Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2166(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0254/2021

Testi mressqa :

A9-0254/2021

Dibattiti :

PV 04/10/2021 - 14
CRE 04/10/2021 - 14

Votazzjonijiet :

PV 05/10/2021 - 9
PV 06/10/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0406

Testi adottati
PDF 254kWORD 81k
L-Erbgħa, 6 ta' Ottubru 2021 - Strasburgu
L-impatt tal-vjolenza domestika u tad-drittijiet ta' kustodja fuq in-nisa u t-tfal
P9_TA(2021)0406A9-0254/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar l-impatt tal-vjolenza domestika u tad-drittijiet ta' kustodja fuq in-nisa u t-tfal (2019/2166(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 6, 8 u 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi)(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 13 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-18 ta' April 2011 dwar id-dritt tat-tfal li ma jkunu soġġetti għall-ebda forma ta' vjolenza,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata fit-18 ta' Diċembru 1979, u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 35 dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li taġġorna r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa dwar il-vjolenza kontra n-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-Prinċipju 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u 16.2 dwar it-tmiem tal-abbuż, l-isfruttament, it-traffikar u kull forma ta' vjolenza kontra u t-tortura tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)0109),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020-2025" (COM(2020)0152), b'mod partikolari l-ewwel mira tagħha biex in-nisa u l-bniet jinħelsu mill-vjolenza u l-istereotipi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)" (COM(2020)0258),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2019 bit-titolu "2019 report on equality between women and men in the EU" (Rapport tal-2019 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE) (SWD(2019)0101),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri (ir-Regolament Brussell IIa)(10),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2020 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

–  wara li kkunsidra l-Istudju tal-EIGE tat-12 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Understanding intimate partner violence in the EU: the role of data" (Il-fehim tal-vjolenza minn sieħeb intimu fl-UE: ir-rwol tad-data),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-EIGE tat-18 ta' Novembru 2019 bit-titolu "A guide to risk assessment and risk management of intimate partner violence against women for police" (Gwida għall-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju tal-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa għall-pulizija),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survery" (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha),

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Mekkaniżmi ta' Esperti Indipendenti dwar id-Diskriminazzjoni u l-Vjolenza kontra n-Nisa (Pjattaforma EDVAW), u d-dikjarazzjoni tagħha tal-31 ta' Mejju 2019 bit-titolu "Intimate partner violence against women is an essential factor in the determination of child custody" (Il-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa hija fattur essenzjali fid-determinazzjoni tal-kustodja tat-tfal),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Marzu 2020 mill-President tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika tal-Kunsill tal-Ewropa, Marceline Naudi, bit-titolu "For many women and children, the home is not a safe place" (Għal ħafna nisa u tfal, id-dar mhix post sikur) dwar il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fi żminijiet ta' pandemija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0254/2021),

A.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali u objettiv ewlieni tal-UE, u għandha tiġi riflessa fil-politiki kollha tal-UE; billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati(11) u fil-Karta (12) u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha tikkostitwixxi forma estrema ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u ksur tad-drittijiet tal-bniedem li għandu l-oriġini tiegħu fl-inugwaljanza bejn il-ġeneri, li jikkontribwixxi biex din tissokta u tissaħħaħ; billi dan it-tip ta' vjolenza joriġina minn stereotipi marbuta mal-ġeneru dwar ir-rwoli u l-kapaċitajiet tan-nisa u tal-irġiel u minn relazzjonijiet tal-poter mhux ugwali fis-soċjetajiet, u jżommhom; billi għadha mifruxa u taffettwa lin-nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, l-introjtu, il-pożizzjoni soċjali jew il-pajjiż ta' oriġini jew residenza, u billi hija wieħed mill-aktar ostakli serji biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi n-nisa u t-tfal madwar l-UE ma jibbenefikawx mill-istess protezzjoni mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba d-differenzi bejn il-politiki u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri;

B.  billi, minkejja għadd kbir ta' każijiet ta' rikonoxximent formali u progress dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nisa għadhom diskriminati u żvantaġġati, u l-inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u kulturali jippersistu; billi skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-EIGE 2020, s'issa l-ebda Stat Membru tal-UE għadu ma kiseb l-ugwaljanza totali bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-progress tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadu miexi bil-mod, bil-punteġġ tal-indiċi jittejjeb b'medja ta' punt kull sentejn; billi b'din ir-rata, l-UE se tieħu aktar kważi 70 sena biex tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi dan il-Parlament diġà talab li titwaqqaf konfigurazzjoni ġdida tal-Kunsill tal-ministri u s-segretarji tal-Istat responsabbli għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

C.  billi forom differenti ta' oppressjoni ma jeżistux separatament iżda jikkoinċidu u jaffettwaw lill-individwi simultanjament, u dan iwassal għal forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni; billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru spiss tikkoinċidi mad-diskriminazzjoni abbażi ta' raġunijiet oħra, bħar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali;

D.  billi dan id-deċennju qed jesperjenza attakk viżibbli u organizzat fil-livell globali u tal-UE kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inkluż fl-UE;

E.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija kundizzjoni essenzjali għal ekonomija tal-UE innovattiva, kompetittiva u prospera, li twassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u għal żieda fil-produttività, speċjalment fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ħadra;

F.  billi l-vjolenza minn sieħeb intimu tirreferi għal kwalunkwe att ta' vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li sseħħ bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, kemm jekk l-awtur jikkondividi jew ikun qasam residenza mal-vittma jew le; billi l-vjolenza minn sieħeb intimu hija waħda mill-aktar forom prevalenti ta' vjolenza sessista, b'madwar 22 % tan-nisa li esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali, u 43 % esperjenzaw vjolenza psikoloġika mis-sieħeb tagħhom(13); billi n-nisa u t-tfal huma affettwati b'mod sproporzjonat minn dan it-tip ta' vjolenza; billi vjolenza domestika tirreferi għal "l-atti kollha ta' vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li jseħħu fi ħdan il-familja jew unità domestika jew bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, kemm jekk l-awtur tar-reat jaqsam jew kien jaqsam l-istess residenza mal-vittma"(14); billi l-vjolenza domestika hija problema soċjali serja u ħafna drabi fit-tul u moħbija li toħloq trawma fiżika u/jew psikoloġika sistematika b'konsegwenzi serji għall-vittmi u b'impatt qawwi fuq il-benesseri emozzjonali, ekonomiku u soċjali tal-familja kollha, peress li l-awtur tar-reat huwa persuna li l-vittma għandha tkun tista' tafda; billi bejn 70 % u 85 % tat-tfal li huma vittmi ta' vjolenza jafu lill-persuna li tabbużahom u billi l-maġġoranza l-kbira ta' dawn it-tfal huma vittmi ta' persuni li jafdaw(15); billi l-vittmi spiss ikunu soġġetti għal kontroll koerċittiv minn min jabbuża, ikkaratterizzat minn intimidazzjoni, kontroll, iżolament u abbuż;

G.  billi r-rati ta' vjolenza minn sieħeb intimu f'komunitajiet rurali u remoti huma saħansitra akbar minn dawk f'żoni urbani; billi n-nisa f'żoni rurali u remoti jesperjenzaw rati ogħla ta' vjolenza minn sieħeb intimu u frekwenza u severità akbar ta' abbuż fiżiku, psikoloġiku u ekonomiku li huwa intensifikat mill-fatt li jgħixu aktar' il bogħod mnn riżorsi u servizzi disponibbli fejn ikunu jistgħu jsibu għajnuna; billi n-nuqqas ta' fehim tal-vjolenza domestika mis-servizzi tas-saħħa, soċjali u ġuridiċi f'reġjuni rurali u remoti jista' jiġi identifikat bħala problema sinifikanti għas-superstiti tal-vjolenza minn sieħeb intimu;

H.  billi fil-livell tal-UE, il-maġġoranza tal-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed huma mmexxija minn ommijiet waħedhom li huma partikolarment ekonomikament vulnerabbli, speċjalment dawk fil-kategoriji b'paga baxxa, u aktar probabbli li jħallu s-suq tax-xogħol kmieni meta jsiru ġenituri, u b'hekk ipoġġuhom fi żvantaġġ meta jippruvaw jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; billi fl-UE, 40.3 % tal-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-2019(16);

I.  billi 30 % tan-nisa li ġew vittimizzati sesswalment minn sieħeb preċedenti jew attwali esperjenzaw ukoll vjolenza sesswali fit-tfulija, u billi 73 % tal-ommijiet li sfaw vittmi ta' vjolenza fiżika u/jew sesswali minn sieħeb jindikaw li mill-inqas wieħed mit-tfal tagħhom sar konxju li tali vjolenza qed isseħħ(17);

J.  billi f'ħafna Stati Membri, il-miżuri ta' lockdown u ta' tbegħid soċjali matul il-pandemija tal-COVID-19 ġew assoċjati ma' żieda esponenzjali fil-prevalenza u fl-intensità ta' każijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu, vjolenza psikoloġika u kontroll koerċittiv u vjolenza ċibernetika, u b'żieda ta' 60 % fit-telefonati ta' emerġenza rrapportati mill-vittmi ta' vjolenza domestika(18); billi r-rekwiżit li jibqgħu d-dar u ż-żieda allarmanti fil-"pandemija parallela" għamluha diffiċli għan-nisa u t-tfal biex jaċċessaw protezzjoni effettiva, servizzi ta' appoġġ u ġustizzja u żvelaw li r-riżorsi u l-istrutturi ta' appoġġ ma kinux biżżejjed u li l-vittmi kellhom aċċess limitat għas-servizzi ta' appoġġ , li jħalli lil ħafna minnhom mingħajr protezzjoni adegwata u f'waqtha; billi l-aħjar prattiki f'miżuri speċifiċi biex tiġi pprovduta assistenza f'waqtha u aċċessibbli lill-vittmi, inkluż l-istabbiliment ta' sistemi ta' messaġġi ta' emerġenza jew il-ħolqien ta' punti ta' kuntatt biex ifittxu għajnuna fl-ispiżeriji u s-supermarkets għandhom jinqasmu bejn l-Istati Membri; billi minkejja l-prevalenza tal-fenomenu, il-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa għadha mhijiex irrapportata biżżejjed fl-UE mill-vittmi, mill-familji tagħhom, mill-ħbieb, mill-konoxxenti u mill-ġirien, għal diversi raġunijiet, speċjalment matul il-pandemija tal-COVID-19, u billi hemm nuqqas sinifikanti ta' data komprensiva, komparabbli u diżaggregata skont il-ġeneru, li tagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat bis-sħiħ l-impatt tal-kriżi; billi l-istħarriġ mill-FRA dwar il-vjolenza kontra n-nisa jindika li l-vittmi jirrapportaw l-aktar inċidenti serji tagħhom ta' vjolenza minn sieħeb lill-pulizija f'14 % biss tal-każijiet, u li żewġ terzi tal-vittmi nisa sistematikament ma jirrapportawx lill-awtoritajiet, jew minħabba biża' jew nuqqas ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi, jew minħabba twemmin ġenerali li l-vjolenza minn sieħeb intimu hija kwistjoni privata, li ma għandhiex tiġi publiċizzata(19);

K.  billi l-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru żdiedet b'riżultat tal-miżuri ta' lockdown stabbiliti matul il-pandemija tal-COVID-19 u, skont l-aħħar Rapport tal-Europol(20), l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet fl-UE żdied b'mod drammatiku;

L.  billi matul il-lockdowns, ġiet irrapportata żieda sinifikanti fil-vjolenza domestika kontra persuni LGBTI+, speċjalment żgħażagħ;

M.  billi l-vjolenza ekonomika kontra n-nisa, fil-forma ta' ħsara lill-proprjetà, restrizzjoni tal-aċċess għar-riżorsi finanzjarji, l-edukazzjoni jew is-suq tax-xogħol, jew nuqqas ta' konformità mar-responsabbiltajiet ekonomiċi bħall-ħlas tal-pensjoni tal-manteniment, jistħoqqilha l-attenzjoni dovuta, peress li t-tfixkil tal-indipendenza finanzjarja u l-ġid tal-familja jmur id f'id mal-forom l-oħra ta' vjolenza, u jwassal għal nassa addizzjonali għall-vittmi; billi l-vittmi li mhumiex finanzjarjament indipendenti spiss jiġu mġiegħla jkomplu jgħixu mat-trasgressuri tagħhom biex jevitaw insigurtà finanzjarja, kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar jew faqar u billi din it-tendenza kienet aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; billi remunerazzjoni ġusta u indipendenza ekonomika huma essenzjali biex in-nisa jkunu jistgħu jitilqu minn relazzjonijiet abbużivi u vjolenti; billi f'xi Stati Membri, l-infurzar ta' deċiżjonijiet tal-qorti relatati ma' kumpens finanzjarju jista' jirrikjedi li l-vittma tibqa' f'kuntatt ma' min jabbużaha, u dan ipoġġiha f'riskju ta' abbuż fiżiku u emozzjonali ulterjuri;

N.  billi t-tfal jistgħu jġarrbu wkoll dik li tissejjaħ "vjolenza mixhuda(21)" fid-dar u l-ambjent tal-familja, billi jesperjenzaw kwalunkwe forma ta' trattament ħażin imwettqa permezz ta' atti ta' vjolenza fiżika, verbali, psikoloġika, sesswali u ekonomika kontra figuri ta' referenza jew figuri oħra sinifikanti b'mod affettiv; billi tali vjolenza għandha konsegwenzi serji ħafna għall-iżvilupp psikoloġiku u emozzjonali tat-tfal, u billi huwa għalhekk essenzjali li tingħata attenzjoni xierqa lil dan it-tip ta' vjolenza f'separazzjonijiet u arranġamenti ta' kustodja tal-ġenituri, filwaqt li jiġi żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu l-kunsiderazzjoni primarja, b'mod partikolari sabiex jiġu determinati d-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess f'każijiet ta' separazzjoni; billi l-vjolenza mixhuda mhux dejjem tkun rikonoxxibbli faċilment u billi n-nisa vittmi ta' vjolenza domestika jgħixu fi stat ta' tensjoni u diffikultà emozzjonali; billi f'każijiet li jinvolvu kemm vjolenza domestika kif ukoll kwistjonijiet ta' protezzjoni tat-tfal, il-qrati għandhom jirreferu għal esperti bl-għarfien u l-għodod biex jiġu evitati deċiżjonijiet kontra l-omm li ma jqisux kif xieraq iċ-ċirkostanzi kollha;

O.  billi l-edukazzjoni għandha rwol fundamentali fil-bini tal-ħiliet tat-tfal u taż-żgħażagħ biex tgħinhom jiffurmaw relazzjonijiet b'saħħithom, b'mod partikolari billi tgħallimhom dwar in-normi tal-ġeneru, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-dinamika tal-poter fir-relazzjonijiet, il-kunsens u r-rispett għal-limiti, u tgħin fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi skont il-Gwida Teknika Internazzjonali tal-UNESCO dwar l-Edukazzjoni rigward is-Sesswalità, il-programmi bbażati fuq il-kurrikulu dwar l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità jippermettu lit-tfal u liż-żgħażagħ jiżviluppaw għarfien, attitudnijiet pożittivi u ħiliet f'dan il-qasam, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-kunsens u d-diversità u billi tagħti s-setgħa lit-tfal u liż-żgħażagħ;

P.  billi, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-eradikazzjoni tal-vjolenza sessista, huwa meħtieġ li wieħed joqgħod fuq data amministrattiva konsistenti u komparabbli, ibbażata fuq qafas robust u koordinat għal ġbir ta' data; billi d-data disponibbli attwali miġbura mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja tal-Istati Membri tonqos milli tirrifletti l-firxa sħiħa tal-vjolenza minn sieħeb intimu u l-impatt u l-effetti fit-tul tagħha kemm fuq in-nisa kif ukoll fuq it-tfal, peress li ħafna mill-Istati Membri la jiġbru data komparabbli segregata skont il-ġeneru dwar il-vjolenza u lanqas ma jirrikonoxxu l-vjolenza minn sieħeb intimu bħala reat speċifiku, u b'hekk dan jirriżulta f'żona griża li tirrifletti l-fatt li l-prevalenza u l-inċidenza reali tal-vjolenza minn sieħeb intimu ma tkunx kwantifikata u mmappjata b'mod sinifikanti; billi hemm ukoll nuqqas ta' data dwar ir-riskji u l-prevalenza ogħla ta' vjolenza domestika u minn sieħeb intimu għal gruppi speċifiċi, bħal għal gruppi ta' nisa żvantaġġati jew diskriminati;

Q.  billi f'xi Stati Membri l-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa spiss tiġi injorata u r-regola prestabbilita tal-kustodja konġunta jew l-awtorità tal-ġenituri tidher li tipprevali f'każijiet ta' kustodja tat-tfal, aċċess, kuntatt u arranġamenti u deċiżjonijiet ta' aċċess; billi n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' din il-vjolenza jwassal għal konsegwenzi gravi għan-nisa u t-tfal, li jistgħu jeskalaw f'femminiċidju u/jew infantiċidju; billi l-vittmi tal-vjolenza minn sieħeb intimu jeħtieġu miżuri ta' protezzjoni speċjali; billi s-sitwazzjoni tal-vittmi tmur għall-agħar b'mod konsiderevoli jekk ikunu ekonomikament jew soċjalment dipendenti mill-awtur tar-reat; billi għalhekk huwa essenzjali li jitqies bis-sħiħ dan it-tip ta' vjolenza meta tittieħed deċiżjoni dwar arranġamenti ta' separazzjoni u kustodja u li jiġu indirizzati allegazzjonijiet ta' vjolenza qabel kwistjonijiet ta' kustodja u ta' aċċess; billi l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq valutazzjoni komprensiva fl-ambitu tal-prinċipju ta' "l-aħjar interess tat-tfal" biex jiġu ddeterminati d-drittijiet ta' kustodja u aċċess, li tinkludi s-smigħ tat-tfal, l-involviment tas-servizzi rilevanti kollha, l-għoti ta' appoġġ psikoloġiku u l-kunsiderazzjoni tal-kompetenza tal-professjonisti kollha involuti;

R.  billi l-valutazzjonijiet tar-riskju tal-infurzar tal-liġi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jinkludux b'mod sistematiku informazzjoni pprovduta mit-tfal dwar l-esperjenzi tagħhom ta' vjolenza minn sieħeb intimu;

S.  billi l-aħjar interessi tal-wild minuri għandhom dejjem ikunu l-kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, inklużi t-tilwim tal-familja u billi d-dritt ta' kull wild minuri li jżomm kuntatt maż-żewġ ġenituri, implikat fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, għandu għalhekk jiġi ristrett jekk ikun meħtieġ fl-aħjar interessi tal-wild minuri;

T.  billi skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva (UE) 2016/800, it-tfal għandhom id-dritt li jesprimu l-fehmiet tagħhom fil-kwistjonijiet kollha li jaffettwawhom, inkluż fi proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi, b'mod adatt għat-tfal u billi dawn il-fehmiet għandhom dejjem jingħataw kunsiderazzjoni primarja skont l-età u l-maturità tal-wild minuri;

U.  billi tnejn mill-aktar istituzzjonijiet prestiġjużi f'dik li hija saħħa mentali, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Assoċjazzjoni Psikoloġika Amerikana, jirrifjutaw l-użu tal-hekk imsejjaħ sindromu tal-aljenazzjoni tal-ġenituri u kunċetti u termini simili, peress li jistgħu jintużaw bħala strateġija kontra l-vittmi tal-vjolenza billi jitqajmu dubji dwar il-ħiliet tal-ġenituri tal-vittmi, billi tiġi miċħuda l-kelma tagħhom u tiġi injorata l-vjolenza li għaliha huma esposti t-tfal; billi skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjattaforma EDVAW, l-akkużi ta' aljenazzjoni tal-ġenituri minn missirijiet abbużivi kontra l-ommijiet iridu jitqiesu bħala kontinwazzjoni tal-poter u l-kontroll mill-aġenziji u l-atturi tal-istat, inklużi dawk li jiddeċiedu dwar il-kustodja tat-tfal(22);

V.  billi lmenti anonimi u lmenti li aktar tard jiġu rtirati minn vittmi jistgħu jfixklu investigazzjoni ulterjuri mill-awtoritajiet u jkunu ostaklu għall-prevenzjoni ta' aktar vjolenza;

W.  billi l-proċedimenti kriminali li jirriżultaw minn ilment dwar vjolenza domestika spiss jiġu ttrattati b'mod kompletament separat mill-proċedimenti ta' separazzjoni u kustodja; billi dan jista' jfisser li tiġi ordnata kustodja konġunta tat-tfal u/jew jiġu imposti drittijiet ta' żjara li jipperikolaw id-drittijiet u s-sikurezza tal-vittma u tat-tfal; billi dan jista' jkollu konsegwenzi irriversibbli għall-iżvilupp mentali u emozzjonali tat-tfal, u fil-fatt jaffettwa l-aħjar interessi tagħhom; billi għalhekk hemm il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi, skont il-ħtiġijiet tagħhom, ikollhom aċċess għal servizzi kunfidenzjali ta' appoġġ lill-vittmi, mingħajr ħlas, li jaġixxu fl-interessi tal-vittmi qabel, matul u għal żmien xieraq wara l-proċedimenti kriminali, inkluż permezz ta' sistema ta' appoġġ psikosoċjali, b'mod partikolari matul u wara l-proċeduri ta' mistoqsijiet, li tqis it-tensjonijiet emozzjonali assoċjati maċ-ċirkostanzi;

X.  billi skont l-Artikolu 67 TFUE, "l-Unjoni għandha tikkostitwixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali", li fih l-aċċess mhux diskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd huwa strumentali;

Y.  billi jeħtieġ li jiġi żgurat li s-sikurezza u l-protezzjoni tal-vittmi jingħataw kunsiderazzjoni primarja f'każijiet tal-liġi tal-familja, u billi mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall-medjazzjoni, m'għandhomx jintużaw f'każijiet fejn il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal tkun preżenti, kemm qabel kif ukoll matul il-proċedimenti ġudizzjarji, sabiex tiġi evitata aktar ħsara lill-vittmi;

Z.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tirrikjedi li l-Partijiet jadottaw miżuri leġiżlattivi jew miżuri neċessarji oħra biex jiżguraw li inċidenti ta' vjolenza domestika jitqiesu meta jiġu ddeterminati d-drittijiet ta' kustodja u ta' żjara fir-rigward tat-tfal, u li l-eżerċizzju ta' kwalunkwe dritt ta' żjara jew kustodja ma jipperikolax id-drittijiet u s-sikurezza tal-vittma jew tat-tfal tagħhom(23); billi tmien snin mid-dħul tagħha fis-seħħ, il-Konvenzjoni ta' Istanbul għadha ma ġietx ratifikata minn sitt Stati Membri tal-UE jew mill-UE; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija l-aktar qafas internazzjonali importanti eżistenti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

AA.  billi l-kustodja konġunta f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu tesponi lin-nisa għal kontinwazzjoni ta' vjolenza li tista' tiġi evitata, billi ġġegħilhom jibqgħu fil-viċinanza ġeografika ta' dawk li jabbużaw, u tagħmilhom soġġetti għal aktar esponiment għal vjolenza fiżika u psikoloġika, kif ukoll għal abbuż emozzjonali, li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq it-tfal tagħhom; billi, f'każijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu, id-dritt tan-nisa u tat-tfal li jiġu protetti u li jgħixu ħajja ħielsa minn vjolenza fiżika u psikoloġika għandu jieħu preċedenza fuq il-preferenza għal kustodja konġunta; billi t-trattament ħażin tat-tfal minn dawk li jwettqu vjolenza minn sieħeb intimu jista' jintuża biex jiġi eżerċitat poter fuq l-omm u jitwettqu atti ta' vjolenza kontra l-omm, li hija tip ta' vjolenza indiretta abbażi tal-ġeneru magħrufa f'xi Stati Membri bħala vjolenza mwettqa minn ħaddieħor;

AB.  billi l-linji għall-għajnuna huma mezz kritiku biex jinkiseb l-appoġġ iżda billi 13-il Stat Membru biss implimentaw il-linja għall-għajnuna 116 006 tal-UE għall-vittmi kollha ta' reati, u ftit Stati Membri biss għandhom linji għall-għajnuna speċjalizzati għall-vjolenza minn sieħeb intimu;

AC.  billi l-vjolenza minn sieħeb intimu hija interkonnessa b'mod inerenti mal-vjolenza kontra t-tfal u l-abbuż tat-tfal; billi l-esponiment tat-tfal għall-vjolenza domestika għandu jitqies bħala vjolenza kontra t-tfal; billi t-tfal li huma esposti għall-vjolenza domestika jsofru konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa mentali u/jew fiżika li jistgħu jkunu ta' natura akuta u kronika; billi l-vittimizzazzjoni tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza kontra n-nisa tista' tkompli u teskala fil-kuntest ta' tilwim tal-ġenituri dwar il-kustodja u l-kura; billi s-saħħa mentali u l-benessri tat-tfal iddeterjoraw minħabba l-miżuri ta' konteniment stabbiliti biex jindirizzaw il-COVID-19; billi n-numru ta' servizzi tas-saħħa mentali għat-tfal ivarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u f'ħafna minnhom mhuwiex biżżejjed;

AD.  billi t-tkabbir f'ambjent domestiku vjolenti għandu implikazzjonijiet negattivi ħafna għall-iżvilupp fiżiku, emozzjonali u soċjali tal-wild minuri u l-imġiba sussegwenti bħala adult; billi l-esponiment għall-vjolenza bħala tifel jew tifla, jew permezz ta' trattament ħażin u/jew xhieda ta' vjolenza mis-sieħeb, jikkostitwixxi fattur ta' riskju li wieħed isir vulnerabbli għall-vittimizzazzjoni, li jwettaq vjolenza bħala adult jew li jesperjenza problemi fl-imġiba, fiżiċi jew ta' saħħa mentali;

AE.  billi minkejja l-progress li sar, rapporti reċenti juru li l-vittmi tal-kriminalità għadhom ma jistgħux jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom fl-UE; billi l-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ huwa kritiku għan-nisa esposti għall-vjolenza minn sieħeb intimu; billi għad hemm għadd insuffiċjenti ta' servizzi ta' appoġġ speċjalizzati u ġeneralisti għall-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu, u billi l-vittmi spiss jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu ġustizzja minħabba nuqqas ta' informazzjoni u appoġġ u protezzjoni insuffiċjenti; billi l-vittmi spiss jiffaċċjaw vittimizzazzjoni sekondarja fi proċedimenti kriminali u meta jitolbu kumpens; billi hemm diversi każijiet li fihom l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u s-sistemi ġudizzjarji ma jkunux jistgħu jipprovdu appoġġ suffiċjenti lin-nisa u lit-tfal vittmi ta' vjolenza domestika, u billi l-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru saħansitra jkunu ġew soġġetti għal imġiba ta' negliġenza jew għal kummenti mhux xierqa meta jirrapportaw il-vjolenza; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u pubbliċi, b'mod partikolari dawk li jaħdmu mat-tfal u l-vittmi tal-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, u għalihom, huma atturi importanti fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-vjolenza minn sieħeb intimu; billi organizzazzjonijiet bħal dawn jistgħu jipprovdu wkoll kontributi siewja għall-politiki u l-leġiżlazzjoni minħabba l-esperjenza ta' bażi tagħhom; billi l-programmi ta' finanzjament tal-UE bħall-Programm dwar il-Ġustizzja u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw attivitajiet għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi ta' vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, inkluż biex jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja u l-finanzjament tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-vittmi;

AF.  billi l-proċeduri transfruntiera ta' separazzjoni, divorzju u kustodja huma aktar kumplessi fin-natura tagħhom u ġeneralment jieħdu aktar żmien; billi ż-żieda fil-mobbiltà fi ħdan l-UE wasslet għal għadd dejjem akbar ta' tilwim transfruntier dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-kustodja tal-wild minuri; billi r-rikonoxximent awtomatiku ta' deċiżjonijiet dwar proċedimenti marbuta mad-drittijiet ta' kustodja fejn tkun involuta l-vjolenza abbażi tal-ġeneru huwa problematiku peress li l-leġiżlazzjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tvarja f'kull Stat Membru u mhux l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-vjolenza minn sieħeb intimu bħala reat kriminali u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi l-Kummissjoni jeħtiġilha żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi fl-Istati Membri kollha l-implimentazzjoni konsistenti u konkreta tal-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE; billi l-Istati Membri, bħala partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jeħtiġilhom jagħmlu l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja fl-azzjoni pubblika kollha, inkluż meta jittrattaw tilwim transfruntier tal-familja; billi l-Artikolu 83(1) TFUE jipprevedi l-possibbiltà li "jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment serja b'dimensjoni transfruntiera li tirriżulta min-natura jew l-impatt ta' tali reati jew minn ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni"; billi l-Artikolu 83(2) TFUE jipprevedi l-possibbiltà li "jiġu stabbiliti regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' politika tal-Unjoni f'qasam li kien soġġett għal miżuri ta' armonizzazzjoni";

AG.  billi l-Artikolu 82(2) TFUE jipprevedi l-possibbiltà tal-istabbiliment ta' regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex "ikunu ffaċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, ta' natura transfruntiera", b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità;

Kummenti Ġenerali

1.  Jikkundanna bl-aktar termini b'saħħithom possibbli l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, vjolenza domestika, u vjolenza kontra n-nisa u jiddeplora l-fatt li b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, fid-diversità kollha tagħhom, ikomplu jkunu esposti għal vjolenza minn sieħeb intimu, li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tagħhom, u għandha wkoll impatt fuq l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, billi dan il-fenomenu ġie aggravat matul il-kriżi COVID-19;

2.  Ifakkar li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa nnotat li l-kriżi tal-COVID-19 uriet in-nuqqas ta' implimentazzjoni xierqa tal-konvenzjonijiet internazzjonali għall-protezzjoni u l-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod urġenti ż-żieda fil-vjolenza minn sieħeb intimu matul il-pandemija tal-COVID-19 u jħeġġiġhom jiskambjaw innovazzjonijiet nazzjonali, linji gwida, l-aħjar prattiki u protokolli li wrew li huma effettivi fl-indirizzar tal-vjolenza minn sieħeb intimu u fl-appoġġ lill-vittmi, speċjalment matul l-emerġenzi; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi dawk il-prattiki; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex ikejlu l-firxa tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jappoġġjaw lill-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika billi jiggarantixxu s-sigurtà u l-indipendenza ekonomika tagħhom permezz ta' aċċess għal akkomodazzjoni speċifika u servizzi pubbliċi essenzjali bħas-saħħa, it-trasport u appoġġ psikoloġiku professjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa protokoll tal-Unjoni Ewropea dwar il-vjolenza kontra n-nisa fi żminijiet ta' kriżi u ta' emerġenza biex tiġi evitata l-vjolenza kontra n-nisa u jiġu appoġġjati l-vittmi waqt emerġenzi bħall-pandemija tal-COVID-19, tistabbilixxi sistema ta' twissija ta' emerġenza sikura u flessibbli u tqis is-servizzi ta' protezzjoni għall-vittmi, bħal linji għall-għajnuna, akkomodazzjoni sikura u servizzi tas-saħħa, bħala "servizzi essenzjali" fl-Istati Membri; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati d-disparitajiet eżistenti fil-liġijiet, il-politiki u s-servizzi bejn l-Istati Membri u ż-żieda fil-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19;

3.  Jenfasizza li l-awturi spiss jużaw il-litigazzjoni biex jestendu s-setgħa u l-kontroll tagħhom, u jkomplu jintimidaw u jinċitaw il-biża' fil-vittmi tagħhom; jisħaq, f'dan ir-rigward, li t-tfal u t-talba għal kustodja konġunta spiss jiġu manipulati mill-ġenitur vjolenti biex ikomplu jilħqu lill-omm wara s-separazzjoni; jisħaq li l-awturi spiss jabbużaw, jew jheddu li jagħmlu ħsara jew jieħdu lit-tfal, sabiex jagħmlu ħsara lis-sħab u lill-eks sħab tagħhom, li għandu impatt serju fuq l-iżvilupp armonjuż tat-tfal; ifakkar li anki din hija forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jinnota li ż-żamma ta' pensjoni tal-manteniment tista' tintuża mill-awturi tar-reati bħala theddida u bħala forma ta' abbuż kontra l-vittmi tagħhom; jenfasizza li din il-prattika tista' tikkawża ħsara psikoloġika kbira lill-vittmi u toħloq diffikultajiet finanzjarji jew taggravahom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-pensjoni tal-manteniment titħallas lill-vittmi mill-fondi tal-vittmi sabiex jiġu evitati l-abbuż finanzjarju u r-riskju li ssirilhom aktar ħsara;

4.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 biex tiġġieled il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jisħaq fuq l-importanza li timplimenta bis-sħiħ u malajr l-objettivi ewlenin tagħha f'dan ir-rigward; jiġbed l-attenzjoni lejn iċ-ċifri allarmanti dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li juru li l-imġiba patrijarkali jeħtieġ li tissawwar mill-ġdid bħala kwistjoni ta' urġenza; ifakkar li azzjoni komuni hija essenzjali sabiex id-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa jikkonverġu 'l fuq u jiġu armonizzati; jappella, għalhekk, għall-ħolqien ta' konfigurazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi ħdan il-Kunsill Ewropew sabiex ir-rappreżentanti tal-Istati Membri jiltaqgħu regolarment, jilleġiżlaw, u jiskambjaw l-aħjar prattiki; jisħaq li l-miżuri biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika jeħtieġ li jinkorporaw approċċ intersezzjonali bil-għan li jkunu inklużivi kemm jista' jkun u sabiex tiġi evitata kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni;

5.  Jirrimarka li l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija strument kruċjali li jindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-vjolenza domestika; jiddeplora l-fatt li l-konvenzjoni għadha ma ġietx irratifikata mill-Unjoni Ewropea, u li sal-lum 21 Stat Membru tal-UE biss irratifikawha; jitlob ir-ratifika u l-implimentazzjoni rapida tagħha fil-livell nazzjonali u tal-UE; iħeġġeġ lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lill-Ungerija, lil-Latvja, lil-Litwanja u lis-Slovakkja jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul; ifakkar fil-kundanna qawwija tad-deċiżjoni reċenti tal-Ministru tal-Ġustizzja Pollakk li jniedi b'mod uffiċjali l-irtirar tal-Polonja mill-Konvenzjoni ta' Istanbul, li jirrappreżenta ostaklu serju fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tan-nisa u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa qafas komprensiv ta' politiki, programmi u inizjattivi oħra biex tiġi indirizzata l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, u talloka riżorsi suffiċjenti u xierqa għal azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul permezz tal-programmi ta' finanzjament tagħha salvagwardjati fid-dispożizzjonijiet tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021-2027 u permezz tal-fergħa Daphne; ifaħħar il-kampanji kollha favur ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li tkompli tinsisti fuq ir-ratifika tagħha madwar l-UE kollha; jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi kollha biex tiġi skreditata l-Konvenzjoni ta' Istanbul u jikkundanna t-tentattivi biex jitreġġa' lura l-progress li sar fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza domestika, li qed iseħħu f'xi Stati Membri; jinnota bi tħassib kbir li l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjoni għadha frammentata madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri li rratifikaw il-konvenzjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa, effettiva u prattika tagħha, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jitqiesu l-inċidenti ta' vjolenza minn sieħeb intimu meta jiġu ddeterminati d-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess tat-tfal u li l-eżerċizzju ta' kwalunkwe dritt ta' aċċess jew ta' kustodja ma jipperikolax id-drittijiet u s-sikurezza tal-vittma jew tat-tfal;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-lista ta' oqsma ta' kriminalità fl-Artikolu 83(1) TFUE, filwaqt li jqisu l-ħtieġa partikolari li dan ir-reat jiġi miġġieled fuq bażi komuni; jistieden lill-Kummissjoni tuża dan bħala bażi legali biex tipproponi miżuri vinkolanti u direttiva qafas olistika tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż l-impatt tal-vjolenza minn sieħeb intimu fuq in-nisa u t-tfal, li fiha standards uniformi u obbligu ta' diliġenza dovuta biex tinġabar id-data, tiġi evitata u investigata l-vjolenza, jiġu protetti l-vittmi u x-xhieda, u biex l-awturi tar-reati jittellgħu l-qorti u jingħataw il-piena li ħaqqhom; ifakkar li tali miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom fi kwalunkwe każ ikunu f'konformità mad-drittijiet, l-obbligi u l-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u għandhom ikunu komplementari għar-ratifika tagħha; jirrakkomanda li l-Konvenzjoni ta' Istanbul għandha titqies bħala standard minimu u li għandu jsir aktar progress biex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika;

7.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jadottaw miżuri speċifiċi biex tinqered il-vjolenza ċibernetika, inkluż il-fastidju online, il-bullying ċibernetiku u d-diskors ta' mibegħda miżoġinista, li jaffettwa b'mod sproporzjonat lit-tfal u speċjalment lill-bniet, u jindirizzaw b'mod speċifiku ż-żieda f'dawn il-forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tressaq regolamenti rilevanti u kwalunkwe azzjoni oħra possibbli biex jiġu eliminati d-diskors ta' mibegħda u l-fastidju online;

8.  Jiddeplora n-nuqqas ta' finanzjament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-ġlieda kontra l-vjolenza domestika meta titqies l-iskala tal-fenomenu; jinnota li l-Istati Membri li żiedu dawn il-fondi b'mod sinifikanti kisbu riżultati, b'mod partikolari f'termini ta' tnaqqis tal-femminiċidji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-fondi allokati għall-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jinsab imħasseb dwar il-frammentazzjoni tal-finanzjament, il-finanzjament fuq terminu qasir u l-piż amministrattiv, li jistgħu jnaqqsu l-aċċess tal-assoċjazzjonijiet għall-finanzjament u għalhekk ikollhom impatt fuq il-kwalità tal-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza domestika u għat-tfal tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffavorixxu finanzjament stabbli u fit-tul;

Il-protezzjoni, is-sikurezza u l-appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru – l-indirizzar tal-vjolenza minn sieħeb intimu fid-drittijiet ta' kustodja u d-deċiżjonijiet ta' aċċess

9.  Ifakkar li fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, l-aħjar interessi tagħhom jridu jkunu l-kunsiderazzjoni primarja; ifakkar li d-dritt tat-tfal li jkunu mifruda minn ġenitur wieħed jew miż-żewġ ġenituri biex jibqgħu jżommu relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tal-wild minuri; jinnota li, fil-prinċipju, il-kustodja konġunta u ż-żjarat mhux sorveljati huma mixtieqa sabiex jiġi żgurat li l-ġenituri jgawdu drittijiet u responsabbiltajiet ugwali, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tal-wild minuri; jisħaq li huwa kontra dawk l-interessi jekk il-liġi awtomatikament tagħti responsabbiltajiet ta' ġenitur lil wieħed mill-ġenituri jew liż-żewġ ġenituri; ifakkar li skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal hija attività unika li għandha titwettaq f'kull każ individwali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull wild minuri; jenfasizza li l-vjolenza minn sieħeb intimu hija inkompatibbli b'mod ċar mal-aħjar interessi tat-tfal u mal-kustodja konġunta u l-kura, minħabba l-konsegwenzi severi tagħha għan-nisa u t-tfal, inkluż ir-riskju ta' vjolenza wara s-separazzjoni u l-atti estremi ta' femminiċidju u infantiċidju; jisħaq li meta jiġu stabbiliti l-arranġamenti għall-allokazzjoni tal-kustodja u l-aċċess u d-drittijiet ta' aċċess, il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal mill-vjolenza u l-aħjar interessi tat-tfal trid tkun tal-akbar importanza u għandha tieħu preċedenza fuq kriterji oħra; jissottolinja, għalhekk, li d-drittijiet jew il-pretensjonijiet ta' awturi jew allegati awturi matul u wara l-proċedimenti ġudizzjarji, inkluż fir-rigward tal-proprjetà, il-privatezza, il-kustodja tat-tfal, l-aċċess, il-kuntatt u ż-żjarat, għandhom jiġu determinati fid-dawl tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tat-tfal għall-ħajja u għall-integrità fiżika, sesswali u psikoloġika u ggwidati mill-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal(24); jisħaq, għalhekk, li l-irtirar tad-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess tas-sieħeb vjolenti u l-għoti ta' kustodja esklużiva lill-omm, jekk tkun vittma ta' vjolenza, jistgħu jirrappreżentaw l-uniku mod biex tiġi evitata aktar vjolenza u l-vittimizzazzjoni sekondarja tal-vittmi; jisħaq li l-għoti tar-responsabbiltajiet kollha tal-ġenituri lil ġenitur wieħed irid ikun akkumpanjat minn mekkaniżmi ta' kumpens rilevanti, bħal benefiċċji soċjali u l-aċċess prijoritarju għal arranġamenti ta' kura kollettiva u individwali;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' indirizzar tal-vjolenza minn sieħeb intimu fid-drittijiet tal-kustodja u fid-deċiżjonijiet ta' aċċess huwa ksur minħabba n-negliġenza tad-drittijiet tal-bniedem għall-ħajja, għal ħajja mingħajr vjolenza, u għall-iżvilupp b'saħħtu tan-nisa u t-tfal; iħeġġeġ bil-qawwa li kwalunkwe forma ta' vjolenza, inkluża x-xhieda ta' vjolenza kontra ġenitur jew persuna familjari, tiġi kkunsidrata fil-liġi u fil-prattika, bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem u bħala att li jmur kontra l-aħjar interessi tal-wild minuri; huwa mħasseb ferm dwar in-numru allarmanti ta' femminiċidji fl-Ewropa, li huma l-forma l-aktar estrema ta' vjolenza kontra n-nisa; huwa mħasseb dwar l-inadegwatezza tal-protezzjoni mogħtija lin-nisa, kif evidenzjat min-numru ta' femminiċidji u infantiċidi li jseħħu wara li l-mara tkun irrapportat vjolenza abbażi tal-ġeneru; jisħaq li huwa fl-aħjar interessi tat-tfal, l-awtorità tal-ġenituri għall-ġenitur akkużat tiġi sospiża b'mod sistematiku f'każijiet ta' femminiċidju għat-tul kollu tal-proċedimenti; jenfasizza wkoll li d-dixxendenti għandhom jiġu eżentati mill-obbligi ta' manteniment fil-konfront ta' ġenitur li jkun ġie kkundannat talli wettaq femminiċidju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess għall-ġustizzja u l-appoġġ għall-vittmi jkun aċċessibbli, adegwat u mingħajr ħlas għan-nisa kollha vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu fid-diversità u l-istatus kollu tagħhom, u biex jipprovdu servizzi ta' interpretazzjoni fejn meħtieġ; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi jqisu l-forom ta' diskriminazzjoni li jikkoinċidu li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfal; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kura, il-monitoraġġ u l-protezzjoni tan-nisa li jirrapportaw vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi ta' appoġġ jieħdu approċċ koordinat għall-identifikazzjoni tan-nisa f'riskju, biex jiżguraw li dawn il-miżuri kollha jkunu disponibbli u aċċessibbli għan-nisa u l-bniet kollha fil-ġuriżdizzjoni tagħhom; jisħaq li meta min iwettaq ir-reat jiġi arrestat b'mod flagrante delicto, il-vittma għandha tittieħed f'post sikur u l-protezzjoni tat-tfal mill-aggressur għandha tkun obbligatorja u jisħaq ukoll li, jekk il-kundizzjonijiet legali għall-arrest ma jiġux issodisfati, l-allegata persuna li tkun wettqet l-abbuż għandha madankollu titneħħa immedjatament mid-dar tal-vittma u tinżamm 'il bogħod mill-post tax-xogħol tal-vittma biex jiġi evitat ir-riskju ta' aktar vjolenza;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw sistemi li jippermettu lil terzi persuni u lil assoċjazzjonijiet jimmaniġġjaw iż-żjarat tat-tfal fil-kuntatti tagħhom mal-eks sieħeb vjolenti, inaqqsu l-esponiment tal-ommijiet li huma vittmi ta' vjolenza domestika jekk is-sieħeb preċedenti tagħhom ikun żamm id-dritt ta' żjara, akkomodazzjoni jew drittijiet ta' kustodja konġunta; iqis li dawn il-mekkaniżmi jridu jkunu aċċessibbli għan-nisa fil-mument li fih jirrapportaw il-vjolenza domestika; iqis li dan il-kompitu jirrikjedi ħiliet speċifiċi u li n-nies inkarigati mill-immaniġġjar tat-tfal jeħtiġilhom jirċievu taħriġ adegwat; iqis li dawn il-mekkaniżmi għandhom jitwettqu minn assoċjazzjonijiet u istituzzjonijiet speċjalizzati;

12.  Jinsab imħasseb dwar disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-indirizzar tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tan-nisa vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jgħixu f'żoni fejn hemm nuqqas ta' strutturi ta' appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja, servizzi pubbliċi u legali biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom huwa diffiċli; jinsab imħasseb li s-servizzi ta' appoġġ speċjalizzat mhumiex ipprovduti bl-istess mod f'kull Stat Membru u jistedinhom jiżguraw id-distribuzzjoni ġeografika adegwata ta' servizzi ta' appoġġ speċjalizzat immedjat, fuq terminu qasir u twil għall-vittmi, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tan-nisa u l-kapaċità jew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw fi proċeduri kontra l-allegat awtur; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aċċess universali għal servizzi legali u servizzi u risponsi mfassla apposta għal kuntesti speċifiċi li fihom isseħħ vjolenza minn sieħeb intimu f'żoni rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu networks bejn is-servizzi u l-programmi differenti bil-għan li jiġu miġġielda b'suċċess il-każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa f'reġjuni rurali u remoti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltà li jiġu allokati fondi tal-UE għal din il-kwistjoni, b'mod partikolari fondi allokati għall-iżvilupp reġjonali;

13.  Jilqa' l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari l-approċċ speċifiku għall-vjolenza psikoloġika kontra n-nisa u l-impatt fuq is-saħħa mentali tagħhom fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, tindirizza d-diskrepanzi attwali fil-leġiżlazzjoni tal-UE, teżamina jekk l-aspett tal-ġeneru f'dik li hija vittimizzazzjoni jitqiesx b'mod xieraq u effettiv, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa bħal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Istanbul, u ssaħħaħ b'mod adegwat il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u l-protezzjoni u l-kumpens tal-vittmi; jappella għall-promozzjoni kontinwa tad-drittijiet tal-vittmi, inkluż permezz ta' strumenti eżistenti bħall-ordni Ewropea ta' protezzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jaqilbu d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi f'leġiżlazzjoni nazzjonali u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u preċiża tagħha, sabiex il-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu jkollhom aċċess sħiħ għal firxa ta' servizzi ta' appoġġ, inkluż permezz ta' servizzi speċjalizzati u ġeneriċi bħal-linja għall-għajnuna 116 006 għall-vittmi ta' reat;

14.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmi alternattivi għall-vittmi li ma jressqux ilment sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet rikonoxxuti lill-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu, bħad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, pereżempju permezz ta' rapporti ta' esperti mfassla minn servizzi pubbliċi speċjalizzati li jakkreditaw l-istatus ta' vittma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

Protezzjoni u appoġġ: aċċess għall-protezzjoni legali, akkomodazzjoni ta' emerġenza u għall-fondi tal-vittmi

15.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-appoġġ ekonomiku għall-vittmi biex jgħinhom jiksbu indipendenza finanzjarja mis-sieħeb vjolenti tagħhom; jisħaq li l-maġġoranza tan-nisa jispiċċaw ifqar matul il-proċeduri ta' separazzjoni u divorzju, u li xi nisa jaqtgħu qalbhom milli jitolbu s-sehem ġust tagħhom u dak li huma intitolati għalih minħabba l-biża' li jitilfu l-kustodja; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskju tas-sitwazzjoni li l-vittmi tal-vjolenza domestika ssir aktar prekarja matul il-proċess ta' separazzjoni u divorzju; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi eliminat kwalunkwe ostaklu ekonomiku li jista' jwassal biex mara ma tirrapportax il-vjolenza li tkun ġarrbet; jirrimarka li introjtu adegwat u indipendenza ekonomika huma fatturi ewlenin biex in-nisa jkunu jistgħu joħorġu minn relazzjonijiet abbużivi u vjolenti; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-vjolenza ekonomika, jipproteġu l-kapital u l-introjtu tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jistabbilixxu qafas li jipprovdi deċiżjonijiet rapidi u effettivi dwar il-pensjoni tal-manteniment għat-tfal, bl-għan li tiġi żgurata l-emanċipazzjoni, is-sikurezza finanzjarja u l-indipendenza ekonomika għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, li jippermettulhom jieħdu kontroll fuq ħajjithom, inkluż permezz tal-appoġġ tal-imprendituri u tal-ħaddiema nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw din l-indipendenza; jilqa' l-proposta għal direttiva dwar pagi minimi(25) adegwati u l-proposta għal miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi(26); jisħaq fuq l-importanza li tiġi implimentata d-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata(27), peress li din hija partikolarment kruċjali għall-ġenituri waħedhom, biex tgħinhom ilaħħqu mas-sitwazzjoni speċifika tal-impjieg tagħhom u mad-dmirijiet ta' indukrar - bħal billi jiġi żgurat li jkunu disponibbli faċilitajiet ta' kura aċċessibbli u adegwati; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw appoġġ finanzjarju adegwat u mekkaniżmi ta' kumpens għall-vittmi u jistabbilixxu mekkaniżmu għall-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni b'mod regolari tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-vjolenza ekonomika kontra n-nisa;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiggarantixxu aċċess sħiħ għal protezzjoni legali adegwata, seduti effettivi u ordnijiet ta' trażżin, postijiet ta' kenn u konsulenza, kif ukoll fondi għall-vittmi u programmi ta' abilitazzjoni finanzjarja għan-nisa vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu appoġġ lill-ommijiet u lil uliedhom li huma vittmi ta' vjolenza domestika permezz ta' appoġġ komunitarju, edukattiv u finanzjarju, bħall-fondi għall-vittmi għal nisa li jkunu vittmi ta' vjolenza domestika, sabiex jiġi żgurat li dawn in-nisa jkollhom il-mezzi meħtieġa biex jieħdu ħsieb uliedhom u ma jħalluhomx jitilfu l-kustodja; jistieden lill-Istati Membri japplikaw proċeduri partikolari bbażati fuq standards minimi komuni u jagħtu appoġġ lill-vittmi ta' vjolenza domestika, sabiex ma jitħallewx jerġgħu jisfaw vittmi b'riżultat ta' kustodja konġunta jew li jitilfu kompletament il-kustodja ta' uliedhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ispejjeż legali tal-vittmi tal-vjolenza domestika jkunu koperti meta ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti u biex jiggarantulhom difiża xierqa minn avukati speċjalizzati f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-istabbiliment ta' standards minimi għall-ordnijiet ta' protezzjoni madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu jkollhom aċċess għal appoġġ u konsulenza ta' natura psikoloġika f'kull stadju tal-proċeduri legali tagħhom;

17.  Jiddeplora n-nuqqas ta' soluzzjonijiet xierqa ta' akkomodazzjoni ta' emerġenza u temporanja għall-vittmi ta' abbuż minn sieħeb intimu u għat-tfal tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiftħu spazji ta' akkomodazzjoni ta' emerġenza speċifiċi għal sitwazzjonijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu u jagħmluhom disponibbli f'kull ħin, sabiex iżidu, itejbu u jiżguraw servizzi adegwati ta' akkoljenza u protezzjoni għan-nisa li huma vittmi ta' vjolenza domestika u kwalunkwe tifel jew tifla milquta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw fondi adegwati lill-awtoritajiet rilevanti, inkluż permezz ta' proġetti, u jappella għal finanzjament għall-istabbiliment u l-espansjoni ta' postijiet ta' kenn, kif ukoll miżuri xierqa oħra li jippermettu lin-nisa li huma vittmi ta' vjolenza jibbenefikaw, b'kunfidenzjalità, minn ambjent sikur u lokali;

18.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nisa jsibu ruħhom mingħajr appoġġ soċjali, tas-saħħa u psikoloġiku xieraq; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jingħata appoġġ mediku u psikoloġiku effettiv, aċċessibbli, universali u ta' kwalità, għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż l-għoti ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva (SRHR), speċjalment fi żminijiet ta' kriżi fejn tali appoġġ irid jitqies essenzjali, pereżempju billi jinvestu fit-telemediċina biex jiggarantixxu li jistgħu jibqgħu jiġu pprovduti s-servizzi tal-kura tas-saħħa;

19.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu kura medika ċċentrata fuq il-pazjent li tippermetti l-identifikazzjoni bikrija tal-abbuż domestiku, l-organizzazzjoni ta' trattament terapewtiku professjonali u t-twaqqif ta' programmi ta' akkomodazzjoni u servizzi legali għall-vittmi li jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-konsegwenzi tal-vjolenza minn sieħeb intimu kif ukoll biex din tiġi evitata;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jesploraw għażliet virtwali biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza, inklużi s-saħħa mentali u l-għażliet ta' konsulenza, filwaqt li jagħtu attenzjoni lill-inugwaljanzi eżistenti fl-aċċess għas-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

21.  Jinkoraġġixxi prattiki tajba li diġà jeżistu f'xi Stati Membri għall-prevenzjoni ta' aktar vjolenza, bħar-reġistrazzjoni tan-numri tat-telefown tal-vittmi f'listi speċjali relatati mal-istalking u l-vjolenza minn sieħeb intimu, bil-għan li tingħata prijorità assoluta lil telefonati futuri possibbli f'emerġenzi u jiġu ffaċilitati interventi effettivi tal-infurzar tal-liġi;

Protezzjoni u appoġġ għat-tfal

22.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti definizzjonijiet legali komuni u standards minimi fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-protezzjoni tat-tfal tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, peress li l-vjolenza minn sieħeb intimu, il-vjolenza mixhuda u l-vjolenza vvizzjata mhumiex rikonoxxuti f'ħafna sistemi legali; jirrimarka li t-tfal li jaraw vjolenza fl-ambjent tal-familja tagħhom mhumiex rikonoxxuti bħala vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, li għandha impatt dirett fuq il-ġbir tad-data fis-setturi tal-pulizija u ġudizzjarji, u fuq il-kooperazzjoni transfruntiera; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi assenjat l-istatus ta' vittma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fi proċedimenti kriminali u ta' investigazzjoni lil tfal li huma xhieda ta' vjolenza minn sieħeb intimu jew li jbatu vjolenza kkawżata minħabba ħaddieħor sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni legali aħjar u minn assistenza xierqa; jirrakkomanda, għalhekk, li jiġu stabbiliti proċeduri sistematiċi għall-monitoraġġ, inkluż il-monitoraġġ psikoloġiku, ta' tfal li huma vittmi ta' vjolenza domestika u xhieda tagħha, sabiex jirrispondu għall-problemi li l-vjolenza tikkawża f'ħajjithom u biex iżommuhom milli jirrepetu tali vjolenza bħala adulti; jistieden ukoll lill-Istati Membri jintroduċu miżuri speċjali dwar l-hekk imsejħa vjolenza mixhuda, inklużi dispożizzjonijiet għal ċirkostanzi aggravanti speċifiċi;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kampanja annwali biex jinfurmaw lit-tfal u joħolqu kuxjenza dwar id-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu ċentri speċifiċi ta' attendenza għal tfal vittmi ta' vjolenza, fejn ikun hemm pedjatri u terapisti speċjalizzati fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta' kuntatt għat-tfal li jkunu faċilment aċċessibbli, inkluż bit-telefown, bl-email, b'chat online eċċ, fejn ikunu jistgħu jitkellmu u jistaqsu mistoqsijiet kif ukoll jirrapportaw vjolenza fil-konfront tagħhom, ta' ġenitur jew ta' aħwa, u fejn jistgħu jiksbu informazzjoni, pariri jew fejn jiġu riferuti lil organizzazzjoni oħra għal aktar għajnuna;

24.  Jenfasizza li l-wild minuri jeħtieġlu b'mod partikolari jingħata l-opportunità li jinstema', li hija essenzjali biex jiġi stabbilit x'inhu fl-aħjar interessi tal-wild minuri meta jiġu eżaminati każijiet ta' kustodja u foster care, skont l-età u l-maturità tal-wild minuri; jirrimarka li f'kull każ, iżda b'mod kruċjali f'każijiet fejn hemm suspett ta' vjolenza minn sieħeb intimu, tali seduti ta' smigħ iridu jsiru f'ambjent adattat għat-tfal minn professjonisti mħarrġa, bħal tobba jew psikologi, inklużi professjonisti kwalifikati fin-newropsikjatrija tat-tfal, sabiex jiġi analizzat l-effett tal-fiduċja f'ħaddieħor fuq l-iżvilupp armonjuż tat-tfal u jiġi evitat l-approfondiment tat-trawma u l-vittimizzazzjoni tagħhom; jitlob li jkun hemm standards minimi tal-UE dwar kif dawn is-seduti ta' smigħ għandhom isiru; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat livell xieraq fit-tul ta' kura psikoloġika u psikjatrika u konsulenza soċjali għall-vittmi u t-tfal tagħhom matul il-proċess ta' rkupru wara li jkun seħħ l-abbuż;

25.  Jenfasizza li jeħtieġ tingħata attenzjoni speċjali u li jkun hemm proċeduri u standards speċifiċi għal każijiet fejn il-vittma jew it-tfal involuti jkunu persuna b'diżabilità jew jappartjenu għal grupp li jkun partikolarment vulnerabbli;

26.  Jilqa' l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' strateġija komprensiva biex tipproteġi lit-tfal vulnerabbli u trawwem ġustizzja adattata għat-tfal; jissottolinja li jeħtieġ jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal l-aktar vulnerabbli, billi tingħata attenzjoni partikolari għat-tfal b'diżabilità, il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-ġlieda kontriha u l-promozzjoni ta' ġustizzja adattata għat-tfal; jitlob li l-istrateġija tiġi implimentata bis-sħiħ u malajr mill-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti biex jiġġieldu l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal billi jinvestu f'miżuri preventivi u programmi ta' trattament li għandhom l-għan li jipprevjenu lil awturi ta' reati milli jerġgħu jwettqu reati, b'appoġġ aktar effettiv għall-vittmi, u billi jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jisħaq li f'każijiet suspettati ta' abbuż tat-tfal, jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-pront biex tiġi żgurata s-sikurezza tat-tfal u titwaqqaf u tiġi evitata aktar vjolenza jew vjolenza potenzjali, filwaqt li jiġi żgurat id-dritt li t-tfal jinstemgħu matul il-proċess kollu; jemmen li tali azzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tar-riskju u protezzjoni immedjata li jinkludu firxa wiesgħa ta' miżuri effettivi bħal miżuri interim jew protezzjoni jew ordnijiet ta' trażżin waqt li jkunu qed jiġu investigati l-fatti; ifakkar li fil-proċedimenti kollha li jinvolvu tfal vittmi ta' vjolenza, irid jiġi applikat il-prinċipju tar-rapidità; jisħaq fuq il-fatt li l-qrati li jittrattaw każijiet ta' abbuż tat-tfal għandhom ikunu wkoll speċjalizzati fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti biex itemmu l-abbuż sesswali tat-tfal billi jinvestu f'miżuri preventivi u jidentifikaw programmi speċifiċi għal trasgressuri potenzjali u joffru appoġġ aktar effettiv għall-vittmi; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġġieldu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tagħhom;

28.  Jisħaq li l-vjolenza kontra t-tfal tista' tkun marbuta wkoll ma' vjolenza abbażi tal-ġeneru, jew minħabba li huma xhieda ta' vjolenza mwettqa kontra ommijiethom jew minħabba li huma vittmi ta' trattament ħażin huma stess, meta tintuża b'mod indirett biex jiġu eżerċitati l-poter u l-vjolenza psikoloġika kontra ommijiethom; jinnota li programmi li jappoġġjaw it-tfal li huma esposti għall-vjolenza domestika huma kruċjali biex tiġi minimizzata l-ħsara fit-tul; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jmexxu programmi innovattivi sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet ta' dawn it-tfal, pereżempju permezz ta' fornituri ta' taħriġ li jaħdmu mat-tfal biex jidentifikaw sinjali ta' twissija bikrija, jipprovdu risponsi xierqa u appoġġ, u jipprovdu appoġġ psikoloġiku effettiv lit-tfal matul proċeduri kriminali u ċivili li huma involuti fihom; jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri sistematiċi għall-monitoraġġ ta' tfal li huma vittmi ta' vjolenza domestika u xhieda tagħha, inkluż appoġġ psikoloġiku, sabiex jirrispondu għall-problema li din tikkawża f'ħajjithom u jżommuhom milli jirrepetu tali vjolenza bħala adulti;

Prevenzjoni: taħriġ tal-professjonisti

29.  Jitlob taħriġ rikorrenti u effettiv għall-bini tal-kapaċitajiet u taħriġ immirat obbligatorju għall-professjonisti li jittrattaw każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, abbuż tat-tfal u, b'mod ġenerali, il-forom kollha ta' vjolenza domestika u l-mekkaniżmi tagħha, inklużi l-manipulazzjoni, il-vjolenza psikoloġika u l-kontroll koerċittiv; jisħaq li dan it-taħriġ immirat għandu għalhekk ikun maħsub għall-ġudikatura, għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, għall-prattikanti legali speċjalizzati, għall-persunal mediku forensika, għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, għall-ħaddiema soċjali, għall-għalliema u għall-persuni li jindukraw it-tfal, kif ukoll għal ħaddiema pubbliċi li jaħdmu f'dawn l-oqsma; jitlob li dan it-taħriġ jenfasizza wkoll ir-rilevanza tal-vjolenza minn sieħeb intimu għad-drittijiet tat-tfal u għall-protezzjoni u l-benesseri tagħhom; jitlob li dan it-taħriġ itejjeb l-għarfien u l-fehim ta' dawn il-professjonisti fir-rigward tal-miżuri ta' protezzjoni attwali, kif ukoll tas-sikurezza, l-impatt tar-reat, il-ħtiġijiet tal-vittma u kif jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet, u jipprovdilhom ħiliet adegwati sabiex biex jikkomunikaw aħjar mal-vittmi u jappoġġjawhom; jitlob li dan it-taħriġ jippermettilhom ukoll jivvalutaw is-sitwazzjoni bl-użu ta' għodod affidabbli ta' valutazzjoni tar-riskju u jidentifikaw sinjali ta' abbuż; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu evalwati l-mekkaniżmi biex jiġu identifikati dawn is-sinjali użati mill-professjonisti involuti; jitlob li dan it-taħriġ isir billi bħala prijorità tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet u t-tħassib tal-vittmi u billi jiġi rikonoxxut li l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jridu jiġu indirizzati permezz ta' approċċ speċifiku, sensittiv għall-ġeneru u għad-drittijiet tal-bniedem li jħares l-istandards u l-miżuri nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw u jiffinanzjaw dan it-taħriġ; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju; jisħaq li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet pubbliċi li jaħdmu mat-tfal u għalihom u għall-vittmi ta' vjolenza domestika u ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru għandhom jintalbu jipprovdu jew tal-inqas ikunu involuti fit-twassil ta' dawn il-korsijiet ta' taħriġ biex jikkondividu l-għarfien u l-kompetenzi esperti li kisbu mill-esperjenzi tal-ħajja reali; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tikkoordina dan it-tip ta' taħriġ, billi tiffoka b'mod speċjali fuq każijiet transfruntiera;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi tal-pulizija u tal-ġustizzja tagħhom ikunu ffinanzjati, mgħammra u mħarrġa b'mod adegwat biex jittrattaw l-ilmenti ta' vjolenza domestika u jkunu reattivi meta jagħmlu dan; jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nuqqas ta' finanzjament u t-tnaqqis baġitarju f'dawn is-servizzi rriżultaw f'difetti proċedurali, nuqqas ta' informazzjoni għall-ilmentaturi dwar il-progress tal-proċedura u dewmien eċċessiv li mhumiex kompatibbli mal-imperattiv ta' protezzjoni tal-vittmi u l-irkupru tagħhom; jisħaq fuq r-rwol importanti tal-ħaddiema soċjali u psikologi fid-dipartimenti tal-pulizija biex jiġi ffaċilitat l-appoġġ konkret u uman li jingħata lill-vittmi tal-vjolenza domestika; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-assoċjazzjonijiet kollha bil-mezzi meħtieġa biex jgħinu lin-nisa vittmi u lit-tfal tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jieħdu miżuri biex itejbu l-identifikazzjoni tal-vittmi ta' vjolenza domestika u minn sieħeb intimu, kif ukoll biex jagħtu s-setgħa lill-vittmi u lix-xhieda ta' vjolenza domestika, jersqu 'l quddiem u jirrapportaw ir-reat, peress li f'ħafna każijiet il-vjolenza minn sieħeb intimu tibqa' ma tiġix irrapportata;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lin-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju jistabbilixxu pjattaforma tal-UE għat-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-prattikanti legali u dawk li jfasslu l-politika fl-Istati Membri differenti li jaħdmu fl-oqsma rilevanti kollha;

32.  Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jistabbilixxu qrati jew taqsimiet speċjalizzati, kif ukoll liġijiet, taħriġ, proċeduri u linji gwida xierqa għall-professjonisti kollha li jittrattaw mal-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu, inkluż is-sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-istereotipi abbażi tal-ġeneru, sabiex jiġu evitati diskrepanzi bejn deċiżjonijiet ġudizzjarji u diskriminazzjoni jew vittimizzazzjoni sekondarja matul proċedimenti ġudizzjarji, mediċi u tal-pulizija, tal-protezzjoni tat-tfal u l-kustodja filwaqt li jiġi żgurat li t-tfal u n-nisa jinstemgħu kif xieraq u li tingħata prijorità lill-protezzjoni tagħhom u li titfittex reparazzjoni għalihom; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu qrati jew taqsimiet iddedikati u l-ġustizzja favur il-vittmi tfal u nisa, li jitwaqqfu unitajiet ta' valutazzjoni komprensivi li jittrattaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru komposti minn tobba forensiċi, psikologi u ħaddiema soċjali, li jaħdmu f'koordinazzjoni mas-servizzi pubbliċi speċjalizzati fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru inkarigati mill-għoti ta' għajnuna lill-vittmi; jisħaq fuq l-importanza li jiġu applikati bis-sħiħ miżuri protettivi legali biex in-nisa u t-tfal jiġu protetti mill-vjolenza, u biex tali miżuri ma jiġux limitati jew ristretti mid-drittijiet tal-ġenituri; iħeġġeġ li d-deċiżjonijiet dwar il-kustodja konġunta jiġu posposti sakemm il-vjolenza minn sieħeb intimu tiġi investigata b'mod xieraq u ssir valutazzjoni tar-riskju;

33.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-interkonnettività tal-proċedimenti kriminali, ċivili u legali oħra sabiex jiġu kkoordinati r-risponsi ġudizzjarji u legali oħra għall-vjolenza minn sieħeb intimu u jissuġġerixxi għalhekk, li l-Istati Membri jadottaw miżuri li jorbtu l-kawżi kriminali u ċivili ta' familja waħda, sabiex ikunu jistgħu jiġu evitati b'mod effettiv id-diskrepanzi bejn deċiżjonijiet ġudizzjarji u deċiżjonijiet legali oħra li huma ta' ħsara għat-tfal u n-nisa vittmi; jiddeplora n-nuqqas ta' miżuri provviżorji għall-protezzjoni ta' vittmi u n-nuqqas ta' mekkaniżmi temporanji biex tiġi sospiża l-awtorità tal-ġenituri għall-ġenitur vjolenti matul il-proċedimenti legali, li normalment itawlu diversi snin; jistieden lill-Istati Membri jesperimentaw b'tali miżuri protettivi u jiżviluppawhom; jistieden, għal dan il-għan, lill-Istati Membri biex jorganizzaw taħriġ għall-professjonisti kollha, kif ukoll għall-ħaddiema voluntiera involuti f'tali proċedimenti, u jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mat-tfal u għalihom, kif ukoll il-vittmi, f'dawn il-korsijiet ta' taħriġ; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jtejbu l-koordinazzjoni bejn il-qrati billi jrawmu kuntatti bejn l-uffiċċji tal-prosekuturi biex jippermettu li kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri jiġu solvuti b'urġenza, u jiżguraw li l-qrati tal-familja jkunu jistgħu jikkunsidraw il-kwistjonijiet kollha relatati mal-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa meta jiddeterminaw id-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pjattaforma għall-iskambju regolari tal-aħjar prattiki bejn il-qrati ċivili u kriminali, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja li jittrattaw każijiet ta' vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, l-abbuż tat-tfal u każijiet ta' separazzjoni u kustodja, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, b'mod partikolari dawk li jaħdmu mat-tfal u għalihom, kif ukoll il-vittmi ta' vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni; jitlob li jiġi pprovdut appoġġ strutturali fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali għal dawn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż appoġġ finanzjarju, biex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu u jippromwovu kif ukoll biex jiżguraw aċċess adegwat għall-persuni kollha għas-servizzi, il-konsulenza u l-attivitajiet ta' appoġġ tagħhom;

36.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi fis-setturi kollha (il-ġustizzja, l-infurzar tal-liġi, is-saħħa u s-servizzi soċjali) biex jirreġistraw u jżommu bażijiet tad-data aġġornati; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu linji gwida nazzjonali u prattiki tajba, kif ukoll biex jipprovdu taħriġ ta' sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza minn sieħeb intimu għall-persunal fil-livelli kollha f'kull settur tal-ewwel linja, peress li dawn huma essenzjali biex jipprovdu rispons sensittiv għan-nisa li jkunu qed ifittxu protezzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw is-servizzi għas-setturi u jistabbilixxu l-baġits meħtieġa f'konformità mal-ħtiġijiet;

37.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu azzjoni, b'mod partikolari, biex jabbozzaw u jiċċirkolaw sett ta' linji gwida għall-professjonisti involuti f'każijiet relatati mal-vjolenza minn sieħeb intimu u d-drittijiet tal-kustodja, li jqisu fatturi ta' riskju (relatati mat-tfal jew mal-membri tal-familja, ma' tħassib ambjentali jew soċjali, jew il-possibbiltà li jiġu ripetuti reati vjolenti), biex tkun tista' tiġi vvalutata l-vjolenza minn sieħeb intimu, b'appoġġ għad-drittijiet tat-tfal u tan-nisa;

38.  Jinnota li tali linji gwida u dokumenti gwida għandhom jappoġġjaw lill-professjonisti tas-saħħa fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fl-ambjent professjonali tagħhom dwar l-impatt sinifikanti tal-vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza minn sieħeb intimu, fuq is-saħħa mentali tagħhom;

39.  Jisħaq fuq l-importanza f'dawn il-proċeduri tar-rwol tal-esperti forensiċi rilevanti kollha u professjonisti bħal tobba, psikologi forensiċi kliniċi u ħaddiema soċjali, li jipprovdu għarfien espert forensiku u psikoloġiku fil-kura mhux biss tan-nisa vittmi ta' abbuż jew vjolenza domestika, iżda wkoll għat-tfal affettwati, b'mod partikolari meta l-ambjent li jgħixu fih ma jkunx adattat biex jipproteġi s-saħħa, id-dinjità, il-bilanċ emozzjonali u l-kwalità tal-ħajja tagħhom; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa li l-prattikanti forensiċi u l-professjonisti involuti jkunu jistgħu jibbenefikaw, inter alia, minn linji gwida meħuda minn sett ta' data, prattika u l-aħjar prattiki fil-livell tal-UE; jinnota li, għal skopijiet legali, l-għarfien tekniku u mediku speċifiku tat-tobba forensiċi jagħmluhom professjonisti xierqa biex jassistu lil speċjalisti (bħal pedjatri, ġinekologi u psikologi) f'xogħolhom, peress li jkollhom it-taħriġ u l-kompetenza teknika xierqa biex ikunu jistgħu jagħrfu sinjali ta' vjolenza u, fejn hemm raġunijiet biex isir dan, jikkonformaw ma' obbligi ta' rapportar u jikkollaboraw mal-awtoritajiet ġudizzjarji;

40.  Ifakkar fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi; jenfasizza li n-nisa vittmi ta' vjolenza sessista u t-tfal tagħhom ta' spiss ikunu jirrikjedu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza; jitlob għalhekk, li tingħata attenzjoni lill-attitudnijiet li jagħtu t-tort lill-vittma fis-soċjetà, inkluż fost il-professjonisti fis-sistema tal-ġustizzja kriminali; jitlob ir-rikonoxximent u l-indirizzar tal-vjolenza istituzzjonali, li tinkludi l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet kollha tal-awtoritajiet u tal-impjegati pubbliċi li għandhom l-għan li jdewmu, ifixklu jew jipprevjenu l-aċċess għas-servizzi pubbliċi rilevanti jew l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vittmi, bl-istabbiliment ta' sanzjonijiet u miżuri xierqa biex jiġi żgurat li l-vittmi jkunu protetti u kkumpensati; jissottolinja l-importanza fundamentali li jiġu stabbiliti taħriġ, proċeduri u linji gwida għall-professjonisti kollha li jittrattaw mal-vittmi sabiex jgħinuhom jidentifikaw sinjali ta' vjolenza minn sieħeb intimu anki meta l-vittmi ma jagħmlux ilmenti espliċiti; jissuġġerixxi li tali linji gwida u d-dokumenti gwida għandhom jinkludu miżuri li jippromwovu programmi sikuri, rispettużi u li ma joħolqux sens ta' ħtija għan-nisa li jkunu sofrew vjolenza, inkluża vjolenza minn sieħeb intimu, u biex jinxterdu l-aħjar trattamenti għalihom u għal uliedhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni tal-ilmenti anonimi u tal-ilmenti rtirati billi jiggarantixxu proċeduri effettivi u rapidi għall-protezzjoni tal-vittmi kif ukoll billi jiżguraw l-obbligu ta' rendikont tas-sħab vjolenti; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' bażijiet ta' data dwar l-infurzar tal-liġi li jżommu rekord tad-dettalji kollha relatati mad-dikjarazzjonijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu magħmula mill-vittma jew minn parti terza, sabiex jiġu mmonitorjati u evitati aktar episodji ta' vjolenza; jitlob biex il-pulizija u s-servizzi soċjali f'żoni rurali u remoti jipprovdu aktar edukazzjoni u sensibilizzazzjoni komunitarja, kif ukoll taħriġ u edukazzjoni dwar il-vjolenza domestika, filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-edukazzjoni fl-għoti tal-informazzjoni u l-appoġġ tat-tfal kif ukoll programmi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, li jipprovdu mudelli pożittivi u logħob kooperattiv;

Prevenzjoni: l-indirizzar tal-istereotipi u l-preġudizzji tal-ġeneru – l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni

41.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tal-istereotipi u l-preġudizzju tal-ġeneru li jwassal għal reazzjonijiet inadegwati għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u għal nuqqas ta' fiduċja fin-nisa, b'mod partikolari fir-rigward tal-allegazzjonijiet foloz allegati ta' abbuż tat-tfal u ta' vjolenza domestika; jinsab imħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta' taħriġ speċifiku għall-imħallfin, għall-prosekuturi u għall-professjonisti tal-liġi; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u l-preġudizzji patrijarkali bl-użu ta' kampanji ta' edukazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jiġġieldu l-kultura ta' denigrazzjoni tal-ilħna tan-nisa; jikkundanna l-użu, id-dikjarazzjoni u l-aċċettazzjoni ta' teoriji u kunċetti mhux xjentifiċi f'każijiet ta' kustodja li jikkastigaw lill-ommijiet li jippruvaw jirrapportaw każijiet ta' abbuż tat-tfal jew vjolenza abbażi tal-ġeneru billi jżommuhom milli jiksbu l-kustodja jew billi jillimitaw id-drittijiet tal-ġenituri tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li l-hekk imsejjaħ sindromu ta' aljenazzjoni tal-ġenituri u termini simili, li ġeneralment huma bbażati fuq stereotipi marbuta mal-ġeneru, jista' jaħdem kontra n-nisa vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu billi jagħti t-tort lill-ommijiet għall-"aljenazzjoni" ta' wliedhom minn missierhom, iqajjem dubji dwar il-ħiliet tat-trobbija tal-vittmi, jinjora x-xhieda tat-tfal u r-riskji ta' vjolenza li t-tfal tagħhom jiġu esposti għalihom, u b'hekk jipperikola d-drittijiet u s-sikurezza tal-omm u tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri ma jirrikonoxxux is-sindromu tal-aljenazzjoni tal-ġenituri fil-prattika u fil-liġi ġudizzjarja tagħhom u jiskoraġġixxu jew saħansitra jipprojbixxu l-użu tiegħu fi proċedimenti tal-qorti, b'mod partikolari matul investigazzjonijiet biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta' vjolenza;

42.  Jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippermettu lix-xhieda (b'mod partikolari l-ġirien u l-kollegi fuq il-post tax-xogħol) jidentifikaw is-sinjali ta' vjolenza minn sieħeb intimu (b'mod partikolari l-vjolenza mhux fiżika), u li jipprovdu gwida dwar kif il-vittmi għandhom jiġu appoġġjati u assistiti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni, informazzjoni u promozzjoni li jindirizzaw il-preġudizzju u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru kif ukoll il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha, bħall-vjolenza fiżika, il-fastidju sesswali, il-vjolenza ċibernetika, il-vjolenza psikoloġika u l-isfruttament sesswali, b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta' prevenzjoni ġodda u sistemi flessibbli ta' twissija ta' emerġenza, u biex tinkoraġġixxi r-rapportar b'mod koordinat u f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tan-nisa rikonoxxuti u speċjalizzati; jisħaq fuq l-importanza li jiġu involuti b'mod attiv l-istrutturi pubbliċi kollha fit-twettiq ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

43.  Jenfasizza li l-kastig effettiv għal min jabbuża huwa essenzjali kemm biex tiġi skoraġġuta aktar vjolenza, kif ukoll biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi speċjalment mill-vittmi; jirrimarka, madankollu, li l-inkarċerazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed biex tipprevjeni l-vjolenza futura u li jeħtieġ li jkun hemm programmi speċifiċi ta' riabilitazzjoni u riedukazzjoni; jistieden lill-Istati Membri, sabiex kif stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jistabbilixxu, jew jappoġġjaw programmi mmirati lejn it-tagħlim ta' awturi li jwettqu vjolenza domestika biex dawn jadottaw imġiba mhux vjolenti f'relazzjonijiet interpersonali bil-ħsieb li tiġi evitata aktar vjolenza u biex jinbidlu l-mudelli ta' mġiba vjolenti; jenfasizza li meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li s-sikurezza u l-appoġġ tal-vittmi u d-drittijiet tal-bniedem tagħhom ikunu ta' importanza ewlenija u li, fejn ikun xieraq, dawn il-programmi jiġu stabbiliti u implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' servizzi ta' appoġġ speċjalizzat għall-vittmi; jirrimarka li l-edukazzjoni hija kruċjali biex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u l-vjolenza minn sieħeb intimu b'mod partikolari; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi preventivi, inkluż permezz ta' edukazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, ir-rispett reċiproku, is-soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti f'relazzjonijiet interpersonali, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u d-dritt għall-integrità personali, u edukazzjoni dwar is-sesswalità skont l-età adattata għall-kapaċità li qed tevolvi tal-istudenti, fil-kurrikuli formali u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, f'konformità mal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025; jisħaq fuq il-fatt li l-edukazzjoni komprensiva adatta għall-età dwar ir-relazzjoni u s-sesswalità huma kruċjali biex it-tfal jiġu protetti mill-vjolenza u biex jingħataw il-ħiliet li jeħtieġu biex jibnu relazzjonijiet sikuri, ħielsa mill-vjolenza sesswali, abbażi tal-ġeneru u mill-vjolenza domestika; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja programmi li għandhom l-għan li jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż permezz tal-fergħa Daphne tal-Programm taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri sabiex jiġu żgurati miżuri effettivi ta' prevenzjoni;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu passi biex jeliminaw il-prekonċetti ingranati li għadhom jirfdu d-disparità ta' kura bejn il-ġeneri;

45.  Jenfasizza li l-istrateġiji għall-prevenzjoni ta' vjolenza minn sieħeb intimu għandhom jinkludu azzjonijiet biex jitnaqqas l-esponiment għall-vjolenza matul it-tfulija, it-tagħlim tal-ħiliet meħtieġa biex jinħolqu relazzjonijiet sikuri u b'saħħithom u n-normi soċjali ta' sfida li jippromwovu s-supremazija u l-imġiba awtoritarja tal-irġiel fuq in-nisa, jew forom oħra ta' mġiba sessista;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika u edukattivi u l-iskambju tal-aħjar prattiki madwar l-UE kollha bħala miżura meħtieġa għall-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-ħolqien ta' klima ta' tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza u ambjent aktar sikur għall-vittmi; jenfasizza r-rwol strateġiku tal-media f'dan ir-rigward; jisħaq, madankollu, li f'xi Stati Membri, il-femminiċidju u l-każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom ippreżentati f'termini li jeħilsu lis-sieħeb vjolenti mir-responsabbiltà tiegħu; jenfasizza li l-media u r-reklamar ma jridux ixerrdu messaġġi misoġini u sessisti, inkluż billi jippruvaw jiġġustifikaw, jilleġittimaw jew jimminimizzaw il-vjolenza u r-responsabbiltajiet tas-sħab vjolenti; iqis li l-vjolenza domestika toriġina wkoll minn approċċ marbut mal-ġeneru għar-rwol ta' ġenitur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jiġġieldu l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-responsabbiltajiet tal-ġenituri, fejn il-piż tal-ġenituri jkun imqassam b'mod ġust, filwaqt li jiżguraw li n-nisa ma jiġux assenjati status subordinat; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE dwar il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-prosekuzzjoni u miżuri għall-ġlieda kontra l-vjolenza, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni prattika tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jikkomplementaw din il-kampanja tal-UE billi jxerrdu informazzjoni dwar fejn il-vittmi u x-xhieda jistgħu jirrapportaw dan it-tip ta' vjolenza, inkluż wara t-tmiem tal-kampanja, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċità tal-kriżi tal-COVID-19 biex jiffukaw ukoll fuq l-impatt fuq it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-attivitajiet fl-iskejjel u f'ambjenti oħra li jqajmu l-għarfien dwar kwistjonijiet ta' kriminalità u trawma, fejn wieħed jista' jsib l-għajnuna, kif wieħed għandu jirrapporta problemi, u kif għandha tinbena r-reżiljenza fost it-tfal u dawk li jaħdmu mat-tfal;

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż f'każijiet transfruntiera

47.  Jissottolinja l-importanza tal-iskambju ta' informazzjoni bejn il-qrati, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri u l-korpi tal-pulizija, speċjalment fir-rigward ta' każijiet ta' kustodja transfruntiera; jittama li r-regoli riveduti skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri(28) se jtejbu l-kooperazzjoni bejn is-sistemi ġudizzjarji u effettivament jiddeterminaw l-aħjar interessi tat-tfal, irrispettivament mill-istatus konjugali tal-ġenituri jew mill-kompożizzjoni tal-familja tagħhom, u l-interessi tal-vittmi tal-vjolenza minn sieħeb intimu; jisħaq li huwa importanti għat-tobba forensiċi, jew għal kwalunkwe professjonist ieħor involut, li jipprovdu lill-awtorità nazzjonali rilevanti b'informazzjoni relatata mal-vjolenza minn sieħeb intimu meta jemmnu li din il-vjolenza tpoġġi l-ħajja tal-vittma adulta, jew tat-tfal, f'periklu, u li l-vittma ma tkunx tista' tipproteġi lilha nnifisha minħabba l-koerċizzjoni morali jew ekonomika li tirriżulta mis-setgħa eżerċitata mill-awtur, li jfittex li jikseb il-kunsens tal-vittma adulta fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-infurzar u l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Brussell IIa; jesprimi dispjaċir, f'dan ir-rigward, għall-fatt li l-aktar reviżjoni reċenti tiegħu naqset milli testendi l-kamp ta' applikazzjoni għal sħubijiet reġistrati u għal koppji mhux miżżewġa; huwa tal-fehma li dan iwassal għal diskriminazzjoni u sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi għall-vittmi u t-tfal ta' sħubijiet reġistrati u koppji mhux miżżewġa; ifakkar li l-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi tar-Regolament Brussell IIa huma bbażati fuq "il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni" u fuq il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' dawn ir-regolamenti, inkluż fil-kuntest tal-vjolenza minn sieħeb intimu u d-drittijiet ta' kustodja, sa mhux aktar tard minn Awwissu 2024;

48.  Jirrimarka li, filwaqt li t-tilwim familjari kollu għandu impatt emozzjonali profond, il-każijiet transfruntiera huma saħansitra aktar sensittivi u legalment aktar kumplessi; jisħaq li jeħtieġ li jkun hemm livell għoli ta' għarfien pubbliku rigward kwistjonijiet kumplessi bħal arranġamenti ta' kustodja transfruntiera u l-obbligi ta' manteniment, inkluża l-ħtieġa li tiġi żgurata ċarezza rigward id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri u t-tfal f'kull pajjiż; jirrimarka li l-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għas-soluzzjoni aktar rapida ta' każijiet tal-liġi tal-familja transfruntiera bħal dawn billi jistabbilixxu sistema ta' sezzjonijiet speċjalizzati fi ħdan il-qrati nazzjonali, inklużi unitajiet iffukati fuq vjolenza abbażi tal-ġeneru magħmula minn persunal mediku forensiku, psikologi, u professjonisti rilevanti oħra, u li jaħdem f'koordinazzjoni mas-servizzi pubbliċi speċjalizzati fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru u inkarigat mill-għoti ta' assistenza lill-vittmi; jitlob li tingħata attenzjoni speċifika lis-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed u l-ġbir transfruntier tal-pensjoni tal-manteniment, peress li l-aspetti prattiċi tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet attwali stabbiliti, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-obbligi ta' manteniment u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Irkupru ta' Manteniment Barra mill-Pajjiż, li tistabbilixxi obbligi legali relatati mal-ġbir transfruntier ta' pensjoni tal-manteniment, jibqgħu ta' sfida; jisħaq fuq il-fatt li l-għodod legali għall-ġbir transfruntier tal-pensjoni tal-manteniment jeħtieġ li jiġu infurzati flimkien mas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar id-disponibbiltà tagħhom; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tidentifika l-problemi prattiċi marbuta mal-ġbir tal-pensjoni tal-manteniment f'sitwazzjonijiet transfruntiera u tgħinhom jiżviluppaw għodod effettivi biex jinfurzaw l-obbligi ta' pagament; jisħaq fuq l-importanza tal-kwistjoni u l-konsegwenzi tagħha fuq il-familji b'ġenitur wieħed u r-riskju tal-faqar;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu janalizzaw id-data dwar u t-tendenzi fil-prevalenza ta' kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, u r-rappurtar tagħhom, kif ukoll il-konsegwenzi għat-tfal, waqt li huma stabbiliti miżuri ta' konfinament u matul il-perjodu immedjatament wara;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jieħdu miżuri li jagħtu s-setgħa lill-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu, biex jersqu 'l quddiem u jirrapportaw ir-reat, peress li f'ħafna każijiet il-vjolenza minn sieħeb intimu tibqa' ma tiġix irrapportata; jinnota l-impenn tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġ ġdid tal-UE dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li r-riżultati tiegħu għandhom jiġu ppreżentati fl-2023; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti biex jipprovdi fuq bażi regolari data armonizzata, preċiża, affidabbli, komparabbli, ta' kwalità għolja u segregata skont il-ġeneru madwar l-UE dwar il-prevalenza, il-kawżi u l-konsegwenzi għan-nisa u t-tfal u l-immaniġġjar tal-vjolenza minn sieħeb intimu u d-drittijiet tal-kustodja, billi jsir użu sħiħ mill-kapaċità u l-għarfien espert tal-EIGE u l-Eurostat; ifakkar li l-provvista ta' statistika nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija azzjoni eliġibbli għall-finanzjament fl-ambitu tal-Programm għas-Suq Uniku għall-2021-2027; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-data tiġi diżaggregata skont l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess, ir-razza u l-etniċità u l-istatus ta' diżabilità fost affarijiet oħra, biex jiġi żgurat li jinġabru l-esperjenzi tan-nisa fid-diversità kollha tagħhom; jinnota li dan se jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-iskala u l-kawżi tal-problema, l-aktar il-kategoriji soċjoekonomiċi li fihom il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija prevalenti aktar u l-fatturi influwenti l-oħra, kif ukoll oqfsa legali u politiki differenti madwar il-pajjiżi, li jistgħu jiġu esplorati mill-qrib permezz ta' tqabbil dettaljat bejn il-pajjiżi, bil-għan li jiġu identifikati l-oqfsa ta' politika li jistgħu jinfluwenzaw l-okkorrenza tal-vjolenza; jinsisti wkoll fuq l-importanza li l-Istati Membri jiġbru data statistika dwar il-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji li jikkonċernaw il-kustodja tat-tfal li jinvolvu vjolenza minn sieħeb intimu, u b'mod partikolari dwar ir-riżultat tas-sentenzi u r-raġunijiet li jagħtu għad-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-kustodja u d-drittijiet ta' aċċess;

51.  jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika madwar l-UE kollha bħala miżura meħtieġa fil-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-ħolqien ta' klima ta' tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(2) ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
(3) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 167.
(4) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0379.
(6) Testi adottati, P9_TA(2021)0024.
(7) Testi adottati, P9_TA(2021)0025.
(8) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(9) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
(10) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.
(11) L-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 TFUE.
(12) L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta.
(13) Ir-rapport tal-FRA tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survery" (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha).
(14) Il-Konvenzjoni ta' Istanbul.
(15) Il-Kunsill tal-Ewropa, "Human Rights Channel: Stop Child Sexual Abuse in Sport" (Kanal tad-Drittijiet tal-Bniedem: Inwaqqfu l-Abbuż Sesswali Fuq it-Tfal fl-Isport), aċċessat fil-21 ta' Lulju 2021.
(16) Eurostat, "Children at risk of poverty or social exclusion" (Tfal f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali), data estratta f'Ottubru 2020.
(17) Ir-rapport tal-FRA tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: An EU Wide Survey" (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha).
(18) Dikjarazzjoni lill-istampa minn Dr Hans Henri P. Kluge, id-Direttur Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa tas-7 ta' Mejju 2020 bit-titolu "During COVID-19 pandemic, violence remains preventable, not inevitable" (Matul il-pandemija tal-COVID-19, il-vjolenza għadha tista' tiġi pprevenuta, u mhijiex inevitabbli).
(19) Ir-rapport tal-FRA tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survery" (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha).
(20) Ir-rapport tal-Europol tad-19 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Exploiting Isolation: Offenders and victims of online child sexual abuse during the COVID-19 pandemic" (L-isfruttament tal-iżolament: It-trasgressuri u l-vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet waqt il-pandemija tal-COVID-19).
(21) Rapport ta' spjegazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-11 ta' Mejju 2011 lill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.
(22) Dikjarazzjoni mill-Pjattaforma EDVAW tal-31 ta' Mejju 2019 bit-titolu "Intimate partner violence against women is an essential factor in the determination of child custody" (Il-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa hija fattur essenzjali fid-determinazzjoni tal-kustodja tat-tfal).
(23) L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul.
(24) Ir-rakkomandazzjoni ġenerali Nru 35 dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li taġġorna r-rakkomandazzjoni ġenerali Nru 19 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa.
(25) Proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (COM(2020)0682).
(26) Proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta' infurzar (COM(2021)0093).
(27) Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).
(28) ĠU L 178, 2.7.2019, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Diċembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza