbli u navigabbli, li jagħmel ukoll il-mobilità urbana aktar sostenibbli u effettiva; billi dan għandu jiġi kkunsidrat fl-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti;

N.  billi, flimkien mal-ferroviji, it-trasport tal-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni ser ikollu rwol kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku f'termini tal-bidla modali fit-trasport tal-merkanzija; billi ż-żewġ modi fil-ktajjen tal-provvista għandhom jiġu integrati u jsiru aktar aċċessibbli;

O.  billi t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jista' jkollu rwol importanti għat-trasport marittimu f'termini tat-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni u l-ħolqien ta' skala fir-rigward ta' soluzzjonijiet ta' propulsjoni b'emissjonijiet żero, bħall-elettrifikazzjoni u l-idroġenu;

P.  billi l-proċeduri biex jinkiseb ċertifikat għal bastiment li jaħdem bl-idroġenu għadhom twal ħafna; billi għal serje ta' bastimenti li jaħdmu bl-idroġenu bl-istess karatteristiċi tekniċi eżatti, iridu jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għal kull bastiment; billi dan it-tip ta' piż amministrattiv jiskoraġġixxi l-investiment privat u b'hekk joħnoq il-progress teknoloġiku u t-titjib tal-kosteffiċjenza;

Q.  billi t-tranżizzjoni tal-enerġija hija wkoll sfida għas-settur tan-navigazzjoni interna minkejja li l-ilmijiet navigabbli huma wieħed mill-aktar modi ta' trasport favur l-ambjent; billi huwa importanti li jitqies ir-rwol tal-kuntratturi fil-katina tal-provvista kollha biex jittejjeb l-argument kummerċjali favur investimenti sostenibbli fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni;

R.  billi l-flotta fl-ilmijiet navigabbli interni jeħtieġ li tiġi modernizzata u adattata biex tirrifletti l-progress tekniku biex tkompli tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti; billi t-teknoloġiji b'emissjonijiet żero għadhom mhumiex vijabbli fuq skala kbira fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni minħabba maturità teknika baxxa, nuqqas ta' infrastruttura u prezzijiet mhux kompetittivi;

S.  billi s-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni żgura d-distribuzzjoni kontinwa ta' oġġetti essenzjali matul il-pandemija tal-COVID-19, u ċerti partijiet tiegħu saħansitra esperjenzaw l-ogħla livelli fit-traffiku, li b'hekk wera l-flessibilità u r-reżiljenza tiegħu;

Bidla modali fil-merkanzija: mit-toroq għall-ilmijiet navigabbli interni

1.  Jappella lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva dwar it-tmexxija ekoloġika, effiċjenti u diġitali u tibni fuq programmi eżistenti bħal NAIADES, li għandhom jappoġġjaw u jinċentivaw lill-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli kif ukoll modi oħra tat-trasport, b'mod partikolari l-ferroviji, biex jaħdmu flimkien lejn futur sostenibbli u soċjali, filwaqt li jappoġġjaw l-intraprenditorija, il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-kompetittività tas-settur fl-intier tiegħu; jenfasizza li l-ilmijiet navigabbli interni huma mod ta' trasport eċċellenti għall-prodotti bażiċi li joriġinaw minn swieq ġodda tal-ekonomija ċirkolari u li l-koordinazzjoni tal-politiki tat-trasport, ambjentali u industrijali hija kruċjali biex jinħatfu dawn l-opportunitajiet;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu aħjar il-fatt li dawk li joperaw fis-settur tal-ilmijiet navigabbli interni spiss huma familji bit-tfal abbord u jinvestu f'faċilitajiet adegwati u regolari tul ir-rotot tal-ilmijiet navigabbli biex jipprovdu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti matul il-vjaġġ;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal qafas regolatorju u ta' governanza f'konformità mal-programm ta' azzjoni NAIADES li jmiss, li jiżgura armonizzazzjoni u standardizzazzjoni fil-livell tal-UE għall-kwalità tan-navigabilità, il-bastimenti u l-kwalifiki tal-ekwipaġġi; jindika li dan il-qafas għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-investimenti, il-programmi ta' azzjoni u d-diversi korpi involuti fl-iżvilupp tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, inklużi l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE, il-koordinaturi tat-TEN-T, il-kummissjonijiet tax-xmajjar u l-kumitati tal-istandardizzazzjoni; jenfasizza l-opportunità li tiġi mfassla bidla modali potenzjali fit-trasport ta' merkanzija lejn l-ilmijiet navigabbli interni permezz tal-programm ta' azzjoni NAIADES III; jenfasizza li din il-bidla modali u koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki industrijali u tat-trasport jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, li jirrikjedi li kważi s-setturi industrijali kollha jgħaddu minn trasformazzjoni sostenibbli u ċirkolari;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni espressa fl-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti li tittrasferixxi aktar merkanzija mit-toroq għall-ilmijiet navigabbli interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra, inkluż it-trasport tal-merkanzija reġjonali, urban u interurban; jisħaq, madankollu, fuq il-potenzjal konsiderevoli mhux sfruttat u l-ambitu għall-espansjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex regolarment tevalwa u żżid l-ambizzjonijiet tagħha għall-għanijiet tal-bidla modali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u biex tikseb il-benefiċċji tas-settur; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tappoġġja l-użu tal-aħjar prattiki fl-integrazzjoni tas-servizzi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni f'katini ta' loġistika multimodali; jisħaq li huma meħtieġa investimenti f'disinji ta' vapuri aktar flessibbli u innovattivi u fl-ekoloġizzazzjoni tal-flotta eżistenti tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, fl-iżvilupp inter alia ta' vapuri adattati għax-xmajjar u soluzzjonijiet oħra maturi u sostenibbli biex tiġi pprovduta alternattiva aktar kompetittiva u sostenibbli għat-trasport bit-triq;

5.  Jisħaq li aktar investiment u investiment regolari fl-espansjoni, l-aġġornament u t-titjib tal-infrastruttura fiżika u diġitali tal-ilmijiet navigabbli interni, bħal imgħalaq, pontijiet u l-introduzzjoni interoperabbli ta' teknoloġiji diġitali bejn il-fruntieri, huwa essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività tas-settur, biex jiġi evitat it-tnaqqis fl-importanza tiegħu, biex jitjiebu l-prestazzjoni, l-affidabilità u l-prevedibilità fit-tul tiegħu bejn il-fruntieri, biex tkun possibbli navigabilità ta' kwalità u biex tiġi ffaċilitata l-bidla modali, filwaqt li jiġu rrispettati l-kwistjonijiet relatati mal-bijodiversità u l-liġi ambjentali applikabbli, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(11) u d-Direttivi dwar in-Natura(12); jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, b'attenzjoni partikolari li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-fawna u l-flora fi proġetti ta' infrastruttura;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligu tagħhom li jlestu n-network ewlieni tat-TEN-T tal-ilmijiet navigabbli interni sal-2030 u jistieden lill-Kummissjoni u lill-koordinaturi tat-TEN-T biex isaħħu s-sorveljanza tagħhom f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jeliminaw il-konnessjonijiet neqsin, jindirizzaw il-konġestjonijiet u jippromwovu infrastruttura fiżika u diġitali ta' kwalità; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiżdiedu l-investimenti f'infrastruttura multimodali adegwata fil-portijiet u l-konnessjonijiet maż-żoni interni tal-portijiet interni, bħal konnessjonijiet ferrovjarji u terminals mingħajr xkiel, u li tiżdied il-kapaċità tal-ħżin tagħhom biex jiġi ffaċilitat it-trasport multimodali kompetittiv fl-Ewropa flimkien mat-titjib tal-prestazzjoni tal-katina tal-provvista tagħhom;

7.  Iqis li huwa meħtieġ li jiġi introdott approċċ ta' network fuq żewġ livelli, billi n-network ewlieni eżistenti tal-ilmijiet navigabbli interni jiġu kkomplementati b'network komprensiv ta' ilmijiet navigabbli interni, biex jingħata spinta t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jirrimarka li l-ilmijiet navigabbli interni li huma konnessi ma' portijiet tal-baħar u li m'għandhomx status ta' klassi IV iżda għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-esternalitajiet ambjentali negattivi, inkluż il-konġestjoni tat-toroq, għandhom jiġu kkunsidrati għan-network komprensiv; jisħaq fuq il-ħtieġa, għaldaqstant, li n-network TEN-T jiġi estiż biex jinkorpora sezzjonijiet ġodda ta' ilmijiet navigabbli interni fin-networks ewlenin u komprensivi biex jiġu stabbiliti ċentri tat-trasport multimodali ġodda;

8.  Iqis li huwa importanti li jiġi rikonoxxut il-potenzjal mhux sfruttat tal-ilmijiet navigabbli iżgħar biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni diretta mat-trasport bit-triq, billi jiġi żgurat network dettaljat, komprensiv u kumpless li jinżamm aġġornat u navigabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tranżizzjoni diġitali tagħti prijorità kemm lill-ilmijiet navigabbli kbar kif ukoll lill-ilmijiet navigabbli iżgħar;

9.  Jissottolinja l-potenzjal sinifikanti tar-riabilitazzjoni tal-ilmijiet navigabbli u l-kanali ta' konnessjoni, speċjalment f'reġjuni li għal għexieren ta' snin sofrew minn investiment insuffiċjenti fl-infrastruttura tal-ilmijiet navigabbli interni;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu impenjati fil-proċess tal-ippjanar multidixxiplinari għal proġetti ta' navigazzjoni u miżuri ta' manutenzjoni biex jitfasslu soluzzjonijiet aċċettati b'mod komuni skont il-leġiżlazzjoni tal-UE;

11.  Jinnota li t-trasport fl-ilmijiet navigabbli jeħtieġ network ta' infrastruttura aktar effettiva, affidabbli, sikura u reżiljenti għat-tibdil fil-klima biex tiġi indirizzata aħjar il-problema tal-għargħar u l-livelli baxxi tal-ilma, li se tiggrava minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima; jiddeplora l-fatt li l-problemi li jaffettwaw is-settur tal-ilmijiet navigabbli interni, ikkawżati mill-għargħar u l-livelli baxxi tal-ilma, ma tqisux kif dovut u li huwa kruċjali li tiġi żgurata n-navigabilità; jisħaq fuq il-ħtieġa, għaldaqstant, li tittieħed azzjoni koerenti, bħall-adattament tal-flotot, inkluż it-tip ta' bastimenti, il-kwantità tal-flotta u l-kapaċità ta' riżerva, l-ottimizzazzjoni tad-disinn tal-bastimenti, filwaqt li titqies il-versatilità tal-bastimenti tal-ilmijiet navigabbli interni, jiġu żgurati ġestjoni u żvilupp aħjar tal-infrastruttura, tiġi pprovduta informazzjoni aktar preċiża dwar il-livelli tal-ilma u t-tbassir, ikun hemm kooperazzjoni mal-ferroviji waqt perjodi ta' ilma baxx, jiġu mfassla kuntratti ta' kiri għal perjodu ta' żmien speċifiku għal bastimenti li jistgħu joperaw matul perjodi tal-marea baxxa, jiġu implimentati għodod diġitali u tiżdied l-kapaċità ta' ħżin fil-portijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-livelli baxxi tal-ilma u jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinazzjoni għal dan il-għan;

12.  Jisħaq fuq l-importanza tal-użu ta' data u servizzi spazjali għas-servizzi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni biex jiġi żgurat settur aktar sikur, sostenibbli, effiċjenti u kompetittiv; iqis, b'mod partikolari, li servizzi ġodda fil-programmi Galileo u Copernicus u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) għandhom jiġu inklużi fir-rieżami tad-Direttiva ITS(13) u inizjattivi leġiżlattivi oħra dwar il-mobilità intelliġenti;

Ekoloġizzazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni

13.  Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata t-tranżizzjoni tal-enerġija b'mod kosteffiċjenti u aċċessibbli, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-firxa diversa fit-tipi ta' bastimenti, billi jiżdiedu malajr id-disponibilità u l-introduzzjoni ta' taħlita eteroġena ta' fjuwils alternattivi nodfa, infrastruttura ta' fjuwils alternattivi u metodi ta' propulsjoni għat-trasport marittimu b'approċċ ta' network u f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; jirrikonoxxi, barra minn hekk, l-użu tal-għażliet kollha li jistgħu jintużaw faċilment biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tan-navigazzjoni interna, inkluż it-tranżizzjoni bejn il-fjuwils u s-sistemi tranżizzjonali; jenfasizza, għal darb'oħra, li tranżizzjoni enerġetika fin-navigazzjoni interna hija essenzjali biex tinkiseb l-aġenda newtrali għall-klima sal-2050;

14.  Jindika li hemm nuqqas ta' soluzzjonijiet newtrali għall-klima li huma lesti għas-suq u li l-awtoritajiet għandhom għaldaqstant ikunu intitolati għal finanzjament għall-bini tal-kapaċitajiet biex jgħinu lis-settur jikseb aċċess għall-finanzjament u jappoġġawh fi triqtu lejn in-newtralità klimatika; jenfasizza l-importanza li jingħata aktar inċentiv għall-proġetti ta' riċerka u żvilupp għall-fjuwils u t-teknoloġiji li jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-impatt fuq il-klima u l-ambjent biex il-flotot jiżdiedu malajr u jinbnew ktajjen ta' provvista u ekonomiji ta' skala; jirrikonoxxi l-potenzjal li s-settur tal-ilmijiet navigabbli interni jaġixxi bħala riżorsa tal-ittestjar u katalizzatur għal effetti konsegwenzjali pożittivi fis-settur tat-trasport marittimu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa pjan direzzjonali realistiku biex is-sustanzi niġġiesa u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jkomplu jitnaqqsu b'tali mod li s-settur li jopera fl-ilmijiet navigabbli interni jkun dekarbonizzat, filwaqt li jitħarsu l-kompetittività, l-affidabilità u s-sikurezza;

15.  Jissottolinja r-rwol partikolari li l-ilmijiet navigabbli interni għandu jkollhom fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Idroġenu, kemm f'termini ta' alimentazzjoni nadifa tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni kif ukoll għall-importanza kruċjali tal-ilmijiet navigabbli interni u l-portijiet tagħhom għad-distribuzzjoni nadifa u effiċjenti tal-idroġenu tul in-networks tat-trasport u r-raggruppamenti tal-industrija tal-UE;

16.  Jenfasizza li alternattivi li jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-impatt fuq il-klima u l-ambjent għandhom isiru disponibbli b'mod mifrux, aktar ekonomikament aċċessibbli u finanzjarjament attraenti fil-konfront ta' propulsjonijiet konvenzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi aċċelerat l-użu ta' dawn l-alternattivi billi, pereżempju, jiġi żgurat perċentwal realistiku ta' taħlit ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt li tkopri analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwils u skont il-kriterji ta' sostenibilità tal-UE, kif ukoll permezz ta' stabilità regolatorja u appoġġ finanzjarju, inkluż l-għoti ta' inċentivi fiskali mill-Istati Membri; iqis, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità li jistabbilixxu rata ta' taxxa dekrexxenti jew rata ta' taxxa żero għall-użu ta' elettriku minn fuq l-art u soluzzjonijiet sostenibbli oħra; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tappoġġja u tinċentiva b'mod sostanzjali l-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti għall-adozzjoni ta' fjuwils u teknoloġiji alternattivi sostenibbli;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li tfassal skema tal-UE ta' tikkettar tal-emissjonijiet għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, li tipprovdi informazzjoni faċilment disponibbli dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bastimenti, tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u toħloq ambjent stabbli għad-deċiżjonijiet ta' investiment u li għandha twassal għal argument kummerċjali vijabbli u redditu fuq l-investiment għall-ispedituri; jenfasizza li l-mira ta' din l-iskema trid tkun li l-emissjonijiet jitnaqqsu b'mod effettiv u li s-settur jingħata għajnuna permezz ta' aċċess aħjar għal finanzjament, self u garanziji bbażati fuq il-prestazzjoni tal-emissjonijiet tiegħu, jitjieb il-monitoraġġ tal-emissjonijiet, jinħolqu benefiċċji bl-għoti ta' inċentivi lill-awtoritajiet portwarji biex jagħmlu distinzjoni bejn in-nollijiet tal-infrastruttura tal-portijiet, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar is-settur kollu kemm hu jsir aktar attraenti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida prattika u sett ta' għodod dwar il-fjuwils sostenibbli u l-possibilitajiet teknoloġiċi għall-bastimenti tal-ilmijiet navigabbli interni u tal-baħar fuq distanzi qosra b'appoġġ għas-sidien tal-bastimenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom; jenfasizza li l-enfasi għandha tkun fuq it-tipi ta' bastimenti tal-ilmijiet navigabbli interni u dawk tal-baħar fuq distanzi qosra minħabba l-karatteristiċi tekniċi simili tagħhom;

18.  Jindika li l-kostruzzjoni modulari tal-bastimenti tipprovdi flessibilità, prevedibilità u ffrankar tal-ispejjeż; jisħaq, f'dan ir-rigward, li komponenti, disinn u żvilupp standardizzati tal-bastimenti joħolqu bażi tajba li tista' tintuża b'modi differenti (intermodalità), u barra minn hekk jiffaċilitaw il-modifika retroattiva ta' sistemi ta' propulsjoni aktar sostenibbli hekk kif jidħlu fis-suq; jaċċentwa li minbarra l-benefiċċji ambjentali, il-kostruzzjoni modulari tista' twassal għal iffrankar fl-ispejjeż u tgħin biex jitnaqqsu r-riskji bis-saħħa ta' proċess prevedibbli tal-produzzjoni u tal-kostruzzjoni, u għaldaqstant għandha tiġi inċentivata u promossa;

19.  Jemmen li, fid-dawl tal-għanijiet klimatiċi tagħna, is-settur tat-tbaħħir jista' joffri trasport aktar sostenibbli u li jibqa' validu fil-futur; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom rwol ta' kollegament u koordinazzjoni f'din il-fażi ta' żvilupp u jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-utenti tal-ilmijiet navigabbli interni u l-industrija tal-bini tal-bastimenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jvaraw proġetti pilota b'soluzzjonijiet innovattivi bħal kontenituri tal-batteriji skambjabbli; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-bżonn urġenti ta' appoġġ għall-innovazzjoni, pjan ta' finanzjament tal-UE, faċilitazzjoni taċ-ċertifikazzjoni u permessi ta' tbaħħir

20.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tranżizzjoni enerġetika tal-portijiet u t-tarzni speċjalizzati tagħhom, fejn isiru l-bini, il-konverżjoni u l-modifika retroattiva tal-bastimenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jallokaw finanzjament u investiment adegwat għall-iżgurar ta' kapaċità suffiċjenti u infrastruttura adegwata fil-portijiet sabiex jiġi ffaċilitat it-tiġdid tal-flotta u t-tranżizzjoni enerġetika tas-settur marittimu; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżvilupp ta' sorsi alternattivi ta' enerġija għall-bastimenti jirrikjedi provvista tal-enerġija u infrastruttura ta' riforniment xierqa fuq l-art;

21.  Jenfasizza li l-ekoloġizzazzjoni tal-flotta m'għandhiex tiffoka biss fuq l-indirizzar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, iżda timmira wkoll li tnaqqas it-tniġġis tax-xmajjar; jenfasizza l-importanza, għaldaqstant, li jiġu offruti faċilitajiet għar-rimi tal-iskart fil-portijiet u li jiġi promoss l-użu ta' żebgħa antifouling innovattiva u teknoloġiji avvanzati tal-manutenzjoni tal-buq, bħal pereżempju droni taħt l-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ta' governanza għall-monitoraġġ tat-tniġġis tal-baċiri tax-xmajjar, li jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-miżuri, l-investimenti u l-programmi ta' azzjoni nazzjonali u tal-UE;

22.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata ġestjoni korretta u trażversali tar-riżorsi tal-ilma, li tinvolvi l-amministrazzjoni tas-sistemi idrawliċi, it-trawwim tal-iżvilupp tal-idroelettriku, il-garanzija tal-użi differenti tal-ilma u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; jenfasizza, għalhekk, li l-ġestjoni tal-ilma għandha tinvolvi l-partijiet ikkonċernati tat-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, l-industrija u l-ambjent;

Id-diġitalizzazzjoni u n-navigazzjoni awtonoma

23.  Jinnota li d-diġitalizzazzjoni u l-ġbir ta' data estensivi jistgħu jikkontribwixxu għal ambjent aktar nadif u sikurezza mtejba abbord u jwasslu għal rotot aktar effiċjenti, inqas konġestjoni fil-portijiet u komunikazzjoni u skambju ta' informazzjoni aħjar bejn il-bastimenti, il-portijiet u l-infrastruttura; jindika li d-diġitalizzazzjoni tista' toffri benefiċċji sinifikanti f'termini ta' sikurezza u effiċjenza enerġetika għall-ġbir u l-analiżi ta' data dwar is-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, filwaqt li tikkontribwixxi għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet; jitlob li jkun hemm strateġija biex jiġu żviluppati u implimentati teknoloġiji diġitali u awtomatizzati fis-settur tal-ilmijiet navigabbli interni, li għandha tiddeskrivi kemm l-istandards interoperabbli bejn il-modi u l-fruntieri kif ukoll l-azzjonijiet u l-finanzjament tar-riċerka meħtieġa, inkluż permezz ta' sejħiet apposta fil-qafas ta' Orizzont Ewropa; jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġu aġġornati l-istandards tekniċi fil-Kumitat Ewropew għat-Tfassil ta' Standards fin-Navigazzjoni Interna (CESNI) u li jkomplu jiġu armonizzati s-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (RIS), għax jekk dan isir, jiġu ssimplifikati l-proċeduri fil-qasam tar-regolamentazzjoni tan-navigazzjoni interna, jitnaqqsu l-problemi li jirriżultaw minn interpretazzjonijiet differenti tal-istandards tekniċi u min-nuqqas ta' data komparabbli, u jingħata lok għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni rapidi ta' soluzzjonijiet innovattivi; jissottolinja l-ħtieġa għat-tħejjija ta' qafas komuni għall-iskambju interoperabbli tad-data bejn il-modi tat-trasport;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura użu diġitali armonizzat u aċċettazzjoni tad-dokumenti elettroniċi tal-ekwipaġġ u l-bastimenti fl-UE kollha malajr kemm jista' jkun, li jsaħħu l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet soċjali u tal-impjiegi, itejbu l-effiċjenza u l-attraenza tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u l-interazzjoni u l-integrazzjoni bla xkiel tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ma' modi oħra ta' trasport, u jagħtu spinta lill-interoperabilità tas-sistemi ta' skambju ta' data tul il-katina loġistika kollha; jenfasizza li n-nuqqas ta' mistrieħ xieraq għall-ħaddiema abbord jista' joħloq riskji konsiderevoli għas-sikurezza; jenfasizza, għalhekk, li kapaċità ta' kontroll diġitali affidabbli u f'ħin reali għall-qari, il-ħżin u l-ġenerazzjoni ta' data dwar il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ tal-ħaddiema abbord hija kruċjali;

25.  Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-implimentazzjoni rapida tar-Regolament dwar l-Informazzjoni Elettronika dwar it-Trasport tal-Merkanzija (eFTI)(14), biex l-operaturi tat-trasport ikunu jistgħu jikkondividu l-informazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar b'mod rapidu, faċli u b'format diġitali;

26.  Jinnota li l-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni tad-data huma għodda kruċjali tal-ġestjoni tar-riżorsi sabiex tissaħħaħ l-affidabilità tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u jiżdied l-użu tiegħu fil-ktajjen tal-loġistika; jinnota li d-data jeħtieġ tkun interkonnessa ma' infrastruttura intelliġenti biex tippermetti ppjanar effiċjenti u komunikazzjoni ma' mezzi oħra ta' trasport b'tali mod li jiġu ffaċilitati l-multimodalità u s-sistemi sinkromodali; jinnota l-potenzjal tal-pjattaformi tad-data integrati biex tiżdied it-trasparenza, bħal pereżempju fir-rigward tat-traċċar u tal-kontroll, u l-effiċjenza, bħal pereżempju fir-rigward tal-ippjanar tar-rotot u l-ġestjoni tal-assi;

27.  Jenfasizza l-importanza li tinġabar data dwar is-sistema loġistika Ewropea f'koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti bi tħejjija għall-proposta ta' Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat(15) riveduta u miżuri oħra li jiżguraw aktar effiċjenza fl-ippjanar loġistiku u fl-użu tal-infrastruttura fiżika; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tħejji ħarsa ġenerali intermodali tal-fluss ta' merkanzija u kontejners li jidħlu fl-Ewropa u r-rotot segwiti mill-merkanzija sad-destinazzjoni finali tagħha, billi dan jista' jkun ta' benefiċċju għat-tfassil ta' politika effettiva dwar bidla modali; iqis li l-għoti ta' spinta lill-bidla modali għandu jitqies bħala prijorità peress li bħalissa l-kontejners marittimi mhux dejjem jiġu ttrasportati b'mod effiċjenti mill-portijiet marittimi għaż-żoni interni, u dan iwassal għal spejjeż ogħla u ħin itwal tal-ivvjaġġar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-valur miżjud tal-algoritmi u l-intelliġenza artifiċjali fit-trasport tal-kontejners lejn iż-żoni interni sabiex jittejjeb l-ippjanar u l-ipproċessar f'dan ir-rigward;

28.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu konnessi l-oqfsa diġitali eżistenti tal-politika tat-trasport u li jiġi żgurat li d-data dwar it-trasport multimodali tkun disponibbli permezz ta' punt uniku ta' aċċess biex titjieb l-effiċjenza fit-trasport tal-merkanzija fuq l-ilma u tiġi żgurata l-interoperabilità tad-data ma' modi oħra ta' trasport; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, toħloq pjan ta' azzjoni tal-UE għall-infrastruttura diġitali tat-trasport multimodali li tippermetti l-kondiviżjoni u l-interoperabilità tad-data, bl-għan li tinkiseb sistema tat-trasport sinkromodali, konnessa u awtomatizzata sa mhux aktar tard mill-2035; iqis li hemm bżonn struttura ta' governanza speċifika għal monitoraġġ, evalwazzjoni u titjib kontinwu u regolari sabiex jintużaw l-aktar teknoloġiji u innovazzjonijiet aġġornati;

29.  Jindika l-ħtieġa ta' inċentivi għall-iżvilupp ta' pjattaformi diġitali multimodali fil-portijiet; jitlob, f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' proġett ta' valur miżjud Ewropew għan-navigabilità u l-konnessjoni multimodali tal-kurituri tal-ilmijiet navigabbli interni tat-TEN-T;

30.  Jenfasizza l-potenzjal kbir tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għall-ivvjaġġar awtonomu fuq l-ilma u jenfasizza li aktar awtomatizzazzjoni tqarreb ir-realtà tat-trasport sinkromodali fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni miftuħa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, tikkunsidra r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kollha relatata sabiex tiffaċilita l-adozzjoni tat-tbaħħir awtonomu, partikolarment fir-rigward tar-responsabilitajiet tal-ekwipaġġ f'emerġenzi jew f'każ ta' falliment tas-sistema, kjarifika tal-kwistjonijiet ta' responsabilità f'każ ta' danni u, b'mod aktar ġenerali, fir-rigward tal-aspetti tas-sikurezza tal-bastimenti awtonomi, sabiex jintlaħaq ċertu livell ta' armonizzazzjoni u tiżdied l-adozzjoni tat-teknoloġija fil-livell tal-UE; jinsisti, għaldaqstant, fuq il-ħolqien ta' pjan direzzjonali Ewropew għal sistemi ta' trasport intelliġenti u awtonomi fl-ilmijiet navigabbli interni li għandu jappoġġja l-leġiżlazzjoni orjentata lejn il-futur, ir-riċerka, l-iżvilupp, il-proġetti pilota, il-laboratorji fil-post u l-implimentazzjoni b'suċċess ta' vapuri awtonomi, portijiet intelliġenti u interoperabilità diġitali abbażi ta' sistemi ta' trasport intelliġenti, kif ukoll jiżgura l-adozzjoni ta' kontroll mill-bogħod tal-bastimenti u ġestjoni mill-bogħod tal-imgħalaq; jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dan ir-rigward, ta' infrastruttura intelliġenti u taħriġ, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid meħtieġa għall-ekwipaġġ, li jistgħu jiġu appoġġjati fl-ambitu tat-taqsima tal-investimenti soċjali u l-ħiliet tal-programm InvestEU; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kontribut siewi tal-istandards tas-CESNI għall-ekwipaġġ, il-bastimenti u t-teknoloġija tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza d-diġitalizzazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-benefiċċji rapidi (l-iskambju mingħajr karti) tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, filwaqt li tqiegħed is-sisien għal settur awtonomu;

31.  Jenfasizza li navigazzjoni awtonoma sikura u sigura tirrikjedi kondiviżjoni standardizzata tal-informazzjoni li tmur lil hinn mill-pożizzjoni tal-antenna tal-bastimenti, bħall-attitudni tal-bastimenti, il-kontorn tal-buq u modifiki fl-ilmijiet navigabbli sabiex jiġu ġestiti l-operazzjonijiet awtonomi, jiġu prevenuti l-kolliżjonijiet potenzjali bejn bastimenti li jużaw l-istess kanal navigabbli, u biex il-kaptani jingħataw l-aktar informazzjoni aġġornata dwar il-kanal navigabbli; jenfasizza l-potenzjal tas-soluzzjonijiet spazjali bħala faċilitaturi għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u l-kontribut siewi tal-assi spazjali tal-UE Galileo, EGNOS u Copernicus f'dan ir-rigward;

Portijiet li jibqgħu validi fil-futur: ċentri enerġetiċi u ċirkolari

32.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-portijiet interni bħala nodi strateġiċi u multimodali fis-sistema loġistika; jenfasizza, għaldaqstant, li l-portijiet interni u l-portijiet tal-baħar għandu jkollhom konnessjonijiet effiċjenti maż-żoni interni, partikolarment mal-infrastrutturi ferrovjarji, u dawn għandhom jinkludu faċilitajiet tat-trażbord, b'enfasi fuq konnessjoni man-networks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T fejn ikun possibbli; jappoġġja raggruppament u kooperazzjoni akbar bejn il-portijiet tal-baħar u dawk interni;

33.  Jenfasizza l-importanza tal-portijiet marittimi biex tkun tista' ssir bidla modali lejn it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jinnota li t-titjib tar-raggruppar tal-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni jiffaċilita żieda fl-effiċjenza tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni lejn il-portijiet marittimi u mill-portijiet marittimi; jenfasizza li kooperazzjoni mill-qrib bejn id-diversi portijiet interni u tal-baħar u l-partijiet ikkonċernati kollha fil-katina loġistika, bħal fil-qasam tas-sostenibilità, toħloq aktar possibilitajiet għal titjib f'termini ta' kosteffiċjenza u effiċjenza operattiva u tibbenefika l-iżvilupp reġjonali u l-impjiegi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-portijiet interni jżommu l-konnessjonijiet ferrovjarji eżistenti u li l-Istati Membri jagħtu prijorità lit-titjib tan-network tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tagħhom sabiex jiżguraw il-flussi tat-trasport intermodali bejn l-ilmijiet navigabbli interni u l-ferroviji;

35.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għandha tqis id-domanda potenzjali u l-karatteristiċi tas-suq tal-portijiet meta jiġu mfassla l-mogħdijiet potenzjali lejn settur tal-ilmijiet navigabbli interni newtrali għall-klima; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-fatt li strateġija Ewropea tal-introduzzjoni ta' fjuwils alternattivi għall-użu multimodali u industrijali permezz tar-reviżjoni tat-TEN-T u d-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi għandha ssegwi approċċ ta' network li joffri infrastruttura ppjanata b'mod effiċjenti, ibbażata fuq il-karatteristiċi potenzjali tad-domanda tas-suq ta' port u ż-żoni interni tiegħu, tul ir-rotot tal-ilma, skont il-prinċipju ta' newtralità teknoloġika; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-potenzjal ta' sistema ta' infrastruttura, flessibbli bħall-użu ta' ġeneraturi mobbli tal-enerġija, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta soluzzjonijiet flessibbli għad-distribuzzjoni u l-provvista tal-fjuwil, pereżempju skemi ta' kiri għal bastimenti;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu s-sinerġiji bejn l-infrastruttura tal-ilmijiet navigabbli interni u n-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija, u dan jiffaċilita it-tranżizzjoni enerġetika tan-navigazzjoni interna u jappoġġja l-iżvilupp tal-portijiet bħala hubs tal-enerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' integrazzjoni aħjar tal-infrastruttura tal-ilmijiet navigabbli interni fil-grilja tal-enerġija Ewropea biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-provvista tal-enerġija fuq l-art; jenfasizza, barra minn hekk, il-potenzjal tal-ilmijiet navigabbli interni għat-trasport ta' fjuwils alternattivi; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena infrastruttura elettrika fil-portijiet interni Ewropej sabiex jiġu akkomodati bastimenti b'sorsi ta' enerġija elettrika fil-futur u li jiżdiedu u jittejbu l-faċilitajiet u t-tagħmir ipprovduti fl-irmiġġ u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u t-tniġġis tal-arja fil-portijiet u ż-żoni ta' madwarhom, f'konformità mal-objettiv ta' tniġġis żero fl-irmiġġ;

37.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-fluwidità fil-portijiet billi tiġi żgurata biżżejjed kapaċità ta' rmiġġ u żoni ta' stennija għall-bastimenti interni;

38.  Jenfasizza l-potenzjal tal-ilmijiet navigabbli interni għat-trasport ta' oġġetti u skart perikolużi, li jirrikjedi investimenti f'infrastruttura u bastimenti adegwati u sikuri u forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati; jenfasizza r-rwol promettenti tal-portijiet fl-ekonomija ċirkolari u l-potenzjal speċjali tal-ilmijiet navigabbli interni għat-trasport ta' prodotti bażiċi li joriġinaw minn swieq ċirkolari ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tistabbilixxi rabta aktar soda bejn il-politika tagħha dwar l-ekonomija ċirkolari u l-politika dwar it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tiżviluppa miżuri li jappoġġjaw l-attivitajiet tal-ekonomija ċirkolari fil-portijiet u biex tippromwovi l-kunċett ta' valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja bil-għan li jingħata bidu għal djalogu u biex il-portijiet interni jiġu mħeġġa jfasslu sistemi ta' ġestjoni integrati, fost l-oħrajn għall-ilma, l-enerġija, l-iskart, is-siti ta' kostruzzjoni, l-ippjanar tal-ispazju u ż-żoni ekoloġiċi urbani sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom li jsiru ċentri tal-enerġija ċirkolari u tal-enerġija nadifa;

L-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u r-riċerka u l-innovazzjoni

39.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati l-edukazzjoni u t-taħriġ fin-navigazzjoni interna, b'enfasi fuq l-iżvilupp ta' ħiliet ekoloġiċi u diġitali u li jiġu megħluba l-ostakli lingwistiċi, biex b'hekk jinħolqu impjiegi attraenti għaż-żgħażagħ u għan-nisa, b'attenzjoni kif jixraq fuq livelli għoljin u armonizzati ta' kwalifiki u standards soċjali u tas-sikurezza; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-iżvilupp ulterjuri tal-istandards tas-CESNI biex jiġu żgurati l-ħiliet meħtieġa għall-membri tal-ekwipaġġ ta' bastimenti tan-navigazzjoni interna; jenfasizza l-bżonn ta' skemi ta' taħriġ obbligatorji, kontinwi u regolari għall-membri kollha tal-ekwipaġġ, inklużi korsijiet ta' skambju internazzjonali, sabiex jiġi promoss it-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid, il-mobilità ottimali tal-ħaddiema u s-sikurezza fis-settur kollu; jenfasizza l-ħtieġa ta' standards ta' saħħa u sikurezza f'konformità mal-prinċipju li ma jkunx hemm aċċident; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jimplimentaw kif jixraq id-Direttiva (UE) 2017/2397 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna sas-17 ta' Jannar 2022;

40.  Jissottolinja l-importanza li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u salarji deċenti fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jitlob kopertura tas-sigurtà soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha abbord biex jiġi indirizzat kwalunkwe tidwir mal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali ċara fis-settur tat-trasport bl-ilmijiet navigabbli interni; jenfasizza l-bżonn li jiġu salvagwardjati l-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-membri tal-ekwipaġġi Ewropej u minn pajjiżi terzi;

41.  Jindika l-importanza ta' aktar kooperazzjoni u sinerġiji bejn l-inizjattivi u l-istituti differenti ta' riċerka u innovazzjoni billi jiġu kondiviżi l-għarfien, id-data, l-għarfien espert u l-aħjar prattiki u billi fuq pjattaforma pubblika titqiegħed għad-dispożizzjoni ħarsa ġenerali tal-proġetti li għaddejjin;

42.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta' proġetti ta' bastimenti innovattivi għall-ilmijiet navigabbli interni u l-infrastruttura portwarja korrispondenti fl-ambitu tas-sħubija Orizzont Ewropa dwar it-trasport fuq l-ilma mingħajr emissjonijiet;

Pjan ta' finanzjament tal-UE

I.Possibilitajiet ta' finanzjament permezz ta' strumenti ta' finanzjament eżistenti tal-UE

43.  Jenfasizza l-possibilità ta' strumenti ta' finanzjament eżistenti tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur Ewropew tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), Orizzont Ewropa u l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF); jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-istrumenti jiġu mmobilizzati biex jitlestew in-networks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T, jiġu ffinanzjati l-investimenti fl-iżvilupp u l-adozzjoni ta' fjuwils alternattivi sostenibbli u sistemi ta' propulsjoni alternattivi għall-bastimenti u l-infrastruttura meħtieġa, biex ikunu possibbli sinerġiji intelliġenti bejn it-trasport, l-enerġija, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u d-diġitalizzazzjoni, u biex jiġu żgurati l-modernizzazzjoni u r-reżiljenza tal-ilmijiet navigabbli interni; jenfasizza, madankollu, li dawn l-istrumenti ta' finanzjament mhux dejjem ikunu adatti għall-SMEs, negozji tal-familja u intrapriżi mikro oħra, għax proġetti iżgħar jissograw li ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa, barra minn hekk, li tingħata ċarezza dwar il-finanzjament sostenibbli u l-investimenti privati fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni;

44.  Ifakkar li t-tranżizzjoni enerġetika lejn in-newtralità klimatika hija sfida teknoloġika u finanzjarja għas-settur tan-navigazzjoni interna, li tirrikjedi l-appoġġ xieraq; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jeħtiġilhom jaħtfu l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bħala opportunità ta' finanzjament unika għall-ilmijiet navigabbli interni, li tgħaqqad l-effetti ta' rkupru ekonomiku b'terminu qasir mal-benefiċċji fit-tul ta' investimenti mmirati fl-infrastruttura u t-trasport marittimu;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-riżorsi interni tagħha għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni NAIADES, inklużi r-riżorsi umani, u ġġibhom konformi mal-ambizzjonijiet għas-settur fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku, il-bidla modali u l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti;

46.  Jissottolinja, barra minn hekk, li l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fil-portijiet marittimi u madwar il-portijiet marittimi huma ta' importanza kbira ħafna; iqis il-bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati kollha tal-katina tal-valur tal-loġistika;

II.Il-ħtieġa ta' fond tal-UE għall-ilmijiet navigabbli interni

47.  Jenfasizza li t-triq lejn settur tal-ilmijiet navigabbli interni newtrali għall-klima u t-tranżizzjoni enerġetika mixtieqa se toħloq diskrepanza ta' kważi EUR 10 biljun(16) fil-finanzjament, li ma tistax tiġi ffinanzjata biss mis-settur; jenfasizza, barra minn hekk, in-nuqqas ta' argument kummerċjali għas-sidien ta' bastimenti privati biex jinvestu f'teknoloġiji ta' propulsjoni li jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-impatt fuq il-klima u l-ambjent; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-appoġġ pubbliku u investimenti privati għal dan il-għan;

48.  Jenfasizza li s-settur tal-ilmijiet navigabbli interni jikkonsisti l-aktar f'SMEs, negozji tal-familja u portijiet iżgħar, li jagħmilha diffiċli għalihom li jagħmlu investimenti kbar biex jikkonformaw mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku; iqis, għaldaqstant, li l-iskalabilità tal-investimenti meħtieġa għandha tittejjeb, il-piżijiet amministrattivi għandhom jitnaqqsu, u l-aċċess għall-finanzjament għandu jissaħħaħ;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tistabbilixxi fond tal-UE tal-ilmijiet navigabbli interni speċifiku għat-tranżizzjoni sostenibbli, inkluża sistema ta' punt uniku ta' servizz li tkun faċilment aċċessibbli għall-għajnuna u l-assistenza u li jkollha l-possibilità li tikkombina l-proġetti f'applikazzjoni waħda, u b'hekk iżżid il-possibilitajiet għal finanzjament; jenfasizza li l-fond għandu jikkomplementa l-fondi ta' riżerva eżistenti maħluqa fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 546/2014(17) b'kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali sinifikanti minn strumenti ta' finanzjament nazzjonali u tal-UE kif ukoll minn investimenti privati u pubbliċi, sabiex isir l-aħjar użu mill-investimenti ulterjuri mill-industrija u tiġi indirizzata d-diskrepanza attwali fl-investiment fil-finanzjament tat-tranżizzjoni sostenibbli; jenfasizza li dan il-fond għandu wkoll jipprevedi l-possibilità ta' taħlit mal-FNE, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment, inkluż il-Fond ta' Koeżjoni, u strumenti ta' finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

50.  Jenfasizza li dan il-Fond apposta għandu jiffoka fuq il-modifika retroattiva u t-tiġdid tal-bastimenti bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti u jiġu appoġġjati l-investimenti f'teknoloġiji innovattivi u li jiffrankaw l-enerġija kif ukoll fl-infrastruttura tal-portijiet, partikolarment l-użu ta' fjuwils alternattivi, u b'hekk jiġu megħjuna l-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, irkupru sostenibbli u sistema tat-trasport aktar sostenibbli b'mod ġenerali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-vijabilità tal-inklużjoni ta' skema Ewropea ġdida tal-iskrappjar u t-tiġdid tal-flotta bħala parti mill-fond, filwaqt li jitqiesu kif jixraq l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bastimenti kkonċernati, sabiex tiġi ffaċilitata bidla rapida lejn in-newtralità klimatika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet li fihom iseħħ l-iskrappjar u jenfasizza li ċ-ċirkolarità hija kruċjali;

III.Finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment

52.  Ifakkar li l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jipprovdi finanzjament għal self kapitali attraenti, inkluż għall-industrija tal-bini tal-vapuri; iqis, madankollu, li t-twettiq u l-effikaċja tal-finanzjament tal-BEI jiddependu fuq l-aċċessibilità tiegħu, għaldaqstant jinsisti fuq:

   i) l-iżgurar li l-Programm ta' Garanzija għal Trasport Marittimu Ekoloġiku tal-BEI ikun japplika wkoll għal tranżazzjonijiet iżgħar, inklużi kundizzjonijiet ta' self aktar flessibbli billi, pereżempju, titqies il-ħajja tas-servizz medja tal-operazzjonijiet ta' bastiment matul il-perjodu ta' ħlas lura;
   ii) l-iżgurar li l-BEI jipprovdi finanzjament kemm qabel kif ukoll wara l-konsenja għal min jibni l-vapuri, sabiex l-implimentazzjoni u l-vijabilità ta' proġetti ta' bini ta' bastimenti innovattivi jkunu garantiti;
   iii) l-għoti ta' prijorità lill-finanzjament ta' programmi ta' riċerka u innovazzjoni għall-bini ekoloġiku tal-bastimenti;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw bir-reqqa l-investimenti minn pajjiżi terzi fil-portijiet Ewropej, minħabba r-rwol tagħhom fl-infrastruttura strateġika tal-Ewropa bħala ċentri multimodali, nodi ewlenin tal-enerġija u raggruppamenti tal-industrija;

Trasport tal-passiġġieri, mobilità urbana, loġistika urbana u turiżmu fuq l-ilma

54.  Jilqa' l-evalwazzjoni reċenti tal-Kummissjoni tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana tal-2013(18); jaċċentwa, f'dan ir-rigward, li r-riżultati mistennija tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana, jiġifieri tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 u ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja, inqas konġestjoni u inqas korrimenti fit-toroq f'żoni urbani, ma twettqux b'mod konsistenti fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-bliet biex jinkludu, fejn ikun possibbli, it-trasport pubbliku, il-loġistika urbana u d-distribuzzjoni tal-merkanzija fil-livell lokali fuq l-ilma bħala mezz ta' trasport sikur, sostenibbli u effettiv fl-ippjanar tal-mobilità urbana sostenibbli tagħhom u biex itejbu l-ġbir tad-data dwar il-mobilità urbana tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa, barra minn hekk, li fi pjattaformi tal-mobilità diġitali, bħall-mobilità bħala servizz, jiġu inklużi mezzi tat-trasport pubbliku fuq l-ilma, u anke f'applikazzjonijiet tal-konsenja tal-merkanzija;

55.  Jenfasizza l-potenzjal mhux sfruttat tal-ilmijiet navigabbli interni fiż-żoni urbani, kif jidher fl-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti; jenfasizza li ż-żoni urbani qed isiru dejjem aktar fgati bit-traffiku u li l-bini ta' infrastruttura tat-toroq ġdid mhux dejjem ikun kosteffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-trasport fuq l-ilma fl-għan tal-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti li jsir użu aħjar mill-ilmijiet navigabbli interni fil-bliet u biex toħroġ bi proposti konkreti li għandhom l-għan li jagħtu spinta lil-loġistika fl-ilmijiet navigabbli interni tagħna u jqisu l-konsenja finali permezz ta' roti tal-merkanzija, u b'hekk tingħata spinta lill-bidla modali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ittejjeb il-ġbir tagħha ta' data dwar il-mobilità urbana għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq l-ilma, u jenfasizza l-potenzjal tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għall-aħħar mil fil-loġistika urbana sostenibbli;

56.  Jenfasizza l-fatt li ċ-ċifri tal-2019 għad-domanda tat-trasport tal-passiġġieri wrew li s-settur Ewropew tal-kruċieri fuq ix-xmajjar, inklużi l-bastimenti għal vjaġġi ta' ġurnata u s-servizzi ta' laneċ, kien fi stat b'saħħtu qabel il-pandemija tal-COVID-19; jinnota, madankollu, li s-settur waqaf kważi għalkollox fl-ewwel nofs tal-2020 minħabba s-sitwazzjoni sanitarja li għaddejja bħalissa, u dan kellu impatt ekonomiku negattiv u kkawża diffikultajiet finanzjarji għall-kumpaniji, u li għadu inċert jekk it-traffiku tal-passiġġieri hux se jerġa' lura għan-normal fl-2021(19); jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi t-turiżmu fl-ilmijiet navigabbli interni fl-Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2050 sabiex tippromwovi argumenti kummerċjali favur irkupru sostenibbli, innovattiv u reżiljenti tat-turiżmu tax-xmajjar, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji ekonomiċi tat-turiżmu tax-xmajjar fir-reġjuni portwarji f'termini ta' valur miżjud, ħolqien ta' impjiegi u introjtu tal-portijiet;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jiġi esplorat il-potenzjal tal-ilmijiet navigabbli interni għan-navigazzjoni rikreattiva u attivitajiet oħra max-xtut, għax jekk dan jitwettaq, tingħata spinta lit-tkabbir, jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol u jissaħħaħ it-turiżmu fir-reġjuni kkonċernati;

58.  Jistieden lill-Istati Membri japprovaw iċ-Ċertifikat Internazzjonali għall-Operaturi ta' Opri tal-Baħar għar-Rikreazzjoni billi jadottaw ir-riżoluzzjoni Nru 40 tal-Kumitat għat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika tal-Ewropea fi ħdan in-NU sabiex ikun possibbli r-rikonoxximent transfruntier tal-liċenzji u tiġi faċilitata n-navigazzjoni rikreattiva fl-Ewropa;

o
o   o

59.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 345, 27.12.2017, p. 53.
(2) ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118.
(3) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(4) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38.
(6) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152.
(7) Testi adottati, P9_TA(2021)0131.
(8) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.
(9) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 154.
(10) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 29.
(11) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(12) Id-Direttiva dwar il-Ħabitats (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7) u d-Direttiva dwar l-Għasafar (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
(13) Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).
(14) ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33.
(15) ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38.
(16) Development Centre for Ship Technology and Transport Systems (DST), Assessment of technologies in view of zero-emission IWT, parti mill-istudju ġenerali tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ix-Xmara Renu bit-titlu Financing the energy transition towards a zero-emission European IWT sector, Rapport Nru 2293, p. 95.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 546/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex jiġi ppromoss it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 163, 29.5.2014, p. 15).
(18) Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2021 (SWD(2021)0047).
(19) Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ix-Xmara Renu, Market observation report 2020: inland navigation in Europe, Settembru 2020.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Jannar 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza