Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (06566/2021 – C9-0154/2021 – 2021/0037M(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06566/2021),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (06380/2021),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-paragrafu (7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0073/2020),
– wara li kkunsidra t-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 2021(3) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal (OSPAR),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali,
– wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għal Greenland,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ottawa dwar il-ħolqien tal-Kunsill tal-Artiku,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea, inklużi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea fuq naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija")(4),
– wara li kkunsidra r-rapport intitolat "Ex ante and ex post evaluation study of the Fisheries Partnership Agreement between the European Union and Greenland" (Studju ta' evalwazzjoni ex ante u ex post tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u Greenland") tad-9 ta' Awwissu 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0235/2021),
A. billi l-UE stabbiliet objettivi ta' sostenibbiltà bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u mill-istrateġiji tagħha għall-bijodiversità għall-2030 u "mill-Għalqa sal-Platt", kif ukoll b'riżultat ta' impenji internazzjonali speċifiċi, inkluża l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-SDG 14 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-ambjent tal-baħar;
B. billi t-tibdil fil-klima qed jaffettwa l-ekosistemi u r-riżorsi tal-baħar;
C. billi l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar jipprevedi li, permezz ta' ftehimiet jew arranġamenti oħra, stat kostali għandu jagħti aċċess lil stati oħra għal dak li jibqa' żejjed minn qabda permissibbli;
D. billi l-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali impona projbizzjoni ta' 16-il sena fuq is-sajd kummerċjali f'dik iż-żona;
E. billi l-Unjoni u Greenland, permezz tad-Danimarka, huma membri tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) NEAFC u NAFO;
F. billi l-UE għandha relazzjoni mill-qrib ma' Greenland; billi Greenland tagħmel parti mill-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej assoċjati mal-UE u billi l-UE u Greenland ilhom mill-1984 li għandhom sħubija dwar is-sajd;
G. billi l-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għal Greenland jorbot it-tariffi preferenzjali fuq is-suq Ewropew għall-prodotti tas-sajd minn Greenland mal-aċċess tal-bastimenti Ewropej għaż-żoni tas-sajd tagħha;
H. billi n-natura speċjali ta' dan il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) tfisser li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu nnegozjati kull sena u li dan jippermetti trasferimenti ta' kwoti man-Norveġja u l-Gżejjer Faeroe;
I. billi l-evalwazzjoni ex post tal-protokoll preċedenti u l-evalwazzjoni ex ante wasslu għan-negozjar ta' ftehim u protokoll ġodda li huma aktar konformi mal-opportunitajiet tas-sajd u l-pariri xjentifiċi, jipprovdu flessibbiltà akbar fuq il-qabdiet u għandhom kwota aktar baxxa ta' qabdiet inċidentali, kif ukoll għan-negozjar ta' perjodu ta' validità ta' sitt snin għall-protokoll;
J. billi SFPA ma' Greenland huwa importanti għall-bastimenti Ewropej li jistadu fl-ibħra tagħha u għall-flotot tal-Istati Membri li jibbenefikaw direttament jew indirettament mill-ftehim u mit-trasferimenti tal-kwoti li jipprevedi;
K. billi l-ftehim u l-protokoll il-ġodda jippermettu lil 12-il bastiment Ewropew jisfruttaw opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra ta' Greenland għal tmien speċijiet (bakkaljaw, dott pelaġiku, dott tal-qiegħ, ħalibatt ta' Greenland, gamblu tat-Tramuntana, grenadier, kapelin u kavall tal-Atlantiku) għal perjodu ta' erba' snin li jista' jiġġedded għal sentejn, b'kumpens finanzjarju annwali ta' EUR 16 521 754 mill-UE, li EUR 2 931 000 minnhom huma allokati għal finijiet ta' appoġġ u żvilupp tas-settur tas-sajd fi Greenland;
Il-ftehim u l-protokoll preċedenti
1. Jinnota l-benefiċċji soċjoekonomiċi f'termini ta' impjiegi diretti u indiretti u l-valur miżjud gross iġġenerat mis-sajd tal-flotta Ewropea fl-ibħra ta' Greenland, kemm għas-settur tas-sajd ta' Greenland kif ukoll għal dak tal-UE;
2. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-qabdiet totali permissibbli stabbiliti minn Greenland għal diversi stokkijiet fil-protokoll preċedenti kienu jaqbżu l-livelli rakkomandati xjentifikament; jissottolinja li s-sehem tal-UE f'dawn l-opportunitajiet tas-sajd huwa relattivament żgħir;
3. Jilqa' l-fatt li l-kontribuzzjoni finanzjarja settorjali mogħtija lil Greenland qed tintuża mill-awtoritajiet tagħha għal finijiet ta' amministrazzjoni, kontroll u riċerka xjentifika;
4. Jesprimi tħassib, madankollu, dwar in-nuqqas ta' data xjentifika meħtieġa biex jitfasslu stimi preċiżi tal-livelli tal-istokkijiet;
Il-ftehim u l-protokoll il-ġodda
5. Jinnota n-natura kumplessa tan-negozjati u l-kuntest li saru fih, peress li fl-istess żmien kienu qed isiru negozjati dwar il-ftehim mar-Renju Unit – fatt li ħoloq inċertezza – u Greenland kienet qed tiffaċċja kwistjonijiet ta' politika interna; ifakkar li l-pożizzjoni ta' tluq ta' Greenland f'dawn in-negozjati kienet li tnaqqas il-kwoti tal-bastimenti Ewropej bi 30 %; jinnota li din il-proposta għal tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd kienet motivata mix-xewqa ta' Greenland li tkompli tiżviluppa s-settur tas-sajd tagħha;
6. Jinnota li l-kwoti tnaqqsu b'medja ta' 5 % meta mqabbla mal-protokoll preċedenti;
7. Jesprimi dispjaċir li l-operaturi Ewropej ma setgħux jistadu fl-ibħra ta' Greenland għal kważi erba' xhur qabel l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, li ma ġiex iffirmat qabel it-22 ta' April 2021 minħabba l-elezzjonijiet fi Greenland u l-bżonn li jiġi ffurmat gvern;
8. Jinnota li l-opportunitajiet tas-sajd għall-kavall tal-Atlantiku jiddependu mill-parteċipazzjoni tal-istati kostali bħala firmatarji tal-ftehim tal-istati kostali dwar il-ġestjoni tal-kavall tal-Atlantiku u li l-opportunitajiet tas-sajd għad-dott iridu jkunu konformi mal-ftehim ta' ġestjoni u mad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tan-NEAFC;
9. Jinnota li l-protokoll jipprevedi 600 tunnellata ta' qabdiet inċidentali, li jirrappreżenta tnaqqis sinifikanti mill-protokoll preċedenti; jissottolinja li l-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet inċidentali u l-qbid skartat, iridu jiġu rreġistrati u rrappurtati skont l-ispeċi f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli ta' Greenland;
10. Ifaħħar l-objettivi ta' sostenibbiltà tal-ftehim u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;
11. Jesprimi tħassib dwar l-arranġament ta' "erba' snin u sentejn" rigward it-tul tal-ftehim u l-inċertezza dwar it-tiġdid tal-protokoll wara l-ewwel erba' snin, li jista' jirrappreżenta nuqqas ta' ċarezza għall-bastimenti Ewropej;
12. Jinnota li l-kumpens finanzjarju tal-UE huwa ogħla minn kif kien fil-protokoll preċedenti, filwaqt li l-kontribuzzjoni għall-appoġġ settorjali baqgħet l-istess u l-prezzijiet ta' referenza għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għas-sidien tal-bastimenti żdiedu;
Greenland bħala attur strateġiku fl-Atlantiku tat-Tramuntana u fl-Artiku
13. Jinnota li l-Brexit iddestabbilizza r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-Atlantiku tat-Tramuntana;
14. Isostni li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-konsegwenzi li jirriżultaw għas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Grigal tal-Atlantiku m'għandhomx jintużaw ħażin biex tiġi mmanipulata d-distribuzzjoni tal-kwoti fil-Ftehimiet tat-Tramuntana, iżda minflok għandhom jirrispettaw id-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd kif evolviet storikament, dejjem abbażi tal-aqwa data u pariri xjentifiċi disponibbli;
15. Ifakkar fis-sitwazzjoni ġeostrateġika ta' Greenland fir-reġjun tal-Artiku; jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet ma' Greenland bħala parti minn strateġija tal-UE dwar l-Artiku u bil-ħsieb li jiġi evitat is-sajd mhux regolat fl-ibħra miftuħa fl-Artiku Ċentrali;
Rakkomandazzjonijiet u talbiet lill-Kummissjoni Ewropea
16. Jirrakkomanda u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea:
(a)
tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-protokoll;
(b)
tiżgura li l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-protokoll tiegħu tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tisħin globali u tippermetti l-adattament għall-effetti dejjem akbar tiegħu, għall-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u għall-objettivi ta' sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku, u tkun allinjata mal-objettivi tal-PKS;
(c)
tiżgura l-applikazzjoni tal-approċċ prekawzjonarju għall-istokkijiet sfruttati u mmirati fil-preżent, bħall-bakkaljaw, id-dott u l-ħalibatt ta' Greenland;
(d)
ittejjeb l-arranġamenti għall-ġbir u l-analiżi tad-data u l-aġġornament tas-sorveljanza tal-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-appoġġ settorjali, bil-ħsieb li tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli tal-ħut maqbud mill-Ewropej u li l-kwoti mogħtija lill-bastimenti Ewropej huma fil-fatt għal stokkijiet żejda;
(e)
tiżgura titjib fid-data disponibbli dwar id-daqs tal-flotta u l-isforz tas-sajd tal-flotot ta' sussistenza u tas-sajd fuq skala żgħira ta' Greenland;
(f)
tiżgura li wara erba' snin il-protokoll jiġġedded għal sentejn oħra u tagħmel kull sforz biex tara li l-bastimenti Ewropej ikunu jistgħu jkomplu joperaw fl-ibħra ta' Greenland fuq bażi permanenti;
(g)
tagħmel li tista' biex tara li ma jkunx hemm tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-protokoll kull sena, sakemm ix-xjenza ma tiddettax dan il-bżonn;
(h)
tittrasferixxi għall-2022 il-kwoti kollha mhux użati jew parti minnhom minħabba d-dewmien fl-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim, skont l-aqwa pariri xjentifiċi;
(i)
tħeġġeġ lil Greenland tiffirma l-ftehim tal-istati kostali dwar il-ġestjoni tal-kavall tal-Atlantiku;
(j)
tiżġura li tingħata attenzjoni speċjali lix-xbieki tas-sajd mitlufa, il-ġbir tal-iskart fil-baħar, l-ekosistemi tal-baħar u l-ispeċijiet vulnerabbli, l-identifikazzjoni tal-ħabitats u l-qabdiet inċidentali tal-għasafar, partikolarment fil-kuntest tal-appoġġ settorjali;
(k)
ittejjeb il-konnessjoni bejn l-SFPA UE-Greenland u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija;
(l)
ittejjeb il-viżibilità u t-trasparenza fir-rigward tal-istrumenti internazzjonali għall-ġestjoni tal-istokkijiet fir-reġjun, bħall-RFMOs u l-ftehimiet tal-istati kostali għall-ġestjoni ta' ċerti stokkijiet; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, inklużi l-effetti tat-tibdil fil-klima, kif ukoll li jittejbu l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-RFMOs, inklużi r-regoli tal-qbid;
(m)
tidħol fi proċess ta' riflessjoni fit-tul dwar kif jistgħu jiġu fformalizzati r-relazzjonijiet mas-sħab tagħna fir-reġjun u titnaqqas l-instabbiltà li nħolqot bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, partikolarment fis-settur tas-sajd;
(n)
tibda diskussjoni fit-tul dwar ir-rabta bejn l-SFPA ma' Greenland u l-ftehimiet dwar is-sajd man-Norveġja, inkluża l-interdipendenza tagħhom;
(o)
tikkunsidra l-SFPA bis-sħiħ meta l-UE tkun qed tistabbilixxi l-pożizzjoni ġeostrateġika tagħha dwar l-Oċean Artiku;
o o o
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, ta' Greenland u tad-Danimarka.