Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2873(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0434/2021

Dibattiti :

PV 16/09/2021 - 6.2
CRE 16/09/2021 - 6.2

Votazzjonijiet :

PV 16/09/2021 - 8
PV 16/09/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0390

Testi adottati
PDF 161kWORD 51k
Il-Ħamis, 16 ta' Settembru 2021 - Strasburgu
Il-każ ta' Ahmed Mansoor, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, fl-Emirati Għarab Magħquda
P9_TA(2021)0390RC-B9-0434/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2021 dwar il-każ ta' Ahmed Mansoor, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, fl-Emirati Għarab Magħquda (2021/2873(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Emirati Għarab Magħquda (UAE), b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar l-Emirati Għarab Magħquda, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Ahmed Mansoor(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, tal-10 ta' Diċembru 2020 fil-Kunsill Affarijiet Barranin li d-drittijiet tal-bniedem huma fid-DNA tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Jannar 2019 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-każ ta' Ahmed Mansoor,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-12 ta' Ġunju 2018 li tappella għall-ħelsien immedjat mill-ħabs tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Ahmed Mansoor, u tas-7 ta' Mejju 2019 li tikkundanna l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Arranġament ta' Kooperazzjoni tal-2018 bejn il-UAE u s-SEAE;

–  wara li kkunsidra l-aħħar ċiklu tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-UAE li sar fid-9 ta' Ġunju 2021 f'format virtwali u t-tieni laqgħa bejn uffiċjali għolja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-UAE u s-SEAE li saret b'mod virtwali fit-3 ta' Marzu 2021,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li l-UAE huma firmatarji tagħhom it-tnejn,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-libertà ta' espressjoni,

–  wara li kkunsidra Linji gwida tal-UE dwar it-tortura u trattament ieħor krudili,

–  wara li kkunsidra l-fatt li fl-2015 Ahmed Mansoor ingħata l-Premju prestiġjuż Martin Ennals għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-fatt li Loujain al-Hathloul ingħatat il-Premju Václav Havel 2020 għad-Drittijiet tal-Bniedem mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fid-29 ta' Mejju 2018, wara proċess inġust għall-aħħar, Ahmed Mansoor ġie kkundannat u ssentenzjat għal 10 snin ħabs mill-Qorti tal-Appell f'Abu Dhabi fuq akkużi relatati mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu; billi fil-31 ta' Diċembru 2018 is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti Suprema Federali tal-UAE; billi ngħata wkoll multa ta' miljun dirham tal-UAE (EUR 232 475) u se jitqiegħed taħt sorveljanza għal tliet snin wara li jinħeles;

B.  billi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-UAE ddikjara fid-29 ta' Marzu 2017 li "l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Pubblika għal Reati Elettroniċi ordna d-detenzjoni ta' Ahmed Mansoor fuq akkuża ta' tixrid ta' informazzjoni falza u qarrieqa fuq l-internet, permezz ta' aġendi mmirati lejn it-tixrid tal-antipatija u s-settarjaniżmu"; billi dikjarazzjonijiet oħra mill-awtoritajiet tal-UAE indikaw li l-unika raġuni għad-detenzjoni tiegħu kienet, fil-fatt, il-fehmiet li kkondivida online; billi l-akkużi kontrih huma bbażati fuq allegat ksur tal-Liġi tal-2012 tal-UAE dwar iċ-Ċiberkriminalità; billi, kemm skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll skont il-Human Rights Watch, huwa ġie kkundannat biss talli ppromwova d-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tweets dwar l-inġustizzji f'pajjiżu, talli ħa sehem f'webinars dwar id-drittijiet tal-bniedem u talli bagħat messaġġi lil organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi mill-arrest tiegħu f'Marzu 2017, Ahmed Mansoor baqa' fir-reklużjoni fil-ħabs al-Sadr ta' Abu Dhabi, fejn ġie mċaħħad minn ħtiġijiet bażiċi u mċaħħad mid-drittijiet tiegħu bħala detenut skont id-dritt tal-Emirati u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri; billi huwa ġie pprojbit milli jagħmel kwalunkwe tip ta' kuntatt ma' ħabsin oħra u mal-familja tiegħu, minbarra erba' żjarat ta' 30 minuta minn martu u telefonati limitati lil ommu u lil martu; billi għamel strajk tal-ġuħ darbtejn fl-2019 sabiex jitlob li d-drittijiet bażiċi tiegħu bħala priġunier jiġu rispettati;

D.  billi l-awtoritajiet tal-UAE kisru d-drittijiet ta' Ahmed Mansoor għal aktar minn 10 snin b'arrest u detenzjoni arbitrarji, theddid ta' mewt, attakki fiżiċi, sorveljanza mill-gvern u trattament inuman waqt il-kustodja;

E.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iddikjarat li "l-kundizzjonijiet u t-trattament li [id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-Emirati Ahmed Mansoor, Mohammed al-Roken u Nasser Bin Ghaith] huma soġġetti għalihom, bħal reklużjoni fit-tul, huma bi ksur tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u jistgħu jikkostitwixxu tortura";

F.  billi grupp ta' esperti tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem talab lill-Gvern tal-UAE jeħles lis-Sur Mansoor mill-ħabs, u ddeskriva l-arrest tiegħu bħala attakk dirett fuq il-ħidma leġittima tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-UAE;

G.  billi qabel l-arrest l-aktar reċenti tiegħu fl-2017, Ahmed Mansoor appella għal elezzjonijiet universali u diretti fil-UAE u sabiex il-Kunsill Nazzjonali Federali, bord konsultattiv tal-gvern, jingħata setgħat leġiżlattivi; billi huwa amministra wkoll forum online msejjaħ Al-Hiwar al-Emarati (id-Djalogu fl-Emirati) li kkritika l-politiki tal-UAE;

H.  billi hemm persekuzzjoni sistematika tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, tal-avukati u tal-għalliema li jsemmgħu leħenhom dwar kwistjonijiet politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem fil-UAE; billi b'mod partikolari, mill-2011, l-istat intensifika r-ripressjoni tiegħu fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda u ta' espressjoni; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-familji tagħhom huma soġġetti għal għajbien furzat, detenzjoni arbitrarja fit-tul, tortura, fastidju ġudizzjarju u proċessi inġusti, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, sorveljanza fiżika u diġitali, u tkeċċija arbitrarja mix-xogħol;

I.  billi d-definizzjoni vaga u wiesgħa żżejjed tat-terroriżmu fil-liġi tal-Emirati tagħmilha possibbli li firxa wiesgħa ta' attivitajiet paċifiċi u leġittimi jiġu kkwalifikati bħala li jammontaw għal terroriżmu;

J.  billi l-UAE jużaw spyware sofistikat biex jimmiraw lejn attivisti u vuċijiet oħra ta' dissens; billi Ahmed Mansoor kien fil-mira ta' spyware ipprovdut mill-kumpanija Iżraeljana NSO Group; billi fir-rivelazzjonijiet Pegasus ta' Lulju 2021 ġie rrappurtat l-użu tal-ispyware NSO mill-awtoritajiet tal-Emirati kontra firxa ta' miri, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kemm fil-UAE kif ukoll barra mill-pajjiż; billi Loujain al-Hathloul, difensur prominenti tad-drittijiet tan-nisa mill-Arabja Sawdija, kienet ukoll soġġetta għal attakki ċibernetiċi mill-awtoritajiet tal-UAE, li ħħekkjaw l-email tagħha qabel ma arrestawha u ttrasferuha bil-forza lejn l-Arabja Sawdija;

K.  billi n-nisa fil-UAE għadhom qed jiġu soġġetti għal firxa ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji; billi l-ksur tad-drittijiet tan-nisa jinkludi l-ħtif u t-teħid ta' ostaġġi nisa u attivisti tad-drittijiet tan-nisa mill-Arabja Sawdija u mill-Emirati, nuqqas ta' investigazzjoni u obbligu ta' rendikont f'reati allegati kontra n-nisa, inkluż pereżempju l-attakk sesswali fuq iċ-ċittadina Brittanika Caitlin McNamara, fejn l-awtur akkużat ma ġiex investigat jew miżmum responsabbli, diskriminazzjoni sistemika kontra n-nisa, sfruttament ta' ħaddiema migranti nisa, traffikar tas-sess u skjavitù sesswali;

L.  billi s-sistema tal-kafala (sponsorizzazzjoni) għadha tiġi implimentata fil-UAE bħala parti integrali mill-ordni soċjali u ġuridiku tal-Emirati; billi skont rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-prattiki inumani tal-UAE kontra ħaddiema barranin, li jikkostitwixxu 80 % tal-popolazzjoni tal-pajjiż, huma mifruxa, u tali ksur żdied matul it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19; billi bi tħejjija għall-fiera internazzjonali li jmiss, l-Expo 2020 Dubai, li se ssir minn Ottubru 2021 sa Marzu 2022, in-negozji u l-kumpaniji tal-kostruzzjoni qed iġiegħlu lill-ħaddiema jiffirmaw dokumenti mhux tradotti, jikkonfiskaw il-passaporti tagħhom, jesponuhom għal sigħat ta' xogħol estremi f'kundizzjonijiet meteoroloġiċi mhux sikuri u jipprovdulhom akkomodazzjoni mhux sanitarja;

M.  billi l-UAE u l-UE iffirmaw ftehim bilaterali reċiproku għall-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir li jeżenta liċ-ċittadini tal-UAE milli jirrikjedu viżi ta' Schengen;

N.  billi l-UE hija d-donatur ewlieni għall-programmi ta' kooperazzjoni interġudizzjarja tal-Interpol; billi l-Ispettur Ġenerali tal-Ministeru tal-Intern tal-UAE, il-Maġġur Ġeneral Ahmed Nasser al-Raisi, huwa kandidat għall-presidenza tal-Interpol;

O.  billi l-UAE ma rratifikawx diversi trattati ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-protokolli fakultattivi tiegħu li jabolixxu l-piena tal-mewt u kontra t-tortura, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;

P.  billi l-UE tqis lill-UAE bħala sħab, inkluż fl-oqsma tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi; billi l-UE u l-UAE kellhom djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem sa mill-2013 b'laqgħat biannwali, u billi l-10 djalogu bejn l-UE u l-UAE dwar id-drittijiet tal-bniedem li sar fid-9 ta' Ġunju 2021 ipprovda opportunità biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' tħassib mal-awtoritajiet tal-UAE;

1.  Jikkundanna bil-qawwa, għal darb' oħra, id-detenzjoni ta' Ahmed Mansoor u tad-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fl-UAE, li ġew imqiegħda l-ħabs biss talli eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem bażiċi tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni, tal-għaqda paċifika u tal-espressjoni kemm online kif ukoll offline, li huma minquxa mhux biss fi strumenti universali tad-drittijiet tal-bniedem, iżda wkoll fil-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem; jiddeplora bil-qawwa d-distakk bejn il-pretensjonijiet tal-UAE li huma pajjiż tolleranti u li jirrispettaw id-drittijiet, u l-fatt li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-UAE huma detenuti f'kundizzjonijiet ħorox;

2.  Itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ahmed Mansoor, Mohammed al-Roken u Nasser bin Ghaith, kif ukoll tad-difensuri l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi u d-dissidenti paċifiċi kollha;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-UAE biex, sakemm jinħelsu, jiżguraw li Ahmed Mansoor u l-priġunieri l-oħra kollha jiġu ttrattati f'konformità mar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri; iħeġġeġ, b'mod partikolari, li Mansoor jitneħħa mill-iżolament, u li l-priġunieri kollha jitħallew iżuru regolarment lill-avukati u lill-familji u jingħataw kura medika adegwata, li l-esperti tan-NU u l-NGOs internazzjonali jitħallew iżuru lil Mansoor u oħrajn fil-ħabs u jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, u li l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura jiġu investigati bir-reqqa;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi, inkluż permezz ta' ittri żvelati ppubblikati f'Lulju 2021, li Ahmed Mansoor għadu jinsab f'kundizzjonijiet terribbli fil-ħabs; ifakkar lill-awtoritajiet tal-UAE li r-reklużjoni solitarja mtawla u indefinita tammonta għal tortura; jistieden lill-awtoritajiet tal-UAE jiggarantixxu lid-detenuti kollha, inklużi l-priġunieri tal-kuxjenza, proċess dovut u ġust; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jemendaw il-Liġi Kontra t-Terroriżmu, il-Liġi dwar iċ-Ċiberkriminalità u l-Liġi Federali Nru 2 tal-2008, li jintużaw ripetutament għall-prosekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex ikun hemm konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-UAE iwaqqfu l-fastidju u jneħħu minnufih il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-awtoritajiet jiggarantixxu li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-UAE ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċirkostanzi kollha, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu, mingħajr biża' ta' tpattija u ħelsin minn kull restrizzjoni, inkluż il-fastidju ġudizzjarju;

6.  Jistieden lill-VP/RGħ issegwi mill-qrib il-każ ta' Ahmed Mansoor biex tiżgura l-ħelsien immedjat tiegħu u dak ta' difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden, b'mod partikolari, lill-VP/RGħ titlob żjarat fil-ħabs lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem matul iż-żjara li jmiss tagħha fl-UAE u biex titlob pubblikament u privatament il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom waqt il-laqgħat mal-awtoritajiet tal-UAE; jistieden lis-SEAE jirrapporta lura lill-Parlament dwar l-azzjonijiet meħuda s'issa mid-Delegazzjoni tal-UE u l-Istati Membri f'Abu Dhabi bil-għan li s-Sur Mansoor jingħata appoġġ xieraq;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha, minħabba r-ripressjoni interna tal-UAE, f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta' oġġetti b'użu doppju(2), jissospendu l-bejgħ u l-esportazzjoni tat-teknoloġija ta' sorveljanza lill-UAE u ż-żamma u l-aġġornament tagħhom jekk ma jittiħdux passi konkreti u li jistgħu jitkejlu biex jiġu indirizzati tali abbużi;

8.  Jistieden lis-SEAE jipproponi l-adozzjoni ta' miżuri mmirati tal-UE kontra dawk responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-UAE, inkluża l-persekuzzjoni ta' Ahmed Mansoor u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem, taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem globali tal-UE; itenni li l-proċeduri kollha ta' sanzjonar għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza u mibdija biss meta jkun jista' jiġi determinat ksur konkret tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jistieden lill-UE tadotta u tippubblika punti ta' riferiment sinifikanti dwar id-drittijiet tal-bniedem u lista ta' każijiet individwali għad-djalogu tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-UAE, bil-ħsieb li tippermetti diskussjoni ġenwina u orjentata lejn ir-riżultati dwar id-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jistieden lill-UE tinkludi diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħala punt permanenti fl-aġenda tas-summit annwali bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

11.  Jesprimi tħassib dwar l-użu rrappurtat mill-awtoritajiet tal-UAE tas-software ta' spjunaġġ tal-Grupp NSO għall-immirar illegali tal-mowbajls ta' mijiet ta' individwi fir-Renju Unit, inklużi avukati, akkademiċi u parlamentari; jistieden lill-VP/RGħ titlob kjarifika dwar dawn ir-rapporti mill-awtoritajiet tal-UAE, inkluż fir-rigward tal-immirar possibbli ta' ċittadini jew individwi tal-UE fit-territorju tal-UE, u tirrapporta lura lill-Parlament;

12.  Ifakkar li fl-2015, l-UE ffirmat ftehim ta' eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir mal-UAE; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-konformità ta' dan il-ftehim mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħala kriterju għall-eżenzjoni mill-viża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrapportaw lill-Parlament dwar il-progress f'dan il-qasam;

13.  Jistieden lill-membri tal-Assemblea Ġenerali tal-Interpol, u b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE, biex jeżaminaw kif xieraq l-allegazzjonijiet ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jikkonċernaw il-Ġeneral Maġġur Nasser Ahmed al-Raisi qabel l-elezzjoni tal-presidenza tal-organizzazzjoni mit-23 sal-25 ta' Novembru 2021; jinnota t-tħassib espress mis-soċjetà ċivili rigward il-kandidatura tiegħu u l-impatt potenzjali fuq ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni;

14.  Sabiex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-UAE, jistieden lill-kumpaniji internazzjonali li jisponsorjaw l-Expo 2020 Dubai jirtiraw l-isponsorizzazzjoni tagħhom u jħeġġeġ lill-Istati Membri ma jipparteċipawx fl-avveniment;

15.  Jiddeplora bil-qawwa r-rwol tal-awtoritajiet tal-UAE fl-estradizzjoni tal-attivist tad-drittijiet tan-nisa Loujain al-Hathloul lejn l-Arabja Sawdija, fejn ġiet imqiegħda l-ħabs, ittorturata u ppersegwitata għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa;

16.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-UAE, minkejja xi progress, u jistieden lill-awtoritajiet jirriformaw il-Liġi dwar l-Istatus Personali biex jipprovdu lin-nisa bi drittijiet ugwali u jiżguraw li n-nisa tal-UAE jkunu jistgħu jgħaddu n-nazzjonalità lil uliedhom fuq bażi ugwali bħall-irġiel;

17.  Jilqa' l-moratorju tal-UAE dwar l-eżekuzzjonijiet mill-2017; jistieden lill-UAE jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-protokoll tiegħu li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt;

18.  Jappoġġa d-djalogu kontinwu u msaħħaħ bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha, u l-UAE dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku, kif previst fl-Arranġament ta' Kooperazzjoni; iqis li laqgħat interparlamentari regolari bejn il-Parlament u s-sħab tiegħu fir-reġjun tal-Golf huma forum importanti għall-iżvilupp ta' djalogu kostruttiv u sinċier dwar il-kwistjonijiet kollha ta' tħassib, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u l-kummerċ;

19.  Jitlob li jiġu stabbiliti regoli ta' trasparenza aktar stretti fir-rigward tal-attivitajiet ta' lobbying ta' organizzazzjonijiet barranin lejn l-istituzzjonijiet tal-UE;

20.  Jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bl-Għarbi;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u l-Parlament tal-Emirati Għarab Magħquda, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

(1) ĠU C 11, 13.1.2020, p. 21.
(2) ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Jannar 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza