Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2258(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0245/2021

Testi mressqa :

A9-0245/2021

Dibattiti :

PV 06/10/2021 - 10
CRE 06/10/2021 - 10

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2021 - 2
PV 07/10/2021 - 8

Testi adottati :

P9_TA(2021)0416

Testi adottati
PDF 225kWORD 67k
Il-Ħamis, 7 ta' Ottubru 2021 - Strasburgu
Riforma tal-politika tal-UE dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta)
P9_TA(2021)0416A9-0245/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar riforma tal-politika tal-UE dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta) (2020/2258(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 113, 115 u 116 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri rigward il-kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi, adottata fl-1 ta' Diċembru 1997(1) bil-għan li titwaqqaf il-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża fi ħdan l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2009 bit-titolu "Il-Promozzjoni ta' governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa" (COM(2009)0201),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni" (COM(2015)0302),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 dwar strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva (COM(2016)0024),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2016 rigward il-kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2016)0451), li tinkludi spjegazzjoni tal-proċess ta' elenkar tal-UE għall-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2016 dwar il-kriterji u l-proċess li jwassal għall-istabbiliment tal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tal-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi): il-programm ta' ħidma matul il-Presidenza Portugiża(3) tad-9 ta' Frar 2021,

–  wara li kkunsidra l-aġġornament l-aktar reċenti tal-Kunsill għal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa tas-26 ta' Frar 2021(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġa l-Istrateġija ta' Rkupru" (COM(2020)0312),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha (COM(2020)0313),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva (BKTK)(5) u dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2021 bit-titolu "It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21" (COM(2021)0251),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(7), tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(8), u tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar ir-riforma tal-lista tal-UE tar-rifuġji fiskali(12) u l-mistoqsijiet tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar ir-riforma tal-lista tal-UE tar-rifuġji fiskali (O-000082/2020 – B9-0002/2021 u O-000081/2020 – B9-0001/2021),

–  wara li kkunsidra s-segwitu mogħti mill-Kummissjoni għar-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew imsemmija hawn fuq(13),

–  wara li kkunsidra r-rapport imħejji għall-Kummissjoni miċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika Ewropea (ZEW) GmbH bit-titolu "The Impact of Tax Planning on Forward-Looking Effective Tax Rates" (L-Impatt tal-Ippjanar tat-Taxxa fuq Rati tat-Taxxa Effettivi li Jħarsu 'l Quddiem)(14),

–  wara li kkunsidra r-rapport imħejji għall-Kummissjoni bit-titolu "Aggressive tax planning indicators" (Indikaturi tal-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa)(15),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "An overview of shell companies in the European Union" (Ħarsa ġenerali lejn il-kumpaniji fittizji fl-Unjoni Ewropea), ippubblikat fis-17 ta' Ottubru 2018 mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari(16),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Frar 2021 tal-Bord ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Obbligu ta' Rendikont Finanzjarju Internazzjonali, it-Trasparenza u l-Integrità għall-Kisba tal-Aġenda tal-2030 (il-Bord tal-FACTI) bit-titolu "Financial Integrity for Sustainable Development" (Integrità Finanzjarja għal Żvilupp Sostenibbli)(17),

–  wara li kkunsidra l-ħidma li għaddejja bħalissa tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS) dwar l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu dwar il-ġlieda kontra l-użu ta' entitajiet u arranġamenti fittizji għal finijiet ta' taxxa(18),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali bit-titolu "Taxing Multinationals in Europe" (It-Taxxa tal-Kumpaniji Multinazzjonali fl-Ewropa)(19),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (id-"Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa I" jew "ATAD I")(20) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/952 tad-29 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta' diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi ("ATAD II")(21),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti (id-"Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties")(22),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta' Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (id-"Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji")(23),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (id-"Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-Qasam tat-Tassazzjoni" jew "DAC 1")(24), id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ("DAC 3")(25), id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta' Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ("DAC 4")(26) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta' arranġamenti transkonfinali rapportabbli ("DAC 6")(27),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0245/2021),

A.  billi mill-1997, il-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi kien l-istrument primarju tal-Unjoni għall-prevenzjoni ta' miżuri tat-taxxa dannużi; billi l-miżuri tat-taxxa dannużi huma definiti fil-Kodiċi ta' Kondotta bħala miżuri (inklużi prattiki amministrattivi) li jaffettwaw, jew jistgħu jaffettwaw, b'mod sinifikanti l-post tal-attività kummerċjali fl-Unjoni, u li jipprevedu livell ta' tassazzjoni ferm aktar baxx minn dawk li ġeneralment japplikaw fl-Istat Membru kkonċernat;

B.  billi, skont ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni 2021, madwar EUR 36-37 biljun ta' introjtu mit-taxxa korporattiva jintilfu kull sena minħabba l-evitar tat-taxxa fl-UE(28);

C.  billi l-politiki kontra l-evitar tat-taxxa wasslu għal tnaqqis fir-reġimi preferenzjali madwar id-dinja kollha, b'mod partikolari fl-Unjoni; billi, skont l-Azzjoni 5 tal-BEPS tal-OECD, reġim preferenzjali huwa reġim li joffri xi forma ta' preferenza tat-taxxa meta mqabbel mal-prinċipji ġenerali tat-tassazzjoni fil-pajjiż rilevanti; billi preferenza offruta minn reġim tista' tieħu firxa wiesgħa ta' forom, inklużi tnaqqis fir-rata tat-taxxa jew bażi tat-taxxa jew termini preferenzjali għall-ħlas jew ħlas lura tat-taxxi(29); billi tfaċċaw forom ġodda ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi , b'mod partikolari permezz tat-trasformazzjoni ta' reġimi preferenzjali f'reġimi ġenerali aggressivi;

D.  billi l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jikkonsisti f'li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta' sistema ta' tassazzjoni jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi ta' tassazzjoni jew aktar bl-iskop ta' tnaqqis fit-taxxa dovuta; billi l-miżuri tat-taxxa m'għandhomx jimpedixxu inizjattivi mmexxija mill-privat li jippermettu tkabbir sostenibbli; billi skont riċerka empirika l-livell effettiv ta' tassazzjoni huwa aktar baxx għal kumpaniji multinazzjonali kbar milli għall-SMEs domestiċi(30);

E.  billi l-ħidma mwettqa mill-Unjoni kontra l-prattiki dwar it-taxxa dannużi tinkludi l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni, liġi mhux vinkolanti, u kooperazzjoni intergovernattiva; billi l-Parlament huwa kkonsultat fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u jirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri f'dak il-qasam;

F.  billi t-tħassib dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi inħoloq fl-Unjoni fil-bidu tas-snin 90 meta twaqqaf Kumitat ta' Esperti Indipendenti u ta rapport b'rakkomandazzjonijiet dwar it-taxxa korporattiva fl-UE (ir-"Rapport Ruding")(31); billi fl-1997 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi; billi ġie stabbilit Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta fil-Kunsill biex jivvaluta l-miżuri tat-taxxa li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta; billi r-riċerka empirika(32) tissuġġerixxi li l-biċċa l-kbira tad-dħul li jitilfu b'mod kollettiv l-Istati Membri tal-UE mit-taxxa korporattiva jispiċċa għand Stati Membri tal-UE oħra minflok għand pajjiżi terzi; jissottolinja li l-kawża ewlenija għal dan it-telf ta' dħul hija n-nuqqas ta' azzjoni leġiżlattiva kontra l-prattiki ta' taxxa aggressivi intra-UE u l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża;

G.  billi l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għandu l-għan li jivvaluta l-miżuri tat-taxxa li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta u huwa spazju għall-kooperazzjoni u għar-rieżami bejn il-pari ta' reġimi ta' dannu potenzjali fl-UE; billi l-Kodiċi ta' Kondotta kiseb xi awtorità fost l-Istati Membri li tpoġġi pressjoni mill-pari biex iwettqu riforma, u b'effett riflessiv, fuq pajjiżi terzi biex jikkooperaw fil-qafas tal-proċess ta' elenkar tal-UE;

H.  billi l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta kien effiċjenti biex jiskoraġġixxi r-reġimi tat-taxxa preferenzjali; billi l-kompetizzjoni fit-taxxa fl-Ewropa jidher li influwenzat il-waqgħa fir-rati tat-taxxa korporattiva li ġab ir-rata medja Ewropea tat-taxxa korporattiva taħt ir-rata medja fil-pajjiżi tal-OECD(33); billi l-Kodiċi ta' Kondotta kkontribwixxa għall-prevenzjoni ta' kompetizzjoni tat-taxxa aggressiva bejn l-Istati Membri billi stabbilixxa prinċipji għal kompetizzjoni ġusta; Billi l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta naqas milli jeqred l-arranġamenti tat-taxxa inġusti offruti minn xi Stati Membri lil kumpaniji kbar, bħal arranġamenti ta' prezzijiet antiċipati dannużi ("deċiżjonijiet tat-taxxa"), u l-vantaġġ kompetittiv inġust konsegwenzjali maħluq; billi l-aħħar evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ffukaw fuq ir-reġimi tal-proprjetà intellettwali (IP); billi l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għadu ta' natura purament intergovernattiva;

I.  billi ż-żewġ pilastri tal-ftehim globali futur huma konformi mal-viżjoni tal-Kummissjoni għal qafas ta' tassazzjoni tal-intrapriżi espressa fil-komunikazzjoni reċenti tagħha bit-titolu "It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21"; billi f'dik il-komunikazzjoni l-Kummissjoni ħabbret proposta għal direttiva li se tirrifletti r-Regoli Mudell tal-OECD bl-aġġustamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pilastru II dwar tassazzjoni effettiva minima;

J.  billi l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta rnexxielu jiftaħ djalogu ma' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li huma mistiedna jħassru l-prattiki dwar it-taxxa dannużi tagħhom sabiex jevitaw li jiġu inklużi f'lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa (il-"lista tal-UE"); billi l-lista trid tkun strument li jiskoraġġixxi lill-prattiki dwar it-taxxa dannużi minn ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi sabiex tiġi ppreservata kompetizzjoni globali ġusta; billi l-lista attwali tal-UE tinkludi biss 12-il ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terzi(34) u b'dispjaċir tħalli barra ċerti rifuġji fiskali famużi; billi l-lista tal-UE hija stabbilita abbażi tal-kriterji ddefiniti fil-Kodiċi ta' Kondotta;

K.  billi l-kriterji għal-lista tal-UE għadhom diverġenti minn dawk użati fil-kuntest tar-rieżami bejn il-pari tal-UE tal-prattiki dwar it-taxxa dannużi, filwaqt li ż-żewġ valutazzjonijiet jitwettqu mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; billi sitt Stati Membri rċevew Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż dwar it-tisħiħ tas-sistema tat-taxxa tagħhom kontra r-riskju ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa;

L.  billi l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha u tipprevedi riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta u titjib fil-lista tal-UE;

M.  billi l-pandemija tal-COVID-19 poġġiet lill-ekonomija tal-UE fl-agħar reċessjoni tagħha fi żminijiet moderni, b'sinjali ta' rkupru li bdew jidhru biss dan l-aħħar; ifakkar li, bħala parti mir-rispons tagħhom għall-pandemija tal-COVID-19, il-gvernijiet madwar l-Unjoni malajr introduċew miżuri tat-taxxa biex jipprovdu likwidità kemm lin-negozji kif ukoll lill-unitajiet domestiċi(35), u dan irriżulta f'inqas introjtu mit-taxxa għall-Istati Membri; billi t-tassazzjoni tal-intrapriżi għandha tkun għodda biex tappoġġa l-irkupru permezz ta' regoli tat-taxxa sempliċi, stabbli u favur l-SMEs li ma jfixklux l-irkupru ekonomiku b'piż tat-taxxa eċċessiv;

Il-politiki attwali tal-UE li jindirizzaw il-prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-Unjoni

1.  Jinnota li diversi skandli tat-taxxa, b'mod partikolari LuxLeaks, il-Panama Papers, il-Paradise Papers u, aktar reċentement, ir-rivelazzjonijiet OpenLux, kif ukoll il-pressjoni pubblika u parlamentari, taw spinta lill-aġenda politika tal-UE dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi; jisħaq li l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa jirriżultaw f'telf inaċċettabbli ta' dħul sostanzjali għall-Istati Membri, li bħalissa huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi devastanti tal-pandemija; ifakkar fl-istimi konservattivi mill-OECD dwar il-BEPS li tiswa madwar 4-10 % ta' dħul mit-taxxa korporattiva globali, jew USD 100-240 (EUR 84-202) biljun fis-sena(36); ifakkar li l-istimi tal-Parlament tal-evitar tat-taxxa korporattiva jvarjaw minn EUR 160 sa 190 biljun meta jitqiesu kemm il-BEPS kif ukoll reġimi oħra tat-taxxa(37); jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni regolari tal-iskala tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

2.  Jilqa' l-azzjonijiet sinifikanti meħuda fil-livell tal-UE u f'dak internazzjonali biex jissaħħu l-prinċipji dwar it-trasparenza tat-taxxa, tiġi miġġielda l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża, u jiġi żgurat li l-miżuri kontra l-prattiki dwar it-taxxa dannużi jiġu rispettati; jilqa' l-ftehim interistituzzjonali li ntlaħaq dwar id-direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE(38) fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat (rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż); jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni rapida mill-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari sabiex id-direttiva tkun tista' tiġi adottata u tidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun; jenfasizza l-varjetà ta' strumenti tal-UE adottati biex jindirizzaw l-prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-Unjoni, li jinkludu l-ATAD I u II, id-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties, id-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji, id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-Qasam tat-Tassazzjoni, u, b'mod partikolari, id-DAC 3, 4 u 6 (dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa, ir-rapportar pajjiż b'pajjiż u r-regoli obbligatorji ta' divulgazzjoni għall-intermedjarji), id-diversi rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fil-qafas tas-Semestru Ewropew li jittrattaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa;

3.  Ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprovdi standards minimi għal azzjonijiet kooperattivi u skambju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni; jappoġġa aktar diskussjonijiet fost l-Istati Membri sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni; jisħaq li għandha ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ xierqa tar-regoli eżistenti; jenfasizza li fl-ekonomija tas-suq soċjali tal-UE, livelli adegwati ta' taxxa kif ukoll liġijiet tat-taxxa sempliċi u ċari joħolqu l-impjiegi, itejbu l-kompetittività tal-UE, u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jirrikonoxxi li l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni biex jiddeċiedu dwar il-politika tat-tassazzjoni tagħhom kif iqisu xieraq, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tagħhom stess; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b'mod konsistenti mad-dritt tal-Unjoni;

4.  Jinnota li l-Kodiċi ta' Kondotta jaħdem fuq il-premessa li, filwaqt li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fost il-pajjiżi mhijiex problematika per se, jeħtieġ li jkun hemm prinċipji komuni dwar sa liema punt jistgħu jużaw ir-reġimi u l-politiki tat-taxxa tagħhom biex jattiraw in-negozji u l-profitti. jenfasizza li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li kemm in-natura kif ukoll il-forma tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa nbidlu b'mod sostanzjali matul l-aħħar żewġ deċennji u li l-Kodiċi ta' Kondotta ma evolviex biex jilqa' l-isfidi l-ġodda, u dan qed jitfa' pressjoni fuq il-pedamenti proprja tal-ġustizzja(39);

5.  Jilqa' d-dimensjoni interna u esterna tal-ħidma mwettqa mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta fuq il-prattiki dwar it-taxxa dannużi; jinnota li d-dimensjoni esterna tal-prattiki dwar it-taxxa dannużi hija prinċipalment indirizzata mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta bl-applikazzjoni tal-kriterju tat-"Tassazzjoni Ġusta"; iqis li l-proċess tal-elenkar tal-UE jeħtieġ li jiġi riformat; jirrakkomanda li dan il-proċess ikun formalizzat fid-dritt tal-UE, notevolment permezz ta' strument vinkolanti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni biex tivvaluta l-koerenza bejn il-kriterji dgħajfa dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi applikati għall-Istati Membri u l-kriterji aktar ibsin, b'mod partikolari dwar is-sustanza ekonomika, applikati għal ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi fil-proċess ta' elenkar; jenfasizza li l-kriterju tat-"Trasparenza" għandu jiġi rrispettat ukoll mill-Istati Membri skont l-implimentazzjoni tad-Direttiva DAC; jinnota li l-influwenza tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi madwar id-dinja tiddependi mill-eżempju tagħha fit-territorju tagħha stess; jilqa' f'dan ir-rigward it-tħabbira dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-użu abbużiv ta' kumpaniji tal-isem u jistenna bil-ħerqa l-proposta dwar regoli sostantivi dwar kumpaniji tal-isem imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21", bil-għan li jiġu indirizzati l-opportunitajiet ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa marbuta mal-użu ta' kumpaniji bl-ebda preżenza sostanzjali jew b'attività ekonomika reali f'territorju;

6.  Jinnota l-fatt li mill-1997 il-Kodiċi ta' Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi kien l-istrument primarju tal-Unjoni biex tiġi evitata kompetizzjoni tat-taxxa dannuża; ifakkar li fl-1998 inħoloq Forum dwar il-Prattiki tat-Taxxa Dannużi fl-OECD bil-kompitu li jimmonitorja u jirrieżamina l-prattiki tat-taxxa, u b'enfasi fuq il-karatteristiċi tar-reġimi tat-taxxa preferenzjali; jenfasizza li l-evalwazzjonijiet tal-Forum dwar il-Prattiki tat-Taxxa Dannużi għandhom impatt determinanti fuq il-kwalifika ta' reġimi dannużi fil-proċess ta' elenkar tal-UE; jitlob li l-Kodiċi ta' Kondotta jibqa' indipendenti mill-Forum dwar il-Prattiki tat-Taxxa Dannużi meta jivvaluta l-prattiki dwar it-taxxa dannużi;

Rakkomandazzjonijiet għal ħidma futura tal-UE fuq il-prattiki dwar it-taxxa dannużi

7.  Jenfasizza r-riforma proposta tal-Pilastru II tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS (Qafas Inklużiv), li għandha l-għan li tindirizza l-isfidi li fadal marbuta mal-BEPS u li tistabbilixxi regoli li jagħtu lill-ġurisdizzjonijiet dritt li jintaxxaw lura meta ġurisdizzjonijiet oħra ma jkunux eżerċitaw id-drittijiet ta' tassazzjoni primarji tagħhom jew inkella l-ħlas ikun soġġett għal livelli baxxi ta' tassazzjoni effettiva, li jiġu miġġielda il-prattiki dwar it-taxxa dannużi u li tiġi imposta rata tat-taxxa effettiva(40); jistenna bil-ħerqa, f'dan ir-rigward, kunsens miftiehem fuq livell globali li jkun konformi mal-interessi tal-Unjoni f'li jkun hemm prinċipji u standards tat-taxxa sempliċi u ġusti;

8.  Jinnota l-momentum il-ġdid fin-negozjati tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 maħluq mill-proposti reċenti tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, kif ukoll il-Ftehim Qafas Inklużiv u l-Komunikat tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20, li jista' jiffaċilita ftehim dwar il-Pilastru II sa nofs l-2021, li jiġbor flimkien aktar minn 130 pajjiż; jikkondividi l-impenn tal-G7 mit-13 ta' Ġunju 2021 "għal taxxa minima globali ta' mill-inqas 15 % fuq bażi ta' pajjiż b'pajjiż" bħala bażi għal aktar negozjati, imtenni fl-1 ta' Lulju 2021 fid-"Dikjarazzjoni dwar Soluzzjoni b'Żewġ Pilastri biex jiġu indirizzati l-Isfidi tat-Taxxa li jirriżultaw mid-Diġitalizzazzjoni tal-Ekonomija";

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq valutazzjoni tal-impatt tal-eżitu futur tan-negozjati internazzjonali dwar it-taxxa; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi soluzzjoni simili għas-soluzzjoni tal-Pilastru II dwar it-tassazzjoni effettiva minima, kemm jekk jintlaħaq ftehim fil-livell tal-Qafas Inklużiv tal-OECD kif ukoll jekk le;

10.  Jitlob li tiġi adottata definizzjoni ta' "livell minimu ta' sustanza ekonomika", kompatibbli mal-istandard globali tal-OECD u l-ħidma sussegwenti relatata mal-Azzjoni 5 tal-BEPS, preferibbilment abbażi ta' approċċ formulajku, u li tevolvi progressivament maż-żidiet fid-dħul irrapportat; jipproponi li tali kriterju jista' jintuża biex jiġi vvalutat jekk reġim tat-taxxa huwiex potenzjalment dannuż; ifakkar li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà ta' rekwiżiti ġodda ta' sustanza u indikaturi ta' attività ekonomika reali għall-fini tar-regoli tat-tassazzjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar "It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21"; jenfasizza r-rekwiżit tas-sustanza ekonomika diġà inkluż fil-kriterju ta' "Tassazzjoni Ġusta" tal-lista tal-UE; iqis, madankollu, li dan il-kriterju jħalli lok għall-interpretazzjoni u għadu vag wisq, peress li xorta jippermetti li r-rifuġji fiskali magħrufa jitneħħew mil-lista wara riformi de minimis;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi linji gwida dwar kif għandhom jitfasslu inċentivi tat-taxxa ġusti u trasparenti b'inqas riskji ta' distorsjoni tas-Suq Uniku, u li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u jiffavorixxu l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari billi jiġu osservati t-tip (abbażi tal-profitt jew abbażi tal-ispejjeż), in-natura temporali (temporanja jew permanenti), il-limitazzjoni ġeografika (żoni ekonomiċi) u l-intensità (eżenzjonijiet sħaħ jew parzjali) ta' inċentivi bħal dawn; jieħu nota ta' studju kkummissjonat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tnaqqis tar-rati tat-taxxa korporattiva u l-impatt tiegħu fuq id-dħul u t-tkabbir(41);

12.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li standard minimu futur ta' tassazzjoni globali għandu jiġi kkunsidrat fil-Kodiċi tal-Kondotta irrispettivament minn jekk ikunx instab kunsens fil-livell globali jew le, biex jiġi żgurat li n-negozji kollha jħallsu l-ammont ġust tagħhom ta' taxxa meta jiġġeneraw profitti fis-suq uniku(42); josserva li l-Kummissjoni dan l-aħħar ħabbret fil-komunikazzjoni tagħha dwar "It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21" proposti leġiżlattivi li se jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pilastru II fil-livell tal-Unjoni, fosthom reviżjoni tal-ATAD biex jiġu adattati r-regoli tal-Kumpaniji Barranin Ikkontrollati għar-Regola tal-Inklużjoni tal-Introjtu maqbula fil-Pilastru II, ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties, ir-riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta u l-introduzzjoni tal-Pilastru II fil-kriterji użati għall-valutazzjoni ta' pajjiżi terzi fl-elenkar tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiggarantixxi li r-regoli ta' implimentazzjoni dwar rata tat-taxxa effettiva minima jitfasslu mingħajr spejjeż ta' konformità eċċessivi; jifhem li, b'mod ġenerali, ir-rata tat-taxxa effettiva nazzjonali ta' kwalunkwe impriża kbira ma għandhiex taqa' taħt ir-rata minima, skont il-loġika tal-proposta attwali tal-Pilastru II;

13.  Ifakkar li l-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties baqgħet imblukkata fil-Kunsill sa mill-2012, b'mod partikolari minħabba nuqqas ta' qbil dwar taxxa minima minn ras il-għajn; jistieden lill-Kunsill u lill-Presidenza jerġgħu jibdew in-negozjati f'dan ir-rigward;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-korporazzjonijiet multinazzjonali jiġu intaxxati abbażi ta' formula ġusta u effettiva għall-allokazzjoni tad-drittijiet tal-intaxxar bejn l-Istati Membri; jesprimi dispjaċir, f'dan ir-rigward, għall-fatt li l-Kunsill ma qabilx dwar il-BKTK u l-proposti tal-BKKTK; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġusta l-iskeda ta' żmien tal-proposta leġiżlattiva futura għall-BEFIT għall-aġenda internazzjonali dwar it-taxxa; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' strateġija ċara biex jiġi żgurat li l-qafas il-ġdid għat-tassazzjoni tal-intrapriżi fl-Unjoni jikseb appoġġ mill-Istati Membri;

15.  Jissottolinja li skont il-Fond Monetarju Internazzjonali(43), minkejja li r-rati tat-taxxa korporattiva kellhom xejra 'l isfel, il-ġbir tal-introjtu mis-CIT f'perċentwali tal-PDG baqa' kostanti b'mod sinifikanti maż-żmien, meta wieħed iqis iċ-ċiklu kummerċjali;

16.  Jinsisti li l-implimentazzjoni futura ta' għodod ġodda tal-UE kontra l-prattiki dwar it-taxxa dannużi għandha tagħti prijorità lill-użu ta' strumenti vinkolanti u tesplora l-possibbiltajiet kollha offruti mit-TFUE li jippermettu li t-teħid ta' deċiżjonijiet ikun aktar effiċjenti; ifakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 116 tat-TFUE tista' tiġi applikata meta prattiki tat-taxxa dannużi jkunu qed ifixklu l-kundizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u li din id-dispożizzjoni tat-Trattat ma tbiddilx id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività tas-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi u ta' reġimi oħra tal-proprjetà intellettwali (PI) fl-ambitu tal-approċċ nexus il-ġdid definit mill-Azzjoni 5 tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS rigward il-prattiki dwar it-taxxa dannużi, inkluż l-impatt tat-telf fid-dħul; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti fil-każ li l-evalwazzjoni tistabbilixxi nuqqas ta' impatt tar-reġimi tal-PI fuq attivitajiet ekonomiċi reali; jinnota li l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti qed tipproponi li tħassar l-Introjtu Intanġibbli Derivat mill-Esportazzjoni ta' Prodotti (FDII) tagħha;

18.  Jenfasizza li l-politiki tat-tassazzjoni tal-Istati Membri huma mmonitorjati permezz tas-Semestru Ewropew; jemmen li s-Semestru Ewropew jista' jiġi żviluppat aktar bħala għodda biex jiġi appoġġat it-trażżin tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa fi ħdan l-UE permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż iddedikati;

Ir-riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi

19.  Jilqa' l-fatt li l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta vvaluta 480 reġim sa mill-ħolqien tiegħu, filwaqt li qies madwar 130 reġim(44) bħala dannużi(45); jirrikonoxxi li l-evalwazzjoni bejn il-pari tar-reġimi nazzjonali tat-taxxa mwettqa fil-qafas tal-Kodiċi ta' Kondotta kellha impatt fuq it-tnaqqis tal-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża u wasslet għal tnaqqis konsegwenzjali fir-reġimi tat-taxxa preferenzjali fi ħdan l-Unjoni; jantiċipa impatt simili potenzjali fil-livell globali permezz tal-proċess ta' elenkar tal-UE; iwissi, madankollu, dwar l-iżvilupp ta' reġimi mhux preferenzjali dannużi; iqis, għalhekk, li l-kriterji attwali li jiddefinixxu l-prattiki dwar it-taxxa dannużi fil-Kodiċi ta' Kondotta huma parzjalment skaduti minħabba l-enfasi tiegħu fuq ir-reġimi preferenzjali; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li tittejjeb l-effettività tal-Kodiċi ta' Kondotta fid-dawl tal-iskandli u l-isfidi attwali tat-taxxa bħall-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-importanza dejjem akbar tal-assi intanġibbli;

20.  Jitlob li l-Kodiċi ta' Kondotta jagħmel użu sħiħ mill-kamp ta' applikazzjoni attwali tal-mandat tiegħu; jistieden lill-Kunsill, madankollu, biex ikompli jirriforma l-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat minnufih u fejn xieraq, u b'mod partikolari biex jeżamina l-indikaturi kollha ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa minn Stat Membru, inklużi l-karatteristiċi ġenerali ta' sistema tat-taxxa, biex jiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni tiegħu tinkludix miżuri tat-taxxa dannużi; jistieden lill-Kunsill isegwi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Lulju 2020 dwar Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha, li hija favur riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta biex tiġi żgurata tassazzjoni ġusta fl-Unjoni; jinnota li dan diġà sar parzjalment mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, b'mod partikolari għar-reġimi ta' Tnaqqis ta' Mgħax Nozzjonali u r-Reġimi ta' Eżenzjoni ta' Introjtu minn Riżorsi Barranin u fil-qafas tal-proċess ta' elenkar tal-UE;

21.  Jenfasizza li l-Kodiċi ta' Kondotta huwa strument ta' liġi mhux vinkolanti li l-għan tiegħu huwa li jippreserva qafas tat-taxxa tal-UE li jippermetti kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tat-tassazzjoni, abbażi ta' evalwazzjoni bejn il-pari u pressjoni bejn il-pari; jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li n-natura tal-Kodiċi ta' Kondotta mhix vinkolanti; jieħu nota tal-fatt li l-Istati Membri jistgħu jdewmu r-revoka u saħansitra jżommu reġim dannuż mingħajr ma jiffaċċjaw ebda riperkussjoni; jisħaq li d-dokumentazzjoni dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kodiċi ta' Kondotta għandha tkun disponibbli għall-pubbliku;

22.  Jitlob reviżjoni tal-kriterji, il-governanza u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta permezz ta' strument vinkolanti mibni fuq l-arranġamenti intergovernattivi attwali u bi proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti; jemmen li r-reviżjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għandha titwettaq bl-użu ta' proċess demokratiku, trasparenti u responsabbli u tinvolvi grupp ta' esperti magħmul minn esperti mill-qasam tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u l-Parlament; jitlob li l-istrument rivedut jiġi applikat b'mod aktar trasparenti u effikaċi, u li jipprevedi parteċipazzjoni adegwata tal-Parlament fil-proċess tat-tfassil u l-adozzjoni ta' politiki u kriterji ġodda għall-ġlieda kontra l-prattiki dwar it-taxxa dannużi;

23.  Iqis li r-riforma tal-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta hija kwistjoni urġenti u li għandha tinkorpora, bħala l-ewwel pass, kriterju effettiv tar-rata tat-taxxa f'konformità ma' rata minima tat-taxxa effettiva miftiehma internazzjonalment fil-futur fil-qafas tal-Pilastru II tal-Qafas Inklużiv, u rekwiżiti ta' sustanza ekonomiċi robusti u progressivi, filwaqt li tippermetti kompetizzjoni ġusta, li huwa eżitu ideali possibbli ta' sforz ambizzjuż, xprunat l-aktar mill-Unjoni u mill-Istati Uniti bħala s-sieħeb l-aktar importanti tagħha;

24.  Iqis li firxa wiesgħa ta' fatturi ta' riskju potenzjali jistgħu potenzjalment jiffaċilitaw it-trasferiment tal-profitt, bħall-għadd ta' Entitajiet bi Skop Speċjali, ir-rilokazzjoni ta' assi intanġibbli u livelli għoljin ta' introjtu passiv (royalties, interessi, dividendi, eċċ.);

25.  Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni kif deskritta fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta' Rkupru li twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta biex tkopri aktar tipi ta' reġimi u aspetti ġenerali tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva; jirrakkomanda l-inklużjoni ta' reġimi preferenzjali tat-taxxa fuq l-introjtu personali, biex jiġu koperti skemi ta' ċittadinanza speċjali jew miżuri biex jiġu attirati individwi għonja u nomadi diġitali mobbli ħafna, li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti fis-suq uniku;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw "Qafas dwar Arranġamenti ta' Taxxa Aggressivi u Rati Baxxi" (FATAL) tul il-linji li ġejjin, u li jissostitwixxi l-Kodiċi ta' Kondotta attwali:

A.  Mingħajr preġudizzju għall-oqsma ta' kompetenza rispettivi tal-Istati Membri u tal-Unjoni, dan il-qafas jikkonċerna dawk il-miżuri li jaffettwaw, jew jistgħu jaffettwaw, b'mod sinifikanti, il-post tal-attività kummerċjali fl-Unjoni u r-rilokazzjoni tal-introjtu personali, il-kapital u l-ġid (reġimi ta' tassazzjoni individwali).

L-attività kummerċjali f'dan ir-rigward tinkludi wkoll l-attivitajiet kollha mwettqa fi grupp ta' kumpaniji.

Il-miżuri tat-taxxa koperti mill-qafas jinkludu kemm il-liġijiet kif ukoll ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi.

B.  Fil-kamp ta' applikazzjoni speċifikat fil-paragrafu A, miżuri tat-taxxa li jipprevedu livell effettiv ta' tassazzjoni sinifikament aktar baxx, inkluża tassazzjoni żero, minn dawk il-livelli li ġeneralment japplikaw fl-Istat Membru inkwistjoni jew taħt kwalunkwe livell minimu effettiv ta' taxxa miftiehem fil-Qafas Inklużiv dwar il-BEPS jew f'fora internazzjonali fejn l-UE hija rappreżentata, għandhom jitqiesu bħala potenzjalment dannużi u għalhekk koperti minn dan il-kodiċi (kriterju primarju).

Tali livell ta' tassazzjoni jista' jopera bis-saħħa tar-rata tat-taxxa nominali, u/jew il-bażi tat-taxxa jew kwalunkwe fattur rilevanti ieħor li jiddetermina r-rata tat-taxxa effettiva.

Meta jiġi vvalutat jekk tali miżuri humiex dannużi, għandu jitqies, fost l-oħrajn:

   1. jekk il-vantaġġi jingħataw biss lil nonresidenti jew fir-rigward ta' tranżazzjonijiet li jkunu twettqu ma' nonresidenti; jew
   2. jekk il-vantaġġi humiex delimitati mis-suq domestiku, biex b'hekk ma jaffettwawx il-bażi tat-taxxa nazzjonali; jew
   3. jekk il-vantaġġi jingħatawx anke mingħajr ebda attività ekonomika reali u preżenza ekonomika sostanzjali fl-Istat Membru li joffri tali vantaġġi tat-taxxa, kif definit mill-Kummissjoni Ewropea u abbażi ta' rekwiżit ta' sustanza proporzjonata li jevolvi progressivament hekk kif jiżdied l-introjtu rrapportat fl-Istat Membru kkonċernat. Se tingħata attenzjoni partikolari lir-reġimi tal-proprjetà intellettwali f'dan ir-rigward;
   4. jekk ir-regoli għad-determinazzjoni tal-profitti fir-rigward ta' attivitajiet fi grupp ta' kumpaniji multinazzjonali jmorrux lil hinn mill-prinċipji aċċettati fuq livell internazzjonali, b'mod partikolari r-regoli maqbula fl-OECD; jew
   5. jekk il-miżuri tat-taxxa humiex nieqsa minn trasparenza, inkluż meta d-dispożizzjonijiet ġuridiċi jkunu inqas stretti fil-livell amministrattiv b'mod mhux trasparenti.

C.  Fil-kamp ta' applikazzjoni speċifikat fil-paragrafu A, l-introjtu personali preferenzjali u r-reġimi tat-taxxa fuq il-kapital f'livell effettiv ta' tassazzjoni ferm aktar baxx b'mod sinifikanti, inkluża tassazzjoni żero, minn dawk il-livelli li ġeneralment japplikaw fl-Istat Membru inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala potenzjalment dannużi u għalhekk koperti minn dan il-kodiċi. Bl-istess mod, ir-reġimi ġenerali tat-taxxa fuq l-introjtu personali u fuq il-ġid li jwasslu għal distorsjoni tas-suq uniku jistgħu jiġu koperti mill-kamp ta' applikazzjoni u vvalutati.

Waqfien u żmuntar

Waqfien

D.  L-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li ma jintroduċux miżuri tat-taxxa ġodda li huma ta' ħsara fis-sens ta' dan il-qafas. L-Istati Membri se jirrispettaw il-prinċipji sottostanti għall-qafas meta jiddeterminaw il-politika futura u se jqisu kif xieraq il-proċess ta' rieżami msemmi fil-paragrafi E sa I fil-valutazzjoni ta' jekk miżura ġdida tat-taxxa hijiex dannuża.

Żmuntar

E.  L-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jeżaminaw mill-ġdid il-liġijiet eżistenti u l-prattiki stabbiliti tagħhom, filwaqt li jqisu l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-qafas u l-proċess ta' rieżami deskritt fil-paragrafi E sa I. L-Istati Membri se jemendaw tali liġijiet u prattiki kif meħtieġ bil-ħsieb li jeliminaw kwalunkwe miżura dannuża mill-aktar fis possibbli filwaqt li jqisu d-diskussjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni wara l-proċess ta' rieżami.

Proċess ta' rieżami

Għoti ta' informazzjoni rilevanti

F.  Skont il-prinċipji tat-trasparenza u l-ftuħ, l-Istati Membri se jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar miżuri tat-taxxa eżistenti u proposti li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas. B'mod partikolari, l-Istati Membri huma mitluba jipprovdu fuq talba ta' Stat Membru ieħor informazzjoni dwar kwalunkwe miżura tat-taxxa li tidher li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas. Meta l-miżuri tat-taxxa previsti jeħtieġu approvazzjoni parlamentari, tali informazzjoni ma għandhiex għalfejn tingħata qabel it-tħabbira tagħhom lill-Parlament. Ir-reġimi li se jiġu evalwati taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas għandhom jiġu nnotifikati għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Valutazzjoni tal-miżuri dannużi

G.  Kwalunkwe Stat Membru jista' jitlob l-opportunità li jiddiskuti u jikkummenta dwar miżura tat-taxxa ta' Stat Membru ieħor li tista' taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas. Dan jippermetti li ssir valutazzjoni dwar jekk il-miżuri tat-taxxa inkwistjoni humiex dannużi, fid-dawl tal-effetti li jista' jkollhom fl-Unjoni. Dik il-valutazzjoni se tqis il-fatturi kollha identifikati fil-paragrafi B u C.

H.  Il-Kunsill jenfasizza wkoll il-ħtieġa li f'dik il-valutazzjoni jiġu evalwati bir-reqqa l-effetti li l-miżuri tat-taxxa għandhom fuq Stati Membri oħra, fost l-oħrajn, fid-dawl ta' kif l-attivitajiet ikkonċernati huma effettivament intaxxati madwar l-Unjoni kollha.

Sa fejn il-miżuri tat-taxxa jintużaw biex jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku ta' reġjuni partikolari, se ssir valutazzjoni ta' jekk il-miżuri humiex proporzjonati mal-għanijiet imfittxija, u mmirati lejhom. Fil-valutazzjoni ta' dan, se tingħata attenzjoni partikolari lill-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi u tal-gżejjer żgħar, mingħajr ma jiġu mminati l-integrità u l-koerenza tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni, inklużi s-suq intern u l-politiki komuni. Tali valutazzjoni tqis ir-rekwiżiti minimi progressivi ta' preżenza ekonomika sostanzjali kif definiti fil-paragrafu B.

Proċedura

I.  Il-Kunsill u l-Kummissjoni se jistabbilixxu b'mod konġunt grupp biex jivvaluta l-miżuri tat-taxxa li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-qafas u jissorvelja l-forniment ta' informazzjoni dwar dawk il-miżuri. Il-Kunsill jistieden lil kull Stat Membru u lill-Kummissjoni jaħtru rappreżentant ta' livell għoli u viċi rappreżentant għal dan il-grupp, li se jkun ippresedut minn rappreżentant ta' Stat Membru. Il-grupp, li se jiltaqa' regolarment, se jagħżel u jirrieżamina l-miżuri tat-taxxa għall-valutazzjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi E sa G. Il-grupp se jirrapporta regolarment dwar il-miżuri vvalutati. Dawn ir-rapporti se jintbagħtu lill-Kunsill għal deliberazzjoni u, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, jiġu ppubblikati. Id-dokumenti għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament fuq talba u jiġu żvelati ladarba l-proċess ta' evalwazzjoni jintemm.

Infurzar

J.  L-Istati Membri huma intitolati li jimplimentaw kontromiżuri li jnaqqsu l-inċentivi għall-evitar tat-taxxa jekk Stat Membru jonqos milli jwettaq żmuntar ta' reġim li jkun ġie vvalutat bħala dannuż fil-kuntest ta' dan il-qafas fi żmien sentejn, u b'mod partikolari:

   (a) il-fatt li l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jitnaqqsu;
   (b) miżuri ta' taxxa minn ras il-għajn;
   (c) eżenzjoni mil-limitazzjoni ta' parteċipazzjoni;
   (d) rekwiżiti ta' dokumentazzjoni speċjali, speċjalment fir-rigward tal-ipprezzar ta' trasferiment;

Estensjoni ġeografika

K.  Il-Kunsill iqis li huwa rakkomandabbli li l-prinċipji li għandhom l-għan li jabolixxu miżuri tat-taxxa dannużi għandhom jiġu adottati fuq bażi ġeografika wiesgħa kemm jista' jkun. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-adozzjoni tagħhom f'pajjiżi terzi; huma jimpenjaw ruħhom ukoll li jippromwovu l-adozzjoni tagħhom f'territorji li għalihom ma japplikax it-Trattat. F'dan il-kuntest, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiddependu minn kriterji dwar it-trasparenza tat-taxxa, it-tassazzjoni ġusta u l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-BEPS biex tiġi stabbilita lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx. Il-kriterji ta' tassazzjoni ġusta għandhom ikunu bbażati fuq fatturi identifikati fil-paragrafi B u C ta' dan il-qafas.

L.  L-Istati Membri b'territorji dipendenti jew assoċjati, jew li għandhom responsabbiltajiet speċjali jew prerogattivi ta' tassazzjoni fir-rigward ta' territorji oħra, jimpenjaw ruħhom, fil-qafas tal-arranġamenti kostituzzjonali tagħhom, li jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu applikati f'dawk it-territorji. F'dan ir-rigward, dawk l-Istati Membri se jieħdu kont tas-sitwazzjoni fil-forma ta' rapporti lill-grupp imsemmi fil-paragrafu H, li se jivvalutahom skont il-proċedura ta' reviżjoni deskritta hawn fuq.

Monitoraġġ u reviżjoni

M.  Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi u effettiva tal-qafas, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lura kull sena dwar l-implimentazzjoni tiegħu u dwar l-applikazzjoni tal-għajnuna fiskali mill-Istat. Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Il-Kunsill u l-Istati Membri se jirrieżaminaw id-dispożizzjonijiet tal-qafas sentejn wara l-adozzjoni tiegħu;

27.  Jilqa' l-iskambju ta' fehmiet ma' Lyudmila Petkova, President tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, fid-19 ta' April 2021; jistieden lill-President tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tidher/jidher mill-inqas darba fis-sena quddiem il-Parlament fi smigħ pubbliku u tippreżenta/jippreżenta r-rapport ta' progress lill-Kunsill;

28.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapporti biennali tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta lill-Kunsill; jemmen li għandha tinħoloq għodda online dedikata biex jiġi evitat li jkun hemm dipendenza biss mill-konklużjonijiet tal-Kunsill biex tinkiseb informazzjoni essenzjali dwar il-politika tat-taxxa fil-livell tal-UE; japprezza l-isforzi li saru biex jinħarġu d-dokumenti u l-ħidma relatati mal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; jitlob li l-informazzjoni pubblika ssir disponibbli fuq pjattaforma li tkun faċli għall-utent biex jużaha;

29.  Jitlob lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jistieden lill-Membri tal-Parlament Ewropew għad-diskussjonijiet tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta bħala osservaturi; iħeġġeġ lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta biex jagħmel streaming pubbliku ta' wħud mil-laqgħat tiegħu meta dawn ma jkunux jeħtieġu deliberazzjonijiet kunfidenzjali;

o
o   o

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) L-Anness I tal-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tal-1 ta' Diċembru 1997 dwar il-politika tat-tassazzjoni – Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, laqgħa fi ħdan il-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 1997 rigward il-kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi, (ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2).
(2) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/08/ecofin-conclusions-code-conduct-business-taxation/
(3) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6004-2021-INIT/en/pdf
(4) ĠU C 331, 7.10.2020, p. 3 u ĠU C 66, 26.2.2021, p. 40.
(5) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 182.
(6) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 152.
(7) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.
(8) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 79.
(9) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 8.
(10) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 74.
(11) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.
(12) Testi adottati, P9_TA(2021)0022.
(13) Is-segwitu konġunt għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji) li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa korporattiva fi ħdan l-Unjoni u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili (TAXE 1)) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, adottat mill-Kummissjoni fis-16 ta' Marzu 2016; is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili (TAX2)) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, adottat mill-Kummissjoni fis-16 ta' Novembru 2016; is-segwitu għar-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew (Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (PANA)) tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, adottat mill-Kummissjoni f'April 2018; u s-segwitu tas-27 ta' Awwissu 2019 għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3)) dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa.
(14) Dokumenti dwar it-Tassazzjoni, Dokument ta' Ħidma Nru 64, 31 ta' Awwissu 2016, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/taxation_customs/system/files/2016-11/taxation_paper_64.pdf
(15) Dokumenti dwar it-Tassazzjoni, Dokument ta' Ħidma Nru 71, Istitut għall-Istudji Avvanzati f'konsorzju ma' CPB u DONDENA, 2017, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/taxation_customs/system/files/2018-03/taxation_papers_71_atp_.pdf
(16) Kiendal Krišto, I. u Thirion, E., An overview of shell companies in the European Union (Ħarsa ġenerali lejn il-kumpaniji fittizji fl-Unjoni Ewropea), il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, l-Unità tal-Evalwazzjoni Ex Post u l-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew, 17 ta' Ottubru 2018, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/155724/EPRS_STUD_627129_Shell%20companies%20in%20the%20EU.pdf
(17) https://www.un.org/pga/75/wp-content/uploads/sites/100/2021/02/FACTI_Panel_Report-compressed.pdf
(18) https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12999-L-evitar-tat-taxxa-il-glieda-kontra-l-uzu-ta%E2%80%99-entitajiet-u-arrangamenti-fittizji-g%C4%A7al-finijiet-ta%E2%80%99-taxxa_mt
(19) Crivelli, E., De Mooij, R., De Vrijer, J.E.J., Hebous, S., Klemm, A., Taxing Multinationals in Europe (It-Taxxa tal-Kumpaniji Multinazzjonali fl-Ewropa), 2021 (https://www.imf.org/en/Publications/Departmental-Papers-Policy-Papers/Issues/2021/05/25/Taxing-Multinationals-in-Europe-50129)
(20) ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1.
(21) ĠU L 144, 7.6.2017, p. 1.
(22) ĠU L 157, 26.6.2003, p. 49.
(23) ĠU L 345, 29.12.2011, p. 8.
(24) ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.
(25) ĠU L 332, 18.12.2015, p. 1.
(26) ĠU L 146, 3.6.2016, p. 8.
(27) ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1.
(28) Annual Report on Taxation 2021 - Review of taxation policies in the EU Member States (Rapport Annwali dwar it-Tassazzjoni 2021 - Rieżami tal-politiki tat-tassazzjoni fl-Istati Membri tal-UE) (https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/db46de2a-b785-11eb-8aca-01aa75ed71a1).
(29) OECD (2015), Countering Harmful Tax Practices More Effectively, Taking into Account Transparency and Substance, Action 5 - 2015 Final Report (Il-Ġlieda Kontra Prattiki Dwar it-Taxxa Dannużi b'Mod Aktar Effettiv, B'Kunsiderazzjoni tat-Trasparenza u s-Sustanza, Azzjoni 5 - 2015 Rapport Finali), Proġett OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti, Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi http://dx.doi.org/10.1787/9789264241190-en
(30) Ir-rapport tal-FMI, Taxing Multinationals in Europe (It-Taxxa fuq il-Kumpaniji Multinazzjonali fl-Ewropa), 2021: https://www.imf.org/en/Publications/Departmental-Papers-Policy-Papers/Issues/2021/05/25/Taxing-Multinationals-in-Europe-50129
(31) Disponibbli fuq: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/0044caf0-58ff-4be6-bc06-be2af6610870
(32) Tørsløv, T., Wier, L., u Zucman, G., The Missing Profits of Nations (Il-Profitti Nieqsa tan-Nazzjonijiet), Dokument ta' Ħidma, April 2020, disponibbli minn https://missingprofits.world/
(33) FMI, op.cit. 2021.
(34) Is-Samoa Amerikana; Anguilla; Dominica; Fiġi; Guam; Palau; Panama; Samoa; Trinidad u Tobago; il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti; Vanuatu; is-Seychelles.
(35) Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport Annwali dwar it-Tassazzjoni 2021
(36) https://www.oecd.org/tax/beps/
(37) Drover, R., Ferrett, B., Gravino, D., Jones, E. u Merler, S. , Bringing transparency, coordination and convergence to corporate tax policies in the European Union (Inġibu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki tat-taxxa korporattiva fl-Unjoni Ewropea), il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka Parlamentari, l-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew, 24 ta' Novembru 2015. Disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/558773/EPRS_STU(2015)558773_EN.pdf
(38) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(39) COM(2020)0313.
(40) Proġett dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti tal-OECD/G20, Tax Challenges Arising from Digitalisation – Report on Pillar One Blueprint: Inclusive Framework on BEPS (Sfidi tat-Taxxa li Jirriżultaw mid-Diġitalizzazzjoni – Rapport dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Ewwel Pilastru: Qafas Inklużiv dwar il-BEPS), Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi, 2020, p. 12. Disponibbli fuq: https://www.oecd.org/tax/beps/tax-challenges-arising-from-digitalisation-report-on-pillar-two-blueprint.pdf
(41) Baert, P., Lange. F., Watson, J., The Role of Taxes on Investment to Increase Jobs in the EU – An Assessment of Recent Policy Developments in the Field of Corporate Taxes (Ir-Rwol tat-Taxxi fuq l-Investiment biex Jiżdiedu l-Impjiegi fl-UE – Valutazzjoni tal-Iżviluppi tal-Politika Reċenti fil-Qasam tat-Taxxi Korporattivi), Mejju 2019.
(42) COM(2020)0313.
(43) https://www.elibrary.imf.org/view/journals/087/2021/012/article-A001-en.xml
(44) Skambju ta' fehmiet tas-Sottokumitat għall-Kwistjonijiet tat-taxxa (FISC) ma' Lyudmila Petkova, President tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, li sar fid-19 ta' April 2021.
(45) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9639-2018-REV-4/en/pdf

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Diċembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza