Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 28 ta' April 2021 - Brussell
Il-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ***
 L-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit
 Pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran ***I
 Protezzjoni tal-ħamrija
 L-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online ***II

Il-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ***
PDF 125kWORD 45k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (05022/2021 – C9-0086/2021 – 2020/0382(NLE))
P9_TA(2021)0140A9-0128/2021

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05022/2021),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (05198/2021),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (05203/2021),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikoli 218(6), it-tieni subparagrafu u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0086/2021),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għal negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għas-Sajd, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0128/2021),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju Unit.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0033.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0152.


L-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit
PDF 204kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2021 dwar l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit (2021/2658(RSP))
P9_TA(2021)0141B9-0225/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05022/2021),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tad-29 ta' Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l‑applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata(1),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0086/2021),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea(2), tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(3), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(4), tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit(5), tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea(6), tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ(7), tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq(8), tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Jannar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(10),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(11) (il-"Ftehim dwar il-Ħruġ"), u d-dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit(12), li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ (id-"Dikjarazzjoni Politika"),

–  wara li kkunsidra l-kontributi mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, mill-Kumitat għall-Iżvilupp, mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, mill-Kumitat għall-Baġits, mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, mill-Kumitat għas-Sajd, mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u li taħtar lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni, u l-Anness għaliha li jinkludi d-direttivi għan-negozjar ta' sħubija ġdida (COM(2020)0035) ("direttivi ta' negozjati"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit (il-Ftehim) li jillimita l-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u jistabbilixxi qafas ta' kooperazzjoni li għandu jifforma l-bażi ta' sħubija futura b'saħħitha u kostruttiva, filwaqt li jevita l-aktar elementi ta' tfixkil f'xenarju ta' "ebda ftehim", u jipprovdi ċertezza tad-dritt għaċ-ċittadini u n-negozji. ifaħħar il-ħidma soda u r-rwol ċentrali tal-Kap Negozjatur tal-UE u t-tim tiegħu f'dan ir-rigward;

2.  Itenni li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE huwa żball storiku u jfakkar li l-UE dejjem irrispettat id-deċiżjoni tar-Renju Unit filwaqt li insistiet li r-Renju Unit jeħtieġlu jaċċetta wkoll il-konsegwenzi tal-ħruġ mill-UE u li pajjiż terz ma jistax ikollu l-istess drittijiet u benefiċċji bħal Stat Membru; ifakkar li matul il-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-Parlament ħadem biex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, jipproteġi l-paċi u l-prosperità fil-gżira tal-Irlanda, jipproteġi l-komunitajiet tas-sajd, jiddefendi l-ordni ġuridiku tal-UE, jissalvagwardja l-awtonomija tal-proċess deċiżjonali tal-UE, jippreserva l-integrità tal-unjoni doganali u tas-suq intern filwaqt li jevita dumping soċjali, ambjentali, fiskali jew regolatorju peress li dan huwa essenzjali biex jiġu protetti l-impjiegi, l-industrija u l-kompetittività Ewropej u biex jiġu konkretizzati l-ambizzjonijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew;

3.  Jilqa' l-fatt li dawn l-għanijiet fil-biċċa l-kbira ntlaħqu mill-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u l-Ftehim dwar il-Ħruġ, permezz ta' kundizzjonijiet ekwivalenti infurzabbli, inkluż għal dak li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat, l-istandards soċjali u ambjentali, soluzzjoni fit-tul dwar is-sajd, ftehim ekonomiku li se jtaffi ħafna mill-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, u qafas ġdid ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, il-pulizija u s-sigurtà interna bbażat fuq ir-rispett sħiħ għall-KEDB u l-qafas ġuridiku tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tad-data; jiddispjaċih madankollu dwar il-kamp ta' applikazzjoni limitat ta' dan il-Ftehim, minħabba n-nuqqas ta' rieda politika min-naħa tar-Renju Unit li jimpenja ruħu f'oqsma importanti, b'mod partikolari l-politika barranija, u dik tad-difiża u tas-sigurtà esterna, li ma jilħaqx b'mod sostanzjali l-ambizzjonijiet iddikjarati fid-Dikjarazzjoni Politika; jiddispjaċih ukoll bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jipparteċipax f'Erasmus+, u b'hekk iċaħħad liż-żgħażagħ minn opportunità unika;

4.  Jilqa' l-element tal-Ftehim iffukat sew fuq il-merkanzija, fid-dawl tal-intensità tal-kummerċ fil-merkanzija bejn l-UE u r-Renju Unit, u jinnota li hija konsegwenza loġika tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u b'mod partikolari t-tmiem tal-libertà tal-moviment, li l-opportunitajiet għall-ekonomija tar-Renju Unit ibbażata fil-biċċa l-kbira fuq is-servizzi tnaqqsu b'mod sostanzjali, mingħajr il-kontinwazzjoni ta' approċċ li jiffavorixxi l-pajjiż ta' oriġini jew is-sistema ta' "passaport", mingħajr ebda rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali, u bil-prospettiva li l-fornituri tas-servizzi tar-Renju Unit se jiffaċċjaw 27 sett differenti ta' regoli u b'hekk se tiżdied il-burokrazija; jenfasizza li dan huwa l-ewwel ftehim fl-istorja tal-UE fejn in-negozjati fittxew li jiksbu diverġenza aktar milli konverġenza u li b'hekk kien inevitabbli li kien se jkun hemm aktar frizzjoni, ostakli u spejjeż għaċ-ċittadini u n-negozji;

5.  Jilqa' l-mekkaniżmu orizzontali usa' għas-soluzzjoni tat-tilwim, li għandu jippermetti r-riżoluzzjoni f'waqtha tat-tilwim u l-possibilità ta' sospensjoni trasversali fl-oqsma ekonomiċi kollha, jekk waħda mill-partijiet ma tirrispettax l-obbligi tagħha; iqis li dan il-mekkaniżmu jista' jsir il-mudell u l-istandard għall-ftehimiet futuri kollha ta' kummerċ ħieles;

6.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Koordinament tar-Renju Unit (UKCG) u tal-Mexxejja tal-Gruppi tal-11 ta' Settembru 2020 u jieħu nota tal-fatt li r-Renju Unit, bħala firmatarju tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, huwa legalment marbut li jimplimenta u jirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tiegħu u jilqa' l-irtirar tad-dispożizzjonijiet kunfliġġenti tal-abbozz ta' liġi tar-Renju Unit dwar is-Suq Intern; jikkundanna l-azzjonijiet unilaterali aktar reċenti tar-Renju Unit, bi ksur tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jestendi l-perjodi ta' konċessjoni li fihom l-esportazzjonijiet mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta' Fuq huma eżentati mill-produzzjoni ta' ċertifikati tas-saħħa tal-esportazzjoni għall-vjeġġi kollha ta' prodotti tal-annimali, li fihom il-pakketti huma eżentati mid-dikjarazzjonijiet doganali, u li fihom hija applikata deroga mir-regoli tal-UE li jipprevjenu l-ħamrija milli tidħol fis-suq intern u deroga mill-obbligu ta' passaporti għall-annimali domestiċi; iqis li dawn l-azzjonijiet jippreżentaw theddida serja għall-integrità tas-Suq Uniku; itenni li d-deċiżjonijiet kollha ta' dan it-tip jeħtieġ li jiġu miftiehma b'mod konġunt permezz tal-korpi konġunti rilevanti; jappella bil-qawwa lill-gvern tar-Renju Unit jaġixxi in bona fide u jimplimenta bis-sħiħ it-termini tal-ftehimiet li ffirma, mingħajr dewmien, u abbażi ta' skeda ta' żmien kredibbli u komprensiva stabbilita b'mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea skont l-obbligu tal-bona fide fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward biex issegwi b'determinazzjoni l-proċediment ta' ksur kontra r-Renju Unit imniedi fil-15 ta' Marzu 2021 fis-sens tal-Artikolu 12(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq; ifakkar li n-nuqqas ta' konformità persistenti mal-eżitu tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ jista' jirriżulta wkoll fis-sospensjoni tal-obbligi, inkluża r-restrizzjoni ta' livelli mingħajr preċedent ta' aċċess għas-suq, fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ssaħħaħ l-għodod ta' infurzar tagħna għall-Ftehim dwar il-Ħruġ; ifakkar li r-rispett u l-implimentazzjoni sħaħ u xierqa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huma kruċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, il-protezzjoni tal-proċess ta' paċi u l-evitar ta' fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda, il-protezzjoni tal-integrità tas-suq intern, u l-iżgurar li r-Renju Unit iħallas is-sehem ġust tiegħu tal-obbligazzjonijiet akkumulati matul is-sħubija tiegħu u lil hinn minnha, u għalhekk dan jibqa' prekundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp futur tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit; jenfasizza l-importanza tal-bona fide u l-ħtieġa ta' fiduċja u kredibilità f'dan ir-rigward; ifakkar li t-tfassil tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, u l-Artikolu 16 tiegħu, jirrifletti ekwilibriju politiku delikat u sensittiv ħafna; jinsisti li l-proposti jew l-azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw dan l-ekwilibriju ma għandhomx jiġu adottati mingħajr kunsiderazzjoni adegwata jew mingħajr konsultazzjoni xierqa minn qabel minn xi waħda mill-partijiet; jissottolinja ċ-ċirkostanzi uniċi tal-Irlanda ta' Fuq, u r-rwol mogħti lill-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq fil-Protokoll, inkluż l-approvazzjoni meħtieġa tagħha għall-applikazzjoni kontinwa tal-Protokoll fi żmien erba' snin; jesprimi l-ħtieġa għal djalogu kontinwu u msaħħaħ bejn ir-rappreżentanti politiċi u s-soċjetà ċivili, inkluż mar-rappreżentanti tal-Irlanda ta' Fuq, dwar l-aspetti kollha tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq u l-proċess ta' paċi usa' tal-Irlanda ta' Fuq; jinsab imħasseb ħafna dwar it-tensjonijiet reċenti fl-Irlanda ta' Fuq u jfakkar li l-UE hija waħda mill-gwardjani ewlenin tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u hija determinata li jipproteġih;

Ir-Rwol tal-Parlament Ewropew

7.  Jiddispjaċih bil-fatt li l-Ftehimiet ġew konklużi verament fl-aħħar minuta, u bl-inċertezza riżultanti li qed timponi spejjeż għoljin fuq iċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi u li kellha impatt ukoll fuq il-prerogattivi tal-Parlament ta' skrutinju u ta' sorveljanza demokratika tat-test finali tal-Ftehimiet qabel l-applikazzjoni proviżorja tagħhom; jenfasizza n-natura eċċezzjonali ta' dan il-proċess fid-dawl tad-data ta' skadenza stretta għall-iskadenza tal-perjodu ta' tranżizzjoni u r-rifjut tar-Renju Unit li jestendi, anke f'nofs pandemija; jenfasizza li dan il-proċess bl-ebda mod ma jista' jikkostitwixxi preċedent għal ftehimiet kummerċjali futuri, fejn il-format normali tal-kooperazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni jridu jiġu garantiti, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, inkluż il-kondiviżjoni tat-testi kollha tan-negozjati, id-djalogu regolari, u biżżejjed żmien għall-iskrutinju formali u d-dibattitu tal-ftehimiet tal-Parlament; jissottolinja li l-ftehimiet ma jridux jiġu applikati b'mod proviżorju mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament; jirrikonoxxi, minkejja dan ta' hawn fuq, li l-Parlament seta' jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq bażi regolari minħabba l-konsultazzjoni u d-djalogu b'saħħithom u frekwenti mall-Kap Negozjatur tal-UE u t-Taskforce għar-Renju Unit tal-Kummissjoni, u l-adozzjoni ta' żewġ riżoluzzjonijiet tal-Parlament fi Frar u f'Ġunju 2020, li żguraw li l-pożizzjonijiet tagħna kienu riflessi bis-sħiħ fil-mandat inizjali tal-UE u ġew difiżi mill-Kap Negozjatur tal-UE matul in-negozjati;

8.  Jappoġġa l-istabbiliment ta' Assemblea ta' Sħubija Parlamentari għall-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament tar-Renju Unit, fil-qafas tal-Ftehim; jemmen li din l-Assemblea ta' Sħubija Parlamentari għandha tingħata l-kompitu li tissorvelja l-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tal-Ftehim u li tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta' Sħubija; jissuġġerixxi li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għandu jinkludi wkoll l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, mingħajr preġudizzju għall-istrutturi ta' governanza ta' kull ftehim u l-mekkaniżmu għall-iskrutinju tagħhom, kif ukoll id-dritt li jiġu ppreżentati rakkomandazzjonijiet għal oqsma fejn il-kooperazzjoni mtejba tista' tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet u li jittieħdu inizjattivi konġunti biex jiġu promossi relazzjonijiet mill-qrib;

9.  Jinsisti li l-Parlament irid ikollu rwol sħiħ fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Ftehim f'konformità mal-ittra tal-5 ta' Frar 2021 mill-President tal-Parlament Sassoli; mingħajr preġudizzju għall-impenji eżistenti meħuda mill-Kummissarji rispettivi vis-à-vis il-kumitati parlamentari responsabbli, jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-Parlament fl-implimentazzjoni tal-Ftehim, inklużi l-impenji li ġejjin:

   (a) li żżomm il-Parlament infurmat immedjatament u bis-sħiħ dwar l-attivitajiet tal-Kunsill ta' Sħubija u ta' korpi konġunti oħra;
   (b) li tinvolvi l-Parlament f'deċiżjonijiet importanti fl-ambitu tal-Ftehim fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni unilaterali tal-Unjoni skont il-Ftehim, u li tieħu kont sħiħ tal-fehmiet tal-Parlament u, jekk ma ssegwix il-fehmiet tal-Parlament, li tispjega r-raġunijiet għal dan;
   (c) li tinvolvi l-Parlament biżżejjed qabel l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta biex l-Unjoni ttemm jew tissospendi l-Parti Tlieta [Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali] tal-Ftehim, jekk ir-Renju Unit ma jirrispettax l-impenji tiegħu skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
   (d) li tinvolvi l-Parlament fil-proċess tal-għażla ta' arbitri u membri tal-bord potenzjali previst mill-Ftehim;
   (e) li tippreżenta lill-Parlament kwalunkwe proposta għal atti leġiżlattivi li jirregolaw il-modalitajiet għall-adozzjoni tal-miżuri awtonomi li l-Unjoni hija intitolata li tieħu taħt il-Ftehim;
   (f) li tqis sew il-fehmiet tal-Parlament rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim miż-żewġ Partijiet, inkluż rigward ksur possibbli tal-Ftehim jew żbilanċi fil-kundizzjonijiet ekwivalenti u, jekk din ma ssegwix l-opinjoni tal-Parlament, li tispjega r-raġunijiet tagħha għal dan;
   (g) li żżomm il-Parlament infurmat bis-sħiħ dwar il-valutazzjonijiet u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tad-data, kif ukoll dwar l-arranġamenti għal kooperazzjoni regolatorja mal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar is-servizzi finanzjarji u l-għoti possibbli ta' ekwivalenzi fis-servizzi finanzjarji;

Jitlob il-konsolidazzjoni ta' dawn l-impenji fi Ftehim Interistituzzjonali li għandu jiġi nnegozjat mal-ewwel opportunità;

10.  Jilqa' l-Ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata; jenfasizza li dan il-ftehim, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Parlament fis-sens tal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, b'mod partikolari fid-dawl tal-paragrafu 9 hawn fuq; jirrimarka li l-mod li bih intalbet l-approvazzjoni tal-Parlament mill-Kunsill, bi proċedura waħda għal żewġ ftehimiet - il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Euratom u r-Renju Unit u l-Ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata - mhuwiex konformi mal-prattika standard u li bl-ebda mod ma għandu jikkostitwixxi preċedent, peress li l-Parlament għandu jkun jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal kull ftehim internazzjonali, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, separatament u mhux bħala pakkett, inkella l-prerogattivi tiegħu jiġu mminati b'mod gravi;

11.  Iħeġġeġ l-involviment qawwi tat-trejdjunjins tal-UE u tar-Renju Unit u ta' sħab soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Ftehim, inklużi l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni potenzjali tagħhom fil-kumitati speċjalizzati fejn jiġu kkunsidrati kwistjonijiet rilevanti, kif ukoll l-istabbiliment ta' forum tax-xogħol speċifiku biex jiltaqa' qabel kull laqgħa tal-Kunsill ta' Sħubija; jissuġġerixxi, fid-dawl tal-importanza u l-konsegwenzi wiesgħa potenzjali tal-Ftehim, li l-Grupp Konsultattiv Domestiku jitkabbar b'aktar rappreżentanti mit-trejdjunjins u sħab soċjali oħra, b'mod partikolari mill-Federazzjonijiet Settorjali Ewropej, u li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trejdjunjins u sħab soċjali oħra għandhom jingħataw is-setgħa li jressqu lmenti lill-Kummissjoni, filwaqt li jiġi previst ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tieħu azzjoni fir-rigward ta' tali lmenti;

12.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinvolvi kemm jista' jkun lill-partijiet interessati fid-dawl taż-żmien limitat disponibbli u jilqa' wkoll l-avviżi dettaljati ta' tħejjija li għenu lin-negozji jippreparaw għall-bidliet inevitabbli mill-1 ta' Jannar 2021, meta r-Renju Unit ħareġ mill-unjoni doganali u s-suq intern; jappella għal aktar sforzi mill-Istati Membri kollha tal-UE u, fejn applikabbli, mir-reġjuni, biex jiġi żgurat li dawn l-ewwel xhur taħt ir-reġim il-ġdid b'rabta mal-istatus il-ġdid tar-Renju Unit ikunu kemm jista' jkun mingħajr xkiel għall-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini kollha; jistieden lill-Kummissjoni, hekk kif jirrikonoxxi li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għandu konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti fuq terminu qasir, tagħmel użu sħiħ u f'waqtu mir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit ta' EUR 5 biljun, ladarba tiġi adottata mill-koleġiżlaturi, biex tgħin lis-setturi, lin-negozji u lill-ħaddiema, kif ukoll lill-Istati Membri l-aktar affettwati mill-impatti negattivi u mhux previsti tar-relazzjoni l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit;

Il-Kummerċ

13.  Jenfasizza l-kamp ta' applikazzjoni bla preċedent tal-Ftehim fir-rigward tal-kummerċ ta' merkanzija fejn l-objettiv ta' kwoti żero u ta' tariffi żero ntlaħaq u, b'riżultat ta' dan, se jiffaċilita l-kummerċ mar-Renju Unit, fil-qafas ta' regoli tal-oriġini xierqa, u dan se jissalvagwardja l-interessi tal-produtturi tal-UE, anki permezz ta' akkumulazzjoni bilaterali, l-awtoċertifikazzjoni tal-oriġini mill-esportaturi, kif ukoll il-perjodu ta' eżenzjoni ta' 12-il xahar għal xi wħud mid-dokumentazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwivalenti effettivi, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna n-nonrigressjoni u l-evitar ta' diverġenzi futuri, flimkien ma' dan il-kamp ta' applikazzjoni mingħajr preċedent tal-Ftehim;

14.  Jissottolinja li, għall-kummerċ fis-servizzi, l-impenji taż-żewġ partijiet iwasslu għal livell ta' liberalizzazzjoni lil hinn mill-impenji tagħhom tad-WTO, inkluż permezz ta' klawżola li tħares 'il quddiem ta' "nazzjon l-aktar favorit", impenn ta' rieżami bil-ħsieb ta' titjib futur, u b'regoli speċjali previsti għall-mobilità tal-professjonisti għal skopijiet ta' negozju (servizzi tal-"Modalità 4"); madankollu, fl-istess ħin ifakkar li, meta ħareġ mis-suq intern, ir-Renju Unit tilef id-dritt awtomatiku u illimitat tiegħu li jipprovdi servizzi fl-UE kollha; jirrikonoxxi dispożizzjonijiet ċari dwar kwalifiki professjonali li huma differenti minħabba li r-Renju Unit huwa pajjiż terz; jilqa' madankollu l-mekkaniżmu previst fil-Ftehim li permezz tiegħu l-UE u r-Renju Unit jistgħu aktar tard jaqblu dwar arranġamenti addizzjonali fuq bażi ta' każ b'każ u għal professjonijiet speċifiċi;

15.  Jilqa' l-kapitolu dwar il-kummerċ diġitali, inkluża l-projbizzjoni espliċita tar-rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data jew l-iżvelar obbligatorju tal-kodiċi tas-sors, li huwa ġdid għall-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles li l-UE kkonkludiet s'issa, filwaqt li fl-istess ħin inżamm id-dritt ta' regolamentazzjoni u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-UE; jirrikonoxxi li dan il-kapitolu diġitali jista' jservi bħala mudell għal ftehimiet kummerċjali futuri; jilqa' wkoll il-kooperazzjoni regolatorja dwar it-teknoloġiji emerġenti, inkluża l-intelliġenza artifiċjali;

16.  Ifaħħar il-fatt li, minkejja r-retiċenza inizjali min-naħa tar-Renju Unit, ġie nnegozjat l-aktar kapitolu ambizzjuż u ġenerali dwar l-akkwist pubbliku li qatt ġie nnegozjat, li jmur lil hinn mill-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku biex jigi garantit trattament ugwali għall-kumpaniji tal-UE, kif ukoll kapitolu dwar il-ħtiġijiet u l-interessi tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs); ifakkar li l-istokk eżistenti ta' indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) ġie protett skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, iżda jiddispjaċih li ma seta' jinstab l-ebda arranġament rigward l-indikazzjonijiet ġeografiċi futuri, u dan imur kontra l-impenji meħuda fid-Dikjarazzjoni Politika; jirrikonoxxi madankollu l-klawżola ta' "rendez-vous" biex tiġi estiża l-protezzjoni fil-futur u jħeġġeġ liż-żewġ partijiet jattivaw din il-klawżola mill-aktar fis possibbli;

17.  iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu u jinvolvu ruħhom b'mod attiv fi pjattaformi ta' koordinazzjoni regolatorja rilevanti li jipprovdu trasparenza sħiħa lill-Parlament biex jippermettu livell għoli ta' konverġenza regolatorja fil-futur, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u biex jevitaw kunflitti bla bżonn, filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardjaw id-dritt ta' regolamentazzjoni ta' kull parti kif issottolinjat fil-Ftehim;

Kundizzjonijiet ekwivalenti

18.  Jilqa' t-titolu ġenerali u modern dwar kundizzjonijiet ekwivalenti għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta u żvilupp sostenibbli li għandu jitqies bħala mudell għal Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles futuri oħra nnegozjati mill-UE, inklużi:

   (i) regoli dwar in-nonrigressjoni mil-livelli għoljin attwali ta' protezzjoni fl-istandards tax-xogħol u dawk soċjali, l-ambjent u l-klima, it-tassazzjoni, li ma tistax titnaqqas b'mod li taffettwa l-kummerċ jew l-investiment, kif ukoll ir-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-intrapriżi tal-istat;
   (ii) il-possibilità li jiġu applikati miżuri unilaterali ta' riekwilibriju fil-każ ta' diverġenzi futuri sinifikanti fl-oqsma tal-istandards tax-xogħol u dawk soċjali, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-klima, jew tal-kontroll tas-sussidji, meta dawn id-diverġenzi jkollhom impatt materjali fuq il-kummerċ jew l-investiment bejn il-partijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li diverġenza sinifikanti b'impatt materjali fuq il-kummerċ jew l-investiment tiġi interpretata b'mod wiesa' u tkun tista' tintwera b'mod prattiku biex jiġi żgurat li l-kapaċità li jintużaw tali miżuri ma tkunx ristretta bla bżonn;
   (iii) is-sett maqbul ta' prinċipji vinkolanti ta' kontroll tas-sussidju, li n-nuqqas ta' osservanza tagħhom jista' jiġi kkontestat mill-kompetituri, u l-qrati jkollhom is-setgħa li jordnaw lill-benefiċjarji jħallsu lura s-sussidju fejn meħtieġ, u jkun hemm il-possibilità li l-UE tindirizza kwalunkwe nuqqas ta' konformità mir-Renju Unit permezz ta' sanzjonijiet unilaterali, inklużi l-introduzzjoni ta' tariffi jew kwoti fuq ċerti prodotti jew is-sospensjoni reċiproka ta' partijiet oħra tas-sħubija ekonomika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat ir-reġim il-ġdid ta' għajnuna mill-Istat tar-Renju Unit u li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-mekkaniżmu biex jiġu indirizzati s-sussidji mhux ġustifikati b'mod li jikkontribwixxi b'mod effettiv għal kundizzjonijiet ekwivalenti;
   (iv) jiddispjaċih, madankollu, li l-kapitolu dwar it-tassazzjoni mhuwiex soġġett għal dispożizzjonijiet relatati mas-soluzzjoni tat-tilwim u lanqas għal miżuri ta' riekwilibriju; jitlob lill-Kummissjoni tibqa' viġilanti dwar kwistjonijiet ta' tassazzjoni u ħasil tal-flus, fejn l-għodod kollha disponibbli bħall-proċessi ta' elenkar għandhom jintużaw biex jiskoraġġixxu lir-Renju Unit milli jadotta prattiki inġusti; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-possibilità li tintalab reviżjoni tal-intestatura kummerċjali erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim f'każ ta' żbilanċi;
   (v) ifakkar li d-dispożizzjonijiet dwar kundizzjonijiet ekwivalenti japplikaw b'mod ġenerali, inklużi fl-hekk imsejħa żoni ekonomiċi speċjali;

19.  Jenfasizza li l-monitoraġġ dovut u s-sorveljanza adegwata huma ta' importanza kruċjali biex jinkiseb fehim sod kemm tal-ostakli li fadal kif ukoll ta' dawk ġodda li l-kumpaniji, u speċjalment l-SMEs, jiffaċċjaw fil-prattika; jenfasizza l-importanza li jiġu evitati inċertezza regolatorja, piżijiet amministrattivi u kumplessità proċedurali bla bżonn li jżidu l-kumplessità u l-ispiża; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom mal-komunità tan-negozju, speċjalment l-SMEs sabiex jittaffew l-ostakli kummerċjali emerġenti;

Il-Governanza

20.  Jilqa' l-governanza orizzontali u l-qafas istituzzjonali stabbiliti fil-Ftehim, li jiżguraw koerenza, rabta u infurzar komuni bejn il-kapitoli kollha, u b'hekk jevitaw strutturi u burokrazija paralleli u addizzjonali kif ukoll jipprovdu ċertezza tad-dritt u garanziji robusti tal-konformità mill-partijiet; jirrikonoxxi b'mod partikolari l-mekkaniżmu robust għas-soluzzjoni tat-tilwim li jista' jinqala' bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom;

21.  Jilqa' l-klawżola tan-nondiskriminazzjoni fil-kapitolu dwar il-governanza li tiżgura li r-Renju Unit ma jistax, fil-politika nazzjonali tiegħu dwar il-viżi, jiddiskrimina bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE għal dak li jirrigwarda l-għoti ta' viżi għal soġġern qasir; jikkundanna t-trattament diskriminatorju fil-konfront ta' ċerti ċittadini tal-UE (mill-Bulgarija, l-Estonja, il-Litwanja, ir-Rumanija u s-Slovenja) li ma jibbenefikawx mill-istess reġim ta' tariffi għall-applikazzjoni tal-viża fir-Renju Unit bħaċ-ċittadini tat-22 Stat Membru l-oħra tal-UE fir-rigward ta' tariffi għal viżi tax-xogħol u ċertifikati ta' sponsorizzazzjoni;

Sigurtà, affarijiet barranin u żvilupp

22.  Jiddispjaċih li, għall-kuntrarju tad-Dikjarazzjoni Politika li pprevediet sħubija ambizzjuża, wiesgħa, profonda u flessibbli fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża, ir-Renju Unit irrifjuta li jinnegozja dwar dawn l-aspetti bħala parti mill-Ftehim; ifakkar madankollu li huwa fl-interess taż-żewġ partijiet li tinżamm kooperazzjoni mill-qrib u dejjiema f'dawn l-oqsma, b'mod partikolari għall-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà, inkluż il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-promozzjoni ta' ordni globali bbażat fuq ir-regoli, multilateraliżmu effettiv, il-Karta tan-NU, il-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont l-Artikolu 21 tat-TUE; jipproponi li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni futuri bejn l-UE u r-Renju Unit għandhom ikunu rregolati minn pjattaforma sistemika għal konsultazzjonijiet u koordinazzjoni ta' livell għoli dwar kwistjonijiet ta' politika barranija, inklużi l-isfidi ppreżentati minn pajjiżi bħar-Russja u ċ-Ċina, impenn mill-qrib dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inkluż fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, u kooperazzjoni preferenzjali sistematika fir-rigward b'mod partikolari tal-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi; jappella, b'mod partikolari, għal kooperazzjoni u koordinazzjoni approfonditi mar-Renju Unit fir-rigward tal-politiki ta' sanzjonijiet mal-UE minħabba l-valuri u l-interessi komuni u għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni f'dan ir-rigward;

23.  Jiddeplora f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tar-Renju Unit li jnaqqas il-grad tal-istatus diplomatiku tal-Unjoni Ewropea u jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tar-Renju Unit jirrimedjaw din l-azzjoni b'mod urġenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' soda fid-difiża tal-implimentazzjoni xierqa tat-Trattati;

24.  Jinnota l-importanza tar-Renju Unit bħala attur fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, minħabba l-kobor tal-għajnuna uffiċjali tiegħu għall-iżvilupp (minkejja tnaqqis tal-baġit minn 0,7 għal 0,5 % tal-ING), l-għarfien espert tiegħu, il-kapaċitajiet ta' implimentazzjoni ta' proġetti u r-relazzjonijiet komprensivi tiegħu mal-Commonwealth u ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lir-Renju Unit jgħin biex jiġu minimizzati l-impatti negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jżomm l-impenn tiegħu li jibqa' jkollu pożizzjoni fuq quddiem nett f'dawk li huma għajnuna għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja; jitlob koordinament u kooperazzjoni mill-qrib bejn id-donaturi tal-UE u tar-Renju Unit, inkluża l-possibilità li jisfruttaw il-kapaċitajiet ta' xulxin biex ikunu massimizzati l-effiċjenza, l-iżvilupp ikun aktar effikaċi u jsir progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti;

Kwistjonijiet settorjali speċifiċi u kooperazzjoni tematika

25.  Iqis li s-suq intern huwa waħda mill-kisbiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea, kien estremament vantaġġjuż għall-ekonomiji taż-żewġ partijiet u ħoloq bażi biex titjieb il-kwalità ta' ħajjet iċ-ċittadini; jisħaq li din l-era l-ġdida ta' sħubija ekonomika għandha tkun orjentata lejn il-ħolqien ta' opportunitajiet reċiprokament vantaġġjużi u bl-ebda mod ma għandha tirriżulta f'ipperikolar tal-integrità u tal-funzjonament tas-suq intern u tal-unjoni doganali; jirrikonoxxi li l-estensjoni tal-aġevolazzjonijiet mogħtija lill-operaturi ekonomiċi awtorizzati tirrappreżenta soluzzjoni adegwata biex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kummerċ;

26.  Jissottolinja li, bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni, ikun tajjeb li l-UE tagħti attenzjoni partikolari lill-konformità tal-kontrolli doganali li jsiru qabel ma l-merkanzija tidħol fis-suq intern (li tkun ġejja mir-Renju Unit jew minn pajjiżi terzi oħra fi tranżitu mir-Renju Unit), kif previst fil-ftehim, u jinsisti fuq il-fatt li huwa tal-akbar importanza li tiġi garantita l-konformità tal-merkanzija mar-regoli tas-suq intern; jisħaq fuq il-bżonn ta' investimenti akbar fil-faċilitajiet tal-kontroll doganali u ta' koordinament ulterjuri u skambju ta' informazzjoni bejn il-partijiet, biex ikun evitat kemm jista' jkun tfixkil tal-kummerċ u tiġi salvagwardjata l-integrità tal-unjoni doganali, fl-interess tal-konsumaturi u tal-impriżi; iqis li hija assolutament neċessarja kooperazzjoni armonjuża bejn l-awtoritajiet doganali u dawk inkarigati mis-sorveljanza tas-suq u jqajjem tħassib, b'mod partikolari, dwar il-kapaċità operattiva neċessarja tal-preżenza tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq;

27.  Josserva li d-drawwiet tal-konsumaturi u l-fiduċja tagħhom fix-xiri transfruntier diġà ntlaqtu ħażin mill-inċertezza dwar ir-regoli applikabbli u jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw malajr il-miżuri previsti fil-Ftehim għall-ħarsien tal-konsumatur kif ukoll isaħħu l-kooperazzjoni fuq diversi politiki settorjali relatati mal-metodi ta' produzzjoni sostenibbli u mas-sikurezza tal-prodotti; jitlob trasparenza tul il-katina ta' provvista tal-prodotti/tas-servizzi, għall-ġid tal-konsumaturi, u jiddikjara li l-prezzijiet li jirriflettu l-kostijiet totali tax-xirja, inklużi t-taxxi u d-dazji kollha applikabbli, u ċ-ċarezza dwar id-drittijiet tal-konsumaturi applikabbli huma fundamentali biex tiġi evitata l-frizzjoni u titrawwem il-fiduċja tal-konsumaturi meta jixtru lill hinn mill-konfini;

28.  Jiddeplora l-impatt negattiv fuq ċerti komunitajiet tas-sajd, filwaqt li jirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet dwar is-sajd li jistabbilixxu tnaqqis ta' 25 % introdotti gradwalment fuq 5 snin jirrappreżentaw riżultat inqas dannuż mill-għeluq totali tal-ilmijiet tar-Renju Unit; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżgura li l-limitu ta' tnaqqis ta' 25 % qatt ma jinqabeż u li l-aċċess reċiproku jibqa' fis-seħħ; f'dak ir-rigward, jinsab imħasseb li l-Kunsill ta' Sħubija jista' jemenda l-Annessi 35, 36 u 37; jitlob li l-Parlament jiġi kkonsultat kif xieraq qabel ma ssir xi bidla bħal din;

29.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni fi tmiem dan il-perjodu, u jfakkar lir-Renju Unit li l-aċċess kontinwu tiegħu għas-swieq tal-UE huwa marbut direttament mal-aċċess tas-sajd tal-UE għall-ilmijiet tar-Renju Unit wara t-tmiem ta' dan il-perjodu; ifakkar li, jekk ir-Renju Unit jikkunsidra li jillimita l-aċċess wara l-perjodu inizjali ta' 5 snin u nofs, l-UE se tkun tista' tieħu azzjoni biex tipproteġi l-interessi tagħha, inkluż billi tistabbilixxi mill-ġdid tariffi jew kwoti għall-importazzjonijiet tal-ħut tar-Renju Unit jew tissospendi partijiet oħra tal-Ftehim, jekk ikun hemm riskju ta' diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji għall-komunitajiet tas-sajd tal-UE; jiddispjaċih ħafna li d-drittijiet tal-UE għas-sajd qed jiġu ddubitati b'mezzi ta' diversifikazzjoni permezz tal-impossibbiltà li jiġi adottat ftehim f'waqtu dwar it-TACs u l-kwoti u permezz ta' miżuri tekniċi inaċċettabbli, kif ukoll permezz ta' interpretazzjonijiet restrittivi kontroversjali rigward il-kundizzjonijiet biex jinkisbu liċenzji;

30.  Jenfasizza t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi potenzjali ta' devjazzjoni tar-Renju Unit mir-regolamenti tal-Unjoni dwar miżuri tekniċi u leġiżlazzjoni ambjentali oħra relatata tal-Unjoni li jistgħu jwasslu għal limitazzjoni de facto tal-aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit għal xi bastimenti tas-sajd Ewropej; ifakkar li l-Ftehim jobbliga lil kull parti biex tiġġustifika b'mod preċiż in-natura nondiskriminatorja ta' kwalunkwe żvilupp f'dan il-qasam, u l-ħtieġa, fid-dawl ta' data li tista' tiġi vverifikata xjentifikament, li tiġi żgurata s-sostenbilità ambjentali fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment viġilanti li jkun hemm konformità ma' dawn il-kundizzjonijiet u tirreaġixxi bil-qawwa f'każ li r-Renju Unit jaġixxi b'mod diskriminatorju;

31.  Jesprimi tħassib fir-rigward tal-konsegwenzi ta' regoli differenti applikabbli għal territorji bi status speċjali relatat mar-Renju Unit, b'mod partikolari d-Dipendenzi tal-Kuruna u t-Territorji extra-Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lil dawn it-territorji u l-ispeċifiċitajiet tagħhom;

32.  Jinsab imħasseb dwar kif it-tnaqqis unilaterali possibbli fil-futur tal-istandards soċjali u tax-xogħol mir-Renju Unit se jiġi indirizzat u kkontestat skont il-Ftehim; itenni għal darb' oħra li kwalunkwe tnaqqis unilaterali tal-istandards soċjali u tax-xogħol għad-detriment tal-ħaddiema u l-kumpaniji Ewropej irid jiġi indirizzat u rimedjat malajr sabiex jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti; jiddeplora wkoll li għalkemm ir-Renju Unit kien obbligat skont l-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li jittrasponi d-direttivi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u d-Direttiva dwar Kundizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli(13) matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, għadu ma ħax il-passi meħtieġa biex jagħmel dan u għalhekk ċaħħad lill-ħaddiema fir-Renju Unit minn ċerti drittijiet stabbiliti reċentement;

33.  Jilqa' l-fatt li l-mekkaniżmu l-ġdid ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali huwa qrib ir-regoli eżistenti skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004(14) dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009(15) li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004; jilqa', b'mod partikolari, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni, it-trattament ugwali u l-aggregazzjoni tal-perjodi huma salvagwardjati fil-Ftehim; jiddispjaċih, madankollu, dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-kamp ta' applikazzjoni materjali u, b'mod partikolari, dwar il-fatt li l-benefiċċji tal-familja, il-benefiċċji fi flus tal-kura fit-tul u l-benefiċċji mhux kontributorji fi flus u l-esportabilità tal-benefiċċji tal-qgħad mhumiex inklużi; jistieden lill-partijiet jipprovdu minnufih liċ-ċittadini affettwati minn restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu b'informazzjoni konkreta u affidabbli rigward id-drittijiet tagħhom ta' residenza, ta' xogħol u ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;

34.  Jieħu nota tad-dispożizzjoni interim għat-trażmissjoni ta' data personali lir-Renju Unit; itenni r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 u tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-importanza tal-protezzjoni tad-data kemm bħala dritt fundamentali, kif ukoll bħala faċilitatur ewlieni għall-ekonomija diġitali; ifakkar li, fir-rigward tal-adegwatezza tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, skont il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, il-livell ta' protezzjoni tar-Renju Unit irid ikun "essenzjalment ekwivalenti" għal dak offrut mill-qafas ġuridiku tal-UE, inklużi trasferimenti ulterjuri lejn pajjiżi terzi, kemm fir-rigward tat-trasferimenti kummerċjali kif ukoll tat-trasferimenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi; jirrikonoxxi t-tnedija tal-proċedura għall-adozzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet ta' adegwatezza għat-trasferimenti ta' data personali lejn ir-Renju Unit, skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(16) (GDPR) u d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi(17) fit-19 ta' Frar 2021; jistieden lill-Kummissjoni ma tadottax deċiżjoni ta' adegwatezza pożittiva jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti skont id-dritt u l-każistika tal-UE ma jiġux rispettati bis-sħiħ; jenfasizza li deċiżjoni dwar l-adegwatezza tista' ma tkunx is-suġġett ta' negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE peress li tirreferi għall-protezzjoni ta' dritt fundamentali rikonoxxut mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Karta u mit-Trattati tal-UE;

35.  Jenfasizza li l-Ftehim jistabbilixxi kooperazzjoni mar-Renju Unit fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, li bla preċedent hija ta' natura mill-qrib ma' pajjiż terz; jirrimarka li, bħala salvagwardja addizzjonali, il-Parti III, it-Titolu III tal-Ftehim jipprevedi reġim speċifiku għas-soluzzjoni tat-tilwim fid-dawl tal-qasam sensittiv irregolat minnu; jilqa' d-dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-Parti III, b'mod partikolari l-kundizzjonalità tal-KEDB;

36.  Jiddeplora l-fatt li t-talbiet tal-Parlament rigward approċċ komuni tal-UE dwar l-asil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, ma ġewx segwiti u li dawn il-kwistjonijiet importanti, li għandhom impatt ukoll fuq id-drittijiet ta' dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-minorenni mhux akkumpanjati, issa għandhom jiġu indirizzati permezz ta' kooperazzjoni bilaterali; jitlob li ftehim rilevanti li jissostitwixxi r-Regolament ta' Dublin(18) jiġi miftiehem malajr bejn l-UE u r-Renju Unit;

37.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' ambizzjoni tal-Ftehim dwar il-politiki ta' mobilità u jappella għall-iżvilupp ta' mogħdijiet ta' migrazzjoni legali sikuri bejn l-UE u r-Renju Unit; jilqa' d-dispożizzjonijiet dwar il-viżi għal żjarat qosra u l-klawsola tan-nondiskriminazzjoni fost l-Istati Membri; jistieden lir-Renju Unit ma jiddiskriminax fost iċ-ċittadini tal-UE abbażi tan-nazzjonalità tagħhom, kemm f'termini ta' reġistrazzjoni fl-iskema ta' soluzzjoni tal-UE, kif ukoll fi kwistjonijiet ta' mobilità u viża; jistieden lill-Kummissjoni tinforza l-prinċipju tar-reċiproċità b'mod strett; jikkundanna d-deċiżjoni diskriminatorja tar-Renju Unit li japplika tariffi differenti għall-viżi għax-xogħol għaċ-ċittadini ta' ċerti Stati Membri tal-UE fir-rigward, pereżempju, tal-viżi għax-xogħol staġjonali u l-viżi għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u l-indokrar; jenfasizza l-importanza li jiġi ggarantit aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol tar-Renju Unit għaċ-ċittadini tal-UE u l-ħtieġa li tiġi applikata l-istess tariffa għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u għalhekk iħeġġeġ lir-Renju Unit ireġġa' lura d-deċiżjoni tiegħu immedjatament;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bis-sħiħ dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim mill-Bank Ċentrali Ewropew, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, kif ukoll dwar l-iżviluppi tas-suq fis-servizzi finanzjarji sabiex jiġu identifikati t-tfixkil potenzjali tas-suq u t-theddid għall-istabilità finanzjarja, l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri fil-ħin;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għodod disponibbli, tikkunsidra għodod ġodda fir-reviżjoni li jmiss tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus u tiżgura kooperazzjoni sinċiera fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi u tipproteġi s-suq uniku mir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jirriżultaw mir-Renju Unit;

40.  Jinnota b'apprezzament li l-Ftehim jinkludi impenji dwar it-trasparenza tat-tassazzjoni u l-kompetizzjoni fiskali ġusta, kif ukoll Dikjarazzjoni Politika konġunta dwar il-ġlieda kontra reġimi tat-taxxa dannużi;

41.  Jilqa' t-tħabbir ta' ftehim bejn ir-Renju Unit u l-UE dwar Memorandum ta' Qbil tas-servizzi finanzjarji, iżda jiddispjaċih li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tar-Renju Unit s'issa ngħataw biss lil Stati taż-ŻEE individwali, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, aktar milli lill-Unjoni kollha kemm hi; ifakkar li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jkopru diversi oqsma tal-liġi soġġetti għall-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE u li, f'xi każijiet, is-superviżjoni titwettaq direttament mill-awtoritajiet tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tar-Renju Unit ġewx indirizzati lill-UE kollha kemm hi, qabel ma tagħmel id-determinazzjonijiet tal-ekwivalenza tagħha stess;

42.  Iqis li hemm bżonn li jiġi ċċarat aktar il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu ta' nonrigressjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet tat-taxxa; jibża' dwar l-impatt ta' leġiżlazzjoni differenti dwar kwistjonijiet ta' taxxa; jinsab partikolarment imħasseb dwar it-tħabbira bikrija mir-Renju Unit li jimpenja ruħu biss għall-iżvelar obbligatorju ta' arranġamenti rapportabbli bbażati fuq standards internazzjonali aktar dgħajfa u jiddispjaċih ukoll dwar dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-ftuħ ta' portijiet ħielsa fir-Renju Unit;

43.  Iwissi li terminoloġija mhux ċara u regoli legali u mekkaniżmi ta' sorveljanza mhux vinkolanti jew imprevedibbli dwar it-tassazzjoni fi ħdan il-Ftehim iżidu r-riskju ta' dumping fiskali; jinnota, barra minn hekk, li l-infurzar tal-Ftehim jirriskja li jiġġenera tilwim mhux solvut minħabba nuqqas ta' klawżoli b'effett dirett, inkluż dwar prattiki tat-taxxa dannużi; jinnota bi tħassib li l-kundizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat tat-taxxa huma aktar stretti fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE mal-Iżvizzera u mal-Kanada;

44.  Jinnota li l-Ftehim ma japplikax għad-Dipendenzi tal-Kuruna tar-Renju Unit u t-Territorji Extra-Ewropej tar-Renju Unit; iqis li għandu jsir skrutinju bir-reqqa sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim ma jkunx fih lakuni li jippermettu li dawn it-territorji jintużaw bħala kontropartijiet għall-iżvilupp ta' skemi tat-taxxa dannużi ġodda li jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern;

45.  Jilqa' l-fatt li l-Ftehim ta' Pariġi se jkun jikkonstitwixxi element essenzjali tal-Ftehim futur; jiddispjaċih, madankollu, li l-livell ta' protezzjoni tal-bażi klimatika fir-rigward tal-gassijiet b'effett ta' serra, ma qiesx il-miri riveduti tal-2030 fl-ekonomija kollha li waslu biex jiġu adottati; jissottolinja, barra minn hekk, li l-UE qed tippjana li tkompli ssaħħaħ u tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; iqis li, jekk jitfaċċaw differenzi sinifikanti bejn l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-iskema tar-Renju Unit għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, dan jista' jwassal għal distorsjoni tal-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, u għalhekk jista' jiġi kkunsidrat fl-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera tal-UE – ladarba jkun fis-seħħ;

46.  Jilqa' d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tas-saħħa, li jippermettu lill-partijiet u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni rilevanti, iżda jiddispjaċih li din il-kooperazzjoni ġiet limitata għall-valutazzjoni tar-riskji "sinifikanti" għas-saħħa pubblika, u għall-koordinazzjoni tal-miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

47.  Jilqa' l-fatt li mhu se jkun hemm l-ebda tibdil fl-istandards tas-sikurezza tal-ikel tal-UE, u li l-Ftehim għandu l-għan li jissalvagwardja l-istandards għoljin sanitarji u fitosanitarji (SPS) tal-UE; itenni li l-flussi kummerċjali ta' oġġetti marbuta b'miżuri SPS se jkunu għoljin ħafna bejn l-UE u r-Renju Unit u li l-UE għandu jkollha proċess ta' koordinazzjoni xieraq biex jiġu evitati kontrolli inkonsistenti fuq oġġetti tar-Renju Unit fil-portijiet tal-UE;

48.  Jilqa' l-kapitolu komprensiv dwar it-trasport bl-ajru inkluż fil-Ftehim, li għandu jiżgura li l-interessi strateġiċi tal-UE jkunu protetti, u li fih dispożizzjonijiet xierqa dwar l-aċċess għas-suq, id-drittijiet tat-traffiku, il-kondiviżjoni tal-kodiċijiet u d-drittijiet tal-passiġġieri; jilqa' d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kundizzjonijiet ekwi fi ħdan il-kapitolu dwar l-avjazzjoni, li se jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru tal-UE u tar-Renju Unit jikkompetu fuq l-istess livell; jinnota s-soluzzjoni li nstabet għar-regoli dwar is-sjieda u l-kontroll, li jirregolaw l-aċċess għas-suq intern filwaqt li jħallu miftuħa l-possibilità li fil-futur titkompla l-liberalizzazzjoni; jilqa' l-kapitolu speċifiku dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, li jipprovdi għal kooperazzjoni mill-qrib fis-sikurezza tal-avjazzjoni u fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru; iqis li tali kooperazzjoni m'għandhiex tillimita lill-UE fid-determinazzjoni tal-livell ta' protezzjoni li hija tqis bħala xieraq għas-sikurezza; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni mill-qrib futura bejn l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

49.  Jilqa' l-fatt li l-Ftehim se jiżgura konnettività mingħajr kwoti bejn l-UE u r-Renju Unit għat-trasportaturi tat-trasport bit-triq u li se jiggarantixxi drittijiet sħaħ ta' tranżitu fit-territorji ta' xulxin, l-hekk imsejjaħ "pont tal-art"; jilqa' l-kundizzjonijiet ekwi b'saħħithom miksuba fin-negozjati għat-trasport bit-triq u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom, li se jorbtu lir-Renju Unit mal-istandards għoljin tal-UE applikabbli għas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Ftehim jinkludi inter alia standards dwar l-aċċess għall-professjoni, l-istazzjonar ta' sewwieqa, il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, it-takografi u l-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi; jinnota li tali standards mhux biss se jiżguraw kompetizzjoni ġusta, iżda se jiggarantixxu wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għax-xufiera u livell għoli ta' sikurezza fit-toroq; jilqa' d-dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-Irlanda ta' Fuq, adottati b'rikonoxximent tas-sitwazzjoni unika tal-Irlanda, li se jimminimizzaw it-tfixkil fl-ekonomija fil-gżira kollha; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi biex jipprovdu lill-partijiet interessati tat-trasport b'informazzjoni preċiża u utli, jiżguraw il-funzjonament u r-robustezza tas-sistemi tal-IT rilevanti u jagħmlu d-dokumenti kollha meħtieġa għat-tranżitu aċċessibbli online; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat appoġġ finanzjarju għal ċerti portijiet sabiex jitneħħew malajr l-ostakoli għall-infrastruttura fiżika li jinħolqu minħabba żieda fil-ħin ta' stennija għat-trasportaturi tal-merkanzija li jaqsmu l-fruntiera; jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit biex jiġu evitati dewmien u tfixkil bla bżonn fis-sistema tat-trasport, filwaqt li l-konnettività tinżamm kemm jista' jkun;

50.  Jilqa' l-kontinwazzjoni tal-kollaborazzjoni Ewropea mar-Renju Unit fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-ispazju; jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġjata l-mobilità tar-riċerkaturi biex jiġi żgurat li l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija jiċċirkolaw liberament; jistieden lill-operaturi tat-telefonija mobbli jkomplu japplikaw il-prinċipju ta' "roam like at home" kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit; jinnota li l-kapitolu dwar l-enerġija jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2026; jissottolinja l-bżonn li l-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-enerġija tkompli lil hinn minn dik id-data, kemm minħabba l-interkonnessjoni taż-żewġ swieq tal-enerġija u kemm minħabba l-fatt li l-Irlanda ta' Fuq se tibqa' fis-suq intern tal-enerġija tal-UE; jinnota l-Ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit għall-kooperazzjoni dwar l-użi sikuri u paċifiċi tal-enerġija nukleari; jiddispjaċih li dan mhuwiex parti mill-proċedura ta' approvazzjoni peress li t-Trattat Euratom ma jipprevedix rwol għall-Parlament; jitlob għal Memorandum ta' Qbil, ibbażat fuq il-qafas tal-Kooperazzjoni tal-Enerġija fl-Ibħra tat-Tramuntana (NSEC), li jinkludi proġetti konġunti, ippjanar spazjali marittimu u l-integrazzjoni tal-enerġija lil hinn mill-kosta fis-swieq tal-enerġija;

51.  Jilqa' r-regoli li jirregolaw il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fit-taqsima rilevanti tal-Ftehim; iqis li dawk ir-regoli jissodisfaw ampjament l-aspettattivi tal-Parlament, kif stabbilit fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq; iqis b'mod partikolari li dawk ir-regoli jipproteġu l-interess finanzjarju tal-Unjoni; f'dan ir-rigward, jilqa' l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' korrezzjoni awtomatika għall-programm Orizzont Ewropa;

52.  Jilqa' l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-Orizzont Ewropa; u jilqa' l-fatt li r-Renju Unit beħsiebu jieħu sehem fil-programm ta' riċerka u taħriġ tal-Euratom, il-komponent Copernicus tal-programm Spazjali, u l-ITER, u se jkollu aċċess għal servizzi ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju taħt il-programm Spazjali; jilqa' l-fatt li l-programm PEACE+ se jkun is-suġġett ta' ftehim ta' finanzjament separat;

53.  Jesprimi dispjaċir kbir dwar id-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jipparteċipax fil-programm Erasmus+ għall-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027; jissottolinja l-fatt li d-deċiżjoni se jkollha eżitu żvantaġġjuż għal kulħadd, billi ċċaħħad lin-nies u lill-organizzazzjonijiet fl-UE u fir-Renju Unit minn opportunitajiet li jbiddlulhom ħajjithom bis-saħħa ta' proġetti ta' skambju u kooperazzjoni; jinsab partikolarment sorpriż bil-fatt li r-Renju Unit semma l-kostijiet eċċessivi ta' parteċipazzjoni bħal raġuni għad-deċiżjoni tiegħu; iħeġġeġ lir-Renju Unit juża l-"perjodu ta' riflessjoni" previst mid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-UE biex jerġa' jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu; jilqa' l-offerta ġeneruża tal-Irlanda li tistabbilixxi mekkaniżmu u finanzjament biex l-istudenti mill-Irlanda ta' Fuq ikunu jistgħu jkomplu jieħdu sehem;

54.  Ifakkar li kemm l-edukazzjoni kif ukoll ir-riċerka huma partijiet integrali tal-kooperazzjoni akkademika u li s-sinerġiji bejn Orizzont Ewropa u Erasmus+ jirrappreżentaw dimensjoni ċentrali tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi; jissottolinja li se jimmonitorja b'attenzjoni s-sitwazzjoni biex jiżgura li l-approċċ differenzjat fil-konfront tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fiż-żewġ programmi ta' kooperazzjoni akkademika tal-UE ma jikkompromettix l-effikaċja tal-programmi stess jew ir-riżultati tal-kooperazzjoni preċedenti;

55.  Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fid-dimensjonijiet kollha u li r-Renju Unit jirrispetta bis-sħiħ l-obbligi finanzjarji tiegħu li jirriżultaw mill-Ftehim; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni b'saħħitha dwar il-VAT u d-dazji doganali sabiex jiġu żgurati l-ġbir xieraq u l-irkupru ta' krediti; jenfasizza li l-proċeduri doganali huma kumplessi ħafna u li hemm ħtieġa permanenti li jiġi żgurat skambju rapidu ta' informazzjoni u kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-UE u r-Renju Unit sabiex jiġu żgurati kontrolli u żdoganar effiċjenti, u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi evitata l-frodi doganali u tal-VAT inkluż it-traffikar jew il-kuntrabandu permezz ta' kontrolli adegwati li jqisu l-probabilità li merkanzija speċifika tkun suġġetta għal kutrabandu jew dikjarazzjonijiet foloz fir-rigward tal-oriġini jew il-kontenut imressaq;

56.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-Ftehim u, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet, id-dritt ta' aċċess għas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-OLAF u l-UPPE kif ukoll id-dritt ta' skrutinju tal-Parlament jiġu rispettati bis-sħiħ; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni;

57.  Jenfasizza l-importanza tal-proprjetà intellettwali (PI) u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità regolatorja, bl-eċċezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi futuri; jilqa' f'dan ir-rigward il-protezzjoni msaħħa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali stabbiliti fil-Ftehim, li tkopri t-tipi kollha ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u d-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar u l-kooperazzjoni, li jkopru firxa wiesgħa ta' miżuri;

58.  Jiddispjaċih ħafna li t-tipi ta' kumpaniji eżistenti tal-partijiet, bħas-Societas Europaea (SE) jew kumpaniji b'responsabilità limitata, mhumiex koperti mill-Ftehim u mhux se jibqgħu jiġu aċċettati mill-parti opposta rispettiva; madankollu, jinsab kuntent li l-partijiet, filwaqt li jipproteġu l-operaturi ekonomiċi, qiesu l-ħtieġa li tiġi żgurata klima ta' żvilupp sostenibbli u kompetittiva billi impenjaw ruħhom għal nonregressjoni f'termini ta' standards soċjali u tax-xogħol u billi qablu dwar dispożizzjonijiet dwar prattiki pprojbiti, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni;

59.  Jiddispjaċih li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili ma kinitx parti min-negozjati għas-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unitu jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq fehim konġunt f'dan il-qasam mill-aktar fis possibbli; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tikkunsidra bir-reqqa d-deċiżjoni tagħha dwar il-possibilità li r-Renju Unit jibqa' parti għall-Konvenzjoni ta' Lugano tal-2007, speċjalment fid-dawl tal-Protokoll II tagħha dwar l-interpretazzjoni uniformi tagħha u l-possibilità li jinżamm bilanċ ġenerali tar-relazzjonijiet tiegħu ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u li l-kollaborazzjoni u d-djalogu effettivi bejn il-Kummissjoni u l-Parlament, b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, inkarigat mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali, sa fejn tkun affettwata l-UE, ikunu ta' importanza kbira;

60.  Jiddispjaċih ħafna li ma ġietx stabbilita soluzzjoni dettaljata u sinifikanti fir-rigward ta' kwistjonijiet matrimonjali, dawk relatati mar-responsabilità tal-ġenituri u kwistjonijiet oħra tal-familja mill-Ftehim; jilqa' f'dan ir-rigward il-possibilitajiet għal kooperazzjoni msaħħa, tal-anqas fi kwistjonijiet ewlenin tal-liġi tal-familja u kwistjonijiet ta' kooperazzjoni prattika fl-oqsma tar-responsabilità tal-ġenituri, il-ħtif tat-tfal u l-obbligi ta' manteniment, li jistgħu jiġu offruti permezz tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit bħala osservatur fil-laqgħat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali;

61.  jiddispjaċih li l-Ftehim ma jagħti l-ebda rwol lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-impenn tal-partijiet fid-Dikjarazzjoni Politika li jiżguraw li l-bord ta' arbitraġġ jirreferi lill-QĠUE għal sentenza vinkolanti f'każ li tilwima bejniethom qajmet kwistjoni ta' interpretazzjoni ta' kunċetti tad-dritt tal-UE;

62.  Jinnota li l-Ftehim ma japplikax għal Ġibiltà u lanqas ma għandu xi effett fuq it-territorju tiegħu; jieħu nota tal-ftehim preliminari bejn Spanja u r-Renju Unit dwar qafas propost għal ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar ir-relazzjoni futura ta' Ġibiltà mal-UE, li se jippermetti l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta' Schengen f'Ġibiltà;

o
o   o

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju Unit.

(1) ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2.
(2) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.
(3) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.
(4) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.
(5) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.
(6) Testi adottati, P9_TA(2019)0016.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0006.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0033.
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0152.
(10) Testi adottati, P9_TA(2020)0018.
(11) ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(12) ĠU C 34, 31.1.2020, p. 1.
(13) Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) 2016/679 Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)
(17) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(18) Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).


Pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran ***I
PDF 601kWORD 312k
Riżoluzzjoni
Test konsolidat
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107 u (UE) 2019/833 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627 (COM(2019)0619 – C9-0188/2019 – 2019/0272(COD))
P9_TA(2021)0142A9-0149/2020

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2019)0619),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0188/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0149/2020),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-28 ta’ April 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107 u (UE) 2019/833 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627

P9_TC1-COD(2019)0272


IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  Kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3), l-objettiv tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li tiżgura li r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jiġu sfruttati b'mod li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

(2)  Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE(4), l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta' ħażniet ta' ħut li jpassi f'żona limitata (straddling) u ħażniet ta' ħut li jpassi ħafna (highly migratory), li fihom il-prinċipji u r-regoli għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Fil-kuntest tal-obbligi internazzjonali aktar ġenerali tagħha, l-Unjoni tieħu sehem fl-isforzi li jsiru fl-ibħra internazzjonali għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut.

(3)  L-Unjoni hija Parti tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku(5) (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni").

(4)  Waqt il-21 laqgħa speċjali tagħha li saret fl-2018, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-ICCAT"), li ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni, adottat ir-Rakkomandazzjoni 18-02 li tistabbilixxi pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-pjan ta' ġestjoni"). Il-pjan ta' ġestjoni jsegwi l-parir tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "l-SCRS") tal-ICCAT, li jgħid li jenħtieġ li l-ICCAT tistabbilixxi pjan ta' ġestjoni pluriennali għall-istokk fl-2018 minħabba li l-istat attwali tal-istokk ma jidhirx li għadu jeħtieġ il-miżuri ta' emerġenza li kienu ddaħħlu fil-kuntest tal-pjan għall-irkupru tat-tonn (li kien ġie stabbilit bir-Rakkomandazzjoni 17-07 li temenda r-Rakkomandazzjoni 14-04), iżda mingħajr ma ddgħajjef il-miżuri eżistenti ta' monitoraġġ u ta' kontroll.

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni 18-02 tħassar ir-Rakkomandazzjoni 17-07 li temenda r-Rakkomandazzjoni 14-04 li tistabbilixxi pjan ta' rkupru tat-tonn li ġiet implimentata fil-liġi tal-Unjoni bir-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6).

(6)   Fis-26 laqgħa regolari tagħha fl-2019, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 19-04 li temenda l-pjan ta' ġestjoni pluriennali stabbilit bir-Rakkomandazzjoni 18-02. Ir-Rakkomandazzjoni 19-04 tal-ICCAT tħassar u tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni 18-02. Dan ir-Regolament għandu jimplimenta r-Rakkomandazzjoni 19-04 fid-dritt tal-Unjoni.

(7)  Jenħtieġ li dan ir-Regolament jimplimenta wkoll r-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li ġejjin, kompletament jew parzjalment, meta dan ikun rilevanti: ir-Rakkomandazzjoni 06-07(7), ir-Rakkomandazzjoni 18-10(8), ir-Rakkomandazzjoni 96-14(9), ir-Rakkomandazzjoni 13-13(10) u r-Rakkomandazzjoni 16-15(11).

(8)  Il-pożizzjonijiet tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli sabiex ikun żgurat li r-riżorsi tas-sajd ikunu ġestiti f'konformità mal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd, b'mod partikulari mal-objettiv li jerġgħu jiżdiedu bil-mod il-mod il-popolazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut u li dawn jinżammu f'livelli tal-bijomassa li jkunu 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "l-MSY") u mal-objettiv li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex ikun hemm industrija tas-sajd li fiha l-qbid u l-ipproċessar tal-ħut ikunu ekonomikament vijabbli u kompetittivi u attività tas-sajd relatata li ssir fuq l-art li wkoll tkun ekonomikament vijabbli u kompetittiva. Skont ir-Rapport tal-SCRS tal-2018(12), il-qabdiet tat-tonn b'rata ta' mortalità mis-sajd ta' F0.1 huma konformi ma' mortalità mis-sajd li hija konsistenti mal-kisba tar-rendiment massimu sostenibbli (Fmsy). Il-bijomassa tal-istokk titqies li hija f'livell li jiżgura r-rendiment massimu sostenibbli. B0.1 tvarja skont il-livell ta' reklutaġġ — hija tkun 'il fuq minn dak il-livell fil-każ ta' livelli medji u baxxi ta' reklutaġġ, u inqas minnu fil-każ ta' livell għoli ta' reklutaġġ.

(9)  Il-pjan ta' ġestjoni jqis l-ispeċifiċitajiet tat-tipi ta' rkaptu u ta' tekniki tas-sajd differenti. Huma u jimplimentaw il-pjan ta' ġestjoni, jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-attivitajiet tas-sajd ta' mal-kosta u l-użu ta' rkaptu u ta' tekniki tas-sajd li jkunu selettivi u li jkollhom impatt ambjentali mnaqqas, b'mod partikulari l-użu ta' rkaptu u ta' tekniki li jintużaw fis-sajd tradizzjonali u artiġjanali, biex b'hekk jikkontribwixxu għal livell ġust ta' għajxien għall-ekonomiji lokali.

(10)   Jenħtieġ li jitqiesu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-sajd artiġjanali u fuq skala żgħira. Minbarra d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Rakkomandazzjoni 19-04 tal-ICCAT li jneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tal-bastimenti kostali fuq skala żgħira fis-sajd għat-tonn, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi biex jiżguraw tqassim ġust u trasparenti tal-opportunitajiet tas-sajd bejn il-flotot fuq skala żgħira, il-flotot artiġjanali u l-flotot akbar, b'mod konsistenti mal-obbligi tagħhom fl-ambitu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(11)  Biex tkun żgurata l-konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd, ġiet adottata leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita sistema ta' kontroll, ta' spezzjoni u ta' infurzar li tinkludi l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU). B'mod partikulari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009(13) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-kontroll, għall-ispezzjoni u għall-infurzar permezz ta' approċċ globali u integrat sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli kollha tal-Politika Komuni tas-Sajd. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011(14) jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008(15) jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU. Dawk ir-Regolamenti diġà fihom dispożizzjonijiet bħal-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u ċerti regoli dwar is-sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti li jkopru għadd ta' miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 19-04 tal-ICCAT. Għalhekk, dawk id-dispożizzjonijiet m'hemmx bżonn jiddaħħlu f'dan ir-Regolament.

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi l-kunċett ta' daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, jenħtieġ li l-kunċett tal-ICCAT ta' daqs minimu jiddaħħal fil-liġi tal-Unjoni bħala daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni.

(13)  Skont ir-Rakkomandazzjoni 19-04 tal-ICCAT, it-tonn li jkun inqabad u li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni se jkollu jiġi skartat, u l-istess japplika għall-qabdiet tat-tonn li jaqbżu l-limiti tal-qabdiet aċċessorji stabbiliti fil-pjanijiet annwali tas-sajd. Għall-finijiet tal-konformità tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha fil-kuntest tal-ICCAT, l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98(16) jipprevedi derogi mill-obbligu ta' ħatt l-art għat-tonn skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Ir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98 jimplimenta ċerti dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 19-04 tal-ICCAT li jistabbilixxu l-obbligu li l-bastimenti li jkunu qabżu l-kwota allokata għalihom jew il-livell massimu ta' qabdiet aċċessorji permessi tagħhom jiskartaw it-tonn. Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament ta' Delega jinkludi l-bastimenti li jintużaw għas-sajd rikreattiv. B'hekk, dan ir-Regolament m'hemmx bżonn ikopri t-tali obbligi tal-iskartar u tar-rilaxx u se jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98.

(14)  Waqt il-laqgħa annwali tal-2018, il-l-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni rrikonoxxew il-ħtieġa li jsaħħu l-kontrolli ta' ċerti attivitajiet marbutin mat-tonn. Għal dan il-għan, waqt il-laqgħa annwali tal-2018 intlaħaq qbil li jenħtieġ li l-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni li huma responsabbli għall-farms tal-ħut jiżguraw it-traċċabbiltà sħiħa tal-attivitajiet tat-tqegħid fil-gaġeġ u li jenħtieġ li dawn iwettqu kontrolli għall-għarrieda bbażati fuq analiżi tar-riskju.

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 640/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17) jipprevedi dokument elettroniku dwar il-qabdiet tat-tonn (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "eBCD"), li jimplimenta r-Rakkomandazzjoni 09-11 tal-ICCAT li temenda r-Rakkomandazzjoni 08-12. Dan l-aħħar, ir-Rakkomandazzjonijiet 17-09 u 11-20 dwar l-applikazzjoni tal-eBCD tħassru bir-Rakkomandazzjonijiet 18-12 u 18-13. Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 640/2010 issa m'għadux jgħodd u l-Kummissjoni ipproponiet regolament ġdid li jimplimenta r-regoli l-aktar riċenti tal-ICCAT dwar l-eBCD. B'hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jirreferix għar-Regolament (UE) Nru 640/2010 iżda jirreferi b'mod iktar ġenerali għall-programm ta' dokumentazzjoni tal-qbid irrakkomandat mill-ICCAT.

(16)  Minħabba li ċerti rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT ta' spiss jiġu emendati mill-Partijiet Kontraenti tal-ICCAT u x'aktarx jiġu emendati aktar fil-ġejjieni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) b'rabta mal-aspetti li ġejjin, sabiex ir-rakkomandazzjonijiet futuri tal-ICCAT li jemendaw jew li jissupplimentaw il-pjan ta' ġestjoni tal-ICCAT jiddaħħlu malajr fil-liġi tal-Unjoni: l-iskadenzi għar-rappurtar tal-informazzjoni u l-perjodi taż-żmien għall-istaġuni tas-sajd; derogi mill-projbizzjoni fuq ir-riport tal-kwoti mhux użati; id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni; il-perċentwali u l-parametri u l-informazzjoni li trid tintbagħat lill-Kummissjoni; il-kompiti tal-osservaturi nazzjonali u tal-osservaturi reġjonali; ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-ħut; u r-raġunijiet għas-sekwestru tal-qabdiet u għall-ordni tar-rilaxx tal-ħut. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(18). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(17)  Il-Kummissjoni, li tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-ICCAT, kull sena taqbel ma' għadd ta' rakkomandazzjonijiet purament tekniċi tal-ICCAT, b'mod partikulari dwar il-limiti fuq il-kapaċità, ir-rekwiżiti tal-ġurnal ta' abbord, il-formoli tar-rapport tal-qabdiet, id-dikjarazzjonijiet tat-trasbord u tat-trasferiment, l-informazzjoni minima għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, l-għadd minimu ta' bastimenti tas-sajd b'rabta mal-iskema tal-ICCAT ta' spezzjoni internazzjonali konġunta; l-ispeċifikazzjonijiet tal-iskema ta' spezzjoni u ta' osservazzjoni, l-istandards tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera, il-protokoll tar-rilaxx, l-istandards tat-trattament tal-ħut mejjet, id-dikjarazzjonijiet dwar it-tqegħid fil-gaġeġ, u l-istandards tas-Sistemi ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti, li huma implimentati permezz tal-Annessi I sa XV ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta att delegat li jemenda jew li jissupplimenta l-Annessi I sa XV skont ir-rakkomandazzjonijiet emendati jew issupplimentati tal-ICCAT. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(18)  Ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jirregolaw is-sajd tat-tonn (l-attivitajiet marbutin mal-qbid, mat-trasferiment, mat-trasport, mat-tqegħid fil-gaġeġ, mat-trobbija, mal-qtil u mar-riporti) huma dinamiċi ħafna. It-teknoloġiji għall-kontroll u għall-ġestjoni tas-sajd (bħall-kameras sterjoskopiċi u metodi alternattivi) qed jiġu żviluppati b'mod kostanti u l-Istati Membri jridu japplikawhom b'mod uniformi. Bl-istess mod, iridu jiġu żviluppati wkoll proċeduri operattivi sabiex jgħinu lill-Istati Membri jikkonformaw mar-regoli tal-ICCAT previsti f'dan ir-Regolament, meta jkun hemm bżonn. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni b'rabta mar-regoli ddettaljati għar-riporti tat-tonn ħaj, għall-attivitajiet tat-trasferiment u għall-attivitajiet tat-tqegħid fil-gaġeġ. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19).

(19)  L-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni previsti f'dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jista' jkun hemm fil-ġejjieni fil-liġi tal-Unjoni permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

(20)  Billi dan ir-Regolament se jipprovdi pjan ta' ġestjoni ġdid u komprensiv għat-tonn, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar it-tonn stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2017/2107(20) u (UE) 2019/833(21) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jitħassru. F'dak li għandu x'jaqsam mal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2017/2107, il-parti li tikkorrispondi għall-pixxispad tal-Mediterran iddaħħlet fir-Regolament (UE) 2019/1154 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(22). Jenħtieġ ukoll li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001(23) jitħassru. Ir-Regolamenti (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107 u (UE) 2019/833 għandhom għalhekk jiġu emendati kif mistħoqq.

(21)  Ir-Rakkomandazzjoni 18-02 tal-ICCAT ħassret ir-Rakkomandazzjoni 17-07 minħabba li l-istat tal-istokk ma kienx għadu jeħtieġ il-miżuri ta' emerġenza previsti fil-pjan għall-irkupru tat-tonn li kien ġie stabbilit b'dik ir-Rakkomandazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li jitħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627 li implimenta dak il-pjan għall-irkupru,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ġenerali għall-implimentazzjoni uniformi u effettiva mill-Unjoni tal-pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn (Thunnus thynnus) fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, kif adottat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-ICCAT").

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)  għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għall-bastimenti tal-Unjoni li jintużaw għas-sajd rikreattiv:

–  li jaqbdu t-tonn fiż-Żona tal-Konvenzjoni; kif ukoll

–  li jittrasbordaw jew ikollhom abbord, anki 'l barra miż-Żona tal-Konvenzjoni, tonn maqbud fiż-Żona tal-Konvenzjoni;

(b)  għall-farms tal-ħut tal-Unjoni;

(c)  għall-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi u għall-bastimenti ta' pajjiżi terzi li jintużaw għas-sajd rikreattiv li jistadu fl-ibħra tal-Unjoni u li jaqbdu t-tonn fiż-Żona tal-Konvenzjoni;

(d)  għall-bastimenti ta' pajjiżi terzi li jiġu spezzjonati fil-portijiet tal-Istati Membri u li jkollhom abbord tonn maqbud fiż-Żona tal-Konvenzjoni, jew prodotti tas-sajd li joriġinaw mit-tonn maqbud fl-ibħra tal-Unjoni li ma jkunux inħattu l-art jew ġew ittrasbordati fil-portijiet qabel.

Artikolu 3

Objettiv

L-objettiv ta' dan ir-Regolament huwa li jiġi implimentat il-pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn, kif adottat mill-ICCAT, li għandu l-għan li jżomm bijomassa tat-tonn f'livell li jkun 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli.

Artikolu 4

Relazzjoni ma' liġijiet oħrajn tal-Unjoni

Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor f'dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal atti oħrajn tal-Unjoni li jirregolaw is-settur tas-sajd, b'mod partikulari:

(1)  ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(2)  ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

(3)  ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(24) dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni;

(4)  ir-Regolament (UE) 2017/2107 li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).

(5)   Ir-Regolament (UE) Nru 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(25) dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi

Artikolu 5

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)  "ICCAT" tfisser il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku;

(2)  "il-Konvenzjoni" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku;

(3)  "bastiment tas-sajd" tfisser kwalunkwe bastiment bil-mutur użat għall-finijiet tal-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi tat-tonn, inklużi l-bastimenti tal-qbid, il-bastimenti tal-ipproċessar tal-ħut, il-bastimenti ta' appoġġ, il-bastimenti tal-irmunkar, il-bastimenti involuti fit-trasbord u l-bastimenti tat-trasport mgħammra b'tagħmir biex jittrasportaw il-prodotti tat-tonn u l-bastimenti awżiljarji, minbarra l-bastimenti għat-trasport tal-kontejners;

(4)  "tonn ħaj" tfisser tonn li jinżamm ħaj għal ċertu perjodu f'tunnara, jew li jiġi ttrasferit ħaj lejn installazzjoni tat-trobbija ;

(5)  "SCRS" tfisser il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika tal-ICCAT;

(6)  "sajd rikreattiv" tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(7)   "sajd sportiv" tfisser sajd mhux kummerċjali li min jipprattikah ikun jifforma parti minn organizzazzjoni sportiva nazzjonali jew ikun ingħata liċenzja sportiva nazzjonali;

(8)  "bastiment tal-irmunkar" tfisser kwalunkwe bastiment li jintuża biex jirmonka l-gaġeġ;

(9)  "bastiment tal-ipproċessar" tfisser bastiment li fuqu l-prodotti tas-sajd issirilhom waħda mill-operazzjonijiet li ġejjin jew aktar qabel ma jiġu ppakkjati: it-tqattigħ fi fletti jew fi flieli, l-iffriżar u/jew l-ipproċessar;

(10)  "bastiment awżiljarju" tfisser kwalunkwe bastiment li jintuża għat-trasport tat-tonn mejjet (mhux ipproċessat) minn ġo gaġġa tat-trasport jew tat-trobbija tal-ħut, minn ġo tartarun tal-borża jew minn ġo tunnara għal port magħżul u/jew għal bastiment tal-ipproċessar;

(11)  "tunnara" tfisser tagħmir fiss immażżrat mal-qiegħ, li s-soltu jkollu xibka li twassal it-tonn għal ġo magħlaq jew għal ġo sensiela ta' kompartimenti magħluqin fejn jinżamm qabel jinqatel jew jitrabba;

(12)  "tartarun tal-borża" tfisser kwalunkwe xibka tat-tidwir li l-parti ta' taħt tagħha tingħaqad permezz ta' vajjina li tkun fil-qiegħ nett tax-xibka, li tgħaddi minn sensiela ta' ħoloq imqabbda mal-ħabel ta' taħt, li tippermetti x-xibka tinġieb lura u tingħalaq;

(13)  "tqegħid fil-gaġeġ" tfisser ir-rilokazzjoni tat-tonn ħaj mill-gaġġa tat-trasport jew mit-tunnara għal ġol-gaġeġ tat-trobbija tal-ħut jew il-gaġeġ għat-tismin tal-ħut;

(14)  "bastiment tal-qbid" tfisser bastiment li jintuża għall-finijiet tal-qbid kummerċjali tar-riżorsi tat-tonn;

(15)  "farm tal-ħut" tfisser żona tal-baħar iddefinita b'mod ċar mill-koordinati ġeografiċi li tintuża għat-tismin jew għat-trobbija tat-tonn maqbud bit-tunnari u/jew bil-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża. Farm tal-ħut jista' jkollu diversi postijiet ta' trobbija tal-ħut, kollha kemm huma ddefiniti mill-koordinati ġeografiċi b'definizzjoni ċara tal-lonġitudni u tal-latitudni ta' kull punt tal-poligonu;

(16)  "trobbija tal-ħut" jew "tismin" tfisser it-tqegħid tat-tonn fil-gaġeġ fil-farms tal-ħut u, wara, l-għalf ta' dan it-tonn bil-għan li jismen u li tiżdied il-bijomassa totali tiegħu;

(17)  "qtil" tfisser il-qtil tat-tonn fil-farms tal-ħut jew fit-tunnari;

(18)  "kamera sterjoskopika" tfisser kamera b'żewġ lentijiet jew aktar, li jkollha sensur separat tal-immaġni jew qafas separat tal-films għal kull lenti, li tippermetti li jittieħdu immaġnijiet tridimensjonali biex jitkejjel it-tul tal-ħut u tgħin biex jiġu rfinati l-għadd u l-piż tat-tonn;

(19)  "bastiment kostali fuq skala żgħira" tfisser bastiment tal-qbid li jkollu tal-inqas tliet karatteristiċi mill-ħamsa li ġejjin:

(a)  huwa jkollu tul totali ta' inqas minn 12-il metru;

(b)  huwa jkun qed jistad biss fl-ibħra li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera;

(c)  il-vjaġġi tas-sajd tiegħu jkunu ta' inqas minn 24 siegħa;

(d)  huwa jkollu għadd massimu ta' erba' persuni bħala membri tal-ekwipaġġ; or

(e)  huwa jkun qed juża tekniki tas-sajd li jkunu selettivi u li jkollhom impatt ambjentali mnaqqas;

(20)  "attività konġunta tas-sajd" tfisser kwalunkwe attività li ssir bejn żewġ bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża jew aktar fejn il-qabda ta' bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża partikulari tiġi allokata għal bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża wieħed jew aktar skont skema ta' allokazzjoni miftiehma minn qabel;

(21)  "sajd attiv" tfisser, għal kwalunkwe bastiment tal-qbid, il-fatt li dan jintuża għas-sajd għat-tonn matul staġun tas-sajd partikulari;

(22)  "BCD" tfisser dokument dwar il-qabdiet tat-tonn;

(23)  "eBCD" tfisser dokument elettroniku dwar il-qabdiet tat-tonn;

(24)  "Żona tal-Konvenzjoni" tfisser iż-żona ġeografika ddefinita fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni;

(25)  "trasbord" tfisser il-ħatt tal-prodotti kollha tas-sajd li jkunu jinsabu abbord bastiment tas-sajd jew ta' kwalunkwe prodott minnhom għal fuq bastiment ieħor tas-sajd. Madankollu, il-ħatt tat-tonn mejjet mix-xibka ta' bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, mit-tunnara jew minn fuq il-bastiment tal-irmunkar għal fuq bastiment awżiljarju ma għandux jitqies bħala trasbord;

(26)  "trasferiment ta' kontroll" tfisser kwalunkwe trasferiment ieħor li jsir fuq talba tal-operaturi tas-sajd jew tal-operaturi tal-farms tal-ħut jew fuq talba tal-awtoritajiet ta' kontroll sabiex jiġi vverifikat l-għadd ta' ħut li jkun qed jiġi ttrasferit;

(27)  "kamera ta' kontroll" tfisser kamera sterjoskopika u/jew vidjokamera normali użata biex jitwettqu l-kontrolli previsti f'dan ir-Regolament;

(28)  "PKK" tfisser Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni u parti, entità jew entità tas-sajd mhux kontraenti tagħha li tikkoopera magħha;

(29)  "bastiment kbir tas-sajd bil-konz tal-wiċċ" tfisser bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ li b'kollox ikun itwal minn 24 metru;

(30)  "trasferiment" tfisser kwalunkwe trasferiment:

(a)  ta' tonn ħaj mix-xibka tal-bastiment tal-qbid għall-gaġġa tat-trasport;

(b)  ta' tonn ħaj mill-gaġġa tat-trasport għal gaġġa oħra tat-trasport;

(c)  tal-gaġġa bit-tonn ħaj minn bastiment tal-irmunkar għal bastiment ieħor tal-irmunkar;

(d)  tal-gaġġa bit-tonn ħaj minn farm wieħed tal-ħut għal ieħor, u t-tonn ħaj bejn gaġeġ differenti tal-istess farm tal-ħut;

(e)  ta' tonn ħaj mit-tunnara għall-gaġġa tat-trasport, indipendentement mill-preżenza ta' bastiment tal-irmunkar;

(31)  "operatur" tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li topera jew li tikkontrolla impriża li tkun qed twettaq kwalunkwe waħda mill-attivitajiet marbutin ma' kull stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-kummerċjalizzazzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(32)  "grupp ta' rkaptu" tfisser grupp ta' bastimenti tas-sajd li jużaw l-istess irkaptu li għalihom ġiet allokata kwota tal-grupp;

(33)  "sforz tas-sajd" tfisser il-prodott tal-kapaċità u l-attività ta' bastiment tas-sajd; għal grupp ta' bastimenti tas-sajd tfisser it-total tal-isforz tas-sajd tal-bastimenti kollha fil-grupp;

(34)  "Stat Membru responsabbli" tfisser l-Istat Membru tal-bandiera jew l-Istat Membru li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu jkunu jinsabu l-farm tal-ħut jew it-tunnara rilevanti.

KAPITOLU II

Miżuri ta' Ġestjoni

Artikolu 6

Kundizzjonijiet relatati mal-miżuri ta' ġestjoni tas-sajd

1.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-isforz tas-sajd tal-bastimenti tal-qbid u tat-tunnari tiegħu jkun proporzjonat mal-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn li huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran. Il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom jinkludu l-istabbiliment ta' kwoti individwali għall-bastimenti tal-qbid tagħhom li jkunu itwal minn 24 metru li jkunu inklużi fil-lista tal-bastimenti awtorizzati msemmija fl-Artikolu 26.

2.  L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-bastimenti tal-qbid jipproċedu minnufih lejn port magħżul minnhom meta jitqies li tkun ġiet eżawrita l-kwota individwali tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

3.  L-attivitajiet tal-kiri ma għandhomx ikunu permessi fis-sajd għat-tonn.

Artikolu 7

Riporti tat-tonn ħaj mhux maqtul.

1.   Ir-riport tat-tonn ħaj mhux maqtul minn qabdiet ta' snin ta' qabel fi ħdan farm tat-tonn jista' jkun permess biss jekk l-Istat Membru jiżviluppa sistema msaħħa ta' kontroll u jirrapporta dan lill-Kummissjoni. Dik is-sistema għandha tifforma parti integrali mill-pjan ta' spezzjoni tal-Istati Membri msemmi fl-Artikolu 13 u għandha tinkludi tal-inqas il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu ▌53 u fl-Artikolu 61.

2.  Qabel ma jibda staġun tas-sajd, l-Istati Membri responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jiżguraw li ssir valutazzjoni bir-reqqa ta' kull tonn ħaj li jkun ġie riportat wara l-qtil bl-ingrossa fil-farms tal-ħut li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom. Għal dak il-għan, it-tonn ħaj kollu li jkun ġie riportat mis-sena tal-qbid li fiha ma jkunx sar qtil bl-ingrossa fil-farms tal-ħut għandu jiġi ttrasferit lejn gaġeġ oħrajn bl-użu ta' sistemi ta' kameras sterjoskopiċi jew ta' metodi alternattivi, sakemm dawn ikunu jiżguraw l-istess livell ta' preċiżjoni u ta' akkuratezza, skont l-Artikolu 51. Għandha tiġi żgurata f'kull ħin it-traċċabbiltà ddokumentata bis-sħiħ. Ir-riport tat-tonn mis-snin li fihom ma jkunx sar qtil massiv għandu jiġi kkontrollat kull sena billi tiġi applikata l-istess proċedura għall-kampjuni xierqa abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju.

3.  Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli ddettaljati għall-iżvilupp ta' sistema msaħħa ta' kontroll għar-riport tat-tonn ħaj. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 68.

Artikolu 8

Riport tal-kwoti mhux użati

Ir-riport tal-kwoti mhux użati m'għandux ikun permess.

Artikolu 9

Trasferimenti tal-kwoti

1.  It-trasferiment tal-kwoti bejn l-Unjoni u l-PKK l-oħrajn għandu jsir biss jekk l-Istati Membri u/jew il-PKK ikkonċernati jkunu awtorizzaw dan minn qabel. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lis-Segretarjat tal-ICCAT bit-trasferiment tal-kwoti 48 siegħa qabel ma dan iseħħ.

2.  Għandu jkun permess it-trasferiment tal-kwoti fi ħdan il-gruppi tal-irkaptu, il-kwoti għall-qabdiet aċċessorji u l-kwoti tas-sajd individwali ta' kull Stat Membru, dejjem jekk l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-quddiem bit-tali trasferimenti, sabiex din tkun tista' tgħarraf lis-Segretarjat tal-ICCAT bihom qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 10

Tnaqqis tal-kwoti f'każ ta' sajd eċċessiv

Meta l-Istati Membri jistadu b'mod eċċessiv il-kwoti allokati lilhom u din is-sitwazzjoni ma tkunx tista' titranġa permezz tal-iskambji tal-kwoti skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandhom japplikaw l-Artikoli 37 u 105 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 11

Pjanijiet annwali tas-sajd

1.  Kull Stat Membru li għandu kwota għat-tonn għandu jistabbilixxi pjan annwali tas-sajd. Dak il-pjan għandu jinkludi, tal-inqas, l-informazzjoni li ġejja għall-bastimenti tal-qbid u t-tunnari:

(a)  il-kwoti allokati għal kull grupp ta' rkaptu, inklużi l-kwoti għall-qabdiet aċċessorji;

(b)  meta dan ikun applikabbli, il-metodu użat għall-allokazzjoni u għall-ġestjoni tal-kwoti;

(c)  il-miżuri li jiżguraw li jitħarsu l-kwoti individwali;

(d)  l-istaġuni tas-sajd miftuħin għal kull kategorija ta' rkaptu;

(e)  informazzjoni dwar il-portijiet magħżulin;

(f)  ir-regoli dwar il-qabdiet aċċessorji; kif ukoll

(g)  l-għadd ta' bastimenti tal-qbid ta' iktar minn 24 metru, minbarra l-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ, u ta' bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża li huma awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.

2.  L-Istati Membri li għandhom bastimenti kostali fuq skala żgħira li jkunu awtorizzati jistadu għat-tonn għandhom jagħmlu ħilithom biex jallokaw kwota settorjali speċifika għal dawk il-bastimenti u għandhom jinkludu t-tali allokazzjoni fil-pjanijiet tas-sajd tagħhom. Huma għandhom jinkludu wkoll il-miżuri addizzjonali biex jimmonitorjaw mill-qrib il-konsum tal-kwoti minn dik il-flotta fil-pjanijiet ta' monitoraġġ, ta' kontroll u ta' spezzjoni tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw għadd differenti ta' bastimenti biex jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom, bl-użu tal-parametri msemmijin fil-paragrafu 1.

3.  Il-Portugall u Spanja jistgħu jallokaw kwoti settorjali għad-dgħajjes tas-sajd bil-lixka li jistadu fl-ibħra tal-Unjoni tal-arċipelagi tal-Azores, tal-Madeira u tal-Gżejjer Kanarji. Il-kwota settorjali għandha tiġi inkluża fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom u, fil-pjanijiet annwali ta' monitoraġġ, ta' kontroll u ta' spezzjoni tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar miżuri addizzjonali għall-monitoraġġ tal-konsum tagħha.

4.  Meta l-Istati Membri jallokaw il-kwoti settorjali skont il-paragrafu 2 jew 3, ma għandux japplika r-rekwiżit tal-kwota minima ta' ħames tunnellati ddefinit fl-att tal-Unjoni li huwa fis-seħħ għall-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd.

5.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat kull emenda fil-pjan annwali tas-sajd lill-Kummissjoni tal-inqas tlett ijiem tax-xogħol qabel ma tibda l-attività tas-sajd li magħha jkollha x'taqsam l-emenda. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-emenda lis-Segretarjat tal-ICCAT tal-inqas jum tax-xogħol qabel tibda l-attività tas-sajd li magħha jkollha x'taqsam l-emenda.

Artikolu 12

Allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika, u għandhom ukoll iqassmu l-kwoti nazzjonali b'mod ġust bejn id-diversi sezzjonijiet tal-flotta filwaqt li jqisu b'mod speċjali s-sajd tradizzjonali u artiġjanali, u ▌jipprovdu inċentivi lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jużaw irkaptu selettiv tas-sajd jew li jużaw tekniki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas.

Artikolu 13

Pjanijiet annwali għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd

Kull Stat Membru li għandu kwota għat-tonn għandu jistabbilixxi pjan annwali għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd. F'dak il-pjan, l-Istati Membri għandhom jaġġustaw l-għadd ta' bastimenti tal-qbid u tunnari b'tali mod li jiżgura li l-kapaċità tas-sajd tkun tikkorrispondi mal-opportunitajiet tas-sajd allokati għall-bastimenti tal-qbid u għat-tunnari għall-perjodu rilevanti tal-kwota. L-Istati Membri għandhom jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd bl-użu tal-parametri ddefiniti fl-att tal-Unjoni li huwa fis-seħħ għall-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd. L-aġġustament tal-kapaċità tas-sajd tal-Unjoni għall-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża għandu jkun limitat għal varjazzjoni massima ta' 20 % meta mqabbla mal-kapaċità tas-sajd tal-linja bażi tal-2018.

Artikolu 14

Pjanijiet annwali ta' spezzjoni

Kull Stat Membru li għandu kwota għat-tonn għandu jistabbilixxi pjan annwali ta' spezzjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-pjanijiet rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu stabbiliti skont:

(a)  l-objettivi, il-prijoritajiet u l-proċeduri kif ukoll il-parametri referenzjarji għall-attivitajiet ta' spezzjoni stabbiliti fil-programm ta' kontroll u spezzjoni speċifiku għat-tonn stabbilit skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(b)  il-programm ta' azzjoni nazzjonali għall-kontroll għat-tonn stabbilit skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 15

Pjanijiet annwali għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut

1.  Kull Stat Membru li għandu kwota għat-tonn għandu jistabbilixxi pjan annwali għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut.

2.  Fil-pjan annwali għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kapaċità totali tal-ħut maqbud u l-kapaċità totali tat-trobbija tal-ħut ikunu jikkorrispondu għall-ammont stmat ta' tonn disponibbli għat-trobbija.

3.  L-Istati Membri għandhom jillimitaw il-kapaċità tagħhom ta' trobbija tat-tonn għall-kapaċità totali ta' trobbija rreġistrata fir-"rekord ta' faċilitajiet għat-trobbija tat-tonn" tal-ICCAT jew awtorizzata u ddikjarata lill-ICCAT fl-2018.

4.  L-ammont massimu ta' tonn salvaġġ maqbud li jista' jiddaħħal fil-farms tal-ħut ta' Stat Membru għandu jkun limitat għal-livell tal-kwantitajiet imdaħħlin irreġistrati mal-ICCAT fir-"rekord ta' faċilitajiet għat-trobbija tat-tonn" mill-farms tal-ħut ta' dak l-Istat Membru fl-2005, fl-2006, fl-2007 jew fl-2008.

5.  Jekk Stat Membru jkun jeħtieġ iżid l-ammont massimu ta' tonn salvaġġ maqbud f'farm tat-tonn wieħed jew f'għadd ta' farms tat-tonn tiegħu, dik iż-żieda għandha tkun tikkorrispondi għall-opportunitajiet tas-sajd allokati lil dak l-Istat Membru, u kwalunkwe importazzjoni tat-tonn ħaj minn xi Stat Membru ieħor jew minn xi Parti Kontraenti oħra.

6.  L-Istati Membri responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jiżguraw li x-xjentisti li l-SCRS iqabbad biex jagħmlu provi biex jiġu identifikati r-rati ta' tkabbir waqt il-perjodu tat-tismin ikollhom aċċess għall-farms tal-ħut u jingħataw l-assistenza li jkollhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom.

7.   Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni, sal-15 ta' Mejju ta' kull sena, pjanijiet riveduti ta' ġestjoni tat-trobbija.

Artikolu 16

Trażmissjoni tal-pjanijiet annwali

1.  Sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, kull Stat Membru li għandu kwota għat-tonn għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-pjanijiet li ġejjin:

(a)  il-pjan annwali tas-sajd għall-bastimenti tal-qbid u għat-tunnari li jintużaw għas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, stabbilit skont l-Artikolu 11;

(b)  il-pjan annwali għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd stabbilit skont l-Artikolu 13;

(c)  il-pjan annwali ta' spezzjoni stabbilit skont l-Artikolu 14; kif ukoll

(d)  il-pjan annwali għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut stabbilit skont l-Artikolu 15.

2.  Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien il-pjanijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tużahom biex tistabbilixxi pjan annwali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan tal-Unjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Frar ta' kull sena biex l-ICCAT tkun tista' tiddiskutih u tapprovah.

3.  F'każ li Stat Membru ma jibgħatx lill-Kummissjoni xi wieħed mill-pjanijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 sal-iskadenza stabbilita f'dak il-paragrafu, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat il-pjan tal-Unjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr il-pjanijiet tal-Istat Membru kkonċernat. Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tieħu kont ta' wieħed mill-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 imressqa wara l-iskadenza stabbilita f'dak il-paragrafu, iżda qabel l-iskadenza prevista fil-paragrafu 2. Jekk pjan imressaq minn Stat Membru ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament relatati mal-pjanijiet annwali tas-sajd, tal-kapaċità, tal-ispezzjoni u tat-trobbija tal-ħut u jkun fih difett serju li jista' jwassal biex il-pjan annwali tal-Unjoni ma jiġix approvat mill-Kummissjoni tal-ICCAT, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat il-pjan annwali tal-Unjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr il-pjanijiet tal-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat mill-aktar fis possibbli u għandha tagħmel ħilitha biex tinkludi kwalunkwe pjan rivedut imressaq minn dak l-Istat Membru fil-pjan tal-Unjoni jew f'emendi għall-pjan tal-Unjoni, sakemm dawn jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament relatati mal-pjanijiet annwali tas-sajd, tal-kapaċità, tal-ispezzjoni u tat-trobbija tal-ħut.

KAPITOLU III

Miżuri Tekniċi

Artikolu 17

Staġuni tas-sajd

1.  Is-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu mis-26 ta' Mejju sal-1 ta' Lulju.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 11, Ċipru u l-Greċja jistgħu jitolbu li l-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża li jtajru l-bandiera tagħhom jitħallew jistadu għat-tonn fil-Baħar Mediterran tal-Lvant (fiż-żona tas-sajd 37.3.1 u 37.3.2 tal-FAO) mill-15 ta' Mejju sal-1 ta' Lulju.

3.  B'deroga mill-paragrafu 1, fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħha msemmijin fl-Artikolu 11, il-Kroazja tista' titlob li l-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża li jtajru l-bandiera tagħha jitħallew jistadu għat-tonn għall-finijiet tat-trobbija tal-ħut fil-Baħar Adrijatiku (fiż-żona tas-sajd 37.2.1 tal-FAO) sal-15 ta' Lulju.

4.  B'deroga mill-paragrafu 1, jekk Stat Membru jipprovdi evidenza lill-Kummissjoni li, minħabba kundizzjoni tat-temp, xi wħud mill-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tiegħu li jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran ma setgħux jużaw il-jiem normali tas-sajd tagħhom matul sena partikulari, dak l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li, għall-bastimenti tas-sajd individwali bit-tartaruni tal-borża affettwati minn dik is-sitwazzjoni, l-istaġun tas-sajd imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi estiż b'għadd ekwivalenti ta' jiem mitlufa sa' għaxart ijiem ▌. In-nuqqas ta' attività tal-bastimenti kkonċernati u, fil-każ ta' attività konġunta tas-sajd, tal-bastimenti kollha involuti, għandu jkun iġġustifikat kif xieraq permezz tar-rapporti tat-temp u tal-pożizzjonijiet tal-VMS.

5.  Is-sajd għat-tonn għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran minn bastimenti kbar tas-sajd bil-konz tal-wiċċ matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Mejju.

6.  Fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-istaġuni tas-sajd għall-flotot tagħhom, minbarra l-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża u l-bastimenti l-kbar tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

Artikolu 18

Obbligu ta' ħatt l-art

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, inkluża kwalunkwe deroga applikabbli għalih.

Artikolu 19

Daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni

1.  Għandu jkun ipprojbit li jinqabad, jinżamm abbord, jiġi ttrasbordat, jiġi ttrasferit, jinħatt l-art, jiġi ttrasportat, jinħażen, jinbiegħ, jintwera jew jiġi offrut għall-bejgħ tonn li jkun jiżen inqas minn 30 kg jew li jkollu tul sal-qasma tad-denb ta' inqas minn 115-il cm, inkluż dak li jkun inqabad bħala qabda aċċessorja jew waqt is-sajd rikreattiv.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, għandu japplika daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għat-tonn ta' 8 kg jew ta' 75 cm ta' tul sal-qasma tad-denb fil-każijiet li ġejjin:

(a)  fil-każ tat-tonn maqbud fil-Lvant tal-Atlantiku mid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u mid-dgħajjes tas-sajd bir-rixa;

(b)  fil-każ tat-tonn maqbud fil-Mediterran permezz tas-sajd għall-ħut frisk mill-flotta kostali fuq skala żgħira b'dgħajjes tas-sajd bil-lixka, b'bastimenti tas-sajd bil-konz u b'bastimenti tas-sajd bix-xolfa tal-idejn; kif ukoll

(c)  fil-każ tat-tonn maqbud fil-Baħar Adrijatiku minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Kroazja għall-finijiet tat-trobbija tal-ħut.

3.  Il-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għad-deroga msemmija fil-paragrafu 2 huma stabbiliti fl-Anness I.

4.  L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjoni tas-sajd għall-bastimenti li jkunu qed jistadu skont id-derogi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 tal-Anness I. Il-bastimenti kkonċernati għandhom jiġu indikati fil-lista tal-bastimenti tal-qbid imsemmija fl-Artikolu 26.

5.  Il-ħut li jkun iżgħar mid-daqsijiet minimi ta' referenza stabbiliti f'dan l-Artikolu li jiġi skartat mejjet għandu jingħadd mal-kwota tal-Istat Membru.

Artikolu 20

Qabdiet inċidentali ta' ħut li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza

1.  B'deroga mill-Artikolu 19(1), il-bastimenti tal-qbid u t-tunnari kollha li jistadu b'mod attiv għat-tonn għandhom jitħallew jaqbdu tonn li jkun jiżen bejn 8 kg u 30 kg jew, b'mod alternattiv, li jkollu tul sal-qasma tad-denb ta' bejn 75 cm u 115-il cm li jkun jammonta għal ammont massimu ta' 5 % skont l-għadd tal-qabdiet aċċessorji tagħhom.

2.  Il-perċentwal ta' 5 % msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-qabdiet kollha tat-tonn miżmuma abbord il-bastiment jew fit-tunnara fi kwalunkwe ħin wara kull attività tas-sajd.

3.  Il-qabdiet inċidentali għandhom jitnaqqsu mill-kwota tal-Istat Membru li huwa responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara.

4.  Il-qabdiet inċidentali tat-tonn li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għandhom ikunu suġġetti għall-Artikoli 31, 33, 34 u 35.

Artikolu 21

Qabdiet aċċessorji

1.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi qabdiet aċċessorji tat-tonn fil-kwota tiegħu u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b'dan meta jibagħtilha l-pjan tas-sajd tiegħu.

2.  Il-livell tal-qabdiet aċċessorji awtorizzati, li ma għandux jaqbeż l-20 % tal-qabdiet totali abbord fi tmiem kull vjaġġ tas-sajd, kif ukoll il-metodoloġija użata biex jiġu kkalkulati dawk il-qabdiet aċċessorji b'rabta mal-qabda totali abbord, għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar fil-pjan annwali tas-sajd kif imsemmi fl-Artikolu 11. Il-perċentwal tal-qabdiet aċċessorji jista' jiġi kkalkulat skont il-piż jew skont l-għadd ta' kampjuni. Il-kalkolu skont l-għadd ta' kampjuni għandu japplika biss għat-tonn u għall-ispeċijiet li jixbhuh ġestiti mill-ICCAT. Il-livell tal-qabdiet aċċessorji awtorizzati għall-flotta tal-bastimenti kostali fuq skala żgħira jista' jiġi kkalkulat fuq bażi annwali.

3.  Il-qabdiet aċċessorji kollha tat-tonn mejjet miżmuma abbord jew skartati għandhom jitnaqqsu mill-kwota tal-Istat Membru tal-bandiera, u jiġu rreġistrati u rrappurtati lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 31 u 32.

4.  Għall-Istati Membri li ma għandhomx kwota għat-tonn, il-qabdiet aċċessorji kkonċernati għandhom jitnaqqsu mill-kwota speċifika tal-Unjoni għall-qabdiet aċċessorji tat-tonn stabbilita skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE u skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

5.  Jekk il-kwota totali allokata lil Stat Membru tkun ġiet eżawrita, ma għandu jiġi permess il-qbid tal-ebda tonn minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura r-rilaxx tat-tonn li jkun inqabad bħala qabda aċċessorja. Jekk il-kwota speċifika tal-Unjoni għall-qabdiet aċċessorji tat-tonn stabbilita skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tkun ġiet eżawrita, m'għandu jkun permess l-ebda qbid tat-tonn mill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri li m'għandhomx kwota tat-tonn u dawk l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw ir-rilaxx tat-tonn li jkun inqabad bħala qabda aċċessorja. F'dawk il-każijiet, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tonn mejjet għandhom ikunu pprojbiti u l-qabdiet kollha għandhom jiġu rreġistrati. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw l-informazzjoni dwar it-tali kwantitajiet tat-tali qabdiet aċċessorji ta' tonn mejjet fuq bażi annwali lill-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

6.  Il-bastimenti li ma jkunux qed jistadu b'mod attiv għat-tonn għandhom jisseparaw b'mod ċar kull kwantità ta' tonn miżmuma abbord minn speċijiet oħrajn biex l-awtoritajiet ta' kontroll ikunu jistgħu jimmonitorjaw il-ħarsien ta' dan l-Artikolu. Dawk il-qabdiet aċċessorji jistgħu jiġu kkummerċjalizzati jekk ikollhom magħhom l-eBCD.

Artikolu 22

Użu tat-trasport bl-ajru

Għandu jkun ipprojbit li jintuża kwalunkwe trasport bl-ajru, fosthom inġenji tal-ajru, ħelikopters jew kwalunkwe tip ta' vettura tal-ajru oħra mingħajr bdot abbord, għat-tiftix tat-tonn.

KAPITOLU IV

Sajd rikreattiv

Artikolu 23

Kwota speċifika għas-sajd rikreattiv

1.  Kull Stat Membru li għandu kwota għat-tonn għandu jirregola s-sajd rikreattiv billi jalloka kwota speċifika għall-finijiet ta' dak it-tip ta' sajd. It-tonn mejjet li jista' jkun hemm għandu jitqies fit-tali allokazzjoni, fosthom fil-kuntest tas-sajd ta' qbid u rilaxx. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwota allokata għas-sajd rikreattiv meta jibagħtulha l-pjanijiet tas-sajd tagħhom.

2.  Il-qabdiet tat-tonn mejjet għandhom jiġu rrappurtati u għandhom jingħaddu mal-kwota tal-Istat Membru.

Artikolu 24

Kundizzjonijiet speċifiċi għas-sajd rikreattiv

1.  Kull Stat Membru li għandu kwota għat-tonn allokata għas-sajd rikreattiv għandu jirregola s-sajd rikreattiv billi joħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-bastimenti għall-finijiet tas-sajd rikreattiv. Fuq talba tal-ICCAT, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-lista ta' bastimenti li jintużaw għas-sajd rikreattiv li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni tas-sajd biex jaqbdu t-tonn. Il-lista li għandha titressaq elettronikament mill-Kummissjoni lill-ICCAT għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja għal kull bastiment:

(a)  isem il-bastiment;

(b)  in-numru fir-reġistru;

(c)  in-numru fir-reġistru tal-ICCAT (jekk ikun hemm);

(d)  kwalunkwe isem ta' qabel; u

(e)  l-isem u l-indirizz tas-sid jew tas-sidien u tal-operatur jew tal-operaturi;

2.  Fil-kuntest tas-sajd rikreattiv għandhom ikunu pprojbiti l-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew il-ħatt l-art ta' iktar minn tonna waħda għal kull bastiment kuljum.

3.  Il-kummerċjalizzazzjoni tat-tonn maqbud waqt is-sajd rikreattiv għandha tkun ipprojbita.

4.  Kull Stat Membru għandu jirreġistra d-data dwar il-qabdiet, fosthom il-piż u, fejn possibbli, it-tul ta' kull tonna maqbuda fis-sajd rikreattiv, u jibgħat id-data għas-sena ta' qabel lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

5.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura, sa fejn ikun possibbli, ir-rilaxx tat-tonn, speċjalment dak li jkun għadu żgħir, maqbud ħaj fis-sajd rikreattiv. Kwalunkwe tonn li jinħatt l-art għandu jkun sħiħ, bil-garġi mneħħija u/jew imsewwi.

Artikolu 25

Qbid, tikkettar u rilaxx

1.  B'deroga mill-Artikolu 23(1), l-Istati Membri li jawtorizzaw is-sajd "ta' qbid u rilaxx" fil-Grigal tal-Atlantiku mwettaq biss minn bastimenti li jintużaw għas-sajd sportiv jistgħu jħallu lil għadd limitat ta' ▌bastimenti li jintużaw għas-sajd sportiv jistadu esklużivament għat-tonn għall-finijiet tas-sajd "ta' qbid, tikkettar u rilaxx" mingħajr il-ħtieġa li jallokawlhom kwota speċifika. Dawn il-bastimenti għandhom jaħdmu fil-kuntest ta' proġett xjentifiku ta' istitut tar-riċerka integrat fi programm tar-riċerka xjentifika. Ir-riżultati tal-proġett għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru tal-bandiera.

2.  Il-bastimenti li jwettqu riċerka xjentifika fil-kuntest tal-Programm tar-Riċerka tal-ICCAT dwar it-tonn ma għandhomx jitqiesu li qed iwettqu attivitajiet "ta' qbid, tikkettar u rilaxx" kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri li jawtorizzaw attivitajiet "ta' qbid, tikkettar u rilaxx" għandhom:

(a)  jippreżentaw deskrizzjoni ta' dawk l-attivitajiet u tal-miżuri applikabbli għalihom bħala parti integrali mill-pjanijiet tas-sajd u ta' spezzjoni tagħhom imsemmijin fl-Artikoli 12 u 15;

(b)  jimmonitorjaw mill-qrib l-attivitajiet tal-bastimenti kkonċernati biex jiżguraw li dawn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(c)  jiżguraw li l-attivitajiet tat-tikkettar u tar-rilaxx jitwettqu minn membri tal-persunal imħarrġa sabiex tiġi żgurata rata għolja ta' sopravivenza tal-ħut; u

(d)  jibagħtu rapport lill-Kummissjoni kull sena dwar l-attivitajiet xjentifiċi li jkunu twettqu, tal-inqas 50 jum qabel il-laqgħa tal-SCRS tas-sena ta' wara. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport lill-ICCAT 60 jum qabel il-laqgħa tal-SCRS tas-sena ta' wara.

4.  Kwalunkwe tonn li jmut waqt l-attivitajiet "ta' qbid, tikkettar u rilaxx" għandu jiġi rrappurtat u għandu jitnaqqas mill-kwota tal-Istat Membru tal-bandiera.

KAPITOLU V

Miżuri ta' kontroll

TAQSIMA 1

Listi u reġistri tal-bastimenti u tat-tunnari

Artikolu 26

Listi u reġistri tal-bastimenti

1.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kull sena, b'mod elettroniku, xahar qabel jibda l-perjodu tal-awtorizzazzjoni, il-listi tal-bastimenti li ġejjin fil-format stabbilit fl-aħħar verżjoni tal-Linji Gwida tal-ICCAT(26) għat-tressiq tad-data u tal-informazzjoni:

(a)  lista tal-bastimenti kollha tal-qbid awtorizzati jistadu b'mod attiv għat-tonn; kif ukoll

(b)  lista tal-bastimenti l-oħrajn kollha tas-sajd li jintużaw għall-finijiet tal-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi tat-tonn.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT 15-il jum qabel tibda l-attività tas-sajd, sabiex dawk il-bastimenti jkunu jistgħu jitniżżlu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati u, jekk ikun rilevanti, fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti li b'kollox ikunu twal 20 metru jew iktar li jkunu awtorizzati jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

2.  F'sena kalendarja partikulari, bastiment tas-sajd jista' jiġi inkluż fiż-żewġ listi msemmijin fil-paragrafu 1, sakemm ma jkunx inkluż fihom it-tnejn fl-istess ħin.

3.  L-informazzjoni dwar il-bastimenti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ▌għandu jkun fiha isem il-bastiment u n-numru tiegħu tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (in-numru tas-CFR), kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218(27).

4.  Il-Kummissjoni ma għandha taċċetta l-ebda tressiq retroattiv tal-informazzjoni.

5.  Il-bidliet sussegwenti fil-listi msemmijin fil-paragrafi 1 u 3 matul sena kalendarja għandhom jiġu aċċettati biss jekk bastiment tas-sajd innotifikat jitwaqqaf milli jipparteċipa fis-sajd minħabba raġunijiet operattivi leġittimi jew forza maġġuri. F'ċirkustanzi bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b'dan il-fatt, u għandu jipprovdi:

(a)  id-dettalji kollha tal-bastiment jew tal-bastimenti tas-sajd maħsubin biex jieħdu post dak il-bastiment tas-sajd; kif ukoll

(b)  rendikont komprensiv tar-raġuni li tiġġustifika s-sostituzzjoni u kwalunkwe evidenza jew referenza ta' appoġġ rilevanti.

6.  Jekk ikun hemm bżonn, matul is-sena l-Kummissjoni għandha temenda l-informazzjoni dwar il-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1 billi tipprovdi informazzjoni aġġornata lis-Segretarjat tal-ICCAT skont l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2017/2403.

Artikolu 27

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti

1.  L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti inklużi f'waħda mil-listi deskritti fl-Artikolu 26(1) u (5). L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jinkludu, bħala minimu, l-informazzjoni stabbilita fl-Anness VII u għandhom jinħarġu fil-format stipulat f'dak l-Anness. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tkun inkluża fl-awtorizzazzjoni tas-sajd tkun preċiża u tkun konsistenti mar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(6), il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li ma jkunux imniżżlin fir-reġistri tal-ICCAT imsemmijin fl-Artikolu 26(1) għandhom jitqiesu li mhumiex awtorizzati jistadu għat-tonn, iżommuh abbord, jittrasbordawh, jittrasportawh, jittrasferixxuh, jipproċessawh jew iħottuh l-art fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.

3.  L-Istat Membru tal-bandiera għandu jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd għat-tonn maħruġa għal bastiment u jista' jitlob lill-bastiment jipproċedi minnufih lejn port magħżul minnu meta jitqies li tkun ġiet eżawrita l-kwota individwali assenjata lilu.

Artikolu 28

Listi u reġistri tat-tunnari awtorizzati għas-sajd tat-tonn

1.  Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, b'mod elettroniku, bħala parti mill-pjanijiet tas-sajd tiegħu, lista tat-tunnari awtorizzati għas-sajd tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sabiex dawk it-tunnari jkunu jistgħu jitniżżlu fir-reġistru tal-ICCAT tat-tunnari li huma awtorizzati jintużaw għas-sajd tat-tonn.

2.  L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd għat-tunnari li jkunu inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 1. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jinkludu, bħala minimu, l-informazzjoni stabbilita fl-Anness VII u għandhom ikunu fil-format stipulat f'dak l-Anness. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tkun inkluża fl-awtorizzazzjoni tas-sajd tkun preċiża u tkun konsistenti mar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament.

3.  It-tunnari tal-Unjoni li ma jkunux imniżżlin fir-reġistru tal-ICCAT tat-tunnari li huma awtorizzati jintużaw għas-sajd tat-tonn ma għandhomx jitqiesu li huma awtorizzati jintużaw għas-sajd tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran. Għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord, li jiġi ttrasferit, li jitqiegħed fil-gaġeġ jew li jinħatt l-art it-tonn maqbud minn dawk it-tunnari.

4.  L-Istat Membru tal-bandiera għandu jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd għat-tonn maħruġa għat-tunnari meta titqies li tkun ġiet eżawrita l-kwota assenjata lilhom.

Artikolu 29

Informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' sajd

1.  Sal-15 ta' Lulju ta' kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni informazzjoni ddettaljata dwar il-qabdiet tat-tonn li kien hemm fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul is-sena ta' qabel. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-ICCAT sal-31 ta' Lulju ta' kull sena. Din l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a)  l-isem u n-numru tal-ICCAT ta' kull bastiment tal-qbid;

(b)  il-perjodu tal-awtorizzazzjoni jew tal-awtorizzazzjonijiet għal kull bastiment tal-qbid;

(c)  il-qabdiet totali ta' kull bastiment tal-qbid matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni jew tal-awtorizzazzjonijiet, inkluż meta ma jkunx inqabad ħut;

(d)  l-għadd totali ta' jiem li matulhom kull bastiment tal-qbid ikun stad fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni jew tal-awtorizzazzjonijiet; u

(e)  il-qabda totali li kien hemm barra l-perjodu tal-awtorizzazzjoni tagħhom (il-qabda aċċessorja).

2.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni dwar il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li ma kinux awtorizzati jistadu b'mod attiv għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran iżda li qabdu t-tonn bħala qabda aċċessorja:

(a)  l-isem tal-bastiment u n-numru tal-ICCAT tiegħu jew in-numru tiegħu fir-reġistru nazzjonali, jekk dan ma jkunx irreġistrat mal-ICCAT; u

(b)  il-qabdiet totali tat-tonn.

3.  Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni dwar kwalunkwe bastiment li ma jkunx inkluż fil-paragrafi 1 u 2, iżda li huwa magħruf jew preżunt li stad għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT malli tkun disponibbli.

Artikolu 30

Attivitajiet Konġunti tas-Sajd

1.  Kwalunkwe attività konġunta tas-sajd għat-tonn għandha tkun permessa biss jekk il-bastimenti parteċipanti jkunu awtorizzati mill-Istat Membru jew mill-Istati Membri tal-bandiera. Sabiex ikun awtorizzat, kull bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża jrid ikun mgħammar biex jistad għat-tonn, ikollu kwota individwali u jkun konformi mal-obbligi tar-rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 32.

2.  Il-kwota allokata għal attività konġunta tas-sajd għandha tkun daqs it-total tal-kwoti allokati għall-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża parteċipanti.

3.  Il-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tal-Unjoni ma għandhomx iwettqu attivitajiet konġunti tas-sajd ma' bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża minn PKK oħrajn.

4.  Il-formola tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-parteċipazzjoni f'attività konġunta tas-sajd hija stabbilita fl-Anness IV. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikseb l-informazzjoni li ġejja mingħand il-bastiment jew il-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tiegħu li jkunu qed jipparteċipaw f'attività konġunta tas-sajd:

(a)  il-perjodu ta' awtorizzazzjoni mitlub għall-attività konġunta tas-sajd;

(b)  l-identità tal-operaturi involuti fiha;

(c)  il-kwoti tal-bastimenti individwali;

(d)  l-iskema ta' allokazzjoni tal-qabdiet involuti bejn il-bastimenti involuti; u

(e)  informazzjoni dwar il-farms tal-ħut destinatarji.

5.  Tal-inqas għaxart ijiem qabel ma tibda l-attività konġunta tas-sajd, kull Stat Membru għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 lill-Kummissjoni fil-format stabbilit fl-Anness IV. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT u lill-Istat tal-bandiera tal-bastimenti l-oħrajn tas-sajd li jkunu qed jieħdu sehem fl-attività konġunta tas-sajd tal-inqas ħamest ijiem qabel ma tibda l-attività tas-sajd.

6.  F'każ ta' forza maġġuri, l-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafu 5 ma għandhomx japplikaw għall-informazzjoni dwar il-farms tal-ħut destinatarji. F'każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jibagħtu aġġornament dwar dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun, flimkien ma' deskrizzjoni tal-avvenimenti li kienu jikkostitwixxu forza maġġuri. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

TAQSIMA 2

Ir-Reġistrazzjoni tal-Qbid

Artikolu 31

Rekwiżiti ta' reġistrazzjoni

1.  Il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni għandhom iżommu ġurnal ta' abbord tas-sajd dwar l-attivitajiet tagħhom f'konformità mal-Artikoli 14, 15, 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u mat-Taqsima A tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

2.  Il-kaptani tal-bastimenti tal-irmunkar, tal-bastimenti awżiljarji u tal-bastimenti tal-ipproċessar tal-Unjoni għandhom jirreġistraw l-attivitajiet tagħhom skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsimiet B, Ċ u D tal-Anness II.

Artikolu 32

Rapporti tal-qabdiet mibgħuta mill-kaptani u mill-operaturi tat-tunnari

1.  Il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni li jistadu attivament għandhom jibagħtu lill-Istati Membri tal-bandiera tagħhom rapporti ta' kuljum dwar il-qabdiet b'mezzi elettroniċi matul il-perjodu kollu li fih huma awtorizzati jistadu għat-tonn. Dawk ir-rapporti ma għandhomx ikunu obbligatorji għall-bastimenti li jkunu jinsabu fil-port, ħlief jekk dawn ikunu involuti f'attività konġunta tas-sajd. Id-data fir-rapporti għandha tittieħed mill-ġurnali ta' abbord u għandha tinkludi d-data, il-ħin, il-post (il-latitudni u l-lonġitudni) u l-piż u l-għadd tat-tonn maqbud fiż-Żona tal-Konvenzjoni, inklużi r-rilaxxi u l-iskartar tal-ħut mejjet. Il-kaptani għandhom jibagħtu r-rapporti fil-format stabbilit fl-Anness III jew f'format meħtieġ mill-Istat Membru.

2.  Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża għandhom joħorġu r-rapporti ta' kuljum imsemmijin fil-paragrafu 1 għal kull attività tas-sajd, inklużi l-attivitajiet li matulhom ma jkunu qabdu xejn. Il-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentanti awtorizzati tiegħu għandhom jibagħtu r-rapporti lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu sad-9.00 GMT għall-jum ta' qabel.

3.  L-operaturi tat-tunnari li jintużaw għas-sajd attiv tat-tonn jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom għandhom joħorġu rapporti ta' kuljum li jridu jintbagħtu lill-Istati Membri tal-bandiera tagħhom fi żmien kull 48 siegħa b'mezzi elettroniċi matul il-perjodu kollu li fih ikunu awtorizzati jintużaw għas-sajd tat-tonn. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu n-numru tar-reġistru tal-ICCAT tat-tunnara, id-data u l-ħin tal-qabda, il-piż u l-għadd tat-tonn maqbud, inkluż meta ma jkunx inqabad ħut, ir-rilaxxi u l-iskartar tal-ħut mejjet. L-operaturi għandhom jibagħtu dik l-informazzjoni fil-format stabbilit fl-Anness III.

4.  Il-kaptani ta' bastimenti tal-qbid minbarra l-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża għandhom jibagħtu r-rapporti msemmijin fil-paragrafu 1 lill-Istati Membri tal-bandiera tagħhom sa mhux aktar tard mit-Tlieta f'12:00 GMT għall-ġimgħa ta' qabel li tintemm il-Ħadd.

TAQSIMA 3

Ħatt l-Art u Trasbord

Artikolu 33

Portijiet magħżula

1.  Kull Stat Membru li jkun ġie allokat kwota għat-tonn għandu jagħżel il-portijiet fejn ikunu awtorizzati l-attivitajiet ta' ħatt l-art tat-tonn jew tat-trasbord tiegħu. L-informazzjoni dwar il-portijiet magħżulin għandha tiġi inkluża fil-pjan annwali tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 11. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe emenda tal-informazzjoni dwar il-portijiet magħżulin. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr dewmien.

2.  Biex port jiġi stabbilit bħala port magħżul, l-Istat Membru tal-port għandu jiżgura li jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  il-ħinijiet ta' ħatt l-art u tat-trasbord huma stabbiliti;

(b)  il-postijiet ta' ħatt l-art u tat-trasbord huma stabbiliti; u

(c)  il-proċeduri ta' spezzjoni u ta' sorveljanza li jiżguraw kopertura tal-ispezzjoni matul il-ħinijiet kollha ta' ħatt l-art u tat-trasbord u fil-postijiet kollha ta' ħatt l-art u tat-trasbord f'konformità mal-Artikolu 35 huma stabbiliti.

3.  Għandu jkun ipprojbit li wieħed iħott l-art jew jittrasborda mill-bastimenti tal-qbid, kif ukoll mill-bastimenti tal-ipproċessar u mill-bastimenti awżiljarji, kwalunkwe kwantità ta' tonn mistada fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran f'postijiet oħrajn minbarra l-portijiet magħżulin mill-PKK u mill-Istati Membri. B'mod eċċezzjonali, it-tonn mejjet li jkun inqatel fit-tunnara jew fil-gaġġa jista' jiġi ttrasportat għal fuq bastiment tal-ipproċessar bl-użu ta' bastiment awżiljarju, dejjem jekk dan isir fil-preżenza tal-awtorità ta' kontroll.

Artikolu 34

Notifika minn qabel tal-ħatt l-art

1.  L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta' 12-il metru jew iktar li huma inklużi fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 26. In-notifika minn qabel skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru (inkluż l-Istat Membru tal-bandiera) jew tal-PKK li l-portijiet jew il-faċilità ta' ħatt l-art tagħha huma jkunu jixtiequ jużaw.

2.  Qabel jidħlu fil-port, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta' inqas minn 12-il metru, kif ukoll tal-bastimenti tal-ipproċessar u tal-bastimenti awżiljarji inklużi fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 26, jew ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru (inkluż l-Istat Membru tal-bandiera) jew tal-PKK li l-portijiet jew il-faċilità ta' ħatt l-art tagħha huma jkunu jixtiequ jużaw tal-inqas bl-informazzjoni li ġejja, tal-inqas erba' sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla tagħhom fil-port:

(a)  il-ħin stmat tal-wasla tagħhom;

(b)  il-kwantità stmata ta' tonn miżmum abbord;

(c)  informazzjoni dwar iż-żona ġeografika fejn ikunu saru l-qabdiet;

(d)  in-numru ta' identifikazzjoni estern u isem il-bastiment tas-sajd.

3.  Meta l-Istati Membri jkunu awtorizzati, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, japplikaw perjodu ta' notifika iqsar mill-perjodu ta' erba' sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla, il-kwantitajiet stmati ta' tonn miżmum abbord jistgħu jiġu nnotifikati fil-ħin applikabbli tan-notifika qabel il-wasla. Jekk il-post għas-sajd ikun inqas minn erba' sigħat mill-port, il-kwantitajiet stmati ta' tonn miżmum abbord jistgħu jinbidlu fi kwalunkwe ħin qabel il-wasla.

4.  L-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-port għandhom iżommu reġistru tan-notifiki kollha minn qabel li jsiru għas-sena attwali.

5.  Il-qabdiet kollha li jinħattu l-art fl-Unjoni għandhom jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet ta' kontroll rilevanti tal-Istat Membru tal-port u għandu jiġi spezzjonat perċentwal tagħhom abbażi ta' sistema ta' valutazzjoni tar-riskju li tinvolvi l-kwoti, id-daqs tal-flotta u l-isforz tas-sajd. Id-dettalji kollha tat-tali sistema ta' kontroll adottata minn kull Stat Membru għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan annwali ta' spezzjoni msemmi fl-Artikolu 14.

6.  Fi żmien 48 siegħa minn meta jitlesta l-ħatt l-art, il-kaptani ta' bastiment tal-qbid tal-Unjoni, ikun xi jkun it-tul totali tal-bastiment, għandhom jibagħtu dikjarazzjoni ta' ħatt l-art lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-PKK fejn ikun sar il-ħatt l-art u lill-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment. Il-kaptan ta' bastiment tal-qbid għandu jkun responsabbli għall-kompletezza u għall-akkuratezza tad-dikjarazzjoni u għandu jiċċertifika dan. Id-dikjarazzjoni ta' ħatt l-art għandha tindika, bħala minimu, il-kwantitajiet ta' tonn li nħattu l-art u ż-żona minn fejn inqabdu. Il-qabdiet kollha li jinħattu l-art għandhom jintiżnu. L-Istat Membru tal-port għandu jibgħat rekord tal-ħatt l-art lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera jew tal-PKK 48 siegħa wara li jitlesta l-ħatt l-art.

Artikolu 35

Trasbord

1.  It-trasbord fuq il-baħar minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkollhom abbord it-tonn, jew minn bastimenti ta' pajjiżi terzi fl-ibħra tal-Unjoni, għandu jkun ipprojbit fiċ-ċirkustanzi kollha.

2.  Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(2) u (3), fl-Artikolu 54 u fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2017/2107, il-bastimenti tas-sajd għandhom jittrasbordaw biss il-qabdiet tat-tonn fil-portijiet magħżulin kif imsemmi fl-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.

3.  Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd li jkun qed jirċievi l-ħut jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat tal-port, tal-inqas 72 siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port, bl-informazzjoni mniżżla fil-mudell tad-dikjarazzjoni tat-trasbord stabbilit fl-Anness V. Għal kwalunkwe trasbord għandha tingħata awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru tal-bandiera jew mill-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat li jkun qed jittrasborda l-ħut. Barra minn hekk, meta jkun qed isir it-trasbord, il-kaptan tal-bastiment li jkun qed jittrasborda l-ħut għandu jgħarraf lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu jew lill-PKK tal-bandiera tiegħu bid-dati meħtieġa skont l-Anness V.

4.  L-Istat Membru tal-port għandu jispezzjona l-bastiment li jkun irċieva l-ħut hekk kif dan jasal fil-port u għandu jivverifika l-kwantitajiet u d-dokumentazzjoni marbuta mal-attività tat-trasbord.

5.  Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jimlew id-dikjarazzjoni tat-trasbord tal-ICCAT u jibagħtuha lill-Istati Membri tal-bandiera tagħhom fi żmien 15-il jum minn meta jitlesta t-trasbord. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jittrasbordaw il-ħut għandhom jimlew id-dikjarazzjoni tat-trasbord tal-ICCAT f'konformità mal-Anness V. Id-dikjarazzjoni tat-trasbord għandha tinkludi n-numru ta' referenza tal-eBCD sabiex tiffaċilita l-kontroverifika tad-data li jkun fiha.

6.  L-Istat tal-port għandu jibgħat rekord tat-trasbord lill-awtorità tal-Istat Membru tal-bandiera jew tal-PKK tal-bastiment tas-sajd li jkun ittrasborda l-ħut fi żmien ħamest ijiem minn meta jitlesta t-trasbord.

7.  Kull trasbord għandu jiġi spezzjonat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-portijiet magħżulin.

TAQSIMA 4

L-Obbligi tar-Rappurtar

Artikolu 36

Rapporti ta' kull ġimgħa dwar il-kwantitajiet

▌Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapporti ta' kull ġimgħa dwar il-qabdiet▌. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu d-data meħtieġa skont l-Artikolu 32 fir-rigward ta' nases, bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u bastimenti oħra tal-qbid. L-informazzjoni ▌għandha tkun imqassma skont it-tip ta' rkaptu▌. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT minnufih.

Artikolu 37

Tagħrif dwar l-eżawriment tal-kwoti

1.  Minbarra li jikkonforma mal-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni meta jqis li l-kwota allokata għal grupp ta' rkaptu tkun laħqet it-80 %.

2.  Minbarra li jikkonforma mal-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni meta jqis li l-kwota allokata għal grupp ta' rkaptu jew għal attività konġunta tas-sajd jew għal bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tkun ġiet eżawrita. Ma' dik l-informazzjoni għandha tintbagħat id-dokumentazzjoni uffiċjali li tagħti provi tas-sejħa għall-waqfien mis-sajd jew għal ritorn lura fil-port li l-Istat Membru ħareġ għall-flotta, għall-grupp tal-irkaptu, għall-attività konġunta tas-sajd jew għall-bastimenti li għandhom kwota individwali, u li tinkludi indikazzjoni ċara tad-data u tal-ħin tal-għeluq tas-sajd.

3.  Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lis-Segretarjat tal-ICCAT bid-dati meta l-kwota tal-Unjoni għat-tonn tkun ġiet eżawrita.

TAQSIMA 5

Programmi ta' Osservaturi

Artikolu 38

Programm ta' Osservaturi Nazzjonali

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-assenjar ta' osservaturi nazzjonali li jkun inħarġilhom dokument ta' identifikazzjoni uffiċjali għal fuq bastimenti u tunnari li jkunu attivi fis-sajd għat-tonn ikun ikopri tal-inqas:

(a)  20 % tal-bastimenti attivi tat-tkarkir pelaġiku tiegħu (li jkun fihom iktar minn 15-il metru);

(b)  20 % tal-bastimenti attivi tas-sajd bil-konz tiegħu (li jkun fihom iktar minn 15-il metru);

(c)  20 % tad-dgħajjes attivi tas-sajd bil-lixka tiegħu (li jkun fihom iktar minn 15-il metru);

(d)  100 % tal-bastimenti tal-irmunkar;

(e)  100 % tal-attivitajiet tal-qtil fit-tunnari.

L-Istati Membri li għandhom inqas minn ħames bastimenti tal-qbid tal-kategoriji mniżżlin fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu li huma awtorizzati jistadu b'mod attiv għat-tonn għandhom jiżguraw li l-assenjar tal-osservaturi nazzjonali jkun ikopri tal-inqas 20 % tal-ħin li matulu l-bastimenti jkunu qed jistadu b'mod attiv għat-tonn

2.  Il-kompiti tal-osservaturi nazzjonali għandhom ikunu, b'mod partikulari, dawn li ġejjin:

(a)  li jimmonitorjaw il-konformità tal-bastimenti tas-sajd u tat-tunnari ma' dan ir-Regolament;

(b)  li jirreġistraw l-attività tas-sajd u jagħmlu rapport dwarha li jkun jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)  l-ammont ta' ħut maqbud (inklużi l-qabdiet aċċessorji) u t-tqassim tiegħu (miżmum abbord jew skartat ħaj jew mejjet);

(b)  iż-żona minn fejn inqabad il-ħut, skont il-latitudni u l-lonġitudni tagħha;

(c)  il-kejl tal-isforz (bħan-numru ta' settijiet u n-numru ta' snanar), kif iddefinit mill-ICCAT fil-manwal tagħha tal-qasam għall-irkapti differenti;

(d)  id-data meta nqabad il-ħut;

(c)  li jivverifikaw id-data mdaħħla fil-ġurnal ta' abbord;

(d)  li josservaw il-bastimenti li jistgħu jkunu qed jistadu b'mod li jmur kontra l-miżuri ta' konservazzjoni tal-ICCAT u jirreġistrawhom.

3.  Minbarra l-kompiti msemmijin fil-paragrafu 2, l-osservaturi nazzjonali għandhom iwettqu wkoll ħidma xjentifika, inkluż il-ġbir tad-data meħtieġa, abbażi tal-linji gwida tal-SCRS.

4.  Id-data u l-informazzjoni li jinġabru fil-kuntest tal-programm tal-osservaturi ta' kull Stat Membru għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, għandha tibgħathom lill-SCRS jew lis-Segretarjat tal-ICCAT, kif xieraq.

5.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 3, kull Stat Membru għandu jiżgura:

(a)  kopertura temporali u spazjali rappreżentattiva sabiex jiżgura li l-Kummissjoni tirċievi data u informazzjoni xierqa u adegwati dwar il-qabdiet, dwar l-isforz u dwar aspetti xjentifiċi u ta' ġestjoni oħrajn, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-flotot u tal-attivitajiet tas-sajd;

(b)  li jkun hemm protokolli sodi tal-ġbir tad-data;

(c)  li l-osservaturi jkunu mħarrġa u approvati kif suppost qabel ma jintbagħtu fuq ħidma;

(d)  sa fejn ikun prattikabbli, tfixkil mill-inqas għall-ħidma tat-tunnari u tal-bastimenti li jkunu qed jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

Artikolu 39

Programm ta' Osservaturi Reġjonali tal-ICCAT

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-programm ta' osservaturi reġjonali tal-ICCAT kif stabbilit f'dan l-Artikolu u fl-Anness VIII.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li osservatur reġjonali tal-ICCAT ikun preżenti:

(a)  fuq kull bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża li huwa awtorizzat jistad għat-tonn;

(b)  waqt kull trasferiment tat-tonn minn fuq il-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża;

(c)  waqt kull trasferiment tat-tonn minn ġot-tunnari għal ġol-gaġeġ tat-trasport;

(d)  waqt kull trasferiment minn farm tal-ħut għal ieħor;

(e)  waqt kull attività ta' tqegħid tat-tonn fil-gaġeġ fil-farms tal-ħut;

(f)  waqt il-qtil kollu tat-tonn fil-farms tal-ħut; u

(g)  waqt ir-rilaxx tat-tonn minn ġol-gaġeġ tat-trobbija tal-ħut għal ġol-baħar.

3.  Il-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża li ma jkollhomx osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord ma għandhomx ikunu awtorizzati jistadu għat-tonn.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi assenjat osservatur reġjonali wieħed tal-ICCAT għal kull farm tal-ħut għall-perjodu kollu tal-attivitajiet tat-tqegħid fil-gaġeġ. F'każijiet ta' forza maġġuri, u wara li ▌l-Istat Membru tat-trobbija jikkonferma dawk iċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu forza maġġuri, osservatur reġjonali tal-ICCAT jista' jiġi assenjat għal iktar minn farm tal-ħut wieħed sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tat-trobbija tal-ħut, jekk ikun żgurat li l-kompiti tal-osservatur jitwettqu kif xieraq. Madankollu, l-Istat Membru li jkun responsabbli għall-farms tal-ħut għandu jitlob minnufih li jiġi assenjat osservatur reġjonali ieħor.

5.  Il-kompiti tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom ikunu, b'mod partikulari, li:

(a)  josservaw u jimmonitorjaw l-attivitajiet tas-sajd u tat-trobbija tal-ħut f'konformità mal-miżuri rilevanti ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT, inkluż permezz tal-aċċess għall-filmati meħudin bil-kameras sterjoskopiċi fil-ħin tat-tqegħid fil-gaġeġ, li jippermetti li jitkejjel it-tul u li jiġi stmat il-piż korrispondenti;

(b)  jiffirmaw id-dikjarazzjonijiet tat-trasferiment tal-ICCAT u l-BCDs meta l-informazzjoni mogħtija fihom tkun konsistenti mal-osservazzjonijiet tagħhom. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom jindikaw fuq id-dikjarazzjonijiet tat-trasferiment u fuq il-BCDs li huma kienu preżenti u jagħtu r-raġunijiet għan-nuqqas ta' qbil tagħhom billi jikkwotaw b'mod speċifiku r-regola jew ir-regoli jew il-proċedura jew il-proċeduri li ma tħarsux;

(c)  iwettqu ħidma xjentifika, inkluż il-ġbir ta' kampjuni, abbażi tal-linji gwida tal-SCRS.

6.  Il-kaptani, l-ekwipaġġ u l-operaturi tal-farms tal-ħut, tat-tunnari u tal-bastimenti ma għandhomx ifixklu, jintimidaw, jindaħlu jew jinfluwenzaw bi kwalunkwe mezz lill-osservaturi reġjonali fil-qadi ta' dmirijiethom.

TAQSIMA 6

Attivitajiet ta' trasferiment

Artikolu 40

Awtorizzazzjoni tat-trasferiment

1.  Qabel kwalunkwe attività ta' trasferiment, il-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew tal-irmunkar jew ir-rappreżentanti tiegħu jew l-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara minn fejn joriġina t-trasferiment għandhom jibagħtu notifika minn qabel tat-trasferiment lill-Istat Membru tal-bandiera jew lill-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara, li jkun fiha:

(a)  isem il-bastiment tal-qbid, il-farm tal-ħut jew it-tunnara u n-numru tagħhom fir-reġistru tal-ICCAT;

(b)  il-ħin stmat tat-trasferiment;

(c)  il-kwantità stmata ta' tonn li għandu jiġi ttrasferit;

(d)  informazzjoni dwar il-pożizzjoni fejn ikun se jsir it-trasferiment (il-latitudni/il-lonġitudni) u n-numri ta' identifikazzjoni tal-gaġeġ;

(e)  isem il-bastiment tal-irmunkar, l-għadd ta' gaġeġ irmunkati u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT, fejn ikun xieraq; u

(f)  il-port, il-farm tal-ħut jew il-gaġġa fejn ikun se jittieħed it-tonn.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu numru uniku lil kull gaġġa tat-trasport. Jekk ikun hemm bżonn jintużaw diversi gaġeġ tat-trasport meta tiġi ttrasferita l-qabda li tikkorrispondi għal attività waħda tas-sajd, trid tintbagħat dikjarazzjoni waħda biss tat-trasferiment, iżda fiha għandhom jitniżżlu n-numri ta' kull gaġġa tat-trasport użata, kif ukoll il-kwantità tat-tonn ittrasportata f'kull gaġġa.

3.  In-numri tal-gaġeġ għandhom jinħarġu permezz ta' sistema ta' numerazzjoni unika li tinkludi tal-inqas il-kodiċi alfa-3 li jikkorrispondi għall-Istat Membru tas-sajd, segwit minn tliet numri. In-numri uniċi tal-gaġeġ għandhom ikunu permanenti u ma għandhomx ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti minn gaġġa għal oħra.

4.  L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħti numru tal-awtorizzazzjoni lil kull attività ta' trasferiment u għandu jibagħtu lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd jew lill-operatur tat-tunnara jew tal-farm tal-ħut, skont il-każ. In-numru tal-awtorizzazzjoni għandu jinkludi l-kodiċi bi tliet ittri tal-Istat Membru, erba' numri li juru s-sena u tliet ittri li jindikaw awtorizzazzjoni pożittiva (AUT) jew negattiva (NEG), segwiti minn numri sekwenzjali.

5.  L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jawtorizza t-trasferiment jew jirrifjuta li jawtorizzah fi żmien 48 siegħa minn meta tintbagħat in-notifika minn qabel tat-trasferiment. L-attività tat-trasferiment ma għandhiex tibda mingħajr l-awtorizzazzjoni pożittiva maħruġa minn qabel.

6.  L-awtorizzazzjoni tat-trasferiment ma għandhiex tippreġudika l-konferma tal-attività tat-tqegħid fil-gaġeġ.

Artikolu 41

Ċaħda tal-awtorizzazzjoni tat-trasferiment u r-rilaxx tat-tonn

1.  L-Istat Membru li jkun responsabbli għall-bastiment tal-qbid, għall-bastiment tal-irmunkar, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandu jirrifjuta li jawtorizza t-trasferiment jekk, malli jirċievi n-notifika minn qabel tat-trasferiment, huwa jqis li:

(a)  il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara li ġie ddikjarat li qabdu l-ħut ma kellhomx kwota biżżejjed;

(b)  il-kwantità ta' ħut ma ġietx irrappurtata kif suppost mill-bastiment tal-qbid jew mit-tunnara, jew ma kinitx awtorizzata biex titqiegħed fil-gaġeġ;

(c)  il-bastiment tal-qbid li ġie ddikjarat li qabad il-ħut ma kellux awtorizzazzjoni valida biex jistad għat-tonn maħruġa skont l-Artikolu 27, jew;

(d)  il-bastiment tal-irmunkar li ġie ddikjarat li se jirċievi l-ħut ittrasferit mhuwiex irreġistrat fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-oħrajn tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 26, jew mhuwiex mgħammar b'VMS li tiffunzjona għalkollox jew b'apparat ta' lokalizzazzjoni ekwivalenti.

2.  Jekk it-trasferiment ma jiġix awtorizzat, l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1, kif xieraq, għandu joħroġ minnufih ordni tar-rilaxx lill-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew tal-bastiment tal-irmunkar jew lill-operatur tat-tunnara jew tal-farm tal-ħut, skont il-każ, biex jgħarrafhom li t-trasferiment mhuwiex awtorizzat u jitlobhom jirrilaxxaw il-ħut fil-baħar skont l-Anness XII.

3.  F'każ ta' ħsara teknika fil-VMS tiegħu matul it-trasport lejn il-farm tal-ħut, il-bastiment tal-irmunkar għandu jiġi sostitwit b'bastiment ieħor tal-irmunkar li jkollu VMS li tiffunzjona għalkollox, jew inkella għandha tiġi installata jew użata VMS ġdida li taħdem malli dan ikun fattibbli u sa mhux aktar minn 72 siegħa wara. Dak il-perjodu ta' 72 siegħa jista' jiġi estiż b'mod eċċezzjonali fil-każ ta' forza maġġuri jew ta' restrizzjonijiet operattivi leġittimi. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minnufih bil-ħsara teknika u, min-naħa tagħha, għandha tgħarraf lis-Segretarjat tal-ICCAT b'dan. Minn x'ħin tiġi nnutata l-ħsara teknika sa ma din tissewwa, kull erba' sigħat il-kaptan jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jibgħat lill-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istat Membru tal-bandiera l-koordinati ġeografiċi aġġornati tal-bastiment tas-sajd bil-mezzi tat-telekomunikazzjoni x-xierqa.

Artikolu 42

Dikjarazzjoni tat-trasferiment

1.  Il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid jew tal-irmunkar jew l-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara għandhom jimlew id-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT fi tmiem l-attività tat-trasferiment, f'konformità mal-format stabbilit fl-Anness VI, u jibagħtuha lill-Istat Membru responsabbli.

2.  L-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun responsabbli għall-bastiment tas-sajd, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara minn fejn joriġina t-trasferiment għandhom jinnumeraw il-formoli tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment. In-numru tal-formola tad-dikjarazzjoni għandu jinkludi l-kodiċi bi tliet ittri tal-Istat Membru, segwit minn erba' numri li juru s-sena u tliet numri sekwenzjali segwiti mit-tliet ittri "ITD" (SM-20**/xxx/ITD).

3.  Id-dikjarazzjoni oriġinali tat-trasferiment għandha takkumpanja t-trasferiment tal-ħut. Il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara u l-bastimenti tal-irmonk għandhom iżommu kopja tad-dikjarazzjoni.

4.  Il-kaptani tal-bastimenti li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ta' trasferiment għandhom jirrappurtaw l-attivitajiet tagħhom f'konformità mal-Anness II.

5.  L-informazzjoni dwar il-ħut mejjet għandha tiġi rreġistrata skont il-proċeduri stabbiliti fl-Anness XIII.

Artikolu 43

Monitoraġġ permezz ta' vidjokamera

1.  Il-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew tal-irmunkar jew l-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara għandu jiżgura li t-trasferiment jiġi mmonitorjat permezz ta' vidjokamera fl-ilma sabiex jiġi vverifikat l-għadd ta' ħut li jkun qed jiġi ttrasferit. Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha ssir skont l-istandards minimi u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness X.

2.  Meta l-SCRS jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi kopji tar-reġistrazzjonijiet bil-vidjo, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dawk il-kopji ▌lill-Kummissjoni, ▌li għandha tibgħathom lill-SCRS ▌.

Artikolu 44

Verifika mill-osservaturi reġjonali tal-ICCAT u t-twettiq tal-investigazzjonijiet

1.  L-osservaturi reġjonali tal-ICCAT abbord il-bastiment tal-qbid u t-tunnara, kif imsemmi fl-Artikolu 39 u fl-Anness VIII, għandhom:

(a)  jirreġistraw l-attivitajiet ta' trasferiment imwettqin u jagħmlu rapport dwarhom;

(b)  josservaw il-qabdiet ittrasferiti u jagħmlu stima tagħhom; u

(c)  jivverifikaw id-data mdaħħla fl-awtorizzazzjoni tat-trasferiment minn qabel, kif imsemmi fl-Artikolu 40, u fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT, kif imsemmi fl-Artikolu 42.

2.  F'każijiet fejn ikun hemm differenza ta' aktar minn 10 % fl-għadd tal-istimi magħmulin mill-osservatur reġjonali, mill-awtoritajiet ta' kontroll rilevanti jew mill-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew tal-irmunkar jew mill-operatur tat-tunnara jew tal-farm tal-ħut, l-Istat Membru responsabbli għandu jagħti bidu għal investigazzjoni dwar dan. It-tali investigazzjoni għandha tintemm qabel il-ħin tat-tqegħid fil-gaġeġ fil-farm tal-ħut u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 96 siegħa minn meta tinbeda, ħlief f'każijiet ta' forza maġġuri. Sakemm joħorġu r-riżultati tal-investigazzjoni, ma għandux ikun awtorizzat it-tqegħid fil-gaġeġ u t-taqsima rilevanti tal-BCD ma għandhiex tiġi vvalidata.

3.  Madankollu, f'każijiet meta r-reġistrazzjoni bil-vidjokamera ma tkunx ta' kwalità tajba biżżejjed jew ma tkunx ċara biżżejjed biex jiġu stmati l-kwantitajiet ittrasferiti, il-kaptan tal-bastiment jew l-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara jista' jitlob lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli jawtorizzawh iwettaq trasferiment ġdid u jibgħat ir-reġistrazzjoni korrispondenti bil-vidjokamera lill-osservatur reġjonali. Jekk dak il-kontroll volontarju tat-trasferiment ma jsirx b'riżultati sodisfaċenti, l-Istat Membru responsabbli għandu jagħti bidu għal investigazzjoni dwar dan. Jekk wara dik l-investigazzjoni jiġi kkonfermat li l-kwalità tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera ma tippermettix li jiġu stmati l-kwantitajiet involuti fit-trasferiment, l-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istat Membru responsabbli għandhom jordnaw li jsir trasferiment ta' kontroll ieħor u għandhom jipprovdu r-reġistrazzjoni korrispondenti bil-vidjokamera lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT. It-trasferimenti l-ġodda għandhom isiru bħala trasferimenti ta' kontroll sakemm il-kwalità tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera tippermetti li jiġu stmati l-kwantitajiet ittrasferiti.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqin mill-ispetturi, l-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jiffirma d-dikjarazzjoni tat-trasferiment biss meta l-osservazzjonijiet tiegħu jkunu konformi mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT u meta l-informazzjoni li tkun tinsab fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment tkun konsistenti mal-osservazzjonijiet tiegħu u tkun tinkludi reġistrazzjoni konformi bil-vidjokamera skont il-paragrafi 1, 2 u 3. L-osservatur tal-ICCAT għandu jivverifika wkoll li d-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT tintbagħat lill-kaptan tal-bastiment tal-irmunkar jew lill-operatur tal-farm tal-ħut jew lir-rappreżentant tat-tunnara, meta dan ikun applikabbli. Jekk l-osservatur tal-ICCAT ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni tat-trasferiment, għandu jindika fuq id-dikjarazzjonijiet tat-trasferiment u fuq il-BCDs li huwa kien preżenti u jagħti r-raġunijiet għan-nuqqas ta' qbil tiegħu billi jikkwota b'mod partikulari r-regola jew ir-regoli jew il-proċedura jew il-proċeduri li ma tħarsux.

5.  Il-kaptan tal-bastimenti tal-qbid jew tal-irmunkar jew l-operaturi tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara għandhom jimlew id-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT fi tmiem l-attività tat-trasferiment, f'konformità mal-format stabbilit fl-Anness VI, u jibagħtuha lill-Istat Membru responsabbli. L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-pjanijiet rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni ▌.

Artikolu 45

Atti ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din it-Taqsima. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 68.

TAQSIMA 7

Attivitajiet ta' tqegħid fil-gaġeġ

Artikolu 46

Awtorizzazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ u ċaħda possibbli ta' awtorizzazzjoni

1.  Qabel ma jibdew l-attivitajiet ta' tqegħid fil-gaġeġ, għal kull gaġġa tat-trasport għandu jiġi pprojbit li l-gaġeġ tat-trasport jiġu mmażżrati f'żona ta' 0,5 mil nawtiku mill-faċilitajiet tal-farm tal-ħut. Għal dan il-għan, jeħtieġ li fil-pjanijiet għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut imsemmijin fl-Artikolu 15 ikunu disponibbli l-koordinati ġeografiċi li jikkorrispondu għall-poligonu fejn jinsab il-farm tal-ħut.

2.  Qabel kwalunkwe attività ta' tqegħid fil-gaġeġ, l-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jitlob lill-Istat Membru jew lill-PKK responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara li qabdu t-tonn li għandu jitqiegħed fil-gaġeġ japprovaw it-tqegħid fil-gaġeġ.

3.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara għandha tirrifjuta li tapprova t-tqegħid fil-gaġeġ jekk tqis li:

(a)  il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara li qabdu l-ħut ma kellhomx kwota biżżejjed għat-tonn;

(b)  il-kwantità ta' ħut ma ġietx irrappurtata kif suppost mill-bastiment tal-qbid jew mit-tunnara; jew

(c)  il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara li ġie ddikjarat li qabdu l-ħut ma għandhomx awtorizzazzjoni valida biex jistadu għat-tonn maħruġa skont l-Artikolu 27.

4.  Jekk l-Istat Membru li jkun responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara jirrifjuta li japprova t-tqegħid fil-gaġeġ, huwa għandu:

(a)  jgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-PKK responsabbli għall-farm tal-ħut b'dan; u

(b)  jitlob lil dik l-awtorità kompetenti tipproċedi għas-sekwestru tal-qabdiet u għar-rilaxx tal-ħut fil-baħar.

5.  It-tqegħid fil-gaġeġ ma għandux jibda mingħajr l-approvazzjoni tal-Istat Membru jew tal-PKK responsabbli għall-bastimenti tal-qbid jew għat-tunnara, jew inkella tal-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut jekk ikun hemm qbil dwar dan mal-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-PKK responsabbli għall-bastimenti tal-qbid jew għat-tunnara — approvazzjoni li għandha tinħareġ fi żmien jum tax-xogħol minn meta ssir it-talba. Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut ma jirċievu l-ebda tweġiba mingħand l-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-PKK responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara fi żmien jum tax-xogħol, huma jistgħu jawtorizzaw l-attività tat-tqegħid fil-gaġeġ.

6.  Il-ħut għandu jitqiegħed fil-gaġeġ qabel it-22 ta' Awwissu ta' kull sena, sakemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-PKK responsabbli għall-farm tal-ħut ma jipprovdux raġunijiet validi għal dan, inkluża forza maġġuri, li għandhom jingħataw mar-rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ meta dan jitressaq. Fi kwalunkwe każ, il-ħut ma għandux jitqiegħed fil-gaġeġ wara s-7 ta' Settembru ta' kull sena.

Artikolu 47

Dokumentazzjoni dwar il-qabdiet tat-tonn

L-Istati Membri li huma responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jipprojbixxu t-tqegħid tat-tonn fil-gaġeġ li ma jkollux miegħu d-dokumenti meħtieġa mill-ICCAT fil-qafas tal-programm ta' dokumentazzjoni tal-qbid stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 640/2010. Id-dokumentazzjoni trid tkun preċiża u kompluta u għandha tiġi vvalidata mill-Istat Membru jew mill-PKK responsabbli għall-bastimenti tal-qbid jew għat-tunnari.

Artikolu 48

Spezzjonijiet

L-Istati Membri li huma responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jispezzjonaw kull attività ta' tqegħid fil-gaġeġ li ssir fil-farms tal-ħut.

Artikolu 49

Monitoraġġ permezz ta' vidjokamera

L-Istati Membri responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta' kontroll tagħhom jimmonitorjaw l-attivitajiet ta' tqegħid fil-gaġeġ permezz ta' vidjokamera fl-ilma. Għandha ssir reġistrazzjoni waħda bil-vidjokamera għal kull attività ta' tqegħid fil-gaġeġ skont il-proċeduri stabbiliti fl-Anness X.

Artikolu 50

Tnedija tal-investigazzjonijiet u twettiq tagħhom

Meta jkun hemm differenza ta' aktar minn 10 % fl-għadd tal-istimi magħmulin mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT, mill-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istati Membri rilevanti u/jew mill-operatur tal-farm tal-ħut, l-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jagħti bidu għal investigazzjoni dwar dan b'kooperazzjoni mal-Istat Membru jew mal-PKK responsabbli għall-bastiment tal-qbid u/jew għat-tunnara. L-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-investigazzjonijiet jista' juża l-informazzjoni l-oħra li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, inklużi r-riżultati tal-programmi tat-tqegħid fil-gaġeġ imsemmijin fl-Artikolu 51.

Artikolu 51

Miżuri u programmi biex jiġu stmati l-għadd ta' tonn li għandu jitqiegħed fil-gaġeġ u l-piż tiegħu

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li programm li juża sistemi ta' kameras sterjoskopiċi jew metodi alternattivi li jiżguraw l-istess livell ta' preċiżjoni u ta' akkuratezza jkun ikopri 100 % tal-attivitajiett kollha tat-tqegħid fil-gaġeġ, sabiex jiġu stmati l-għadd ta' ħut u l-piż tiegħu.

2.  Dak il-programm għandu jitwettaq skont il-proċeduri stabbiliti fl-Anness XI. Jistgħu jintużaw metodi alternattivi biss jekk l-ICCAT tkun approvathom matul il-laqgħa annwali tagħha.

3.  L-Istati Membri responsabbli għall-farm tal-ħut għandhom jibagħtu r-riżultati ta' dan il-programm lill-Istat Membru jew lill-PKK responsabbli għall-bastimenti tal-qbid u lill-entità li topera l-programm tal-osservaturi reġjonali f'isem l-ICCAT.

4.  Meta r-riżultati tal-programm juru li l-kwantitajiet tat-tonn li jkunu tqiegħdu fil-gaġeġ ikunu jvarjaw mill-kwantitajiet irrappurtati bħala maqbudin u/jew ittrasferiti, l-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara għandu jniedi investigazzjoni dwar dan b'kooperazzjoni mal-Istat Membru jew mal-PKK responsabbli għall-farm. Meta l-bastiment tal-qbid jew it-tunnara jtajru l-bandiera ta' PKK oħra, l-Istat Membru responsabbli għall-farm għandu jniedi l-investizzjoni f'kooperazzjoni ma' dik il-PKK tal-bandiera.

5.  L-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara għandu joħroġ ordni ta' rilaxx, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Anness XII, għall-kwantitajiet imqegħdin fil-gaġeġ li jaqbżu l-kwantitajiet iddikjarati bħala maqbudin u ttrasferiti:

(a)  jekk l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ma tintemmx fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jkunu ntbagħtu r-riżultati tal-programm għal attività waħda ta' tqegħid fil-gaġeġ jew għall-attivitajiet kollha ta' tqegħid fil-gaġeġ fil-każ ta' attività konġunta tas-sajd; jew

(b)  jekk l-eżitu tal-investigazzjoni juri li l-għadd ta' tonn u/jew il-piż medju tiegħu huwa aktar minn dak iddikjarat bħala maqbud u ttrasferit.

L-ammont żejjed għandu jiġi rrilaxxat fil-preżenza tal-awtoritajiet ta' kontroll.

6.  Ir-riżultati tal-programm għandhom jintużaw biex jiġi deċiż jekk hemmx bżonn isiru r-rilaxxi u d-dikjarazzjonijiet dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u t-taqsimiet rilevanti tal-BCD għandhom jimtlew kif xieraq. Meta tkun inħarġet ordni ta' rilaxx, l-operatur tal-farm tal-ħut għandu jitlob li awtorità nazzjonali ta' kontroll u osservatur reġjonali tal-ICCAT jkunu preżenti biex jimmonitorjaw ir-rilaxx.

7.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu r-riżultati tal-programm lill-Kummissjoni sal-1 ta' Settembru ta' kull sena. F'każ ta' forza maġġuri fit-tqegħid fil-gaġeġ, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw dawn ir-riżultati qabel it-12 ta' Settembru. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-SCRS sal-15 ta' Settembru ta' kull sena għall-evalwazzjoni.

8.  It-trasferiment tat-tonn ħaj minn ġo gaġġa tat-trobbija tal-ħut għal ġo gaġġa oħra tat-trobbija tal-ħut ma għandux iseħħ jekk ma jkunx hemm l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istat Membru jew tal-PKK responsabbli għall-farm tal-ħut għal dan u jekk dawn l-awtoritajiet ma jkunux preżenti waqt it-trasferiment. Kull trasferiment għandu jiġi rreġistrat biex jiġi kkontrollat l-għadd ta' kampjuni. L-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll għandhom jimmonitorjaw dawk it-trasferimenti u jiżguraw li kull trasferiment li jsir ġol-farm tal-ħut jiġi rreġistrat fis-sistema tal-eBCD.

9.  Jekk ikun hemm differenza ta' 10 % jew iktar bejn il-kwantitajiet tat-tonn irrappurtati bħala maqbudin mill-bastiment jew mit-tunnara u l-kwantitajiet stabbiliti permezz tal-kamera ta' kontroll fil-mument tat-tqegħid fil-gaġeġ, dan għandu jikkostitwixxi nuqqas potenzjali ta' konformità min-naħa tal-bastiment ikkonċernat jew tat-tunnara kkonċernata. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw segwitu xieraq għal dan.

Artikolu 52

Dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ

1.  Fi żmien 72 siegħa wara t-tmiem ta' kull attività tat-tqegħid fil-gaġeġ, ▌operatur tal-farm għandu jibgħat dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ kif previst fl-Anness XIV lill-awtorità kompetenti tiegħu.

2.   Minbarra d-dikjarazzjoni ta' tqegħid fil-gaġeġ imsemmija fil-paragrafu 1, ġimgħa wara t-tlestija tal-attività tat-tqegħid fil-gaġeġ, Stat Membru responsabbli għall-farm għandu jibgħat rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ li jkun fih l-elementi stabbiliti fit-Taqsima B tal-Anness XI lill-Istat Membru jew lill-PKK li l-bastimenti jew it-tunnara tagħhom ikunu qabdu t-tonn, u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 2, attività ta' tqegħid fil-gaġeġ ma għandhiex titqies li tkun tlestiet qabel ma tiġi konkluża kwalunkwe investigazzjoni li tkun tnediet u qabel ma titlesta kwalunkwe attività tar-rilaxx li dwarha tkun inħarġet ordni.

Artikolu 53

Trasferimenti ġewwa l-farms tal-ħut u kontrolli għall-għarrieda

1.  L-Istati Membri responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jimplimentaw sistema ta' traċċabbiltà, inkluża r-reġistrazzjoni bil-vidjokamera tat-trasferimenti interni.

2.  L-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istati Membri responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom iwettqu kontrolli għall-għarrieda, abbażi ta' analiżi tar-riskju, fuq it-tonn miżmum fil-gaġeġ tal-farm tal-ħut bejn iż-żmien tat-tlestija tal-attivitajiet tat-tqegħid fil-gaġeġ f'sena partikulari u l-ewwel tqegħid fil-gaġeġ fis-sena ta' wara.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 2, kull Stat Membru responsabbli għall-farms tal-ħut għandu jistabbilixxi perċentwal minimu ta' ħut li għandu jiġi kkontrollat. Dak il-perċentwal għandu jiġi stabbilit fil-pjan annwali ta' spezzjoni msemmi fl-Artikolu 14. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni r-riżultati tal-kontrolli għall-għarrieda li jkun wettaq kull sena. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawk ir-riżultati lis-Segretarjat tal-ICCAT f'April tas-sena ta' wara l-perjodu tal-kwota rilevanti.

Artikolu 54

Aċċess għar-reġistrazzjonijiet bil-vidjokamera u rekwiżiti għalihom

1.  Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jiżgura li r-reġistrazzjonijiet bil-vidjokamera msemmijin fl-Artikoli 49 u 51 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ispetturi nazzjonali, kif ukoll tal-ispetturi reġjonali u tal-ICCAT u tal-osservaturi tal-ICCAT u dawk nazzjonali.

2.  Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-farms tal-ħut għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jevita kull tibdil, editjar jew manipulazzjoni tar-reġistrazzjonijiet oriġinali bil-vidjokamera.

Artikolu 55

Rapport annwali dwar it-tqegħid fil-gaġeġ

Kull sena sal-31 ta' Lulju, l-Istati Membri li huma suġġetti għall-obbligu li jippreżentaw dikjarazzjonijiet u rapporti dwar it-tqegħid fil-gaġeġ skont l-Artikolu 52 għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ b'rabta mas-sena ta' qabel. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT qabel il-31 ta' Awwissu ta' kull sena. Ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)  l-ammont totali ta' tonn imqiegħed fil-gaġeġ għal kull farm tal-ħut, inkluż, għal kull farm tal-ħut, it-telf fl-għadd u fil-piż li jseħħ matul it-trasport lejn il-gaġeġ imwettaq mill-bastimenti tas-sajd u mit-tunnari;

(b)  il-lista tal-bastimenti li jistadu għat-tonn għall-finijiet tat-trobbija tal-ħut, li jipprovdu dan it-tip ta' tonn jew li jittrasportawh (isem il-bastiment, il-bandiera, in-numru tal-liċenzja u t-tip ta' rkaptu) u l-lista tat-tunnari;

(c)  ir-riżultati tal-programm ta' teħid tal-kampjuni għall-istima tal-għadd skont id-daqs tat-tonn maqbud, kif ukoll id-data, il-ħin u ż-żona tal-qabda u l-metodu tas-sajd użat, sabiex tittejjeb l-istatistika għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-istokk.

Il-programm ta' teħid tal-kampjuni jirrikjedi li t-teħid tal-kampjuni skont id-daqs (it-tul jew il-piż) fil-gaġeġ isir fuq kampjun wieħed (= 100 kampjun) għal kull 100 tunnellata ta' ħut ħaj, jew fuq kampjun ta' 10 % tal-għadd totali ta' ħut miżmum fil-gaġeġ. Il-kampjuni tad-daqs se jinġabru waqt il-qtil fil-farm tal-ħut u mill-ħut li jkun miet matul it-trasport, skont il-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-data u tal-informazzjoni. Għall-ħut li jitrabba fil-farm tal-ħut għal iktar minn sena, għandhom jiġu stabbiliti metodi addizzjonali oħrajn għat-teħid tal-kampjuni. Il-kampjuni għandhom jittieħdu matul kull qtil u għandhom ikopru l-gaġeġ kollha;

(d)  il-kwantitajiet ta' tonn imqegħdin fil-gaġġa u stima tat-tkabbir u tal-mortalità tat-tonn waqt li dan ikun fil-magħluq, kif ukoll tal-ammonti mibjugħa f'tunnellati. Din l-informazzjoni għandu jipprovdiha l-farm tal-ħut

(e)  il-kwantitajiet ta' tonn li jkunu tqiegħdu fil-gaġeġ matul is-sena ta' qabel; u u

(f)  il-kwantitajiet ikkummerċjalizzati matul is-sena ta' qabel, imqassmin skont l-oriġini tagħhom.

Artikolu 56

Atti ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din it-Taqsima. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 68.

TAQSIMA 8

Monitoraġġ u sorveljanza

Artikolu 57

Sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti

1.  B'deroga mill-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom jimplimentaw Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) għall-bastimenti tas-sajd tagħhom li b'kollox ikunu twal 12-il metru jew iktar skont l-Anness XV.

2.  Il-bastimenti tas-sajd li b'kollox ikunu twal iktar minn 15-il metru li huma inklużi fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 26(1)(a) jew fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 26(1)(b) għandhom jibdew jibagħtu d-data tal-VMS lill-ICCAT tal-inqas ħamest ijiem qabel il-perjodu tal-awtorizzazzjoni tagħhom u għandhom ikomplu jagħmlu dan għal tal-inqas ħamest ijiem wara l-perjodu tal-awtorizzazzjoni tagħhom, sakemm ma tintbagħatx talba minn qabel lill-Kummissjoni biex il-bastiment jitneħħa mir-reġistru tal-bastimenti tal-ICCAT.

3.  Għall-finijiet tal-kontroll, il-kaptan jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jiżgura li t-trażmissjoni tad-data tal-VMS mill-bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu b'mod attiv għat-tonn ma tiġix interrotta meta l-bastimenti jkunu fil-port, kemm-il darba ma jkunx hemm sistema ta' dikjarazzjoni ta' dħul u ta' ħruġ mill-port.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċentri tal-monitoraġġ tas-sajd tagħhom jgħaddu l-messaġġi tal-VMS li jirċievu mingħand il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom lill-Kummissjoni u lil korp magħżul minnha, f'ħin reali u billi jużaw il-format "https data feed". Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn il-messaġġi b'mod elettroniku lis-Segretarjat tal-ICCAT.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw:

(a)  li l-messaġġi tal-VMS mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jintbagħtu lill-Kummissjoni tal-inqas kull sagħtejn;

(b)  li, f'każ ta' ħsara teknika fil-VMS, il-messaġġi alternattivi mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jaslu skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 jintbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa minn meta jaslu fiċ-ċentri tal-monitoraġġ tas-sajd tagħhom;

(c)  li l-messaġġi li jintbagħtu lill-Kummissjoni jingħataw numru sekwenzjali (b'identifikatur uniku) sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni;

(d)  li l-messaġġi li jintbagħtu lill-Kummissjoni jkunu skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

6.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-messaġġi kollha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-bastimenti ta' spezzjoni tiegħu jiġu ttrattati b'mod kunfidenzjali u jkunu limitati għall-attivitajiet ta' spezzjoni fuq il-baħar.

TAQSIMA 9

Spezzjoni u Infurzar

Artikolu 58

Skema tal-ICCAT ta' spezzjoni internazzjonali konġunta

1.  L-attivitajiet ta' spezzjoni internazzjonali konġunta għandhom jitwettqu skont l-Iskema tal-ICCAT ta' spezzjoni internazzjonali konġunta (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-iskema tal-ICCAT") għall-kontrolli internazzjonali fl-ilmijiet li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali, kif stabbilit fl-Anness IX ta' dan ir-Regolament.

2.  L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati jistadu għat-tonn għandhom jaħtru spetturi u jwettqu spezzjonijiet fuq il-baħar fil-kuntest tal-iskema tal-ICCAT.

3.  Meta, fi kwalunkwe ħin, ikun hemm iktar minn 15-il bastiment tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru partikulari li jkunu qed iwettqu attivitajiet tas-sajd għat-tonn fiż-Żona tal-Konvenzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju, bastiment ta' spezzjoni għall-finijiet tal-ispezzjoni u tal-kontroll fuq il-baħar fiż-Żona tal-Konvenzjoni għall-perjodu kollu li matulu dawk il-bastimenti jkunu hemmhekk. Dak l-obbligu għandu jitqies li jkun tħares f'każijiet fejn l-Istati Membri jikkooperaw biex jibagħtu bastiment ta' spezzjoni jew f'każijiet fejn jintbagħat bastiment ta' spezzjoni tal-Unjoni fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

4.  Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha jistgħu jaħtru spetturi tal-Unjoni għall-iskema tal-ICCAT.

5.  Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta' sorveljanza u ta' spezzjoni għall-Unjoni. Flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tfassal programmi ta' spezzjoni konġunta biex l-Unjoni tkun tista' twettaq l-obbligu tagħha fil-kuntest tal-iskema tal-ICCAT. L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ikunu qed jistadu għat-tonn għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi umani u materjali meħtieġa u mal-perjodi meta dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw u maż-żoni ġeografiċi fejn dawn għandhom jintużaw.

6.  L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, sal-1 ta' April ta' kull sena, bl-ismijiet tal-ispetturi u tal-bastimenti ta' spezzjoni li beħsiebhom jassenjaw għall-iskema tal-ICCAT matul is-sena. Permezz ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tfassal, f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, pjan għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-iskema tal-ICCAT kull sena, li hija għandha tibgħat lis-Segretarjat tal-ICCAT u lill-Istati Membri.

Artikolu 59

Spezzjonijiet f'każ ta' ksur

L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li ssir spezzjoni fiżika ta' bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu taħt l-awtorità tiegħu fil-portijiet tiegħu jew minn spettur maħtur minnu meta l-bastiment tas-sajd ma jkunx jinsab f'wieħed mill-portijiet tiegħu, jekk il-bastiment tas-sajd:

(a)  ikun naqas milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u tar-rappurtar stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32; jew

(b)  ikun kiser id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew wettaq ksur serju msemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 60

Kontroverifiki

1.  Kull Stat Membru għandu jivverifika l-informazzjoni mogħtija fir-rapporti ta' spezzjoni u fir-rapporti tal-osservaturi, fid-data tal-VMS u, fejn ikun xieraq, fl-eBCDs, fil-ġurnali ta' abbord tal-bastimenti tas-sajd tiegħu, fid-dokumenti dwar it-trasferimenti jew it-trasbord u fid-dokumenti dwar il-qabdiet, kif ukoll il-fatt li dawn jintbagħtu fil-ħin, f'konformità mal-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.  Kull Stat Membru għandu jwettaq kontroverifiki fuq il-ħatt l-art kollu, it-trasbord kollu jew it-tqegħid kollu fil-gaġeġ bejn il-kwantitajiet irreġistrati skont l-ispeċi fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment tas-sajd jew il-kwantitajiet irreġistrati skont l-ispeċi fid-dikjarazzjoni tat-trasbord u l-kwantitajiet irreġistrati fid-dikjarazzjoni ta' ħatt l-art jew fid-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ, u fi kwalunkwe dokument rilevanti ieħor, bħall-fatturi u/jew in-noti tal-bejgħ.

TAQSIMA 10

Infurzar

Artikolu 61

Infurzar

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 89 sa 91 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u, b'mod partikulari, għad-dmir tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri x-xierqa ta' infurzar b'rabta ma' bastiment tas-sajd, l-Istat Membru responsabbli għall-farm jew għall-farms tat-tonn għandu jieħu l-miżuri x-xierqa ta' infurzar b'rabta ma' farm tal-ħut meta jkun ġie stabbilit, skont il-liġijiet tiegħu, li dan il-farm tal-ħut ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 46 sa 56 ta' dan ir-Regolament. Skont kemm ikun gravi r-reat u f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet nazzjonali, dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u/jew multi. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw kwalunkwe sospensjoni jew irtirar ta' awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni, li għandha tinnotifikaha lis-Segretarjat tal-ICCAT bil-ħsieb li timmodifika r-"rekord ta' faċilitajiet għat-trobbija tat-tonn" kif xieraq.

KAPITOLU 6

Kummerċjalizzazzjoni

Artikolu 62

Miżuri ta' kummerċjalizzazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (KE) Nru 1224/2009 u (KE) Nru 1005/2008 u għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(28), għandhom ikunu pprojbiti fl-Unjoni l-kummerċ, il-ħatt l-art, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-tqegħid fil-gaġeġ għall-finijiet tat-tismin jew tat-trobbija, l-esportazzjoni mill-ġdid u t-trasbord tat-tonn li ma jkollux miegħu d-dokumentazzjoni preċiża, kompluta u vvalidata stabbilita f'dan ir-Regolament, ▌u fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timplimenta r-regoli tal-ICCAT dwar il-programm ta' dokumentazzjoni tal-qbid tat-tonn.

2.  Għandhom ikunu pprojbiti fl-Unjoni l-kummerċ, l-importazzjoni, il-ħatt l-art, it-tqegħid fil-gaġeġ għall-finijiet tat-tismin jew tat-trobbija, l-ipproċessar, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid u t-trasbord tat-tonn:

(a)  jekk it-tonn ikun inqabad minn bastimenti tas-sajd jew f'tunnari li l-Istat tal-bandiera tagħhom ma jkollux kwota jew limitu fuq il-qbid għat-tonn ▌skont it-termini tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT; jew

(b)  jekk it-tonn ikun inqabad minn bastimenti tas-sajd jew f'tunnari li l-kwoti individwali tagħhom ikunu eżawriti fil-ħin tal-qabda jew li l-Istat tagħhom ikun eżawrixxa l-opportunitajiet tas-sajd tiegħu fil-ħin tal-qabda.

3.  Mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (KE) Nru 1224/2009, (KE) Nru 1005/2008 u (UE) Nru 1379/2013, għandhom ikunu pprojbiti fl-Unjoni l-kummerċ, l-importazzjoni, il-ħatt l-art, l-ipproċessar u l-esportazzjoni tat-tonn minn farms tat-trobbija jew tat-tismin tal-ħut li ma jkunux konformi mar-Regolamenti msemmijin fil-paragrafu 1.

KAPITOLU 7

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 63

Evalwazzjoni

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtulha, mingħajr dewmien, rapport iddettaljat dwar l-implimentazzjoni tagħhom ta' dan ir-Regolament. Abbażi tal-informazzjoni li l-Istati Membri jkunu bagħtulha, il-Kummissjoni għandha tibgħat, sad-data deċiża mill-ICCAT, rapport iddettaljat lis-Segretarjat tal-ICCAT dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 19-04 tal-ICCAT.

Artikolu 64

Finanzjament

Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(29), dan ir-Regolament għandu jitqies li huwa pjan pluriennali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 65

Kunfidenzjalità

Id-data li tinġabar u li tiġi skambjata fil-kuntest ta' dan ir-Regolament għandha tiġi ttrattata skont ir-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità skont l-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 66

Proċedura għall-emendi

1.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 67 dwar emendi ta' dan ir-Regolament sabiex tadattah għall-miżuri adottati mill-ICCAT li jorbtu lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha b'rabta mal-affarijiet li ġejjin:

(a)   derogi għall-projbizzjoni taħt l-Artikolu 8 għar-riport ta' kwoti mhux użati;

(b)  l-iskadenzi għar-rappurtar tal-informazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 24(4), fl-Artikolu 26(1), fl-Artikolu 29(1), fl-Artikolu 32(2) u (3), fl-Artikolu 35(5) u (6), fl-Artikolu 36, fl-Artikolu 41(3), fl-Artikolu 44(2), fl-Artikolu 51(7), fl-Artikolu 52(2), fl-Artikolu 55, fil-punt (b) tal-Artikolu 57(5) u fl-Artikolu 58(6);

(c)  il-perjodi taż-żmien għall-istaġuni tas-sajd kif previst fl-Artikolu 17(1) u (4);

(d)  id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni stabbilit fl-Artikolu 19(1) u (2) u fl-Artikolu 20(1);

(e)  il-perċentwali u l-parametri ta' referenza stabbiliti fl-Artikolu 13, fl-Artikolu 15(3) u (4), fl-Artikolu 20(1), fl-Artikolu 21(2), fl-Artikolu 38(1), fl-Artikolu 44(2), fl-Artikolu 50 u fl-Artikolu 51(9);

(f)  l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 11(1), fl-Artikolu 24(1), fl-Artikolu 25(3), fl-Artikolu 29(1), fl-Artikolu 30(4), fl-Artikolu 34(2), fl-Artikolu 40(1) u fl-Artikolu 55;

(g)  il-kompiti tal-osservaturi nazzjonali u tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT kif previst fl-Artikolu 38(2) u fl-Artikolu 39(5) rispettivament;

(h)  ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tat-trasferiment stabbiliti fl-Artikolu 41(1);

(i)  ir-raġunijiet għas-sekwestru tal-qabdiet u għall-ordni tar-rilaxx tal-ħut imsemmijin fl-Artikolu 46(4);

(j)  l-għadd ta' bastimenti msemmi fl-Artikolu 58(3);

(k)  l-Annessi I sa XV.

2.  Kull emenda li tiġi adottata skont il-paragrafu 1 għandha tkun strettament limitata għall-implimentazzjoni tal-emendi tar-rakkomandazzjonijiet rispettivi tal-ICCAT li huma vinkolanti għall-Unjoni u/jew taż-żidiet għalihom.

Artikolu 67

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 66 għal perjodu ta' ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa sa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jirrevokaw id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 66 f'kull mument. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħturin minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin dwaru.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 66 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jqajmu oġġezzjoni għalih fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi mgħarraf lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 68

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 69

Emendi fir-Regolament (KE) Nru 1936/2001

Ir-Regolament (KE) Nru 1936/2001 huwa emendat kif ġej:

(a)  jitħassru l-Artikolu 3(g) sa (j), l-Artikoli 4a, 4b u 4c u l-Anness Ia;

(b)  fl-Annessi I u II jitħassar il-kliem "Tonn bluefin: Thunnus thynnus".

Artikolu 70

Emendi fir-Regolament (UE) 2017/2107

Fir-Regolament (UE) 2017/2107 jitħassar l-Artikolu 43.

Artikolu 71

Emendi fir-Regolament (UE) 2019/833

Fir-Regolament (UE) 2019/833 jitħassar l-Artikolu 53.

Artikolu 72

Tħassir

1.  Ir-Regolament (UE) 2016/1627 b'dan qed jitħassar.

2.  Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni mogħtija fl-Anness XVI.

Artikolu 73

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ [fl-għoxrin jum] wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

Kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-bastimenti tal-qbid li jkunu qed jistadu skont l-Artikolu 19

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li jitħarsu l-limiti fuq il-kapaċità li ġejjin:

—  l-għadd massimu ta' dgħajjes tas-sajd bil-lixka u ta' dgħajjes tas-sajd bir-rixa tiegħu li huma awtorizzati jistadu b'mod attiv għat-tonn ma għandux jaqbeż l-għadd ta' bastimenti li jkunu ħadu sehem fis-sajd dirett għat-tonn fl-2006;

—  l-għadd massimu ta' bastimenti tal-flotta artiġjanali tiegħu li huma awtorizzati jistadu b'mod attiv għat-tonn fil-Mediterran ma għandux jaqbeż l-għadd ta' bastimenti li jkunu ħadu sehem fis-sajd għat-tonn fl-2008;

—  l-għadd massimu ta' bastimenti tal-qbid tiegħu li huma awtorizzati jistadu b'mod attiv għat-tonn fil-Baħar Adrijatiku ma għandux jaqbeż l-għadd ta' bastimenti li jkunu ħadu sehem fis-sajd għat-tonn fl-2008. Kull Stat Membru għandu jalloka kwoti individwali għall-bastimenti kkonċernati.

2.  Kull Stat Membru jista' jalloka:

—  mhux iktar minn 7 % tal-kwota tiegħu għat-tonn fost id-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u d-dgħajjes tas-sajd bir-rixa tiegħu. Fil-każ ta' Franza, il-bastimenti li jtajru l-bandiera Franċiża li b'kollox ikunu twal inqas minn 17-il metru u li jistadu fil-Golf tal-Biskalja jistgħu jaqbdu massimu ta' 100 tunnellata tonn li jkun jiżen tal-inqas 6,4 kg jew li jkun twil tal-inqas 70 cm sal-qasma tad-denb;

—  mhux iktar minn 2 % tal-kwota tiegħu għat-tonn fost il-bastimenti tal-flotta artiġjanali kostali tiegħu li jistadu għall-ħut frisk fil-Mediterran;

—  mhux iktar minn 90 % tal-kwota tiegħu għat-tonn fost il-bastimenti tal-qbid tiegħu fl-Adrijatiku għall-finijiet tat-trobbija tal-ħut.

3.  Għal massimu ta' 7 % tal-piż ta' eżemplari ta' tonn maqbud fl-Adrijatiku għall-finijiet ta' trobbija mill-bastimenti tagħha, il-Kroazja tista' tapplika piż minimu ta' 6,4 kilogrammi jew 66 cm tul sal-qasma tad-denb;

4.  Kull Stat Membru li d-dgħajjes tas-sajd bil-lixka tiegħu, il-bastimenti tas-sajd bil-konz tiegħu, il-bastimenti tas-sajd bix-xolfa tal-idejn tiegħu u d-dgħajjes tas-sajd bir-rixa tiegħu huma awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar tad-denb kif ġej:

—  iridu jitwaħħlu tikketti fuq denb it-tonn kollu maqbud minnufih malli jiġi ttrasbordat;

—  kull tikketta mwaħħla fuq denb it-tonn għandu jkollha numru uniku ta' identifikazzjoni li jkun inkluż fid-dokumenti dwar il-qabdiet tat-tonn u jkun miktub b'mod li jinqara u li ma jistax jitħassar fuq barra ta' kull pakkett li jkun fih it-tonn.

ANNESS II

Rekwiżiti tal-ġurnal ta' abbord

A.  BASTIMENTI TAL-QBID

Speċifikazzjonijiet minimi għall-ġurnali ta' abbord tas-sajd:

1.  Kull folja tal-ġurnal ta' abbord għandu jkollha numru.

2.  Il-ġurnal ta' abbord għandu jimtela kuljum (f'nofsillejl) jew qabel il-wasla fil-port.

3.  Il-ġurnal ta' abbord għandu jimtela f'każ ta' spezzjonijiet fuq il-baħar.

4.  Kopja waħda tal-folji għandha tibqa' mehmuża mal-ġurnal ta' abbord.

5.  Il-ġurnali ta' abbord għandhom jinżammu abbord il-bastiment biex ikopru perjodu ta' sena waħda ta' ħidma.

Tagħrif minimu standard għall-ġurnali ta' abbord tas-sajd:

1.  Isem il-kaptan u l-indirizz tiegħu.

2.  Id-dati u l-portijiet tat-tluq u d-dati u l-portijiet tal-wasla.

3.  Isem il-bastiment, in-numru tiegħu fir-reġistru, in-numru tal-ICCAT tiegħu, il-kodiċi internazzjonali tar-radju u n-numru tal-OMI (jekk dan ikun disponibbli).

4.  L-irkaptu tas-sajd:

(a)  il-kodiċi tat-tip tal-FAO;

(b)  il-qisien (pereżempju t-tul, id-daqs tal-malji u l-għadd ta' snanar).

5.  L-attivitajiet fuq il-baħar, b'linja waħda (mill-inqas) għal kull jum tal-vjaġġ, li tkun tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)  l-attività (pereżempju s-sajd jew it-tbaħħir);

(b)  il-pożizzjoni: il-pożizzjonijiet eżatti ta' kuljum (fi gradi u minuti), irreġistrati għal kull attività tas-sajd jew f'nofsinhar meta ma jkun sar l-ebda sajd matul dak il-jum;

(c)  reġistru tal-qabdiet, li jinkludi:

–  il-kodiċi tal-FAO;

–  il-piż sħiħ (RWT) tal-ħut maqbud kuljum, f'kilogrammi;

–  l-għadd ta' ħut maqbud kuljum.

Għall-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, dik id-data għandha tiġi rreġistrata għal kull attività tas-sajd, inklużi dawk li fihom ma jinqabad xejn.

6.  Il-firma tal-kaptan.

7.  Il-mezz tal-użin: stima, użin abbord.

8.  Fil-ġurnal ta' abbord, il-piż tal-ħut għandu jingħata f'ammont li jkun ekwivalenti għall-piż tal-ħut ħaj u għandhom jissemmew il-fatturi ta' konverżjoni użati fl-evalwazzjoni.

Tagħrif minimu għall-ġurnali ta' abbord tas-sajd fil-każ ta' ħatt l-art jew tat-trasbord:

1.  Id-dati ta' ħatt l-art jew tat-trasbord u l-port fejn dan iseħħ.

2.  Il-prodotti:

(a)  l-ispeċijiet u preżentazzjoni tagħhom skont il-kodiċi tal-FAO;

(b)  l-għadd ta' ħut jew ta' kaxxi u l-kwantità f'kilogrammi.

3.  Il-firma tal-kaptan jew tal-aġent tal-bastiment.

4.  Fil-każ tat-trasbord: isem il-bastiment li jkun qed jirċievi l-ħut, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu.

Tagħrif minimu għall-ġurnali ta' abbord tas-sajd fil-każ tat-trasferiment għal ġol-gaġeġ:

1.  Id-data u l-ħin tat-trasferiment u l-pożizzjoni (il-latitudni/il-lonġitudni) fejn dan iseħħ.

2.  Il-prodotti:

(a)  identifikazzjoni tal-ispeċijiet skont il-kodiċi tal-FAO tagħhom;

(b)  l-għadd ta' ħut ittrasferit għal ġol-gaġeġ u l-kwantità tiegħu f'kilogrammi.

3.  Isem il-bastiment tal-irmunkar, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu.

4.  Isem il-farm tal-ħut destinatarju u n-numru tal-ICCAT tiegħu.

5.  Fil-każ ta' attività konġunta tas-sajd, minbarra t-tagħrif imniżżel fil-punti 1 sa 4, il-kaptani għandhom jirreġistraw fil-ġurnal ta' abbord tagħhom:

(a)  għall-bastiment tal-qbid li qed jittrasferixxi l-ħut għal ġol-gaġeġ:

–  l-ammont ta' qabdiet imtella' abbord,

–  l-ammont ta' qabdiet magħduda għall-ilħuq tal-kwota individwali tiegħu,

–  l-ismijiet tal-bastimenti l-oħrajn involuti fl-attività konġunta tas-sajd;

(b)  għall-bastimenti tal-qbid l-oħrajn tal-istess attività konġunta tas-sajd li mhumiex involuti fit-trasferiment tal-ħut:

–  l-isem ta' dawk il-bastimenti, il-kodiċijiet internazzjonali tar-radju tagħhom u n-numri tal-ICCAT tagħhom,

–  il-fatt li dawn ma tellgħu abbord l-ebda qabda jew ma ttrasferew l-ebda ħut għal ġol-gaġeġ,

–  l-ammont ta' qabdiet magħduda għall-ilħuq tal-kwoti individwali tagħhom,

–  l-isem tal-bastiment tal-qbid imsemmi fil-punt (a) u n-numru tal-ICCAT tiegħu.

B.  BASTIMENTI TAL-IRMUNKAR

1.  Il-kaptan ta' bastiment tal-irmunkar għandu jirreġistra fil-ġurnal ta' abbord ta' kuljum id-data u l-ħin tat-trasferiment u l-pożizzjoni fejn dan iseħħ, il-kwantitajiet ta' ħut ittrasferiti (l-għadd ta' ħut u l-kwantità tiegħu f'kilogrammi), in-numru tal-gaġġa, kif ukoll isem il-bastiment tal-qbid, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu, l-ismijiet tal-bastimenti l-oħrajn involuti u n-numri tal-ICCAT tagħhom, il-farm tal-ħut destinatarju u n-numru tal-ICCAT tiegħu u n-numru tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT.

2.  It-trasferimenti l-oħrajn tal-ħut għal fuq bastimenti awżiljarji jew għal fuq bastimenti oħrajn tal-irmunkar għandhom jiġu rrappurtati billi jingħata l-istess tagħrif bħal dak imsemmi fil-punt 1, kif ukoll billi jingħataw isem il-bastiment awżiljarju jew il-bastiment tal-irmunkar, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu u n-numru tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT.

3.  Il-ġurnal ta' abbord ta' kuljum għandu jinkludi d-dettalji tat-trasferimenti kollha mwettqin matul l-istaġun tas-sajd. Il-ġurnal ta' abbord ta' kuljum għandu jinżamm abbord il-bastiment u għandu jkun aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għall-finijiet ta' kontroll.

C.  BASTIMENTI AWŻILJARJI

1.  Il-kaptan ta' bastiment awżiljarju għandu jirreġistra l-attivitajiet fil-ġurnal ta' abbord kuljum u għandu jinkludi d-data, il-ħin u l-pożizzjonijiet, il-kwantitajiet ta' tonn imtella' abbord, u isem il-bastiment tas-sajd, il-farm tal-ħut jew it-tunnara li hu jkun qed jaħdem magħha.

2.  Il-ġurnal ta' abbord ta' kuljum għandu jinkludi d-dettalji tal-attivitajiet kollha mwettqin matul l-istaġun tas-sajd. Il-ġurnal ta' abbord ta' kuljum għandu jinżamm abbord il-bastiment u għandu jkun aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għall-finijiet ta' kontroll.

D.  BASTIMENTI TAL-IPPROĊESSAR

1.  Fil-ġurnal ta' abbord ta' kuljum, il-kaptan ta' bastiment tal-ipproċessar għandu jdaħħal id-data u l-ħin li fihom saru l-attivitajiet u l-pożizzjoni fejn dawn saru, il-kwantitajiet ittrasbordati u l-għadd ta' tonn li wasal mill-farms tal-ħut, mit-tunnari jew mill-bastimenti tal-qbid, fejn dan ikun applikabbli, u l-piż tiegħu. Il-kaptan għandu jdaħħal ukoll l-ismijiet u n-numri tal-ICCAT ta' dawk il-farms tal-ħut, it-tunnari jew il-bastimenti tal-qbid.

2.  Il-kaptan ta' bastiment tal-ipproċessar għandu jżomm ġurnal ta' abbord tal-ipproċessar ta' kuljum li jispeċifika l-piż sħiħ tal-ħut ittrasferit jew ittrasbordat u l-għadd tiegħu, il-fattur ta' konverżjoni użat, u l-piżijiet u l-kwantitajiet mogħtija skont il-preżentazzjoni tal-prodotti.

3.  Il-kaptan ta' bastiment tal-ipproċessar għandu jżomm pjan tal-istivar li juri l-post u l-kwantitajiet ta' kull speċi u l-preżentazzjoni tagħhom.

4.  Il-ġurnal ta' abbord ta' kuljum għandu jinkludi d-dettalji tat-trasbord kollu mwettaq matul l-istaġun tas-sajd. Il-ġurnal ta' abbord ta' kuljum, il-ġurnal ta' abbord tal-ipproċessar, il-pjan tal-istivar u d-dikjarazzjonijiet oriġinali tat-trasbord tal-ICCAT għandhom jinżammu abbord il-bastiment u għandhom ikunu aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għall-finijiet ta' kontroll.

ANNESS III

Formola tar-rapport tal-qabdiet

Formola tar-rapport tal-qabdiet

Bandiera

Numru tal-ICCAT

Isem il-bastiment

Data tal-bidu tar-rapport

Data ta' tmiem ir-rapport

Tul ta' żmien tar-rapport (f'jiem)

Data tal-qabda

Post fejn inqabad il-ħut

Qabdiet

Il-piż allokat fil-każ ta' attività konġunta tas-sajd (f'kilogrammi)

Latitudni

Lonġitudni

Piż (f'kilogrammi)

Għadd ta' ħut

Piż medju (f'kilogrammi)

ANNESS  IV

Formola ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-parteċipazzjoni f'attività konġunta tas-sajd

Attività konġunta tas-sajd

Stat tal-bandiera

Isem il-bastiment

Numru tal-ICCAT

Tul ta' żmien tal-attività

Identità tal-operaturi

Kwota individwali tal-bastiment

Skema ta' allokazzjoni għal kull bastiment

Farm tat-trobbija u tat-tismin tal-ħut destinatarju

PKK

Numru tal-ICCAT

Data: …

Validazzjoni tal-Istat tal-bandiera: …

ANNESS V

Dikjarazzjoni tat-trasbord tal-ICCAT

20210428-P9_TA(2021)0142_MT-p0000002.png

20210428-P9_TA(2021)0142_MT-p0000003.png

ANNESS VI

Dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT

20210428-P9_TA(2021)0142_MT-p0000004.png

ANNESS VII

Tagħrif minimu għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd(30)

A.  IDENTIFIKAZZJONI

1.  Numru ta' reġistrazzjoni tal-ICCAT

2.  Isem il-bastiment tas-sajd

3.  Numru estern tar-reġistrazzjoni (ittri u numri)

B.  KUNDIZZJONIJIET TAS-SAJD

1.  Data tal-ħruġ

2.  Perjodu tal-validità

3.  Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, inklużi, meta dan ikun xieraq, l-ispeċi, iż-żona, l-irkaptu tas-sajd u kull kundizzjoni oħra applikabbli li toħroġ minn dan ir-Regolament u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

 

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Żoni

 

Speċijiet

 

Rkaptu tas-sajd

 

Kundizzjonijiet oħrajn

 

ANNESS VIII

Programm ta' Osservaturi Reġjonali tal-ICCAT

ĦATRA TAL-OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

1.  Kull osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jkollu l-kwalifiki li ġejjin biex iwettaq il-kompiti tiegħu:

(a)  biżżejjed esperjenza biex ikun jista' jidentifika l-ispeċijiet tal-ħut u l-irkaptu tas-sajd;

(b)  għarfien sodisfaċenti tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT, attestat permezz ta' ċertifikat maħruġ mill-Istati Membri u bbażat fuq il-linji gwida tal-ICCAT marbutin mat-taħriġ;

(c)  il-ħila li josserva l-affarijiet u li jirreġistrahom b'mod preċiż;

(d)  għarfien sodisfaċenti tal-ilsien tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jew tal-farm tal-ħut osservat.

OBBLIGI TAL-OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

2.  L-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom:

(a)  ikunu lestew it-taħriġ tekniku mitlub mil-linji gwida stabbiliti mill-ICCAT;

(b)  ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri u, sa fejn ikun possibbli, ma jkunux ċittadini tal-Istat tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara jew tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża. Madankollu, jekk it-tonn jinqatel fil-gaġeġ u jiġi kkummerċjalizzat bħala prodott frisk, l-osservatur reġjonali tal-ICCAT li josserva l-qtil jista' jkun ċittadin tal-Istat Membru li huwa responsabbli għall-farm tal-ħut;

(c)  ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti mogħtija fil-punt 3;

(d)  ikunu inklużi fil-lista tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT miżmuma mill-ICCAT;

(e)  ma jkollhomx interessi finanzjarji jew benefiċjarji attwali fl-industrija tat-tonn.

KOMPITI TAL-OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

3.  Il-kompiti tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom ikunu, b'mod partikulari:

(a)  għall-osservaturi fuq il-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, li jimmonitorjaw il-konformità ta' dawn il-bastimenti tas-sajd mal-miżuri rilevanti ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni adottati mill-ICCAT. B'mod partikulari, l-osservatur reġjonali għandu:

1.  f'każijiet fejn josserva xi ħaġa li tista' tikkostitwixxi nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, jibgħat dak it-tagħrif lill-kumpanija li tkun qed timplimenta l-programm tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT mingħajr dewmien, li, min-naħa tagħha, għandha tibagħtu minnufih lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid;

2.  jirreġistra l-attivitajiet tas-sajd imwettqin u jagħmel rapport dwarhom;

3.  josserva l-qabdiet u jagħmel stima tagħhom u jivverifika d-data mdaħħla fil-ġurnal ta' abbord;

4.  joħroġ rapport ta' kuljum dwar l-attivitajiet ta' trasferiment tal-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża;

5.  josserva l-bastimenti li jistgħu jkunu qed jistadu b'mod li jikser il-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT u jirreġistrahom;

6.  jirreġistra l-attivitajiet ta' trasferiment imwettqin u jagħmel rapport dwarhom;

7.  jivverifika l-pożizzjoni tal-bastiment meta dan ikun qed iwettaq attività ta' trasferiment;

8.  josserva l-prodotti ttrasferiti u jagħmel stima tagħhom, fosthom billi jeżamina l-vidjows irreġistrati;

9.  jivverifika isem il-bastiment tas-sajd ikkonċernat u n-numru tal-ICCAT tiegħu u jirreġistrahom;

10.  iwettaq ħidma xjentifika, bħall-ġbir ta' data tal-kompitu II, meta l-ICCAT titlob dan, abbażi tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-SCRS;

(b)  għall-osservaturi reġjonali tal-ICCAT fil-farms tal-ħut u fil-post fuq it-tunnari, li jimmonitorjaw il-konformità ta' dawn il-farms u ta' dawn it-tunnari mal-miżuri rilevanti ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni adottati mill-ICCAT. B'mod partikulari, l-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu:

1.  jivverifika d-data li hemm fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment, fid-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u fil-BCD, fosthom billi jeżamina r-reġistrazzjonijiet bil-vidjokamera;

2.  jiċċertifika d-data li hemm fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment, fid-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u fil-BCDs;

3.  joħroġ rapport ta' kuljum dwar l-attivitajiet ta' trasferiment tal-farms tal-ħut u tat-tunnari;

4.  jikkontrofirma d-dikjarazzjoni tat-trasferiment, id-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u l-BCDs biss meta jaqbel li t-tagħrif li hemm fihom huwa konsistenti mal-osservazzjonijiet tiegħu, inkluż reġistrazzjoni konformi bil-vidjokamera, kif meħtieġ skont ir-rekwiżiti msemmijin fl-Artikolu 42(1) u fl-Artikolu 43(1);

5.  iwettaq il-ħidma xjentifika, bħall-ġbir ta' kampjuni, mitluba mill-Kummissjoni, abbażi tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-SCRS;

6.  jirreġistra u jivverifika jekk ikunx hemm kwalunkwe tip ta' marka, inkluża xi marka naturali, u jagħti tagħrif dwar kwalunkwe sinjal li tneħħiet xi marka reċentement;

(c)  li jistabbilixxu rapporti ġenerali li jiġbru fihom it-tagħrif miġbur skont dan il-punt u jagħtu l-opportunità lill-kaptan u lill-operatur tal-farm tal-ħut idaħħlu fihom kwalunkwe tagħrif rilevanti;

(d)  li jibagħtu r-rapport ġenerali msemmi fil-punt (c) lis-Segretarjat fi żmien 20 jum minn meta jintemm il-perjodu tal-osservazzjoni;

(e)  li jwettqu kwalunkwe funzjoni oħra, kif iddefinit mill-ICCAT.

4.  L-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jittratta t-tagħrif kollu dwar l-attivitajiet tas-sajd u tat-trasferiment tal-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża u tal-farms tal-ħut bħala tagħrif kunfidenzjali u għandu jaċċetta dak ir-rekwiżit bil-miktub biex jinħatar bħala osservatur reġjonalital-ICCAT.

5.  L-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Istat tal-bandiera jew tal-Istat tal-farm tal-ħut li taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu jkun jaqa' l-bastiment jew il-farm tal-ħut li għalih huwa jkun assenjat.

6.  L-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jirrispetta l-ġerarkija u jħares ir-regoli ġenerali tal-imġiba li japplikaw għall-persunal kollu li jaħdem fuq il-bastiment u fil-farm tal-ħut, dejjem jekk dawn ir-regoli ma jxekklux id-dmirijiet tiegħu fil-kuntest ta' dan il-programm u l-obbligi tal-persunal tal-bastimenti u tal-farms tal-ħut mogħtija fil-punt 7 ta' dan l-Anness u fl-Artikolu 39.

OBBLIGI TAL-ISTATI MEMBRI TAL-BANDIERA FIL-KONFRONT TAL-OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

7.  L-Istati Membri responsabbli għall-bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandhom jiżguraw li l-osservaturi reġjonali tal-ICCAT:

(a)  jingħataw aċċess għall-persunal tal-bastiment, tal-farm tal-ħut u tat-tunnara u għall-irkaptu, għall-gaġeġ u għat-tagħmir;

(b)  jingħataw aċċess għat-tagħmir li ġej, fuq talba, jekk ikun hemm dan it-tagħmir fuq il-bastimenti li għalihom ikunu assenjati, sabiex ikunu jistgħu jwettqu b'mod iktar faċli dmirijiethom mogħtija fil-punt 3 ta' dan l-Anness:

1.  it-tagħmir tan-navigazzjoni bis-satellita,

2.  l-iskrins li juru l-immaġnijiet meħudin mir-radar, meta dawn ikunu qed jintużaw,

3.  il-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni;

(c)  jingħataw akkomodazzjoni, inkluż xi mkien fejn joqogħdu, ikel u faċilitajiet sanitarji xierqa, li jkunu l-istess bħalma jingħataw l-uffiċjali;

(d)  jingħataw biżżejjed spazju għax-xoghol klerikali fuq il-pont tan-navigazzjoni jew fil-kamra tat-tmunier, u biżżejjed spazju fuq il-gverta sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta' osservazzjoni tagħhom.

SPEJJEŻ LI ĠEJJIN MILL-PROGRAMM TA' OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

8.  L-operaturi tal-farms tal-ħut jew sidien il-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża għandhom iħallsu l-ispejjeż kollha li ġejjin mill-attivitajiet tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT.

ANNESS IX

Skema tal-ICCAT ta' spezzjoni internazzjonali konġunta

Waqt ir-Raba' Laqgħa Regolari tagħha (li saret f'Madrid f'Novembru tal-1975) u waqt il-Laqgħa Annwali tagħha tal-2008 li saret f'Marrakesh, l-ICCAT qablet dwar dan li ġej:

Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Konvenzjoni, l-ICCAT tirrakkomanda li jiġu stabbiliti l-arranġamenti li ġejjin għall-kontrolli internazzjonali fl-ilmijiet li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali, biex ikun żgurat li l-Konvenzjoni u l-miżuri li huma fis-seħħ abbażi tagħha jiġu applikati:

I.  KSUR SERJU

1.  Għall-finijiet ta' dawn il-proċeduri, ksur serju jfisser il-ksur li ġej tad-dispożizzjonijiet tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT adottati minn din il-Kummissjoni:

(a)  is-sajd mingħajr liċenzja, permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-PKK tal-bandiera;

(b)  in-nuqqas ta' żamma ta' biżżejjed rekords tad-data dwar il-qabdiet u tad-data marbuta mal-qabdiet skont ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-ICCAT, jew rappurtar żbaljat sinifikanti tat-tali data dwar il-qabdiet u/jew tat-tali data marbuta mal-qabdiet;

(c)  is-sajd f'żona magħluqa għas-sajd;

(d)  is-sajd waqt staġun magħluq għas-sajd;

(e)  it-teħid jew iż-żamma intenzjonali ta' speċijiet bi ksur ta' kwalunkwe miżura ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni applikabbli adottata mill-ICCAT;

(f)  ksur sinifikanti tal-limiti tal-qbid jew tal-kwoti li jkunu fis-seħħ skont ir-regoli tal-ICCAT;

(g)  użu ta' rkaptu projbit tas-sajd;

(h)  il-falsifikazzjoni jew il-ħabi intenzjonali tal-marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta' bastiment tas-sajd;

(i)  il-ħabi, it-tbagħbis jew it-twarrib tal-provi marbutin mal-investigazzjoni ta' ksur;

(j)  diversi każijiet ta' ksur li, meta jittieħdu flimkien, jikkostitwixxu nuqqas serju ta' ħarsien tal-miżuri fis-seħħ skont l-ICCAT;

(k)  l-attakk, ir-reżistenza, l-intimidazzjoni, il-fastidju sesswali, l-indħil, jew it-tfixkil jew it-tidwim bla bżonn fil-konfront ta' spettur jew ta' osservatur awtorizzat;

(l)  it-tbagħbis jew id-diżattivazzjoni intenzjonali tal-VMS;

(m)  kull ksur ieħor li jista' jiġi stabbilit mill-ICCAT, ladarba dak jiġi inkluż u ċċirkolat f'verżjoni riveduta ta' dawn il-proċeduri;

(n)  is-sajd bl-assistenza ta' ajruplani ta' lokalizzazzjoni;

(o)  l-indħil fis-sistema tal-monitoraġġ bis-satellita u/jew l-użu ta' bastiment mingħajr VMS;

(p)  attività ta' trasferiment mingħajr dikjarazzjoni tat-trasferiment;

(q)  it-trasbord fuq il-baħar.

2.  Fil-każ ta' kwalunkwe tlugħ abbord bastiment tas-sajd u spezzjoni tiegħu li matulha l-ispettur awtorizzat josserva attività jew kundizzjoni li tista' tikkostitwixxi ksur serju, kif iddefinit fil-punt 1, l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastimenti ta' spezzjoni għandhom jgħarrfu minnufih lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd b'dan, kemm b'mod dirett u kemm permezz tas-Segretarjat tal-ICCAT. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-ispettur għandu jgħarraf ukoll lil kwalunkwe bastiment ta' spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun jaf li jinsab fil-qrib.

3.  L-ispettur tal-ICCAT għandu jirreġistra, fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment tas-sajd, l-ispezzjonijiet li jwettaq u kwalunkwe ksur li jidentifika matulhom.

4.  L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li, wara l-ispezzjoni msemmija fil-punt 2, il-bastiment tas-sajd ikkonċernat iwaqqaf kull attività tas-sajd. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jitlob lill-bastiment tas-sajd jipproċedi fi żmien 72 siegħa lejn port magħżul minnu, fejn għandha tinbeda investigazzjoni.

5.  Jekk il-bastiment ma jintalabx jipproċedi lejn il-port, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jipprovdi ġustifikazzjoni xierqa għal dan fil-ħin lill-Kummissjoni Ewropea, li għandha tibgħat dak it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT, li għandu jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn, jekk dawn jitolbu dan.

II.  TWETTIQ TAL-ISPEZZJONIJIET

6.  L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu minn spetturi maħturin mill-Partijiet Kontraenti. L-ismijiet tal-aġenziji tal-gvern awtorizzati u ta' kull spettur maħtur għal dak il-għan mill-gvernijiet rispettivi tagħhom għandhom jintbagħtu lill-ICCAT.

7.  Il-bastimenti li jwettqu dmirijiet ta' imbarkazzjoni u ta' spezzjoni internazzjonali skont dan l-Anness għandhom itajru bandiera jew fjamma speċjali approvata mill-ICCAT u maħruġa mis-Segretarjat tal-ICCAT. L-ismijiet tal-bastimenti li jintużaw b'dan il-mod għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT malli jkun jista' jsir dan qabel jibdew l-attivitajiet ta' spezzjoni. Is-Segretarjat tal-ICCAT għandu jqiegħed it-tagħrif dwar il-bastimenti ta' spezzjoni maħturin għad-dispożizzjoni tal-PKK kollha, fosthom billi jpoġġi dan it-tagħrif fuq is-sit elettroniku tiegħu li huwa protett b'password.

8.  Kull spettur għandu jġorr dokument tal-identità xieraq maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera, li għandu jkun fil-forma murija fil-punt 21 ta' dan l-Anness.

9.  Suġġett għall-arranġamenti miftiehma fil-kuntest tal-punt 16, bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Parti Kontraenti u li jkun qed jistad għat-tonn jew għall-ħut li jixbhu fiż-Żona tal-Konvenzjoni barra l-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tiegħu għandu jieqaf meta jingħata s-sinjal ix-xieraq tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali minn bastiment li jtajjar il-fjamma tal-ICCAT deskritta fil-punt 7 u li jkollu spettur abbord, sakemm il-bastiment ma jkunx qed iwettaq attivitajiet tas-sajd dak il-ħin stess, f'liema każ għandu jieqaf minnufih hekk kif itemm it-tali attivitajiet. Kif speċifikat fil-punt 10, il-kaptan tal-bastiment għandu jippermetti lit-tim tal-ispezzjoni jitla' abbord u għandu jipprovdilu sellum biex jitla' abbord. Il-kaptan għandu jippermetti lit-tim tal-ispezzjoni jagħmel dawk l-eżamijiet tat-tagħmir, tal-qabda jew tal-irkaptu u ta' kwalunkwe dokument rilevanti li l-ispettur iqis li jkunu meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jkun qed jiġi spezzjonat. Barra minn hekk, l-ispettur jista' jitlob kwalunkwe spjegazzjoni li huwa jqis li tkun meħtieġa.

10.  L-uffiċjal kmandant tal-bastiment tal-ispezzjoni għandu jiddeċiedi kemm għandu jkun kbir it-tim tal-ispezzjoni filwaqt li jqis iċ-ċirkustanzi rilevanti. It-tim tal-ispezzjoni għandu jkun żgħir kemm jista' jkun sabiex iwettaq b'sikurezza u sigurtà d-dmirijiet mogħtija f'dan l-Anness.

11.  Meta jitla' abbord il-bastiment, l-ispettur għandu jipprovdi d-dokument tal-identità deskritt fil-punt 8. L-ispettur għandu jħares ir-regoli, il-proċeduri u l-prattiki internazzjonali aċċettati b'mod ġenerali li għandhom x'jaqsmu mas-sikurezza tal-bastiment li qed jiġi spezzjonat u tal-ekwipaġġ tiegħu, u għandu jnaqqas kemm jista' jkun l-interferenza fl-attivitajiet tas-sajd jew fl-istivar tal-prodotti u, sa fejn ikun prattikabbli, għandu jevita li jieħu azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw ħażin il-kwalità tal-qabda li jkun hemm abbord.

Kull spettur għandu jillimita l-inkjesti tiegħu għall-aċċertazzjoni tal-ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat. Huwa u jwettaq l-ispezzjoni, spettur jista' jistaqsi lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd għal kwalunkwe għajnuna li tista' tkun meħtieġa. L-ispettur għandu jħejji rapport tal-ispezzjoni f'forma approvata mill-ICCAT. L-ispettur għandu jiffirma r-rapport fil-preżenza tal-kaptan tal-bastiment, li għandu jkollu d-dritt iżid mar-rapport kwalunkwe osservazzjoni li jaħseb li hija xierqa, jew li jitlob li din tiżdied mar-rapport, u li għandu jiffirma ħdejn it-tali osservazzjonijiet.

12.  Għandhom jingħataw kopji tar-rapport lill-kaptan tal-bastiment u lill-gvern tat-tim tal-ispezzjoni, li, min-naħa tiegħu, għandu jgħaddi kopji tiegħu lill-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-ICCAT. Meta jiġi nnutat xi ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, l-ispettur għandu jgħarraf b'dan ukoll lil kwalunkwe bastiment ta' spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun jaf li jinsab fil-qrib, meta dan ikun possibbli.

13.  L-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat għandu jittratta l-fatt li jkun hemm reżistenza għal spettur jew li ma jkunx hemm konformità mal-istruzzjonijiet tiegħu bl-istess mod li bih jittratta t-tali aġir meta dan isir fil-konfront ta' spettur nazzjonali.

14.  L-ispettur għandu jaqdi dmirijietu fil-kuntest ta' dawn l-arranġamenti skont ir-regoli mogħtija f'dan ir-Regolament, iżda għandu jibqa' taħt il-kontroll operattiv tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu u għandu jkun responsabbli lejhom.

15.  Il-Partijiet Kontraenti għandhom iqisu r-rapporti ta' spezzjoni, il-folji tat-tagħrif dwar il-lemħ skont ir-Rakkomandazzjoni 94-09 u d-dikjarazzjonijiet li jkunu ġejjin minn spezzjonijiet tad-dokumenti magħmulin minn spetturi barranin fil-kuntest ta' dawn l-arranġamenti u jaġixxu fuqhom bl-istess mod li bih iqisu r-rapporti tal-ispetturi nazzjonali skont il-leġizlazzjoni nazzjonali tagħhom u li bih jaġixxu fuq dawn ir-rapporti. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-punt ma għandhom jimponu l-ebda obbligu fuq xi Parti Kontraenti li tagħti lir-rapport ta' spettur barrani valur ogħla bħala prova milli kien ikollu fil-pajjiż tal-ispettur stess. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkollaboraw bejniethom biex jiffaċilitaw il-proċedimenti ġudizzjarji jew proċedimenti oħrajn li jkun hemm minħabba rapport ta' spettur li jkun sar fil-kuntest ta' dawn l-arranġamenti.

16.  (a) Sal-15 ta' Frar ta' kull sena, il-Partijiet Kontraenti għandhom jgħarrfu lill-ICCAT bil-pjanijiet provviżorji tagħhom għat-twettiq tal-attivitajiet ta' spezzjoni fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni implimentata permezz ta' dan ir-Regolament f'dik is-sena kalendarja u l-ICCAT tista' tagħmel suġġerimenti lill-Partijiet Kontraenti għall-koordinament tal-attivitajiet nazzjonali f'dan il-qasam, fosthom dwar l-għadd ta' spetturi u ta' bastimenti li jkollhom l-ispetturi abbord.

(b)  L-arranġamenti mogħtija fir-Rakkomandazzjoni 19-04 tal-ICCAT u l-pjanijiet għall-parteċipazzjoni għandhom japplikaw bejn il-Partijiet Kontraenti, sakemm dawn ma jiftehmux mod ieħor bejniethom, f'liema każ l-ICCAT għandha tiġi mgħarrfa bit-tali ftehim. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-iskema għandha tiġi sospiża bejn żewġ Partijiet Kontraenti sakemm jiġi konkluż ftehim bħal dan, jekk xi waħda minnhom tkun għarrfet lill-ICCAT dwar dan.

17.  (a) L-irkaptu tas-sajd għandu jiġi spezzjonat skont ir-regolamenti li jkunu fis-seħħ għas-subżona li fiha sseħħ l-ispezzjoni. L-ispettur għandu jdaħħal is-subżona li fiha tkun seħħet l-ispezzjoni u deskrizzjoni ta' kull ksur li jkun sab matul dik l-ispezzjoni fir-rapport tal-ispezzjoni.

(b)  L-ispettur għandu jkollu d-dritt jispezzjona l-irkaptu kollu tas-sajd li jkun qed jintuża jew li jkun hemm abbord.

18.  L-ispettur għandu jwaħħal marka tal-identifikazzjoni approvata mill-ICCAT ma' kwalunkwe rkaptu tas-sajd spezzjonat li jidher li jkun qed jikser ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat u għandu jirreġistra dan il-fatt fir-rapport tal-ispezzjoni.

19.  L-ispettur jista' jieħu ritratti tal-irkaptu, tat-tagħmir, tad-dokumentazzjoni u ta' kull element ieħor li huwa jqis li jkun meħtieġ, b'tali mod li jiġu żvelati dawk il-karatteristiċi li, fl-opinjoni tiegħu, mhumiex konformi mar-regolament fis-seħħ, f'liema każ l-oġġetti li jitteħdilhom ritratt għandhom jitniżżlu fir-rapport u kopji tar-ritratti għandhom jinhemżu mal-kopja tar-rapport maħsuba għall-Istat tal-bandiera.

20.  L-ispettur għandu jispezzjona l-qabda kollha abbord, skont il-bżonn, sabiex jistabbilixxi l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT.

21.  Il-mudell tal-Karta tal-Identità tal-ispetturi huwa mogħti hawn taħt:

20210428-P9_TA(2021)0142_MT-p0000005.png

ANNESS X

Standards minimi għall-proċeduri għar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera

Attivitajiet ta' trasferiment

1.  L-apparat elettroniku għall-ħżin li jkun fih ir-reġistrazzjoni oriġinali bil-vidjokamera għandu jingħata lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT malajr kemm jista' jkun wara li tintemm l-attività tat-trasferiment, u dan għandu jpoġġi l-inizjali tiegħu fuqu minnufih biex jiġi evitat li jkun hemm iktar manipulazzjoni.

2.  Ir-reġistrazzjoni oriġinali għandha tinżamm abbord il-bastiment tal-qbid jew mill-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara, fejn dan ikun xieraq, għall-perjodu kollu tal-awtorizzazzjoni.

3.  Għandhom jiġu prodotti żewġ kopji identiċi tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera. Kopja waħda għandha tintbagħat lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord il-bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża u l-kopja l-oħra għandha tintbagħat, flimkien mad-dikjarazzjoni tat-trasferiment u mal-qabdiet assoċjati li magħhom għandha x'taqsam, lill-osservatur nazzjonali abbord il-bastiment tal-irmunkar. Dik il-proċedura għandha tapplika biss għall-osservaturi nazzjonali fil-każ ta' trasferimenti bejn il-bastimenti tal-irmunkar.

4.  Fil-bidu ta' kull vidjow u/jew fi tmiemu, għandu jidher in-numru tal-awtorizzazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT.

5.  Il-ħin u d-data tal-vidjow għandhom jidhru b'mod kontinwu matul kull reġistrazzjoni bil-vidjokamera.

6.  Qabel ma jibda t-trasferiment, il-vidjow għandu jinkludi l-ftuħ u l-għeluq tax-xibka jew tal-bieb u filmat li juri jekk il-gaġeġ li minnhom ikun se jinħareġ it-tonn u li fihom ikun se jiddaħħal ikunx diġà fihom it-tonn jew le.

7.  Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun kontinwa, mingħajr interruzzjonijiet jew qtugħ, u għandha tkopri l-attività kollha tat-trasferiment.

8.  Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun ta' kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta' tonn li jkun qed jiġi ttrasferit.

9.  Jekk ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera ma tkunx ta' kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta' tonn li jkun qed jiġi ttrasferit, għandu jsir trasferiment ta' kontroll. L-operatur jista' jitlob lill-awtoritajiet tal-bandiera tal-bastiment jew tat-tunnara jwettqu trasferiment ta' kontroll. Fil-każ li l-operatur ma jitlobx tali trasferiment ta' kontroll jew ir-riżultat ta' dak it-trasferiment volontarju ma jkunx sodisfaċenti, l-awtoritajiet ta' kontroll għandhom jitolbu trasferimenti ta' kontroll daqskemm ikun meħtieġ sa meta issir disponibbli reġistrazzjoni bil-vidjokamera ta' kwalità suffiċjenti. Tali trasferiment ta' kontroll volontarju għandu jinkludi li t-tonn kollu ta' ġol-gaġġa li fiha jkun iddaħħal it-tonn jiġi trasferit għal ġo gaġġa oħra li trid tkun vojta. Meta l-oriġini tal-ħut tkun tunnara, it-tonn li jkun diġà ġie trasferit mit-tunnara għall-gaġġa li jiddaħħal fiha jista' jintbagħat lura lejn it-tunnara, u f'dan il-każ, it-trasferiment ta' kontroll għandu jiġi kkanċellat taħt is-superviżjoni tal-osservatur reġjonali tal-ICCAT.

Attivitajiet ta' tqegħid fil-gaġeġ

1.  L-apparat elettroniku għall-ħżin li jkun fih ir-reġistrazzjoni oriġinali bil-vidjokamera għandu jingħata lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT malajr kemm jista' jkun wara li tintemm l-attività ta' tqegħid fil-gaġeġ, u dan għandu jpoġġi l-inizjali tiegħu fuqu minnufih biex jiġi evitat li jkun hemm iktar manipulazzjoni.

2.  Ir-reġistrazzjoni oriġinali għandha tinżamm mill-farm tal-ħut, fejn dan ikun applikabbli, għall-perjodu kollu tal-awtorizzazzjoni.

3.  Għandhom jiġu prodotti żewġ kopji identiċi tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera. Kopja waħda għandha tintbagħat lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT li jkun hemm fil-farm tal-ħut.

4.  Fil-bidu ta' kull vidjow u/jew fi tmiemu, għandu jidher in-numru tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ tal-ICCAT.

5.  Il-ħin u d-data tal-vidjow għandhom jidhru b'mod kontinwu matul kull reġistrazzjoni bil-vidjokamera.

6.  Qabel ma jibda t-tqegħid fil-gaġeġ, il-vidjow għandu jinkludi l-ftuħ u l-għeluq tax-xibka jew tal-bieb u għandu juri jekk il-gaġeġ li minnhom ikun se jinħareġ it-tonn u li fihom ikun se jiddaħħal ikunx diġà fihom it-tonn jew le.

7.  Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun kontinwa, mingħajr interruzzjonijiet jew qtugħ, u għandha tkopri l-attività kollha tat-tqegħid fil-gaġeġ.

8.  Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun ta' kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta' tonn li jkun qed jiġi ttrasferit.

9.  Jekk ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera ma tkunx ta' kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta' tonn li jkun qed jiġi ttrasferit, l-awtoritajiet ta' kontroll għandhom jitolbu li ssir attività ġdida ta' tqegħid fil-gaġeġ. Matul l-attività l-ġdida ta' tqegħid fil-gaġeġ, it-tonn kollu ta' ġol-gaġġa tal-farm tal-ħut li fiha jkun iddaħħal it-tonn għandu jiġi ttrasferit għal ġo gaġġa oħra tal-farm tal-ħut li trid tkun vojta.

ANNESS XI

Standards u proċeduri għas-sistemi tal-kameras sterjoskopiċi fil-kuntest tal-attivitajiet ta' tqegħid fil-gaġeġ

A.  Użu tas-sistemi tal-kameras sterjoskopiċi

L-użu tas-sistemi tal-kameras sterjoskopiċi fil-kuntest tal-attivitajiet ta' tqegħid fil-gaġeġ, kif mitlub mill-Artikolu 51 għandu jsir skont dan li ġej:

1.  Għall-kampjuni tal-ħut ħaj, ma għandux jittieħed perċentwal ta' inqas minn 20 % tal-ammont ta' ħut li jkun qed jitqiegħed fil-gaġeġ. Meta dan ikun teknikament possibbli, il-kampjuni tal-ħut ħaj għandhom jittieħdu f'sekwenza, jiġifieri trid titkejjel ħuta waħda minn kull ħamsa; il-ħut meqjus fit-tali kampjuni għandu jitkejjel f'distanza ta' bejn żewġ u tmien metri 'l bogħod mill-kamera.

2.  Il-bieb ta' trasferiment li jgħaqqad il-gaġġa li minnha jkun se jinħareġ il-ħut mal-gaġġa li fiha jkun se jiddaħħal ma għandux ikun wiesa' iktar minn 10 metri u għoli iktar minn 10 metri.

3.  Meta jkun hemm distribuzzjoni multimodali tal-kejl tat-tul tal-ħut (jiġifieri jkun hemm żewġ koorti jew iktar ta' daqsijiet differenti), wieħed għandu jkun jista' juża iktar minn algoritmu ta' konverżjoni wieħed għall-istess attività ta' tqegħid fil-gaġeġ; għandhom jintużaw l-iktar algoritmi reċenti stabbiliti mill-SCRS biex it-tulijiet sal-qasma tad-denb jinqalbu f'piżijiet totali skont il-kategorija tad-daqs tal-ħut imkejjel matul l-attività ta' tqegħid fil-gaġeġ.

4.  Il-kejl sterjoskopiku tat-tul għandu jiġi vvalidat qabel kull attività ta' tqegħid fil-gaġeġ billi tintuża skala grafika f'distanza ta' bejn żewġ u tmien metri.

5.  Meta jintbagħtu r-riżultati tal-programm sterjoskopiku, għandu jintbagħat ukoll tagħrif dwar il-marġni ta' żball inerenti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema ta' kameras sterjoskopiċi, li ma għandux jaqbeż firxa ta' +/- 5 %.

6.  Ir-rapport dwar ir-riżultati tal-programm sterjoskopiku għandu jinkludi dettalji dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha msemmijin hawn fuq, fosthom l-intensità tat-teħid tal-kampjuni, il-metodu tat-teħid tal-kampjuni, id-distanza mill-kamera, id-daqs tal-bieb ta' trasferiment u l-algoritmi (ir-relazzjoni bejn it-tul u l-piż). L-SCRS għandu jeżamina mill-ġdid dawk l-ispeċifikazzjonijiet u għandu jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex dawn jinbidlu, jekk ikun hemm bżonn.

7.  F'każijiet fejn il-filmat meħud bil-kamera sterjoskopika ma jkunx ta' kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat il-piż tat-tonn li jkun qed jitqiegħed fil-gaġeġ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandhom jordnaw li ssir attività ġdida ta' tqegħid fil-gaġeġ.

B.  Preżentazzjoni tar-riżultati tal-programmi u l-użu tagħhom

1.  Id-deċiżjonijiet dwar id-differenzi li jkun hemm bejn ir-rapport tal-qabdiet u r-riżultati li joħorġu mill-programm tas-sistema sterjoskopika għandhom jittieħdu fil-livell tal-qabdiet tal-attività konġunta tas-sajd jew tal-qabdiet totali fit-tunnara fil-każ tal-qabdiet tal-attivitajiet konġunti tas-sajd u tal-qabdiet fit-tunnari li jkunu maħsubin biex jintbagħtu f'faċilità ta' farm tal-ħut li jkunu jinvolvu PKK waħda u/jew Stat Membru wieħed. Id-deċiżjoni dwar id-differenzi li jkun hemm bejn ir-rapport tal-qabdiet u r-riżultati li joħorġu mill-programm tas-sistema sterjoskopika għandha tittieħed fil-livell tal-attivitajiet ta' tqegħid fil-gaġeġ fil-każ tal-attivitajiet konġunti tas-sajd li jkunu jinvolvu iktar minn PKK waħda u/jew Stat Membru wieħed, sakemm l-awtoritajiet tal-PKK u/jew tal-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti tal-qbid involuti fl-attività konġunta tas-sajd ma jiftehmux kollha mod ieħor bejniethom.

2.  Fi żmien 15-il jum mid-data tat-tqegħid f'gaġġa, l-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jibgħat rapport lill-Istat Membru jew lill-PKK li jkunu responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara u lill-Kummissjoni, li għandu jinkludi d-dokumenti li ġejjin:

(a)  rapport tekniku dwar is-sistema sterjoskopika, li għandu jinkludi:

–  it-tagħrif ġenerali li ġej: l-ispeċi, il-post, il-gaġġa, id-data u l-algoritmu;

–  it-tagħrif statistiku dwar id-daqs li ġej: il-piż u t-tul medju, minimu u massimu, l-għadd ta' ħut li tqies fil-kampjun u d-distribuzzjoni tal-piż u tad-daqs;

(b)  ir-riżultati ddettaljati tal-programm u d-daqs u l-piż ta' kull ħuta li tqieset fil-kampjun;

(c)  rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ, li għandu jinkludi:

–  it-tagħrif ġenerali dwar l-attività li ġej: in-numru tal-attività ta' tqegħid fil-gaġeġ, isem il-farm tal-ħut, in-numru tal-gaġġa, in-numru tal-BCD, in-numru tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT, isem il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara u l-bandiera tiegħu jew tagħha, isem il-bastiment tal-irmunkar u l-bandiera tiegħu, id-data tal-attività tas-sistema sterjoskopika u isem il-fajl tal-filmat;

–  l-algoritmu li ntuża biex it-tul jinqaleb f'piż;

–  tqabbil bejn l-ammonti ddikjarati fil-BCD u l-ammonti li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika għall-għadd ta' ħut, il-piż medju u l-piż totali (il-formola li għandha tintuża biex wieħed jikkalkula din id-differenza hija din li ġejja: (l-ammonti li ħarġu mis-sistema sterjoskopika - l-ammonti ddikjarati fil-BCD)/l-ammonti li ħarġu mis-sistema sterjoskopika * 100);

–  il-marġni ta' żball tas-sistema;

–  fil-każ tar-rapporti dwar it-tqegħid fil-gaġeġ li għandhom x'jaqsmu mal-attivitajiet konġunti tas-sajd jew mat-tunnari, l-aħħar rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ għandu jinkludi wkoll sommarju tat-tagħrif kollu mogħti fir-rapporti dwar it-tqegħid fil-gaġeġ ta' qabel.

3.  Meta jirċievu r-rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bastiment tal-qbid jew tat-tunnara għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skont is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)  meta l-piż totali ddikjarat mill-bastiment tal-qbid jew mit-tunnara fil-BCD ikun fil-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika:

–  ma għandha tinħareġ l-ebda ordni ta' rilaxx;

–  fil-BCD għandu jinbidel l-għadd ta' ħut (billi jintuża l-għadd ta' ħut li jkun ħareġ mill-użu tal-kameras ta' kontroll jew ta' tekniki alternattivi) u l-piż medju, iżda l-piż totali ma għandux jinbidel;

(b)  meta l-piż totali ddikjarat mill-bastiment tal-qbid jew mit-tunnara fil-BCD ikun inqas miċ-ċifra l-aktar baxxa tal-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika:

–  għandha tinħareġ ordni ta' rilaxx, li fiha għandha tintuża ċ-ċifra l-aktar baxxa tal-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika;

–  l-attivitajiet tar-rilaxx għandhom jitwettqu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41(2) u fl-Anness XII;

–  wara li jkunu twettqu l-attivitajiet tar-rilaxx, fil-BCD għandu jinbidel l-għadd ta' ħut (billi jintuża l-għadd ta' ħut li jkun ħareġ mill-użu tal-kameras ta' kontroll, li minnu jitnaqqas l-għadd ta' ħut mitluq il-baħar) u l-piż medju, iżda l-piż totali ma għandux jinbidel;

(c)  meta l-piż totali ddikjarat mill-bastiment tal-qbid jew mit-tunnara fil-BCD ikun jaqbeż l-ogħla ċifra tal-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika:

–  ma għandha tinħareġ l-ebda ordni ta' rilaxx;

–  fil-BCD għandu jinbidel il-piż totali (billi tintuża l-ogħla ċifra tal-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika), l-għadd ta' ħut (billi jintużaw ir-riżultati tal-kameras ta' kontroll) u l-piż medju, kif xieraq.

4.  Fil-każ ta' kwalunkwe bidla rilevanti fil-BCD, iċ-ċifri (għall-għadd u għall-piż) imniżżlin fit-Taqsima 2 għandhom ikunu l-istess bħal dawk imniżżlin fit-Taqsima 6, u ċ-ċifri mniżżlin fit-Taqsimiet 3, 4 u 6 ma għandhomx ikunu ogħla minn dawk imniżżlin fit-Taqsima 2.

5.  F'każ ta' kumpens tad-differenzi li nstabu fir-rapporti individwali dwar it-tqegħid fil-gaġeġ fl-attivitajiet kollha ta' tqegħid fil-gaġeġ ta' attività konġunta tas-sajd jew ta' tunnara, kemm jekk ikun hemm bżonn issir attività ta' rilaxx u kemm jekk le, il-BCDs rilevanti kollha għandhom jinbidlu abbażi tal-iktar medda baxxa tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika. Il-BCDs marbutin mal-kwantitajiet ta' tonn mitluq il-baħar ukoll għandhom jinbidlu biex ikunu jirriflettu l-piż jew l-għadd ta' tonn mitluq il-baħar. Il-BCDs marbutin mal-kwantitajiet ta' tonn li ma jkunx intelaq il-baħar iżda li r-riżultati dwaru li jkunu ħarġu mis-sistemi sterjoskopiċi jew mill-użu ta' tekniki alternattivi jkunu jvarjaw mill-kwantitajiet tiegħu ddikjarati bħala maqbudin u ttrasferiti wkoll għandhom jiġu emendati biex ikunu jirriflettu dawk id-differenzi.

Il-BCDs marbutin mal-qabdiet li minnhom ikun intelaq it-tonn il-baħar ukoll għandhom jinbidlu biex ikunu jirriflettu l-piż jew l-għadd ta' tonn mitluq il-baħar.

ANNESS XII

Protokoll tar-rilaxx

1.  Ir-rilaxx tat-tonn minn ġol-gaġeġ tat-trobbija tal-ħut għal ġol-baħar għandu jiġi rreġistrat b'vidjokamera u jiġi osservat minn osservatur reġjonali tal-ICCAT li għandu jħejji rapport u jibagħtu, flimkien mar-reġistrazzjonijiet bil-vidjokamera, lis-Segretarjat tal-ICCAT.

2.  Meta tkun inħarġet ordni tar-rilaxx, l-operatur tal-farm tal-ħut għandu jitlob li jiġi assenjat osservatur reġjonali tal-ICCAT għal dak il-farm tal-ħut.

3.  Ir-rilaxx tat-tonn minn ġol-gaġeġ tat-trasport jew minn ġot-tunnari għal ġol-baħar għandu jiġi osservat minn osservatur nazzjonali tal-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-irmunkar jew għat-tunnara, li għandu jħejji rapport u jibagħtu lill-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istat Membru responsabbli.

4.  Qabel ma sseħħ attività ta' rilaxx, l-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istati Membri jistgħu jordnaw li jsir trasferiment ta' kontroll bl-użu ta' kameras standard u/jew sterjoskopiċi biex jiġu stmati l-għadd ta' ħut li jrid jintelaq il-baħar u l-piż tiegħu.

5.  L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jimplimentaw kull miżura oħra li huma jqisu li hija meħtieġa biex ikun żgurat li l-attivitajiet ta' rilaxx jitwettqu fiż-żmien u fil-post l-aktar xierqa biex tiżdied il-probabbiltà li l-ħut wara jmur lura fil-ġliba. L-operatur għandu jkun responsabbli għas-sopravivenza tal-ħut sakemm dan jintelaq il-baħar. Dawk l-attivitajiet ta' rilaxx għandhom iseħħu fi żmien tliet ġimgħat minn meta jitlestew l-attivitajiet ta' tqegħid fil-gaġeġ.

6.  Wara li jitlestew l-attivitajiet tal-qtil, il-ħut li jkun għad baqa' fil-farm tal-ħut li ma jkunx kopert mill-BCD għandu jintelaq il-baħar skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 41(2) u f'dan l-Anness.

ANNESS XIII

Trattament tal-ħut mejjet

Matul l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, il-kwantitajiet ta' ħut li jinstab mejjet fit-tartarun għandhom jitniżżlu fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment tas-sajd u għandhom jitnaqqsu mill-kwota tal-Istat Membru kif xieraq.

Reġistrazzjoni jew trattament tal-ħut mejjet waqt l-ewwel trasferiment:

1.  Il-BCD għandu jingħata lill-operatur tal-bastiment tal-irmunkar bit-Taqsimiet 2, 3 u 4 (intitolati "Il-qabda totali", "Il-kummerċ tal-ħut ħaj" u "It-trasferiment, inkluż il-ħut 'mejjet'" rispettivament) mimlijin.

Il-kwantitajiet totali mniżżlin fit-Taqsimiet 3 u 4 għandhom ikunu daqs il-kwantitajiet imniżżlin fit-Taqsima 2. Mal-BCD għandu jkun hemm id-dikjarazzjoni oriġinali tat-trasferiment tal-ICCAT f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Il-kwantitajiet imniżżlin fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT (ta' ħut ittrasferit ħaj) għandhom ikunu daqs il-kwantitajiet imniżżlin fit-Taqsima 3 tal-BCD marbut magħha.

2.  Il-parti tal-BCD li tkun tinkludi t-Taqsima 8 (intitolata "Tagħrif dwar il-kummerċ") għandha timtela u tingħata lill-operatur tal-bastiment awżiljarju li jkun qed iġorr it-tonn mejjet lejn l-art (jew inkella din għandha tinżamm abbord il-bastiment tal-qbid jekk dan it-tonn jinħatt direttament l-art). Ma' dik il-parti tal-BCD u ma' dak il-ħut mejjet għandu jkun hemm kopja tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT.

3.  Il-kwantitajiet ta' ħut mejjet għandhom jitniżżlu fil-BCD tal-bastiment tal-qbid li jkun qabadhom jew, fil-każ tal-attivitajiet konġunti tas-sajd, fil-BCD tal-bastimenti tal-qbid jew ta' bastiment li jtajjar bandiera oħra li jkun qed jieħu sehem fl-attività konġunta tas-sajd.

ANNESS XIV

Dikjarazzjoni tal-ICCAT dwar it-tqegħid fil-gaġeġ(31)

20210428-P9_TA(2021)0142_MT-p0000006.png

ANNESS XV

Standards minimi għall-istabbiliment ta' sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT(32)

1.  Minkejja rekwiżiti iktar stretti li jaf ikunu japplikaw għal tipi speċifiċi ta' sajd tal-ICCAT, kull Stat Membru tal-bandiera għandu jimplimenta sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti (minn hawn 'il quddiem imsejħa "VMS") għall-bastimenti tas-sajd tiegħu li b'kollox ikunu twal iktar minn 15-il metru li jkunu awtorizzati jistadu f'ilmijiet lil hinn mill-ġuriżdizzjoni tiegħu u:

(a)  għandu jitlobhom ikunu mgħammrin b'sistema awtonoma li tkun kapaċi turi kull tbagħbis u li tibgħat messaġġi b'mod awtomatiku u kontinwu u mingħajr ebda intervent min-naħa tal-bastiment liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "iċ-ĊMS") tal-Istat Membru tal-bandiera biex dan ikun jista' jimmonitorja l-pożizzjoni, ir-rotta u l-veloċità tagħhom;

(b)  għandu jiżgura li l-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita installat abbord il-bastiment tas-sajd jiġbor id-data li ġejja u jittrażmettiha b'mod kontinwu liċ-ĊMS tal-Istat Membru tal-bandiera:

–  l-identifikazzjoni tal-bastiment;

–  il-pożizzjoni ġeografika tal-bastiment (il-lonġitudni u l-latitudni), b'marġni ta' żball ta' inqas minn 500 metru u b'intervall ta' kunfidenza ta' 99 %; kif ukoll

–  id-data u l-ħin;

(c)  għandu jiżgura li ċ-ĊMS tal-Istat Membru tal-bandiera jiġi mgħarraf b'mod awtomatiku f'każ li tiġi interrotta l-komunikazzjoni bejnu u bejn l-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita;

(d)  b'kooperazzjoni mal-Istat kostali, għandu jiżgura li l-messaġġi dwar il-pożizzjoni li l-bastimenti tiegħu jittrażmettu meta jkunu qed jistadu fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dak l-Istat kostali jiġu trażmessi b'mod awtomatiku u f'ħin reali wkoll liċ-ĊMS tal-Istat kostali li jkun awtorizza dik l-attività. Hija u tiġi implimentata din id-dispożizzjoni, għandu jitqies kif xieraq il-fatt li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż operattivi, id-diffikultajiet tekniċi u l-piż amministrattiv marbutin mat-trażmissjoni ta' dawn il-messaġġi;

(e)  sabiex jiġu ffaċilitati t-trażmissjoni u l-wasla tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni, kif deskritt fil-punt (d), iċ-ĊMS tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bandiera u ċ-ĊMS tal-Istat kostali għandhom jiskambjaw id-dettalji ta' kuntatt tagħhom bejniethom u għandhom jgħarrfu lil xulxin minnufih b'kull bidla f'dawn id-dettalji. Iċ-ĊMS tal-Istat kostali għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bandiera b'kull interruzzjoni fil-wasla tal-messaġġi konsekuttivi dwar il-pożizzjoni. Il-messaġġi dwar il-pożizzjoni għandhom jiġu trażmessi bejn iċ-ĊMS tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bandiera u ċ-ĊMS tal-Istat kostali b'mod elettroniku bl-użu ta' sistema sigura tal-komunikazzjoni.

2.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri x-xierqa biex jiżgura li l-messaġġi tal-VMS jintbagħtu u jaslu kif speċifikat fil-paragrafu 1 u għandu juża din l-informazzjoni biex jimmonitorja b'mod kontinwu l-pożizzjoni tal-bastimenti tiegħu.

3.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kaptani tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jiżguraw li l-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita jkun qed jaħdem b'mod kontinwu l-ħin kollu u li l-informazzjoni identifikata fil-paragrafu 1(b) tinġabar u tiġi trażmessa tal-inqas darba fis-siegħa għall-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża u tal-inqas darba kull sagħtejn għall-bastimenti l-oħrajn kollha. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operaturi tal-bastimenti tagħhom jiżguraw:

(a)  li ma jkun hemm l-ebda tbagħbis fl-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita;

(b)  li d-data tal-VMS ma tinbidel bl-ebda mod;

(c)  li l-antenni li jkunu mqabbdin mal-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita ma jkunu mfixkla bl-ebda mod;

(d)  li l-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita jkun integrat fil-bastiment tas-sajd u li l-provvista tal-enerġija ma tkun interrotta b'mod intenzjonali bl-ebda mod; kif ukoll

(e)  li l-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita ma jitneħħiex minn fuq il-bastiment ħlief biex jissewwa jew biex jinbidel.

4.  F'każ ta' ħsara teknika fl-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita installat abbord bastiment tas-sajd jew f'każ li dan ma jkunx qed jaħdem, dan għandu jissewwa jew jinbidel fi żmien xahar minn meta sseħħ il-ħsara jew minn meta ma jibqax jaħdem, sakemm il-bastiment ma jkunx tneħħa mil-lista tal-bastimenti l-kbar tas-sajd awtorizzati, meta dan ikun applikabbli, jew, għall-bastimenti li ma għandhomx bżonn jitniżżlu fil-lista tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati, ma jkunx għadha tapplika l-awtorizzazzjoni tas-sajd f'żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni tal-PKK tal-bandiera. Il-bastiment ma għandux ikun awtorizzat jibda vjaġġ tas-sajd b'apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita li jkun difettuż. Barra minn hekk, meta apparat jieqaf jaħdem jew ikollu ħsara teknika waqt vjaġġ tas-sajd, dan għandu jissewwa jew jinbidel malli l-bastiment jidħol fil-port; il-bastiment tas-sajd ma għandux ikun awtorizzat jibda vjaġġ tas-sajd qabel ma l-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita jkun issewwa jew ikun inbidel.

5.  L-Istati Membri jew il-PKK kollha għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd b'apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita li jkun difettuż għandhom jibagħtu rapporti bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) tal-inqas darba kuljum liċ-ĊMS b'mezzi oħrajn ta' komunikazzjoni (permezz tar-radju, tar-rappurtar abbażi tal-internet, tal-posta elettronika, tal-faks jew tat-teleks).

6.  L-Istati Membri jew il-PKK jistgħu jħallu lil bastiment jitfi l-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita tiegħu biss jekk dan ma jkunx se jintuża għas-sajd għal żmien twil (pereżempju meta jkun qed jissewwa f'baċir imbattal mill-ilma) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bandiera tiegħu jkunu ġew avżati minn qabel b'dan. L-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita jrid jerġa' jitqabbad u jiġbor u jittrażmetti tal-inqas rapport wieħed qabel ma l-bastiment iħalli l-port.

ANNESS XVI

Tabella ta' korrelazzjoni bejn ir-Regolament (UE) 2016/1627 u dan ir-Regolament

Regolament (UE) 2016/1627

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 1

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 4

 

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 11

Artikolu 7

Artikolu 12

Artikolu 8

Artikolu 13

Artikolu 9

Artikolu 14

Artikolu 10

Artikolu 16

Artikolu 11

Artikolu 17 u l-Anness I

Artikolu 12

Artikolu 17 u l-Anness I

Artikolu 13

Artikolu 18

Artikolu 14

Artikolu 19

Artikolu 15

Artikolu 20

Artikolu 16

Artikolu 21

Artikolu 17

Artikolu 25

Artikolu 18

Artikolu 22

Artikolu 19

Artikolu 23

Artikolu 20

Artikolu 26

Artikolu 21

Artikolu 4

Artikolu 22

Artikolu 27

Artikolu 23

Artikolu 28

Artikolu 24

Artikolu 30

Artikolu 25

Artikolu 31

Artikolu 26

Artikolu 32

Artikolu 27

Artikolu 36

Artikolu 28

Artikolu 37

Artikolu 29

Artikolu 29

Artikolu 30

Artikolu 33

Artikolu 31

Artikolu 34

Artikolu 32

Artikolu 35

Artikolu 33

Artikolu 40

Artikolu 34

Artikolu 41

Artikolu 35

Artikolu 43

Artikolu 36

Artikolu 44

Artikolu 37

Artikolu 51

Artikolu 38

Artikolu 42

Artikolu 39

Artikolu 45

Artikolu 40

Artikolu 46

Artikolu 41

Artikolu 46

Artikolu 42

Artikolu 47

Artikolu 43

Artikolu 48

Artikolu 44

Artikolu 49

Artikolu 45

Artikolu 50

Artikolu 46

Artikolu 51

Artikolu 47

Artikolu 55

Artikolu 48

Artikolu 56

Artikolu 49

Artikolu 57

Artikolu 50

Artikolu 38

Artikolu 51

Artikolu 39

Artikolu 52

Artikolu 58

Artikolu 53

Artikolu 15

Artikolu 54

Artikolu 59

Artikolu 55

Artikolu 60

Artikolu 56

Artikolu 62

Artikolu 57

Artikolu 63

Artikolu 58

Artikolu 64

Artikolu 59

Artikolu 68

Artikolu 60

Artikolu 70

Artikolu 61

Artikolu 71

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness V

Anness IV

Anness VI

Anness V

Anness III

Anness VI

Anness IV

Anness VII

Anness VIII

Anness VIII

Anness IX

Anness IX

Anness X

Anness X

Anness XI

Anness XI

Anness XII

Anness XII

Anness XIII

(1)ĠU C ...
(2)Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021.
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(4)Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta' Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta' Lulju 1994 li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).
(5)Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ĠU L 162, 18.6.1986, p. 34).
(6)Ir-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 1).
(7)Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT dwar it-trobbija tat-tonn.
(8)Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT dwar l-istandards minimi għas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.
(9)Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT dwar il-konformità fis-sajd tat-tonn u fis-sajd tal-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku.
(10)Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT dwar l-istabbiliment ta' Reġistru tal-ICCAT ta' bastimenti li b'kollox ikunu twal 20 metru jew iktar li jkunu awtorizzati jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni.
(11)Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT dwar it-trasbord.
(12)Ir-Rapport tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika (l-SCRS) tal-1 sal-5 ta' Ottubru 2018, Madrid.
(13)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(14)Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).
(15)Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(16)Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat-18 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 16, 23.1.2015, p. 23).
(17)Ir-Regolament (UE) Nru 640/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 li jistabbilixxi programm ta' dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1984/2003 (ĠU L 194, 24.7.2010, p. 1).
(18)ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(19)Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(20)Ir-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 1).
(21)Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007 (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1).
(22)Ir-Regolament (UE) 2019/1154 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 1).
(23)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001 tas-27 ta' Settembru 2001 li jistabbilixxi miżuri ta' kontroll applikabbli għas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna (ĠU L 263, 3.10.2001, p. 1).
(24)ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(25) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).
(26)https://www.iccat.int/en/SubmitCOMP.html
(27)Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta' Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (ĠU L 34, 9.2.2017, p. 9).
(28)Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).
(29)Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(30)Dan jinsab fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.
(31)Din hija d-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ stabbilita fir-Rakkomandazzjoni 06-07 tal-ICCAT.
(32)Dawn jinsabu fir-Rakkomandazzjoni 18-10 tal-ICCAT dwar l-istandards minimi għas-sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.


Protezzjoni tal-ħamrija
PDF 209kWORD 74k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2021 dwar il-protezzjoni tal-ħamrija (2021/2548(RSP))
P9_TA(2021)0143B9-0221/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 dwar it-tibdil fil-klima,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar "Il-bijodiversità – il-ħtieġa għal azzjoni urġenti",

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(1) ("is-Seba' EAP") u l-viżjoni tagħha sal-2050,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (COM(2006)0232),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta' Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b'mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli(7) ("id-Direttiva dwar in-Nitrati"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-21 ta' Ottubru 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi(8), u l-emendi sussegwenti tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta' gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(12),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019-2024, b'mod partikolari l-ambizzjoni ta' tniġġis żero fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2018)0392),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 intitolata "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (għat-tmien Programm ta' Azzjoni Ambjentali – EAP) (COM(2020)0652)

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 intitolata "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

–  wara li kkunsidra l-"iStatus of the World Soil Resources Report" (ir-Rapport dwar l-Istatus tar-Riżorsi tal-Ħamrija tad-Dinja) ippubblikat fl-2015 mill-Bord Tekniku Intergovernattiv dwar il-Ħamrija (Intergovernmental Technical Panel on Soils – ITPS), is-Sħubija Globali tal-Ħamrija (Global Soil Partnership – GSP) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 intitolata "Strateġija 'Mill-Għalqa sal-Platt' għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2021 dwar "L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija u attivitajiet kontinwi" (COM(2012)0046),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 intitolata "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 intitolata "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 intitolata "Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà: Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità" (COM(2020)0667),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2002 "Lejn Strateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija" (COM(2002)0179),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2012 intitolat "Linji Gwida dwar l-aħjar prattiki biex jiġi limitat, mitigat jew ikkumpensat l-issiġillar tal-ħamrija" (SWD(2012)0101),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Novembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Strateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija"(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni tal-Ħamrija(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni tal-Ħamrija(21),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Jannar 2013 dwar "L-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija"(22),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-"Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija", COM(2002)0179(23),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Frar 2021 (CDR 3137/2020),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 33/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali",

–  wara li kkunsidra l-Kontroll tal-Idoneità tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma (SWD(2019)0439),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u b'mod partikolari l-SDG 15 dwar il-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-ekosistemi terrestri, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u t-twaqqif u t-treġġigħ lura tad-degradazzjoni tal-art u t-twaqqif tat-telfien tal-bijodiversità,

–  wara li kkunsidra n-"New Leipzig Charter – The transformative power of cities for the common good" (Il-Karta Ġdida ta' Leipzig – Il-qawwa trasformattiva tal-bliet għall-ġid komuni), adottata fil-Laqgħa Ministerjali Informali dwar Kwistjonijiet Urbani fit-30 ta' Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni rigward id-degradazzjoni u r-restawr tal-art, ippubblikat mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) fit-23 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tal-4 ta' Diċembru 2019 intitolat "L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020" (SOER 2020),

–  wara li kkunsidra r-rapport "l-Istat tal-Ħamrija fl-Ewropa – Kontribut tal-JRC għar-Rapport dwar l-Istat u l-Perspettiva Ambjentali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent – SOER 2010" ippubblikat mill-Kummissjoni u miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka fl-2012,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Art, ippubblikat fit-8 ta' Awwissu 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri (UNDRR) tal-2018 intitolat "Economic losses, poverty & disasters: 1998-2017" (Telf ekonomiku, faqar u diżastri: 1998-2017),

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet Orali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija (O-000024/2021 – B9-0011/2021 u O-000023/2021 – B9‑0010/2021),

–  wara li kkunsidra r-Regoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi l-ħamrija hija ekosistema essenzjali, kumplessa, multifunzjonali u ħajja ta' importanza ambjentali u soċjoekonomika kruċjali li twettaq ħafna funzjonijiet ewlenin u tipprovdi servizzi vitali għall-eżistenza tal-bniedem u għas-sopravivenza tal-ekosistemi sabiex il-ġenerazzjonijiet attwali u futuri jkunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

B.  billi l-ħamrija tad-dinja tikkostitwixxi l-akbar ħażna ta' karbonju terrestri u fiha madwar 2 500 gigatunnellata ta' karbonju (1 gigatunnellata = 1 biljun tunnellata metrika), meta mqabbla ma' 800 gigatunnellata fl-atmosfera u 560 gigatunnellata fil-ħajja tal-annimali u tal-pjanti; billi l-ħamrija f'saħħitha hija kruċjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima peress li tneħħi madwar 25 % tal-karbonju ekwivalenti emess permezz tal-użu dinji tal-fjuwils fossili kull sena; billi l-ħamrija kkultivata tad-dinja tilfet bejn 50 u 70 fil-mija tal-ħażna oriġinali tal-karbonju tagħha(24);

C.  billi fl-Ewropa hemm aktar minn 320 tip ta' ħamrija ewlenin identifikati, b'varjazzjonijiet fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi enormi f'kull wieħed minnhom;

D.  billi l-ħamrija għandha rwol ċentrali bħala ħabitat u ġabra ta' ġeni peress li tospita 25 % tal-bijodiversità dinjija, tipprovdi servizzi ekosistemiċi ewlenin lill-komunitajiet lokali u fil-kuntest globali, bħall-provvista tal-ikel, tipprovdi materja prima, regolazzjoni tal-klima permezz tas-sekwestru tal-karbonju, purifikazzjoni tal-ilma, regolazzjoni tan-nutrijenti, kontroll tal-organiżmi ta' ħsara, isservi bħala pjattaforma għall-attività tal-bniedem u tgħin fil-prevenzjoni tal-għargħar u n-nixfiet; billi l-formazzjoni tal-ħamrija hija wieħed mill-proċessi tal-ekosistema magħrufa li qed jonqsu fl-Ewropa;

E.  billi, minkejja li hija dinamika ħafna, il-ħamrija hija wkoll fraġli ħafna u hija riżorsa mhux rinnovabbli u limitata, minħabba t-tul ta' żmien li tirrikjedi l-formazzjoni tal-ħamrija, b'ritmu ta' madwar ċentimetru tal-ħamrija tal-wiċċ kull 1 000 sena; billi dan jagħmel il-ħamrija riżorsa prezzjuża ħafna;

F.  billi l-ħamrija għandha rwol fis-sbuħija tal-pajsaġġi Ewropej tagħna, flimkien maż-żoni tal-foresti, il-kosti, iż-żoni muntanjużi u l-ekosistemi kollha tal-Ewropa;

G.  billi l-ħamrija taħt il-bwar u l-foresti hija bir nett tal-karbonju, li huwa stmat li jneħħi sa 80 miljun tunnellata ta' karbonju fis-sena fl-UE(25); billi, madankollu, flimkien ir-raba' u l-bwar tal-UE huma sorsi netti ta' emissjonijiet, li rrilaxxaw madwar 75,3 miljun tunnellata ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju (MtCO2e) fl-2017(26); billi s-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija huma għalhekk f'pożizzjoni ewlenija li jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-karbonju mill-atmosfera permezz tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija u l-bijomassa;

H.  billi l-istruttura u l-karatteristiċi tal-ħamrija huma r-riżultat ta' proċess ta' formazzjoni tal-ħamrija u ta' proċessi ġeomorfoloġiċi u ġeoloġiċi li jieħdu eluf ta' snin, u għalhekk jagħmluha riżors li ma jiġġeddidx; billi, għalhekk, il-prevenzjoni ta' kwalunkwe tip ta' ħsara lis-saffi tal-ħamrija (erożjoni, qerda, degradazzjoni, salinizzazzjoni, eċċ.) u tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija hija ħafna iktar kosteffettiva mir-restawr tal-funzjonijiet tagħha;

I.  billi l-funzjonijiet tal-ħamrija jiddependu ħafna mill-komplement sħiħ tal-bijodiversità tal-ħamrija; billi d-diversità fuq l-art u taħt l-art għandha konnessjonijiet importanti, u l-bijodiversità tal-ħamrija hija kontributur importanti għal-livelli lokali tad-diversità tal-pjanti;

J.  billi l-protezzjoni tal-bijodiversità tal-ħamrija hija nieqsa mill-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ambjentali (bħad-Direttiva dwar il-Ħabitats jew Natura 2000) u mil-leġiżlazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni ewlenija tal-UE; billi ż-żieda jew iż-żamma tal-bijodiversità tal-ħamrija hija soluzzjoni effettiva li tista' tgħin fir-rivitalizzazzjoni tal-ħamrija u għar-rimedju tat-tniġġis tal-ħamrija;

K.  billi, kemm fl-UE kif ukoll globalment, l-art u l-ħamrija għadhom qed jiġu degradati minn firxa wiesgħa ta' attivitajiet tal-bniedem, bħal ġestjoni ħażina tal-art, tibdil fl-użu tal-art, prattiki agrikoli mhux sostenibbli, abbandun tal-art, tniġġis, prattiki tal-forestrija mhux sostenibbli u ssiġillar tal-ħamrija, it-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, spiss flimkien ma' fatturi oħra, u b'hekk inaqqsu l-kapaċitajiet tagħhom li jipprovdu servizzi tal-ekosistema għas-soċjetà kollha;

L.  billi huwa ta' dispjaċir li l-UE u l-Istati Membri tagħha attwalment mhumiex qegħdin jissodisfaw l-impenji internazzjonali u Ewropej tagħhom relatati mal-ħamrija u mal-art, b'mod partikolari:

   (a) li jiġġieldu kontra d-deżertifikazzjoni, jirrestawraw l-art u l-ħamrija degradati, inkluża l-art affettwata minn deżertifikazzjoni, nixfa u għargħar, u jaħdmu biex ikun hemm dinja b'effett newtrali f'dak li jikkonċerna d-degradazzjoni tal-art sal-2030;
   (b) li jilħqu l-mira li "ma tittieħed l-ebda art netta sal-2050" u jnaqqsu l-erożjoni, iżidu l-karbonju organiku fil-ħamrija u jagħmlu progress fil-ħidma ta' rimedju sal-2020;
   (c) li jiġġestixxu l-art b'mod sostenibbli fl-UE, jipproteġu l-ħamrija b'mod adegwat, u jiżguraw li r-rimedju tas-siti kontaminati jkun għamel progress kbir sal-2020;

M.  billi l-ħamrija għandha rwol vitali għall-ġestjoni tal-ilma, peress li ħamrija f'saħħitha b'livell għoli ta' materja organika hija ta' benefiċċju aħjar għas-sistema tal-ilma u tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima; billi l-artijiet mistagħdra, it-torbieri u s-soluzzjonijiet rurali jew urbani bbażati fuq in-natura jaħżnu u jinfiltraw l-ilma tax-xita, u dan jippermetti l-mili tal-akwiferi biex jintużaw waqt perjodi ta' nixfa u jevita l-konnessjonijiet mad-drenaġġ, li jnaqqas it-tixrid ta' ilma mormi mhux ittrattat matul xita qawwija;

N.  billi diversi theddidiet ewlenin għall-ħamrija ġew identifikati fl-UE bħal: it-tibdil fil-klima, l-issiġillar, l-erożjoni tal-kompattazzjoni, l-għargħar u l-uqigħ tal-art, in-nixfiet, l-instabbiltà idroġeoloġika, it-telf tal-materja organika tal-ħamrija, in-nirien, il-maltempati, is-salinizzazzjoni, il-kontaminazzjoni, u t-telfien tal-bijodiversità tal-ħamrija, l-aċidifikazzjoni u d-deżertifikazzjoni; billi l-biċċa l-kbira ta' dawn il-proċessi ta' degradazzjoni li għaddejjin bħalissa mhumiex indirizzati b'mod adegwat jew ma huma indirizzati xejn fil-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali eżistenti;

O.  billi l-erożjoni tal-ħamrija taffettwa 25 % tal-art agrikola fl-UE u bejn l-2000 u l-2010 żdiedet b'madwar 20 %; billi huwa stmat li l-erożjoni tal-ħamrija tikkawża telf ta' produzzjoni agrikola ta' EUR 1,25 biljun fis-sena fl-UE(27); billi l-ħażna tal-karbonju fil-ħamrija tal-wiċċ tar-raba' qed tonqos u l-UE qed titlef l-artijiet mistagħdra u t-torbieri tagħha b'mod kostanti; billi żoni sinifikanti ta' art agrikola tal-UE qed jiffaċċjaw is-salinizzazzjoni u d-deżertifikazzjoni, bi 32-36 % tal-ħamrija ta' taħt l-art Ewropea(28) suxxettibbli ħafna għall-kompattazzjoni;

P.  billi l-erożjoni hija fenomenu naturali li jista' joħloq flussi tat-tajn b'konsegwenzi diżastrużi, bħall-emerġenza ta' kanali fond li jwasslu għat-telf tas-saff tal-wiċċ fertili tal-ħamrija, u billi, fuq medda twila ta' żmien, l-erożjoni tista' twassal għal degradazzjoni tal-ħamrija u t-telf ta' art li tista' tinħadem;

Q.  billi l-ġestjoni mhux sostenibbli tal-art u tal-ħamrija għandha diversi impatti negattivi mhux biss fuq il-bijodiversità terrestri u tal-ilma ħelu iżda wkoll fuq il-bijodiversità tal-baħar, u dan jikkawża bidliet fil-kundizzjonijiet idrografiċi, konċentrazzjonijiet ta' nutrijenti eċċessivi u ta' kontaminazzjoni, u żieda fit-telf u d-deterjorament tal-ekosistemi tal-baħar kostali; billi, skont it-tbassir, il-protezzjoni tax-xtut qed tonqos fl-Ewropa, u dan jhedded il-kapaċità naturali tal-ekosistemi kostali li jnaqqsu l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-avvenimenti estremi tat-temp fiż-żoni kostali l-aktar vulnerabbli;

R.  billi l-użu tal-art jimmodifika l-kwalità u l-kwantità tas-servizzi tal-ekosistema billi jikkundizzjona l-potenzjal tal-art u tal-ħamrija biex jipprovdu dawn is-servizzi; billi l-muturi ewlenin tad-degradazzjoni tal-art u tal-ħamrija huma l-prattiki agrikoli u tal-forestrija mhux sostenibbli, l-espansjoni urbana u t-tibdil fil-klima(29);

S.  billi l-informazzjoni dwar il-ħamrija fl-Ewropa għadha mhijiex kompluta u armonizzata; billi dan ifixkel l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet rilevanti għall-protezzjoni tal-ħamrija kemm fuq skala reġjonali kif ukoll fuq skala lokali;

T.  billi r-responsabbiltà tal-UE għall-protezzjoni tal-ħamrija ma tieqafx fil-fruntieri tagħha peress li d-domanda għal żoni fejn in-nies jistgħu jistabbilixxu ruħhom, jitkabbar l-ikel u tiġi prodotta l-bijomassa qed tiżdied madwar id-dinja, u t-tibdil fil-klima x'aktarx se jkollu impatt negattiv fuq id-domanda, id-disponibbiltà u d-degradazzjoni tal-art; billi l-UE tikkontribwixxi għad-degradazzjoni tal-art f'pajjiżi terzi, bħala "importatur" nett tal-art, inkorporata fi prodotti importati;

U.  billi d-degradazzjoni tal-art taggrava l-impatti tad-diżastri naturali u tikkontribwixxi għal problemi soċjali;

V.  billi partijiet kbar tal-Ewropa tan-Nofsinhar x'aktarx li se jkunu deżertifikati sal-2050 minħabba t-tibdil fil-klima u l-prattiki agrikoli u agronomiċi mhux xierqa jekk ma titteħidx azzjoni b'saħħitha; billi din it-theddida mhijiex qed tiġi indirizzata b'mod koerenti, effiċjenti u effettiv fl-UE(30); billi s-salinizzazzjoni taffettwa 3,8 miljun ettaru ta' art fl-UE, b'salinità severa tal-ħamrija tul il-kosta, b'mod partikolari fil-Mediterran;

W.  billi l-protezzjoni tal-ħamrija fl-Ewropa attwalment ġejja mill-protezzjoni ta' riżorsi ambjentali oħra u hija parzjali u frammentata fost ħafna strumenti ta' politika li huma nieqsa mill-koordinazzjoni u li spiss ma jorbtux, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri u tar-reġjuni;

X.  billi l-inizjattivi nazzjonali volontarji u l-miżuri nazzjonali eżistenti huma importanti biex jintlaħaq l-objettiv ta' protezzjoni akbar tal-ħamrija, iżda fil-passat urew li mhumiex biżżejjed waħedhom, u billi huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi evitata d-degradazzjoni ulterjuri tagħha, inkluż it-teħid tal-art; billi, minkejja l-eżistenza ta' Strateġija Tematika għall-Ħamrija, id-degradazzjoni tal-ħamrija għadha sseħħ madwar l-UE; billi huma meħtieġa wkoll miżuri transfruntiera għal sitwazzjonijiet relatati mat-tniġġis jew inċidenti kbar;

Y.  billi matul il-perjodu 2000-2018, l-art li ttieħdet kienet 11-il darba akbar mill-art li ġiet ikkultivata mill-ġdid(31); billi mingħajr miżuri vinkolanti biex jiġi limitat it-teħid tal-art u tingħata spinta lir-restawr, ir-rikultivazzjoni u r-riċiklaġġ, se jkun impossibbli li jintlaħaq l-objettiv li ma tittieħed l-ebda art netta sal-2050;

Z.  billi n-nuqqas ta' qafas legali tal-UE komprensiv, adegwat, koerenti u integrat għall-protezzjoni tal-art u r-riżorsi tal-ħamrija tal-Ewropa ġie identifikat bħala lakuna ewlenija li tikkontribwixxi għad-degradazzjoni kontinwa ta' ħafna ħamrija fl-Unjoni, tnaqqas l-effettività tal-inċentivi u l-miżuri eżistenti, u tillimita l-kapaċità tal-Ewropa li tikseb suċċess fl-aġenda ambjentali, tal-iżvilupp sostenibbli u relatata mal-klima u l-impenji internazzjonali tagħha; billi tentattiv aktar bikri biex jiġi introdott qafas legali għall-protezzjoni tal-ħamrija fl-UE kien mingħajr suċċess peress li ġie rtirat f'Mejju 2014 wara li ġie mblukkat għal tmien snin minn minoranza ta' Stati Membri fil-Kunsill; ifakkar fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tal-2016 "People4Soil", li kienet appoġġjata minn 500 istituzzjoni u organizzazzjoni Ewropea, li appellat lill-UE biex tieħu aktar azzjoni biex tipproteġi l-ħamrija;

AA.  billi l-politiki settorjali attwali, pereżempju l-Politika Agrikola Komuni (PAK), ma jagħtux is-sehem ġust tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħamrija; billi filwaqt li l-maġġoranza tar-raba' taqa' taħt ir-reġim tal-PAK, anqas minn kwart(32), fuq medja, tapplika protezzjoni effettiva mill-erożjoni tal-ħamrija;

AB.  billi 80 % tan-nitroġenu jinħela u jintilef fl-ambjent; billi d-depożitu eċċessiv tan-nitroġenu jhedded il-kwalità tal-arja, il-kwalità tal-ilma, it-tibdil fil-klima permezz tal-emissjonijiet tal-ossidu nitruż, il-kwalità tal-ħamrija u l-bijodiversità, inklużi l-interazzjoni u n-networks tad-dakkara tal-pjanti, u jwassal għat-tnaqqis tal-ożonu stratosferiku; billi t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tan-nitroġenu mhux biss jappoġġja l-għanijiet tal-klima, tan-natura u tas-saħħa iżda jista' wkoll jiffranka USD 100 biljun globalment kull sena;

AC.  billi l-intensifikazzjoni agrikola u l-użu eċċessiv tal-pestiċidi qed jikkawżaw kontaminazzjoni tal-ħamrija permezz tar-residwi tal-pestiċidi, inkluż minħabba l-persistenza għolja ta' ċerti pestiċidi fil-ħamrija u t-tossiċità tagħhom għal speċijiet mhux fil-mira, u għandhom effetti dejjiema fuq is-saħħa tal-ħamrija; billi t-tniġġis diffuż mill-agrosustanzi kimiċi huwa ta' theddida għall-ħamrija;

AD.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE hija relattivament komprensiva għall-protezzjoni tal-ilma, iżda tindirizza l-kontroll tas-sustanzi niġġiesa mill-ħamrija mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ilma aktar milli mill-protezzjoni ambjentali usa' inkluża dik tal-ħamrija nnifisha; billi s-sustanzi niġġiesa emessi fl-atmosfera u fl-ilma jista' jkollhom effetti indiretti permezz ta' depożitu fuq l-art, li jista' jaffettwa b'mod negattiv il-kwalità tal-ħamrija;

AE.  billi l-evidenza xjentifika wriet li l-ħamrija u l-organiżmi tagħha huma sostanzjalment esposti għal taħlita ta' sustanzi kimiċi, inklużi sustanzi kimiċi persistenti u bijoakkumulattivi, residwi tal-pestiċidi, idrokarburi, metalli tqal u solventi u t-taħlitiet tagħhom, li jwassal għal riskju għoli ta' tossiċità kronika, li potenzjalment ibiddel il-bijodiversità, ifixkel l-irkupru u jdgħajjef il-funzjonijiet tal-ekosistema; billi ġew identifikati madwar 3 miljun sit fl-Ewropa b'attivitajiet li potenzjalment iniġġsu, li 340 000 minnhom(33) huma mistennija li jirrikjedu rimedju; billi hemm nuqqas ta' informazzjoni komprensiva dwar it-tniġġis diffuż tal-ħamrija;

AF.  billi skont l-EEA, in-nuqqas ta' leġiżlazzjoni xierqa tal-UE dwar il-ħamrija jikkontribwixxi għad-degradazzjoni tal-ħamrija fl-Ewropa, u billi l-progress lejn l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa u globalment mhuwiex possibbli jekk ir-riżorsi tal-art u tal-ħamrija ma jiġux indirizzati kif xieraq(34);

AG.  billi 95 % tal-ikel tagħna huwa prodott direttament jew indirettament mill-ħamrija tagħna;

AH.  billi, skont ir-rieżami tal-evidenza attwali tal-istat tal-ħamrija tal-UE, bejn 60 u 70 % tal-ħamrija tal-UE mhijiex f'saħħitha minħabba l-prattiki ta' ġestjoni attwali, b'perċentwal ulterjuri, iżda inċert, ta' ħamrija mhux f'saħħitha minħabba kwistjonijiet ta' tniġġis ikkwantifikati ħażin(35);

AI.  billi l-erożjoni tal-ħamrija bl-ilma u bir-riħ hija stmata li taffettwa 22 % tal-art Ewropea, u billi aktar minn nofs l-art agrikola fl-UE għandha livelli medji ta' erożjoni ogħla minn dak li jista' jiġi sostitwit b'mod naturali (li jirrappreżenta aktar minn tunnellata ta' ħamrija mitlufa fis-sena u għal kull ettaru)(36), li jenfasizza l-ħtieġa tal-użu ta' tekniki ta' ġestjoni sostenibbli għall-ħamrija;

AJ.  billi huwa stmat li madwar 25 % tal-art agrikola saqwija fir-reġjun tal-Mediterran hija affettwata mill-melħ b'impatt fuq il-potenzjal agrikolu; billi l-kwistjoni tas-salinizzazzjoni bħalissa mhijiex indirizzata fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE(37);

AK.  billi t-telf ta' art fertili għall-iżvilupp urban inaqqas il-potenzjal li jiġu prodotti materjali u fjuwils b'bażi bijoloġika biex tiġi appoġġjata bijoekonomija b'livell baxx ta' karbonju;

AL.  billi l-investiment biex tiġi evitata d-degradazzjoni tal-art u tiġi rrestawrata art degradata jagħmel sens ekonomiku tajjeb peress li l-benefiċċji ġeneralment jaqbżu bil-kbir l-ispiża; billi l-ispejjeż tar-restawr huma stmati li huma 10 darbiet ogħla mill-ispejjeż tal-prevenzjoni(38);

AM.  billi l-ħamrija hija fil-biċċa l-kbira proprjetà privata fl-UE u dan għandu jiġi rrispettat, filwaqt li fl-istess ħin il-ħamrija hija ġid komuni li huwa meħtieġ għall-produzzjoni tal-ikel u jwassal servizzi essenzjali tal-ekosistema għas-soċjetà u n-natura kollha; billi huwa fl-interess pubbliku li l-utenti tal-art jiġu mħeġġa jieħdu miżuri ta' prekawzjoni biex jipprevjenu d-degradazzjoni tal-ħamrija u jikkonservaw il-ħamrija u jimmaniġġjawha b'mod sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri; billi għandhom għalhekk jitqiesu miżuri ta' appoġġ u aktar inċentivi finanzjarji għas-sidien tal-art biex jipproteġu l-ħamrija u l-art;

AN.  billi r-riċiklaġġ tal-art jirrappreżenta 13 % biss tal-iżviluppi urbani fl-UE u billi l-mira tal-UE għall-2050 li ma jsir l-ebda teħid nett tal-art x'aktarx li ma tintlaħaqx sakemm ir-rati annwali tat-teħid tal-art ma jitnaqqsux aktar u/jew ir-riċiklaġġ tal-art ma jiżdiedx;(39)

AO.  billi d-degradazzjoni tal-ħamrija u tal-art għandha aspetti transfruntiera inerenti marbuta pereżempju mat-tibdil fil-klima, mal-kwantità u l-kwalità tal-ilma, u t-tniġġis, li jirrikjedu rispons fil-livell tal-UE, azzjoni konkreta mill-Istati Membri u kooperazzjoni multilaterali ma' pajjiżi terzi; billi l-prattiki ta' degradazzjoni tal-ħamrija f'pajjiż wieħed jistgħu jirriżultaw fi spejjeż li jitħallsu minn Stat Membru ieħor; billi d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tal-ħamrija, pereżempju fir-rigward tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija, jistgħu jimponu fuq l-operaturi ekonomiċi obbligi differenti ħafna u jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern;

AP.  billi l-ħamrija skavata ammontat għal aktar minn 520 miljun tunnellata ta' skart fl-2018(40) u hija bil-bosta l-akbar sors ta' skart prodott fl-UE; billi l-ħamrija skavata attwalment titqies bħala skart skont id-dritt tal-Unjoni u għalhekk tintrema fil-landfills; billi l-maġġoranza ta' dik il-ħamrija mhijiex ikkontaminata u tista' terġa' tintuża b'mod sikur jekk tiġi stabbilita mira ta' rkupru flimkien ma' sistema komprensiva ta' traċċabbiltà;

AQ.  billi politika koerenti u adegwata tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħamrija hija prerekwiżit sabiex jintlaħqu l-SDGs, l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b'mod partikolari, l-objettiv tan-newtralità klimatika, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità, l-ambizzjoni ta' tniġġis żero, l-istrateġija dwar il-bijoekonomija u sfidi ambjentali u soċjetali ewlenin oħra;

AR.  billi data u informazzjoni aġġornati regolarment, armonizzati u miftuħa dwar il-ħamrija huma prerekwiżit sabiex jinkiseb tfassil aħjar ta' politiki mmexxi mid-data u bbażat fuq l-evidenza biex jiġu protetti r-riżorsi tal-ħamrija fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

AS.  billi fl-opinjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2021, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni stieden lill-Kummissjoni Ewropea "tipproponi Direttiva Ewropea ġdida dwar il-ħamrija agrikola sabiex trażżan it-tnaqqis fil-livell tal-materja organika tagħha, twaqqaf l-erożjoni u tagħti prijorità lill-ħajja fil-ħamrija fil-prattiki agrikoli"(41);

AT.  billi s-sigurtà tal-ikel tiddependi mis-sigurtà tal-ħamrija u kwalunkwe prattika li tikkomprometti s-saħħa tal-ħamrija hija theddida għas-sigurtà tal-ikel; billi ħamrija aktar f'saħħitha tipproduċi ikel aktar tajjeb għas-saħħa;

AU.  billi l-Artikoli 4 u 191 tat-TFUE jistabbilixxu l-prinċipji bażiċi għall-politika ambjentali tal-UE u stabbilew kompetenza kondiviża f'dan il-qasam;

AV.  billi l-ħamrija tal-foresti tikkostitwixxi nofs il-ħamrija fl-UE, u foresti bijodiversi u f'saħħithom jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għas-saħħa tal-ħamrija;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-ħamrija u tal-promozzjoni ta' ħamrija f'saħħitha fl-Unjoni, filwaqt li jfakkar li d-degradazzjoni ta' din l-ekosistema ħajja, komponent tal-bijodiversità, u riżorsa mhux rinnovabbli għadha għaddejja, minkejja azzjoni limitata u mhux uniformi f'xi Stati Membri; jisħaq fuq l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni fuq id-degradazzjoni tal-ħamrija, bi stimi fl-Unjoni li jaqbżu l-EUR 50 biljun fis-sena;

2.  Jissottolinja r-rwol multifunzjonali tal-ħamrija (provvista tal-ikel, bir tal-karbonju, pjattaforma għall-attivitajiet tal-bniedem, produzzjoni tal-bijomassa, raggruppament tal-bijodiversità, prevenzjoni tal-għargħar u tan-nixfa, sors ta' materja prima, riżorsi farmaċewtiċi u ġenetiċi, iċ-ċiklaġġ, il-ħżin u l-filtrazzjoni tal-ilma u n-nutrijenti, ħżin tal-wirt ġeoloġiku u arkeoloġiku, eċċ.) u l-ħtieġa li tirriżulta li tiġi protetta, ġestita b'mod sostenibbli u rrestawrata, u li tiġi ppreservata l-kapaċità tagħha li tissodisfa r-rwoli multipli tagħha permezz ta' kooperazzjoni intra-Komunitarja stabbli fil-livell Ewropew u fil-livelli transfruntiera u ma' pajjiżi mhux tal-UE;

3.  Iqis li ħamrija f'saħħitha hija l-bażi għal ikel nutrittiv u sikur u hija prerekwiżit għall-produzzjoni sostenibbli tal-ikel;

4.  Jisħaq li ħamrija f'saħħitha hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħan-newtralità klimatika, ir-restawr tal-bijodiversità, l-ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli u ambjent reżiljenti;

5.  Jemmen li l-ħamrija għandu jkollha attenzjoni speċjali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, fl-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, fl-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u fil-pjan ta' azzjoni għal tniġġis żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tindirizza s-sorsi kollha tat-tniġġis tal-ħamrija fil-Pjan ta' Azzjoni għal Tniġġis Żero li jmiss u fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali;

6.  Jilqa' l-inklużjoni tal-protezzjoni u r-restawr tal-ħamrija fl-objettivi tematiċi prijoritarji tat-Tmien Programm ta' Azzjoni Ambjentali;

7.  Jirrikonoxxi l-varjabbiltà tal-ħamrija fl-Unjoni u l-ħtieġa ta' soluzzjonijiet ta' politika mmirati u approċċi ta' ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija speċifiċi għall-ambjent biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom permezz ta' sforzi konġunti fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi għal-livelli reġjonali, lokali u tal-irqajja', l-impatti transfruntiera tad-degradazzjoni tal-ħamrija u tal-art, u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi;

8.  Jissottolinja r-riskji li jirriżultaw min-nuqqas ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn l-Istati Membri u mis-sistemi ta' protezzjoni differenti tagħhom għall-ħamrija għall-funzjonament tas-suq intern li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi; jissottolinja li l-qafas il-ġdid jindirizza l-problema ta' nuqqas ta' ċertezza tad-dritt għall-kumpaniji u li għandu potenzjal qawwi li jistimula l-kompetizzjoni ġusta fis-settur privat, jiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi u know-how u jsaħħaħ l-esportazzjoni ta' teknoloġiji barra mill-Unjoni;

9.  Jisħaq li l-ħamrija, li hija riżorsa komuni, mhijiex koperta minn leġiżlazzjoni speċifika għall-kuntrarju tal-arja jew tal-ilma; jilqa', konsegwentement, l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi qafas koerenti u integrat tal-UE għall-protezzjoni tal-ħamrija;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal qafas legali komuni madwar l-UE kollha, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija, li jindirizza t-theddidiet ewlenin kollha tal-ħamrija u li għandu jinkludi, fost l-oħrajn:

   (a) definizzjonijiet komuni tal-ħamrija, il-funzjonijiet tagħha u l-kriterji għall-istatus tajjeb u l-ġestjoni sostenibbli tagħha;
   (b) l-objettivi, l-indikaturi, inklużi indikaturi armonizzati, u metodoloġija għall-monitoraġġ kontinwu tal-istatus tal-ħamrija u r-rapportar dwaru;
   (c) miri intermedji u finali li jistgħu jitkejlu b'settijiet ta' data u miżuri armonizzati biex jiġu indirizzati t-theddidiet identifikati kollha u skedi ta' żmien xierqa, filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki meħuda mill-isforzi ta' "min jidħol l-ewwel" u jiġu rrispettati d-drittijiet tas-sjieda tal-art;
   (d) kjarifika tar-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati differenti;
   (e) mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u taħriġ kif ukoll miżuri ta' kontroll adegwati;
   (f) riżorsi finanzjarji adegwati;
   (g) integrazzjoni effettiva mal-miri u l-istrumenti ta' politika rilevanti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni takkumpanja l-proposta leġiżlattiva tagħha bi studju dettaljat tal-valutazzjoni tal-impatt ibbażat fuq data xjentifika, li janalizza kemm l-ispejjeż tal-azzjoni u tan-nuqqas ta' azzjoni f'termini ta' impatt immedjat u fit-tul fuq l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem, is-suq intern u s-sostenibbiltà ġenerali;

12.  Jirrimarka li l-qafas komuni għandu jikkonsisti wkoll f'dispożizzjonijiet dwar l-immappjar ta' żoni ta' riskju u ta' siti kontaminati u siti abbandunati, kif ukoll għad-dekontaminazzjoni ta' siti kontaminati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u jipproponu mekkaniżmu għar-rimedju ta' siti orfni; iqis li r-rimedju ta' dawn is-siti jista' jiġi ffinanzjat minn mekkaniżmi ta' finanzjament Ewropej;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tipproponi lista miftuħa ta' attivitajiet li jista' jkollhom potenzjal sinifikanti ta' kontaminazzjoni tal-ħamrija, li tista' tiġi kkompilata minn listi aktar komprensivi fil-livell nazzjonali; jisħaq li din il-lista għandha tkun aċċessibbli mill-pubbliku u aġġornata regolarment; jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji għall-valutazzjoni tar-riskju għas-siti kontaminati;

14.  Jemmen li għandhom jitqiesu l-isforzi preċedenti min-naħa tal-Istati Membri biex jidentifikaw is-siti kontaminati; jissottolinja li l-identifikazzjoni ta' siti kontaminati riflessi f'inventorji nazzjonali għandha tiġi aġġornata b'mod regolari u magħmula disponibbli għall-konsultazzjoni mill-pubbliku; jemmen, barra minn hekk, li għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-partijiet għal tranżizzjonijiet li jirrigwardaw l-art ikunu konxji mill-istat tal-ħamrija u jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'dan il-qafas komuni miżuri effettivi dwar il-prevenzjoni u/jew il-minimizzazzjoni tal-issiġillar tal-ħamrija u kwalunkwe użu ieħor ta' art li qed jaffettwa l-prestazzjoni tal-ħamrija, filwaqt li tingħata prijorità lir-riċiklaġġ ta' art abbandunata u tal-ħamrija u r-riċiklaġġ ta' siti abbandunati fuq l-użu ta' ħamrija mhux issiġillata bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta' ebda degradazzjoni tal-art sal-2030 u l-ebda teħid nett tal-art sa mhux aktar tard mill-2050, b'mira interim għall-2030, sabiex tinkiseb ekonomija ċirkulari, u tinkludi wkoll d-dritt għal parteċipazzjoni pubblika u konsultazzjoni effettivi u inklużivi dwar l-ippjanar tal-użu tal-art u tipproponi miżuri li jipprevedu tekniki ta' kostruzzjoni u drenaġġ li jippermettu kemm jista' jkun li jiġu ppreżervati funzjonijiet tal-ħamrija, fejn iseħħ l-issiġillar;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Linji Gwida dwar l-aħjar prattiki biex tillimita, timmitiga jew tikkumpensa l-issiġillar tal-ħamrija f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

17.  Jappella għall-kejl tal-art okkupata u/jew issiġillata, u tat-telf korrispondenti tas-servizzi tal-ekosistema u tal-konnettività ekoloġika; jitlob li dawn l-aspetti jiġu meqjusa u kkumpensati b'mod xierqa fil-kuntest tal-Valutazzjonijiet Ambjentali u Strateġiċi tal-Impatt ta' proġetti u programmi;

18.  Jisħaq li l-protezzjoni tal-ħamrija, l-użu ċirkulari u sostenibbli u r-restawr tagħha jeħtieġ li jiġu integrati u għandhom isiru konsistenti fil-politiki settorjali rilevanti kollha tal-UE sabiex tiġi evitata aktar degradazzjoni, jiġi żgurat livell għoli konsistenti ta' protezzjoni, u ta' riabilitazzjoni fejn possibbli, u jiġu evitati d-duplikazzjoni, l-inkoerenza u l-inkonsistenzi bejn il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tirrieżamina l-politiki rilevanti bil-għan li tiżgura l-koerenza tal-politika mal-protezzjoni tal-ħamrija(42);

19.  Iqis li l-PAK għandha tipprovdi kundizzjonijiet għas-salvagwardja tal-produttività u tas-servizzi tal-ekosistema tal-ħamrija; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu miżuri koerenti għall-protezzjoni tal-ħamrija fil-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali tagħhom tal-PAK u biex jiżguraw l-użu wiesa' ta' prattiki agronomiċi bbażati fuq l-agroekoloġija; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk il-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali tal-PAK jiżgurawx livell għoli ta' protezzjoni tal-ħamrija u tippromwovi azzjonijiet biex tirriġenera ħamrija agrikola degradata; jitlob miżuri li jippromwovu prattiki ta' ħdim tar-raba' inqas intensiv li jikkawżaw disturb mill-inqas tal-ħamrija, biedja organika, u l-użu ta' żidiet ta' materja organika fil-ħamrija;

20.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-ħamrija għall-purifikazzjoni u l-infiltrazzjoni tal-ilma u għalhekk il-kontribut tagħha għall-provvista tal-ilma tax-xorb għal proporzjon kbir tal-popolazzjoni Ewropea; ifakkar li r-rabtiet limitati bejn il-liġi tal-UE dwar l-ilma u l-azzjonijiet għall-protezzjoni tal-ħamrija ġew rikonoxxuti fil-Kontroll tal-Idoneità reċenti tal-politika tal-UE dwar l-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-kwalità tal-ħamrija flimkien mal-kwalità u l-kwantità tal-ilma ta' taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ, sabiex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

21.  Jisħaq fuq l-importanza li tinkiseb l-hekk imsejħa "soċjetà intelliġenti fir-rigward tal-ilma" biex jiġu appoġġjati r-restawr u l-protezzjoni tal-ħamrija, kif ukoll li tiġi esplorata r-relazzjoni mill-qrib bejn is-saħħa tal-ħamrija u t-tniġġis tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu tal-għodod diġitali rilevanti sabiex jiġu ssorveljati l-istatus tal-ilma u tal-ħamrija u l-effikaċja tal-istrumenti ta' politika;

22.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta leġiżlattiva għal pjan tal-UE għar-restawr tan-natura fl-2021 u jappoġġja l-fatt li dan għandu jinkludi miri dwar ir-restawr tal-ħamrija; jissottolinja li l-pjan għandu jkun koerenti mal-istrateġija tematika rieżaminata dwar il-ħamrija;

23.  Itenni t-talba tiegħu li r-reviżjoni tal-miri tal-irkupru tal-materjali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni u l-frazzjonijiet speċifiċi għall-materjali tagħhom tkun tinkludi mira tal-irkupru tal-materjali għall-ħamrija skavata fir-reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu dijanjosi sistematika tal-istatus u l-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-ħamrija skavata, kif ukoll sistema ta' traċċabbiltà għall-ħamrija skavata u kontrolli regolari fis-siti tar-rimi biex jiġi evitat ir-rimi illegali ta' ħamrija kontaminata minn żoni industrijali abbandunati u tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħha mas-siti li jirċevuha;

24.  Jenfasizza li l-frammentazzjoni u t-telf tal-ħabitats fl-ekosistemi kostali tal-baħar inaqqsu l-kapaċità tagħhom li jipproteġu l-linji tal-kosta kif ukoll li jipprovdu għajxien sostenibbli; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-protezzjoni kostali fil-mitigazzjoni tat-theddida mit-tibdil fil-klima fl-UE u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tinkludi l-protezzjoni u r-restawr kostali fl-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-ħamrija u fil-pjan tal-UE għar-restawr tan-natura, flimkien ma' ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema, bħall-ġestjoni integrata taż-żoni kostali u l-ippjanar spazjali tal-baħar; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-pjan tal-UE għar-restawr tan-natura tagħti prijorità lir-restawr ta' żoni kostali li jaġixxu bħala difiżi naturali mill-baħar u li ġew affettwati ħażin mill-urbanizzazzjoni tal-kosti, f'reġjuni mhedda mill-erożjoni tal-kosta u/jew l-għargħar;

25.  Jenfasizza li l-bijodiversità tal-ħamrija hija l-bażi stess għal proċessi ekoloġiċi ewlenin u jinnota bi tħassib iż-żieda fid-degradazzjoni tal-ħamrija u fl-issiġillar tal-ħamrija, u t-tnaqqis tal-bijodiversità tal-ħamrija fiż-żona agrikola Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tistabbilixxi qafas komuni għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija u r-restawr tal-kwalità tal-ħamrija abbażi ta' data xjentifika u valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiċi, ambjentali u soċjali, u tiżviluppa soluzzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati kwistjonijiet hotspot fl-Ewropa bil-finijiet doppji tar-restawr tal-bijodiversità u tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima bbażati fuq in-natura; jemmen li jrid jiġi stabbilit u miżmum monitoraġġ robust madwar l-UE tal-organiżmi tal-ħamrija u tat-tendenzi tal-firxa u l-volum tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw aktar riċerka, anki fi profonditajiet u orizonti differenti, kif ukoll prattiki ta' montoraġġ u ta' biedja u forestrija ta' benefiċċju li jżidu l-materja organika tal-ħamrija f'profonditajiet akbar; jilqa', f'dan il-kuntest, l-objettivi fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u fl-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jappella li jiġu stabbiliti trajettorji ċari fid-dawl tar-rieżamijiet ta' nofs it-terminu taż-żewġ strateġiji, li jirrispettaw il-punti ta' tluq differenti tal-Istati Membri;

26.  Iqis li l-kisba ta' mikrobijoma sana tal-ħamrija hija ta' importanza fundamentali;

27.  Jisħaq li l-foresti tal-UE jaħżnu madwar darbtejn u nofs aktar karbonju fil-ħamrija milli fil-bijomassa tas-siġar(43);

28.  Jisħaq li l-prattika tal-ġestjoni tal-foresti permezz tat-tqaċċit totali tas-siġar teqred in-network simbijotiku interdipendenti tas-siġar mal-fungi u l-istabbiliment mill-ġdid sussegwenti ta' dan in-network wara t-tqaċċit huwa kważi ineżistenti; jenfasizza li fil-foresti boreali dan in-network jirrappreżenta l-mekkaniżmu l-aktar importanti ta' akkumulazzjoni ta' materja organika tal-ħamrija u huwa għalhekk kruċjali fiċ-ċiklu globali tal-karbonju(44); itenni li t-tqaċċit totali tas-siġar ma jimitax id-disturbi naturali min-nirien fil-foresti peress li, għall-kuntrarju ta' sit li fih ikun sar it-tqaċċit totali tas-siġar, sit iddisturbat min-nirien fil-foresti huwa kkaratterizzat minn ammont kbir ħafna ta' njam mejjet u ħamrija miftuħa għall-kolonizzazzjoni tal-ispeċijiet;

29.  Jappella għall-infurzar strett ta' standards tajbin ta' trobbija tal-annimali fl-azjendi tal-annimali sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-użu ta' mediċini veterinarji u t-tixrid tagħhom fl-għelieqi permezz tad-demel u għall-infurzar strett tad-Direttiva dwar in-Nitrati;

30.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari li tirrieżamina d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE dwar il-ħama tad-dranaġġ; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rieżami jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħamrija billi tiżdied il-materja organika fil-ħamrija, jiġu riċiklati n-nutrijenti u titnaqqas l-erożjoni filwaqt li l-ħamrija u l-ilma ta' taħt l-art jiġu protetti mit-tniġġis;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-ġbir ta' data fuq il-kompattazzjoni u tippromwovi miżuri agrikoli sostenibbli intiżi sabiex inaqqsu l-użu ta' makkinarju tqil;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni li tagħti liċ-Ċentru Ewropew tad-Data dwar il-Ħamrija l-kompitu li jissorvelja r-residwi tal-pestiċidi kif ukoll il-kompiti li jivvaluta l-ammont ta' karbonju maħżun fil-ħamrija Ewropea u jistabbilixxi miri għar-restawr u għat-titjib tal-kwalità tal-ħamrija, anki permezz taż-żieda fil-materja organika tal-ħamrija, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-IPCC u r-rekwiżiti tal-SDGs;

33.  Jemmen li l-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija hija komponent ewlieni tal-politika tal-biedja u tal-ikel fuq perjodu ta' żmien twil; jirrikonoxxi madanakollu, l-importanza ta' dispożizzjonijiet legali li jikkontribwixxu għar-restawr, il-konservazzjoni u l-protezzjoni stretta ta' ħamrija intatta, li tiffoka fost l-oħrajn fuq il-bidla fl-użu tal-ħamrija u l-art fl-artijiet mistagħdra, it-torbieri, il-bwar permanenti u l-mergħat;

34.  Jitlob li l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-ħamrija tidentifika u tippromwovi prattiki tal-biedja tajbin u innovattivi li jistgħu jipprevjenu u jnaqqsu t-theddida tas-salinizzazzjoni tal-ħamrija, jew jikkontrollaw l-effetti negattivi tagħha;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkontribwixxu b'mod effettiv lejn it-tnaqqis tal-użu żejjed tal-fertilizzanti sintetiċi, speċjalment in-nitroġenu, billi jnaqqsu l-limiti stabbiliti mid-Direttiva dwar in-Nitrati; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Programm Ambjentali tan-NU dwar il-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu u fuq l-objettiv tad-Dikjarazzjoni ta' Colombo biex jitnaqqas bin-nofs l-iskart tan-nitroġenu mis-sorsi kollha sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tan-nutrijenti inkluż permezz tat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tan-nitroġenu, l-estensifikazzjoni tat-trobbija tal-bhejjem f'żoni definiti, il-biedja mħallta li tintegra s-sistemi tat-trobbija tal-bhejjem u tal-għelejjel, l-użu effiċjenti tad-demel tal-annimali u użu akbar, b'rotazzjoni, ta' għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu (bħal-legumi) fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni lill-emissjonijiet tal-ossidu nitruż fil-kontabbiltà globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, u tagħmel sforzi aktar integrati biex jiġi indirizzat l-eċċess ta' nitroġenu bħala kwistjoni tal-klima, tan-natura u tas-saħħa, kif ukoll toffri inċentivi għal ġestjoni mtejba tan-nitroġenu fil-livell tal-irziezet;

36.  Jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha fir-rigward ta' siti kontaminati;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-istrateġija l-ġdida dwar il-ħamrija u l-istrateġija tal-UE li jmiss għall-foresti billi tinkludi fl-Istrateġija għall-Foresti rekwiżiti ta' ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, bħal pereżempju l-prattiki agroforestali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija u tadotta l-pjan ta' azzjoni "Lejn Ambizzjoni ta' Tniġġis Żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija – nibnu Pjaneta aktar b'Saħħitha għal Persuni aktar b'Saħħithom" mingħajr dewmien; jilqa' f'dan ir-rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-kumpaniji u ċ-ċittadini billi tistabbilixxi objettivi ċari, miri li jistgħu jitkejlu u pjan ta' azzjoni;

39.  Jisħaq li l-prattiki agroforestali jistgħu jipprovdu b'mod attiv benefiċċji u sinerġiji ambjentali bħal pereżempju azzjoni kontra l-erożjoni, titjib tal-bijodiversità, ħżin tal-karbonju u regolazzjoni tal-ilma;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kontaminazzjoni mifruxa li tirriżulta mill-attivitajiet tal-biedja, f'konformità mal-miri tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; jilqa' f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi; ifakkar li diġà jeżistu ħafna alternattivi għall-pestiċidi sintetiċi, bħall-ġestjoni integrata tal-pesti (IPM), u li l-użu tagħhom għandu jiżdied; jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw it-talbiet kollha tiegħu fir-riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi, mingħajr dewmien;

41.  Jesprimi dispjaċir li l-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-UE għas-sustanzi kimiċi, inklużi l-valutazzjoni tar-riskji ambjentali u l-istudji ekotossikoloġiċi, ma jqisx kif xieraq l-impatti tagħhom fuq il-ħamrija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tadotta miżuri regolatorji, fl-Istrateġija tal-UE għall-Ħamrija u b'mod koerenti mal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, sabiex jiġi evitat u mmitigat it-tniġġis tal-ħamrija minn sustanzi kimiċi, b'mod partikolari sustanzi kimiċi persistenti u bijoakkumulattivi (inklużi l-plastik u l-mikroplastik), u sabiex jiġi żgurat li kundizzjonijiet ta' testijiet ekoloġikament rilevanti li jirrappreżentaw il-kundizzjonijiet tal-post jiġu ssodisfati;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja r-riċerka biex jitnaqqsu d-differenzi fl-għarfien dwar il-potenzjal tal-bijodiversità tal-ħamrija għall-indirizzar tat-tniġġis tal-ħamrija u l-impatti tat-tniġġis fuq il-bijodiversità tal-ħamrija, u biex jingħalqu l-lakuni leġiżlattivi fir-rigward tat-tossiċità tal-bijoċidi u tal-prodotti veterinarji għall-ħamrija u għall-organiżmi tagħha, mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ħidma tal-aġenziji responsabbli biex jiżguraw l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' alternattivi għall-aktar bijoċidi tossiċi fil-ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara veterinarji; jistieden lill-Kummissjoni biex b'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tiżviluppa limiti Ewropej fuq it-tniġġis tal-ħamrija minn sustanzi perfluworoalkil u polifluworoalkil (PFAS)s oħra, abbażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni;

43.  Jesprimi dispjaċir li l-Kontroll tal-Idoneità tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma ma jiddiskutix opportunitajiet għal ġestjoni ambjentali integrata usa' fil-baċiri tal-ilma, li torbot il-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar ma' pjanijiet usa' għall-protezzjoni tal-ħamrija; huwa tal-fehma li analiżi u teħid ta' deċiżjonijiet integrati bħal dawn ikunu ta' benefiċċju għal diversi objettivi differenti tal-politika tal-UE, u jwasslu potenzjalment għal gwadanji fil-livelli tal-governanza lokali;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar l-ippjanar tal-ilma u tal-ħamrija, b'valutazzjonijiet imħallta tal-pressjonijiet u r-riskji (inkluż fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar) u bl-adozzjoni ta' approċċ integrat għall-miżuri li jagħtu protezzjoni lil dawn iż-żewġ mezzi ambjentali;

45.  Jaqbel mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent li huwa meħtieġ monitoraġġ tal-ħamrija armonizzat u rappreżentattiv madwar l-Ewropa biex jiġu żviluppati twissijiet bikrija ta' qbiż tal-limiti kritiċi u biex tiġi ggwidata l-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija(45); jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jtejbu u jħaffu l-ġbir u l-integrazzjoni tad-data dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ħamrija, u t-theddid għall-ħamrija fil-livell tal-UE; jilqa' f'dan ir-rigward l-istabbiliment tal-Osservatorju tal-UE dwar il-Ħamrija, li jibni fuq l-Istħarriġ LUCAS dwar il-Ħamrija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-operabbiltà fit-tul għaż-żewġ strumenti, kif ukoll riżorsi suffiċjenti biex jiġi żgurat monitoraġġ ottimali u regolari tal-attributi bijoloġiċi u tal-proprjetajiet fiżikokimiċi tal-ħamrija, inkluża l-preżenza ta' agrokimiċi u kontaminanti oħra, bħal pereżempju kontaminanti ta' tħassib emerġenti; jemmen li dan huwa fundamentali biex jimtela l-vojt dwar id-data u l-indikaturi u biex jiġi appoġġjat il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jissottolinja l-ħtieġa li jinftiehmu aħjar il-proċessi li jwasslu għad-degradazzjoni tal-art u d-deżertifikazzjoni fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi metodoloġija u indikaturi rilevanti biex tivvaluta u tiġbor data dwar il-firxa tad-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art fl-UE;

46.  Jinnota li 13-il Stat Membru ddikjaraw lilhom infushom bħala Partijiet milquta fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD); jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-SDGs rigward il-ħamrija fil-politiki tal-UE;

47.  Jinnota l-isfidi ta' governanza, koordinazzjoni, komunikazzjoni, ta' natura finanzjarja, teknika u legali, li jfixklu t-titjib tal-konsistenza u l-interoperabbiltà tal-monitoraġġ tal-ħamrija u l-ġbir ta' informazzjoni dwarha fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw dawk l-isfidi b'mod konġunt u jaċċelleraw il-kooperazzjoni, inkluż fi ħdan il-Grupp ta' Esperti tal-UE dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-ħamrija, u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi bla bżonn għall-Istati Membri u għall-SMEs;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu u jħaffu l-isforzi biex jisfruttaw għalkollox il-valur fl-ilma biex b'mod partikolari jinkiseb l-użu mill-ġdid sħiħ tan-nutrijenti u l-komponenti ta' valur li jinsabu fl-ilma mormi, sabiex tittejjeb iċ-ċirkolarità fl-agrikoltura u tiġi evitata n-nixxija eċċessiva ta' nutrijenti fl-ambjent;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita konferenza annwali bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u tagħtihom rwol kritiku permezz ta' djalogi bbażati fuq il-kwistjonijiet;

50.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti ta' ħamrija f'saħħitha, bħala l-akbar bir tal-karbonju terrestri fil-qbid u l-ħżin tal-karbonju, b'mod partikolari flimkien mal-kobenefiċċji tal-artijiet mistagħdra, u ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, li jrid jiffaċilita l-kisba tal-miri klimatiċi għall-2030 kif ukoll l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050; jisħaq li l-istrateġija l-ġdida dwar il-ħamrija għandha tiżgura li l-kontribut tal-ħamrija għall-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima jkun koerenti mal-bqija tal-arkitettura tal-politika tal-UE dwar il-klima; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jsaħħu r-restawr u l-użu sostenibbli tal-ħamrija bħala għodda għall-politika dwar il-klima fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs) u b'mod partikolari f'miżuri li japplikaw għas-setturi tal-agrikoltura u l-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) biex jippreservaw, jirrestawraw u jtejbu l-bjar tal-karbonju (b'mod speċjali f'żoni fejn il-ħamrija jkun fiha ħafna karbonju, bħall-bwar u t-torbieri), minbarra li tittieħed azzjoni li tfittex li tippromwovi l-użu ta' ħamrija fil-politika agrikola u li tnaqqas l-emissjonijiet agrikoli; jemmen li għandhom jiġu appoġġjati miżuri biex jiżdied is-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija; jilqa', b'mod partikolari, it-tħabbira tal-Kummissjoni ta' inizjattiva ta' sekwestru tal-karbonju f'art agrikola u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora diversi għażliet;

51.  Jemmen li prattiki mhux sostenibbli li jwasslu għat-telf tal-karbonju organiku fil-ħamrija u jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima jridu jiġu prevenuti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-istimi relatati mal-kontenut tal-karbonju huma limitati għall-orizzonti tal-ħamrija tal-wiċċ, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiġġeneraw data rilevanti dwar il-kontenut tal-karbonju fis-saffi aktar 'l isfel tal-ħamrija, għax dan itejjeb il-fehim tal-potenzjal ġenerali tal-ħamrija għaż-żamma u ż-żieda tal-kontenut tal-karbonju;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament LULUCF, data ta' mira meta l-ħamrija agrikola kollha tkun saret bir nett tal-karbonju, f'konformità mal-objettivi tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050;

53.  Jenfasizza li s-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola tista' toffri benefiċċji multipli: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-kapaċità tal-produzzjoni u r-reżiljenza mtejba tal-ħamrija, aktar bijodiversità u t-tnaqqis fl-iskular tan-nutrijenti; jitlob li jissaħħu l-bini tal-kapaċità, in-networking u t-trasferiment tal-għarfien biex jitħaffef is-sekwestru tal-karbonju u jiżdied l-ammont ta' karbonju maħżun fil-ħamrija u b'hekk biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-isfida tal-klima;

54.  Jisħaq li l-użu mhux sostenibbli tal-art jirrilaxxa l-karbonju tal-ħamrija fl-atmosfera wara li jkun ilu sekli jew millenji parti mill-ekosistema tal-ħamrija;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-rwol multifunzjonali tal-ħamrija jiġi indirizzat b'mod adegwat fir-riċerka, iżidu r-riċerka, l-innovazzjoni u l-finanzjament speċifiċi għall-ħamrija u jaġġustaw il-programmi ta' finanzjament rilevanti eżistenti biex jiffaċilitaw dawn il-proġetti ta' riċerka, sabiex jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ħamrija fir-riċerka relatata; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-varar tal-missjoni għas-saħħa tal-ħamrija u l-ikel tal-programm Orizzont Ewropa; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-Osservatorju tal-Ħamrija tal-UE u taċ-Ċentru Ewropew tad-Data dwar il-Ħamrija u li jiġi allokat finanzjament adegwat biex iwettqu l-missjoni tagħhom u jiksbu l-objettivi tal-istrateġija l-ġdida dwar il-ħamrija; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw għarfien espert tassonomiku tal-bijodiversità tal-ħamrija u għarfien dwar il-konsegwenzi tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija għall-interazzjonijiet tal-ekosistemi; jissottolinja l-interdipendenza bejn il-ħamrija u l-ilma u jitlob appoġġ dedikat għar-riċerka dwar ir-rwol pożittiv li għandha l-ħamrija f'saħħitha fit-tnaqqis ulterjuri tat-tniġġis diffuż fl-ilma;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed appoġġ finanzjarju u inċentivi għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni sostenibbli, il-konservazzjoni u r-restawr tagħha, l-innovazzjoni u r-riċerka permezz tal-Politika Agrikola Komuni, il-Politika ta' Koeżjoni, Orizzont Ewropa u strumenti finanzjarji oħra disponibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw żoni soġġetti għall-erożjoni u b'livell baxx ta' karbonju organiku u żoni soġġetti għall-kompattazzjoni li jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament immirat;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw livelli adegwati ta' riżorsi umani u s-sostenibbiltà finanzjarja tal-aġenziji involuti fil-ħidma relatata mal-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija; jenfasizza li livell suffiċjenti ta' persunal kwalifikat huwa prekundizzjoni għas-suċċess fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tiżgura livelli adegwati ta' persunal, b'mod partikolari għad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri għal ġbir armonizzat u integrat ta' data, sistema ta' monitoraġġ komprensiva, u l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar il-protezzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni sostenibbli u r-restawr tagħha madwar l-Unjoni, kif ukoll li jimmassimizzaw is-sinerġiji bejn is-sistemi ta' monitoraġġ eżistenti u l-għodod tal-PAK;

59.  Iqis li dawn il-miżuri għandhom ikunu l-kundizzjonijiet bażi għall-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-Unjoni jew nazzjonali;

60.  Iqis li l-Istati Membri għandhom ifasslu u jippubblikaw rapporti dwar il-kundizzjoni tal-ħamrija f'intervalli regolari ta' mhux aktar minn 5 snin; iqis li d-data kollha miġbura dwar il-ħamrija għandha tkun disponibbli għall-pubbliku online;

61.  Jappoġġja inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu l-għarfien u l-fehim tal-pubbliku dwar l-impatt pożittiv tal-funzjonijiet u tal-protezzjoni tal-ħamrija, inklużi dawk marbuta mal-ġestjoni, il-protezzjoni u r-restawr sostenibbli tal-ħamrija, mas-saħħa pubblika u s-sostenibbiltà ambjentali; jisħaq li s-sensibilizzazzjoni pubblika u l-fehim tal-funzjonijiet tal-ħamrija huma kruċjali għas-suċċess tal-istrateġija l-ġdida dwar il-ħamrija u biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, l-ewwel u qabel kollox tas-sidien tal-art, il-bdiewa u l-forestiera, bħala atturi primarji tal-ġestjoni tal-ħamrija; jitlob għal involviment akbar mal-pubbliku ġenerali dwar is-saħħa tal-ħamrija u l-emerġenza ambjentali u għal appoġġ għal inizjattivi komunitarji għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Ħamrija u jħeġġeġ aktar azzjonijiet biex titqajjem kuxjenza f'dan ir-rigward;

62.  Jisħaq li r-riskji ambjentali koperti fil-leġiżlazzjoni obbligatorja li jmiss dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent għandhom jinkludu d-degradazzjoni tal-ħamrija abbażi tal-objettivi u l-miri tal-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-ħamrija;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala mexxejja dinjija fil-qasam tal-ambjent, biex fl-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-ħamrija tinkludi l-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija fl-aspetti rilevanti kollha tal-politika esterna tagħha, u, b'mod partikolari, biex tqis dan l-aspett bis-sħiħ meta tikkonkludi ftehimiet internazzjonali rilevanti u meta tirrieżamina dawk eżistenti;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-protezzjoni tal-ħamrija fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali, filwaqt li tieħu miżuri biex tindirizza d-degradazzjoni tal-ħamrija importata minn dawn il-pajjiżi, inkluża d-degradazzjoni kkawżata minn bijofjuwils b'impatti ambjentali negattivi ħafna, u toqgħod lura milli tesporta d-degradazzjoni tal-ħamrija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti importati minn pajjiżi terzi lejn l-UE jikkonformaw mal-istess standards ambjentali u tal-użu sostenibbli tal-art;

65.  Jifhem l-importanza tal-kooperazzjoni fil-livelli kollha biex jiġi indirizzat b'mod effettiv it-theddid kollu għall-ħamrija; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex imexxu bl-eżempju u biex jikkunsidraw li jibdew konvenzjoni dwar il-ħamrija fi ħdan in-NU;

66.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-missjoni tal-Orizzont intitolata "Caring for Soil is Caring for Life" (Jekk Nieħdu ħsieb il-Ħamrija, Nieħdu ħsieb il-Ħajja), li kienet proposta mill-Bord tal-Missjoni għas-Saħħa tal-Ħamrija u l-Ikel, bil-għan li tiżgura li 75 % tal-ħamrija tkun f'saħħitha sal-2030, biex l-ikel, il-persuni, in-natura u l-klima jkunu fi stat tajjeb ta' saħħa;

67.  Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' żoni ekoloġiċi, forestali u agroforestali ġodda, speċjalment f'reġjuni urbani, biex iservu ta' kontrobilanċ għall-impatti negattivi tal-livell għoli attwali ta' ssiġillar tal-ħamrija fil-bliet Ewropej;

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(2) ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.
(3) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(4) ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.
(5) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(6) ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6.
(7) ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.
(8) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
(9) ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.
(10) ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1.
(11) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1.
(12) ĠU L 347, 20.12.2013.
(13) ĠU C 87 E, 7.4.2004, p. 395.
(14) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 138.
(15) Testi adottati, P9_TA(2020)0015.
(16) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(17) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 48.
(18) Testi adottati, P9_TA(2020)0201.
(19) Testi adottati, P9_TA(2021)0040.
(20) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(21) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 138.
(22) ĠU C 17, 19.1.2013, p. 37.
(23) ĠU C 61, 14.3.2003, p. 49.
(24) Schwartz, J.D. 2014. Soil as Carbon Storehouse: New Weapon in Climate Fight?, Yale Environment 360.
(25) Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Soil Organic Carbon (Karbonju Organiku fil-Ħamrija), 20 ta' Frar 2017. https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/soil-organic-carbon-1/assessment
(26) L-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea, Climate and Soil Policy Brief: Better Integrating Soil Into EU Climate Policy (Nota dwar il-Politika dwar il-Klima u l-Ħamrija: Integrazzjoni Aħjar tal-Ħamrija fil-Politika dwar il-Klima fl-UE), Ottubru 2020 https://ieep.eu/uploads/articles/attachments/437a17b8-f8a4-478d-ab7f-4a74e2e60ced/IEEP%20(2020)%20Climate%20and%20soil%20policy%20brief%20-%20Better%20integrating%20soil%20into%20EU%20climate%20policy.pdf?v=63771126961
(27) https://ec.europa.eu/jrc/en/news/soil-erosion-costs-european-farmers-125-billion-year#:~:text=Soil%20erosion%20costs%20European%20countries,consequences%20do%20not%20stop%20ther
(28) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tas-Seba' EAP (SWD(2019)0181).
(29) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, The European environment – state and outlook 2020 (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020), 2019.
(30) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tas-Seba' EAP, (SWD(2019)0181).
(31) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, The European environment – state and outlook 2020 (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020), 2019.
(32) Eurostat, 2014b. European Agricultural Census 2010(Ċensiment Agrikolu Ewropew tal-2010). [Online] URL: http://epp. eurostat.ec.europa.eu/statistics explained/index.php/Agricultural census 2010 (accessed February 2014) – The European average of 19 % cropland applying winter cover crop, 21.5 % reduced tillage and 4 % no-till farming.
(33) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Progress in management of contaminated sites (Il-progress fil-ġestjoni ta' siti kontaminati).
(34) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, The European environment – state and outlook 2020 (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020), 2019.
(35) Veerman, C., et al. , Caring for Soil is Caring for Life. In Interim Report for the Mission Board for Soil, Health and Food; (Jekk Nieħdu ħsieb il-Ħamrija, Nieħdu ħsieb il-Ħajja. Rapport Interim tal-Bord tal-Missjoni għas-Saħħa tal-Ħamrija u l-Ikel); Il-Kummissjoni Ewropea: Brussell, il-Belġju; p. 52.
(36) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tas-Seba' EAP, (SWD(2019)0181).
(37) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tas-Seba' EAP, (SWD(2019)0181).
(38) Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), The IPBES assessment report on land degradation and restoration (Ir-rapport ta' valutazzjoni tal-IPBES dwar id-degradazzjoni u r-restawr tal-art), 2018.
(39) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, The European environment – state and outlook 2020 (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020), 2019.
(40) https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/ENV_WASGEN/bookmark/table?lang=en&bookmarkId=bbf937c1-ce8b-4b11-91b7-3bc5ef0ea042
(41) CDR 3137/2020.
(42) Eurostat, 2014b. European Agricultural Census 2010(Ċensiment Agrikolu Ewropew tal-2010). [Online] URL: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics explained/index.php/Agricultural census 2010 (accessed February 2014) – The European average of 19 % cropland applying winter cover crop, 21.5 % reduced tillage and 4 % no-till farming.
(43) Bruno De Vos et al., Benchmark values for forest soil carbon stocks in Europe: Results from a large scale forest soil survey, (Valuri ta' referenza għall-ħażniet tal-karbonju fil-ħamrija tal-foresti fl-Ewropa: Riżultati minn stħarriġ dwar il-ħamrija tal-foresti fuq skala kbira), Geoderma, Volumi 251-252, Awwissu 2015, paġni 33-46.
(44) K. E. Clemmensen et al., Roots and Associated Fungi Drive Long-Term Carbon Sequestration in Boreal Forest(L-Għeruq u l-Fungi Assoċjati Jixprunaw is-Sekwestru tal-Karbonju fit-Tul fil-Foresta Boreal), Science 339, 1615, 2013.
(45) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, The European environment – state and outlook 2020 (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020), 2019.


L-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online ***II
PDF 126kWORD 43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (14308/1/2020 – C9-0113/2021 – 2018/0331(COD))
P9_TA(2021)0144A9-0133/2021

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (14308/1/2020 – C9-0113/2021),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata ppreżentata mil-Kamra tad-Deputati Ċeka, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0640),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0133/2021),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Test adottat tas-17.4.2019, P8_TA(2019)0421.
(2) ĠU C 110, 22.3.2019, p. 67.

Avviż legali - Politika tal-privatezza